dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali
(11522/2007 – C6-0246/2007 – 2001/0270(CNS))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kunsill (11522/2007),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2001)0664)(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ Lulju 2002(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE, skond liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta mill-ġdid lill-Parlament (C6-0246/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 93, 51 u 55(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0444/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kunsill kif emendata;
2. Jistieden lill-Kunsill ibiddel il-proposta tiegħu f’dan is-sens;
3. Jistieden lill-Kunsill jgħarraf lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jistieden lill-Kunsill jikkonsulta lill-Parlament mill-ġdid jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz b’mod sostanzjali jew li jibdilha ma’ xi test ieħor;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kunsill
Emendi tal-Parlament
Emenda 1
Premessa 6
(6) L-Istati Membri jagħrfu li l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija teħtieġ diversi tipi ta' miżuri f'qafas komprensiv u ma tistax tkun limitata għal kwistjonijiet kriminali. Din id-Deċiżjoni Kwadru hija limitata għall-ġlieda kontra forom partikolarment serji ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali. Peress li t-tradizzjonijiet kulturali u legali ta' l-Istati Membri huma, sa ċertu punt, differenti, partikolarment f'dan il-qafas, armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kriminali mhijiex attwalment possibbli.
(6) L-Istati Membri jagħrfu li l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija teħtieġ diversi tipi ta' miżuri f'qafas komprensiv u ma tistax tkun limitata għal kwistjonijiet kriminali. Huwa meħtieġ li tiġi żgurata kultura ta' tolleranza li tkun tħaddan kemm l-Istat kif ukoll lis-soċjetà. Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għall-ġlieda kontra forom partikolarment serji ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali. Peress li t-tradizzjonijiet kulturali u legali ta' l-Istati Membri huma, sa ċertu punt, differenti, partikolarment f'dan il-qasam, l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kriminali m’hijiex attwalment possibbli.
Emenda 2
Premessa 6 a (ġdida)
(6a) Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi livell minimu ta’ armonizzazzjoni u l-effikaċja tagħha hija limitata mid-derogi li hija tipprovdi, inklużi dawk fl-Artikolu 1(2).
Emenda 3
Premessa 6 b (ġdida)
(6a) Il-politika leġiżlattiva għandha tirrifletti l-fatt li f'soċjetà demokratika l-liġi kriminali hija dejjem l-aħħar espedjent, u trid tqid il-valuri kollha li qed jiġu rriskjati, inkluż id-dritt tal-libertà ta' l-espressjoni u d-dritt ta' l-individwi kollha li jiġu meqjusa u r-rispettati b’mod ugwali.
Ġustifikazzjoni
Id-definizzjoni ta’ l-offiżi kriminali ta’ razziżmu u ta' ksenofobija tirrikjedi konsiderazzjoni bir-reqqa dwar x’għandhom ikunu l-limiti fuq il-libertà ta' l-espressjoni. Barra minn hekk, il-liġi kriminali għandu dejjem ikollha funzjoni sussidjarja.
Emenda 4
Premessa 9 a (ġdida)
(9a) It-twettiq ta’ offiża razzista jew ksenofobika minn persuna li għandha kariga uffiċjali għandu jitqies bħala ċirkustanza aggravanti.
Ġustifikazzjoni
Spiss huwa diffiċli għall-vittmi tar-razziżmu u tal-ksenofobija li jaffermaw id-drittijiet tagħhom, b’mod partikulari fil-kuntest ta’ post tax-xogħol. L-abbuż tal-qagħda professjonali għandha tiġi ttrattata bħala ċirkustanza li aggravanti. Il-fatt li persuna jkollha kariga uffiċjali għandu jkun enfasizzat.
Emenda 5
Artikolu 1, paragrafu 1, punt (b)
(b) l-għemil ta' att imsemmi fil-punt a) permezz ta’ disseminazzjoni pubblika jew distribuzzjoni ta’ materjal stampat, stampi jew materjal ieħor;
(b) id-disseminazzjoni pubblika jew id-distribuzzjoni ta’ materjal stampat, stampi jew materjal ieħor li l-kontenut tiegħu jikkostitwixxi att fl-ambitu tat-tifsira tal-punti (a), (c) jew (d);
Emenda 6
Artikolu 1, paragrafu 1, punt (e)
(e) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkastigaw biss l-imġiba li titwettaq b'mod li x'aktarx tfixkel l-ordni pubblika jew tkun ta' theddida, abużiva jew ta' insult.
(e) Għall-fini tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkastigaw biss l-imġiba li titwettaq b'mod li jew tkun ta' theddida, abużiva jew ta' insult.
Ġustifikazzjoni
Il-kunċett ta’ xi ħaġa li ‘x’aktarx tfixkel l-ordni pubbliku’ huwa vag wisk u għandu jitneħħa.
Emenda 7
Artikolu 1, paragrafu 1, punt (f)
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-referenza għar-reliġjon hija intiża biex tkopri, għal ta' l-inqas, l-imġiba li hija pretest għall-indirizzar ta' atti kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp definit b'referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ir-referenza għar-reliġjon hija intiża biex tkopri, għal ta' l-inqas, l-imġiba li hija pretest għall-indirizzar ta' atti kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp definit b'referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. Stat Membru m’għandux, madanakollu, jeżenta mir-responsabilità kriminali taħditiet jew imġiba li kapaċi jqanqlu l-mibegħda. Ir-rispett għal-libertà tar-reliġjon m’għandux iżomm lura l-effikaċja ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
Emenda 8
Artikolu 1, paragrafu 2
2. Kwalunkwe Stat Membru jista', fil-ħin ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li huwa ser jagħmel iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni b'mod serju tar-reati msemmija fil-paragrafu 1(ċ) u/jew (d) kastigabbli biss jekk ir-reati msemmija f'dawn il-paragrafi jkunu ġew stabbiliti b'deċiżjoni finali ta' qorti nazzjonali ta' dan l-Istat Membru u/jew ta' qorti internazzjonali jew b'deċiżjoni finali ta' qorti internazzjonali biss.
2. Kwalunkwe Stat Membru jista', fil-ħin ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li huwa ser jagħmel iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni b'mod serju tar-reati msemmija fil-paragrafu 1(c) u/jew (d) kastigabbli,biss jekk ir-reati msemmija f'dawn il-paragrafi jkunu ġew stabbiliti b'deċiżjoni finali ta' qorti nazzjonali ta' dan l-Istat Membru u/jew ta' qorti internazzjonali.
Emenda 9
Artikolu 2, paragrafu 2
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-istigazzjoni ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikolu 1(ċ) u (d) hija kastigabbli.
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-istigazzjoni ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikolu 1 hija kastigabbli.
Emenda 10
Artikolu 5, paragrafu 1
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-imġiba imsemmija fl-Artikoli 1 u 2, imwettqagħall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 kommessi minn kwalunkwe persuna li għandha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, imsejsa fuq
(a) setgħa ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika, jew
(b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew
(c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.
(a) setgħa ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika, jew
(b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew
(c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.
u li aġixxiet f'dik il-kwalità.
Emenda 11
Artikolu 5, paragrafu 2
2. Minbarra l-każijiet diġà previsti fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamlet possibbli l-għemil ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.
.
2. Minbarra l-każijiet diġà previsti fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamlet possibbli t-twettiq ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 minn persuna taħt l-awtorità tiegħu li għall-azzjonijiet tagħha l-persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli skond il-liġi nazzjonali.
Emenda 12
Artikolu 5, paragrafu 3
3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika taħt il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi ta’ jew aċċessorji fl-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2.
3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skond il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, instigaturi jew aċċessorji fl-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2.
Emenda 13
Artikolu 7 a (ġdid)
Artikolu 7a
Dispożizzjonijiet minimi
1. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu kif inhu livell ogħla ta’ ħarsien fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija minn dak li joħroġ mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas m’għandha fl-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġuni biex jiġi mbaxxi l-livell ta’ ħarsien li hu diġa assigurat mill-Istati Membri fl-oqsma rregolati minn din id-Deċiżjoni Qafas.
3. Xejn f’din id-Deċiżjoni Qafas ma jista' jiġi interpretat bħala ħaġa li taffettwa l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri skond il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-Qerda ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali tas-7 ta' Marzu 1966. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni Qafas f’konformità ma’ dawk l-obbligi.
Ġustifikazzjoni
Id-deċiżjoni qafas għandha tinkludi klawsola li ma tħallix li jkun hemm rigressjoni, sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tagħha ma twassalx għal dgħajfien tal-livell eżistenti ta’ ħarsien skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/43/KE (paragrafi 1 u 2). Għandha tinkludi wkoll dispożizzjoni li tkun mod li l-implimentazzjoni tagħha ma taffettwax xi obbligu li joħroġ mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (paragrafu 3).
Emenda 14
Artikolu 7 b (ġdid)
Artikolu 7b
L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet din id-deċiżjoni qafas ma tista' tiġi interpretata bħala li qed taffettwa xi obbligi li jorbtu lill-Istati Membri skond il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali tas-7 ta' Marzu 1966. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni Qafas f’konformità ma’ dawk l-obbligi.
Ġustifikazzjoni
Proposta għat-tneħħija - 1 u 2 - proposta tar-rapporteur: il-kastig ta’ att partikulari skond il-liġi kriminali għandu dejjem ikun sostitwit meta jitfaċċa kastig inqas sever għall-istess att. Dan huwa prinċipju bażiku tal-liġi kriminali.
Emenda 15
Artikolu 7, paragrafu 2
2. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li teħtieġ l-Istati Membri jieħdu miżuri li huma f’kontradizzjoni mal-prinċipji fundamentali tagħhom relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari l-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta’ espressjoni f’medja oħra kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali jew regoli li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’, u l-garanziji proċedurali għal, l-istampa jew medja oħra fejn dawn ir-regoli jirrelataw għad-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.
2. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li teħtieġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri li huma f’kontradizzjoni mal-prinċipji fundamentali komuni ta’ l-Istati Membri relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta' l-espressjoni, b'mod partikolari l-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’midja oħra kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali jew regoli li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’, u l-garanziji proċedurali għal, l-istampa jew midja oħra fejn dawn ir-regoli huma rrelatatimad-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.
Emenda 16
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (c)
(c) għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
(c) l-uffiċċju prinċipali tal-persuna ġuridika li tista’ tinżamm responsabbli jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
Emenda 17
Artikolu 10, paragrafu 3
3. Qabel ma jgħaddu tliet snin mill-iskadenza msemmija fl-Artikolu 10(1), il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni Kwadru. For the preparation of this review, the Council shall ask Member States whether they have experienced difficulties in judicial cooperation with regard to the offences under Article 1 paragraph 1. In addition, the Council may request Eurojust to submit a report, on whether differences between national legislations have resulted in any problems regarding judicial cooperation between the Member States in this area.
3. Qabel ma jgħaddu tliet snin mill-iskadenza msemmija fl-Artikolu 10(1), il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni Qafas. Għat tħejjija ta’ din ir-reviżjoni, il-Kunsill għandu jistaqsi lill-Istati Membri jekk esperjenzawx xi diffikultajiet fil-koperazzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-offiżi skond l-Artikolu 1, paragrafu 1u għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew. Meta tkun qed titimexxa r-reviżjoni, il-Kunsill għandu jqis l-opinjoni ta’ l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u ta’ l-NGOs li huma attivi f’dan il-qasam.Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Eurojust tressaq rapport, dwar jekk differenzi bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali rriżultawx f’xi problemi rigward il-koperazzjoni judizjarja bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.
Ġustifikazzjoni
Il-Parlament għandu jiġi kkonsultat dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjoni qafas, u għandhom jiġu eżaminati wkoll l-opinjonijiet ta’ l-NGOs u ta’ l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.
Emenda 18
Artikolu 12
12. Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibiltà.
12. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika wkoll għal Ġibiltà.
L-ewwel rapport ta' l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Awissu 2007 juri li d-delitti ta’ natura razista qed jiżdiedu f'ta’ l-anqas tmien Stati ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jgħid li “il-vjolenza u d-delitti ta’ natura razzista għadhom marda soċjali serja madwar l-Unjoni Ewropea kollha”. Dan jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa urġenti għall-azzjoni, fuq livell Ewropew, biex jiġu miġġielda l-ħsarat tar-razziżmu, l-intolleranza u l-ksenofobija.
L-Istati Membri kollha għandhom, ta’ l-anqas sa ċertu livell, leġiżlazzjoni kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, imma jeżistu d-diverġenzi. Dawn il-varjazzjonijiet jindikaw il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, fl-interessi ta’ azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fil-kuntest transkonfinali u fl-Ewropa kollha b'mod ġenerali.
Sfond storiku
Fl-1996, il-Kunsill adotta l-azzjoni konġunta 96/443/JAI dwaril-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. Dan l-istrument jistabbilixxi dispożizzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni tal-liġi penali ta' l-Istati Membri u lejn it-titjib ta’ l-assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.
F'Novembru 2001, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija(1), b'mira doppja, jiġifieri: li jkun żgurat li l-istess atti razzisti u ksenofobiċi jkunu suġġetti għall-istess pieni fl-Istati Membri kollha; u li tittejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja f’din l-affari. Din il-proposta kkaratterizzat avvanz fuq l-azzjoni konġunta minħabba li ma tippermettix aktar lill-Istati Membri li jagħżlu bejn għandhomx jikkriminalizzaw attività bħal din jew għandhomx jidderogawha minħabba l-prinċipju ta' ne bis in idem , iżda, minflok, iġġegħilhom jieħdu miżuri biex jikkastigaw din l-imġiba bħala offiża kriminali.
Minkejja għadd kbir ta' diskussjonijiet fil-Kunsill, kien irriżulta li kien impossibbli li jintlaħaq ftehim dwar dan it-test. Fl-2006, id-delegrazzjoni Taljana, li sa dak iż-żmien kienet konsistentement opponiet il-proposta (u li f'Marzu 2003 kienet ressqet test alternattiv), irtirat ir-riżervi tagħha. Dan għamilha possibbli li d-dibattitu jiġi llanċjat mill-ġdid fuq il-bażi ta’ formula ta’ kompromess proposta mill-presidenza Lussemburgiża fl-2005. Bis-saħħa ta’ l-isforzi tal-preisdenza Ġermaniża, fid-19 ta’ April 2007 il-Kunsill laħaq ftehima politika(2).
Il-Parlament Ewropew adotta opinjoni inizjali fl-4 ta' Lulju 2002 (ir-Rapport Ceyhun -T5-363/2002 (3)). Din l-opinjoni, madanakollu, kienet ibbażata fuq il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ta’ l-2001. It-test tal-Kunsill huwa l-frott ta’ diversi snin ta’ negozjati, u għalhekk jintroduċi bidliet sostanzjali; minn dan joħroġ, għalhekk, li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat mill-ġdid.
Pożizzjoni tar-Rapporteur.
Ir-Rapporteur tagħkom tilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill sa fl-aħħar laħaq ftehim fuq proposta għal deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. Il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej, u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija b'mod partikulari, jikkostitwixxu, tabilħaqq, waħda mill-akbar prijoritajiet ta' l-UE. Kien għalhekk ta' tħassib kbir ħafna li l-Kunsill ma kienx irnexxielu jilħaq ftehima fuq proposta bħal din. L-Unjoni jeħtieġ li tibgħat messaġġ politiku qawwi f’isem id-drittijiet fundamentali u li tadotta dan it-test.
Madankollu, ir-Rapporteur tagħkom jiddispjaċiha li t-test tal-Kunsill ma rnexxilux jagħmel progress qawwi u jilqa' l-isfida politika ppreżentata mill-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. B'xorti ħażina, huma ftit biss l-elementi li baqa' mill-proposta tal-Kummissjoni ta' l-2001, li l-Parlament fl-ewwel rapport tiegħu kellu l-iskop li jsaħħaħ. Ir-Rapporteur tagħraf kemm il-ħtieġa kif ukoll id-diffikulta li jintlaħaq kompomess, imma jiddispjaciha li tali kompromess intlaħaq b'detriment tal-kwalità legali tal-proposta għal deċiżjoni qafas. B'mod partikulari, hija tinsab imħassba dwar x’inhi restrizzjoni sostanzjali ta’ l-ambitu tagħha. Ħasra wkoll li l-lista ta' offiżi, b’kuntrast mal-proposta tal-Kummissjoni, ma tinkludix insulti jew li wieħed ikun il-kap ta' grupp razzist.
Barra minn hekk, il-limitu addizzjonali mqiegħed fuq l-ambitu ta' l-Artikolu 1(1) - jiġifieri t-tneħħija ta' ċerti elementi ta' razziżmu bbażati fuq twemmin reliġjuż - fl-opinjoni tar-Rapporteur tagħkom huwa eċċessiv u jeħtieġ li jkun emendat sabiex jiġi żgurat li dan it-tip ta' razziżmu jkun suġġett għall-prosekuzzjoni kif inhuma l-oħrajn. L-istess jgħodd għar-rekwiżit miżjud li l-imġiba kkriminalizzata fl-Artikolu 1(1)(c) u (d) għandha tkun "li x'aktarx li tinċita għall-vjolenza u l-mibegħda". It-trivjalizzazzjoni tar-reat tal-ġenoċidju huwa forma ta' razziżmu, u l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkastigawha anke fejn ma jkunx hemm involut l-inċitament għall-mibegħda u għall-vjolenza.
Madankollu, ir-Rapporteur tagħkom tħoss li d-deċiżjoni qafas tikkaratterizza pass tal-bidu sinjifikanti lejn l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fil-livell Ewropew u sabiex tinkiseb armonizzazzjoni minima dwar il-kwistjoni. Huwa vitali li tiġi adottata. Minkejja dan, ir-Rapporteur tagħkom tinsisti li l-Unjon se jkollha bżonn tmur aktar lil hemm meta d-deċiżjoni qafas tiġi rriveduta wara tliet snin. Hija qed tipproponi wkoll li jiżdied paragrafu (l-Artikolu ġdid 7a) li jipprovdi għal klawsola li ma tħallix li jkun hemm rigressjoni sabiex jiġi żgurat li d-direttiva ta' qafas ma tnaqqasx il-livelli ta' protezzjoni eżistenti skond l-Artikolu 6 tad-‘direttiva dwar ir-razziżmu’ (Direttiva 2000/43/KE) u li tagħti garanzija li ma tippermettix livelli aktar baxxi ta' protezzjoni minn dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali.
Ir-Rapporteur tfakkar li, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġlieda kontra r-razziżmu, id-deċiżjoni qafas jeħtieġ li tkun tagħmel parti minn sistema kompleta ta' strumenti Ewropej biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' diskriminazzjoni. Ir-rapport l-aktar riċenti ta' l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali wera li d-diskriminazzjoni razzjali għadha tippersisti, b'mod partikulari, fl-oqsma ta' l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni. Dan ifisser li din id-deċiżjoni qafas dwar ir-razziżmu se tkun teħtieġ li tkun ikkumplementata bl-adozzjoni ta' direttiva ġenerali dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminizzazzjoni li jirreferi għalihom l-Arikolu 13 tat-Trattat.
Fl-aħħarnett, ir-Rapporteur jiddispjaċiha minħabba ċ-ċirkustanza li l-ambitu ta' din id-deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u ksenofobija ġie limitat mill-fatt li hija suġġetta għall-unanimità fil-Kunsill u għas-sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament. Hija tisħaq fuq il-ħtieġa li jsir tqarrib lejn il-votazzjoni b'maġġuranza kkwalifikata u lejn il-kodeċiżjoni għall-kwistjonijiet kollha tat-tielet pilastru.
Huwa perfettament possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu ħarsien kontra atti razzisti permezz tal-liġijiet tagħhom, għalhekk azzjoni mill-UE tikkontravieni l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Din id-direttiva qafas hija attakk fuq il-libertà ta’ l-espressjoni. Filwaqt li huwa aċċettabbli li r-razziżmu jiġi miġġieled fuq il-bażi ta’ l-użu speċifiku tal-vjolenza jew tat-tixwix għall-vjolenza, m'huwiex aċċettabbli li l-kunċett tar-'razziżmu' għandu jiġi konfuż mad-diskors pubbliku leġittimu, pereżempju l-oppożizzjoni għall-immigrazzjoni tal-massa jew għall-Iżlamizzazzjoni, jew id-difiża ta' l-identità nazzjonali.
Din il-konfużjoni teżisti, kif jidher mid-dikjarazzjoni li għamel iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu, li afferma li 'l-Islamofobija' hija sura ġdida ta' diskriminazzjoni u li l-furur dwar il-kartuns Daniżi għandu jiġi ttrattat billi tiġi adottata leġiżlazzjoni kontra d-dagħa.
Din id-direttiva qafas tipprojbixxi ‘t-tixwix għall-mibegħda’ f’rabta mar-reliġjoni, li jfisser li se jkun possibbli kwalunkwe diskors politiku pubbliku li jikkritika l-Islam u l-Islamizzazzjoni jiġi interpretat bħala ‘tixwix għall-mibegħda’ għall-Misilmin. Din id-direttiva qafas tirrendi impossibbli kull dibattitu fuq l-immigrazzjoni u l-Islam u se tirriżulta f’ilmenti u prosekuzzjonijiet arbitrarji ta’ politikanti prinċipali f’dan id-dibattitu.
PROĊEDURA
Titolu
Il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ rizziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali
Carlos Coelho, Esther De Lange, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Lilli Gruber, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Søren Bo Søndergaard, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Adamos Adamou, Simon Busuttil, Marco Cappato, Koenraad Dillen, Maria da Assunção Esteves, Ignasi Guardans Cambó, Luis Herrero-Tejedor, Sophia in ‘t Veld, Carlos José Iturgaiz Angulo, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Eva-Britt Svensson
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali