Proċedura : 2006/2176(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0241/2007

Testi mressqa :

A6-0241/2007

Dibattiti :

PV 12/07/2007 - 5
CRE 12/07/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.16
CRE 12/07/2007 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0356

RAPPORT     
PDF 242kDOC 198k
18 ta' Ġunju 2007
PE 382.554v02-00 A6-0241/2007

dwar l-irwol u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp fl-ifqar reġjuni ta' l-UE

(2006/2176(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Lidia Joanna Geringer de Oedenberg

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-irwol u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp fl-ifqar reġjuni ta' l-UE

(2006/2176 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 87(3), 137, 141, 158 u 299(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2000 f’Liżbona, u l-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 f’Göteborg,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2007 bit-titolu 'Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali' (COM(2007)0273),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 bit-titolu “L-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku w l-Impjiegi u r-Riforma tal-politika Ewropea ta' koeżjoni: Ir-raba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni (COM(2006)0281),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Marzu 2006 bit-titolu “Il-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” (COM(2006)0092),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2005 bit-titolu ‘Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013’ (COM(2005)0299),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2005 bit-titolu ‘It-tielet rapport dwar il-progress fuq il-koeżjoni: Lejn sħubija ġdida għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni’ COM(2005)0192),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004 bit-titolu 'Sħubija aktar b’saħħitha għall-ibgħad reġjuni' (COM(2004)0343),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 1996 bit-titolu “L-inkorporazzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-Komunità” (COM(1996)0067),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2006 tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar l-evalwazzjonijiet ex-post ta’ programmi ta’ Objettivi 1 u 3 ta’ l-1994 sa l-1999 (Fondi Strutturali)(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0241/2007),

A. billi l-Artikolu 158 tat-Trattat KE jimplika li l-għan tal-Komunità hu li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż u li tnaqqas id-differenzi fil-livelli ta’ żvilupp bejn id-diversi reġjuni u t-tardività tar-reġjuni l-aktar żvantaġġati permezz li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku,

B.  billi l-ifqar reġjuni ta’ l-UE huma reġjuni li jaqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza tal-politika ta’ koeżjoni, li l-PGD tagħhom ras għal ras huwa ta’ inqas minn 75% tal-medja tal-PGD ras għal ras ta’ l-UE kollha kemm hi,

C. billi l-kunċett ta’ koeżjoni ma ġiex definit b’mod ċar u jkopri ħafna attivitajiet tat-trawwim ta’ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali armonjuż fir-reġjuni ta’ l-UE,

D. billi l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-24 ta’ April 2007 dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir tal-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta' koeżjoni(4) isemmi li l-istruttura preżenti ta' l-iffinanzjar tal-politika ta' koeżjoni trid tiġi riveduta fid-dawl tat-tkabbir tal-ġejjieni; billi huwa jipproponi wkoll li l-iffinanzjar tal-kompetittività reġjonali u tal-koperazzjoni territorjali għandu jkun iktar iffukat fuq l-integrazzjoni fuq ekonomiji reġjonali u infrastruttura ta' importanza Ewropea u fuq l-għajnuna lil reġjuni sabiex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu mal-globalizzazzjoni u mal-bidla demografika,

E.  billi wieħed mill-prinċipji fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea huwa l-prinċipju tas-solidarjetà, li sservi sabiex jonqos l-isproporzjonalità fl-iżvilupp reġjonali ta' l-Unjoni,

F.   billi s’issa l-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE tat kontribut effettiv għall-iżvilupp ta' diversi reġjuni li qabel kienu pajjiżi ta’ koeżjoni (l-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u Spanja), minkejja li wħud mir-reġjuni għadhom sottożviluppati b’mod sinifikanti, u billi l-impatt tagħha mil-lat tal-konverġenza ta’ l-ifqar reġjuni għen sabiex tiżdied il-prosperità ta’ l-UE kollha kemm hi,

G. billi l-għan tal-politika ta' koeżjoni huwa li jagħmel lill-Istati Membri u lir-reġjunijiet viabbli ekonomikament, u għalhekk indipendenti minn għajnuna esterna, minkejja l-fatt li l-kisba ta' Fondi Strutturali mhix suġġetta għal limiti ta' żmien;

H.  billi hemm nuqqas ta' informazzjoni dettaljata u ta' studji komparattivi bi klassifiki dwar l-avvanz ta' reġjuni li jieħdu Fondi Strutturali;

I.   billi wara t-tkabbir għal 27 Stat Membru, l-UE issa għandha popolazzjoni li kibret u saret kważi 493 miljun persuna(5), li madwar 30%(6) minnhom jgħixu fill-100 reġjun ta’ l-objettiv ta’ konverġenza attwali, u billi d-differenzi bejn ir-reġjuni f’termini ta’ PGD fl-UE tas-27 bħalissa huma akbar ħafna minn dawk li kienu fl-UE tal-15, b’medja ta’ PGD ras għal ras ta’ bejn 24% (ix-Xlokk tar-Rumanija ) għal 303% (iċ-ċentru ta’ Londra) tal-medja tal-PGD ta’ l-UE,

J.   billi fl-UE tas-27, l-ifqar reġjuni ta’ l-objettiv ta’ konverġenza jinsabu prinċipalment fl-Istati Membri l-ġodda, fejn l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għadha kemm inbdiet riċentement, u għalhekk huwa impossibbli li jiġi evalwat is-suċċess tagħha mil-lat tat-tnaqqis tad-differenzi;

K. billi fl-ifqar Stati Membri it-tkabbir ekonomiku mhux imqassam b’mod inqas, u hemm it-tendenza li jkun ikkonċentrat madwar zoni urbani, filwaqt li f'dawn il-pajjiżi, parti sostanzjali tal-popolazzjoni tgħix fiz-zoni rurali,

L.  billi reġjuni li jsofru minn faqar ekonomiku b’riżultat ta’ nuqqas ta’ infrastruttura bażika, aċċess ristrett għas-servizzi pubbliċi u rata għolja ta’ qgħad qed jiġi dipopolati b’rata aktar mgħaġġla minn reġjuni oħra u billi dan il-fatt, min-naħa tiegħu, idgħajjef il-ħila tagħhom li jiżviluppaw ġenwinament,

M. billi l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE jirrikjedi li l-Kommunità taġġusta l-politiki tagħha u li tapplika miżuri speċjali u speċifiċi għall-ibgħad reġjuni, minħabba s-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn ir-reġjuni, li ħafna minnhom huma fost l-ifqar reġjuni ta’ l-UE, fattur li jxekkel ħafna l-iżvilupp tagħhom minħabba l-effetti mħallta u dejjiema ta’ l-iżvantaġġi strutturali u ġeografiċi,

N. billi f'xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda, it-teħid tal-fondi għall-ifqar reġjuni tal-politika ta’ koeżjoni kien baxx waqt il-perjodu 2004-2006,

O.  billi sabiex l-iffinanzjar strutturali ta’ l-UE jiġi implimentat b’suċċess, tinħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarju,

P.  billi l-fatt li l-finanzjament ikun ingħata ma jiggarantix li dan ikun ser jintuża tajjeb, u billi l-awtoritajiet f’reġjuni foqra sikwit ma jkollhomx il-ħiliet u l-esperjenza xierqa u l-fondi proprji neċessarji sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-koeżjoni li huma intitolati għalihom,

Q. billi hemm numru ta’ raġunijiet għalfejn l-ekonomija ta’ reġjuni individwali baqgħet lura, u billi l-ifqar reġjuni ta’ l-UE fuq kollox m'għandhomx l-infrastruttura basika essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli bilanċjat u għal aktar investiment, u lanqas m'għandhom riżorsi umani adegwati u inċentivi adegwati għall-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja kollha u l-innovazzjoni,

R.  billi l-ekwità privata, il-kapital ta’ sogru, il-fondi li jduru u l-mikro-krediti għal intrapriżi li jkunu għadhom qed jibdew għandhom irwol essenzjali bħala l-forza ewlenija għall-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ l-impjiegi,

S.  billi l-esklużjoni soċjali u r-rati ta’ qgħad għolja ħafna u fuq medda twila ta’ snin huma prevalenti b’mod partikulari fl-ifqar reġjuni, speċjalment fost in-nisa, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità u gruppi etniċi vulnerabbli,

T.  billi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jinkludu l-aċċess indaqs għan-nisa u għall-irġiel għall-utilitajiet kollha, opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol u aċċess indaqs għall-edukazzjoni, il-kultura u servizzi tas-saħħa u dawk soċjali,

1.  Iħeġġeġ li tittieħed azzjoni riżoluta sabiex jonqsu l-aktar nuqqasijiet kbar ta’ l-iżvilupp fl-ifqar reġjuni ta’ l-UE, u jinnota b’mod partikulari li l-Istati Membri l-ġodda, li saru jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni sa mill-2004, jirrikjedu appoġġ speċjali minħabba d-diffikultajiet istituzzjonali, amministrattivi u ekonomiċi kontinwi tagħhom;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-iżviluppi storiċi fil-pajjiżi ta’ koeżjoni ta’ l-UE-15; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri kkonċernati, ir-reġjuni tagħhom, l-awtoritajiet lokali u partijiet oħra interessati, tenfasizza b'mod ċar, minn banda, miżuri għat-tkabbir fir-reġjuni li kellhom suċċess (bħall-Irlanda) u mill-banda l-oħra, l-ostakoli prinċipali fir-reġjuni li għadhom lura, sabiex dawn l-impedimenti ma jerġgħux jinqalgħu fir-reġjuni ta' l-Istati l-Membri l-ġodda;

3.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri għas-sitwazzjoni fir-reġjuni li, minkejja li huma l-ifqar fl-UE-15 u minkejja n-nuqqas ta’ titjib fid-dejta ta' l-iżvilupp tagħhom, m'għadhomx meqjusa bħala l-ifqar reġjuni ta' l-UE-27 għal raġunijiet purament statistiċi; jirrakkomanda li titqies is-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn ir-reġjuni;

4.  Huwa tal-fehma li d-diffikultajiet fit-teħid tal-finanzjament huma preokkupazzjoni importanti u urġenti, b’mod partikulari għall-Istati Membri l-ġodda, li qed isibuha diffiċli li jissodisfaw ir-rekwiżiti kumplikati tal-politika ta’ koeżjoni u li spiss ma jkollhomx biżżejjed kapital ta’ kontribut (privat jew pubbliku) sabiex jiffinanzjaw minn qabel l-għotjiet tal-Komunità, minħabba d-diffikultajiet proċedurali u r-restrizzjonijiet tal-ħin involuti fl-implimentazzjoni tal-proġetti. B’riżultat ta’ dan, il-benefiċjarji potenzjali ma jkunux jistgħu jieħdu jew jitolbu fondi li huma jistgħu jagħmlu użu tajjeb minnhom;

5.  Huwa mħasseb li f'xi reġjuni ma tantx tiġi mmirata l-għajnuna Komunitarja, bir-riżultat li s-sitwazzjoni f’dawk ir-reġjuni ma titjiebx, minkejja l-bosta snin ta' iffinanzjar u li r-riżorsi tal-Komunità jinħlew;

6.  Jissuġġerixxi li l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha tqis kif jixraq id-diversità tal-ħtiġijiet ta' l-ifqar reġjuni, filwaqt li l-għajnuna titfassal għall-fatturi speċifiċi tagħhom u l-potenzjal tagħhom jiġi sfruttat, sabiex jiġu mwettqa proġetti li jipproduċu riżultati dejjiema u żvilupp ġenwin fuq il-bażi ta’ pjanijiet plurijennali ta’ żvilupp li jqisu kif jixraq lill-pjanijiet għall-iżvilupp mil-lat ta’ spazju;

7.  Jirrakkomanda li l-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE tiġi adattata għall-ibgħad reġjuni kif hemm referenza f’Artikolu 299(2) peremzz ta’ miżuri speċjali u speċifiċi;jappoġġja l-istrateġija li użat l-UE sabiex tgħin lill-ibgħad reġjuni, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti malajr dettalji tas-sustanza ta' l-'isħubija iktar b'saħħitha' li hija annunċjat, b'mod partikulari fir-rigward tat-titjib tal-kompetittività ta’ l-ibgħad reġjuni, u l-pjan ta' azzjoni tagħha għall-viċinat usa';

8.  Jirrakkomanda li, bil-għan li jitħaffef it-tkabbir ekonomiku u li jkun hemm aktar investiment u żvilupp sostenibbli bilanċjat fl-ifqar reġjuni, ir-reġjuni u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lil proġetti mfassla sabiex jagħmlu lir-reġjuni aktar aċċessibbli billi jipprovdulhom l-infrastruttura bażika, b’mod partikulari fl-oqsma tat-trasport u ta’ l-ITC, b’qies kif jixraq għall-impatt soċjali u ambjentali ta’ dan it-tip ta’ proġetti;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jagħtu qies xieraq lill-ħtieġa għall-iżvilupp bilanċjat fi ħdan ir-reġjuni individwali meta jippjanaw programmi ġejjiena għall-iżvilupp reġjonali; jemmen li huwa partikolarment importanti li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ zoni urbani, filwaqt li tiġi segwita politika urbana adegwata inkluża politika tad-djar għal “kwartieri fqar” u politika rurali adegwata;

10. Jemmen li huwa partikularment importanti li jingħataw aktar kompetenzi fil-politika tal-koeżjoni lill-ibliet, sabiex dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu bi sħab mal-ħtiġijiet speċifiċi taz-zoni urbani; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ pjanijiet integrati ta’ żvilupp fejn il-politika ta’ koeżjoni tista’ tiġi marbuta b’mod dirett ma’ l-ippjanar urban;

11. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-ifqar reġjuni aktar attraenti għall-investituri billi jużaw il-vantaġġi naturali u kulturali ta’ dawk ir-reġjuni sabiex jiżviluppaw forom tradizzjonali ta’ attivitajiet ekonomiċi speċifiċi għal kull reġjun u sabiex joħolqu forom ġodda ta’ attività ekonomika; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonċentra iktar fuq miżuri ta' identifikazzjoni u ta' appoġġ sabiex jiġu kkonservati l-ħiliet u l-abitudnijiet speċifiċi li għadhom jeżistu f'reġjuni iżolati ta' l-Ewropa li għadhom lura;

12. Jilqa’ bi pjaċir il-fokus fuq l-użu tal-politika ta’ koeżjoni għal titjib fil-kapaċità komunitarja għall-innovazzjoni tul il-perjodu 2007 sa l-2013; jinnota li dan l-objettiv għandu japplika wkoll għall-ifqar reġjuni; ipoġġi enfasi partikulari fuq il-ħtieġa li titnaqqas id-differenzi fit-teknoloġija fi ħdan u bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri permezz billi jtejbu n-netwerks ta’ koperazzjoni teknoloġika;

13. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li kwalunkwe valutazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għandha twassal għal titjib fil-politika innovattiva ta' koeżjoni f'Unjoni mkabbra fil-ġejjieni; ifakkar il-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq kunċetti ġodda ta’ żvilupp territorjali u ideat aktar speċifiċi għall-appoġġ ta’ l-iżvilupp ta’ massa kritika reġjonali madwar inħawi urbani u għenieqed (clusters) reġjonali oħra; ifakkar ukoll il-ħtieġa li jintuża approċċ divrenzjat għall-użu tal-Fondi Strutturali speċifiċi għall-ħtiġijiet tar-reġjuni kollha;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw proġetti li jżidu l-kapaċità reġjonali għall-ġenerazzjoni u għall-assorbiment ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikulari dawk relatati mal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-iżvilupp tar-riżorsi naturali, u li jinvolvu t-tixrid ta’ mudelli msejsa fuq konsum aktar baxx ta’ enerġija u l-użu ta’ enerġiji li jiġġeddu, sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jiżviluppaw tmexxija fl-eko-innovazzjoni mingħajr ma jkollhom jiffaċċjaw aspetti negattivi ta' żvilupp mhux sostenibbli li ffaċċjaw reġjuni oħra fiċ-ċiklu ta' żvilupp tagħhom;

15. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni territorjali (transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali) fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni sabiex jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat; iħeġġeġ f'dan ir-rigward li jitwaqqfu netwerks ta' koperazzjoni reġjonali u settorjali, li jinvolvu, b'mod speċjali, lill-ifqar reġjunijiet;

16. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fl-ifqar reġjuni permezz ta’ sistema integrata ta’ inċentivi ekonomiċi u soċjali għall-investituri, u jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi jiġu simplifikati, b’mod partikulari fir-rigward tal-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda u l-espansjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi eżistenti;

17. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fl-iskejjel u li jappoġġjaw skemi ta’ taħriġ għal intraprendituri futuri, liema skemi jkunu mmirati b’mod partikulari għaż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni anzjani u l-minoranzi esposti għall-esklużjoni soċjali;

18. Jilqa’ b’sodisfazzjon strumenti ġodda bħall-inizjattiva JEREMIE (Joint European Resources for Micro to Medium Enterprises) u l-inizjattiva JESSICA (Joint European Support for Sustainable Investment in City Areas); madankollu jsemmi l-fatt li dawn l-istrumenti waslu tard wisq biex jiġu użati b’mod sħiħ, u li l-kuxjenza dwar il-possibilitajiet tagħhom fil-livell lokali u reġjonali hija baxxa ħafna; jinnota l-ħtieġa urġenti li dan it-tip ta’ strumenti jiġu mxerrda u applikati bl-aktar mod wiesa’ possibbli fl-Istati Membri, u applikati skond is-sitwazzjoni reali f'dawn l-Istati, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet reali tal-benefiċjarji potenzjali u l-kapaċità tagħhom, f'termini prattiċi, illi jagħmlu użu minn dawn l-istrumenti,

19. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi sabiex tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lir-reġjuni billi toħloq programmi xierqa ta’ taħriġ; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva JASPERS (Joint Assistance in Supporting Projects in European Regions) li tipprovdi assistenza fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar;

20. Jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva introdotta riċentement “Reġjuni għall-bidla ekonomika” u l-impenn msemmi fiha għat-tifrix ta’ l-aħjar prattiki li, fil-passat, kellhom impatt li b’mod ċar kien pożittiv u li taw kontribut għat-tkabbir ekonomiku reġjonali; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, sabiex tiżgura li l-ifqar reġjuni ta’ l-UE jiġu inklużi fin-netwerk ta’ skambji ta’ l-aħjar prattiki, filwaqt illi jiddeskrivu dan it-tip ta’ prattiki fuq websajt pubbliku fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE;

21. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex joħolqu sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) bħala mezz effettiv ta’ kif jinvolvu kapital privat fil-finanzjament ta’ proġetti għall-iżvilupp reġjonali; jissuġġerixxi, f’dan is-sens, li jiġi stipulati regoli sempliċi u trasparenti li jiggvernaw it-twaqqif ta’ dan it-tip ta’ sħubiji, minħabba l-impatt tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, fuq il-finanzi pubbliċi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tagħmel direttivi, regoli u linji gwida li jkunu eħfef biex wieħed jifhimhom, bil-għan li tevita li jkun hemm miżinterpretazzjonijiet u li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi;

23. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità sabiex jissimplifikaw aktar il-proċeduri bil-għan li jiżguraw li l-fondi jiġu allokati b’mod trasparenti u effiċjenti, u jgħaddu b’ħeffa għand il-benefiċjarji finali; f’dan il-kuntest, jissuġġerixxi wkoll li l-kunċett ta’ punti ta’ kuntatt waħdiena jiġu sfruttati bis-sħiħ, u li jissaħħu l-proċeduri ta’ kontroll fuq l-użu tal-fondi; jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ma' l-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza u mar-responsabilità ta' l-awtorità ta' l-immaniġġjar għall-organizzazzjoni tal-publikazzjoni, elettronika jew b'mod ieħor, tal-lista tal-benefiċjarji, l-ismijiet ta' l-operazzjonijiet u l-ammont ta' fondi pubbliċi allokati għall-operazzjonijiet, kif stipulat f'Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006fn tat-8 ta’ Diċembru 2006;

24. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw koordinazzjoni politika, teknika u amministrattiva effettiva u osservanza effettiva mal-prinċipju ta' sħubija bil-għan li l-fondi jiġu mmaniġġjati sewwa; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta' sħubija li jiffunzjonaw sewwa fl-ifqar reġjuni;

25. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri għall-fatt li, bil-għan li jiġi żgurat żvilupp bilanċjat, jeħtieġ li jiġu stabbiliti sinerġiji bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jagħmlu użu minn analiżi tar-raġunijiet għalfejn baqgħet lura l-ekonomija, b’referenza partikolari għall-qgħad u għall-istrutturi relatati tiegħu, b’mod speċjali fl-ifqar reġjuni;

26. Jisħaq li r-rata tal-qgħad f’uħud mill-ifqar reġjuni ta’ l-UE hija ogħla minn 20%; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-qgħad huwa problema li jaffettwa l-ifqar reġjuni b’mod partikulari, u li għadu ogħla fost in-nisa u fost minoritajiet esposti għall-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ għan-nisa fis-suq tax-xogħol, u li jillivellaw id-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; iktar minn hekk, jitlob li tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni ferm speċifika tal-poplu Roma, li għalih il-problema ta' qgħad għal żmien twil hija kritika;

27. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Fond Soċjali Ewropew jintuża sew, li jsir investiment fil-kapital uman fl-ifqar reġjuni billi jiġi żgurat provvediment aħjar ta' edukazzjoni u livelli dejjem akbar ta' kwalifiki, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-anzjani, u minoritajiet esposti għall-esklużjoni soċjali, u billi jsir investiment f’azzjonijiet kumplimentari u s-servizzi relevanti ta appoġġ u servizzi tal-komunità u servizzi ta' kura li jtejbu l-opportunitajiet ta' impjieg;

28. Jisħaq li l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel għandhom jiġu promossi fl-istadji kollha tat-tfassil u tat-twettiq ta’ proġetti li jagħmlu parti mill-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE;

29. Jinnota li l-2007 ġiet imsejħa Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu proġetti għall-qawmien ta’ kuxjenza dwar l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneri fil-programmi kollha tal-Komunità, b’mod partikulari dawk b’impatt fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

30. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb is-sistema wżata għall-evalwazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u sabiex toħloq mezz ġdid ta' kif jitkejjel l-iżvilupp reġjonali, li ma jkunx ibbażat biss fuq il-PGD iżda wkoll fuq indikaturi oħra bħalma huma r-rati tal-qgħad u indikaturi kwantittattivi u kwalitattivi oħra, filwaqt illi tittejjeb il-metodoloġija għall-kalkolu tal-Parità ta’ Kapaċità għall-Infiq, jiġifieri permezz ta' l-iżvilupp ta' indikaturi reġjonali pjuttost milli nazzjonali;

31. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex regolarment tipprovdilu statistiċi aġġornati, affidabbli u kumparabbli li jagħmluha possibbli li b’mod preċiż jiġi evalwat l-iżvilupp fl-ifqar reġjuni ta’ l-UE;

32. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-impatt tal-politika għall-koeżjoni u tistudja r-raġunijiet ta’ kwalunkwe riżultati negattivi tal-politiki komunitarji fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ta’ l-2009 tal-baġit komunitarju, u fir-rapport li ġej dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, bil-għan li jiġi żgurat li l-politika ta’ koeżjoni tkun effettiva daqskemm huwa possibbli tul il-perjodu ta' programmar ta' bejn 2007-2013;

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 210, 31.7.2006, p 25 Corrigendum ippublikat ĠU L 239, 1.9.2006, p. 248.

(2)

ĠU L 291, 21.10.2006, p 11

(3)

ĠU C 302, 12.12.2006, p 1.

(4)

Testi Adotatti, P6_TA(2007)0130.

(5)

492 852 386. Sors: Eurostat/Uffiċċju taċ-Ċensimenti ta’ l-Istati Uniti.

(6)

Sors: Eurostat, Statistiċi fil-Fokus – Ekonomija u Finanzi 17/2006.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-politika ta' l-UE għall-koeżjoni dieħla f'perjodu ieħor ta' programmar. Din hija l-ewwel sena tal-perjodu ta’ perspettiva finanzjarja 2007-2013 li fiha japplikaw regolamenti ġodda tal-politika għall-koeżjoni. Ġew adottati linji gwida strateġiċi, u l-linji ġenerali tal-politika ġew stipulati. Issa wasal iż-żmien li jiġu mressqa rakkomandazzjoni xierqa bil-għan li l-politika l-ġdida għall-koeżjoni tkun effettiva kemm jista’ jkun. Fuq il-bażi ta’ l-istatistiċi li juru l-impatt li kellha l-politika għall-koeżjoni s’issa u b’għarfien tal-problemi li żammew lil xi pajjiżi milli jgawdu b’mod sħiħ mill-benefiċċji tal-fondi strutturali fil-passat, dan ir-rapport b’inizjattiva proprja qed jipprova jiżgura li l-politika għall-koeżjoni tkun effettiva kemm jista’ jkun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, sabiex l-impatt tagħha jkun viżibbli u perċettibbli kemm jista’ jkun, b’mod partikulari fl-ifqar reġjuni ta’ l-UE.

Huwa importanti ħafna li jitpoġġa enfasi fuq il-prinċipji li fuqhom l-Istati Membri u l-UE jistgħu jibbażaw azzjoni sabiex titjieb l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni fl-ifqar reġjuni u sabiex jiġu żgurati l-aħjar riżultati possibbli mil-lat ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali f’dawn ir-reġjuni. Diġà ġew ippjanati l-fondi għar-reġjuni li jaqgħu taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza fil-perspettiva finanzjarja 2007-2013, u issa jrid jiġi żgurat li l-fondi fil-fatt jinġabru bil-għan li l-ifqar reġjuni mill-inqas jilħqu l-livell medju ta’ żvilupp għall-UE tas-27. Dan għandu jagħmilha possibbli li d-differenzi bejn l-ogħna u l-ifqar reġjuni ta’ l-UE, li bħalissa huma enormi, biż-żmien jitnaqqsu.

Ħafna mill-ifqar reġjuni jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda, li sikwit m'għandhomx il-kapaċità amministrattiva, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa sabiex jagħmlu użu mill-fondi disponibbli. Dan ir-rapport fih numru ta’ rakkomandazzjonijiet u rimarki mmirati sabiex itejbu t-teħid u l-użu tal-fondi strutturali, u b’hekk jinkiseb żvilupp sostenibbli fl-ifqar reġjuni.

L-għan ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE hu li jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp fost ir-reġjuni; l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ifqar reġjuni huwa fl-interess ta’ l-Unjoni kollha kemm hi. Bħalissa, 100 minn dawk li huma meqjusa bħala l-ifqar reġjuni – jiġifieri dawk li l-PGD tagħhom ras għal ras huwa ta’ inqas minn 75% tal-medja ta’ l-UE - jaqgħu taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza tal-politika ta’ koeżjoni.

Id-differenzi bejn ir-reġjuni mil-lat ta’ PGD ras għal ras huma kbar ħafna, u huma ogħla fl-UE tas-27 milli kienu fl-UE tal-15. Dawn id-differenzi jidhru fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1: PGD reġjonali ras għal ras fl-UE tas-27 – figuri ta’ l-2004 figures (f’PPS, l-UE tas-27 = 100)

Il-15-il reġjun bl-ogħla PGD

Il-15-il reġjun bl-aktar PGD baxx

1

Ċentru ta’ Londra (Renju Unit)

303

1

Grigal (RO)

24

2

Lussemburgu (LU)

251

2

Severozapaden (BG)

26

3

Reġjun ta’ Brussell-Kapitali (BE)

248

3

Yuzhen tsentralen (BG)

26

4

Hamburg (DE)

195

4

Severen tsentralen (BG)

26

5

Vjenna (AT)

180

5

Nofsinhar -Muntenia (RO)

28

6

Île de France (FR)

175

6

Lbiċ -Oltenia (RO)

29

7

Berkshire, Buckinghamshire u Oxfordshire (Renju Unit)

174

7

Severoiztochen (BG)

29

8

Il-Baviera ta’ Fuq (DE)

169

8

Yugoiztochen (BG)

30

9

Stokkolma (SE)

166

9

Xlokk (RO)

31

10

Utrecht (NL)

158

10

Majjistral (RO)

33

11

Darmstadt (DE)

157

11

Lubelskie (PL)

35

12

Praga (CZ)

157

12

Podkarpackie (PL)

35

13

Nofsinhar u l-Lvant (IE)

157

13

Ċentru (RO)

35

14

Bremen (DE)

156

14

Podlaskie (PL)

38

15

Grigal ta’ l-Iskozja (Renju Unit)

154

15

Punent (RO)

39

Sors: Stqarrija għall-aħbarijiet 23/2007ta’ l-Eurostat – 19 ta’ Frar 2007.

Il-figuri t’hawn fuq ippubblikati mill-Eurostat juri li hemm qabża enormi fl-iżvilupp bejn l-ogħna u l-ifqar reġjuni ta’ l-UE, filwaqt li l-parti l-kbira ta’ l-ifqar reġjuni jinsabu fl-Istati Membri taċ-ċentru u ta’ l-lvant ta’ l-Ewropa, li ssieħbu ma’ l-Unjoni fl-aħħar żewġ tkabbiriet (2004 u 2007).

Din is-sitwazzjoni titlob għal azzjoni serja sabiex jitnaqqsu d-differenzi bejn l-ogħna u l-ifqar reġjuni. Bil-għan li jkun possibbli għalihom li jkollhom żvilupp bilanċjat, ir-reġjuni li għadhom lura mil-lat ta’ żvilupp, li għaddejjin minn ristrutturar jew li jsofru minn żvantaġġi ġeografiċi, ekonomiċi u soċjali speċifiċi, għandhom, flimkien mal-fondi disponibbli, jingħataw assistenza teknika sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw id-diffikultajiet proċedurali ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE.

Il-politika ta’ koeżjoni għamlitha possibbli li reġjuni ta’ l-UE li qabel kienu fqar jilħqu livell sodisfaċenti ta’ żvilupp. Bl-għajnuna tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, l-erba’ pajjiżi li qabel kienu magħrufa bħala l-‘pajjiżi tal-koeżjoni’ (l-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u Spanja) esperjenzaw livelli notevoli ta’ tkabbir ekonomiku.

Tabella 2:

Il-progress li sar mill-pajiżi ta’ koeżjoni mil-lat ta’ PGD ras għal ras (EU =100)

                                  Spanja Portugall      Greċja Irlanda

1960

60.76

40.48

44.78

64.52

1970

74.89

51.97

64.50

62.97

1980

74.46

57.11

71.79

67.40

1990

77.94

62.97

59.41

75.30

2000

82.29

68.37

65.51

115.26

2002

84.48

69.23

66.59

122.26

Sors: It-Tlaħħiq fl-Ewropa: L-esperjenzi tal-Portugall, Spanja u l-Ġreċja fis-snin disgħin, Karl Aiginger; Dokumenti ta’ ħidma tad-WIFO (Österreichisches Institut für wirtschaftsforschung), Nru 212, Diċembru 2003, p. 4.

In-nuqqas ta’ statistiċi komprensivi jew kumparabbli biżżejjed dwar l-iżvilupp fl-ifqar reġjuni qed iwaqqaf il-possibilità li ssir analiżi preċiża tal-kontribut tal-fondi strutturali għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu, analiżi ġenerali tal-figuri tal-PGD turi li fil-perjodu bejn "is-snin sittin u l-2002, il-PGD ta’ Spanja kiber minn 60.76% għal kważi 85% tal-medja komunitarja, dak tal-Portugall kiber minn 40% għal 69%, dak tal-Greċja kiber minn 44% għal 66%, filwaqt li dak ta' l-Irlanda kiber minn 65% għal 122%.

Fuq il-bażi ta’ dawn l-eżempji pożittivi, wieħed jista’ jassumi li l-Istati mebri li jaqgħu taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza attwali, min-naħa tagħhom, ser japprofittaw mill-opportunitajiet li qed toffrilhom il-politika l-ġdida għall-koeżjoni, b’mod partikulari għaliex minkejja li l-PGD tagħhom huwa aktar baxx mill-medja ta’ l-UE, għandhom rata ta’ tkabbir ekonomiku li hija ogħla sew mill-medja ta’ l-UE, u għaldaqstant juru potenzjalment kbir ta’ żvilupp.

Tabella 3:

Rata reali tat-tkabbir tal-PGD

Rata tat-tkabbir tal-PGD – bidla fil-persentaġġi mis-sena preċedenti

(il-figuri għall-2006, l-2007 u l-2008 huma tħabbiriet)

1997 -98 -99 -00 -01 -02 -03 -04 -05 -06 -07 -08

Bulgarija

-5,4

3,9

2,3

5,4

4,1

4,9

4,5

5,6

5,5

6,0

6,0

6,2

Rumanija

 

 

-1,2

2,1

5,7

5,1

5,2

8,4

4,1

7,2

5,8

5,6

UE 25

2,7

2,9

3,0

3,9

2,0

1,2

1,3

2,4

1,7

2,9

2,4

2,4

UE 15

2,6

2,9

3,0

3,9

1,9

1,1

1,1

2,3

1,5

2,7

2,2

2,3

Sors: Eurostat

Kif jidher f’Tabella 3, iż-żewġ pajjiżi li ssieħbu ma’ l-UE fl-2007 – il-Bulgarija u r-Rumanija – juri potenzjal partikularment kbir għal tkabbir ekonomiku. Jekk dan il-potenzjal għandu jiġi mwettaq b’mod sħiħ, jeħtieġ isiru, l-ewwel u qabel kollox, il-preparamenti xierqa, u dan jinkludi amministrazzjoni effettiva.

Madankollu, l-istatistiċi għat-teħid tal-fondi tul il-perjodu tas-sentejn inizjali juru li, minkejja li nkiseb progress ekonomiku kbir, l-Istati Membri li ssieħbu fl-2004 naqsu milli jagħmlu użu sħiħ tal-fondi disponibbli għalihom sa l-2006, prinċipalment minħabba dik li tista' tissejjaħ ineffiċjenza amministrattiva.

Tabella 4:

Teħid tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni fl-UE ta’ l-10

(Mejju 2004 sa Settembru 2006)

€ miljuni

(1) Impenni

(2) Ħlasijiet

(2)/(1)

UE 10

21 494.5

5 622.8

26.2%

Ir-Repubblika Ċeka

2 224.3

521.9

23.5%

L-Estonja

604.4

177.7

29.4%

Ċipru

93.6

18.1

19.3%

L-Ungerija

2 945.9

959.0

32.6%

Il-Latvja

1 092.8

274.8

25.2%

Il-Litwanja

1 380.0

353.9

25.6%

Malta

86.4

22.7

26.2%

Il-Polonja

11 015.2

2 701.5

24.5%

Slovenja

415.5

141.9

34.1%

Slovakja

1 636.6

451.6

27.6%

Sors: Preżentazzjoni ta’ Dalia Grybauskaitė, Kummissarju Responsabbli mill-Programmar Finanzjarju u l-Baġit, Brussell, 21 ta’ Settembru 2006

Hemm numru kbir ta’ eżempji li juru kif l-Istati Membri l-ġodda naqsu milli jagħmlu użu mill-fondi disponibbli. L-ifqar reġjuni għandhom it-tendenza li jkollhom l-akbar diffikultajiet sabiex jieħdu l-fondi. L-awtoritajiet f’dan ir-reġjuni sikwit ma jkollhomx il-ħiliet, l-esperjenza u l-fondi proprji meħtieġa sabiex jiffaċċjaw ir-rekwiżiti kumplikati tal-politika ta’ koeżjoni, u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jagħmlu talba għall-fondi li huma, fil-prinċipju, huma intitolati għalihom.

Jeħtieġ li wieħed jisħaq li l-kapaċità istituzzjonali hija prekundizzjoni essenzjali għat-twettiq b'suċċess tal--rogrammi u tal-proġetti u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Tul iż-żmien ta' l-għajnuna ta’ qabel is-sħubija, diversi programmi wrew numru kbir ta’ nuqqasijiet istituzzjonali, maniġerjali u amministrattivi min-naħa tal-benefiċjarji. Dawn in-nuqqasijiet ma ġewx kompletament megħluba, iżda jridu jiġi indirizzati fil-futur qarib ħafna sabiex il-fondi jiġu investiti u minfuqa tajjeb.

Għaldaqstant jeħtieġ ikun hemm:

- amministrazzjoni aħjar, sabiex tagħmilha possibbli għar-reġjuni li jieħu l-għajnuna u li jużawha effettivament;

- assistenza teknika, b’mod partikulari għall-preparazzjonijiet għat-twettiq ta’ proġetti ġodda;

- kwalità, kemm esterna fis-sura ta’ għarfien espert, kif ukoll interna, sabiex wieħed ikun jista’ jagħraf x'inhu meħtieġ verament;

- kontrolli tal-kwalità tal-proġetti u ta’ l-infiq, u evalwazzjoni tas-sostenibilità tal-proġetti li diġà ġew implimentati.

Huwa wkoll importanti li l-fondi jitwasslu b’ħeffa lir-reġjuni eliġibbli. Xi drabi l-fondi jdumu wisq sabiex jaslu għand il-benefiċjarju, u dan iwassal għal spiża akbar tal-proġetti. It-twassil tal-fondi jrid ikun ibbażat fuq regoli trasparenti u kriterji ċari.

Huwa diffiċli li jiġu evitati mekkaniżmi kumplessi għall-implimentazzjoni tal-fondi strutturali, li fuqhom jagħmlu impatt tliet livelli differenti ta’ regolamentazzjoni, jiġifieri r-regoli komunitarji, l-oqsfa nazzjonali u l-prattiki reġjonali. Is-simplifikar tal-proċeduri hija kwistjoni li trid tiġi indirizzati fil-livelli kollha, sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni sussegwenti u sabiex jiġi faċilitat u mħaffef it-twettiq tal-programmi.

L-immaniġġjar sod tal-fondi strutturali jitlob ukol għal koordinazzjoni fid-diversi livelli (politiku, tekniku u aministrattiv). Din hija problema urġenti b’mod partikulari għall-Istati Membri l-ġod, fejn jeħtieġ li tittieħed azzjon aktar effettiva. Id-diskussjonijiet biex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-lokalitajiet huma essenzjali, u l-ebda qasam ta' ggvernar m'għandu jitħalla barra minn dan id-djalogu strutturat.

Il-politika ta’ koeżjoni m'għandhiex x'taqsam biss ma' finanzjament. iżda hija wkoll dwar sħubiji bejn id-diversi partijiet interessati. L-azzjoni u l-koperazzjoni fuq livell wieħed mhumiex biżżejjed sabiex jissaħħaħ l-effett ta’ lieva. Is-sħubiji u l-flussi tajba ta’ informazzjoni għaldaqstant huma partikularment neċessari. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi stabbilit qafas li fih ikun jistgħu isiru l-interazzjonijiet neċessarji, jeħtieġ tiġi mwaqqfa sistema ta’ skambji ta’ esperjenzi. Dan jista’ jwassal għall-introduzzjoni ta’ regoli u standards li jtejbu l-kapaċitajiet amministrattivi b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni tar-regoli u r-regolamenti.

It-tkabbir ekonomiku għandu tendenza li jkun konċentrat madwar ċerti zoni. Dan jidher ċar b’mod partikulari fil-pajjiżi taċ-ċentru u ta’ l-lvant ta’ l-Ewropa li għandhom reġjuni tal-bliet kapitali li qed jikbru b’rata mgħaġġla. It-tkabbir urban u l-kompetittività dejjem akbar jistgħu b’ħafna modi jservu ta’ katalista għall-iżvilupp tal-komunitajiet rurali ta’ madwarhom. Madankollu jibqa’ l-fatt li f’xi reġjuni jeżisti nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku. Barra minn dan, anke l-qliebi ta’ l-iżvilupp infushom – il-bliet – għandhom l-problemi tagħhom fil-kwartieri l-fqar tagħhom, u għaldaqstant, politika urbana effettiva għandha tindirizza wkoll il-problemi tal-kwartieri mitluqa u l-esklużjoni soċjali. Barra minn dan, ir-reġjuni li jsofru minn faqar ekonomiku b’riżultat ta’ nuqqas ta’ infrastruttura bażika, aċċess ristrett għas-servizzi pubbliċi u rata għolja ta’ qgħad qed tonqsilhom il-popolazzjoni b’rata aktar mgħaġġla minn reġjuni oħra, u jeħtieġu politika li tippromwovi l-intraprenditorija u tħares il-bażi tal-popolazzjoni ta’ dan it-tip ta’ reġjuni, bil-għan li jinkiseb tkabbir ġenwin.

It-tħaffif tat-tkabbir ekonomiku fl-ifqar reġjuni huwa prekundizzjoni essenzjali għall-kisba u ż-żamma ta’ standards ta’ għixien għolja fl-Unjoni. Il-konverġenza reġjonali fi ħdan l-UE għandha importanza kruċjali jekk l-Unjoni trid tkun kompetittiva u b’saħħitha globalment fil-ġejjieni qarib. Madankollu hemm riskju li l-impatti tal-politika jonqsu jekk ir-reġjuni li qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-iżvilupp ikomplu jibqgħu lura, u b’hekk jikber il-volum ta’ l-infiq.

Il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-ifqar reġjuni iridu jiġu identifikati u jeħtieġ jinstabu mezzi xierqa sabiex ikabbru l-iżvilupp tagħhom billi jużaw ir-riżorsi naturali, il-beni kulturali u l-ambjent tagħhom, fiwaqt li jagħtu l-attenzjoni kif jixraq lill-ħarsien u lill-iżvilupp tagħhom. Ir-rekwiżit fundamentali hu li jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet ewlenin ta’ kull reġjun u li jiġu ffokati l-fondi fuq l-objettivi t-tajba.

Għall-pajjiżi ta’ koeżjoni, jeħtieġ li tinħoloq infrastrutturali għal aktar investimenti. Ma teżisti l-ebda kontradizzjoni inerenti bejn il-kompetittività u l-għan tal-koeżjoni; madankollu, huwa essenzjali li wieħed jifhem iċ-ċirkustanza li fihom l-effett ta’ lieva jagħti spinta lit-tkabbir. Sabiex jintlaħaq livell speċifiku ta’ kompetittività, ir-reġjuni fqar jeħtieġ li jkollhom infrastruttura bażika li tkun żviluppata biżżejjed. L-investiment fl-edukazzjoni u fil-bini tal-kapital uman fl-ifqar reġjuni huwa importanti wkoll għax ir-riżorsi umani għanhom influwenza deċiżiva fuq, fost affarijiet oħra, il-ħila ta’ reġjun li jattira l-investituri u li jiggarantixxi tkabbir ġejjien.

Hemm bżonn fundamentali li jsir aktar użu minn sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) u li dawn jiġu promossi bil-għan li jiżviluppaw l-ifqar reġjuni. Ir-regoli li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-PPPs jeħtieġ li jiġu stipulati, u l-ostakoli li jsibu jeħtieġ li jitnaqqsu. Hemm nuqqas ta’ prattiki tajba fl-Istati Membri l-ġodda, u l-involviment tal-kapital privat għandu importanza kruċjali għall-ġenerazzjoni ta’ aktar investimenti. L-appoġġ finanzjarju għandu jintefaq b’mod trasparenti sabiex ikun possibbli li jiġi żgurat li dan l-appoġġ jgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi li saru.

Jaspers, Jeremie u Jessica huma mezzi eċċellenti ta’ appoġġ, inter alia, għall-SMEs fil-livell reġjonali, iżda l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġ li jagħmlu aktar sabiex jippromwovuhom, biex jiżguraw użu sħiħ u effettiv ta’ dawn l-inizjattivi, b’mod partikulari fl-ifqar reġjuni.

L-iżvilupp ekonomiku huwa marbut mill-qrib ma’ l-innovazzjoni, li hija fattur kruċjali ta' l-iżvilupp reġjonali. Il-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE, taħt l-istrateġija ta’ Liżbona, trid tkun immirata lejn iż-żieda tal-kapaċità ta’ l-innovazzjoni ta’ l-UE, u għaldaqstant huwa importanti għall-ifqar reġjuni li ma jiġu minsija fl-isforzi għall-kisba ta’ dan l-għan. Fattur importanti għall-promozzjon ta' l-innovazzjoni hija leġiżlazzjoni ta' kwalita aħjar fil-pajjiżi ta' l-UE, li għandha trawwem, aktar milli tibblokkja, proċessi ta' innovazzjoni f'setturi importanti ta' l-ekonomija. L-ifqar reġjuni aktarx ikunu l-iktar vulnerabbli f'dan ir-rigward.

Appoġġ attiv għall-intraprenditorija huwa importanti għal żvilupp sostenibbli fl-ifqar reġjuni, u dan jitlob għall-involviment tal-partijiet kollha interessati. L-intraprenditorija għandha tiġi promossa b’mod partikulari fost in-nisa u l-persuni deħlin fis-suq tax-xogħol, kif ukoll gruppi li huma soċjalment esklużi.

Jeħtieġ ikun hemm sinerġija bejn il-politiki kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. Il-politiki għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u mhux jaħdmu kontra xulxin. Pereżempju, il-konċentrazzjoni tal-benefiċċji ta’ politiki oħra f’pajjiżi u f’reġjuni speċifiċi jistgħu inaqqsu l-impatt tal-politiki għall-iżvilupp. L-iżvilupp reġjonali jrid ikollu wkoll dimensjoni soċjali u ambjentali. Għaldaqstant, sabiex jingħataw spinta il-koeżjoni u l-iżvilupp effettiv fl-ifqar reġjuni, il-partijiet interessanti kollha jeħtieġ li jiġu mobilizzati u involuti b’mod sħiħ.

L-impatt ta' kwalunkwe problemi bejn il-politiki għandhom jitqiesu u jiġu analizzati fir-reviżjoni intermedja ta' l-2009 tal-Baġit Komunitarju u fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Minkejja li l-PGD huwa indikatur tajjeb tal-konverġenza ekonomika reġjonali, mhuwiex mezz adegwat għall-kejl tal-koeżjoni soċjali jew territorjali. Pereżempju, f’uħud mir-reġjuni l-fqar, it-tkabbir ekonomiku huwa sodisfaċenti iżda r-rata għolja ta’ qgħad hija problema, u dan qed ikollu impatt negattiv fuq l-iżvilupp demografiku tar-reġjuni. għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu meqjusa indikaturi oħra sabiex tinħoloq stampa ċara tal-ħtiġijiet veri ta’ l-ifqar reġjuni. Id-diskussjonijiet tar-raba’ rapport dwar il-koeżjoni għandu jinkludi dibattitu dwar l-indikaturi tal-koeżjoni u kif għandu jitkejjel l-iżvilupp reġjonali.

Il-qgħad – li qed jolqot l-aktar lill-ifqar reġjuni – irid jiġi miġġieled. L-eżistenza tal-qgħad fuq medda twila ta’ żmien fost ċerti gruppi soċjali huwa partikolarment preokkupanti, bħalma hija preokkupanti l-problema direttament relatata ta’ l-esklużjoni soċjali. Bil-għan li tinkiseb koeżjoni soċjali, iridu jsiru wkoll sforzi sabiex jiżguraw l-aħjar integrazzjoni possibbli ta’ persuni b’diżabilitajiet. L-opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel fis-suq tax-xogħol huma wkoll fattur essenzjali tal-koeżjoni soċjali fi ħdan l-UE. Għad hemm differenzi sinjifikanti fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa, u dan ixekkel it-tkabbir ekonomiku. Attenzjoni lid-differenzi relatati mal-ġeneri ser ittejjeb l-effettività ta’ l-implimentazzjoni tal-politika għal-koeżjoni u tippermetti li jitwettqu proġetti li jkunu ħielsa mid-diskriminazzjoni tal-ġeneri u tagħmilha possibbli li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol.

Hemm bżonn tiġi provduta informazzjoni dwar il-ħtieġa u l-mezzi ta’ implimentazzjoni ta’ approċċ ta’ ugwaljanza tal-ġeneri waqt l-implimentazzjoni u l-evawazzjoni ta’ programmi u proġetti, filwaqt li jsir użu aħjar mill-ustudji u l-analiżijiet eżistenti. Dawn il-prinċipji jistgħu jitpoġġew fil-prattika, pereżempju billi jiġi żgurat baġitjar tajjeb mil-lat ta' ġeneri (pereżempju billi jiġi ċċekkjat jekk il-baġit ikoprix b'mod xieraq miżuri dwar opportunitajiet indaqs), il-qawmien ta’ kuxjenza dwar il-ġeneri fost l-imsieħba soċjali u l-parteċipanti relevanti, u billi tiġi żgurata d-disponibilità ta’ ħiliet speċjalizzati relatati mal-ġeneri. Approċċ intelliġenti fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-ġeneri fil-ħajja soċjali u ekonomika u l-evitar ta’ kwalunkwe sterjotipar ta’ rwoli soċjali msejsa fuq il-ġeneru għandhom importanza essenzjali sabiex jagħmlu l-politika ta’ koeżjoni aktar effettiva.

Sabiex jissolvew il-problemi li qed jikkumbattu magħhom l-ifqar reġjuni ta’ l-UE, huwa meħtieġ programm bilanċjat imfassal għall-fatturi speċifiċi tagħhom. L-awtoritajeit responsabbli għat-tfassil ta’ pjanijiet plurijennali għandhom jagħtu attenzjoni, l-ewwelu qabel kollox, għas-sostenibilità tal-proġetti mwettqa u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp reġjonali. Għandha tingħata prijorità lil proġetti relatati ma’ l-aċċessibilità reġjonali u, għaldaqstant, għat-trasport u għall-infrastrutturi ta’ l-IT u t-telekomunikazzjonijiet. Il-ħolqien ta’ pjattaforma msejsa fuq l-inċentivi ekonomiċi xierqa ser iżid il-ħila ta’ reġjun partikulari li jattira l-investituri u jġib tkabbir ekonomiku sostenibbli li jgħin sabiex jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp.


PROĊEDURA

Titolu

L-irwol u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp fl-ifqar reġjuni ta' l-UE

Numru tal-proċedura

2006/2176(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

REGI
6.7.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja



 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni


 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja


 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Lidia Joanna Geringer de Oedenberg
30.5.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

4.10.2006

23.1.2007

12.04.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

7.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

45

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Bernadette Bourzai, Wolfgang Bulfon, Antonio De Blasio, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Zita Gurmai, Gábor Harangozó, Filiz Husmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Sérgio Marques, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Dimitar Stoyanov, Andrzej Jan Szejna, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Den Dover, Mojca Drčar Murko, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ljudmila Novak, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Zita Pleštinská, Christa Prets, Samuli Pohjamo, Toomas Savi, Gheorghe Vergil Şerbu, László Surján

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

15.6.2007

Kummenti
(informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Ġunju 2007Avviż legali