RAPPORT dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)

18.12.2008 - (2008/2170(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Jürgen Schröder

Proċedura : 2008/2170(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0513/2008
Testi mressqa :
A6-0513/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt ta’ żvilupp tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)

(2008/2170(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou)[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal- 20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika[3],

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tal-10-11 ta' April 2006 u dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ tas-16 ta’ Ottubru 2006 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ġunju 2006,

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2870 Laqgħa tal-UE tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2008 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri ACP-UE adottata f’Addis-Ababa fit-13 ta’ Ġunju 2008,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2006 intitolata "Komunikazzjoni li timmodifika d-direttivi għan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-ACP" (COM(2006)0673),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007 intitolata "Mill-Kajr għal Liżbona – Ix-xogħol tal-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika" (COM(2007)0357),

 wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (COM(2007)0635),

 wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b’mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-tieni Konferenza tal-Ministri Afrikani Responsabbli mill-Integrazzjoni, adottata f’Kigali, l-Irwanda, fis-26 u s-27 ta’ Lulju 2007,

 wara li kkunsidra r-rapport imressaq mis-Sinjura Christiane Taubira, Membru tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, fis-16 ta’ Ġunju 2008: "Les Accords de Partenariat Economique entre l'Union européenne et les pays ACP. Et si la Politique se mêlait enfin des affaires du monde?",

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika: problemi u prospetti[4],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tat-23 ta’ Novembru 2006 dwar ir-reviżjoni tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[5],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kigali dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika favur l-iżvilupp (EPAs), approvata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE fl-20 ta' Novembru 2007[6],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-EPAs mill-Kapijiet tal-Istat tal-ACP adottata f’Akkra fit-3 ta’ Ottubru 2008,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2002 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-ACP[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005, dwar strateġija ta' żvilupp għall-Afrika[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt ta’ żvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-28 ta' Settembru 2006 dwar koperazzjoni akbar u aħjar: il-pakkett tal-għajnuna effettiva tal-UE għall-2006[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika[11],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ[12],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju – il-punt f’nofs triq[13],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u għas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika[14],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika[15],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna[16],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0513/2008),

A.  billi l-Artikolu 36(1) tal-Ftehima ta' Cotonou fih il-qbil tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati ACP li jikkonkludu “arranġamenti ta' kummerċ li jkunu kompatibbli mad-WTO, li jneħħu b’mod progressiv l-ostakli għall-kummerċ bejniethom u li jtejbu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ”,

B.   billi l-Kunsill adotta d-direttivi tan-negozjati għall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi tal-ACP fit-12 ta’ Ġunju 2002, u billi fl-istess sena kienu bdew in-negozjati mal-Grupp ta’ Stati tal-ACP dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali li kienu mbagħad segwiti minn negozjati separati ma’ sitt reġjuni tal-EPA (il-Karibew, l-Afrika tal-Punent, l-Afrika Ċentrali, l-Ażja tal-Lvant u l-Ażja ta’ Isfel, is-SADC minus, il-Paċifiku),

C.  billi l-15-il Stat Membru tal-Forum tal-Karbiew tal-Istati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (CARIFORUM) bdew Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika mal-UE u mal-Istati Membri tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2007,

D.  wara li kkunsidra l-Artikolu 231 tal-Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) konkluża mal-CARIFORUM, li jistabbilixxi Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE,

E.   billi 18-il pajjiż Afrikan, li minnhom 8 huma parti mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs), bdew Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) proviżorji f’Novembru u f’Diċembru 2007, filwaqt li 29 pajjiż Afrikan ieħor tal-ACP, li tlieta minnhom ma kinux LDCs, ma bdew l-ebda EPA, u billi l-Afrika ta’ Isfel diġà ffirmat il-Ftehima ta’ Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni (TDCA), li hija sistema kummerċjali kompatibbli tad-WTO mal-UE,

F.   billi l-Papwa Ginea l-Ġdida u l-Fiji, li huma żewġ pajjiżi tal-ACP li mhumiex fost l-LDCs, bdew Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika interim fit-23 ta’ Novembru 2007, filwaqt li l-pajjiżi tal-ACP tal-Paċifiku l-oħrajn (sitt LCDs u seba’ mhux LCDs) ma bdew l-ebda Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika,

G.  billi l-ftehimiet kollha li bdew fl-2007 għadhom ma ġewx iffirmati, iżda mistennija jiġu ffirmati qabel tmiem l-2008,

H.  billi l-UE applikat, mill-1 ta’ Jannar 2008, l-arranġament dwar l-importazzjoni għal prodotti li joriġinaw mill-Istati tal-ACP li bdew l-EPAs jew EPAs proviżorji, kif inhu stipulat f’dawn il-ftehimiet[17],

I.    billi r-reġjuni Afrikani u tal-Paċifiku għadhom għaddejjin bin-negozjati mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jikkonkludu Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sħaħ,

J.    billi kien ikkonfermat kemm-il darba mill-partijiet kollha – b'mod partikolari permezz tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll permezz tad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni – li l-EPAs għandhom ikunu strumenti ta’ żvilupp favur il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-faqar fl-Istati tal-ACP,

K. billi l-aġġustament tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-EPAs se jkollu impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP, li minkejja li se jkun diffiċli jitbassar, se jikkonsisti minn impatt dirett minħabba t-telf ta’ dazji tad-dwana u l-ispejjeż ta' riforma regolatorja u infurzar biex ikun hemm konformità mal-firxa wiesgħa ta' regolamenti stipulati fl-EPA, u minn impatt indirett minħabba l-ispejjeż meħtieġa għall-adattament jew għas-sostenn soċjali fl-oqsma tal-impjiegi, tat-tisħiħ tal-ħiliet, tal-produzzjoni, tad-diversifikazzjoni fl-esportazzjoni u tar-riforma tal-immaniġġjar finanzjarju pubbliku,

L.   billi 21 pajjiż tal-ACP stipulaw ammonti speċifiċi għall-miżuri ta’ akkumpanjament għall-EPAs fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali (NIPs) tagħhom għall-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), li wħud minnhom għadhom ma ffirmaw l-ebda EPA,

M.  billi l-ammonti stipulati b’mod speċifiku għall-miżuri konnessi mal-EPA fl-NIPs kollha jikkostitwixxu 0.9 % biss tal-ammont totali tal-NIPs (A-envelopes); billi barra minn dan jeżistu wkoll miżuri sostanzjali u indiretti ta' sostenn għall-EPA, bħall-integrazzjoni u l-infrastruttura reġjonali kif ukoll l-Għajnuna għall-Kummerċ,

N.  billi l-impatt tal-iżvilupp tal-EPAs se jirriżulta mill-effetti tagħhom fuq

 it-tnaqqis fid-dħul tad-dwana nett u l-effetti tiegħu fuq il-baġits tal-Istati tal-ACP,

 it-titjib fil-provvista tal-ekonomija tal-pajjiżi tal-ACP u l-provvediment ta' prodotti importati mill-UE lill-konsumaturi,

 żieda fl-esportazzjoni għall-UE mill-pajjiżi tal-ACP permezz ta' titjib fir-Regoli ta' Oriġini, li għandha twassal għal tkabbir ekonomiku, iżjed impjieg u żieda fid-dħul tal-istat li jista’ jintuża għall-finanzjament ta' miżuri soċjali,

 integrazzjoni reġjonali fir-reġjuni tal-ACP, li għandha l-potenzjal li ttejjeb il-qafas għal żvilupp ekonomiku u għalhekk tagħti kontribut għat-tkabbir ekonomiku,

 l-użu b’suċċess tal-finanzjament għall-Għajnuna għall-Kummerċ b'rabta mal-EPAs,

 l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta' riformi fil-pajjiżi tal-ACP, b'mod partikulari fir-rigward tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, tal-ġbir tad-dazji tad-dwana u t-twaqqif ta' sistema ġdida ta' dħul fiskali,

O. billi hu assolutament kruċjali li jkun hemm promozzjoni u appoġġ tal-kummerċ fir-reġjuni tal-ACP u bejniethom u tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-ACP u pajjiżi oħrajn li qed jiżviluppaw (Nofsinhar-Nofsinhar) li se jkollu effetti pożittivi importanti fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP u jnaqqas id-dipendenza tagħhom,

P.  billi l-Konklużjonijiet tal-GAERC tas-26 - 27 ta’ Mejju 2008 msemmija hawn fuq enfasizzaw il-ħtieġa ta’ approċċ flessibbli waqt li żguraw progress adegwat u talbu lill-Kummissjoni tuża kull flessibilità u asimetrija li tkun kompatibbli mad-WTO sabiex jitqiesu l-bżonnijiet u l-livelli differenti tal-izvilupp tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-ACP;

Q. billi l-popolazzjonijiet tal-Istati ACP intlaqtu l-iktar b’mod aħrax mill-kriżi globali finanzjarja u tal-ikel li thedded li ġġib fix-xejn il-progress minimu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju,

1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi tal-ACP biex jagħmlu l-almu kollu tagħhom ħalli jistabbilixxu mill-ġdid atmosfera ta’ kunfidenza u djalogu kostruttiv fejn saritilhom xi ħsara matul in-negozjati u biex jirrikonoxxu l-istati tal-ACP bħala msieħba ugwali fil-proċess ta’ negozjar u ta’ implimentazzjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom biex iżidu l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), anke f’dan iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja globali, li għandha tippermetti żieda fl-Għajnuna għall-Kummerċ, u biex jistabbilixxu miżuri ta' akkumpanjament fil-forma ta' pakketti reġjonali ta' Għajnuna għall-Kummerċ għall-implimentazzjoni tal-EPAs li jagħtu kontribut lejn l-impatt pożittiv tal-EPAs fuq l-iżvilupp; isostni li l-iffirmar tal-EPA mhuwiex impost bħala prekondizzjoni biex jirċievi Fondi tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

3.  Isostni li l-EPAs huma strument ta’ żvilupp li għandhom jirriflettu kemm l-interessi reġjonali u nazzjonali kif ukoll il-bżonnijiet tal-pajjiżi tal-ACP sabiex jitnaqqas il-faqar, jinkisbu l-MGSs u jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem bħad-dritt għall-ikel jew id-dritt għall-aċċess ta' servizzi pubbliċi bażiċi;

4.  Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li la l-konklużjoni u lanqas ir-rinunzja ta' xi EPA m'għandhom iwasslu għal sitwazzjoni fejn pajjiż tal-ACP jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni inqas vantaġġjuża milli kien qabel taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehima ta' Cotonou;

5.  Isostni li l-kompatibiltà tad-WTO li hi definita mill-GATT XXIV għandha x’taqsam biss mal-kummerċ tal-merkanzija u teħtieġ li “sostanzjalment il-kummerċ kollu” jiġi lliberalizzat "f’perjodu ta’ żmien raġonevoli”; għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaċċettaw kull proposta li hi kompatibbli mad-WTO għall-merkazija biss mill-pajjiżi tal-ACP;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-ACP biex jagħmlu l-aħjar użu tal-finanzjament disponibbli għall-Għajnuna għall-Kummerċ sabiex jappoġġjaw il-proċess ta’ riforma fl-oqsma li huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku; biex itejbu l-infrastruttura fejn meħtieġ, peress li sakemm ma jiġux implimentati l-opportunitajiet offruti mill-EPAs ma jistgħux jiġu esplojtjati kompletament ħlief jekk miżuri qawwija ta’ sostenn għall-Istati ACP ma jiġux implimentati; biex jikkumpensaw it-telf nett mid-dazji tad-dwana u biex jinkuraġġixxu r-riforma fiskali sabiex ma jitnaqqsux l-investimenti pubbliċi fis-setturi soċjali; biex jinvestu fil-katina tal-produzzjoni sabiex jiddiversifikaw fil-produzzjoni li tiġi esportata; biex jipproduċu iżjed prodotti għall-esportazzjoni ta’ valur miżjud ikbar; u biex jinvestu fit-taħriġ u fl-appoġġ għall-produtturi u esportaturi żgħar biex jissodisfaw il-kriterji sanitarji u fitosanitarji;

7.  Isostni li l-EPAs konklużi mal-pajjiżi individwali tal-ACP, jew ma' grupp ta’ pajjiżi minnbarra dawk il-pajjiżi kollha f’reġjun wieħed, jgħaddu minn riskju li jdgħajfu l-integrazzjoni reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tikkalibra mill-ġdid l-approċċ waqt li tqis dan ir-riskju, u tiżgura li l-konklużjoni tal-EPAs ma tipperikolax l-integrazzjoni reġjonali;

8.  Jenfasizza li ż-żidiet fl-għajnuna pubblika mwiegħda mill-Istati Membri għandhom l-ewwel u qabel kollox iservu sabiex jirduppjaw l-isforzi għat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju għall-iżvilupp ġewwa dawk il-pajjiżi tal-ACP li ntlaqtu l-iktar b'mod aħrax mill-konsegwenzi tal-kriżi globali finanzjarja u tal-ikel li qiegħdet f'periklu u kuljum tkompli tqiegħed f’periklu gravi r-riżultati tat-twettiq tal-għanijiet;

9.  Jenfasizza wkoll li l-ftehimiet kollha jridu jirrispettaw in-nuqqas ta’ simetrija li tiffavorixxi l-Istati ACP, kemm f’dak li għandu x'jaqsam mal-gamma ta’ prodotti fil-mira kif ukoll il-perjodi ta’ tranżizzjoni, u li l-EPAs iridu jġibu garanziji konkreti għall-protezzjoni ta' dawk is-setturi li l-pajjiżi tal-ACP iqisu bħala sensittivi;

10.  Jenfasizza li l-miżuri ta’ sostenn marbuta mal-EPAs iridu jqisu l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi oħrajn li qed jiżvilippaw għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP; ;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti biżżejjed żmien lin-negozjaturi tal-ACP biex jevalwaw il-ftehima u biex iressqu suġġerimenti qabel l-adozzjoni tal-ftehima rilevanti, billi jitqiesu l-iskedi tal-ħin tad-WTO;

12. Isostni li l-ftehimiet tal-EPAs għandhom jinkludu klawżola ta’ reviżjoni biex issir reviżjoni 5 snin wara l-iffirmar tagħhom, li għandhom ikunu formalment assoċjati mal-parlamenti nazzjonali, mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili; jisħaq ukoll li din l-estensjoni għandha tippermetti evalwazzjoni fil-fond tal-impatt tal-EPAs fuq l-ekonomiji u l-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-ACP u tagħmel possibbli l-orjentazzjoni mill-ġdid adegwat;

13. Jikkunsidra li ftehima kummerċjali bejn l-ACP u l-UE, li taffettwa l-għejxien tal-populazzjoni, għandha tkun ir-riżultat ta’ dibattitu miftuħ u pubbliku bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-parlamenti nazzjonali tal-ACP;

14. Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-ACP biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa favur it-tmexxija tajba, b'mod partikulari fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, mal-ġbir tad-dazji tad-dwana, mas-sistema tad-dħul fiskali, mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mal-immaniġġjar ħażin;

15. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fl-EPAs li jiddeterminaw, mhux biss il-livelli ta’ konformità mal-EPA imma wkoll l-impatt tal-EPA fuq l-iżvilupp tal-pajjiż u tar-reġjun u l-objettivi biex jitnaqqas il-faqar;

16. Isostni li hemm ħtieġa għaż-żieda tat-trasparenza fin-negozjati u r-riżultati tagħhom sabiex jippermettu għall-iskrutinju pubbiku minn dawk li jagħmlu l-politika, membri parlamentari u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

17.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-EPAs għandha tkun issorveljata minn korp parlamentari, li għandu jkun previst fit-testi tal-EPAs stess, u li dan il-korp parlamentari għandu jevolvi f'kull każ mill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE u l-korpi tagħha u jibqa' marbut mill-qrib mal-JPA jew parti minnha;

18. Iqis li d-Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali tal-EDF u l-Programmi Indikattivi Reġjonali għandu jkun fihom sostenn importanti, sistematiku u meqjus sew favur l-implimentazzjoni tal-EPA, billi jitqies ukoll il-proċess ta’ riforma neċessarju li jagħmel lill-EPA suċċess;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni bi sħab mal-pajjiżi tal-ACP tinkludi punti ta' referenza ta’ żvilupp fl-EPA u l-EPAs interim biex tkejjel l-impatt soċjoekonomiku tal-EPAs fuq is-setturi prinċipali skont il-prijoritajiet ta’ kull reġjun u għal intervalli deċiżi minn kull reġjun;

20. Isostni li hu kruċjali li l-foresti, il-bijodiversità u n-nies indiġini jew in-nies li jiddependu mill-foresta ma jkunux esposti għal periklu; f’dan ir-rigward, il-pajjiżi tal-ACP għandhom ikunu permessi jimplimentaw regoli li jillimitaw l-esportazzjoni tal-injam u materja prima mhux proċessata oħra u jkunu permessi jużaw dawn ir-regoli sabiex jipproteġu l-foresti, annimali salvaġġi u industriji domestiċi;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-ACP, lill-Kunsill ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.

  • [1]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [2]  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.
  • [3]  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
  • [4]  ĠU C 120, 30.4.2004, p. 16
  • [5]  ĠU C 330, 30.12.2006, p. 36
  • [6]  ĠU C 58, 1.3.2008, p. 44
  • [7]  ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 305.
  • [8]  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.
  • [9]  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
  • [10]  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 373.
  • [11]  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
  • [12]  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.291.
  • [13]  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p.232.
  • [14]  Test adottati, P6_TA(2007)0577.
  • [15]  Test adottati, P6_TA(2007)0614.
  • [16]  Test adottati, P6_TA(2008)0237.
  • [17]  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal- 20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.)

NOTA SPJEGATTIVA

Storja

Il-Ftehimiet ta’ Lomé tal-Komunità Ewropea mal-pajjiżi Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) kien fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar preferenzi kummerċjali mal-pajjiżi tal-ACP. Dawn il-preferenzi kummerċjali kienu iżjed vantaġġjużi mill-preferenzi kummerċjali li l-EU tat lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qafas tas-Sistema Ġenerali ta’ Preferenzi (GSP).

Fis-snin disgħin, il-preferenzi ta' Lomé ġew ikkritikati b’mod negattiv mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u setgħu jiġu salvagwardjati b’mod temporanju minn tneħħija mid-WTO. Għalhekk, il-Ftehima ta’ Sħubija ta’ Cotonou ma kienx fiha dispożizzjonijiet kummerċjali simili għal-Lomé IV, iżda inkludiet kapitolu dwar arranġamenti kummerċjali ġodda (l-Artikoli 36 sa 38) taħt Taqsima 3, Titolu II (Koperazzjoni ekonomika u kummerċjali). Skont l-Artikolu 36, l-ACP u l-KE qablu li jikkonkludu arranġamenti ġodda li jkunu kompatibbli mad-WTO, “li jneħħu b’mod progressiv l-ostakli għall-kummerċ bejniethom u jtejbu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ.” L-Artikolu 37 jipprovdi li “l-ftehimiet dwar sħubija ekonomika għandhom jiġu negozjati matul il-perjodu preparatorju li għandu jintemm sal-31 ta' Diċembru 2007”.

Fl-2002, bdiet l-ewwel fażi tan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-grupp ACP dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali għall-pajjiżi kollha tal-ACP. Il-ftehimiet kienu mbagħad segwiti b'negozjati separati ma' sitt reġjuni tal-ACP li kienu ġew stabbiliti għan-negozjati dwar l-EPA (Il-Karibew, l-Afrika tal-Punent, l-Afrika Ċentrali, l-Ażja tal-Lvant u l-Ażja ta’ Isfel, is-SADC minus, il-Paċifiku).

Sa Ottubru 2007, kien evidenti li kienu biss l-Istati Karibej li kienu lesti li jilħqu EPA sħiħa. Il-Kummissjoni ma fittxitx soluzzjonijiet proviżorji, bħall-estensjoni tar-reġim GSP+ lill-pajjiżi kollha tal-ACP, iżda għamlet pressjoni biex dawn il-pajjiżi jiffirmaw EPAs interim li kienu kumpatibbli mad-WTO. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li pproponiet il-konklużjoni ta' ftehimiet interim u kumpatibbli mad-WTO, fuq livell reġjonali, sottoreġjonali jew nazzjonali.

Sabiex toħloq Arranġamenti ta’ Kummerċ Ħieles li jkunu kumpatibbli mad-WTO, għandha ssir liberalizzazzjoni sostanzjali fuq il-kummerċ kollu (fuq l-prodotti) bejn il-pajjiżi involuti “f’perjodu ta’ żmien reġjonevoli.” Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XXIV tal-GATT huma soġġetti għall-interpretazzjoni, li tispjega d-differenzi kunsiderevoli bejn l-EPAs milħuqa. Madankollu, l-interpretazzjoni uffiċjali ta' "f’perjodu ta’ żmien reġjonevoli" hija li l-proċess tal-liberalizzazzjoni m'għandux jaqbeż l-għaxar snin f'każi eċċezzjonali[1]. Fil-każ tal-EPAs, proċess ta’ liberalizzazzjoni ta’ 15-il sena kien meqjus bħala aċċettabbli mill-UE u mill-pajjiżi tal-ACP. Ir-rekwiżit minimu biex jiġi kopert “il-kummerċ kollu” huwa ta’ mhux inqas minn 80% tal-kummerċ bejn is-sħab imsemmija. Ovvjament, dan "il-fehim" huwa wkoll soġġett għall-interpretazzjoni[2].

Sal-aħħar tal-2007, il-15-il stat tal-CARIFORUM laħqu EPA “sħiħa”, 18-il Stat Afrikan u żewġ stati tal-Paċifiku laħqu EPAs interim, u 42 pajjiżi tal-ACP ma laħqu l-ebda ftehima[3]. Dawn il-pajjiżi ilhom jagħmlu l-kummerċ mal-UE mill-1 ta’ Jannar 2008 abbażi tal-GSP.

Mit-30 pajjiż Afrikan li m'għandhomx EPA, 26 pajjiż huma LDC, u jibbenefikaw mill-iskema "Everything But Arms" (EBA), li tagħti aċċess kważi bla dazji u bla kwoti (DFQF) lis-suq tal-UE. Huma biss il-Gabon, in-Niġerja u l-Kongo li mhumiex LDCs, u l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE issa huma soġġetti għat-tariffi GSP normali jew għat-trattament MFN (il-klawżola tal-iżjed nazzjon iffavorit), f'każ li l-oġġetti ma jkunux koperti mill-GSP standard. M’hu se jkun hemm l-ebda żieda f'tariffi għal-LDCs meta mqabbla mal-preferenzi ta' Cotonou. Fil-każ tan-Niġerja, madwar 1.2% tal-esportazzjonijiet se jkunu soġġetti għal tariffi ġodda, għall-Kongo 3.5% u għall-Gabon 6%. Il-biċċa l-kbira tat-tariffi se jkunu relattivament baxxi, iżda xi wħud minnhom jistgħu jolqtu b'mod ħażin lill-esportazzjonijiet f'setturi speċifiċi, pereżempju l-esportazzjonijiet tal-gambli għat-tliet pajjiżi, iz-zokkor tal-kannamieli u t-tabbakk mill-Kongo, il-plajwudd mill-Gabon, u l-prodotti tal-kawkaw u tal-mogħoż kif ukoll il-qoton u l-polijester min-Niġerja. Ir-raba’ pajjiż Afrikan mhux LDC li ma kkonkludiex xi EPA huwa l-Afrika ta’ Isfel, li diġà qiegħda timplimenta Ftehima ta’ Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni (TDCA) li hija kumpatibbli mad-WTO.

Fir-reġjun tal-Paċifiku, huma biss il-Papwa Ginea l-Ġdida (PNG) u l-Fiji, it-tnejn mhux LDCs, li laħqu EPA interim. Fir-rigward tal-Istati tal-ACP tal-Paċifiku l-oħrajn, l-effetti huma limitati minħabba r-relazzjonijiet kummerċjali limitati għall-UE, minkejja li 7 mit-13-il stat li mhumiex firmatarji ta' EPA m'humiex LDCs.

Il-ftehimiet interim se jiġu ffirmati u wara ppreżentati lill-Parlament Ewropew għal kunsens sa Awwissu 2008.

Ħarsa Ġenerali[4]

l-EPAs kollha mar-reġjuni tal-Afrika u tal-Paċifiku huma ftehimiet interim jew ta' "tarġa tranżitorja". Huma kollha fihom kalendarji ta' liberalizzazzjoni għall-importazzjoni ta' prodotti mill-UE sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jkunu kompatibbli mad-WTO (li jkun illiberalizzat "il-parti l-kbira tal-kummerċ kollu"). Apparti hekk, huma differenti fil-kamp ta' applikazzjoni, fil-kontenut u fl-effetti possibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati.

Tabella 1: EPAs Sħaħ u Interim u s-Sħubija tagħhom

Reġjun (numru)

Ftehima sħiħa jew interim

(9 pajjiżi LDCs (f'kitba qawwija), 26 pajjiż mhux LDCs)

Karibew (15)

L-Antigwa u l-Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, id-Dominika, ir-Repubblika Dominikana, il-Grenada, il-Gujana, il-Ħaiti, il-Ġamajka, San Kitts u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, is-Surinam, it-Trinidad u Tobago

L-Afrika Ċentrali (1)

Il-Kamerun

l-Afrika tal-Lvant / l-Afrika tan-Nofsinhar (10)

l-EAC (Komunità Afrikana tal-Lvant)

il-Burundi , il-Kenja, l-Irwanda, it-Tanzanija, l-Uganda

l-ESA (l-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar)

il-Komoros, il-Madagascar, il-Mawrizju, is-Seychelles, iż-Żimbabwe

Il-Paċifiku (2)

il-Papwa Ginea l-Ġdida, il-Fiġi

L-Afrika tal-Punent (2)

Il-Kosta tal-Avorju, il-Gana

SADC (5)

il-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, il-Możambik, is-Sważiland

Is-sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-ftehimiet kollha fihom dispożizzjonijiet relattivament kumplessi li jikkonċernaw il-kummerċ fi prodotti (klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit (MFN), dispożizzjoni 'standstill', ir-regoli dwar l-oriġini, is-sanzjonijiet). L-EPAs interim kollha fihom ukoll dispożizzjonijiet għal koperazzjoni għall-iżvilupp, iżda ma jinkludux impenji li jorbtu. Meta jitlestew l-EPAs sħaħ għandhom jiddaħħlu aktar dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp. Dispożizzjonijiet istituzzjonali jbassru istituzzjonijiet konġunti f'diversi forom, evitar ta' tilwim u regolamenti għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-ebda waħda mill-EPAs interim ma tipprovdi għal kumitat parlamentari, kif tagħmel l-EPA mal-CARIFORUM. Madankollu, huma mistennija arranġamenti istituzzjonali komprensivi għall-EPAs sħaħ kollha li qed jiġu nnegozjati. Kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, bħas-servizzi, l-investimenti, il-kompetizzjoni, l-ambjent, l-aspetti soċjali u l-governanza tajba, mhumiex parti mill-ftehimiet interim (ħlief għal xi stqarrijiet ġenerali). Dawn l-aspetti għandhom ikunu nnegozjati għall-inklużjoni fl-EPAs sħaħ.

Xi problemi fundamentali tal-EPAs interim

· Il-kummerċ fi prodotti - telf ta' dħul mid-dazji tad-dwana

L-EPAs interim huma maħsuba sabiex ikunu kompatibbli mad-WTO biex jissostitwixxu s-sistema preċedenti ta' preferenza tal-ftehima ta' Cotonou, li mhijiex kompatibbli mad-WTO. Għaldaqstant, il-kalendarji għal-liberalizzazzjoni tal-prodotti huma elementi essenzjali tal-EPAs interim.

Sabiex jiġu identifikati l-effetti tal-liberalizzazzjoni fuq l-iżvilupp, għandhom jitqiesu l-bidu u d-dewmien totali tal-proċess ta' liberalizzazzjoni, l-impatt tal-ewwel fażijiet ta' liberalizzazzjoni u l-esklużjonijiet.

Ir-reġjuni kollha tal-EPAs għandhom jilħqu 80% tal-liberalizzazzjoni f'perjodu tranżitorju ta' 15-il sena. Xi reġjuni għandhom jiksbu liberalizzazzjoni sħiħa wara dan il-perjodu, eżempju l-pajjiżi tal-EAC sal-2033. Il-kopertura tal-prodotti, il-listi ta' esklużjoni u s-sensiela ta' fażijiet ta' liberalizzazzjoni jvarjaw ħafna fost l-EPAs. Billi jiddependu fuq din id-differenza, l-effetti tal-ewwel fażijiet ta' liberalizzazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi tal-ACP huma mistennija li jvarjaw b'mod sinifikanti.

Element importanti f'dan il-kuntest huma d-dazji tad-dwana li huma sors importanti ta' dħul għall-pajjiżi tal-ACP. Id-dħul mid-dazji tad-dwana ta' ħafna mill-pajjiżi Afrikani tal-ACP huwa stmat li se jonqos konsiderevolment[5]. Studju mwettaq mill-ODI/ECDPM isemmi tnaqqis ta' aktar minn 30% fid-dħul mid-dazji tad-dwana. Skont l-istess studju, il-pajjiżi Afrikani tal-ACP huma mistennija li jitilfu $ 359 miljun kull sena fl-ewwel fażi ta' liberalizzazzjoni. Il-Kosta tal-Avorju aktarx titlef $ 83 miljun, li huwa daqs il-baġit għas-saħħa tagħha li fil-mument huwa allokat għal 500,000 ruħ[6]. Wara l-liberalizzazzjoni tal-prodotti kollha, it-telf huwa stmat li jilħaq il-$ 139 miljun għall-Kosta tal-Avorju, $ 143 miljun għas-Seychelles u $ 162 miljun għall-Gana, filwaqt li jkun anqas għall-bqija tal-pajjiżi Afrikani tal-ACP[7].

Madankollu, huwa impossibbli li dawn il-figuri jiġu vverifikati peress li l-effett tal-EPAs fuq l-iżvilupp ekonomiku jistgħu biss jiġu mbassra bejn wieħed u ieħor. Barra minn hekk, l-EPA għandha tistimula l-proċessi ta' riforma lejn governanza tajba, li teħtieġ li tinkludi riforma tat-tmexxija finanzjarja pubblika, tas-sistema tal-ġbir tat-taxxi u tad-dazji u riforma fiskali. L-ebda relazzjoni sempliċi ma tista' tiġi stabbilita bejn l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiż u l-"piż" tal-liberalizzazzjoni permezz ta' EPAs interim.

· L-integrazzjoni reġjonali

Il-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali spiss intużat bħala argument favur l-EPAs. Kien sar qbil fuq is-sitt gruppi ta' negozjati tal-EPAs fuq proposta tal-pajjiżi tal-ACP. Madankollu, huma ma jikkoinċidux mal-gruppi reġjonali diġà eżistenti. F'xi każijiet pajjiżi mhux membri ddaħħlu fi gruppi reġjonali eżistenti (Karibew u Paċifiku), u f'każijiet oħra għaqqdu jew isseparaw organizzazzjonijiet reġjonali (EAC mal-pajjiżi tal-COMESA; il-qasma tal-SADC; l-UEMOA fil-grupp ECOWAS (flimkien mal-Mawritanja)).

Diversi organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani qablu li joħolqu għaqdiet tad-dwana. Dawn ir-reġjuni kollha għadhom fil-proċess li jaġġustaw it-tariffi nazzjonali tagħhom għal skema konġunta ta' tariffi u l-ebda waħda mill-Għaqdiet tad-Dwana m'hi se tikkoinċidi ma' grupp ta' EPA, ħlief għall-EAC.

L-ebda waħda mir-reġjuni Afrikani (jew l-PACPS) ma kienet f'pożizzjoni li tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles b'mod kollettiv mal-UE. Kien biss fl-2007 li l-EAC iddeċidiet li tħalli l-grupp tal-ESA u tinnegozja skema konġunta ta' liberalizzazzjoni. Strutturalment il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani ma kinux f'qagħda li jintegraw skema qawwija ta' liberalizzazzjoni mas-sieħeb ewlieni kummerċjali tagħhom fit-tmexxija tagħhom tad-dwana, u għadhom hekk sal-lum.

Għaldaqstant l-integrazzjoni reġjonali għadha sfida serja għall-pajjiżi Afrikani tal-ACP. Il-qalba tal-Kummissjoni minn approċċ reġjonali għal approċċ doppju, kemm għan-negozjati reġjonali kif ukoll għal dawk nazzjonali, partikolarment m'għenitx sabiex tiġi stimulata l-integrazzjoni reġjonali. In-negozjaturi tal-Kummissjoni u tal-pajjiżi tal-ACP għandhom iqisu l-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti u l-pjanijiet tagħhom għal-liberalizzazzjoni interna u għall-koperazzjoni, peress li mill-iżvilupp tagħhom jistgħu jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u kummerċjali sinifikanti.

· Flussi ta' kummerċ u żvilupp ekonomiku

Għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, l-inċentivi biex jintlaħaq Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) mal-UE huma limitati, peress li fil-mument jistgħu jibbenefikaw mill-iskema "Everything But Arms" (EBA) tal-UE mingħajr ma jiftħu l-iswieq tagħhom. Skont ir-regolament GSP, l-LDCs jistgħu jesportaw prodotti ħielsa mid-dazji u mill-kwoti (DFQF), ħlief għall-armi u għall-armamenti, lill-UE. Arranġamenti tranżizzjonali għar-ross u għall-banana għandhom jitlestew fl-2009. Il-konklużjoni tal-EPAs hija ta' interess ekonomiku għal-LDCs li jistgħu jibbenefikaw minn Regoli ta' Oriġini mtejba f'oqsma importanti bħat-tessuti u l-agrikultura, u jinċentivaw b'dan il-mod l-iżvilupp f'dawn is-setturi.

Il-pajjiżi tal-ACP li mhumiex LDCs li ma jikkonkludu l-ebda EPA jkollhom imorru lura għall-iskema normali tal-GSP (jew li japplikaw għall-iskema GSP+ sa mhux aktar mill-31 ta' Ottubru 2008 jekk ikunu jixtiequ jibbenefikaw, minn Jannar 2009, mill-preferenzi GSP+). Dan ikun jinvolvi xi tnaqqis fl-aċċess preferenzjali tagħhom għal uħud mill-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE.

Filwaqt li l-UE hija l-aktar sieħba kummerċjali importanti għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-ACP, u kważi għall-istati kollha Afrikani tal-ACP, il-kummerċ ma' pajjiżi tal-ACP huwa pjuttost insinifikanti għall-ekonomija tal-UE. Anqas minn 3% tal-esportazzjonijiet tal-UE jmorru fil-pajjiżi tal-ACP. Xi esportaturi Ewropej huma mistennija li jibbenefikaw mir-reċiproċità. Għal ċerti prodotti, it-tneħħija tat-tariffi tista' twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE, pereżempju, wieħed jista' jistenna żieda fl-esportazzjoni tal-laħam, li tkun favorevoli fil-qagħda ta' bħalissa[8].

Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi tal-ACP li mhumiex LDCs li jkunu laħqu EPAs jibbenefikaw minn aċċess DFQF għall-esportazzjonijiet kollha tagħhom lejn l-UE, jiġifieri li jikkonċerna volum ta' esportazzjoni ta' € 1.4 biljun minn pajjiżi esportaturi tal-ACP mhux LDCs fl-2008. L-akbar volumi ta' esportazzjoni kkonċernati huma dawk tal-Mawrizju (volum ta' esportazzjoni ta' € 270 miljun), tal-Kamerun (€ 175 miljun) u tal-Kosta tal-Avorju (€ 146 miljun). Id-DFQF jikkonċerna l-aktar l-esportazzjonijiet agrikoli; l-akbar gwadann huwa mistenni li jkun fil-gruppi ta' prodotti bħar-ross, l-għeneb, iċ-ċanga u l-frott taċ-ċitru.

· L-ispejjeż tal-aġġustamenti

It-tneħħija tal-ostakoli kummerċjali għall-importazzjonijiet mill-UE żgur li toħloq opportunitajiet għall-ekonomiji tal-ACP (jiġifieri t-tnaqqis fil-prezzijiet għall-prodotti meħtieġa għall-ekonomiji u għall-konsumaturi fl-ACP u rabtiet kummerċjali aktar miftuħa), iżda jesponu aktar l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-ACP għal aktar kompetizzjoni reġjonali u internazzjonali. F'xi setturi dan se jwassal għal ristrutturazzjoni ekonomika u telf ta' impjiegi. Is-sostituzzjoni tad-dazji tad-dwana bi dħul ieħor tal-gvern jirrikjedi sforzi kunsiderevoli ta' tisħiħ istituzzjonali. L-ispejjeż totali tal-aġġustamenti ġew stmati li jqumu € 8.9 biljun għar-reġjuni kollha tal-ACP, li jinqasmu hekk: aġġustament finanzjarju (€ 2.9 biljun), diversifikazzjoni tal-esportazzjoni (€ 2.3 biljun), aġġustament tal-impjiegi (€ 1.4 biljun) u titjib fil-kompetenzi u l-produttività (€ 2.2 biljun)[9].

· Għajnuna għall-kummerċ

Il-partijiet kollha jagħrfu l-ħtieġa ta' miżuri assoċjati u appoġġ għall-iżvilupp sabiex il-pajjiżi tal-ACP jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tal-żvilupp potenzjali tal-EPAs u sabiex talanqas ikopru parti mill-ispejjeż ta' aġġustament. Il-pajjiżi tal-ACP insistew li fl-EPAs jiddaħħlu garanziji legali sodi għal riżorsi għall-iżvilupp li jkunu ulterjuri għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrifjutaw li jinnegozjaw ir-riżorsi ta' żvilupp bħala parti mill-EPAs. Fl-aħħarnett, il-kapitoli u l-annessi dwar l-iżvilupp kienu integrati fil-ftehimiet, li jipprovdu għall-possibilità li jinħolqu fondi għall-EPAs, iżda li huma akkumpanjati biss b'wegħdiet li jiżdiedu r-riżorsi għall-iżvilupp minfuqa fuq oqsma marbuta mal-kummerċ.

In-naħa tal-UE kkonfermat li l-ħtiġijiet li joriġinaw mill-EPAs ikunu indirizzati fi ħdan il-qafas ġenerali tal-Istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, stabbilita fl-2007. Din l-istrateġija kienet tinkludi wegħda mill-UE li sal-2010 tagħti € 2 biljun fis-sena (1 biljun mill-Istati Membri u 1 biljun mill-Kummissjoni) f'għajnuna marbuta mal-kummerċ (appoġġ għall-politika u għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ u għall-iżvilupp tal-kummerċ). L-istrateġija timpenja wkoll lill-UE għall-isforzi tal-Aġenda aktar wiesgħa tal-Għajuna għall-Kummerċ, b'koerenza maż-żidiet ġenerali fl-ODA, iżda mingħajr ma tistipula ebda oġġettiv kwantitattiv speċifiku. L-UE ħadet l-impenn ukoll li madwar 50% taż-żieda fl-għajnuna marbuta mal-kummerċ tmur għar-reġjuni tal-ACP, li jfisser żieda annwali ta' € 400 miljun f'din it-tip ta' għajnuna.

Mhumiex disposti ebda fondi ulterjuri fuq livell tal-UE (EDF u baġit tal-UE) wara li jintlaħqu l-EPAs, filwaqt li l-10 EDF diġà ġie miżjud sostanzjalment (l-aktar l-allokazzjonijiet reġjonali) minħabba l-EPAs. Jista' jiġi mifhum li l-għajnuna marbuta mal-kummerċ qiegħda, f'xi każijiet, tikklassifika mill-ġdid l-azzjonijiet esterni, u f'każijiet oħra, titrasferixxi fondi minn programmi eżistenti għal programmi ġodda marbuta mal-kummerċ[10]. Fir-rigward tal-biljun Euro pprovduti mill-Istati Membri, mhux magħruf jekk l-ammont se jkunx addizzjonali jew jekk l-Istati Membri humiex se jittrasferixxu jew jirriklassifikaw fondi eżistenti. Jekk l-Istati Membri jonoraw il-wegħda tagħhom li jżidu l-ODA bil-għan li jilħqu l-objettiv ta' 0.7% tal-GNI, l-ammonti li kien hemm ftehim dwarhom faċilment ikunu addizzjonali għall-programmi eżistenti.

L-għajuna fil-qasam kummerċjali ma tkopri l-ebda telf fid-dazji tad-dwana jew appoġġ ulterjuri għall-aġġustament ekonomiku, li għaldaqstant iridu jiġu minn sorsi oħra.

Sfidi għall-futur

Il-Kummissjoni Ewropea rrifjutat bil-qawwa l-idea li tinnegozja mill-ġdid il-ftehimiet interim, kif ġie ssuġġerit ta' spiss fl-aħħar tal-2007 minn NGOs u minn studjużi li kkritikaw l-eżitu tan-negozjati, filwaqt li l-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li xi klawżoli kontroversjali jistgħu jiġu rriveduti fl-EPAs sħaħ.

L-UE jeħtieġ li tkun flessibbli meta tipprogressa minn EPAs interim għal EPAs sħaħ, peress li l-prezz tal-ftuħ tas-swieq għall-pajjiżi tal-ACP se jkun għoli. In-negozjaturi tal-Kummissjoni u tal-pajjiżi tal-ACP qed jistennew li jiffinalizzaw l-EPAs sħaħ mar-reġjuni kollha tal-ACP sal-aħħar tal-2008 u sa nofs l-2009. Minkejja li qed jitkomplew in-negozjati mar-reġjuni kollha, mhuwiex ċar jekk dan il-kalendarju jistax jiġi rrispettat. Is-sena 2008 se tkun kruċjali għan-negozjar ta' EPAs sħaħ ma' - aktarx - ħafna pajjiżi Afrikani u tal-Paċifiku, tal-ACP.

Il-Kummissjoni għandha tkun flessibbli biex tinnegozja kalendarji ta' liberalizzazzjoni kompatibbli għad-WTO fl-EPAs sħaħ, inklużi l-prodotti esklużi mil-liberalizzazzjoni. Jeħtieġ li l-kalendarji differenti ta' pajjiżi tal-istess reġjun ikunu armonizzati kemm jista' jkun u jkunu aċċettabbli mas-sħab tal-ACP. Pereżempju, fil-Punent tal-Afrika, il-Gana u l-Kosta tal-Avorju biss bdew EPAs interim u dawn il-ftehimiet jeħtieġu li jkunu rriveduti sabiex jintlaħaq EPA konġunt għar-reġjun.

· Il-kummerċ fis-servizzi

Ħafna pajjiżi tal-ACP qablu li jinnegozjaw dwar l-integrazzjoni tas-servizzi fl-EPAs kompluti.

L-eżempju tal-EPA tal-CARIFORUM hu ambigwu. L-EPA tal-Karibew fetaħ sa 75% tas-setturi tas-servizzi għall-fornituri tas-servizzi Ewropej, anke għal servizzi bħat-telekomunikazzjonijiet, il-banek, ix-xiri bl-imnut u s-servizzi ta' courier. Il-kumpaniji tal-UE, ġeneralment, iridu jiġu ttrattati b'mod indaqs għall-fornituri tas-servizzi domestiċi. Ir-restrizzjonijiet jew l-aġġustamenti għall-bżonnijiet tal-iżvilupp huma possibbli biss f'ambitu limitat ħafna, fatt li, minn naħa, jista' jkun ta' periklu għall-iżvilupp. Min-naħa l-oħra, is-swieq li qed jinfetħu jistgħu javvanzaw lill-kompetizzjoni u jraħħsu s-servizzi u jagħmluhom disponibbli aktar faċilment. Aktar kompetizzjoni f'setturi bħall-banek u t-telekomunikazzjoni tista' tipprovdi kontributi importanti għall-iżvilupp.

L-UE fetħet is-settur tas-servizzi tagħha għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-CARIFORUM, imma l-kundizzjonijiet qed jillimitaw il-forniment tas-servizzi b'mod qawwi. Il-vantaġġi għal opportunitajiet għall-impjieg u għall-kummerċ jista' jkun anqas favorevoli għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-CARIFORUM milli kien mistenni.

Hemm bżonn li l-istati tal-Afriku u tal-Paċifiku tal-ACP joqogħdu attenti meta jinkludu s-settur tas-servizzi fl-EPAs peress li l-vantaġġi għall-iżvilupp jistgħu jkunu żgħar.

· Investiment Barrani Dirett

Sabiex il-pajjiżi tal-ACP jkunu jistgħu jiġbdu lejhom l-Investiment Barrani Dirett, hemm bżonn li l-investituri potenzjali jiġu offruti s-sigurtà ta' regoli trasparenti u stabbli. F'dan ir-rigward l-EPA tal-CARIFORUM jinkludi kapitolu dwar l-investiment. Il-pajjiżi li qed jiftħu swieqhom għall-investimenti f'oqsma differenti, inkluż fil-minjieri, fit-tqassim tad-dawl u l-gass, il-biedja, il-forestrija u l-manifattura; Waqt li l-investituri reġjonali u tal-UE huma obbligati biex jirrispettaw l-istandards ambjentali u tax-xogħol, il-pajjiżi tal-Karibew ġeneralment ċedew id-drittijiet tagħhom li jintroduċu miżuri għas-salvagwardja tal-investimenti biex l-investituri reġjonali u tal-UE jiġu limitati u influwenzati fil-każ li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jkunu ta' ħsara għas-swieq jew il-kundizzjonijiet ta' għajxien domestiċi.

· L-Akkwist Pubbliku

Regoli trasparenti dwar l-akkwist pubbliku jistgħu jgħinu biex tittejjeb l-effettività tal-infiq pubblika, billi jżidu l-kompetittività u jnaqqsu l-infiq. Jistgħu jkunu wkoll għodda importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madankollu l-EPA tal-CARIFORUM jinkludi klawżola biex, aktar tard, jingħata "trattament nazzjonali" lill-fornituri tal-UE. Din id-dispożizzjoni tista' fil-futur iddgħajjef kull appoġġ għall-fornituri domestiċi u twaqqaf l-iżvilupp tal-industriji f'setturi li jgawdu mill-akkwist pubbliku. Min-naħa l-oħra, m'għandux jiġi traskurat il-fatt li aktar kompetizzjoni u offerti orħos għal proġetti pubbliċi jistgħu jiffrankaw flus pubbliċi li jistgħu jintużaw għal proġetti għall-iżvilupp ġenwini.

· L-Għajnuna għall-Kummerċ

Hemm bżonn li l-element ta' żvilupp tal-EPAs jissaħħaħ u li impenji li jorbtu għall-Għajnuna għall-Kummerċi jiġu inklużi fil-ftehimiet kompluti.

Is-sena 2008 se tkun kruċjali għat-tfassil tal-miżuri futuri ta' Għajnuna għall-Kummerċ. Anke jekk l-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE se tipprovdi ffinanzjar addizjonali b'mod parzjali biss, il-fondi setgħu jintużaw b'mod konċiż biex jillimitaw l-effetti negattivi tal-EPAs u biex jużaw l-EPAs biex jagħti spinta lill-iżvilupp amministrattiv u ekonomiku tal-pajjżi ACP. L-integrazzjoni tal-Għajnuna għall-Kummerċ fi strateġiji għall-iżvilupp nazzjonali jew reġjonali mfassla sew, li huma fir-responsabilità tal-pajjiżi ACP, hi importanti.

Il-biċċa l-kbira tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali għall-Għaxar EDF diġà ġew innegozjati, u fil-biċċa l-kbira ma tinkludix programmi speċifiċi ta' Għajnuna għall-Kummerċ, imma għad fadal xi flessibilità biex jiġu inklużi l-bżonnijiet li ġejjin. Il-Programmi Indikattivi Reġjonali għad iridu jiġu ffinalizzati. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-ACP għandhom jiżguraw li jinkludu komponenti importanti tal-Għajnuna għall-Kummerċ sabiex jiġu kkumpensati t-telf tad-dħul, il-bini ta' kapaċità amministrattiva għall-benefiċċju ta' governanza tajba u miżura ta' appoġġ biex tittejjeb il-kompetittività tas-setturi ekonomiċi fundamentali, li jiddependu fuq il-qagħda speċifika u l-possibilitajiet kummerċjali ta' kull pajjiż.

Rimarki konklużivi

Il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomi tfasslu biex iħeġġu l-iżvilupp u governanza aħjar permezz tal-integrazzjoni kummerċjali u reġjonali fil-pajjiżi tal-ACP. Imma waqt in-negozjati ħafna minn dawk li ghandhom sehem fil-qasam kemm mill-Afriku u kemm mill-Ewropa kellhom l-impressjoni li ghadd ta' pajjiżi tal-ACP kienu se jitilfu, aktar milli jirbħu, bl-EPAs.

Il-Kummissjoni Ewropea ripetutament enfasizzat li l-EPAs jafu jkunu inċentiv biex il-pajjiżi tal-ACP jwettqu riformi lejn il-governanza tajba, b'mod partikulari fl-amministrazzjoni finanzjarja pubblika, għall-iżvilupp tal-ekonomiji tagħhom stess sabiex tittejjeb il-kompetittività internazzjonali. Madankollu, hemm ir-riskju li l-amministrazzjonijiet tal-imsieħba EPA tal-ACP, b'mod partikulari fl-Afrika, sempliċement jitgħabbew iżżejjed u ma jkunux jistgħu jkampaw bil-piż addizzjonali - sakemm min-naħa tal-UE ma jkunx hemm appoġġ għall-bini tal-kapaċità b'konsegwenzi fit-tul.

Madankollu wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-EPAs għandhom il-potenzjal biex itejbu u jsaħħu l-governanza tajba fil-pajjiżi tal-ACP, speċjalment fil-pajjiżi Afrikani. Effett ta' governanza tajba jista' jintlaħaq fil-livell nazzjonali u anke f'dak reġjonali. Minħabba t-telf ta' dħul minn tariffi u dazji, li se jiġi ġġenerat mil-liberalizzazzjoni kummerċjali, pajjiżi għandhom isaħħu l-amministrazzjoni tagħhom sabiex il-ġbir ta' taxxi jsir aktar varjat u effiċjenti. Integrazzjoni reġjonali aktar b'saħħitha tista' trawwem djalogu reċiproku u aktar trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-koperazzjoni. Il-partikularitajiet nazzjonali, bħall-iffunzjonar tas-sistema fiskali se jkollhom jikkonverġu fost is-sieħba reġjonali. Aktar trasparenza ssaħħaħ ukoll lill-parlamenti nazzjonali li jistgħu jikkontrollaw aktar faċilment l-azzjonijiet tal-gvern u twassal għat-titjib tas-sistemi ta' nfiq pubbliku biex jiġu ffrankati l-fondi pubbliċi skarsi.

L-EPAs għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-governanza t-tajba u jagħmlu l-amministrazzjoni statali aktar trasparenti u effettiva. Il-pajjiżi tal-ACP għandhom jużaw din l-opportunità għar-riformi.

  • [1]  Il-fehim tal-interpretazzjoni tal-Artikolu XXIV tal-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (http://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/10-24_e.htm).
  • [2]  Cf., pereżempju, Meyn, Economic Partnership Agreements: A 'historic step' towards a 'partnership of equals'? (Dokument ta' Ħidma 288 tal-Oversea Department Institute), Marzu 2008, p.10, FN 14; Robert Scollay, "Substantially all trade": Which definitions are fulfilled in practice? Am empirical investigation. A report for the Commonwealth Secretariat, University of Auckland, New Zealand, 2005, p. 2f; Axel Borrmann, Harald Großmann, Georg Koopmann, Die WTO-Kompatibilität der Wirtschaftspartnerschaftsabkommen zwischen der EU und den ACP-Staaten, Eschborn 2005, p. 36f.
  • [3]  Mid-79 Membru tal-Grupp tal-Istati ACPP, l-Afrika ta’ Isfel qiegħda tieħu sehem fin-negozjati, iżda l-kummerċ tagħha mal-UE huwa mmexxi mill-Ftehima ta’ Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni bilaterali (TDCA); Kuba mhix stat firmatarju tal-Ftehima ta’ Cotonou.
  • [4]  L-istimi u l-figuri f'dan id-dokument ta' ħidma huma bbażati l-aktar fuq tliet pubblikazzjonijiet
    Stevens, Meyn, Kennan (ODI), Bilal, Braun-Munzinger, Jerosch, Makhan, Rampa (ECDPM), The new EPAs: comparative analysis of their content and the challenges for 2008. Rapport Finali, 31 ta' Marzu 2008
    Meyn, Economic Partnership Agreements: A 'historic step' towards a 'partnership of equals'? (Dokument ta' Ħidma 288 tal-Oversea Department Institute), Marzu 2008
    Partnership or Power Play?, Oxfam Briefing Paper, April 2008
    Aktar informazzjoni nkisbet l-aktar mir-rivista Trade Negotiations Insights, ippubblikata kull xahar mill-ICTSD u l-ECDPM. Ara wkoll il-websajt ta' TRALAC (Trade Law Centre for Southern Africa).
  • [5]  Stevens, Meyn, Kennan (ODI), Bilal, Braun-Munzinger, Jerosch, Makhan, Rampa (ECDPM), The new EPAs: comparative analysis of their content and the challenges for 2008. Final report, 31 ta' Marzu 2008, p. 107ff,; Chris Milner, Oliver Morrissey, Evious Zgovu, Adjusting to Bilateral Trade Liberalisation under an EPA: Evidence for Mauritius, Centre for Economic Development and International Trade, University of Nottingham.
  • [6]  Partnership or Power Play?, Oxfam Briefing Paper, April 2008, p. 19.
  • [7]  Stevens, Meyn, Kennan (ODI), Bilal, Braun-Munzinger, Jerosch, Makhan, Rampa (ECDPM), The new EPAs: comparative analysis of their content and the challenges for 2008. Ir-rapport finali, 31 ta' Marzu 2008, p. 107.
  • [8]  Cf. Antoine Bouët, David Laborde, Simon Mevel, Searching for an Alternative to Economic Partnership Agreements, International Food Policy Research Institute, Research Brief No. 10, Washington D.C. 2007.
  • [9]  Chris Milner, An assessment of the overall implementation and adjustment costs fort he ACP countries of Economic Partnership Agreements with the EU, fi: R. Grynberg, A. Clarke (ed.), The European Development Fund and Economic Partnership Agreements, London 2006; Chris Milner et al., Some Simple Analytics of the Trade and Welfare Effects of the Economic Partnership Agreements, Journal of African Economics, 14(3), p. 327-358. Dan l-istudju ma setax iqis il-qagħda speċifika f'kull reġjun, l-effetti dinamiċi possibbli minħabba l-EPAs u l-impatt tal-politiki assoċjati (għajnuna għall-kummerċ, eċċ) u, għaldaqstant, jista' jagħti stima għolja wisq tal-effetti negattivi.
  • [10]  Madankollu, ta' min jgħid li l-volum finanzjarju tal-10 EDF żdied minn € 22.7 biljun għall-perjodu ta' 6 snin 2008-2013, meta mqabbel mat-€ 13.5 biljun għall-perjodu ta' 8 snin 2000-2007 (li miegħu jridu jiżdiedu d-€ 9.9 biljun ta' arretrati tal-EDFs preċedenti kif ukoll irid jitqies it-telf minħabba l-inflazzjoni).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

13

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Nirj Deva, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Johan Van Hecke

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Csaba Őry, Renate Weber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Zita Gurmai, Emilio Menéndez del Valle, Ramona Nicole Mănescu, Jan Olbrycht, Justas Vincas Paleckis, Leopold Józef Rutowicz, Bogusław Sonik