Proċedura : 2007/2057(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0115/2008

Testi mressqa :

A6-0115/2008

Dibattiti :

PV 22/04/2008 - 4
CRE 22/04/2008 - 4

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2008 - 5.30
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0154

RAPPORT     
PDF 205kWORD 121k
3 t'April 2008
PE 396.699v03-00 A6-0115/2008

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

(C6-0382/2007 – 2007/2057(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Hans-Peter Martin

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

(C6-0382/2007 – 2007/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006(1),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Aġenzija(2),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-KE, u b’mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea(4), u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0115/2008),

1.   Jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2006;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (Serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

(C6-0382/2007 – 2007/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006(6),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Aġenzija(7),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-KE, u b’mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(8), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea(9), u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(10), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0115/2008),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri;

2.   Japprova l-għeluq tal-kontijiet ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lid-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (Serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

(C6-0382/2007 – 2007/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006(11),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Aġenzija(12),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-KE, u b’mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(13), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea(14), u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(15), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0115/2008),

A. billi l-Qorti ta’ l-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma ta' min wieħed joqgħod fuqhom, u li t-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari,

B.  billi fl-24 ta’ April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2005(16), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, fost affarijiet oħra

· innota li l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005 kienet affettwata minn dewmien fir-reklutaġġ ta' l-istaff u li din is-sitwazzjoni kellha riperkussjonijiet fuq l-utilizzazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet għall-ispiża amministrattiva;

· innota li d-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet, prerekwiżit għal sistema valida ta’ kontroll intern, uriet xi nuqqasijiet u li fajls li kellhom x’jaqsmu ma’ l-impenji u l-ħlasijiet ta’ spiss ma kinux tlestew jew kienu mħawda;

· innota wkoll diversi nuqqasijiet fil-ġestjoni ta' l-akkwisti pubbliċi u insista li l-Aġenzija trid tkun konformi mar-rekwiżiti regolatorji;

Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji ta’ l-UE u li b’hekk jaffettwaw ukoll il-proċedura ta’ kwittanza għal kull waħda mill-aġenziji individwali

1.  Jinnota li l-baġits ta’ l-24 aġenzija u ta’ korpi satelliti oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti ta’ l-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1 080.5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien ta’ l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun);

2.  Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta’ korpi esterni ta’ l-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala ftehimiet ta' sħubija pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti);

3.  Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta’ aġenziji suġġetti għall-proċedura ta’ kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m’humiex inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti ta' l-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta’ kwittanza intern);

4.  Jikkonkludi, għaldaqstant, li l-proċess ta’ verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits ta’ l-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel reviżjoni fuq firxa wiesgħa tal-proċess ta’ kwittanza fir-rigward ta’ aġenziji u korpi satelliti bil-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li jżomm f’moħħu l-għadd dejjem ikbar ta’ korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta’ kwittanza separat fis-snin li ġejjin;

Kunsiderazzjonijiet fundamentali

5.  Jitlob biex il-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward ta’ l-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta’ aġenzija ġdida jew qabel ir-riforma ta’ aġenzija eżistenti: it-tip ta’ aġenzija, l-għanijiet ta’ l-aġenzija, l-istruttura ta’ governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati ta’ l-aġenzija, ir-relazzjoni formali ma’ l-atturi esterni, ir-responsabilità baġitarja, l-ippjanar finanzjarju, u l-istaff u l-politika dwar l-istaff;

6.  Jitlob li kull aġenzija tkun irregolata minn ftehima annwali rigward ir-rendiment li tkun ifformulata mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandha tinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tar-rendiment;

7. Jitlob li r-rendiment ta’ l-aġenziji jiġi vverifikat b’mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti ta’ l-Awdituri jew awditur indipendenti ieħor; iqis li din il-verifika m’għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta’ ġestjoni finanzjarja u għall-użu kif suppost tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifikazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja ta’ kull aġenzija;

8.  Hu tal-fehma li fil-każ ta’ aġenziji li qegħdin kontinwament jistmaw li l-ħtiġijiet baġitarji rispettivi tagħhom huma ogħla milli fil-fatt huma, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skond il-postijiet vakanti; huwa ta’ l-opinjoni li dan għandu jwassal, f’perjodu fit-tul, għal inqas dħul assenjat għall-aġenziji u għalhekk inaqqas ukoll l-ispejjeż amministrattivi;

9.  Jinnota li hija problema serja li għadd ta' aġenziji jiġu kkritikati minħabba li ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwisti pubbliċi, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti ta' l-Istaff, eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m’ghandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun, sabiex titjieb l-effiċjenza billi l-funzjonijiet amministrattivi ta’ diversi aġenziji jingħaqdu flimkien, sabiex tinkiseb din is-saħħa (billi wieħed jikkunsidra t-tibdiliet meħtieġa fir-Regolamenti bażiċi li jmexxu lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom) jew sabiex toħloq abbozz ta’ regoli speċifiċi għall-aġenziji (b’mod partikulari billi timplimenta regoli għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi fit-totalità tagħhom;

10. Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, tqis ir-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali fis-snin ta' qabel, b'mod partikulari għas-sena n-1, u tirrevedi l-baġit rikjest mill-aġenzija partikulari kif meħtieġ; jistieden lill-Kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk ma jkunx diġà ġie rivedut mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit imsemmi fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta’ assorbiment u implimentazzjoni ta’ l-aġenzija msemmija;

11. Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza b’rabta mas-sena finanzjarja 2005, li biha huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta’ kull aġenzija li teżisti; f’każ ta’ evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta’ aġenzija, jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha sabiex jieħdu l-passi meħtieġa, billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta’ dik l-aġenzija jew billi jagħlquh; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, ta’ l-inqas 5 minn dan it-tip ta’ evalwazzjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza, b’rabta mas-sena finanzjarja 2007, billi tibda mill-iżjed aġenziji antiki;

12. Huwa ta’ l-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam mal-likwidità; barra minn hekk jikkunsidra li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu miżjuda fir-regolament finanzjarju tal-qafas ta’ l-aġenziji u f’bosta regolamenti finanzjarji speċifiċi;

Il-preżentazzjoni tad-dejta li tiġi rapportata

13. Jinnota li m’hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji dwar il-preżentazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata u tal-kontijiet tagħhom u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u lanqas dwar il-kwistjoni jekk għandhiex titfassal dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni mid-direttur ta’ l-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b’mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tax-xogħol ta’ l-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rappurtar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

14. Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti ta’ l-attivitajiet ma jesiġux b’mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamlu dan għall-2006, filwaqt li f’każ wieħed minnhom kienet inkluża riżerva importanti;

15. Ifakkar li l-paragrafu 41 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2005(17), jistieden lid-Diretturi ta’ l-Aġenziji sabiex minn issa ’l quddiem ir-rapport ta’ l-attivitajiet annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u tal-ġestjoni, irid ikollu miegħu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità ta’ l-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet fis-seħħ tagħha lill-aġenziji skond dak li ntqal hawn fuq;

17. Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem ma’ l-aġenziji biex jinħoloq mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha li jiddistingwi b’mod ċar bejn

-    rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operazzjonijiet, ix-xogħol u l-kisbiet tal-korpi;

-    dikjarazzjonijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;

-    rapport ta' l-attivitajiet li jkun simili għar-rapporti ta' l-attivitajiet tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

-    dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma’ kull riżerva jew osservazzjoni li jqis li jkun xieraq li jiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtorità ta’ kwittanza dwarha;

Konklużjonijiet ġenerali tal-Qorti ta’ l-Awdituri

18. Jinnota dak li sabet il-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 10.29(18)) li l-ħruġ ta’ sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m’huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta’ likwidità ta’ l-aġenziji u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti (carry-overs), iwassal sabiex ikollhom bilanċi ta’ kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta’ sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-bżonnijiet reali tagħhom għal dak li jirrigwarda l-likwidità;

19. Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f’qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31);

20. Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba liv li ma tteħidx li huma responsabbli għalihom uħud mill-aġenziji; jirrimarka li l-Qorti ta’ l-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha fil-każ ta’ tliet aġenziji (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP), CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: CEDEFOP, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni);

Verifika interna

21. Ifakkar li b’konformità ma’ l-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern ta’ l-aġenziji regolatorji li jingħataw għotjiet mill-baġit ta’ l-UE; jirrimarka li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta’ tmexxija u lid-direttur ta’ kull aġenzija;

22. Jiġbed l-attenzjoni għar-riżerva li tniżżlet fir-Rapport ta’ l-Attivitajiet Annwali ta’ l-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:

      “L-Awditur Intern tal-Kummissjoni m’huwiex f’pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu skond l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta’ riżorsi ta’ staff.”;

23.  Jinnota, madankollu, il-kumment ta’ l-Awditur Intern fir-rapport ta’ l-attivitajiet tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi ta’ l-istaff addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lis-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta’ verifika interna fuq bażi annwali;

24. Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta’ aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta’ intrapriżi konġunti li jeħtieġ li ssirilhom verifika mill-IAS skond l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk ir-riżorsi ta’ l-istaff għad-dispożizzjoni ta' l-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta’ dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin;

25. Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament Nru 2343/2002 jesiġi li kull sena kull aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-kwittanza li jkun imħejji mid-direttur tagħha u li jiġbor fih l-għadd u t-tip ta’ verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir;

26. Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b’rabta ma’ l-aġenziji li huma żgħar, ta’ proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta’ Settembru 2006 li aġenziji li huma żgħar għandhom ikunu awtorizzati li jixtru servizzi ta’ verifika interna mis-settur privat;

L-evalwazzjoni ta’ l-aġenziji

27. Ifakkar fl-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni(19) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit ta' l-ECOFIN tat-13 ta’ Lulju 2007 li titlob għal (i) lista ta’ aġenziji li l-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel evalwazzjoni tagħhom, u (ii) lista ta’ aġenziji li diġà saret evalwazzjoni tagħhom, flimkien ma’ sintesi tar-riżultati prinċipali;

Proċeduri dixxiplinari

28. Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet ta' dixxiplina ad hoc minn fost l-istaff li huwa ta’ grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju ta’ l-Investigazzjoni u d-Dixxiplina) tal-Kummissjoni m’huwiex responsabbli għall-aġenziji; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu li jsir bord ta' dixxiplina komuni;

Abbozz ta’ ftehima interistituzzjonali

29. Ifakkar fl-abbozz tal-Ftehima Interistituzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej (COM(2005)0059) li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll ta’ l-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu rrazzjonalizzati l-ħolqien u l-operazzjoni ta’ l-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta’ sintesi 2006 tal-Kummissjoni (paragrafu 3.1, COM(2007)0274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjoni tal-proposta, tnedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar is-sustanza tal-kwistjoni fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress għall-adozzjoni;

30. Jilqa’ b’sodisfazzjon għaldaqstant, l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni ta’ l-aġenziji regolatorji matul l-2008;

Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

31. Ifakkar li fil-każ taż-żewġ aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom, id-direttur jingħata l-kwittanza mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul ta' tariffi li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:

      Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 281 miljun;

     Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 18-il miljun(20);

Punti speċifiċi

32. Jinnota li l-Aġenzija kellha EUR 44.738 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 44.738 miljun f'approprjazzjonijiet ta' ħlas mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006;

33. Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri fir-rapport ta’ l-2006 tagħha li aktar minn 43% ta’ l-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet kellhom ikunu kkanċellati fl-aħħar tas-sena 2006 u, barra minn hekk, li kien hemm konċentrazzjoni tat-tranżazzjonijiet matul l-aħħar kwart tas-sena biex il-prinċipju baġitarju tal-preċiżjoni ma kienx osservat b’mod strett;

34. Jinnota wkoll li s-sejba tal-Qorti li l-proċeduri biex ikunu stabbiliti l-baġit u l-pjan ta’ l-istabbiliment ma kinux rigorużi biżżejjed u li dan wassal għal għadd kbir ta’ trasferimenti baġitarji, l-ippjanar b’mod mhux adegwat tar-reklutaġġ ta' l-istaff u l-preżentazzjoni tal-baġit b’mod mhux korrett;

35. Jinnota r-rata ta' utilizzazzjoni baxxa ta' l-approprjazzjonijiet tal-ħlas għal miżuri kontra t-tniġġis fil-baħar (67.7%) minkejja l-appoġġ kontinwu tal-Parlament għal dawn il-miżuri fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-baġit; minħabba li ma kienx possibbli li fl-2006 u fl-2007 jkun ipprovdut bastiment għal kontra t-tniġġis li jkopri ż-żona ta' l-Ark Atlantiku, li tinkludi l-kosta Galizzjana u l-Bajja ta' Biscay, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija biex ikabbru l-isforzi tagħhom biex jinkiseb dan il-għan fl-2008 fi ħdan il-qafas tar-Regolament 2038/2006/KE;

36. Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija daħlet għal impenji legali qabel l-impenji baġitarji korrispondenti, u li xi kuntratti ppermettew finanzjament minn qabel ta’ 100 %;

37. Jirrikonoxxi, madankollu, kif indikat fit-tweġibiet ta’ l-Aġenzija, li l-lokazzjoni mill-ġdid ta’ l-Aġenzija fl-2006 minn Brussell għal Liżbona kellha implikazzjonijiet baġitarji li kien diffiċli li jkunu mbassra, inkluż it-tluq ta’ kważi 20 % ta' l-istaff bil-kuntratt;

38. Jinnota l-osservazzjonijiet tal-Qorti li l-Aġenzija daħlet għal impenji legali qabel l-impenji baġitarji korrispondenti, u li xi kuntratti ppermettew finanzjament minn qabel ta’ 100 %;

39. Jistieden lill-Aġenzija biex twettaq azzjoni b’mod urġenti biex tirrimedja d-deċiżjoni tal-Qorti li s-sistema ta’ l-inventarju ta’ l-Aġenzija hija dgħajfa u li r-rekords tagħha ma jippermettux li l-oġġetti kollha jkunu ttraċċati fiżikament, u b’mod partikulari, li t-tagħmir tal-kompjuter m’huwiex irrekordjat fis-sistema;

40. Jiġbed l-attenzjoni li l-karti tal-bilanċ ta’ l-Aġenzija jinkludu EUR 11.6 miljun fi flus kontanti u l-ekwivalenti tal-flus kontanti u eċċess akkumulat ta’ EUR 7.18 miljun;

41. Jiġbed l-attenzjoni għall-istqarrija mill-uffiċjal tal-kontijiet ta’ l-Aġenzija fir-rapport tiegħu dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja li għalkemm l-isforz ta’ l-Aġenzija għar-reklutaġġ kien partikularment importanti matul l-2006 kollha, il-pjan ta’ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit relatat miegħu kellhom nuqqasijiet minħabba r-riżenji numerużi ta' l-istaff li seħħew minħabba ċ-ċaqliqa għal Liżbona;

42. Jinnota b’interess mir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja li minħabba t-twaqqif b’mod gradwali ta' l-S12 fl-2007, l-Aġenzija talbet li tkun il-proġett pilota għall-ġenerazzjoni ġdida ta’ sistemi finanzjarji msejħa ABAC (Kontijiet Ibbażati fuq id-Dovuti) u, minn April 2006, l-Aġenzija qed tuża l-istess sett ta’ sistemi finanzjarji bħall-Kummissjoni fi skema ta’ esternalizzazzjoni tax-xogħol, bis-sistemi kollha jintlaqgħu u jkunu mantnuti mid-DĠ (DIGIT) tal-Kummissjoni;

43. Jemmen li aktar stħarriġ għandu jitwettaq dwar il-vijabilità ta’ l-organizzazzjoni tas-sistemi u s-servizzi ta’ l-aġenziji b’mod komuni, għax dan ikun ta’ benefiċċju partikularment għall-aġenziji li huma żgħar u li m’għandhomx il-massa kritika jew aġenziji ġodda li jkunu fil-fażi tat-twaqqif;

44. Jinnota l-istqarrija fir-rapport annwali ta’ l-Aġenzija li r-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-għadd dejjem jiżdied tal-parteċipanti fil-laqgħat tagħha huwa proċess li jinvolvi ħafna xogħol manwali u li hija qiegħda attwalment ittejjeb il-proċeduri rilevanti; jistaqsi lill-Qorti biex tikkunsidra l-kwistjoni ġenerali tar-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar mill-aġenziji fir-rapporti tagħha li jmiss dwar l-aġenziji.

27.2.2008

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima għas-sena finanzjarja 2006

(C6-0382/2007 - 2007/2057(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Luca Romagnoli

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti ta' l-Awdituri sabet li l-kontabilità ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-2006 hija affidabbli u t-tranżazzjonjiet sottostanti, meħuda flimkien, huma legali u regolari;

2.  Jinnota li l-Aġenzija kellha EUR 44.738 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 44.738 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagamenti mill-baġit ta' l-UE għall-2006;

3.  Jiddispjaċih mill-fatt li 43% ta' l-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' l-Aġenzija għall-2006 kellhom jiġu kanċellati u li kien hemm konċentrazzjoni ta' tranżazzjonijiet lejn tmiem is-sena finanzjarja;

4.  Jinnota wkoll r-rata baxxa ta' użu ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għal miżuri ta' kontra t-tniġġiż fil-baħar (67,7%) minkejja l-appoġġ kontinwu tal-Parlament għal dawn il-miżuri fil-proċess baġitarju li wassal għall-adozzjoni tal-baġit; fl-isfond ta' l-impossibilità li jkun hemm vapur kontra t-tniġġis fl-2006 u fl-2007 li jkopri z-zona ta' l-Ark Atlantiku, li tinkludi l-kosti tal-Galizia u tal-Bajja ta' Biscay, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex dan l-objettiv jintlaħaq fl-2008 fil-qafas tar-Regolament 2038/2006/KE;

5.  Jinnota bi tħassib li xi impenji legali ddaħħlu fis-seħħ qabel l-impenn baġitarju korrispondenti u li xi kuntratti kienu finanzjati 100% bil-quddiem;

6. Jipproponi madankollu li l-l-Parlament jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Maritima għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2006.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

26.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

33

1

0

Membri preżenti għall-vot finali

Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Brigitte Fouré, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Dieter-Lebrecht Koch, Sepp Kusstatscher, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Seán Ó Neachtain, Willi Piecyk, Reinhard Rack, Luca Romagnoli, Brian Simpson, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Georgios Toussas, Yannick Vaugrenard, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Zsolt László Becsey, Philip Bradbourn, Anne E. Jensen, Helmuth Markov, Vladimír Remek, Leopold Józef Rutowicz, Ari Vatanen, Corien Wortmann-Kool

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

26.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Herbert Bösch, Costas Botopoulos, Mogens Camre, Paulo Casaca, Jorgo Chatzimarkakis, Antonio De Blasio, Esther De Lange, Petr Duchoň, James Elles, Szabolcs Fazakas, Markus Ferber, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Dan Jørgensen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Bogusław Liberadzki, Nils Lundgren, Marusya Ivanova Lyubcheva, Hans-Peter Martin, Ashley Mote, Jan Mulder, Bill Newton Dunn, Borut Pahor, Bart Staes, Jeffrey Titford, Kyösti Virrankoski, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvador Garriga Polledo, Edit Herczog, Cătălin-Ioan Nechifor, Dumitru Oprea, Pierre Pribetich, Margarita Starkevičiūtė

(1)

ĠU C 261, 31.10.2007, p. 20.

(2)

ĠU C 309, 19.12.2007, p. 55.

(3)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(4)

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)

ĠU C 261, 31.10.2007, p. 20.

(7)

ĠU C 309, 19.12.2007, p. 55.

(8)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(9)

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(10)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(11)

ĠU C 261, 31.10.2007, p. 20.

(12)

ĠU C 309, 19.12.2007, p. 55.

(13)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(14)

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(15)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(16)

Testi Adottati, P6_TA(2007)0123.

(17)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar kwittanza lid-Direttur ta' l-Aġenzija għas-Sigurtà Marittima Ewropea fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 139).

(18)

ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

(19)

Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev1.

(20)

Is-sors: Rapport speċjali ta’ l-ECA.

Aġġornata l-aħħar: 16 t'April 2008Avviż legali