Proċedura : 2006/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0152/2007

Testi mressqa :

A6-0152/2007

Dibattiti :

PV 23/05/2007 - 15
CRE 23/05/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0213

RAPPORT     
PDF 162kDOC 105k
20 t'April 2007
PE 378.797v01-00 A6-0152/2007

b'mozzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar It-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

(2006/2094(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Bill Newton Dunn

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

MOZZJONI GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar it-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

(2006/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Bill Newton Dunn f'isem il-Grupp ALDE dwar it-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (B6 0073/2006),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar 'It-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata' (COM(2005)0232),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 90 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6 0152/2007),

A.  billi sar progress fil-koperazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata minn meta ttieħdu l-ewwel passi 30 sena ilu,

B.   billi sar progress sinifikanti fil-koperazzjoni bejn l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi u l-korpi ġudizzjarji (kif stipulat fir-rapporti annwali ta' l-2005 ta' l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-Grupp ta' Ħidma għall-Koperazzjoni tad-Dwani (CCWG), u billi din il-koperazzjoni hija l-qofol ta' kull politika effikaċi fil-livell ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,

C.  waqt li jilqa' bi pjaċir il-fatt li dawn l-isforzi, li wasslu għal aktar skambji ta' informazzjoni u għall-intensifikazzjoni ta' l-inizjattivi ta' taħriġ tas-servizzi li jridu jaħdmu flimkien, taw il-frott tagħhom u għenu biex tingħeleb in-nuqqas ta' fiduċja reċiproka, li dejjem hija l-problema prinċipali għal kull koperazzjoni f'dan il-qasam,

D.  billi l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha ta' l-UE involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-libertatjiet ċivili u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem taċ-ċittadini ta' l-UE u ta' pajjiżi terzi, inklużi l-ogħla standards tal-protezzjoni tad-dejta,

E.   billi madankollu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata llum ma tistax tkompli tagħmel progress jekk mhux permezz ta' bidla radikali fl-orjentazzjoni, li tippermetti li ssolvi r-restrizzjonijiet interni dejjem aktar kumplikati, waqt li fl-istess ħin tilqa' l-isfidi dejjem jikbru tar-restrizzjonijiet esterni li qegħdin jiżdiedu b'mod esponenzjali,

F.   wara li kkunsidra, b'mod partikulari, l-espansjoni ġeografika tal-kriminalità organizzata li, f'Ewropa miftuħa daqs qatt qabel, diġà ħadet vantaġġ sħiħ mill-pożizzjoni tagħha ta' kontroll assolut tal-mezzi ġodda ta' l-ivvjaġġar, ta' l-iskambji u tal-komunikazzjoni, filwaqt li l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi bosta drabi għadhom imxekkla minn piżijiet legali u amministrattivi li jfixklu l-attività tagħhom ta' kuljum,

G.  billi l-gruppi ta' kriminalità organizzata kull ma jmorru qegħdin jevolvu f'intrapriżi aktar kumplessi u strutturati li huma kapaċi jippenetraw fil-qalba tas-swieq ekonomiċi u finanzjarji u jimmanipulawhom bil-għan li jfittxu spazji ekonomiċi legali li fihom ikunu jistgħu jittrasferixxu l-introjtu miksub illegalment, sikwit permezz ta' l-operat sofistikat tal-ħasil tal-flus,

H.  billi t-twaqqif u/jew l-akkwist, sikwit permezz ta' l-użu ta' "impriżi fittizji", ta' kumpaniji li joperaw f'setturi karatterizzati miċ-ċirkolazzjoni ta' ammonti kbar ħafna ta' flus, jirrappreżenta wieħed mill-istrumenti ewlenin imħaddma mill-gruppi tal-kriminalità organizzata,

I.    billi l-azzjoni ripressiva, weħidha, mhix biżżejjed sabiex tiġġieled il-kriminalità organizzata jekk ma tkunx akkumpanjata minn analiżi bir-reqqa tat-tixrid tal-fenomenu u tal-kapaċità ta' l-organizzazzjonijiet mafjużi li jrabbu l-għeruq, l-aktar f'ambjenti fejn jeżistu strutturi soċjali dgħajfa,

J.    billi l-azzjoni biex tiġġieled il-kriminalità organizzata għandha tkun appoġġjata minn investigazzjonijiet bir-reqqa tal-kapaċità ta' l-akkumulazzjoni tal-kapital u l-interrelazzjonijiet bejn l-attivitajiet ekonomiċi legali u illegali fuq skala dinjija, bl-iżvilupp ta' azzjonijiet li ma jħallux il-kriminalità organizzata tippenetra fl-amministrazzjoni pubblika u titħallat ma' l-istituzzjonijiet, ma' l-organizzazzjonijiet tal-massa u ma' l-esponenti politiċi,

K. billi l-kriminalità organizzata tilħaq l-iskop tagħha billi tibni kunsens sieket u billi tistabbilixxi kontroll fuq territorju partikulari permezz ta' attivitajiet illegali,

L. billi l-kriminalità organizzata tista' toffri opportunitajiet biex l-organizzazzjonijiet terroristiċi jidħlu, permezz ta' mezzi li normalment tuża hija nnifisha, fit-traffiku illegali li jiġġenera profitti illegali li jistgħu jintużaw f'attivitajiet terroristiċi,

M.  billi, f'din il-battalja kontra ż-żmien u l-ispazju, il-ġlieda kontra l-kriminilità organizzata għandha tgħaqqad il-ħtieġa essenzjali li tadatta l-mezzi u l-metodi disponibbli għaliha ma’ l-abilità ta' l-antiċipazzjoni, li essenzjalment tistrieħ fuq l-akbar użu relevanti tar-riżorsi potenzjali għall-kisba ta' l-informazzjoni,

N.  billi politika proattiva biss tista' tasal biex tlaħħaq mar-realtà tal-koperazzjoni ultrasofistikata bejn il-gruppi kriminali differenti, u li titwarrab - permezz ta' politika ta' prevenzjoni bl-involviment ta' protagonisti ġodda, iżda dejjem b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali - il-biċċa l-kbira tat-theddidiet li dawn l-organizzazzjonijiet joħolqu għas-soċjetajiet tagħna,

O.  billi hemm ħtieġa ġenerali għal titjib fl-għarfien tal-fenomenu tal-kriminalità u sabiex dan l-għarfien jinfirex fost dawk kollha involuti fil-ġlieda kontriha,

P.   billi l-appoġġ tal-pubbliku, li ġeneralment ma jkunx infurmat biżżejjed, huwa wieħed mill-imfietaħ għas-suċċess f'din il-ġlieda kemm fi żmien medju u kemm fit-tul,

Q.  billi l-mezzi Komunitarji disponibbli, bħall-Europol u l-Eurojust, ikunu jistgħu jsiru tabilħaqq effettivi meta jaġixxu tassew b'awtonomija, u billi għalhekk hemm il-ħtieġa urġenti li jingħatawlhom il-mezzi biex jaġixxu b'aktar libertà milli jistgħu llum, filwaqt li jiġi stabbilit kontroll Parlamentari xieraq sabiex jevalwa l-utilità u l-valur miżjud ta' l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u l-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

R.   billi jinnota b'interess li bl-evalwazzjoni tat-theddida mill-kriminalità organizzata (OCTA)1 li saret din is-sena mill-Europol, l-Istati Membri issa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dokument għall-analiżi dinamika li se jkunilhom ta' għajnuna biex jiffissaw il-prijoritajiet strateġiċi tagħhom, u li dan l-ewwel pass għandu jinkoraġġixxi lill-Kunsill biex ikompli jinsisti favur struttura xierqa f'qasam li jgħaqqad flimkien elementi li għadhom ivarjaw ħafna tal-ġlieda kontra l-kriminilità, b'mod partikulari, billi jissoda l-arkitettura tas-siġurtà interna li nbdiet mill-presidenza Awstrijaka u billi jiżviluppa l-prinċipju ta' l-interoperabilità; dawn iż-żewġ elementi, flimkien ma' l-użu ta' metodoloġija għall-pulizija bbażata fuq l-informazzjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' sinerġiji ġodda u biex tinqered kull "kompetittività parassitika" bejn l-aġenziji ta' l-analiżi u/jew ta' l-infurzar tal-liġi fil-livell strateġiku, tekniku u ta' l-operat;

1.   Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

(a)  jistieden lill-Kunsill sabiex jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli annessi magħha dwar it-traffikar tal-persuni u ta' l-emigranti, u sabiex jinfurzaw dawn l-istrumenti legali;

(b)  jistieden lill-Kunsill biex jinkuraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri biex iżommu sod fl-appoġġ tagħhom għall-programmi ta' taħriġ u ta' skambji bejn l-aġenziji u l-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jistedinhom biex jallokaw lil dawn il-programmi - fil-kuntest tal-perspettivi finanzjarji u l-programm ġenerali korrispondenti, kif wkoll fit-taqsima tas-"sigurtà" tas-seba' FPRD - riżorsi baġitarji biżżejjed sabiex dawn ikunu tabilħaqq effettivi, u sabiex l-aħjar prattiki jkunu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra;

(c)  ifakkar lill-Kunsill li t-tisħiħ ta' l-istrumenti għall-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura llum jinvolvi li jiġu adattati l-istrutturi interni għall-bżonn triplu ta' l-immudellar tal-proċedura, tal-fluwidità tal-mezzi tat-trażmissjoni ta' l-informazzjoni, u ta' għarfien aħjar dwar il-fenomenu tal-kriminalità organizzata;

(d)  jistieden lill-Kunsill, bil-għan li ssir azzjoni aktar effettiva fil-livell Ewropew, sabiex jiżgura li l-Istati Membri jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet penali tagħhom f'koperazzjoni mill-qrib, b'referenza partikulari għad-definizzjonijiet tal-kunċetti u tar-reati fl-oqsma tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u jarmonizzaw ukoll il-proċeduri penali filwaqt li b'mod sħiħ jinżammu l-garanziji proċedurali;

(e)  jissuġġerixxi lill-Kunsill biex jistieden lill-Istati Membri biex ixerrdu bejniethom, mill-aktar fis, ir-riżorsi ta' tekniki speċjali ta' l-investigazzjoni u biex iħeġġu l-ħolqien ta' gruppi investigattivi konġunti, stabbiliti bid-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-gruppi investigattivi konġunti1, li l-kontenut tagħha fil-biċċa l-kbira tiegħu ġie traspost minn bosta Stati Membri2, u biex jiġi inkorporat b'mod sistematiku l-aspett prattiku tal-koperazzjoni fost il-poplu fil-manwali diversi ta' "l-aħjar prattiki" biex jipprovdu l-qafas ta' l-operat għall-aġenziji konċernati;

(f)   jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u ta' l-Istati Membri għall-fatt li huwa meħtieġ li jkunu adottati regoli dwar il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu għall-protezzjoni partikulari ta' l-ordni legali u l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea;

(g)  jenfasizza mal-Kunsill il-ħtieġa li l-mezzi ta' komunikazzjoni bejn dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kriminilità jkunu aktar fluwidi, u dan jinvolvi progress leġiżlattiv sinifikanti kemm f'oqsma speċifiċi, bħall-kisba ta' xhieda u l-ammissibilità tagħha, jew l-informazzjoni finanzjarja sabiex jiġi identifikat u, wara, newtralizzat l-introjtu mill-attività kriminali, kif ukoll dwar kwistjonijiet ta' prinċipju mhux solvuti bħalma hi l-kwistjoni tad-disponibilità, li teħtieġ li tkun iddefinita b'mod ċar u tinkludi salvagwardji l-aktar fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali fil-kuntest tat-tielet pilastru; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kunsill biex b'urġenza jadotta d-deċiżjoni ta' qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta fit-tielet pilastru, filwaqt li titqies kif xieraq l-opinjoni adottata kważi b'mod unanimu mill-Parlament;

(h)  jinnota li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jirrikorru għall-kompetenza ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali li għadha kemm twaqqfet, sabiex jitħarsu d-drittijiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u sabiex jinvestigaw il-każijiet li jinqalgħu fil-qasam tal-koperazzjoni fl-affarijiet interni u fil-ġustizzja; barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ, jistieden lill-Kunsill, b'riferenza speċjali għall-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex bl-istess mod japprofitta ruħu minn din l-opportunità u jmexxiha 'l quddiem fil-każ ta' l-Istati Membri wkoll;

(i)   jistieden lill-Kunsill sabiex jiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri għall-ħtieġa li jagħtu spinta lill-istrateġiji investigattivi u li jieħdu azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata billi b'mod sistematiku jattakkaw riżorsi ekonomiċi u finanzjarji miksuba b'mod illegali;

(j)   jistieden lill-Kunsill, fid-dawl tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni rigward l-istatistika (COM(2006)0437), biex jappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri ħalli jippruvaw itejbu l-kapaċità li jifhmu l-fenomenu tal-kriminalità billi jiffokaw u jgħaqqdu flimkien l-għodod statistiċi żviluppati f'qafas dinamiku (kif diġà jiġri fl-OCTA) u fuq il-bażi ta' indikaturi komuni, hekk li l-informazzjoni mxerrda ma tipproponix biss l-evalwazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni tal-kriminalità organizzata iżda tkun ukoll komparabbli u tipproponi strateġiji intelliġibbli kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-azzjonijiet li jistgħu jieħdu l-aġenziji involuti direttament;

(k)  jistieden lill-Kunsill biex jagħti l-awtonomija meħtieġa lill-Europol u lill-Eurojust billi jafdalhom setgħa sħiħa għall-inizjattivi fil-qasam tar-responsabilitajiet tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jkabbru s-sehem tagħhom ta' koordinaturi għal dak ta' mexxejja fil-ġlieda kontra l-kriminalità fuq skala Ewropea, filwaqt li titqies kif għandu jkun il-ħtieġa li jkun hemm kuntatti xierqa ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex l-attivitajiet tagħhom ma jiġux preġudikati u ma jinħolqux żbilanċi jew duplikazzjonijiet; jenfasizza li twessigħ bħal dan tal-kompetenzi tagħhom irid ikun akkumpanjat mill-implimentazzjoni ta' monitoraġġ parlamentari awtentiku li, għal raġunijiet ta' leġittimità u effikaċja, il-Parlament Ewropew biss kapaċi jwettaq kif suppost;

(l)   jistieden lill-Kunsill biex jagħraf li m'għandu jinqabeż xejn li jimmerita attenzjoni partikulari fejn tidħol il-prevenzjoni, l-aktar rigward l-inizjattivi maħsuba biex jipproteġu b'mod effettiv mhux biss lill-vittmi, imma wkoll lix-xiehda ta' atti kriminali, sabiex jinkixfu sorsi ta' informazzjoni li ta' spiss jiġu mġiegħla jibqgħu siekta minħabba l-pressjoni kontinwa ta' rikatti u biża' li organizzazzjonijiet kriminali jeżerċitaw fuqhom;

(m) jissuġġerixxi lill-Kunsill biex tkun organizzata diskussjoni serja fuq skala Ewropea dwar kemm huwa xieraq status formali għall-kollaboraturi tal-ġustizzja fil-livell Ewropew u kemm huwa kompatibbli mal-valuri bażiċi komuni tagħna rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-persuna umana, bil-għan li jiġi stabbilit l-aħjar tiftix għall-informazzjoni fuq bażi legali miftiehma minn qabel u aċċettata minn kulħadd;

(n)  konvint li, fi żmien medju u fit-tul, l-appoġġ tal-pubbliku huwa waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb suċċess fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, jistieden għalhekk lill-Kunsill biex jitlob lill-Istati Membri jagħmlu sforz sinifikanti u jgħarrfu lill-pubbliku ġenerali bis-suċċessi miksuba permezz tal-koperazzjoni siewja bejn id-diversi aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi u korpi legali, u b'mod partikulari bil-kontribut ta' l-istrumenti u l-parteċipanti Komunitarji, sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud ta' l-inizjattivi ta' l-Unjoni f'dan il-qasam daqshekk importanti għaċ-ċittadini;

(o)  jissuġġerixxi lill-Kunsill biex jiġi kkunsidrat bis-sħiħ it-tagħrif importanti li joħroġ mill-istħarriġ regolari tal-Eurobarometer (bħal dak li sar f'Marzu 2006 dwar il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni1) li għandu jkollu l-funzjoni li jevalwa l-perċezzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar is-sehem ta' l-UE f'dan il-qasam u t-tibdil mixtieq f'livell Ewropew;

(p)  jitlob lill-Kunsill, għalhekk, fuq il-bażi tal-White Paper dwar il-Politika Ewropea għall-Komunikazzjoni2, biex ikompli jiżviluppa strateġija serja għall-organizzazzjoni u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif għall-pubbliku ġenerali, li tkun tista' tinvolvi ruħha mill-qrib fiha l-EUCPN jekk jitwessgħu r-responsabilitajiet tagħha3;

(q)  jagħti parir lill-Istati Membri biex imexxu 'l quddiem il-programmi, b'mod partikulari fil-livell lokali, li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali jew ta' xogħol, l-aktar tan-nisa u t-tfal;  

(r)  iħeġġeġ lill-Kunsill biex japplika l-metodu proattiv tal-politika Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminilità organizzata fil-qafas tal-ftehimiet ta’ koperazzjoni ta' l-UE ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li fl-istess waqt jadotta qafas rigoruż li jinkludi garanziji li jorbtu fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali; jenfasizza f’dan ir-rigward li l-OCTA qiegħda tgħin u turi t-triq b'mod ċar billi takkuża pubblikament lis-setturi u l-għaqdiet ta’ gruppi kriminali li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom tkun ġiet identifikata;

(s)  jagħti parir lill-Kunsill biex, billi f’ċerti pajjiżi fuq il-fruntieri ta’ l-UE l-apparat statali jħalli bosta inċertezzi dwar l-attività kriminali, jadotta approċċ speċifiku msejjes fuq trasparenza ġdida u fuq l-inizjattiva kontra l-korruzzjoni bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikulari ma' dawk fil-viċinanza ta' l-UE;

(t)   jagħti parir lill-Kunsill biex iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżommu l-ogħla grad ta' viġilanza fir-rigward tar-rabtiet li jista' jkun hemm bejn l-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-gruppi ta' kriminalità organizzata, l-aktar fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu;

(u)  jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill biex iqis is-sehem fundamentali tal-Koordinatur tal-Kontroterroriżmu ta' l-UE, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ ta' l-istrumenti u l-informazzjoni dwar il-kontroterroriżmu, kif ukoll għall-koordinazzjoni u t-tqabbil tat-tagħrif li jkun ġej mill-forzi tal-pulizija u għas-servizzi tas-sigurtà ta' l-Istati Membri;

(v)  jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex tkompli tintensifika l-kunsiderazzjonijiet li nbdew mill-Presidenza Awstrijaka bl-iskop li tiġi żviluppata “Arkitettura tas-Sigurtà Interna” serja.

(w) jistieden lill-Kunsill biex jieħu passi bil-għan, bħala prijorità, li jwaqqaf iċ-ċaqliq tal-kapital iġġenerat permezz ta' l-operat tal-ħasil tal-flus u li jikkonfiska l-assi ġġenerati mill-attivitajiet kriminali u mafjużi;

(x)  jistieden lill-Kunsill biex iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Palermo) sabiex jagħmlu hekk, u sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni;

(y)  jistieden lill-Kunsill biex fl-Istati Membri - l-aktar f'dawk l-inħawi fejn l-influwenza kulturali u soċjali tal-kriminalità organizzata hija l-aktar b'saħħitha - imexxi 'l quddiem proġetti fl-iskejjel u fil-kwartieri f'periklu serju biex jedukaw lin-nies ħalli jgħixu skond il-liġi, u b'hekk jiġġieldu l-kriminalità organizzata permezz ta' kampanja kbira ta' l-edukazzjoni;

(z)  jistieden lill-Kunsill sabiex jimmonitorja l-attivitajiet amministrattivi u governattivi ta' l-istituzzjonijiet eletti fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, li l-membri tagħhom jinkludu esponenti politiċi li kontrihom ikunu nġiebu akkużi kriminali għal rabtiet mal-kriminalità organizzata jew mafjuża;

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, bħala informazzjoni, lill-Kummissjoni.

19.1.2006

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI B6-0073/2006

bi qbil mar-Regola 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura

imressqa minn Bill Newton Dunn f'isem il-Grupp ALDE

dwar it-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi hemm il-ħtieġa li jiġi żviluppat kunċett strateġiku ġdid għal kif tingħeleb il-problema tal-kriminalità organizzata fil-livell Ewropew permezz ta’ korpi ta’ l-Unjoni bħall-Europol, l-Eurojust, is-CEPOL u t-Task Force tal-Kapijiet tal-Pulizija,

B   billi diversi inizjattivi leġiżlattivi u m'humiex li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġew adottati fil-livell Ewropew sa mill-ħolqien taz-zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja,  

1.  Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

(a) li l-istrumenti legali li jolqtu l-Europol u l-Eurojust għandhom jiġu ratifikati u implimentati biex isaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

(b) li għandu jiġi stabbilit qafas komprensiv u koerenti għall-koperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

(c) li għandu jinbeda l-avviċinament tal-leġiżlazzjonijiet sabiex ikun integrat l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-kwistjonijiet kriminali;

(d) li għandu jiġi pprovdut appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji plurilaterali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, bħala informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew.

PROĊEDURA

Titolu

Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar it-tfassil ta' kunċett strateġiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Numru ta' Proċedura

2006/2094(INI)

Proposta/i għal rakkomandazzjoni(jiet) ikkunsidrata/i

B6-0073/2006

 

 

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE
27.4.2006

Data tad-deċiżjoni biex jitlesta rapport


4.10.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni iktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Bill Newton Dunn
4.10.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

12.9.2006

19.12.2006

27.2.2007

21.3.2007

11.4.2007

Data ta’ l-adozzjoni

11.4.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

46

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Mladen Petrov Chervenyakov, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Claudio Fava, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Elly de Groen-Kouwenhoven, Adeline Hazan, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Stavros Lambrinidis, Dan Mihalache, Viktória Mohácsi, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Károly Ferenc Szabó, Adina-Ioana Vălean, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Edit Bauer, Simon Busuttil, Gérard Deprez, Maria da Assunção Esteves, Luis Herrero-Tejedor, Sophia in 't Veld, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Jörg Leichtfried, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Marian-Jean Marinescu, Witold Tomczak

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

20.4.2007

 

Kummenti
(informazzjoni disponibbli b’lingwa waħda biss)

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Mejju 2007Avviż legali