Proċedura : 2006/0256(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0141/2007

Testi mressqa :

A6-0141/2007

Dibattiti :

PV 23/05/2007 - 17
CRE 23/05/2007 - 17

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 7.2
CRE 24/05/2007 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0208

RAPPORT     *
PDF 161kDOC 87k
16 t'April 2007
PE 384.235v02-00 A6-0141/2007

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali

(COM(2006)0755 – C6-0044/2007 – 2006/0256(CNS))

Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Béla Glattfelder

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali

(COM(2006)0755 – C6-0044/2007 – 2006/0256(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0755)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0044/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali (A6-0141/2007),

1.  Jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħha;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni bi ħsiebha tabolixxi s-sistema ta' intervent għall-qamħirrun mill-2007/2008 'l quddiem. Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq dejta minn sentejn ta' kummerċ (2004/05 u 2005/06). Matul dan iż-żmien, l-istokkijiet ta' intervent tal-qamħirrun fl-UE-25 laħħqu l-5.6 miljun tunnellata, li jirrappreżentaw 40% ta' l-istokk kollu ta' intervent. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istokkijiet (93%) jinsabu fl-Ungerija.

Il-Kummissjoni tbassar li l-istokkijiet ta' intervent tal-qamħirrun jibqgħu jikbru fil-ġejjieni minħabba

· li bis-sħubija tar-Rumanija u tal-Bulgarija, daħlu fl-UE żewġ produtturi ewlenin tal-qamħirrun li għandhom prezzijiet interni sostanzjalment aktar baxxi mill-prezz ta' intervent u li għandhom infrastruttura anqas żviluppata;

· l-opportunitajiet interni huma limitati minħabba l-ispejjeż għolja tat-trasport bejn iz-zoni li għandhom eċċess u z-zoni li għandhom nuqqas, fl-UE;

· il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ iżżid il-kompetizzjoni internazzjonali;

Għaldaqstant, il-proposta hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li, sa l-2013, l-istokkijiet ta' intervent tal-qamħirrun jistgħu jammontaw għal 15.6 miljun tunnellata, filwaqt li l-istokkijiet taċ-ċereali jistgħu jilħqu t-18.9 miljun tunnellata. Fil-każ li l-qamħirrun jitneħħa mis-sistema ta' intervent, il-Kummissjoni tbassar li f'dik is-sena l-istokkijiet totali ta' ċereali jkunu jammontaw biss għal 10 miljun tunnellata. Sadanittant, kif tissuġġerixxi l-proposta, ir-reġjuni taċ-Ċentru ta' l-Ewropa li jkabbru l-qamħirrun jerġgħu jsiru kompetittivi, u r-roħs fil-prezzijiet jgħin ukoll sabiex jagħti spinta lis-settur tal-majjal u tat-tjur.

2. Evalwazzjoni

Ir-rapporteur jipproponi li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin:

· tħassar l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-qamħirrun;

· mhijiex ġustifikata b'mod adegwat mid-dejta mis-suq;

· tonqos li tqis l-effetti negattivi li jistgħu jseħħu bit-tneħħija tal-qamħirrun mis-sistema ta' intervent fuq is-swieq taċ-ċereali.

2.1. Ksur tal-prinċipju tal-ħarsien ta' aspettattivi leġittimi

Il-ħarsien ta' aspettattivi leġittimi huwa aspett fundamentali taċ-ċertezza legali fil-liġi Komunitarja. Il-kunċett bażiku li jsostni ċ-ċertezza legali huwa li l-persuni għandhom ikunu jistgħu jippjanaw ħajjithom fl-għarfien tal-konsegwenzi legali ta' l-azzjonijiet tagħhom.

L-ewwelnett, hi timplika li l-ebda azzjoni legali m'għandu jkollha effett retroattiv.

It-tieni, il-leġiżlaturi huma obbligati li jagħtu żmien raġonevoli liċ-ċittadini sabiex jippreparaw irwieħhom għall-applikazzjoni ta' l-istrument legali kkonċernat, mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.

Il-qamħirrun normalment jinżara' minn April sa l-aħħar ta' Mejju, iżda l-produtturi jridu jieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti tagħhom fil-ħarifa: trid tiġi stabbilita l-istruttura ta' l-uċuħ, filwaqt li jridu jiġu ordnati ż-żrieragħ, il-pestiċidi u l-erbiċidi. Minħabba li l-qamħirrun huwa l-aktar ċereal li jinżara' fit-tard, dawk l-inħawi li jkunu tħallew għat-tkabbir tal-qamħirrun ma jkunux jistgħu jintużaw għal finijiet oħra fis-sena kummerċjali partikulari.

Minħabba l-kalendarju tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, l-aktar kmieni li jista' jiġi ppubblikat ir-regolamant il-ġdid dwar it-tneħħija tas-sistema ta' intervent fuq il-qamħirrun huwa Mejju ta' din is-sena. Peress li l-Kummissjoni trid li l-proposta attwali tiġi applikata mis-sena kummerċjali 2007/08, din tkun qed tħassar l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi u ta' persuni oħra interessati.

Madankollu, il-Kummissjoni tafferma li ż-"żrigħ tal-qamħirrun isir biss fir-rebbiegħa. Għaldaqstant il-mument propizju ta' din il-proposta huwa ferm adegwat għall-bdiewa...". Meta jitqiesu l-fatti msemmija hawn fuq, ir-rapporteur ma jistax jaċċetta dan l-argument.

Il-Kummissjoni ma tistax tiddefendi lilha nnifisha bl-argument li l-proposta kienet ippubblikata f'Diċembru li għadda. Il-pubblikazzjoni ta' proposta hija biss l-ewwel pass fil-proċess leġiżlattiv u ċ-ċittadini bl-ebda mod m'huma marbuta legalment bis-sempliċi pubblikazzjoni ta' proposta. Kieku l-liġi Komunitarja attribwiet l-istess effetti legali għall-pubblikazzjoni ta' proposta tal-Kummissjoni li kienet tattribwixxi lil strument legali adottat, tkun ġabet fix-xejn is-setgħat tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew!

Fil-każ tas-segala (rye), li kienet eskluża mis-sistema ta' intervent fir-riforma tal-CAP ta' l-2003, il-leġiżlatur ippermetta sena sabiex il-produtturi jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq il-ġdida għaċ-ċereali, li aboliet is-sistema ta' intervent għas-segala, kienet ġiet ippubblikata f'Ottubru 2003, iżda kienet applikata biss mis-sena kummerċjali 2004/05.

2.2. Stimi tas-suq bla bażi

Il-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha fuq dejta minn sentejn ta' kummerċ biss (2004/05 u 2005/06). Barra minn hekk, is-sena kummerċjali 2004/05 rat ħsad rekord fil-qamħirrun, l-ogħla wieħed fl-Ewropa għal ħafna snin, u b'konsegwenza ta' dan kien hemm prezzijiet baxxi fis-swieq interni kif ukoll f'dawk dinjin. Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li dan il-perjodu ta' sentejn mhux twil biżżejjed sabiex jippermettilna naslu għal konklużjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-suq, fuq tul ta' żmien.

Il-Kummissjoni qed tonqos li tqis it-tendenzi attwali tas-suq. Huwa stmat li l-istokkijiet ta' intervent tal-qamħirrun għandhom jikbru minn 5.8 miljun tunnellata fl-2005 għal 9.0 miljun tunnellata fl-2006. Fil-fatt, il-produtturi ma offrewx ammonti sinifikanti ta' qamħirrun għall-intervent fl-2006. Minħabba l-prezzijiet relattivament għoljin u ħsad li kien anqas mill-medja, il-livell ta' stokkijiet ta' intervent saħansitra niżel għal 4.28 miljun tunnellata sa l-aħħar ta' l-2006. Meta jitqies li l-kalkoli tal-Kummissjoni huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-istokkijiet ta' intervent se jikbru b'mod lineari fil-ġejjieni, l-argument prinċipali tal-proposta, jiġifieri, li l-intervent għall-qamħirrun mhuwiex sostenibbli u jwassal għal stokkijiet kbar, jidher li mhux ġustifikat.

Bħalissa l-prezzijiet tas-suq tal-qamħirrun huma madwar 120 euro t-tunnellata, li huma ferm ogħla mill-prezz ta' intervent (101.31 euro t-tunnellata). Dawn il-prezzijiet jippermettu lill-Komunità tbigħ l-istokkijiet ta' intervent mingħajr ebda telf sostanzjali, anke meta jitqiesu l-ispejjeż tal-ħażna pubblika.

L-evalwazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni lanqas m'hi appoġġjata minn żviluppi fis-suq fuq tul taż-żmien. F'pubblikazzjoni oħra, il-Kummissjoni nnifisha tistqarr li, "b'kuntrast mal-każ tal-qamħ, il-konsum dinji tal-qamħirrun żdied b'pass konsistenti u relattivament sostnut ta' kważi 2% mill-1980 sa l-2002"(1). Il-konsum tal-qamħirrun fl-UE ra żieda saħansitra akbar ta 3.7% fis-sena.

Skond l-istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin (FAO, OECD, FAPRI), dawn it-tendenzi tas-suq jidhru li se jissoktaw fil-ġejjieni qarib. Fl-analiżi tas-suq tiegħu(2), il-FAPRI jbassar żieda fil-prezzijiet u tnaqqis fl-istokkijiet għad-deċennju li jmiss. Dawn il-figuri juru li l-produzzjoni ma tkunx tista' tlaħħaq mat-tkabbir fil-konsum.

Iż-żieda fid-domanda għall-qamħirrun tista' tiġi spjegata b'żewġ raġunijiet:

· Il-popolazzjoni urbana li qed tiżdied fil-Lvant Imbiegħed u f'reġjuni oħra tad-dinja se tikkonsma aktar u aktar laħam, li timplika żieda kontinwa ta' annimali ta' l-irziezet. B'riżultat ta' dan, id-domanda għall-għalf se tibqa' tikber bl-istess mod.

· Il-konsum tal-qamħirrun jista' jiġi msaħħaħ minħabba l-industrija tal-bijoetanol li għaddejja minn żmien ta' prosperità. Il-produzzjoni tal-bijofjuwils tista' tkun suq importanti għall-qamħirrun, anke fir-reġjuni ta' l-UE fejn hemm eċċess.

2.3. Effetti fuq is-swieq taċ-ċereali

L-intervent għall-qamħirrun ma jistax jitneħħa mingħajr ma jitqiesu l-effetti li jista' jkun hemm fuq is-swieq taċ-ċereali, peress li, b'kuntrast mas-segala, il-qamħirrun huwa prodott li jservi ta' sostitut għall-għalf tal-qamħ u tax-xgħir.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għaċ-ċereali huwa li tinżamm stabilità fil-prezz fis-swieq interni. F'każ li l-qamħirrun jitneħħa mis-sistema ta' intervent, il-produtturi jibdew iħabbtu wiċċhom ma' volatilità kunsiderevoli fil-prezzijiet. F'dawk is-snin kummerċjali fejn il-ħsad ikun akbar mill-medja, il-prezzijiet tas-suq tal-qamħirrun jaqgħu, filwaqt li l-prezzijiet għall-qamħ u għax-xgħir jibqgħu kostantement qrib il-prezz ta' intervent, li jaħdem bħala xibka ta' protezzjoni. Minħabba prezzijiet ferm aktar baxxi, il-qamħirrun isir ħafna aktar kompetittiv mill-qamħ u mix-xgħir, u l-istokkijiet ta' dawn ta' l-aħħar għandhom jikbru. Dawn l-iżviluppi tas-suq huma kkonfermati minn figuri mill-Kummissjoni. Skond dawn l-istimi, f'każ li l-qamħirrun jitneħħa mis-sistema ta' intervent, l-istokkijiet pubbliċi tal-qamħ u tax-xgħir jiżdiedu minn madwar 5.5 miljun tunnellata fl-2008 għal 10 miljun tunnellata fl-2013.

Finalment, jidher ċar li f'każ li l-qamħirrun jitneħħa mis-sistema ta' intervent, u fl-istess waqt elementi oħra ta' qofol fl-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq ma jitbiddlux, jinħolqu żbilanċi serji fis-suq fis-settur taċ-ċereali kollu.

(1)

COM AGRI: Agricultural Commodity Markets: Past Developments and Outlook. Frar 2006.

(2)

Istitut ta' Riċerka dwar il-Politika ta' l-Ikel u ta' l-Agrikultura: Agricultural Outlook 2006


PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali

Referenzi

(COM(2006)0755 – C6-0044/2007 – 2006/0256(CNS))

Data meta ġie kkonsultat il-PE

16.1.2007

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

18.1.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

18.1.2007

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

BUDG

14.2.2007

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Béla Glattfelder

19.12.2006

 

 

Eżami fil-kumitat

26.2.2007

20.3.2007

12.4.2007

 

Data ta' l-adozzjoni

12.4.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vincenzo Aita, Peter Baco, Katerina Batzeli, Sergio Berlato, Thijs Berman, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Dumitru Gheorghe Mircea Coşea, Joseph Daul, Albert Deß, Gintaras Didžiokas, Michl Ebner, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Diamanto Manolakou, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, Neil Parish, Radu Podgorean, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Jeffrey Titford, Witold Tomczak, Donato Tommaso Veraldi, Janusz Wojciechowski, Andrzej Tomasz Zapałowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Herbert Bösch, Bernadette Bourzai, Béla Glattfelder, Gábor Harangozó, Astrid Lulling, Jan Mulder

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Herczog, László Surján

Aġġornata l-aħħar: 30 t'April 2007Avviż legali