– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar dokument ta' strateġija 2005 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2006 Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006-2007 li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda" (COM(2006)0649),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta' tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-perjodu 2006-2007(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar aspetti istituzzjonali tal-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tintegra Stati Membri ġodda(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2006: 'Tkabbir, Sentejn Wara - Suċċess Ekonomiku' (COM(2006)0200),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(4),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-3 ta' Ottubru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mal-Kroazja(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15-17 ta' Ġunju 2006(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(7),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda(8),
– wara li kkunsidra t-Tielet rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali tat-18 ta' Frar 2004 (COM(2004)0107),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku w l-Impjiegi u r-Riforma tal-politika Ewropea ta' koeżjoni: ir-Raba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni (COM(2006)0281),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1993 f'Kopenhagen, tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2004 u ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat UE u l-Artikolu 158 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0087/2007),
A. billi, skond l-Artikolu 2 tat-Trattat UE, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali hija għan importanti ta' l-Unjoni Ewropea u tipprovdi ċ-ċittadini b'sinjal viżibbli ta' solidarjetà Ewropea,
B. billi l-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea gawdiet suċċessi konsiderevoli fil-kisba ta' għanijiet ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, kif juri b'mod partikolari r-Raba' Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni,
C. billi t-tkabbir ta' l-UE fil-passat ikkontribwixxa biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, l-istabilità, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll l-iżvilupp u l-prosperità fl-Unjoni kollha kemm hi, benefiċċji li għenu lill-UE ssir ekonomija aktar kompetittiva u dinamika u li għalhekk jridu jiġi kkunsidrati meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar tbabbir futur,
D. billi, madanakollu, jridu jsiru aktar sforzi sabiex tintlaħaq il-konverġenza tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, peress li l-punt ta' tluq ekonomiku tagħhom kien aktar baxx minn dak tal-fażijiet ta' tkabbir preċedenti, filwaqt li fl-istess ħin kellha sseħħ bidla radikali fis-sistemi politiċi u ekonomiċi tagħhom,
E. billi l-effetti tal-globalizzazzjoni jtaqqlu l-proċess ta' konverġenza u jikkawżaw ukoll problemi ta' lokazzjoni għal negozjiġodda fl-Unjoni kollha,
F. billi, bħala riżultat ta' tkabbir futur, l-UE trid tindirizza tliet sfidi kbar fil-politika ta' koeżjoni, li huma id-differenzi fl-iżvilupp li dejjem jikbru, l-ispostament lejn il-lvant taċ-ċentru tal-gravità tal-politika ta' koeżjoni, u l-inugwaljanza li qed tippersisti fost l-UE-15,
G. billi l-pressjoni fuq il-baġits tal-gvern, billi ħafna Stati Membri qed jiksru l-kriterji ta' stabilità u billi t-tendenzi demografiċi qed iżidu piż addizzjonali fuq il-baġits u jdgħajfu t-tkabbir,
H. billi l-UE għandha tibqa' komunità miftuħa u l-kwistjonijiet ta' politika strutturali ma jistgħux ikunu ta' xkiel għat-tkabbir futur, sakemm riformi neċessarji jiggarantixxu l-kapaċità ta' integrazzjoni,
I. billi minn Ottubru 2005 il-Komunità qed ikollha negozjati ta' adeżjoni miftuħa mat-Turkija u l-Kroazja, u f'Diċembru 2005 l-Kunsill Ewropew ta lill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja status ta' kandidat; billi l-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnija-Ħerżegovina, il-Montenegro u s-Serbja (inkluż il-Kosovo)) huma meqjusa bħala kandidati potenzjali għas-sħubija; billi l-proċess ta' riforma f'dawn il-pajjiżi kollha diġà qed jirċievi għajnuna minn programmi ta' qabel l-adeżjoni li fihom komponenti ta' politika strutturali,
J. billi, bid-dħul tar-Rumanija u l-Bulgarija, daħlu fis-seħħ regoli speċjali biex jintalbu approprjazzjonijiet mill-Fondi Strutturali, u l-effetti kollha ta' din l-adeżjoni fuq il-politika strutturali għad iridu jiġu determinati,
K. billi l-pajjiżi kollha li qed jirċevu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni mill-UE kif ukoll valutazzjoni sħiħa tar-Rumanija u l-Bulgarija teħtieġ EUR 150 biljun oħra fil-perjodu ta' ffinanzjar attwali fuq il-bażi tal-politika strutturali fis-seħħ, billi, madanakollu, l-adeżjoni tal-pajjiżi kollha li qed jirċevu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni mhux se sseħħ fl-istess waqt,
L. billi l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija żiedet iz-zona ta' l-UE-25 eliġibbli għal fondi strutturali ta' l-UE b' 9% u l-popolazzjoni tagħha b'6% u naqqset il-GDP per capita tagħha b'5%; billi l-adeżjoni tal-Kroazja se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'1.3% u l-popolazzjoni tagħha b'0.9%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'0.6%; billi l-adeżjoni tat-Turkija se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'18.3% u l-popolazzjoni tagħha b'14.7%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'10.5%; billi l-adeżjoni tal-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'4.8% u l-popolazzjoni tagħha b'4%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'3.5%;
M. billi hemm bżonn b'mod urġenti ta' riforma istituzzjonali, finanzjarja u politika ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li fuqhom hija msejsa l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE; billi l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea hija kompletament dipendenti fuq l-ilħuq tal-kriterji ta' Kopenhagen u b'hekk ta' l-iżvilupp demokratiku fil-pajjiżi msemmija fil-premessa I,
N. billi, f'Unjoni Ewropea b'34 membru, il-Kroazja tkun responsabbli għal 7% biss ta' dan l-iffinanzjar strutturali addizzjonali, ikkalkulati skond ir-regoli eżistenti, u l-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent, li attwalment qed jirċievu l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ta' 9.2%, waqt li t-Turkija waħedha tirċievi 63%,
O. billi l-adeżjoni ta' l-Istati tal-Balkani tal-Punent meta jitqiesu fuq bażi individwali, anke waqt il-qafas finanzjarju attwali, mhu se toħloq l-ebda effett statistiku fuq l-eliġibilità tar-reġjuni ta' l-Istati Membri u lanqas m'hi se toħloq xi impatt finanzjarju drammatiku fuq il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE b'27 Stat Membru minħabba d-daqs, il-popolazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom; billi l-Kroazja, li magħha hemm negozjati l-aktar avvanzati u li hi aktar żviluppata f'termini soċjo-ekonomiċi minn xi Stati Membri attwali, f'termini komparati tkun tippreżenta l-iżgħar piż finanzjarju għall-Unjoni meta wieħed iqis id-daqs, il-popolazzjoni u l-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-pajjiż u mhu se toħloq l-ebda effett statistiku fir-rigward taz-zoni eliġibbli fil-livell reġjonali u nazzjonali, anki fil-perjodu finanzjarju attwali,
P. billi bl-adeżjoni tat-Turkija l-politika ta' koeżjoni Ewropea tieħu dimensjoni kompletament ġdida, li għadha qatt ma ġiet applikata għal pajjiż ta' kobor bħal dan, b'livell ta' żvilupp ekonomiku daqshekk baxx u b'diverġenzi reġjonali kbar,
Qbilli f'Ġunju 2006 il-Konklużjonijiet tal-Presidenza saħqu, li, l-Unjoni Eropeja, meta tilqa' fi ħdana Stati Membri ġodda, għandha tibqa' f'pożizzjoni li żżomm id-dinamika ta' integrazzjoni Ewropea u 'li għandu jsir kull sforz biex il-koeżjoni u l-effettività ta' l-Unjoni jkunu protetti',
R. billi fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni titlob li qabel ma jkun hemm tkabbir fil-ġejjieni jiġu analizzati sew l-impatti fuq il-baġit ta' l-UE waqt li jitqies l-iżvilupp futur ta' l-oqsma ta' politika relevanti bħall-politika dwar l-agrikultura u l-koeżjoni,
S. billi l-politika reġjonali, bħala waħda mill-akbar assi tal-baġit ta' l-UE, se tkun diskussa b'mod partikolarment intensiv - mhux l-inqas f'dawk li huma kriterji ta' effiċjenza - fir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju ta' l-UE previst għall-2008-2009,
T. billi, f'Unjoni li għadha qed tikber, hemm bżonn aktar minn qatt qabel ta' l-effiċjenza tal-politiki Komunitarji, peress li l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u l-valur miżjud ġenwin u ppruvat tagħha huma dipendenti ħafna fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli; billi, għalhekk, għandha tingħata l-akbar attenzjoni għar-reviżjoni tas-sistema Komunitarja għar-riżorsi proprji,
1. Iqis li l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tfisser b'mod partikolari li għandha tkun f'pożizzjoni, fid-dawl tar-realtajiet tal-baġit, li tfittex li tilħaq l-objettiv ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; għalhekk iqis li, fil-waqt ta' l-adeżjoni ta' kull pajjiż kandidat, hemm bżonn li jiġi deċiż jekk l-UE hix kapaċi tintegra l-istat konċernat;
2. Iqis li riforma istituzzjonali, finanzjarja u politika hi wkoll neċessarja fil-kuntest ta' evalwazzjoni tal-qafas finanzjarju ta' l-UE; b'rabta ma' dan, jemmen li hemm bżonn isir tqabbil bejn l-effetti ta' l-istrumenti prinċipali varji għall-iffinanzjar (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) dwar l-iżvilupp ta' l-UE-27, biex hekk ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet baġitarji xierqa;
3. Iqis li tkabbir futur m'għandux iwassal sabiex dejjem aktar reġjuni jitilfu d-dritt għall-iffinanzjar mill-politika ta' koeżjoni taħt l-Objettiv 1 attwali bħala riżultat ta' l-effett ta' l-istatistika u mingħajr ma jiġu eliminati verament inugwaljanzi eżistenti;
4. Jenfasizza li politika ta' koeżjoni onesta u effiċjenti hija impossibbli mingħajr żieda fin-nefqa ta' l-UE għal 1,18% tal-GNI ta' l-UE, kif mistqarr mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar Sfidi politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-tkabbir 2007-2013(9);
5. Jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Novembru 2006, ma toffri l-ebda analiżi dettaljata tal-konsegwenzi finanzjarji ta' tkabbir futur;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi dettaljata ta' l-impatt sabiex tippermetti li ssir evalwazzjoni kif suppost ta' l-effetti kollha fuq il-politika strutturali ta' l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija;
7. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni, b'rabta mat-tkabbir li jmiss, biex tikkalkula b'mod regolari, b'ċifri separati għal kull pajjiż, l-infiq fil-politika reġjonali li l-UE jista' jkollha tagħmel bl-applikazzjoni tal-kriterji kurrenti kif ukoll dawk emendati u mwessgħa, u l-konsegwenzi dan ikollu fuq l-eligibilità eżistenti ta' ffinanzjar ta' reġjuni; f'dan ir-rigward, jinnota li jistgħu jintużaw ukoll id-databases u l-istrumenti analitiċi ta' ESPON; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat it-titjib ta' l-integrazzjoni ta' l-istrumenti varji ta' l-UE għall-iffinanzjar;
8. Iqis li hemm bżonn ta' studji li ma jaqtgħux ibbażati fuq l-esperjenza miksuba minn tkabbir preċedenti u li jinkludi it-titjib soċjo-ekonomiku li se jseħħ waqt il-perjodu attwali ta' programmar, biex jiġu żviluppati xenarji għall-iffinanzjar tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE fil-futur;
9. Jisħaq dwar l-importanza ta' approċċ iebes ħafna f'termini ta' valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva fl-użu tal-Fondi Strutturali li jinvolvi immaniġġjar sod u sorveljanza xierqa biex, fl-interess taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, jitjib il-bilanċ ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji fl-ispiża ta' koeżjoni ta' l-UE;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika kapitolu fir-raba rapport ta' koeżjoni l-ġdid tagħha għall-opinjoni tagħha dwar is-sostenibilità tal-politika ta' koeżjoni attwali, u għall-miżuri li jistgħu fil-ġejjieni , fejn xieraq, iħallu effett fuq il-politika ta' koeżjoni;
11. Iqis li, minħabba l-istat preżenti tas-sistema tar-riżorsi ta' l-UE, se jkun diffiċli li tiffinanzja xi tkabbir futur mingħajr ma tipperikola l-effettività tal-politika ta' koeżjoni attwali;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ komunikazzjoni li tfassal proposta għalmudell gradwat għall-politika ta' koeżjoni, li tippermetti li ssir distinzjoni oħra bejn l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni u sħubija, u li tagħti l-possibilità lill-kandidati potenzjali ta' adeżjoni li jirċievu għajnuna effettiva għall-iżvilupp reġjonali, soġġetta għall-progress politiku, qabel sħubija possibbli fl-Unjoni Ewropea;
13. Jistieden għal approċċ gradwat għat-Turkija b'mod partikolari, li jikkonċentra aktar mill-viċin fuq l-iffinanzjar ta' aspetti tematiċi speċifiċi (bħall-gruppi ta' industriji, il-bini ta' istituzzjonijiet u l-ugwaljanza) u r-reġjuni, sabiex jiġu evitati miżuri mekkanizzati ta' ffinanzjar għall-adeżjoni mingħajr ir-riflessjoni neċessarja u sabiex jintlaħqu effetti ta' koeżjoni u tkabbir aktar preċiżi;
14. Jinnota li approċċ gradwat għall-politika reġjonali li jiddependi fuq il-progress politiku tal-pajjiżi kandidati jista' jiġi ppreżentat bħala forma speċjali ta' sħubija fl-UE jew sħubija 'EEA+' b'valur aktar qawwi;
15. Jitlob biex ikun involut fil-proċess ta' kodeċiżoni fl-evalwazzjoni u r-riforma ta' l-għajuna ta' qabel l-adeżjoni mill-2010 'l quddiem;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi f'aktar dettall dak li trid tfisser bit-'tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat', u, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra aktar strumenti ta' ffinanzjar strutturali;
17. Iqis li huwa essenzjali biex il-politika ta' koeżjoni tkun effettiva ir-responsabbilà individwali ta' l-Istati Membri għandha tiżdied fil-futur permezz ta' rati nazzjonali ogħla ta' kofinanzjar, partikolarment fir-reġjuni li diġà irċevew fondi ta' l-UE f'diversi perjodi ta' programmi;
18. Jipproponi li, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-politika ta' koeżjoni tal-futur, l-UE għandha tagħmel użu akbar ta' l-effett ta' lieva ta' l-iffinanzjar ta' self - partikolarment fir-reġjuni li diġa irċevew fondi ta' l-UE għal ħafna snin - sabiex l-effettività ta' l-appoġġ Komunitarju titjieb, allavolja mhux se tissostitwih;
19. Iqis f'dan il-kuntest li għandhom jiġu ffissati kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-iffinanzjar ta' self u għotjiet għar-reġjuni li għadhom l-aktar lura fl-UE;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħseb fi proposti għal politika ta' koeżjoni għall-ġejjieni li tkun adattata aktar mill-qrib għall-bżonnijiet reali tar-reġjuni, peress li huwa ċar li r-reġjuni li ilhom jirċievu għajnuna mill-fondi ta' l-UE għal 10, 20 jew 30 sena kisbu livell differenti ta' żvilupp minn dawk li għadhom ma rċevew l-ebda fondi; jemmen li t-tweġiba għall-isfida futura għall-politika ta' koeżjoni ta' l-UE possibilment tista' tkun differenzjar akbar;
21. Jesprimi tħassib għall-fatt li f'xi reġjuni l-għajnuna ta' l-UE mhix immirata sew, u bħala riżultat ta' dan is-sitwazzjoni f'dawk ir-reġjuni m'hix qed titjieb minkejja l-ħafna snin ta' appoġġ finanzjarju, jiġifieri r-riżorsi Komunitarji qed jinħlew; jitlob li jiddaħħal perjodu massimu ta' tul ta' żmien li fih ir-reġjuni jistgħu jirċievu fondi strutturali, bl-intenzjoni li jiġu evitati s-sitwazzjonijiet fejn ir-reġjuni li ilhom ħafna snin jirċievu appoġġ finanzjarju għadhom fl-istess livell baxx f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp;
22. Jitlob li aktar fondi privati jintużaw bħala sors ta' kofinanzjar għall-fondi strutturali, u sabiex il-kofinanzjar privat ta' proġetti u programmi taħt il-Fondi Strutturali jiġi simplifikat b'mod sinifikattiv skond l-aħjar prassi;
23. Jitlob sabiex l-iffinanzjar strutturali futur ikun magħmul b'mod li jiġu evitati effetti ta' spustjar u ffinanzjar mill-UE ta' rilokazzjoni ta' kumpaniji, u jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tħares b'mod kritiku, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, dwar il-kwistjoni jekk sussidji li jingħataw lilkumpaniji humiex effettivi biex jinfluwenzaw deċiżjonijiet tan-negozju rigward il-lokazzjoniwaqt li jitqies id-daqs tad-ditti konċernati;
24. Jinnota li s-suċċess tal-politika ta' koeżjoni hija konnessa mal-politiki ta' ekonomija nazzjonali u li f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Agenda ta' Liżbona għandha influwenza partikolari fuq is-suċċess tal-politika ta' koeżjoni;
25. Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw li jorbtu l-għoti ta' fondi taħt il-politika ta' koeżjoni futura ma' politika favorevoli ta' tkabbir sostenibbli nazzjonali, li għandha tiġi definita permezz ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li ma jkoprux biss il-GDP per capita, sabiex tingħata spinta lill-effettività tal-politika ta' koeżjoni;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li, fil-qafas ta' programmi futuri għal kompetittività reġjonali u għal kooperazzjoni territorjali, l-iffinanzjar ikun konċentrat aktar bir-reqqa fuq l-Ewropizzazzjoni ta' l-ekonomija reġjonali u fuq infrastrutturi ta' importanza Ewropea;
27. Jitlob għal użu akbar fil-ġejjieni tal-Fondi Strutturali biex itaffu l-effetti ta' bidliet demografiċi u l-migrazzjoni reġjonali konsegwenza ta' dan;
28. Iqis li għandu jsir użu akbar fil-futur mill-Fond Soċjali Ewropew bħala strument orizzontali, fost oħrajn, biex jgħin reġjuni ilaħħqu ma' l-isfidi soċjali tal-globalizzazzjoni kif ukoll ma' l-effetti ta' bidliet demografiċi;
29. Jenfasizza li r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jiġu riveduti biss jekk l-għoti ta' Fondi Strutturali jseħħ b'mod trasparenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tapplika kriterji ta' trasparenza rigorużi ħafna għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja;
30. Jitlob li jiġu applikati sanzjonijiet aktar ħorox f'każijiet fejn jiġi ppruvat abbuż mill-għajnuna finanzjarja u għal proċeduri aktar effettivi għall-irkupru ta' fondi;
31. Jinnota li ġlieda b'suċċess kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-bini ta' kapaċitajiet amministrattivi li jkunu jistgħu jimplimentaw programmi ta' Fondi Strutturali b'mod trasparenti u effiċjenti huma prerekwiżiti kruċjali biex wieħed jirċievi ffinanzjar strutturali Ewropew; jitlob li l-istrumenti ta' kontroll jiġu applikati b'mod konsistenti u riġidu;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu dawn il-punti kollha meta jagħmlu revizzjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju attwali ta' l-UE;
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
I. Suġġett u definizzjoni ta' "tkabbir tal-ġejjieni"
Ir-rapport ta' inizjattiva għandu jiffoka fuq il-kwistjoni ta' kif it-tkabbir tal-ġejjieni ta' l-UE se jeffettwa l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u kif dan għandu jiġi effettwat fil-futur, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-effetti mixtieqa orjentati lejn il-bilanċ u t-tkabbir.
Fir-rapport reċenti tiegħu dwar l-istrateġija tat-tkabbir, il-Parlament Ewropew dan l-aħħar saħaq, bl-appoġġ ta' ħafna gruppi politiċi, biex fit-tkabbir tal-ġejjieni wieħed josserva b'iktar reqqa l-kapaċità għat-tkabbir tal-Komunità(1). Dan għandu jinkludi l-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea, li tfittex li tilħaq l-għan ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, fid-dawl tar-realtajiet tal-baġit.
Il-politika strutturali għandha bżonn tkun ikkunsidrata fl-isfond tar-reviżjoni tal-baġit ta' l-UE li hi ppjanata għall-2008/2009 (Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni li hu maħsub għall-bidu ta' l-2009), Issa li l-effiċjenza qed tiġi diskussa fil-Ftehima Interistituzzjonali dwar il-baġit 2007-2013, il-politika strutturali u reġjonali se tkun diskussa b'mod intensiv bħala waħda mill-akbar assi tal-baġit(2). Hu għalhekk importanti li wieħed jibda jikkunsidra modi u possibilitajiet dwar kif tista' tissaħħaħ l-effiċjenza tal-politika ta' koeżjoni.
Bħala tkabbir tal-ġejjieni Dan ir-rapport janalizza l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija, li seħħet fl-1 ta' Jannar 2007 bħala sfidi għall-ġejjieni. Dawn l-adeżjonijiet ma jaqgħux b'mod formali taħt "tkabbir tal-ġejjieni", peress li dan it-tkabbir diġà ġie kkunsidrat fil-perspettiva finanzjarja l-ġdida għall-perjodu 2007-2013. Madankollu, huwa sinifikattiv mill-perspettiva tal-politika reġjonali u strutturali, li l-effett ta' l-istatistika ta' dawn il-pajjiżi ekonomikament dgħajfa, fir-rigward ta' l-eliġibilità ta' reġjuni oħra, għadu ma ġiex ikkalkolat u mhux se jkun jinħass sa l-2014.
Il-kunċett ta' tkabbir "tal-ġejjieni" japplika wkoll għall-Istati li jgawdu minn stat uffiċjali ta' kandidati u li magħhom l-Unjoni Ewropea diġà bdiet in-negozjati għall-adeżjoni, anke jekk ir-riżultati ma jistgħux ikunu garantiti minn qabel: Dan jinkludi min-naħa waħda t-Turkija u min-naħa l-oħra l-Kroazja.
L-Istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent (ir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Montenegro, is-Serbja (inkluż il-Kosovo) jgħoddu bħala kandidati aderenti potenzjali, li, l-istess bħall-pajjiżi kandidati, diġà huma pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna ta' l-istrument IPA (Strument ta'Għajnuna ta' qabel l-Adeżjoni). Fit-22 ta' Marzu 2004 l-Maċedonja ressqet talba għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea u minn dak inhar 'il quddiem saret l-uniku pajjiż tal-Balkani tal-Punent li għandu stat ta' kandidat(3).
Flimkien dawn id-disa' msemmija hawn fuq qed jiġu meqjusa bħala pajjiżi aderenti u pajjiżi kandidati (PAK-9). Dan ir-rapport jikkonċerna l-PAK-9 flimkien, li kull wieħed minnhom jista' jsir membru ta' l-UE f'perjodu ta' żmien medju, għalkemm mhux neċessarjament fl-istess ħin. Madankollu, il-materjal li fuqu huwa bbażat dan ir-rapport jiddistingwi bejn il-pajjiżi differenti tal-PAK-9, li huma miġbura fi gruppi flimkien skond il-livell li jkunu laħqu n-negozjati.
L-Istati l-oħra li magħhom l-UE għamlet ftehimiet ta' sħubija (l-Ukraina u r-Russja), jiġifieri li huma mdaħħlin fl-Istrument Ewropew ta' Viċinat u ta' Sħubija (ENPI), mhumiex inklużi f'dan ir-rapport peress li dawn għandhom prospettiva għal tul sew ta' żmien bħala kandidati potenzjali.
Kundizzjonijiet ta' qafas għall-politika reġjonali tal-ġejjieni
Progress tal-konverġenza fl-UE
Il-politika Ewropea ta' koeżjoni tista' tixhed għal suċċess konsiderevoli. Eżempju ta' dan hu l-appoġġ għat-tkabbir ta' l-UE lejn in-Nofsinhar. Minħabba l-effetti kumulattivi tal-Fond Strutturali l-prodott gross domestiku tal-Greċja, tal-Portugal u ta' l-Irlanda bejn l-1989 u l-1999 seta' jiżdied b'10 fil-mija minn 63.5% għal iktar minn 70% mill-medja ta' l-UE(4). Ħafna mir-reġjuni li qabel kienu kandidati jinsabu fl-iskala bejn il-75% u d-90%.
Il-bilanċi tat-tkabbir lejn il-Lvant huma ftit iktar limitati. L-isfida hija wkoll ikbar b'mod sproporzjonat: il-livell ta' bażi ekonomiku li għandu jiġi adattat kien inqas u fl-istess ħin kellha ssir bidla radikali fis-sistema politika. Bit-tkabbir minn 15 għal 25 Stat Membru t-territorju ta' l-UE żdied bi 23%, il-popolazzjoni b'20%, imma l-valur miżjud b'5% biss. Għalkemm id-dħul medju ta' l-UE-10 żdied minn 44% fl-1997 għal 50% fl-2005 mid-dħul medju ta' l-UE-15(5), il-Kummissjoni mhix qed tistenna l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħajja (l-ilħiq ta' l-iskala 75%) sas-sena 2040. Diversi awtoritajiet ekonomiċi qed jassumu li l-progress ta' l-Istati ta' l-UE-10 jista' jonqos sew, u li allura l-proċess ta' armonizzazzjoni jista' jitwal b'mod konsiderevoli(6).
Madanakollu fl-UE-15 ħafna problemi stutturali għadhom ma ssolvewx; u qed jidhru problemi ġodda marbuta mal-lokazzjonijiet tan-negozji bħala konsegwenza tal-globalizzazzjoni. Ħafna reġjuni qed ibatu minn għeluq ta' kumpaniji u minn qgħad għoli. Il-konverġenza msemmija hawn fuq hija parzjalment riżultat ta' tkabbir fl-UE-15 "l-antiki" relattivament dgħajjef.
Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri, l-adattament ekonomiku jitwettaq f'sitwazzjoni baġitarja ristretta. Sitta biss (il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja, Malta u Ċipru) mill-għaxar Stati Membri l-ġodda kisru l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir(7). Anki l-baġits ta' l-Istati Membri kbar bħall-Ġermanja u Franza kellhom defiċit fl-aħħar snin li mhumiex kompatibbli mal-Patt ta' Stabilità. Dan se jkollu influwenza negattiva fuq il-possibilità u fuq x-xewqa ta' ħafna Stati Membri li jagħtu l-kontribut tagħhom lill-baġit ta' l-UE u b'hekk lill-politika ta' koeżjoni.
Barra minn hekk, l-infiq uffiċjali tal-ġejjieni se jkun akkumpanjat minn tibdil demografiku. Komunikazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-Ekonomija u l-Finanzi tat-13ta' Frar 2006(8) tbassar li l-proporzjon ta' l-infiq uffiċjali marbut ma' l-età fil-medja ta' l-UE se tiżdied b'4 fil-mija mill-PGD u li r-rata ta' tkabbir annwali medja għall-UE-25 se taqa' b'mod konsiderevoli, jiġifieri minn 2.2% fil-perjodu 2004-2010 għal 1.4% bejn l-2030 u l-2050.
Il-kapaċità għat-tkabbir u l-isfida tat-tkabbir tal-ġejjieni
F'deċiżjoni tal-Presidenza ta' l-UE(9) ġie ddikjarat li l-Unjoni Ewropea, meta tilqa' fi ħdana Stati Membri ġodda, għandha tibqa' f'pożizzjoni li żżomm id-dinamika ta' integrazzjoni Ewropea u "li għandu jsir kull sforz biex jiġu msaħħa l-koeżjoni u l-effettività ta' l-Unjoni". Fi kliem ieħor, fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni, il-kapaċità għat-tkabbir tfisser li reġjuni/Stati "antiki” m'għandhomx jitilfu l-eliġibilità tagħhom għall-iffinanzjar bħala riżultat ta' l-effett ta' l-istatistika mingħajr ma titjib fil-kompetittività u s-sitwazzjoni strutturali jkunu saru aħjar.
In-nuqqas jew il-possibiltà ta' nuqqas ta' għajnuna strutturali kienu diġà problema għal ħafna reġjuni ta' l-UE-15 bħala riżultat tat-tkabbir lejn l-Lvant. Kieku l-PAK-9 kellhom jissieħbu llum, is-servizz ta' riċerka tal-Parlament Ewropew jikkalkola li aktar minn terz mir-reġjuni attwalment eliġibbli għall-iffinanzjar jitilfu l-istatus tagħhom ta' Objettiv-1(10). L-Istati Baltiċi u s-Slovakkja ma jitilfux reġjuni eliġibbli. Il-pajjiżi l-aktar effettwati jkunu l-Italja, il-Ġermanja, Malta, Spanja, il-Greċja u Franza. Il-Greċja, Ċipru u s-Slovenja jiġu esklużi mill-Fond ta' Koeżjoni (90%). Ir-Repubblika Ċeka mhijiex bogħod milli taqbeż l-iskala ta' 90%.
Stimi magħmula b'mod xjentifiku urew li kieku l-pajjiżi kollha tal-PAK-9 kellhom jissieħbu, ikollhom bżonn baġit ta' EUR 150.2 biljun biex ikunu jistgħu jsiru l-investimenti ta' fondi strutturali meqjusa neċessarji fil-preżent(11). Dan l-ammont m'għandu x'jaqsam xejn mal-kontribut potenzjali tal-PAK-9 għall-baġit strutturali (żieda ta' 4%)(12).
Żieda bħal din fil-mezzi għall-fondi strutturali mhijiex politikament realistika. Tnaqqis lineari fl-iffinanzjar tal-pajjiżi li qed jirċievu fondi bħalissa wkoll ftit jagħmel sens: dan ikun ifisser li l-Polonja, pereżempju, jkollha taċċetta tnaqqis ta' kważi 50% ta' l-iffinanzjar strutturali attwali tagħha.
Ta' min wieħed jinnota li dawn il-possibiltitajiet ta' tkabbir deskritti mhux se jseħħu kollha fl-istess ħin. L-unika ħaġa li fil-preżent hija ċerta hija li l-effetti ta' l-istatistika ta' l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija fl-2007 se jinħassu fil-perjodu ta' ffinanzjar li jmiss. Iżda l-istati kollha li qed jirċievu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni qed iffitxu li jissieħbu ma' l-UE malajr. Fil-preżent ma jistgħux isiru previżjonijiet preċiżi la dwar perjodu ta' żmien fiss għall-adeżjoni tal-pajjiżi individwali u lanqas dwar l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE. Anki l-4% f'assorbiment tal-fondi strutturali, li qed jiġi kkalkolat, mhux mistenni li jseħħ immedjatament għal kull pajjiż. Madankollu, id-dimensjoni ta' l-adeżjonijiet li ġejjin, fl-isfond tar-regoli tal-politika strutturali attwali, trid tiġi ċċarata. Anki din l-istampa simplifikata turi li l-adeżjonijiet li ġejjin jitfgħu piż qawwi fuq il-Komunità jekk isiru f'daqqa u taħt il-kundizzjonijiet tal-politika strutturali attwali.
Madankollu, il-kalkoli juru wkoll li l-adeżjonijiet individwali ivarjaw b'mod sinifikattiv f'dawk li huma effetti fuq l-UE. It-Turkija hija każ speċjali minn kull aspett. Jekk wieħed jassumi li t-Turkija illum kienet Stat Membru ta' l-UE, tkun qed tirċievi 27.3% ta' l-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali. Dan ifisser total annwali ta' madwar € 16-il biljun, li jikkorrispondi ma' l-estimi tal-Kummissjoni Ewropea - ibbażati fuq rati ta' tkabbir ta' 4.5% għall-2024 flimkien ma' rata ta' assorbiment ta' 4% - ta' kontribut annwali ta' € 22.4 biljun(13). Skond estimi oħra, sa l-2005 it-Turkija tkun qed tirċievi sa € 26 biljun fis-sena għall-miżuri tal-Politika Strutturali biss. (14)
Kunsiderazzjonijiet tar-rapporteur
Il-previżjonijiet ta' żvilupp spjegati hawn fuq juru li l-adeżjoni tal-kandidati potenzjali għal darb'oħra tikkawża diskrepanzi reġjonali kbar f'termini ta' prosperità fi ħdan UE akbar. Din l-isfida għal politika ta' koeżjoni, li tfittex li tikseb ekwilibriju reġjonali, tikkomplika ruħha minħabba l-fatt li l-baġit ikollu jiġġebbed iżżejjed u minħabba l-kompetizzjoni globali dejjem tiżdied anki fost l-UE-27. Fl-istess ħin, qed jikbru l-aspettattivi għall-politika strutturali Ewropea biex tagħti kontribut effettiv għall-istrateġija ta' Liżbona. B'hekk l-isfidi għall-politika reġjonali Ewropea sejrin jiżdiedu f'miżura aktar qawwija mill-fondi disponibbli għall-politika reġjonali. L-għanijiet attwali tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' approċċ gradwat lejn il-proċess ta' tkabbir u riformi li jagħtu spinta ta' effiċjenza lill- istrumenti eżistenti.
Mudelli ta' politika reġjonali gradwata
Sabiex jiġi mtaffi l-impatt fuq l-UE u fl-istess ħin tiġi offruta prospettiva interessanti lill-kandidati potenzjali indipendenti minn sħubija sħiħa fl-UE, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudelli gradwati li jippermettu li ssir differenza bejn għajnuna ta' qabel l-adeżjoni u sħubija sħiħa tal-politika ta' koeżjoni. Dan jgħodd b'mod partikolari għat-Turkija. Pjanijiet ta' ffinanzjar strutturali ta' dan it-tip għandhom jitfasslu fid-dawl tal-progress ekonomiku u politiku li jkunu għamlu stati kandidati u jistgħu jirriflettu tip speċjali ta' sħubija fl-UE jew sħubija fl-EEA+ b'valur aktar qawwi. Għandu jkun ukoll possibbli li miżuri ta' politika strutturali jiġu revokati jew sospiżi. Barra minn hekk, il-komponenti tal-politika strutturali fil-“politika tal-Viċinat msaħħa” għandhom ikunu definiti b'aktar dettall.
Komponenti ta' politika reġjonali effiċjenti
L-effikaċja ta' politika reġjonali tista' tintlaħaq jew saħansitra tissaħħaħ permezz ta' l-effett ta' lieva ta' l-iffinanzjar ta' self,anki meta l-marġini għall-manuvra finanzjarja jkunu limitati. Effikaċja akbar ta' l-iffinanzjar Ewropew tista' wkoll tintlaħaq permezz ta' ishma ta' kofinanzjar nazzjonali ogħla u arranġamenti simplifikati għall-iffinanzjar privat ta' programmi Ewropej. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-rabta bejn l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni u l-politiki ekonomiċi nazzjonali. Il-Komunità tista' għalhekk torbot l-għoti ta' approprjazzjonijiet ma' politika tajba ta' tkabbir nazzjonali.
Għandha ssir reviżjoni radikali anki fil-kontenut tal-prijoritajiet ta' l-iffinanzjar. B'mod partikolari, programmi li jippromwovu l-kompetittività reġjonali għandhom jikkonċentraw aktar mill-viċin fuq l-internazzjonalizzazzjoni ta' l-ekonomija reġjonali u fuq il-bini ta' infrastrutturi internazzjonali ewlenin bil-ħsieb li jingħataw spinti akbar lit-tkabbir. Huwa essenzjali wkoll li l-fondi strutturali jkollhom rwol aktar importanti biex itaffu l-impatt demografiku u l-globalizzazzjoni. L-effikaċja tas-sussidji għan-negozji, mill-banda l-oħra, għandha tkunu suġġetta għal eżami kritiku, peress li probabbilment huma m'għandhomx rwol deċiżiv fid-determinazzjoni tal-lokazzjoni tan-negozju.
Fl-aħħarnett, hemm bżonn ta' aktar trasparenza fl-għoti ta' approprjazzjonijiet. Meta biss ikun hemm ċarezza biżżejjed dwar kif u fejn il-flus mill-fondi strutturali qed jintefqu, ikun possibbli li l-lista ta' objettivi politiċi tiġi riveduta. Anki l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbużi hija indispensabbli u din għandha tkun prerekwiżit assolut għas-sħubija fil-politika ta' koeżjoni Ewropea.
Kriterji għal aktar żvilupp tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiġu diskussi fir-reviżjoni tal-baġit 2008/2009 kif ukoll f'evalwazzjonijiet futuri tal-politika ta' koeżjoni u għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.
"Rapport tal-Kummissjoni dwar il-karta strateġika għat-tkabbir 2005" P6_TA(2006)0096, votazzjoni plenarja tas-16 ta' Marzu 2006; "Riżoluzzjoni dwar komunikazzjoni ta' l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin għall-perjodu 2006-2007", P6_TA_PROV(2006)0568, ibbażata fuq A6-0436/2006, votazzjoni plenarja tat-13 ta' Diċembru 2006; "Riżoluzzjoni dwar l-aspetti istituzzjonali tal-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tintegra fi ħdanha Stati Membri Ġodda" P6_TA-PROV(2006)0569 ibbażata fuq A6-0393/2006, Votazzjoni plenarja tat-13 ta' Diċembru 2006.
Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (GU 2006/C 139, p. 1).
"Il-konsegwenzi tat-tkabbir tal-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta' koeżjoni". Komunikazzjoni tad-Dipartiment tal-Politika Strutturali u ta' Koeżjoni tal-31ta' Lulju 2006; PE 375.308
"Is-sitwazzjoni ekonomika attwali fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tan-Nofsinahr", Istitut għall-Istudji Ekonomiċi Internazzjonali ta' Vjenna, Lulju 2005; Informazzjoni mill-EUROSTAT 2006
"L-Istati Membri ġodda u l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir: bżonn ta' adattament fil-prospett ta' sħubija taz-zona euro?", Appendiċi rapport ta' l-EUROFRAME-EFN, rebbiegħa 2006.
"L-impatt tax-xjuħija fuq in-nefqa pubblika: pjanijiet ta' l-UE-25 Stat Membru dwar pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, kura fuq perjodu twil ta' żmien, l-edukazzjoni u trasferimenti ta' nies qegħda (2004-2050)", Il-Kummissjoni Ewropeja, Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Rapport Speċjali nru 1/2006, 13.2.2006
"Tkabbir Futur u l-Politika ta' Koeżjoni", Nota minn Unità Speċjali għall-Politika Strutturali u l-Politika ta' Koeżjoni (Dipartment tal-Politika) IP/B/REGI/NT/2006_08, Novembru 2006, ara Tabella 3 fl-Anness
"Effetti ta' tkabbir futur fuq il-politika reġjonali ta' l-UE, kalkolazzjonijiet u osservazzjonijiet dwar id-distribuzzjoni fil-futur tal-Fondi Strutturali", GEFRA Gesellschaft für Finanz- und Regionalanalysen, Novembru 2006.
“Der EU-Beitritt der Türkei:Wie teuer die Gemeinsame Agrarpolitik", [Is-sħubija tat-Turkija fl-UE: Kemm se tiswa lill-politika agrikola?] Harald Grethe. Humboldt Universität Berlin, Agrarwirtschaft 54 (2005) Heft 2/ 2005
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠIT (25.1.2007)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar l-impatt tat-tkabbir tal-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta' koeżjoni
Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li sejjer jadotta:
1. Jinnota li l-Unjoni Ewropea, minħabba t-tkabbir tal-ġejjieni, trid tindirizza tliet sfidi ewlenin dwar il-politika ta' koeżjoni, jiġifieri l-aggravament tal-każi ta' disparità fl-iżvilupp, l-ispostament taċ-ċentru tal-gravità tal-politika ta' koeżjoni lejn il-lvant u l-inugwaljanzi li jkomplu jeżistu fi ħdan l-Ewropa tal-Ħmistax;2. Ifakkar li għall-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013, il-Kummissjoni pprevediet, għall-miżuri favur il-politika reġjonali fil-Bulgarija u r-Rumanija, baġit ta' 16.5 biljuni Euro (li jinkludi 11.858 biljun Euro għall-Fondi Strutturali u 4.643 biljun Euro għall-Fond ta' Koeżjoni) għall-perjodu 2010-2013(1);
3. Hu tal-feħma li l-Kummissjoni u l-Kunsill iridu jressqu xenarji finanzjarji preliminari dwar il-politika ta' koeżjoni qabel ma jiddeċiedu li jidħlu f'negozjati ma' pajjiż kandidat, kif ukoll xenarji finanzjarji dettaljati matul il-proċess tan-negozjati ma' pajjiż kandidat;
4. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ strett ħafna f'termini ta' evalwazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva ta' l-użu tal-Fondi Strutturali li jinvolvi mmaniġġjar tajjeb u kontroll xieraq sabiex, fl-interess taċ-cittadini Ewropej, titjieb kemm jista' jkun ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju ta' l-infiq ta' l-UE fil-qasam tal-koeżjoni;
5. Jenfasizza l-importanza tar-rapporti tal-Qorti ta' l-Awdituri kif ukoll tar-rapporti ta' l-attivitajiet tal-Kummissjoni bħala strumenti li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ta' l-immamiġġjar tajjeb tal-Fondi Strutturali u jikkunsidra, jekk ikun xieraq, li jieħu il-miżuri neċessarji fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit annwali;
6. Iqis li, minħabba l-istat attwali tas-sistema tar-riżorsi ta' l-UE, ikun diffiċli li jiġi ffinanzjat xi tkabbir ieħor tal-ġejjieni mingħajr periklu għall-effettività tal-politiki attwali ta' koeżjoni;
7. Jenfasizza li fin-negozjar mill-ġdid ta' nofs il-perjodu trid tiġi kkunsidrata l-prospettiva ta' aktar tkabbir possibbli u jiġi evalwat l-impatt ekonomiku u baġitarju ta' dan it-tkabbir.
PROĊEDURA
Titolu
L-impatt tat-tkabbir tal-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta' koeżjoni
Opinjoni mogħtija minn Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
BUDG 18.5.2006
Koperazzjoni aktar mill-qrib – Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Rapporteur għall-opinjoni Data tal-ħatra
Nathalie Griesbeck 20.9.2004
Rapporteur għall-opinjoni preċedenti
Eżami fil-kumitat
25.1.2007
Data ta' l-adozzjoni
25.1.2007
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
28
0
1
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Salvador Garriga Polledo, Monica Maria Iacob-Ridzi, Janusz Lewandowski, Mario Mauro, Nina Škottová, László Surján, Herbert Bösch, Brigitte Douay, Neena Gill, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Dan Mihalache, Gianni Pittella, Yannick Vaugrenard, Ralf Walter, Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Anne E. Jensen, Jan Mulder, Kyösti Virrankoski, Wiesław Stefan Kuc, Wojciech Roszkowski, Gérard Onesta.
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Paul Rübig, Hans-Peter Martin.
Sostitut(i) (skond l-Art. 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja
REGI 18.5.2006
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
BUDG 18.5.2006
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni
Koperazzjoni aktar mill-qrib Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Rapporteur(s) Data tal-ħatra
Markus Pieper 2.5.2006
Rapporteur(s) preċedenti
Eżami fil-kumitat
18.12.2006
23.1.2007
1.2.2007
Data ta' l-adozzjoni
20.3.2007
Riżultat tal-votazzjoni finali
+
-
0
35
3
5
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Elspeth Attwooll, Tiberiu Bărbuleţiu, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Antonio De Blasio, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Alain Hutchinson, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Jamila Madeira, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Stefan Sofianski, Grażyna Staniszewska, Dimitar Stoyanov, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Jan Březina, Emanuel Jardim Fernandes, Ljudmila Novak, Zita Pleštinská, Richard Seeber, Czesław Adam Siekierski, László Surján, Károly Ferenc Szabó
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali
Andrea Losco, Horst Posdorf, Thomas Ulmer
Data tat-tressiq
28.3.2007
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)