– wara li kkunsidra l-Artikolu 149 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni li tkabbar id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni li l-Kunsill Ewropew u l-Ministri ta' l-Edukazzjoni li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill adottaw fl-24 ta' Mejju 1988,
– wara li kkunsidra l-'Green Paper' dwar id-dimensjoni Ewropea ta' l-edukazzjoni (COM(1993)0457),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna "Strateġija Ġdida ta' Qafas għall-Multilingwiżmu" (COM(2005)0596),
– wara li kkunsidra r-rapport interim konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dettaljat dwar is-segwitu ta' l-objettivi tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa "Edukazzjoni u Taħriġ 2010" Is-suċċess ta' l-istrateġija ta' Liżbona jiddependi fuq riformi urġenti (EDUC 43, Dok. 6905/04),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0267/2006),
A. billi d-dimensjoni Ewropea saret, f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, aspett dejjem iżjed importanti ta' l-edukazzjoni, speċjalment fil-kurrikula nazzjonali ta' l-iskejjel,
B. billi l-Parlament Ewropew huwa diġà involut f'dan il-qasam, b'mod partikolari bis-seduta ta' smigħ dwar "Id-Dimensjoni Ewropea fit-Tagħlim ta' l-Istorja" tas-7 ta' April 2004,
C. billi diġà ttieħdu nizjattivi minn awtoritajiet nazzjonali fi Stati Membri bħall-Awstrija, il-Ġermanja, il-Portugall, l-Olanda, ir-Renju Unit, l-Islovenja u Spanja dwar is-suġġett ta' post l-Ewropa fl-edukazzjoni, u billi ttieħdu bosta inizzjattivi f'dan il-qasam minn organizzazzjonijiet mhux governattivi,
D. billi l-aspett lingwistiku jidher li huwa fundamentali fit-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea, bil-ħila fil-lingwi barranin bħala parti mis-sett bażiku ta' ħiliet ta' ċittadin Ewropew tipiku li jgħix, jistudja, jaħdem u ġeneralment idur fl-Unjoni Ewropea,
E. billi jeżistu disparitajiet bejn l-Istati Membri fejn għandha x'taqsam l-inklużjoni tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni,
F. billi għandha titqies l-importanza tal-programmi tal-COMENIUS u tal-LINGUA f'dan ir-rigward,
G. billi l-informazzjoni dwar l-Ewropa li hija mogħtija lill-istudenti fil-livelli kollha u lill-għalliema tvarja bil-kbir minn pajjiż għall-ieħor, u billi għandhom isiru sforzi biex ikun hemm ftehim dwar għarfien komuni ta' l-istorja u d-defininizzjoni tal-valuri Ewropej,
H. billi l-ostakoli ewlenin jinkludu skala li għadha limitata ta' inizjattivi u programmi transkonfinali, nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-inizjattivi, nuqqas ta' viżibilità u aċċessibilità, kif ukoll għodda inadegwata jew mhux xierqa għat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet,
I. billi hemm bosta ostakoli u diffikultajiet li l-għalliema jiffaċċjaw sabiex jimplimentaw id-dimensjoni Ewropea fil-lezzjonijiet tagħhom inkluż in-nuqqas ta' materjal informattiv u edukattiv li huwa aġġornat u ta' kwalita għolja dwar l-Unjoni Ewropea disponibbli fil-lingwi kollha ta' l-UE, u billi l-Unjoni Ewropea għandha tassistihom f'din il-ħidma,
1. Jikkunsidra li s-sistemi kollha ta' l-edukazzjoni għandhom jiżguraw li l-istudenti tagħhom ikollhom, sa tmiem l-edukazzjoni sekondarja tagħhom, l-għarfien u l-kompetenzi li jkollhom bżonn, kif definit mill-awtoritajiet edukattivi rispettivi tagħhom, biex iħejjuhom għall-irwoli tagħhom bħala ċittadini u membri futuri ta' l-Unjoni Ewropea;
2. Jisħaq l-importanza li tinstab definizzjoni iżjed ċara u uniformi tat-tifsira, tas-sustanza u tal-kamp ta' applikazzjoni tad-"dimensjoni Ewropea" madwar l-Istati Membri;
3. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u l-Ministri ta' l-Edukazzjoni biex jaġġornaw ir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, stabbilita fl-24 ta' Mejju 1988, dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, b'mod partikulari billi jitqies t-tkabbir ta' l-UE li seħħ sa minn dak iż-żmien;
4. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jirrikonoxxi ż-żewġ aspetti differenti tad-dimensjoni Ewropea - l-ewwel l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-UE: l-istituzzjonijiet, il-metodi, il-prattiki u l-inizjattivi tagħha, u t-tieni l-għarfien ta' l-istorja komuni u tal-wirt kulturali ta' l-Ewropa, l-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi, u l-komprensjoni ta' l-avvenimenti preżenti Ewropej, li lkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-kurrikula nazzjonali;
5. Jenfasizza l-importanza ta' l-użu ta' riżorsi edukattivi ta' multi-midja u fuq l-Internet bħala metodi ta' tagħlim biex id-dimensjoni Ewropea tkun introdotta fil-kurrikula ta' l-iskola; b'dan it-tir, jirrakkomanda pereżempju t-twaqqif ta' servizz multilingwu bl-Internet li jippreżenta l-aħjar prattika, li jipprovdi assistenza edukattiva u li jservi ta' pjattaforma għall-iskambu ta' esperjenza;
6. Jinsisti dwar il-bżonn għal titjib kontinwu fid-disponibilta għal tagħlim ta' lingwi pereżemju fi ħdan is-sezzjoni tal-COMENIUS tal-programm ta' tagħlim ta' tul il-ħajja; Barra minn hekk, jirrikonoxxi li hija diffiċli f'ċertu Stati Membri, partikularment għal dawk li l-lingwa materna tagħhom hija l-Ingliż, biex iżommu interess u motivazzjoni suffiċjenti sabiex isiru profiċjenti f'lingwi Ewropej oħra, b'hekk isaħħu l-livell ta' ftehim u empatija ta' xulxin madwar l-Ewropa; f'dan ir-rigward huwa speċjalment importanti li wieħed jitgħallem il-lingwi tal-popli ġirien tiegħu;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tixrid tal-multilingwiżmu b'politika ta' tagħlim ta' medda usa' ta' lingwi minn dawk li huma mgħallma llum, u biex jistabbilixxu t-tagħlim ta' mill-inqas żewġ lingwi barranin minn eta żgħira fil-kurrkikula ta' l-iskola;
8. Jissuġġerixxi analiżi ta' fejn l-Aġenda ta' Liżbona s'issa falliet biex tipproduċi r-riżultati intenzjonati f'din il-kwistjoni u l-produzzjoni ta' lista ta' miżuri meqjusa essenzjali għall-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex jimplimentaw it-titjibiet ekonomiċi miftiehma jekk dawn iridu jseħħu;
9. Jirrakkomanda skambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri kollha rigward it-tagħlim tal-lingwa u l-inklużjoni tal-kontenut Ewropew fl-edukazzjoni, biex jiżgura li l-inizjattivi preżenti, inklużi dawk stabbiliti qabel l-2004 huma mxerrda madwar l-Istati Membri kollha ta ' l-UE;
10. Jipproponi li bħala aspett importanti biex jiġi żgurat is-suċċess ta' l-aħħar tkabbir ta' l-UE, informazzjoni adegwata, proġetti, skambji ta' studenti u għalliema għandhom jiġu miftiehma bejn l-għaxar Stati Membri l-ġodda u l-ħmistax-il Stat Membru li ilhom iżjed;
11. Jitlob lill-Kunsill biex jikkunsidra jekk riżorsi għat-tagħlim utli u relevanti bħal "European School net", kooperazzjoni u innovazzjoni tat-tagħlim u għodda bħal "Europe at School" jirrikjedux appoġġ b'riżorsi addizzjonali u jekk l-għalliema humiex gwidati b'mod suffiċjenti dwar kif jaċċessaw l-informazzjoni relevanti sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni;
12. Jissuġġerixxi l-promozzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ ta' l-għalliema li jipprovdu l-komprensjoni neċessarja ta' kwistjonijiet Ewropej lill-apprentisti sabiex ikunu jistgħu jikkomplementaw it-tagħlim tagħhom dwar kuxjenza nazzjonali u lokali bid-dimensjoni Ewropea;
13. Jenfasizza li d-dimensjoni Ewropea tikkomplementa l-kontenut nazzjonali, iżda li ma tiħodlux postu jew tissosstitwih;
14. Jisħaq il-bżonn li dokumenti eżistenti jiġu aġġornati, b'mod partikolari, il-biblijografija tematika li ma tispiċċa qatt ta' l-1996, Eurydice;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
Bil-għan ewlieni li jsaħħaħ sens ta' għarfien Ewropew fiż-żgħażagħ u jagħmel jiċċaralhom il-valur taċ-ċiviltà Ewropea, id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni fil-fatt qed tintuża iżjed u iżjed mill-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill ta' l-Ewropa biex turi ftit mill-politika u inizjattivi edukattivi tagħhom.
Illum hawn appoġġ kbir għal dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni u għalhekk hawn varjetà u rikkezza ta' riżorsi disponibbli. Din tidher l-iżjed f'suġġetti bħall-istorja, il-ġeografija, l-istudji umanistiċi, l-ekonomija u l-lingwi barranin.
Riżoluzzjonijiet varji qed jiġu adottati jew ġew adottati ma' l-Ewropa kollha bħala parti minn inizjattivi lokali, nazzjonali u internazzjonali biex jiżdied il-kunċett tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni.
Iżjed importanti minn dan, l-aspett lingwistiku jidher li huwa fundamentali biex jissaħħaħ dan il-kunċett kif turi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija ta’ Qafas Ġdida għall-Multilingwiżmu" (COM(2005)0596). Profiċjenza fil-lingwi barranin għandha tkun f'dan ir-rigward l-iżjed eżempju viżibbli u żviluppat tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni.
L-isfida hija għalhekk li jiġu prodotti inizjattivi kapaċi li jutilizzaw u jorganizzaw din l-informazzjoni b'tali mod li ssir disponibbli għal kull tifel u tifla, f'kull skola madwar l-Ewropa.
Qafas regolatorju
L-Artikolu149 tat-Trattat KE jiddetermina l-bażi ta' l-inizjattivi adottati biex jappoġġjaw u jżidu x-xogħol ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-edukazzjoni. Dan l-artikolu jiddikjara espressament li fost l-inizjattivi varji adottati, il-Komunità Ewropea fil-futur trid, filwaqt li tirrispetta l-awtorità ta' l-Istati Membri, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' "Id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni b'mod partikulari permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri".
Sa minn Maastricht, azzjonijiet oħra saħħew l-irwol tad-dimensjoni Ewropea, bħal COMENIUS, li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tat-tagħlim u jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, b'mod partikulari billi jsaħħaħ kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-iskejjel jew bħal-LINGUA.
Id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni llum
Inizjattivi ta' l-Istati Membri
L-informazzjoni disponibbli f'kull Stat Membru tvarja kemm fil-kontenut kif ukoll fil-kwalità. Filwaqt li ċertu pajjiżi ppreżentaw numru kbir ta' illustrazzjonijiet u spjegazzjonijiet, oħrajn bil-kemm messew mas-suġġett tad-dimensjoni Ewropea fis-sistema edukattiva tagħhom. Il-biblijografija tematika li ma tispiċċa qatt u li ġiet ippubblikata fl-1996 minn tim tan-netwerk Eurydice, tipprovdi ħarsa ġenerali inizjali ta' l-inizjattivi pedagoġiċi mnieda madwar l-Ewropa kollha biex jitħeġġeġ approċċ iżjed Ewropew fl-iskejjel.
Għal ħafna għexieren ta' snin, u b'mod partikolari sa mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea, l-Ewropa saret iżjed u iżjed fattur prominenti fil-kurrikula nazzjonali. F'ċertu pajjiżi bħall-Awstrija, Spanja, il-Portugall jew is-Slovenja, il-pożizzjoni tad-dimensjoni Ewropea fis-sistema edukattiva ta' pajjiż hija stabbilita sew, u tista' tieħu l-forma ta' obbligu jew rekwiżit fundamentali.
Fil-Belġju u l-Olanda, dipartimenti inkarigati mill-edukazzjoni jabbozzaw ukoll dokumenti speċjali għall-għalliema, għall-istudenti jew għall-pubbliku ġenerali bil-għan li titrawwem kuxjenza dejjem akbar dwar l-internazzjonalizzazzjoni tat-tagħlim u l-benefiċċji varji inerenti fl-istudju tal-lingwi barranin u l-iskambju fl-iskejjel. Fl-istess ħin, dawn il-pubblikazzjonijiet joffru wkoll liċ-ċittadini informazzjoni dwar ċertu deċiżjonijiet meħuda f'livell Ewropew u l-implikazzjonijiet tagħhom għal suġġetti mgħallma fl-iskejjel.
Fil-Portugall, f'kuntest ferm iżjed formattiv, azzjonijiet bil-għan li jsaħħu d-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni tqiegħdu flimkien f'pakkett ġenerali msemmi "Programm għad-Dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni", imniedi fl-1989 mill-unitajiet nazzjonali ta' l-appoġġ.
Inizjattivi Ewropej ewlenin
Fil-livell Ewropew, inizjattivi fuq skala kbira għenu wkoll biex jisħqu fuq l-importanza li tinżamm id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni fost l-Istati Membri kollha. L-inizjattivi ewlenin f'dan ir-rigward huma 'European Schoolnet", li tinkludi portal edukattiv multilingwistiku Ewropew għat-tagħlim, għall-kooperazzjoni u l-innovazzjoni u l-għodod bħal 'eSchoolnet' jew il-‘European Treasury Browser’, jew 'l-Ewropa fl-Iskola', inizjattiva transnazzjonali u interkulturali bil-għan li tħeġġeġ il-kuxjenza dwar l-Ewropa kemm fost l-istaff ta' l-għalliema, kif ukoll fost l-istudenti fil-livelli edukattivi kollha.
Id-dimensjoni Ewropea fil-kurrikula nazzjonali fl-iskejjel
Ir-referenza għad-dimensjoni Ewropea fil-kurrikula nazzjonali fl-iskejjel fl-Ewropa huma dipendenti b'mod ċar fuq l-istrutturi individwali. Madankollu jidher li tliet suġġetti ewlenin joffru status ikbar lid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni: il-ġeografija, l-istorja u l-lingwi barranin. Hija wkoll preżenti f'ħafna lezzjonijiet oħra bħall-edukazzjoni ċivika u lezzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza, il-mużika jew l-arti.
Għodda għat-tagħlim
Kontenut edukattiv u metodi tat-tagħlim ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Ċertu għalliema jużaw il-materjal fornut lilhom filwaqt li oħrajn jagħżlu li jużaw ir-riżorsi tagħhom stess. Ġurnali u rivisti speċjalizzati disponibbli permezz ta' sottoskrizzjoni jew distribwiti mill-awtoritajiet huma l-parti l-kbira tal-materjal użat. Minn issa 'l quddiem, websajts li jkunu faċli biex tużahom u aċċessibbli għandhom irwol simili u dejjem akbar. F'ċertu Stati Membri , bħall-Belġju, l-eżekuttivi nazzjonali jżommu lill-għalliema tagħhom kemm jista' jkun infurmati u mgħammra via l-"Vademecum" tagħhom, meta pubblikazzjonijiet Ewropej jiġu maħruġa jew meta jiġu ppubblikati ġurnali li jkopru aspetti li jgħinu biex itejbu l-mod kif inhi inkorporata d-dimensjoni Ewropea fil-lezzjonijiet jew il-kurrikula fl-Ewropa.
Pakketti speċjali li fihom kotba ta' testi, "brochures", vidjows jew CD-ROM huma wkoll prodotti mill-awtoritajiet u mqassma lill-għalliema u lill-istudenti tagħhom. F'Malta, per eżempju, pakkett bħal dan magħruf bħala "In search of Europe" huwa użat għall-istudji Ewropej.
Inizjattivi bħal dawn jeżistu imma l-impatt u l-effiċjenza tagħhom jiddependu mill-iskejjel, mill-baġit u mit-teknoloġiji ta' l-informatika l-ġodda disponibbli.
L-irwol ta' l-UE huwa għalhekk f'dan ir-rigward sinjifikanti.
Limiti u ostakoli
Il-kunċett tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni jibqa' pjuttost vag, u għandu bżonn ikun iżjed identifikabbli b'mod ċar sabiex jiġi implimentat b'mod konkret u effiċjenti fl-għodda tat-tagħlim ta' l-Istati Membri ta' l-UE. Għalkemm ħafna lezzjonijiet huma intenzjonati li jevokaw id-dimensjoni Ewropea, huma mhux dejjem ikollhom ir-riżultat mixtieq.
Id-dimensjoni Ewropea toħloq mistoqsijiet kruċjali għas-sistemi kurrikulari ta' l-Ewropa. Kif jistgħu l-kurrikula nazzjonali ta' l-iskejjel jippromwovu għarfien kemm nazzjonali u Ewropej? Kif tista' l-UE, filwaqt li tirrispetta l-kompetenza ta' l-Istati Membri fl-edukazzjoni, tikkomplementa l-kurrikula nazzjonali ta' l-iskejjel, speċjalment għat-titjib ta' l-għodod tat-tagħlim disponibbli għall-għalliema sabiex jissaħħaħ il-kunċett tad-dimensjoni Ewropea? Ċertu ostakoli u diffikultajiet li l-għalliema qed jiffaċċjaw preżentament huma uniċi għal pajjiżi partikolari, filwaqt li oħrajn huma marbutin mal-bżonn għal koordinazzjoni. F'ħafna pajjiżi, l-għalliema mhux dejjem ikollhom il-ħiliet neċessarji kollha u r-riżorsi finanzjarji tagħhom huma xi kultant ta' livell baxx.
L-ostakoli ewlenin jinkludu nuqqas ta' koordinazzjoni bejn inizjattivi, nuqqas ta' viżibilità u aċċessibilità, kif ukoll għodod mhux adegwati u xierqa biex bihom isiru dawn il-ħidmiet.
Suġġerimenti u miżuri rakkomandati
- L-iffaċilitar ta' l-approċċ għad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, l-għajnuna għall-għalliema dwar kif jinkorporaw id-dimensjoni Ewropea b'mod effiċjenti fil-lezzjonijiet tagħhom.
- L-aħjar użu ta' l-impatt ta' l-inizjattivi Ewropej billi jitħeġġu l-viżibilità, il-komplimentarjetà u l-koordinazzjoni ta' inizjattivi sabiex jiġi enfasizzat kwalunkwe difett u jitranġa kif suppost u biex jitjiebu r-riżorsi tat-tagħlim konvenzjonali li diġà għenu biex isaħħu d-dimensjoni Ewropea fil-kurrikula nazzjonali.
- L-għoti ta' aċċess universali għal informazzjoni dwar id-dimensjoni Ewropea li jiżgura l-aċċess aħjar għal kulħadd, u b'mod speċjali għall-għalliema, rigward kwalunkwe informazzjoni li tista' tikkonċernahom u li tħeġġeġ skambju ta' l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri kollha. Huwa partikolarment importanti li tiġi inkluża kuxjenza tal-kwistjonijiet ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-programmi edukattivi nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' qabel l-2004 biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' informazzjoni matul id-deċennji tad-diviżjoni ta' l-Ewropa ta' wara l-gwerra.
PROĊEDURA
Titolu
Inizjattivi biex jiġu kkumplimentati l-kurrikula ta' l-iskejjel li jipprovdu miżuri għal appoġġ xierqa biex tiġi inkluża d-Dimensjoni Ewropea
Kumitat responsabbli Awtorizzazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja
CULT 16.2.2006
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni
Tisħiħ tal-koperazzjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Rapporteur(s) Data tal-ħatra
Christopher Beazley 3.10.2005
Rapporteur(s)
Eżami fil-kumitat
20.6.2006
12.7.2006
Data ta' l-adozzjoni
28.8.2006
Riżultat tal-votazzjoni finali
+
-
0
24
1
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Maria Badia I Cutchet, Christopher Beazley, Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Hanna Foltyn-Kubicka, Milan Gaľa, Claire Gibault, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Nikolaos Sifunakis, Helga Trüpel, Henri Weber, Thomas Wise