Proċedura : 2007/0810(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0441/2007

Testi mressqa :

A6-0441/2007

Dibattiti :

PV 13/11/2007 - 13
PV 13/11/2007 - 15
CRE 13/11/2007 - 13
CRE 13/11/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 5.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0531

RAPPORT     *
PDF 194kDOC 187k
12 ta' Novembru 2007
PE 396.505v03-00 A6-0441/2007

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika ta' l-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika ta' l-Ungerija, fir-Repubblika ta' Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka

(11722/2007 – C6-0244/2007 – 2007/0810(CNS))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Carlos Coelho

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika ta' l-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika ta' l-Ungerija, fir-Repubblika ta' Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka

(11722/2007 – C6-0244/2007 – 2007/0810(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11722/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni(1), skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0244/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0000/2007),

1.  Japprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill kif emendat;

2.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test imressaq għall-konsultazzjoni b'mod sostanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kunsill  Emendi tal-Parlament

Emenda 1

Premessa 4

(4) Fi X XXXXXX 2007, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'kull wieħed minn dawn l-oqsma imsemmijin kienu ġew sodisfatti mill-Istati Membri konċernati.

(4) Fi X XXXXXX 2007, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'kull wieħed minn dawn l-oqsma imsemmijin kienu ġew sodisfatti mill-Istati Membri konċernati. Kull Stat Membru kkonċernat għandu jgħarraf bil-miktub, matul is-sitt xhur li jmiss, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, x'beħsiebu jagħmel dwar ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport u msemmija fis-segwitu li għad iridu jimplimentaw.

(1)

ĠU L 236, 23.9.2003, p.33.


NOTA SPJEGATTIVA

SFOND

Ħames Stati Membri - Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda - iffirmaw il-Ftehima Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 u l-Konvenzjoni ta' Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 ( ta' l-aħħar daħlet fis-seħħ fl-1995). Il-gvernijiet tagħhom ftiehmu li jneħħu gradwalment il-kontrolli kollha fil-fruntieri komuni ta' bejniethom u jdaħħlu l-libertà tal-moviment fit-territorju, li normalment huwa magħruf bħala z-zona ta' Schengen.

Fl-istess linja mat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, ġew implimentati xi miżuri ta' kumpens, fosthom: it-twaqqif ta' kontrolli effiċjenti fil-fruntieri esterni, it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-amministrazzjoni, tad-dwana, tal-pulizija u tal-ġudikatura ta' l-Istati Membri, politika komuni dwar il-viżi u l-ħolqien tas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (SIS).

L-acquis ta' Schengen (il-Ftehima/il-Konvenzjoni/ir-regoli ta' l-implimentazzjoni u l-ftehimiet marbuta magħhom) ġie integrat fil-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni Ewropea fl-1999, bit-Trattat ta' Amsterdam.

Il-ħames Stati membri tal-bidu maż-żmien żdiedu għall-15-il Stat Membru kollha ta' qabel: l-Italja daħlet fl-1990, Spanja u l-Portugall fl-1991, il-Greċja fl-1992, l-Awstrija fl-1995 u l-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka (b'arranġament speċjali) fl-1996. L-Irlanda u r-Renju Unit għandhom sehem parzjali biss, billi żammew il-kontroll tal-fruntieri tagħhom. Żewġ pajjiżi li m'humiex fil-Komunità - l-Iżlanda u n-Norveġja - daħlu wkoll fl-1996, imma għandhom sehem limitat fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-10 Stati Membri l-ġodda (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Litwanja, is-Slovenja, is-Slovakkja u Ċipru) adottaw l-acquis ta' Schengen meta ingħaqdu ma' l-UE fl-2004. F'dan il-mument, ninsabu wiċċ imb'wiċċ ma' l-akbar tkabbir fl-istorja ta' Schengen bid-dikjarazzjoni ta' 9 minnhom (barra Ċipru) li kienu lesti biex jibdew il-proċedura ta' l-evalwazzjoni.

L-EVALWAZZJONI TA' SCHENGEN

Skond l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, il-verifika permezz tal-proċeduri ta' l-evalwazzjoni li l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiġu applikati l-partijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen ġew milħuqa mill-Istati Membri l-ġodda hija kondizzjoni ewlenija biex il-Kunsill ikun jista' jieħu d-deċiżjonijiet għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma' dawk l-Istati Membri.

L-evalwazzjonijiet għal dawn l-Istati Membri l-ġodda bdew fl-2006, wara talba minn kull Stat Membru (dikjarazzjoni ta' tħejjija). L-evalwazzjonijiet tmexxew f'kull Stat Membru ġdid wieħed wieħed taħt ir-responsabilità tal-grupp ta' ħidma ta' l-evalwazzjoni ta' Schengen.

Il-proċeduri ta' l-evalwazzjoni bdew bi kwestjonarju għall-Istat Membru konċernat dwar il-partijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen (fruntieri, ħruġ ta' viżi, protezzjoni tad-dejta, u koperazzjoni mal-pulizija) u komplew biż-żjarat ta' l-evalwazzjoni. Timijiet ta' esperti ntbagħtu fil-fruntieri, fil-konsolati, fil-faċilitajiet tas-SIS, eċċ, u ħejjew rapporti dettaljati li kien fihom deskrizzjonijiet fattwali, evalwazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal miżuri oħra u żjarat ta' segwitu. Ir-rapport finali għandu jistabbilixxi jekk l-Istat Membru l-ġdid konċernat, wara li jkun għadda mill-proċedura sħiħa ta' l-evalwazzjoni, jissodisfax il-kondizzjonijiet ewlenin għall-applikazzjoni prattika ta' l-acquis ta' Schengen.

KONKLUŻJONIJIET DWAR KULL STAT MEMBRU ĠDID

1. Ir-Repubblika Ċeka

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Jannar 2006. Il-fruntieri esterni għall-ġejjieni se jkunu l-ajruporti biss. L-ajruport ta' Praga huwa konformi ma' l-istandards ta' Schengen, waqt li kienet meħtieġa żjara oħra fl-ajruport ta' Brno. Instabu nuqqasijiet rigward nuqqas ta' staff, is-sistema għall-analiżi tar-riskju u l-immaniġġjar tal-fruntieri.

Iż-żjarat fil-konsolati wrew li kien hemm skambju pożittiv ta' l-informazzjoni u sistema tajba ta' trażmissjoni ta' dejta elettronika. Instabu nuqqasijiet rigward il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq il-viża, l-għarfien tar-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-infrastrutturi, il-ħażna ta' l-istikers tal-viża, eċċ.

Ma stabux problemi dwar il-protezzjoni tad-dejta. Kien hemm evalwazzjoni pożittiva dwar il-koperazzjoni mal-pulizija, iżda jeħtieġ post wieħed ta' kuntatt għal sorveljanza transkonfinali u ta' insegwiment ta' urġenza.

Iż-żjarat ta' segwitu ta' bejn it-2 u l-5 ta' Lulju 2007 kkonkludew li l-awtoritajiet kien irnexxielhom jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet li kien fadal u li nġibdet l-attenzjoni għalihom.

L-evalwazzjoni tas-SIS saret f'Settembru 2007. Għalkemm jonqos li tingħata attenzjoni lil xi kwistjonijiet żgħar, l-isforzi biex jiġu implimentati l-funzjonijiet tas-SIS u tas-SIRENE ġew apprezzati u tqiesu li rnexxew.

2. L-Estonja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Mejju 2006. Immaniġġjar pożittiv tal-fruntieri b'organizzazzjoni effiċjenti li taħdem tajjeb u staff kompetenti (għalkemm l-għadd mhux biżżejjed). Sistema tajba ta' ġbir ta' l-informazzjoni u ta' l-analiżi tar-riskju.

Fruntieri ta' l-art: kien meħtieġ li ssir żjara oħra fil-post fejn il-ferrovija taqsam il-fruntiera f'Narva, billi dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta' Schengen. Fruntieri tal-baħar: xi tagħmir tal-bastimenti għall-għassa minn fuq il-baħar u tal-ħelikopters għadda żmienu. Fruntieri ta' l-ajru: kien meħtieġ li ssir żjara oħra fl-ajruport ta' Tallinn biex issir evalwazzjoni tal-pjan ta' rikostruzzjoni li għadu għaddej.

Kien hemm evalwazzjoni pożittiva fuq il-ħruġ tal-viżi, imma għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-sigurtà (il-bini, l-istikers tal-viża), għat-tul żejjed tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-viżi u għall-għarfien tar-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali.

Ma kien hemm l-ebda problema dwar il-koperazzjoni mal-pulizija, imma jinħtieġ li tidħol strateġija ta' kontroll tal-ġbir ta' l-informazzjoni, flimkien ma' aġenziji oħra, fosthom bażi tad-dejta onlajn għall-qsim ta' l-informazjoni.

Il-protezzjoni tad-dejta instabet, b'mod ġenerali, sodisfaċenti għalkemm kien hemm element kruċjali nieqes: ma teżistix awtorità indipendenti biex tikkontrolla s-SIS.

Saru żjajjar oħra lill-fruntieri bejn it-13 u l-20 ta' Mejju 2007. Ajruport ta' Talinn: l-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet, imma billi x-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni għadhom għaddejjin, kien diffiċli li ssir evalwazzjoni sħiħa. Madankollu, is-soluzzjoni temporanja mħaddma fit-terminal attwali kienet konformi mar-rekwiżiti ta' Schengen. Nuqqasijiet oħra ġew irranġati, għalkemm il-kwistjoni ta' żieda fin-numru ta' l-istaff kienet għada ma ġietx solvuta u għalhekk trid tiġi sorveljata mill-Grupp SCH-EVAI.

Protezzjoni tad-dejta: żjara oħra bejn it-18 u l-24 ta' Marzu 2007 kkonfermat li n-nuqqasijiet kienu ġew irranġati u li sar it-tibdil bażiku li kien hemm bżonn.

L-evalwazzjoni tas-SIS f'Settembru 2007 kkonkludiet li s-sistema ġiet implimentata sew, kienet ħafifa biex tintuża, taħdem b'mod effettiv, għandha rendiment tajjeb u infrastruttura tajba, kif ukoll ħinijiet ta' rispons aċċettabbli. Saru xi rakkomandazzjonijiet sabiex titjieb il-kapaċità tal-burò tas-SIRENE.

3. L-Ungerija

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Jannar 2006. Dan il-pajjiż għandu sfida serja quddiemu, billi fil-ġejjieni se jkun responsabbli għal madwar 15% tal-fruntiera esterna ċentrali u tal-lvant taz-zona ta' Schengen.

Kien identifikat immaniġġjar pożittiv tal-fruntieri b'organizzazzjoni effiċjenti li taħdem tajjeb u staff kompetenti. Fruntieri ta' l-ajru: organizzazzjoni ċara u f'xi aspetti wieħed jista' jħares lejha bħala eżempju ta' prattika mill-aqwa. Instabet problema fil-prattika attwali li tippermetti liċ-ċittadini Kroati li jidħlu fl-Ungerija permezz tal-karta ta' l-identità fil-punti transkonfinali internazzjonali.

Evalwazzjoni pożittiva dwar il-koperazzjoni mal-pulizija: il-punt ta' kuntatt komuni Hegyeshalom-Nickelsdorf jista' jitqies bħala prattika mill-aqwa f'dak li hu t-tisħiħ u l-inkoraġġiment ta' l-iskambju internazzjonali ta' l-informazzjoni.

Ma kienx hemm il-ħtieġa ta' żjarat oħra. Instabu nuqqasijiet u saru rakkomandazzjonijiet dwar il-ħruġ tal-viżi: riskji għas-sigurtà (il-bini, il-kontroll ta' l-applikanti, il-proċedura ta' l-akkreditazzjoni, eċċ), l-għadd baxx ta' intervisti mqabbel ma' l-għadd ta' applikanti u r-rata baxxa ta' ċaħdiet. Jinħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi adattata waqt li jitqiesu s-salvagwardji proċedurali li jgawdu minnhom il-membri tal-familja ta' l-UE. Segwitu sodisfaċenti.

Instabu problemi sostanzjali fl-evalwazzjonijiet tas-SIS li wasslu biex tkun meħtieġa żjara oħra bejn is-17 u d-19 ta' Ottubru 2007. Wara dik iż-żjara instab li kien possibbli li jkun ikkonfermat li s-sistema qed tiffunzjona b'mod effiċjenti fl-Ungerija u li l-utenti finali tas-SIS kienu mħarrġa sew.

4. Il-Latvja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Mejju 2006. Immaniġġjar pożittiv tal-fruntieri, b'organizzazzjoni effiċjenti li tiffunzjona tajjeb, staff kompetenti u tagħmir aġġornat, kif ukoll ġbir strutturat ta' informazzjoni, organizzazzjoni ta' l-istħarriġ u koperazzjoni li tiffunzjona tajjeb.

L-infrastruttura, il-proċeduri u t-tagħmir fil-post fejn taqsam il-ferrovija f'Zilupe jridu jitjiebu. Fruntieri tal-baħar: tagħmir u sistema ta' fuq il-baħar li huma qodma; problemi bil-koordinazzjoni tal-kontroll u xi nuqqasijiet ta' professjoniżmu. Fruntieri ta' l-ajru: immaniġġjar tal-fruntieri u organizzazzjoni tajba fl-ajruport ta' Riga, għalkemm il-karatteristiċi fiżiċi ta' l-infrastruttura (is-separazzjoni tal-fluss tal-passiġġieri) ma kienux jaqblu mar-rekwiżiti ta' Schengen - kienet tinħtieġ żjara oħra.

Nuqqasijiet misjuba fil-ħruġ tal-viżi rigward l-evalwazzjoni tajba ta' l-applikazzjonijiet individwali, l-għarfien tar-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali u l-użu ħażin tal-viża, kif ukoll il-possibilitajiet limitati tas-sistemi ta' l-IT għall-iskambju ta' l-informazzjoni u l-kwistjonijiet ġenerali dwar is-sigurtà (il-bini, il-ħażna ta' l-istikers tal-viża).

Ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta jitolbu t-tisħiħ ta' l-indipendenza ta' l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Dejta. Mekkaniżmu ta' koordinazzjoni strutturat tajjeb u punt wieħed ta' kuntatt għall-koperazzjoni internazzjonali tal-pulizija jiggarantixxi l-effikaċja u l-effiċjenza. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni teknika għas-sistema ta' telekomunikazzjonijiet (li mhix kompatibbli ma' dawk użati fil-Litwanja u l-Estonja).

Żjara oħra bejn l-1 u l-10 ta' Settembru 2007: l-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet kollha pendenti li għalihom inġibdet l-attenzjoni, speċjalment it-tkabbir taz-zona tal-wasliet għat-titjiriet mhux miz-zona ta' Schengen, (tlestiet f'Ottubru 2007).

L-evalwazzjoni tas-SIS uriet li taħdem b'mod effettiv, b'infrastruttura u rendimenti tajbin. Saru xi rakkomandazzjonijiet sabiex titjieb il-kapaċità tal-burò tas-SIRENE.

5. Il-Litwanja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Mejju 2006. Immaniġġjar pożittiv tal-fruntieri, b'organizzazzjoni effiċjenti li taħdem tajjeb.

Fruntieri tal-baħar: dawn għandhom sfida sabiex jintlaħqu l-istandards ta' Schengen, l-aktar dwar aspetti ta' tmexxija, professjoniżmu, u tagħmir għas-sorveljanza tal-kosta u bastimenti għall-għassa minn fuq il-baħar (li ħafna minnhom għadda żmienhom). Fruntieri ta' l-art: l-infrastruttura tal-post transkonfinali fit-triq Panemuné ma kenitx konformi ma' l-istandards ta' Schengen. Għandhom jiġu evalwati mill-ġdid ix-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni li għadhom għaddejjin, il-proċeduri u l-għadd ta' l-istaff. Fruntieri ta' l-ajru: l-infrastruttura ta' l-ajruporti ta' Vilnius u Palanga ma kenitx konformi ma' l-istandards ta' Schengen (ix-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni għadhom għaddejjin).

Protezzjoni tad-dejta: għandha tissaħħaħ l-indipendenza ta' l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Dejta. Nuqqasijiet: il-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-viża, l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet individwali għall-viża, l-għarfien tar-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali u forom oħra ta' użu ħażin tal-viża. L-ebda problema dwar il-koperazzjoni mal-pulizija.

Żjarat oħra: lill-fruntieri ta' l-art, bejn it-13 u l-20 ta' Mejju: lill-fruntieri ta' l-ajru, bejn l-1u l-10 ta' Settembru 2007: l-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet.

Instab li s-SIS kien qiegħed jaħdem b'mod effettiv, b'rendiment tajjeb, b'ħinijiet ta' rispons mgħaġġla. L-utenti dehru li kienu mħarrġa tajjeb. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru diġà ġew implimentati.

6. Malta

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1ta' Mejju 2006, barra l-ajruporti u l-portijiet tal-baħar (li bdew fl-ewwel kwart ta' l-2007). Il-konsolat ta' Moska ma kienx konformi ma' l-acquis ta' Schengen (is-sigurtà, l-istaff, il-materjal, il-bini, il-proċeduri, eċċ). Ċerti prattiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali kellhom bżonn ta' reviżjoni sabiex titqis is-salvagwardji proċedurali li jgawdu l-membri tal-familja ta' l-UE.

Protezzjoni tad-dejta: meqjusa f'ħafna aspetti li għandha fost l-aqwa prattiki. Koperazzjoni tal-pulizija: kien meħtieġ li jitħaffu t-tħejjijiet għall-applikazzjoni sħiħa ta' l-acquis ta' Schengen u jitfassal Pjan ta' Azzjoni.

Fruntieri: hemm il-ħtieġa ta' Strateġija Integrata għas-Sigurtà tal-Fruntieri u li ttejjeb il-flotta (sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar/tagħmir ta' sorveljanza). Teħtieġ reviżjoni tal-proċeduri ta' kontroll ta' vetturi fuq il-fruntieri. Kienet meħtieġa żjara oħra ta' l-infrastruttura tal-postijiet ta' kontroll fit-Terminal Internazzjonali tal-Baħar ta' Valletta u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u titjib fil-proċeduri ta' kontroll.

Żjarat oħra: dwar il-koperazzjoni tal-pulizija, bejn it-28 u t-30 ta' Mejju 2007; il-viżas, bejn is-27 u l-31 ta' Awissu 2007; il-fruntieri, bejn l-1u l-10 ta' Settembru 2007. F'dawn l-oqsma kollha, Malta rnexxielha tieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha pendenti li nġibditilha l-attenzjoni għalihom u nstab tarf tan-nuqqasijiet kważi kollha li kien hemm. Il-konsolat ta' Moska se jmur f'bini ġdid f'Diċembru 2007.

L-isforzi biex jiġu implimentati l-funzjonijiet kollha tas-SIS u tas-SIRENE kienu apprezzati u tqiesu li saru sewwa. Qegħdin jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet dwar xi titjib żgħir.

7. Il-Polonja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Jannar 2006. Immaniġġjar pożittiv tal-fruntieri, b'organizzazzjoni effiċjenti li taħdem tajjeb, staff kompetenti u tagħmir aġġornat, għalkemm ġew innutati xi nuqqasijiet. Qegħdin jiġu kostruwiti xi postijiet transkonfinali: l-infrastruttura u l-immaniġġjar tal-fruntieri fil-postijiet transkonfinali fit-triq ta' Terespol u Medyka ma ssodisfawx l-istandards ta' Schengen. Kien meħtieġ li tiġi żgurata l-konformità ma' l-obbligi internazzjonali (rigward ir-rifuġjati u s-sigurtà tas-sistemi tad-dejta). Fruntieri ta' l-ajru: l-ajruporti ta' Varsavja, Gdansk u Krakovja kienu għadhom għaddejjin bil-kostruzzjoni u kienu għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti.

Ħruġ ta' viżi: kien hemm evalwazzjoni pożittiva ta' l-ammont u l-kwalità ta' l-informazzjoni mogħtija, is-sigurtà, it-taħriġ ta' l-istaff u l-edukazzjoni. Kien jinħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-viżi, lis-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet, lill-għarfien tar-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali u lill-prattika li jsiru kontrolli tal-fruntieri fuq it-territorju ta' pajjiż terz.

Protezzjoni tad-dejta: evalwazzjoni pożittiva, imma bir-riżerva li s-setgħat ta' l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Dejta m'għandhom jitnaqqsu bl-ebda mod fil-kuntest tas-SIS. Il-koperazzjoni mal-pulizija kienet sodisfaċenti, imma saru dawn ir-rakkomandazzjonijiet: li jitħaffu l-proċeduri tar-ratifika għal ftehimiet bilaterali; il-konklużjoni tal-ftehimiet bilaterali dwar l-insegwiment b'urġenza; u l-Gwardjani tal-Fruntieri għandu jkollhom aċċess dirett (onlajn) għall-bażijiet tad-dejta rilevanti tal-pulizija.

Żjarat oħra: lill-fruntieri ta' l-art, bejn it-13 u l-20 ta' Mejju: lill-fruntieri ta' l-ajru, bejn l-1u l-10 ta' Settembru 2007. L-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet. Dwar ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni fl-ajruporti, l-infrastruttura attwali kienet konformi ma' l-istandards ta' Schengen. Sar it-trasferiment tal-kontrolli konġunti tal-fruntieri mill-Belarus u l-Ukraina għat-territorju Pollakk.

L-isforzi biex jiġu implimentati l-funzjonijiet kollha tas-SIS u tas-SIRENE kienu apprezzati u tqiesu li saru sewwa. L-istrutturi, l-implimentazzjoni tat-teknoloġija u l-kompetenza ta' l-istaff huma impressjonanti. Ġie rakkomandat xi ftit titjib li issa twettaq.

8. Is–Slovenja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Jannar 2006. Fruntieri: evalwazzjoni pożittiva, imma l-effikaċja ta' l-operat tbati minħabba nuqqas ta' riżorsi umani u tagħmir tekniku. Kien meħtieġ reviżjoni tal-prattika li tippermetti liċ-ċittadini Kroati li jidħlu permezz tal-karta ta' l-identità. Jeħtieġ li titjieb l-infrastruttura fil-port ta' Koper. Fruntieri ta' l-ajru: tinħtieġ żjara oħra lill-ajruport ta' Ljubljana, billi l-infrastruttura attwali (li qiegħda ssir mill-ġdid) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' Schengen (is-separazzjoni tal-fluss tal-passiġġieri). Jintieġu aktar riżorsi umani.

L-ebda nuqqasijiet sinifikanti dwar il-ħruġ tal-viżi. Jinħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-għadd baxx ta' intervisti serji mqabbel ma' l-għadd ta' l-applikazzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tqis ukoll is-salvagwardji proċedurali li jgawdu l-membri tal-familja ta' l-UE.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-prattika ta' l-implimentazzjoni kienu meqjusa bħala aċċettabbli, imma għandhom jiżdiedu r-riżorsi umani sabiex ikunu jistgħu jsiru spezzjonijiet biżżejjed. Il-koperazzjoni mal-pulizija fil-livell lokali, reġjonal u ċentrali hija tajba. Madankollu, l-awtoritajiet Sloveni għandhom jaraw li jkun hemm servizz ta' 24 siegħa għal 7 ijiem fil-ġimgħa mill-awtorità ċentrali, b'għadd suffiċjenti ta' staff professjonali.

Saret żjara oħra lill-fruntieri ta' l-ajru bejn it-2 u l-5 ta' Lulju 2007. L-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet kollha pendenti li kellhom jingħatawlhom attenzjoni, jiġifieri t-tiġdid tat-terminal tal-passiġġieri u s-separazzjoni fiżika tal-flussi tal-passiġġieri, kif ukoll żieda fl-għadd ta' l-istaff.

L-organizzazzjonijiet differenti involuti fl-użu tas-SIS kienu mħejjija tajjeb u l-utenti finali mħarrġa tajjeb. L-użu u l-kwalità tas-soluzzjonijiet mobbli tqiesu li kienu eċċezzjonali. Saru ftit rakkomandazzjonijiet żgħar.

9. Is-Slovakkja

Dikjarazzjoni ta' tħejjija: l-1 ta' Jannar 2006. Is-Slovakkja għandha sfida konsiderevoli biex iġġib il-kontrolli tal-fruntieri ta' l-art ma' l-Ukraina konformi ma' l-istandards ta' l-UE. Kien hemm problemi dwar l-immaniġġjar u s-sorveljanza tal-fruntieri: l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Kienet meħtieġa żjara oħra fil-post fejn taqsam it-triq f'Vysne Nemecke, fejn l-infrastruttura, il-proċeduri u t-tagħmir ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' Schengen. Fruntieri ta' l-ajru: kienet meħtieġa żjara oħra lill-ajruport ta' Bratislava, fejn l-infrastruttura ma tikkonformax kompletament mar-rekwiżiti ta' Schengen. Kien meħtieġ li jkun hemm titjib fil-ħiliet lingwistiċi, fl-istatistika, fil-ħiliet maniġerjali u fil-proċeduri tal-kontrolli tal-fruntieri.

Ħruġ ta' viżi: l-immaniġġjar ta' l-aċċess, l-informazzjoni u t-taħriġ ta' l-istaff kienu aċċettabbli. Kienet teħtieġ attenzjoni dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà (il-bini, il-ħażna ta' l-istikers tal-viża), il-prattika attwali li jiġu aċċettati applikazzjonijiet għal viża bħala grupp u l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet individwali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tqis ukoll is-salvagwardji proċedurali li jgawdu l-membri tal-familja ta' l-UE. Kien hemm problema bl-għadd għoli wisq ta' viżi maħruġa fil-fruntiera.

Protezzjoni tad-dejta: kienet tinħtieġ żjara oħra billi d-dħul tal-miżuri meħtieġa qed ikun miżmum minn problemi ta' nuqqas ta' staff u baġit insuffiċjenti fejn jidħlu r-rekwiżiti għas-SIS waqt li jeħtieġ tiġi msaħħa aktar l-indipendenza funzjonali. Koperazzjoni tal-pulizija: il-miżuri konkreti tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għadhom fil-fażi bikrija ta' l-implimentazzjoni.

Żjarat oħra: il-protezzjoni tad-dejta bejn it-18 u l-24 ta' Marzu 2007; lill-fruntieri ta' l-art, bejn is-17 u l-22 ta' Ġunju 2007: L-awtoritajiet irnexxielhom jieħdu ħsieb il-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet. Sar titjib fl-infrastruttura, fit-tagħmir tekniku, fil-proċeduri tal-kontroll fil-fruntieri, fil-professjoniżmu u fil-kompetenza ta' lingwi barranin ta' l-istaff fl-ajruport ta' Bratislava. In-nuqqasijiet li kellhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tad-dejta ssewwew.

L-infrastruttura ta' l-IT tqieset li kienet ippjanata tajjeb u żviluppata sew. Iċ-ċentri tad-dejta kienu mgħammra u mmaniġġjati tajjeb u l-utenti finali kienu mħarrġa tajjeb. Saru rakkomandazzjonijiet fuq xi aspetti żgħar: dawn qed jiġu implimentati.

KONKLUŻJONIJIET TAR-RAPPORTEUR

Meta jitqiesu r-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet u ż-żjarat ta' segwitu li kien hemm bżonn isiru mit-timijiet ta' l-esperti, ir-rapporteur jifhem li, għalkemm għad fadal xi kwistjonijiet pendenti li jeħtieġu segwitu f'xi żmien fil-ġejjieni, dawn m'humiex ta' tfixkil biex l-Istati Membri jsiru membri sħaħ taz-zona ta' Schengen.

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' l-esperti (li taw riżultati sodisfaċenti) jidher li d-disa' Stati Membri ġodda kollha taw prova li huma mħejjija biżżejjed biex japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen b'mod sodisfaċenti. Ir-rapporteur jixtieq jagħti l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni li jinfetħu l-fruntieri fir-rigward ta' l-Istati Membri msemmija hawn fuq.

Madankollu, il-Parlament Ewropew jistenna li l-Istati Membri konċernati għandhom jgħarrfu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, bil-miktub, matul is-sitt xhur li jmiss, x'bi ħsiebhom jagħmlu dwar ir-rakkomandazzjonijiet u t-tibdil meħtieġ li għadu għaddej.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni titlob il-fiduċja reċiproka għall-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni. Tabilħaqq, is-sigurtà taz-zona ta' Schengen tistrieħ fuq is-serjetà u l-effiċjenza ta' kull Stat Membru fil-kontroll tal-fruntieri esterni tiegħu kif ukoll fuq il-kwalità u l-ħeffa ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni permezz tas-SIS. Kwalunkwe dgħufija jew tħaddim irregolari ta' xi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jpoġġu s-sigurtà ta' l-Unjoni u l-effiċjenza taz-zona ta' Schengen f'riskju.


PROĊEDURA

Titolu

Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis-Slovakkja

Referenzi

11722/2007 - C6-0244/2007 - 2007/0810(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

25.7.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

3.9.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Carlos Coelho

10.9.2007

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

12.9.2007

3.10.2007

5.11.2007

12.11.2007

Data ta’ l-adozzjoni

12.11.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

31

0

1

Membri preżenti għall-vot finali

Carlos Coelho, Esther De Lange, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Lilli Gruber, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Adamos Adamou, Marco Cappato, Koenraad Dillen, Maria da Assunção Esteves, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in ‘t Veld, Carlos José Iturgaiz Angulo, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Eva-Britt Svensson

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Fernando Fernández Martín

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Novembru 2007Avviż legali