RAPPORT dwar il-ħatra ta' Hubert Weber bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri

8.11.2007 - (C6‑0310/2007 – 2007/0819(CNS))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Inés Ayala Sender
PR_CNS_art101

Proċedura : 2007/0819(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0433/2007
Testi mressqa :
A6-0433/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra ta' Hubert Weber bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri

(C6‑0310/2007 – 2007/0819(CNS))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 247(3) tat-Trattat KE u l-Artikolu 160b(3) tat-Trattat Euratom, skond liema artikoli l-Kunsill ikkonsultat lill-Parlament (C6-0310/2007),

–   wara li kkunsidra l-fatt li fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Novembru 2007, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-persuna nnomitata mill-Kunsill bħala membru fil-Qorti ta' l-Awdituri, u qies il-kwalifiki tal-persuna nnominata fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 247(2) tat-trattat KE u fl-Artikolu 160b(2) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra r-Regola 101 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0433/2007),

1.  Jagħti opinjoni favur il-ħatra ta' Hubert Weber bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u lill-istituzzjonijiet tal-verifika ta' l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Relazzjoni tajba ta' ħidma bejn il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri u l-Parlament hija ferm meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema ta' kontroll finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, il-Parlament għandu rwol pjuttost żgħir fil-proċedura tal-ħatra li tikkonċerna l-Membri tal-Qorti. Il-Membri tal-Qorti jinħatru mill-Kunsill fuq proposta ta' l-Istati Membri. Il-Parlament jiġi biss ikkonsultat qabel il-ħatra. Għaldaqstant, jistgħu jinħolqu tensjonijiet f'każ li jkun hemm opinjonijiet differenti bejn il-Parlament u l-Kunsill. Il-Parlament ipprova jnaqqas ir-riskju ta' differenzi ta' opinjonijiet billi għamel pubbliċi l-prinċipji ġenerali li ggwidaw id-deċiżjonijiet tiegħu fil-każ ta' żewġ riżoluzzjonijiet fl-1992 u fl-1995 dwar il-proċedura għall-konsultazzjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tal-Membri tal-Qorti[1].

B'mod partikulari, sabiex iżid it-trasparenza, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1992 il-Parlament ippubblika s-sett ta' kriterji li ġejjin sabiex iwettaq evalwazzjoni tal-kandidati:

a)            esperjenza professjonali ta' livell għoli miksuba fil-finanzi pubbliċi jew fit-tmexxija u l-verifika tat-tmexxija;

b)             fejn ikun il-każ, l-għoti minn qabel ta' kwittanza fejn huma kkonċernati inkarigi mwettqa preċedentement mill-kandidati;

c)             rekord ta' tmexxija impekkabbli fil-każ ta' dawk li wettqu inkarigi ta' tmexxija fis-setturi pubbliċi jew privati,

d)             li l-kandidati ma jkollhomx kariga eletta jew ma jkollhom ebda responsabilità f'partit politiku b'seħħ mid-data tal-ħatra;

e)             minħabba n-natura tal-ħidma li trid titwettaq, titqies ukoll l-età tal-kandidati: pereżempju, jitqies raġonevoli li jkun stipulat li l-Membri m'għandhomx ikollhom aktar minn 65 sena fi tmiem l-ewwel mandat tagħhom jew aktar minn 70 sena fi tmiem it-tieni mandat tagħhom. Lanqas ma jkun normali jekk, bil-ħatra bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, il-kandidati jkunu jistgħu jaħarbu mil-limitazzjoni ta' età applikabbli għall-istess karigi fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

f)              fl-aħħarnett, flimkien ma' l-evalwazzjoni tal-merti individwali, il-Parlament se jiżgura li jinżamm bilanċ sensibbli fil-membri tal-Qorti. Pereżempju, filwaqt li, f'sens ta' l-oriġini varjata tal-membri, il-mod kif inhu magħmul il-Qorti huwa pjuttost tajjeb u kif xieraq, mill-banda l-oħra n-nuqqas ta' rappreżentanza ta' nisa mhix ġustifikabbli;

g)             ikun anke xieraq li l-Membri ma jokkupawx il-kariga għal aktar minn żewġ mandati.

L-esperjenza mis-snin riċenti turi li minkejja r-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq id-differenzi fl-opinjonijiet mhux dejjem setgħu jiġu solvuti. Fl-2004 il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit adotta opinjoni negattiva fil-konfront ta' tnejn mill-għaxar membri l-ġodda tal-Qorti li kienu ġew proposti skond it-Trattat ta' Adeżjoni. Wieħed mill-kandidati rtira l-kandidatura iżda l-ieħor le. Minkejja li l-opinjoni negattiva kienet ikkonfermata mill-plenarja, il-kandidat kien nħatar mill-Kunsill bħala Membru tal-Qorti.

Fir-rigward tal-proċedura attwali tal-ħatra, diversi kandidati li ġew proposti mill-Istati Membri ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-kriterji kollha stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-1992. Barra minn hekk, l-isforzi tal-Parlament sabiex iżomm bilanċ sensibbli fil-kompożizzjoni tal-Qorti u sabiex jirrimedja n-nuqqas ta' rappreżentanza ta' nisa, qed jiddgħajfu mill-proposti attwali ta' l-Istati Membri. Filwaqt li sal-lum hemm 22 membru raġel u 5 membri nisa, dan il-bilanċ jinbidel għal 23 raġel u 4 nisa jekk il-kandidati kollha nnominati jiġu maħtura.

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, ir-rapporteur tqis li jinħtieġu għodod aktar effettivi li jiżguraw li l-Parlament u, l-aktar, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, jistabbilixxu relazzjoni fejjieda ma' kull Membru tal-Qorti min dakinhar tal-ħatra tiegħu jew tagħha. Hija ta' l-opinjoni li l-kriterji u l-proċeduri stipulati fir-riżoluzzjonijiet ta' l-1992 u ta' l-1995 jeħtieġu li, b'urġenza, jiġu rriveduti, ikkonsolidati u mgħarrfa lill-Kunsill, lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli min-nomina tal-kandidati, u lill-pubbliku.

Fl-aħħarnett, ir-rapporteur tirrakkomanda li titwaqqaf koperazzjoni ħafna aktar mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kunsill (ECOFIN) dwar il-proċedura tan-nomina. Il-Parlament għandu jirċievi informazzjoni fi żmien xieraq dwar il-kandidati proposti minn kull Stat Membru. F'perspettiva ta' żmien medju, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jaqblu dwar proċedura ta' nomina li tkun aktar koerenti u effiċjenti, li tkun element importanti tar-riforma urġenti fl-organizzazzjoni tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri.

  • [1]  Riżoluzzjoni A3-0345/92, ĠU C 337 tal-21.12.1992, p.51, u Riżoluzzjoni A4-0001/95, ĠU C 43 ta' l-20.02.1995, p.75.

ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' HUBERT WEBER

Imwieled fi Vjenna, l-Awstrija fl-1939.

Avukat ta' l-Università ta' Vjenna.

Ħadem fis-Servizz ċivili Awstrijakk fl-amministrazzjoni tal-politika ta' l-impjieg, u mbagħad bħala Assistent tad-Direttur fil-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali, mill-1957 sa l-1970.

Awditur tal-Qorti ta' l-Awdituri Awstrijakka, bi twettiq ta' verfiki ta' l-Uffiċċju tal-Kanċillier, tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u tal-Ministeru tal-Ġustizzja mill-1970 sa l-1975. Sa mill-1971, huwa kien involut fi proġetti mwettqa mis-Segretarju Ġenerali ta' l-Assoċjazzjoni Dinjija ta' l-Istituzzjonijiet tal-Verifika, INTOSAI (International Organization of Supreme Audit Institutions), li għandha s-sede tagħha fil-Qorti ta' l-Awdituri Awstrijakka.

Kap ta' l-Uffiċċju Privat tal-President tal-Qorti ta' l-Awdituri u mbagħad Kap ta' l-unità organizzattiva responsabbli mis-Segretarjat Ġenerali ta' l-INTOSAI mill-1975 sa l-1980. Kap ta' l-Istaff (kwistjonijiet organizzattivi, baġitarji u ta' l-istaff, taħriġ) mill-1981 sa l-1989.

Mill-1990 sa l-1995, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Verifika ta' l-Intrapriżi Pubbliċi, responsabbli mis-sorveljanza ta' l-iżviluppi internazzjonali, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-INTOSAI u organizzazzjonijiet imwaqqfa minn din f'reġjuni varji (AFROSAI, ARABOSAI, ASOSAI, CAROSAI, EUROSAI, OLACEFS u SPASAI), u għall-koperazzjoni fi proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-verfika finanzjarja.

Is-Sur Hubert Weber huwa Membru tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri sa mill-1 ta' Marzu 1995, u huwa responsabbli għad-Dipartiment ta' l-Iżvilupp u r-Rapporti tal-Verifika (ADAR) u kien Membru Superjuri (Dekan) tal-Grupp ADAR sat-8 ta' Marzu 2000 . Mid-9 ta' Marzu 2000 sat-30 ta' April 2004, is-Sur Weber kien id-Dekan tal-Grupp ta' Verifika III u kien responsabbli għall-verifika tal-qasam baġitarju "Koperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u ma' pajjiżi terzi" (baġit ġenerali ta' l-UE).

Mill-1 ta' Mejju 2004 sal-15 ta' Jannar 2005, huwa kien Dekan tal-Grupp ta' Verifika III: Azzjonijiet esterni.

Mis-16 ta' Jannar 2005, kien President tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri b'mandat ta' tliet snin.

ANNESS 2: ġabra ta' tagħrif miktuba minn HUBERT WEBER dwar l-esperjenza tiegħu bħala membru tal-qorti u l-OBJETTIVI għal mandat tal-ġejjieni

Kien il-Parlament Ewropew li ta l-ispinta għat-twaqqif tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, u l-mandat tagħha huwa influwenzat ħafna mid-Dikjarazzjoni ta' Lima, dokument imfassal mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istituzzjonijiet tal-Verifika Suprema (INTOSAI), spiss deskritt bħala l-Magna Carta tal-kontroll finanzjarju. Jien qattajt bosta snin f'kariga għolja fis-Segretarjat Ġenerali ta' l-INTOSAI u qist il-ħatra tiegħi bħala Membru tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri bħala opportunità sabiex naġixxi fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta' Lima. Din il-motivazzjoni, li diġà semmejt fl-ewwel smigħ tiegħi quddiem il-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit, għadha ma nbidlitx sa llum.

Bħala membru anzjan tal-Grupp ADAR (Rapporti u Żvilupp tal-Verifika), jien kont responsabbli għall-iżvilupp u l-ippubblikar ta' l-istrateġiji u tal-linji ta' gwida dwar il-verifika tal-Qorti u għal ktejjeb ġdid għall-kontroll finanzjarju. Ta' min isemmi wkoll l-introduzzjoni tal-kontroll u tal-garanzija tal-kwalità. Jien kont ukoll responsabbli għall-Opinjoni Nru 4/1997, li pprovdiet l-impetu għal Regolament Finanzjarju ġdid.

Bħala Membru anzjan tal-Grupp III (Attivitajiet Esterni) jiena mhux biss segwejt ir-riforma ta' l-attivitajiet esterni, deskritta mill-Kummissarju Chris Patten bħala "x-xempju tar-riforma tal-Kummissjoni", mill-perspettiva tal-verifika, iżda kont ukoll involut personalment fil-verifiki ewlenin.

Minn Jannar 2005, bħala President tal-Qorti ta' l-Awdituri, jiena stinkajt biex inħares l-operat ta' l-istituzzjoni permezz ta' sensiela ta' miżuri u biex ngħolli l-profil estern tal-Qorti. Nixtieq ukoll insemmi l-integrazzjoni bla problemi tal-Membri mill-Bulgarija u mir-Rumanija wara l-aħħar tkabbir u t-tkomplija b'suċċess ta' evalwazzjoni komprensiva tal-Qorti minnha nfisha li diġà qed tipproduċi r-riżultati, bħall-ħatra ta' Membru fil-qasam tal-komunikazzjoni.

Fuq l-inizjattiva tiegħi, il-Qorti issa hija rappreżentata b'mod attiv fil-gruppi ta' ħidma ta' l-INTOSAI li huma rilevanti għall-attivitajiet tagħha. L-istedina għall-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri biex tippresjedi l-grupp ta' ħidma għal standards konġunti tal-verifika għall-verifika tal-fondi ta' l-UE mwaqqfa mill-presidenti ta' l-istituzzjonijiet tal-verifika suprema ta' l-UE fil-qafas tal-kumitat tal-kuntatt huwa element wieħed mis-suċċessi taż-żmien li qattajt fil-kariga ta' President.

Jekk ninħatar għal mandat ieħor mill-ġdid, se nistinka biex niżgura li l-pjanijiet ta' azzjoni mfassla wara l-evalwazzjoni tal-Qorti minnha nnifisha jiġu implimentati u li joħroġ l-akbar ġid possibbli mill-peer review. Se nikkonċentra l-aktar sabiex, permezz ta' impenn kbir persunali, nagħti l-kontribut tiegħi biex jiġi żgurat li l-Qorti twettaq il-ħidma ewlenija tagħha, jiġifieri li tappoġġja lill-Parlament Ewropew b'rapporti li jkunu ċari, attwali u rilevanti fil-kuntest politiku.

PROĊEDURA

Titolu

Il-ħatra ta' Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri (is-Sur Hubert Weber)

Referenzi

N6-0022/2007 - C6-0310/2007 - 2007/0819(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

19.9.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

27.9.2007

Rapporteur(s)

               Data tal-ħatra

Inés Ayala Sender

11.9.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

6.11.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Szabolcs Fazakas, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Dan Jørgensen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Jan Mulder, Francesco Musotto, Bill Newton Dunn, Bart Staes, Alexander Stubb, Paul van Buitenen, Kyösti Virrankoski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Chris Davies, Edit Herczog, Véronique Mathieu, Gabriele Stauner, Petya Stavreva