RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro

5.6.2008 - (COM(2007)0525 – C6‑0431/2007 – 2007/0192(CNS)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Agustín Díaz de Mera García Consuegra

Proċedura : 2007/0192A(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0230/2008
Testi mressqa :
A6-0230/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro

(COM(2007)0525 – C6‑0431/2007-2007/0192(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0525),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(4) tat-Trattat KE, b'mod partikulari t-tielet sentenza, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0431/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0230/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Huwa importanti li jkun żgurat li l-karti u muniti fiċ-ċirkolazzjoni jkunu awtentiċi. Issa huma disponibbli proċeduri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħrajn li jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-ewro li jirċievu qabel jerġgħu jqiegħduhom lura fiċ-ċirkolazzjoni. Biex ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jimplimentaw dawn il-proċeduri, dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-operat intern tagħhom.

(2) Huwa importanti li jkun żgurat li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni jkunu awtentiċi. Issa huma disponibbli proċeduri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħra li jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-ewro li jirċievu kif ukoll humiex xierqa biex jiġu ċċirkolati qabel ma jerġgħu jqiegħduhom lura fiċ-ċirkolazzjoni. Biex ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni, u biex jimplimentaw dawk il-proċeduri, dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-operat intern tagħhom.

Ġustifikazzjoni

L-istandards stabbiliti għandhom jikkonċernaw kemm jekk il-karti u l-muniti ta' l-euro humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni kif ukoll il-kontrolli ta' l-awtentiċità tagħhom. Dan għandu jiġi ċċarat fir-Regolament propost.

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Il-kummerċjanti ż-żgħar u ta' daqs medju jonqoshom ir-riżorsi biżżejjed biex iwettqu l-verifiki skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) u mill-Kummissjoni. Huma għandhom ikunu meħtieġa li jaġixxu bil-galbu li jixraq billi jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni kull karta u munita ta’ l-euro li jirċievu li jkunu jafu, jew li jkollhom raġuni biżżejjed għalfejn jemmnu, li hi falza.

Ġustifikazzjoni

Trid issir għażla bejn l-obbligi li jaqgħu fuq il-kummerċjanti ż-żgħar u ta’ daqs medju u dawk l-obbligi li jaqgħu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u fuq istituzzjonijiet oħra li jixbhuhom. Filwaqt li istituzzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu meħtieġa biex issir verifika ta’ l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-euro skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni, il-kummerċjanti ż-żgħar u ta’ daqs medju m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jagħmlu dan, u għalhekk għandhom ikunu meħtieġa biss li jaġixxu bil-'galbu li jixraq'.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet l-oħra relatati jkunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligu li jikkontrollow l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta' l-euro u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom ikunu definiti l-proċeduri u l-istandards tekniċi għall-kontrolli ta' dan it-tip. L-Artikolu 106(1) tat-Trattat jassenja l-kompetenza għad-definizzjoni ta' standards ta' dan it-tip għall-karti ta' l-euro lill-BĊE. Fir-rigward tal-muniti ta' l-euro, il-Kummissjoni ngħatat il-kompetenzi relatati skond l-Artikolu 211 tat-Trattat KE.

Ġustifikazzjoni

Il-BĊE diġà adotta qafas għall-identifikazzjoni ta' karti foloz sabiex iwettaq ir-responsabilitajiet tiegħu skond l-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut ta' l-ESCB u l-BĊE, speċifikament, sabiex ikunu żgurati l-integrità u l-preżervazzjoni tal-karti ta' l-euro fl-idejn. Bl-istess mod, fil-qasam tal-muniti ta' l-euro, il-Kummissjoni diġà adottat ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2005 dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti ta' l-euro u t-trattament ta' muniti ta' l-euro li m'humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni.

Emenda  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Biex tkun iċċekkjata l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-euro huwa meħtieġ li jsir aġġustament xieraq tat-tagħmir. Biex ikun aġġustat it-tagħmir użat għall-kontrolli ta’ l-awtentiċità huwa essenzjali li fil-postijiet fejn isiru t-testijiet ikunu disponibbli l-kwantitajiet neċessarji ta’ karti u muniti foloz. Għaldaqstant, huwa importanti li jkun permess it-trasport ta’ flus foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3) Biex tkun iċċekkjata l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-euro huwa meħtieġ li jsir aġġustament xieraq tat-tagħmir. Biex ikun aġġustat it-tagħmir użat għall-kontrolli ta’ l-awtentiċità huwa essenzjali li fil-postijiet fejn isiru t-testijiet ikunu disponibbli l-kwantitajiet neċessarji ta’ karti u muniti foloz. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jkun permess it-twassil u t-trasport ta’ flus foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Ġustifikazzjoni

Ir-Regolament għandu jkun emendat sabiex iqis il-ħtieġa ta’ eżempji ta’ karti u muniti ta’ l-euro foloz (tkun xi tkun l-oriġini tagħhom) li għandhom jitwasslu u biex it-trasport tagħhom ikun awtorizzat.

Emenda  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) L-awtentiċità tal-flus ta' l-euro għandha tkun iggarantita madwar l-Unjoni Ewropea kollha, inklużi f’dawk l-Istati Membri li m'humiex parti miz-zona ta’ l-euro u f’dawk li fihom il-flus ta' l-euro jintużaw bħala munita ta' transazzjoni.

Ġustifikazzjoni

L-Istati Membri li ma jiffurmawx parti miz-zona ta’ l-euro għandhom jiggarantixxu l-awtentiċità ta’ l-euro meta tkun qed tintuża fit-territorju tagħhom bħala munita għat-transazzjonijiet. Il-metodi ta’ l-ivverifikar ta’ l-awtentiċità tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni m’humiex se jkunu applikabbli għal kollox għal dawk l-Istati Membri, u għalhekk għandha tiġi proposta l-applikazzjoni ta’ metodi bħal m’huma t-taħriġ tal-kaxxiera biex isibu euro foloz u l-użu ta’ tagħmir li kapaċi jsib muniti jew karti tal-flus foloz.

Emenda  6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 2 – punt d a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1a) Il-punt li jmiss għandu jiddaħħal fl-Artikolu 2:

 

“(da) ‘istituzzjonijiet oħra’ għandha tfisser kwalunkwe istituzzjoni ekonomika jew aġent ekonomiku mdaħħla fix-xogħol tat-tqassim u d-distribuzzjoni ta’ karti u muniti ta’ l-euro lill-pubbliku, jew b’mod dirett inkella permezz tal-magni li jagħtu l-flus kontanti; din id-definizzjoni għandha tinkludi l-uffiċċji tal-kambju, iċ-ċentri l-kbar tal-ħwienet u l-kasinos;”

Ġustifikazzjoni

Id-diversi istituzzjonijiet imdaħħla fit-tqassim u d-distribuzzjoni tal-flus kontanti għandhom ikunu magħżula bil-għan li tkun żgurata l-konformità ma’ l-obbligu li jivverifikaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-euro skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni.

Emenda  7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 2 – punt d b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1b) Il-punt li jmiss għandu jiddaħħal fl-Artikolu 2:

 

“(db) ‘kummerċjant żgħir u ta’ daqs medju’ għandha tfisser bejjiegħ bl-imnut li jkun jopera f’bini żgħir jew ta’ daqs medju u li jkun iservi l-konsumatur aħħari u li ma jkunx imdaħħal fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta' karti u muniti ta' l-euro lill-pubbliku ħlief fit-tnewwil ta' bqija fuq bażi ta' rutina;”

Ġustifikazzjoni

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kummerċjanti ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju għandhom ikunu magħżula minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u korpi oħra li huma involuti fit-trattament ta’ flus kontanti, b’mod partikulari fejn għandhom x’jaqsmu l-obbligi li jaqgħu fuq iż-żewġ kategoriji.

Emenda  8

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 1 - punt b

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 4 - paragrafu 2 - subparagrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) fl-aħħar tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

(b) fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafuli ġej:

“Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-karti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandu jkun permess it-trasport ta’ karti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.”

“Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-karti ta’ l-euro li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni u meta l-kwantità maqbuda tkun tippermetti dan, għadd suffiċjenti ta’ karti ta’ l-euro kontrafatti (anke meta dawn ikunu jiffurmaw evidenza fi proċeduri kriminali) għandu jkun mgħoddi lill-korpi nazzjonali kompetenti u għandu jkun permess it-trasport tagħhom bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.’

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li jiġi kkalibrat u aġġustat it-tagħmir li jeżamina l-awtentiċità tal-karti ta’ l-euro, iridu jiġu pprovduti eżempji foloz lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan ifisser li jrid jiġi awtorizzat il-ġarr u t-twassil ta’ kampjun ta’ eżempji foloz maqbuda, anke meta dawn l-eżempji jiffurmaw provi fi proċeduri kriminali kontra kontrafatturi u kriminali oħra - għalkemm dan għandu jsir mingħajr ma jiġu meqruda l-bilanċ meħtieġ bejn il-prinċipji legali/proċedurali u l-ħtiġijiet tekniċi marbuta ma’ l-osservazzjoni.

Emenda  9

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 2 - punt a

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 5 - titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

“Obbligu li muniti ffalsifikati jiġu trażmessi''

(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)

Ġustifikazzjoni

(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)

Emenda  10

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 2 - punt b

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 5 - paragrafu 2 - subparagrafu 2 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) fl-aħħar tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

(b) fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafuli ġej:

“Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-muniti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandu jkun permess it-trasport ta’ muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.”

“Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-muniti ta’ l-euro li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni u meta l-kwantità maqbuda tkun tippermetti dan, għadd suffiċjenti ta’ muniti ta’ l-euro fkontrafatti (anke meta dawn ikunu jiffurmaw evidenza fi proċeduri kriminali) għandu jkun mgħoddi lill-korpi nazzjonali kompetenti u għandu jkun permess it-trasport tagħhom bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.”

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li jiġi kkalibrat u aġġustat it-tagħmir li jeżamina l-awtentiċità tal-muniti ta’ l-euro, iridu jiġu pprovduti eżempji foloz lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan ifisser li jrid jiġi awtorizzat il-ġarr u t-twassil ta’ kampjun ta’ eżempji foloz maqbuda, anke meta dawn l-eżempji jiffurmaw provi fi proċeduri kriminali kontra kontrafatturi u kriminali oħra - għalkemm dan għandu jsir mingħajr ma jiġu meqruda l-bilanċ meħtieġ bejn il-prinċipji legali/proċedurali u l-ħtiġijiet tekniċi marbuta ma’ l-osservazzjoni.

Emenda  11

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3 – punt a

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 6 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

“1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu, u kull istituzzjoni oħra imqabbda biex jaħdmu fit-tqassim u fid-distribuzzjoni ta' karti tal-flus u muniti lill-pubbliku bħala attività professjonali, inklużi istituzzjonijiet li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-iskambju ta' karti tal-flus u muniti ta' kambji differenti, bħal bureaux de change, għandhom ikunu obbligati li jiżguraw li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jirċievu u li jkun bi ħsiebhom iqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu ċċekkjati għall-awtentiċità u li kull karti u muniti foloz jinstabu. Din il-verifika għandha titwettaq f’konformità mal-proċeduri li għandhom ikunu definiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament.

“1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu, dawk li jittrasportaw il-flus kontanti u kull aġent ekonomiku ieħor imdaħħal fit-tqassim u fid-distribuzzjoni ta' karti tal-flus u muniti lill-pubbliku bħala attività professjonali, inklużi stabbilimenti li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fit-tisrif ta' karti tal-flus u muniti ta' muniti differenti, bħal m’huma l-uffiċji tal-kambju, u aġenti ekonomiċi mdaħħla, bħala attività sussidjarja, fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta' karti tal-flus lill-pubbliku permezz ta' magni awtomatizzati li jagħtu l-flus kontanti, għandhom ikunu obbligati li jiżguraw li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jkunu rċevew u li jkun bi ħsiebhom iqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu vverifikati għall-awtentiċità u biex jaraw ikunux tajbin biex joħorġu fl-idejn u li tinstab kull karta tal-flus jew munita ffalsifikata. Dawk li jġorru l-flus kontanti għandhom ikunu meħtieġa li jivverifikaw l-awtentiċità tal-karti u tal-muniti ta’ l-euro biss fejn huma jkollhom aċċess dirett għall-karti u l-muniti ta’ l-euro li jkunu afdati lilhom. Din il-verifika dwar l-awtentiċità tal-flus u dwar jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-proċeduri li għandhom ikunu definiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament, bi qbil mal-kompetenzi rispettivi ta' dawk l-istituzzjonijiet u waqt li jitqiesu l-partikularitajiet tal-karti u l-muniti ta' l-euro.

 

F’dawk l-Istati Membri li m’humiex fost l-Istati Membri parteċipanti mniżżla fir-Regolament (KE) Nru 974/98, għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ kontroll speċifika bil-għan li tiġi vverifikata l-awtentiċità ta’ karti u muniti ta’ l-euro użati mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro kollha li jirċievu li jkunu jafu, jew li għandhom għalfejn jaħsbu, li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u aġenti ekonomiċi oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu u l-kummerċjanti ż-żgħar u ta’ daqs medju għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro kollha li jirċievu li huma jkunu jafu, jew li jkollhom raġuni biżżejjed għalfejn jemmnu, li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.’

Ġustifikazzjoni

L-obbligi li jaqgħu fuq l-istituti ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħra mdaħħla fit-tqassim u d-distribuzzjoni tal-karti u l-muniti ta’ l-euro għandhom jiġu magħżula mill-obbligi li jaqgħu fuq l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu mitluba biss li jaġixxu bil-galbu xieraq - peress li dan hu l-każ tal-kummerċjanti ż-żgħar u ta' daqs medju, li ma jifilħux għall-ispiża meħtieġa biex jakkwistaw magni ta' l-ittestjar. Barra minn hekk, trid tiġi stabbilita proċedura ta’ verifika fl-Istati Membri li, għalkemm ma jagħmlux parti miz-zona ta’ l-euro, madankollu jaċċettaw l-euro bħala munita għat-transazzjonijiet.

It-trasportaturi tal-flus kontanti m’humiex se jkunu meħtieġa li jivverifikaw l-awtentiċità tal-flus li huma jġorru sakemm ma jkollhomx aċċess dirett għalihom, sabiex tkun evitata kumplikazzjoni proċedurali ta’ l-attività tagħhom fil-livell Komunitarju. Il-proċeduri tat-trasport tal-flus kontanti spiss jinvolvu t-trasferiment ta’ flus kontanti bejn banek nazzjonali u l-fergħat ta’ banek individwali ġo kaxxi ssiġillati li t-trasportaturi ma jkunux jistgħu jiftħu. Għandu jkun iċċarat li, sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu rigward il-ħruġ ta' karti tal-flus, il-BĊE irid jiżgura l-integrità u l-preservazzjoni tal-karti ta’ l-euro li jkunu fl-idejn u b’hekk tkun żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fil-karti ta’ l-euro. Is-sempliċi possibilità li tinħareġ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni tista' ddgħajjef serjament l-indipendenza ta' l-BĊE f'dan ir-rigward.

Emenda  12

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3 – punt b

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 6 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew b'dan minnufih.”

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għall-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew b'dan minnufih.”

Ġustifikazzjoni

Trid tiġi stabbilita data ta’ skadenza, sa liema data l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Id-data ta’ skadenza li ġiet proposta fil-bidu mill-Kummissjoni tħalli lill-Istati Membri ftit skop biex jadottaw fil-ħin il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni nnifisha.

Emenda  13

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 3 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 7 - paragrafu 2 - inċiż 3 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Ma’ l-Artikolu 7, paragrafu 2 jiġi miżjud l-inċiż li ġej:

 

“- fil-ħolqien u l-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ tagħrif (fuljetti ta’ tagħrif, seminars ta’ taħriġ) maħsuba għaċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar ir-riskji tal-flus foloz, il-miżuri ta’ sigurtà bażiċi, li jinsabu fil-karti u l-muniti ta’ l-euro u l-awtoritajiet kompetenti li għandhom ikunu kkuntattjati f’każ ta’ pussess ta’ karti tal-flus u/jew muniti ssuspettati li jkunu foloz. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kull stabbiliment ieħor li hu mdaħħal fit-trattament u t-twassil lill-pubbliku ta’ karti tal-flus u ta’ muniti bħala attività professjonali, inklużi l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonsisti fit-tisrif ta’ muniti jew ta’ karti tal-flus ta’ muniti differenti, bħal m’huma l-uffiċji tal-kambju għandhom iqiegħdu fejn jidhru u għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi fuljetti ta’ tagħrif (fornuti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew) fejn jittrattaw dwar ir-riskji, il-miżuri u l-awtoritajiet diġà msemmija.”

NOTA SPJEGATTIVA

Il-ħarsien ta’ l-ewro għandu żewġ dimensjonijiet: waħda politika u l-oħra finanzjarja. Id-dimensjoni finanzjarja hija ovvja imma dik politika forsi għandha rwol aktar sinifikanti. Bħala wieħed mis-simboli ta’ l-identità Ewropea, l-ewro jeħtieġ li jiġi mħares.

Il-miżuri meħtieġa biex il-karti u l-flus ta' l-ewro jkunu mħarsa kontra l-iffalsifikar huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001.

F’dak ir-Regolament hemm propost li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u stabbilimenti oħra mdaħħla fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta' flus kontanti lill-pubbliku għandhom jirtiraw miċ-ċirkulazzjoni kwalunkwe karta jew munita ta' l-ewro li huma jkunu jafu, jew li jkollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu, li hi falza, għalkemm m’hemm l-ebda referenza għall-kompitu li jrid isir minn qabel u li huwa meħtieġ ta’ osservazzjoni u identifikazzjoni. Fi kliem ieħor ir-Regolament jimponi obbligu impliċitu (jiġifieri, li wieħed irid jaġixxi bil-‘galbu li jixraq’) iżda mhux obbligu dirett li jsiru l-verifiki. In-nuqqas ta’ referenza għal kompiti ta’ identifikazzjoni tista’ tiġi attribwita għall-fatt li, f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda ftehima dwar x’kienu l-aktar metodi effettivi għall-identifikazzjoni ta' karti ta’ flus u muniti foloz fuq skala kbira.

Issa li l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew stipulaw il-proċeduri definittivi għall-osservazzjoni ta’ karti u muniti ta’ l-ewro foloz, l-istabbilimenti mdaħħla fid-distribuzzjoni ta’ flus kontanti lill-pubbliku għandhom il-għodda li jinħtieġu sabiex iwettqu l-kompitu ta’ l-ivverifikar ta’ l-awtentiċità tal-karti u l-muniti li huma joħorġu fiċ-ċirkulazzjoni - ir-raġuni li tiġġustifika l-emenda magħmula lir-Regolament 1338/2001. Fost ħwejjeġ oħra dik l-emenda għandha tgħin biex issir l-għażla meħtieġa bejn is-suriet varji ta’ stabbilimenti li joħorġu l-munita komuni tagħna fiċ-ċirkulazzjoni. Min-naħa l-waħda hemm l-organizzazzjonijiet ewlenin ta’ kreditu, finanzjarji, ekonomiċi, kummerċjali u tal-ġarr ta' flus kontanti li għalihom ikun japplika b'mod dirett l-obbligu li jwettqu l-ivverifikar. Fil-każ partikulari tal-kumplessi kbar ta’ ħwienet il-ħtieġa li jsir l-ivverifikar se jżomm il-parti l-kbira tal-kumplessi milli jiddistribwixxu, mill-magni awtomatiċi tagħhom ta’ l-għoti ta’ flus kontanti, karti tal-flus u muniti li ma jkunux ġew ivverifikati u li jistgħu bħala konsegwenza jkunu foloz. Mill-banda l-oħra se jkun hemm kummerċjanti żgħar li għal raġunijiet ovvji se jkunu meħtieġa biss li jimxu bil-'galbu li jixraq’ - jiġifieri li jirtiraw kwalunkwe karta tal-flus jew munita li huma jafu jew li huma għandhom raġuni biżżejjed għalfejn jemmnu li hi falza. Għalhekk se jkollha tiġi mfassla definizzjoni ta’ l-istabbilimenti li se jkunu obbligati li jivverifikaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-ewro li huma jwasslu lill-pubbliku.

Il-proċeduri għall-osservazzjoni u l-ivverifikar ta’ l-awtentiċità tal-karti tal-flus u tal-muniti jsiru permezz ta’ tagħmir li jrid ikun ikkalibrat u aġġustat permezz ta’ l-użu ta’ eżempji tal-flus ta’ l-ewro kemm foloz u kemm awtentiċi. Jekk iċ-ċentri ta’ kontroll għandhom ikunu pprovduti b’eżempji ta’ flus ta’ l-ewro foloz, irid ikun possibbli li dawk l-eżempji jinġarru bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u bejn il-korpi u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE.

Bil-għan li t-tagħmir ta' l-osservazzjoni u l-ivverifikar ta' l-awtentiċità jiġi kkalibrat, irid jitwassal għadd suffiċjenti ta’ eżempji ta’ flus ta’ l-ewro foloz (anke meta dawn ikunu jiffurmaw l-evidenza fi proċeduri kriminali) lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kemm-il darba l-kwantità tal-karti tal-flus u l-muniti maqbuda tkun tippermetti li dan isir. Din hija proposta kumplessa minħabba l-fatt li skond il-liġijiet tal-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri dwar il-prosekuzzjoni kriminali, l-evidenza kollha marbuta ma' proċeduri kriminali għandha tkun disponibbli għal kemm itulu dawk il-proċeduri mill-bidu sa l-aħħar. Għalhekk irid jinħoloq mekkaniżmu li jħalli lill-awtoritajiet ġudizzjarji jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ l-ivverifikar għadd suffiċjenti ta’ karti u muniti ta’ l-ewro foloz mingħajr ma jeqirdu l-bilanċ bejn l-osservanza tal-prinċipji legali/proċedurali bażiċi u l-ħtiġijiet tekniċi marbuta ma' l-investigazzjoni tal-flus foloz.

Kwistjoni ta’ importanza partikulari hija l-kwistjoni fejn tidħol il-garanzija ta’ l-awtentiċità ta’ l-ewro fl-UE kollha, b’mod partikulari fl-Istati Membri li m’humiex parti miz-zona ta’ l-ewro iżda li jaċċettaw il-munita unika għal għanijiet ta’ tranżazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-referenza li għamel il-Bank Ċentrali Ewropew għall-iskali ta' żmien li fihom l-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-ħtieġa ta' l-ivverifikar ta' l-awtentiċità. Fil-fehma tal-Bank Ċentrali Ewropew l-iskali ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċeduri speċifikati mill-Kummissjoni u mill-BĊE innifsu, peress li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet huma responsabbli mir-regoli ta' klassifikazzjoni marbuta kemm ma' l-ivverifikar ta' l-adattabilità u kemm ma' l-ivverifikar ta' l-awtentiċità tal-munita. Madankollu, il-proposta tal-BĊE tkun applikabbli biss fil-pajjiżi taz-zona ta’ l-ewro u mhux fl-Istati Membri l-oħra li fihom l-ewro m’huwiex il-munita uffiċjali. Fil-każ ta’ Stati Membri li ma adottawx il-munita unika, l-ivverifikar ta’ l-awtenitiċità jista’ jsir (I) permezz ta’ l-użu, min-naħa ta’ l-istabbilimenti, ta’ tagħmir ittestjat li jkun kapaċi jsib flus foloz meta jkunu qed jiġu magħżula l-karti tal-flus u l-muniti u (II) billi jingħata taħriġ adattat lill-kaxxiera. Għal din ir-raġuni u sabiex ikun żgurat li l-mekkaniżmi tal-kontroll ikunu effettivi, huwa importanti b’mod partikolari li r-Regolament għandu jkollu data speċifika li b’effett minnha jkunu applikati l-proċeduri ta’ l-ivverifikar ta’ l-awtentiċità barra miz-zona ta’ l-ewro. L-aħjar ħaġa tkun li tiġi stabbilita skadenza itwal minn dik li kienet proposta fil-bidu mill-Kummissjoni (i.e. il-31 ta’ Diċembru 2009) sabiex ikunu ssodisfati l-partijiet kollha involuti u biex l-Istati Membri kollha (kemm jekk ikunu parti miz-zona ta’ l-ewro u kemm jekk ma jkunux) ikunu jistgħu jadottaw il-mekkaniżmi meħtieġa għall-għan li tkun ivverifikata l-awtentiċità ta’ l-ewro fit-territorju tagħhom.

Fl-aħħarnett, il-verżjonijiet lingwistiċi varji tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill se jkollhom jiġu rriveduti, peress li - għall-anqas fil-verżjoni Spanjola - l-emenda proposta għat-titolu ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) 1338/2001 tinvolvi t-tibdil tat-titolu oriġnali minn "Obbligu li muniti ffalsifikati jiġu trażmessi għall-identifikazzjoni" għal "Obbligu li karti ta’ flus iffalsifikati jiġu trażmessi", meta fil-fatt it-titolu għandu jinbidel għal "Obbligu li muniti ffalsifikati jiġu trażmessi".

OPINJONI TAL- KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI (8.5.2008)

għall- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-ewro
(COM(2007)0525 – C6‑0431/2007 – 2007/0192(CNS))

Rapporteur għal opinjoni: Manuel António dos Santos

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Sfond

Fl-2007, in-numru totali ta' karti tal-flus iffalsifikati li ġew irtirati miċ-ċirkulazzjoni kien ta' 561,000, waqt li n-numru ta' muniti ffalsifikati rtirati miċ-ċirkulazzjoni kien ta' 211,100. Dawn in-numri huma marġinali meta mqabbla mat-total ta' karti tal-flus u ta' muniti ġenwini fiċ-ċirkulazzjoni (11.4 biljun u 75 biljun rispettivament). Il-parti l-kbira (96%) tal-karti tal-flus iffalsifikati li ġew irkuprati fit-tieni nofs tas-sena 2007 nstabu f'pajjiżi li huma parti miz-zona ta' l-ewro (bejn wieħed u ieħor 3.5% fi Stati Membri li mhumiex parti miz-zona ta' l-ewro, u madwar 0.5% f'partijiet oħra tad-dinja).

Il-Qafas Legali Attwali

Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni legali tal-karti tal-flus u tal-muniti ta' l-ewro, kienu introdotti żewġ Regolamenti, eżattament qabel id-dħul tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni fl-1 ta' Jannar 2002: ir-Regolament 1338/2001, ibbażat fuq l-Artikolu 123(4) tat-Trattat KE, daħal fis-seħħ f'dawk l-Istati Membri li kienu adottaw l-ewro bħala l-munita unika tagħhom. Regolament parallel (1339/2001) ibbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat KE jestendi d-dispożizzjonijiet tar-regolament 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-ewro bħala l-munita unika.

Ir-Regolament 1338/2001 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' ħarsien kontra l-imitazzjoni u l-iffalsifikar. Hu jkopri l-ipproċessar ta' informazzjoni teknika u statistika dwar l-imitazzjoni ta' karti tal-flus u tal-muniti (il-metodi u l-karatteristiċi tekniċi tal-proċess tal-produzzjoni, l-ammonti sekwestrati eċċ.), l-ipproċessar ta' dejta operattiva u strateġika, u koperazzjoni u għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri ta' l-UE, entitajiet u istituzzjonijiet, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali (b'mod partikulari l-Europol).

Skond il-kundizzjonijiet tar-regolament, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u kwalunkwe istituzzjoni oħra involuta fit-tqassim u fid-distribuzzjoni tal-flus tal-karti u l-muniti lill-pubbliku, għandhom ikunu obbligati li jneħħu miċ-ċirkulazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-ewro kollha li jirċievu li jkunu jafu jew li għandhom għalfejn jaħsbu li huma ffalsifikati. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-istituzzjonijiet li jonqsu li jaqdu dmirijiethom ikunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u deterrenti.

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro (COM(2007)525)

Din il-proposta li temenda r-Regolament 1338/2001 fiha:

- permess speċifiku sabiex jiġu ttrasportati karti ta' l-ewro ffalsifikati (Artikolu 4) u muniti (Artikolu 5) bil-għan li jiġi aġġustat it-tagħmir użat għall-kontrolli ta' l-awtentiċità, għaliex dan għadu mhux awtorizzat fil-livell ta' l-UE;

- it-tneħħija ta' l-obbligu taċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) li jikkomunika d-dejta lill-Kummissjoni, għaliex l-ETSC, li kien qed iwettaq ħidmietu fuq bażi temporanja fiz-Zekka Franċiża, issa hu mwaqqaf b'mod permanenti fl-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (Artikolu 5);

- obbligu espliċitu biex l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet rilevanti oħrajn jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u tal-muniti ta' l-ewro li jirċievu u li jqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni, skond il-proċeduri definiti mill-BĊE għall-karti u mill-Kummissjoni għall-muniti (Artikolu 6). Dan l-obbligu diġà ġie inkluż fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni għar-Regolament 1338/2001, imma din finalment ma ġietx adottata l-aktar minħabba n-nuqqas ta' ftehim dwar metodi uniformi u effettivi dwar l-identifikazzjoni ta' flus foloz. Id-dispożizzjonijiet li jimponu l-obbligi proposti se jiġu adottati mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009, sabiex jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-kreditu u istituzzjonijiet oħrajn jadattaw il-proċeduri interni tagħhom u jtejbu t-tagħmir tagħhom.

eMENDi

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Huwa importanti li jkun żgurat li l-karti u muniti fiċ-ċirkolazzjoni jkunu awtentiċi. Issa huma disponibbli proċeduri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħrajn li jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-ewro li jirċievu qabel jerġgħu jqiegħduhom lura fiċ-ċirkolazzjoni. Biex ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jimplimentaw dawn il-proċeduri, dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-operat intern tagħhom.

(2) Huwa importanti li jkun żgurat li l-karti u l-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni jkunu awtentiċi. Issa huma disponibbli proċeduri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħrajn li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jirċievu qabel jerġgħu jqegħduhom fiċ-ċirkolazzjoni. Biex ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni, u biex jimplimentaw dawk il-proċeduri, dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-operat intern tagħhom.

Ġustifikazzjoni

L-istandards stabbiliti għandhom jaraw kemm jekk il-karti u l-muniti ta' l-ewro humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni kif ukoll il-kontrolli ta' l-awtentiċità tagħhom. Dan għandu jiġi ċċarat fir-Regolament propost.

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet l-oħra relatati jkunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligu li jikkontrollow l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta' l-euro u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom ikunu definiti l-proċeduri u l-istandards tekniċi għall-kontrolli ta' dan it-tip. L-Artikolu 106(1) tat-Trattat jassenja l-kompetenza għad-definizzjoni ta' standards ta' dan it-tip għall-karti ta' l-euro lill-Bank Ċentrali Ewropew. Fir-rigward tal-muniti ta' l-euro, il-Kummissjoni ngħatat il-kompetenzi relatati skond l-Artikolu 211 tat-Trattat.

Ġustifikazzjoni

Il-BĊE diġà adotta qafas għall-identifikazzjoni ta' karti foloz sabiex jilħaq ir-responsabilitajiet tiegħu skond l-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE, u b'mod speċifiku, sabiex ikunu żgurati l-integrità u l-preservazzjoni tal-karti ta' l-ewro fl-idejn. Bl-istess mod, fil-qasam tal-muniti ta' l-ewro, il-Kummissjoni diġà adottat ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2005 dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti ta' l-ewro u t-trattament ta' muniti ta' l-ewro li m'humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – paragrafu 3 – punt a

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 6 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu, u kull istituzzjoni oħra imqabbda biex jaħdmu fit-tqassim u fid-distribuzzjoni ta' karti tal-flus u muniti lill-pubbliku bħala attività professjonali, inklużi istituzzjonijiet li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-iskambju ta' karti tal-flus u muniti ta' kambji differenti, bħal bureaux de change, għandhom ikunu obbligati li jiżguraw li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jirċievu u li jkun bi ħsiebhom iqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu ċċekkjati għall-awtentiċità u li kull karti u muniti foloz jinstabu. Din il-verifika għandha titwettaq f’konformità mal-proċeduri li għandhom ikunu definiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament.

1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu, u kull aġent ekonomiku ieħor imqabbda biex jaħdmu fit-tqassim u fid-distribuzzjoni ta' karti tal-flus u muniti lill-pubbliku, inkluż:

 

- istituzzjonijiet li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fl-iskambju ta' karti tal-flus u muniti ta' valuta differenti, bħal uffiċċji tal-kambju, u

- aġenti ekonomiċi impenjati, bħala attività sussidjarja, fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta' karti tal-flus lill-pubbliku permezz ta' "automated teller machines",

 

għandhom ikunu obbligati li jiżguraw li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jirċievu u li jkun bi ħsiebhom iqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu ċċekkjati għall-awtentiċità u jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni u li karti u muniti foloz jinstabu. Din il-verifika dwar l-awtentiċità tal-flus u dwar jekk humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-proċeduri li għandhom ikunu definiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament, bi qbil mal-kompetenzi rispettivi ta' dawk l-istituzzjonijiet u waqt li jitqiesu l-partikularitajiet tal-karti u l-muniti ta' l-euro.

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro kollha li jirċievu li jkunu jafu, jew li għandhom għalfejn jaħsbu, li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.’

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u aġenti ekonomiċi oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro kollha li jirċievu li jkunu jafu, jew li għandhom għalfejn jaħsbu, li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Ġustifikazzjoni

Għandu jkun iċċarat li, sabiex iwettaq il-mandat tiegħu dwar il-ħruġ tal-karti tal-flus, hemm bżonn li l-BĊE jiżgura l-integrità u l-preservazzjoni tal-karti ta' l-ewro fiċ-ċirkolazzjoni u, b'hekk anke l-fiduċja tal-pubbliku fil-karti ta' l-ewro. Anke s-sempliċi possibilità li tinħareġ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni tista' ddgħajjef serjament l-indipendenza tal-BĊE f'dan ir-rigward.

Emenda          4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – paragrafu 3 – punt b

Regolament (KE) Nru 1338/2001

Artikolu 6 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew b'dan minnufih.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw il-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom ikunu adottati bi qbil ma' l-iskadenzi stipulati fi proċeduri ta' dan it-tip. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew b'dan minnufih.

Ġustifikazzjoni

L-iskadenza proposta fl-2009 ma tipprovdix biżżejjed flessibilità għall-implimentazzjoni, b'mod partikulari meta wieħed iqis l-ispejjeż meħtieġa għall-migrazzjoni u biex jiġi manifatturat u miksub apparat għall-identifikazzjoni ta' flus foloz. Din l-iskadenza għandha titħassar u l-proċeduri stipulati mill-BĊE u mill-Kummissjoni għandhom jiddefinixxu l-iskadenzi sabiex tkun possibbli l-implimentazzjoni korretta u bir-reqqa tar-Regolament propost.

Emenda  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 2 – paragrafu 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-Istati Membri parteċipanti kif stipulat fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Meta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 jiġi estiż għall-Istati Membri li m'humiex fiz-zona ta' l-ewro, għandu jiġi ċċarat li l-BĊE hu responsabbli biex jiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-karti ta' l-ewro. Il-BĊE iddeċieda f'Lulju 2006 li dawn il-proċeduri se jidħlu fis-seħħ fl-Istati Membri li jkunu għadhom kif bdew jipparteċipaw ladarba jadottaw l-ewro.

PROĊEDURA

Titolu

Il-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro

Referenzi

COM(2007)0525 – C6-0431/2007 – 2007/0192(CNS)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

29.11.2007

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

Data tal-ħatra

Manuel António dos Santos

23.10.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

8.4.2008

6.5.2008

 

 

Data ta' l-adozzjoni

6.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Florencio Luque Aguilar, Gay Mitchell, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Valdis Dombrovskis, Harald Ettl, Ján Hudacký, Alain Lipietz, Diamanto Manolakou, Gianni Pittella, Bilyana Ilieva Raeva, Andreas Schwab

PROĊEDURA

Titolu

Protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta’ l-euro

Referenzi

COM(2007)0525 – C6-0431/2007 – 2007/0192(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

22.11.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

29.11.2007

Kumitat mitlub jagħti opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

29.11.2007

 

 

 

Rapporteur:

       Data tal-ħatra

Agustín Díaz de Mera García Consuegra

5.11.2007

 

 

Eżami fil-Kumitat

27.3.2008

6.5.2008

29.5.2008

 

Data ta’ l-adozzjoni

29.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Jeanine Hennis-Plasschaert, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Claude Moraes, Martine Roure, Manfred Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bill Newton Dunn, Nicolae Vlad Popa

Sostitut (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis

Data tat-tressiq

5.6.2008