Proċedura : 2008/2243(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0011/2009

Testi mressqa :

A6-0011/2009

Dibattiti :

PV 09/03/2009 - 27

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0099

RAPPORT     
PDF 170kDOC 119k
26 ta' Jannar 2009
PE 414.318v01-00 A6-0011/2009

dwar ir-Rapporti rigward il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007

(2008/2243(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Jonathan Evans

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapporti rigward il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007

(2008/2243(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- –  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2006 tal-25 ta' Ġunju 2007 (COM(2007)0358) u r-Rapport tagħha dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2007 tas-16 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0368),

- wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Għajnuna mill-Istat tas-7 ta' Ġunju 2005 dwar “Għajnuna mill-Istat imnaqqsa iżda mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009” (COM(2005)0107),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009(1),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis(2),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament Ġenerali għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat(3),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-karozzi(4) (Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur),

- wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni għall-2007-2013(5),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1627/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli standard għan-notifikazzjoni tal-għajnuna(6),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali għall-investiment reġjonali(7),

- wara li kkunsidra l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni(8),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar aspetti settorjali tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat: għajnuna għall-innovazzjoni(9),

- wara li kkunsidra l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent(10),

- wara li kkunsidra l-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta' kapital ta' riskju f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju(11),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri(12),

- wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji(13),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont(14),

- wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f’ċerti intrapriżi(15),

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0088/2007 tiegħu dwar l-investigazzjoni u r-rimedji kontra l-abbuż ta’ pożizzjoni ta’ saħħa mis-supermarkits il-kbar li jinsabu fl-Unjoni Ewropea(16),

- wara li kkunsidra l-inkjesti settorjali tal-Kummissjoni fis-setturi tal-enerġija u tas-servizzi bankarji għall-pubbliku ġenerali (‘retail banking’),

- wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu kif jiġu ffissati multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003(17),

- wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell(18),

- wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),

- wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6 –0011/2009),

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007;

2.   Ikompli jappoġġja rwol aktar proattiv għall-Parlament fl-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;

3.   Jifraħ lill-Kummissjoni talli qed tisfida b'mod effettiv it-tħaddim ta' kartelli 'hardcore' illegali u għall-multi rekord imposti fuq dawk responsabbli;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolament 1/2003(19), jinkludu l-prinċipji dwar l-għoti tal-multi fir-Regolament 1/2003 u biex ikomplu jtejbu u jispeċifikaw dawk il-prinċipji sabiex jikkonformaw mal-istandards tal-prinċipji legali ġenerali;

5.   Jappoġġja l-użu tal-avviż u l-proċedura tal-klemenza riveduti biex jiġi inkoraġġit l-għoti ta' informazzjoni dwar l-operat ta' kartelli 'hardcore' illegali;

6.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar azzjonijiet ta’ rkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust iżda jħeġġeġ sabiex ir-riforma titkompla b'mod li jiġi żgurat li l-effetti negattivi tas-sistema Amerikana ma jirripetux ruħhom fl-Unjoni Ewropea;

7.   Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aħjar f'rapporti futuri dwar l-irwol u l-involviment tal-Uffiċjal tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet mal-Konsumaturi f'każijiet dwar il-kompetizzjoni;

8.   Jinsab imħasseb dwar il-ħtieġa li jiġu evitati l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq mill-korporazzjonijiet il-kbar, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ rapporti mhux ugwali bejn il-fornituri, jiġifieri min jipproduċi l-prodotti tal-ikel, u d-distributuri, fid-dawl tal-probabbiltà ta’ abbużi ta’ pożizzjoni ta’ dominanza; jistenna r-rapport tal-grupp ta’ ħidna tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tax-xiri;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tanalizza l-operazzjoni ta' prattiki abbużivi fis-settur tas-servizzi, li jistgħu jwaqqfu lin-negozji ż-żgħar milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal xogħol; Jinnota l-problema li l-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema freelance kultant jiġu mċaħħda mill-possibilità li japplikaw tariffi standard f’każijiet fejn huma jkunu kważi esklużivament jiddependu fuq wieħed jew ftit utenti kbar tar-riżorsi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja modi kif dawn jistgħu jorganizzaw ruħhom, jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni;

10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra twettaq inkjesta settorjali dwar ir-riklamar onlajn.

11. Jistiden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dwar id-differenzi nazzjonali li jista’ jkun hemm fl-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-probabbiltà tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnhom.

12.  Jinnota li l-Kummissjoni tirrapporta attività rekord fir-rigward ta' dawn it-tliet setturi li ġejjin: multi tal-antitrust għall-kartelli, in-numru ta' każijiet ta' amalgamazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni, u n-numru ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq analiżi urġenti tar-riżorsi tal-persunal biex tiżgura li d-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni għandu numru xieraq ta' ħaddiema biex ilaħħaq mal-ammont ta' xogħol tiegħu li qed jiżdied;

13. Jenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-amalgamazzjonijiet u l-akkwisti ta’ kumpaniji għandhom jiġi evalwat mill-perspettiva tas-suq intern kollu, mhux ta’ partijiet minnu biss;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-evidenza, fir-Rapporti tal-Kummissjoni għall-2006 u l-2007 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, tal-effikaċja tar-ristrutturar tal-unità għall-Kontroll tal-Amalgamazzjonijiet fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni skont linji settorjali b'analiżijiet ekonomiċi msaħħa u evalwazzjoni bejn il-pari;

15. Jilqa’ t-tħabbira tat-tnedija ta’ reviżjoni tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet(20); Itenni l-fehma tiegħu li d-dispożizzjonijiet attwali huma insuffiċjenti fid-dawl ta’ swieq Ewropej dejjem aktar integrati u kumplessi u li għandha titwettaq reviżjoni bil-għan li jinstab approċċ konsistenti fl-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ amalgamazzjoni komparabbli;

16. Jinnota l-livell rekord ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat, u jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa biex ikunu koperti l-SMEs, l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għall-benefiċċju tal-SMEs, l-għajnuna għall-impjiegi, l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna reġjonali;

17. Jilqa’, b’mod partikulari, il-possibilità li min iħaddem jiġi ssussidjat fir-rigward tal-ispejjeż li l-impjegati tagħhom ikollhom fejn tidħol kura tat-tfal u tal-ġenituri;

18. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi tal-effikaċja tal-għajnuna mill-Istat u jħeġġeġ sabiex ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tidentifika dawk l-Istati Membri li naqsu milli jfittxu b'mod adegwat li jerġgħu jiġbru għajnuna mill-Istat li kienet illegali;

19. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, li jiggarantixxu li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni effiċjenti tal-enerġija billi jagħtu għajnuna li tkopri b'mod sħiħ id-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq;

20. Iġedded is-sejħa tiegħu għal progress akbar biex jiġu ċċarati kemm ir-regoli tal-kompetizzjoni fis-seħħ u kemm l-applikazzjoni prattika tagħhom b’rabta mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, minħabba d-differenzi konsiderevoli li hemm fil-politiki li jadottaw l-Istati Membri;

21. Jiddispjaċih li l-konsumaturi tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea għadhom qed ibatu minn żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet u minn suq tal-enerġija li fih distorsjonijiet, u li l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni wriet li ma kienx qed jiffunzjona sewwa; jerġa’ jenfasizza l-importanza tat-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb;

22. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tkompli tiżviluppa s-swieq Ewropej tal-gass u l-elettriċità, fejn element kruċjali tagħhom huwa s-separazzjoni tan-netwerks tat-trażmissjoni min-naħa, u l-attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista (unbundling) min-naħa l-oħra, fejn is-separazzjoni tas-sjieda hija deċiżiva fir-rigward tat-trażmissjoni, filwaqt li s-separazzjoni funzjonali hija biżżejjed f’dawk li huma netwerks lokali tad-distribuzzjoni;

23. Juri t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet tal-fjuwil fis-swieq Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm viġilanza kif jixraq fuq l-imġiba kompetittiva f’dawn is-swieq;

24. Jappella sabiex jitwaqqfu mekkaniżmi li jiżguraw li l-adozzjoni tal-Iskema għall-Iskambji tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ma toħloqx tagħwiġ fil-kompetizzjoni kemm internament kif ukoll fir-rigward ta’ kompetituri barranin;

25. Jinnota li sa mid-9 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill kien stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proċeduri ta' simplifikazzjoni biex wieħed jiffoka fuq kif l-inkjesti tal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu ttrattati malajr f'ċirkostanzi kritiċi;

26.  Jinnota l-ammont dejjem jikber ta’ għajnuna mill-Istat; jappella għal aktar linji gwida bl-għan li jkun hemm inqas għajnuna Statali, iżda ffukata aħjar;

27. Jirrikonoxxi l-applikabilità tal-Artikolu 87(3)b tat-Trattat għaċ-ċirkostanzi li qed jaffaċċjaw bħalissa l-ekonomiji tal-Istati Membri b’konsegwenza tat-taqlib fis-swieq finanzjarji; madankollu, iħoss li jeħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ tagħmel sorveljanza stretta fir-rigward ta’ pakketti ta’ salvataġġ finanzjarju biex tiżgura li jkun hemm kompatibbiltà fl-azzjonijiet ta’ emerġenza mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta;

28. Iwissi kontra s-sospensjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu studjati fid-dettall l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ biex jiġi żgurat li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat; Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport komprensiv ex post lill-Parlament u lill-parlamenti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni f’kull każ individwali fir-Rapport Annwali tagħha li jmiss dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni.

29. Juri t-tħassib tiegħu dwar tnaqqis kontinwu fl-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea, li mistenni jkompli sal-2009; iqis li jkun xieraq li fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġu applikati mekkaniżmi ta’ rispons adegwati, bħall-għajnuna għar-ristrutturar jew il-fond tal-aġġustament għall-globalizzazzjoni, biex jaffrontataw l-impatt tal-kriżi tal-kreditu fuq it-tkabbir u l-impjiegi;

30.  Iħeġġeġ liil-Kummissjoni sabiex tagħraf il-ħtieġa li jibdew jitħaddmu mekkaniżmi li jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-abbuż potenzjali tas-sitwazzjonijiet preferenzjali tal-benefiċjarji kkawżati minn garanziji Statali;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforza r-restrizzjonijiet ta’ imġiba fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed jirċievu għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li istituzzjonijiet bħal dawn ma jikbrux b'mod aggressiv billi jinqdew bil-garanzija, bi ħsara għall-kompetituri;

32.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis sinifikanti fid-differenzi fil-prezzijiet ta' karozzi ġodda madwar l-Unjoni Ewropea li seħħ minn meta ġiet implimentata l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur u jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effikaċja ta' dak ir-regolament;

33. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-ħlasijiet għar-'roaming' fit-telekomunikazzjoni; madankollu jinnota li l-prezzijiet qed jibqgħu eżatt taħt il-massimu tal-prezz permess; jitlob li jittieħdu miżuri li jaġevolaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet flok miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet;

34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni għall-White Paper dwar l-Isport inkluż li, fost l-oħrajn, tiġbed l-attenzjoni għall-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE għas-settur tal-isport;

35. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti aktar importanza lid-dimensjoni internazzjonali tal-politiki tagħha dwar il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali u titlob l-applikazzjoni u r-rispett tal-prinċipju tar-reċiproċità fin-negozjati kummerċjali;

36. Iqis li hu kruċjali li l-politika tal-kompetizzjoni tkun indirizzata sew fil-qafas tan-negozjati għal ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali; Jistieden lid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni sabiex jinvolvi ruħu b’mod attiv f’dawk in-negozjati biex ikun żgurat li jinkiseb għarfien reċiproku tal-prattiki kompetittivi, l-aktar fl-oqsma tal-għajnuniet Statali, l-akkwist pubbliku, is-servizzi, l-investiment u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ;

37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-istruttura tal-parteċipazzjoni tagħha fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u fil-Jum Ewropew tal-Kompetizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku ikun infurmat aħjar u b'mod aktar wiesa' dwar l-importanza kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

°

° °

38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

         ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 97.

(2)

         ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(3)

         ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(4)

         ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.

(5)

         ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(6)

         ĠU L 302, 1.11.2006, p. 10.

(7)

         ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

(8)

         ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(9)

         ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 263.

(10)

        ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(11)

        ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(12)

        ĠU C 173, 8.7.2008, p. 3.

(13)

        ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(14)

        ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(15)

        ĠU L 318, 17.11.2006, p.17.

(16)

        ĠU C...

(17)

        ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.

(18)

        ĠU Ċ 298, 8.12.2006, p. 17.

(19)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulate fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(20)

Regolament tal-Kunsill 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (Regolament KE dwar kl-Amalgamazzjonijiet) (ĠU L 24, 29.1.2004).


NOTA SPJEGATTIVA

L-IMPORTANZA KONTINWA TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI TAL-UE

L-għan tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE huwa li s-swieq jaħdmu aħjar għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji Ewropej. Il-Parlament Ewropew b'mod konsistenti tenna l-impenn tiegħu lejn il-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa, ġusta u miftuħa kif spjegat oriġinarjament fit-Trattat ta' Ruma u kif affermat mill-ġdid fil-Protokoll dwar is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni tat-Trattat ta' Riforma ffirmat fil-Portugall fit-13 ta' Diċembru.

Ir-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007 jispjegaw il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni biex tilħaq dawn l-għanijiet u jeżaminaw ukoll il-probabilità ta' aktar interventi mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kriżi fis-swieq finanzjarji.

Ir-Rapporti huma organizzati f'format li jeżamina l-Antitrust, il-Kontroll tal-Amalgamazzjonijiet u l-kwistjonijiet tal-Għajnuna mill-Istat, qabel ma jkompli sabiex jikkunsidra l-iżviluppi u l-azzjonijiet fil-livell tas-settur industrijali.

L-ANTITRUST

Il-modernizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-Politika tal-Kompetizzjoni kienet imfassla biex ir-riżorsi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jintużaw biex jindirizzaw il-kartelli, il-prattiki kummerċjali restrittivi u l-abbuż ta' pożizzjoni ta' saħħa fis-suq b'mod aktar effettiv. Element ewlieni fl-implimentazzjoni ta' dan matul l-2007 kienet ir-reviżjoni tal-avviż tal-klemenza fl-2006, li inkoraġġixxiet ir-rappurtar ta' imġieba illegali billi offriet immunità jew tnaqqis fil-multi.

Fl-2006 u l-2007, 81 impriża ġew immultati 'l fuq sew minn 5 biljun euro talli pparteċipaw f'kartelli 'hardcore' - ċifra rekord, b'żidiet sinifikanti għal min kiser il-liġi aktar minn darba u għal dawk li jfixklu l-inkjesti.

Il-Kummissjoni għamlet sew ukoll li mxiet 'il quddiem bil-ħidma tagħha fuq White Paper ġdida dwar l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust bil-għan li jiġu żgurati klejms aktar effettivi għal danni ta' antitrust. Huwa importanti li l-Kummissjoni għamlitha ċara li din ir-riforma trid tkun strutturata b'tali mod li jiġi żgurat li l-effetti negattivi tas-sistema Amerikana ma jkollhom l-ebda ċans li jkunu rreplikati fl-UE. Ir-rapporteur ma jafx eżatt liema rwol għandu bħalissa l-uffiċjal tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet mal-Konsumaturi, peress li jidher li din ir-riforma hija waħda fejn l-interessi tal-konsumaturi huma rrappreżentati sew.

Il-Parlament Ewropew kien preċedentament esprima wkoll it-tħassib tiegħu li jiġi żgurat li l-effetti ekonomiċi ta' pożizzjoni ta' saħħa fis-suq li huma ta' ħsara jiġu indirizzati kif suppost. Fil-kuntest tas-supermarkits il-kbar ewlenin, ġie espress tħassib dwar ir-relazzjoni mhux ugwali bejn il-produtturi tal-ikel u l-bejjiegħa bl-imnut, li jistħoqqilha li tiġi b'xi mod investigata. Bl-istess mod negozji żgħar fis-settur tas-servizzi jistgħu ta' spiss isibu ruħhom esklużi milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti ta' xogħol. Il-Kummissjoni għandha teżerċita viġilanza fir-rigward tal-abbużi f'dawn l-oqsma.

IL-KONTROLL TAL-AMALGAMAZZJONIJIET

Wara li ġew iċċarati aħjar ir-regoli applikabbli skont ir-Regolament tal-Amalgamazzjonijiet, il-Kummissjoni ħarġet avviż ġurisdizzjonali u Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni ta' amalgamazzjonijiet mhux orizzontali li għenu lin-negozji biex jifhmu aħjar l-istrateġija tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet.

Ir-rapporti jenfasizzaw numru li qed jikber ta' każijiet ta' amalgamazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni. Fl-2006 u l-2007, in-numru totali ta' każijiet innotifikati laħqu s-752, li kważi laħqu l-livell totali ta' każijiet fit-tliet snin preċedenti. Fl-2007 kien hemm livell rekord assolut ta' 402 notifiki. Minn dawn, il-Kummissjoni imponiet biss projbizzjoni waħda, bi 18-il awtorizzazzjoni b'kundizzjonijiet fl-ewwel fażi u ħamsa b'kundizzjonijiet fit-tieni. Żewġ notifiki ġew irtirati. Dawn ir-riżultati huma prova sinifikanti tal-effikaċja tar-ristrutturar tat-taqsima tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet skont linji settorjali u tal-analiżijiet ekonomiċi msaħħa li qed jitwettqu mill-Kummissjoni.

GĦAJNUNA MILL-ISTAT

Fl-2006 u l-2007, kien hemm ammont rekord ta' 1699 notifika ta' Għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni - għal darba oħra ċifra rekord, b'1510 miżura oħra meħuda mingħajr notifikazzjoni minn qabel. 5% ta' dawn il-każijiet instabu li kienu inkompatibbli mas-suq komuni. Fid-dawl tat-taqlib finanzjarju u r-riċessjoni attwali, huwa probabbli ħafna li n-numru ta' dawn il-każijiet se jkompli jiżdied.

L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-ħidma fuq il-konsolidazzjoni tal-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa li tkopri l-għajnuna għall-SMEs u għar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-benefiċċju tal-SMEs, l-għajnuna għall-impjiegi, l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna reġjonali hija għaldaqstant xi ħaġa pożittiva.

Saru aktar reviżjonijiet għat-tabella ta' valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Ħafna minn dawn huma ta' min jieħu pjaċir bihom peress li jinkoraġġixxu għajnuna li għalkemm hija inqas hija mmirata aħjar u peress li jevalwaw ir-reazzjonijiet għall-għanijiet ta' Liżbona, iżda għad ma jidhirx li hemm biżżejjed fit-Tabella ta' Valutazzjoni dwar l-effikaċja tal-għajnuna li ngħatat diġà.

Ikun utli wkoll kieku t-tabella ta' valutazzjoni tiġi adattata biex tidentifika b'mod ċar dawk il-pajjiżi li naqsu milli jfittxu b'mod adegwat li jirkupraw Għajnuna mill-Istat li kienet illegali.

Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent

Il-Kummissjoni tenfasizza fir-rapport tagħha għall-2007 l-ħidma preparatorja tagħha li wasslet għall-pubblikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent fit-23 ta' Jannar 2008. Dawn il-linji gwida jiggarantixxu li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni effiċjenti tal-enerġija billi jagħtu għajnuna operazzjonali li tkopri d-differenza sħiħa bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq.

ĦARSA ĠENERALI LEJN IS-SETTURI INDUSTRIJALI

Ir-rapporti għall-2006 u l-2007 jindirizzaw b’mod komprensiv il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ medda wiesgħa ta’ setturi industrijali. L-istruttura tal-format tar-rapporti jgħin sabiex jiġu identifikati l-azzjonijiet tal-Kummissjoni f’kull wieħed mis-setturi industrijali identifikati. Is-setturi partikulari li r-rapporteur jixtieq jenfasizza huma dawn li ġejjin:

L-enerġija:

Il-Kummissjoni pproduċiet ir-rapport finali tagħha dwar is-setturi tal-gass u tal-elettriku fl-2006, u kkonkludiet li s-swieq tal-enerġija mhux qed jiffunzjonaw kif suppost, b'impatti negattivi fuq in-negozji u l-konsumaturi Ewropej. Id-differenzi mifruxa fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet Ewropej li huma għolja b'mod li jfarrku lil dak li jkun jistgħu jkunu attribwiti b'mod dirett lin-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jindirizza kif suppost il-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-analiżi settorjali tagħha.

Is-Servizzi Finanzjarji

Il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni sinifikanti tal-kwistjonijiet tas-servizzi finanzjarji fl-2006 u l-2007. Fil-bidu, dawn l-investigazzjonijiet ittrattaw il-governanza tal-Kunsill tal-Ħlasijiet Ewropej, l-aċċess għal skemi u infrastrutturi tal-kards, is-swieq għal kards ta' ħlas u sistemi ta' ħlas, u s-swieq għall-kontijiet kurrenti u servizzi relatati. Il-Kummissjoni għamlet investigazzjoni wkoll tal-bejgħ ta' prodotti u servizzi ta' assikurazzjoni lin-negozji, li identifikat tħassib dwar in-nuqqas ta' żvelar spontanju tar-remunerazzjoni u l-kunflitti ta' interess li probabbilment jeżistu min-naħa tas-sensara u intermedjarji oħra tal-assigurazzjoni.

Minn Lulju 2007, l-attenzjoni ta' DĠ COMP kienet fuq il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-banek Ġermaniżi, segwita malajr minn talbiet ta' għajnuna ta' salvataġġ fir-rigward tal-IKB, Sachsen LB u Northern Rock. Sad-9 ta' Ottubru, il-Kunsill ECOFIN kien stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proċeduri ta' simplifikazzjoni biex wieħed jiffoka fuq kif l-inkjesti tal-Għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu ttrattati malajr f'ċirkostanzi kritiċi; Fil-previżjoni tiegħu għall-2008, ir-rapport ibassar li l-instabilità u l-volatilità li affettwaw is-swieq lejn l-aħħar tal-2007 se jkomplu matul il-biċċa l-kbira tal-2008 u li l-banek se jsofru minn każijiet ta' nuqqas ta' ħlas ta' self ipotekarju u minn żvalutazzjoni ta' assi li se jwasslu għal telf sinifikanti. Il-Kummissjoni bassret il-ħtieġa ta' kapital addizzjonali jew appoġġ mill-istat biex tingħeleb il-kriżi li għadha għaddejja. Fil-kuntest attwali hu essenzjali li jekk l-appoġġ mill-istat jintuża biex jiġu megħjuna l-istituzzjonijiet finanzjarji, allura l-għajnuna trid tikkonforma mar-regoli u l-gwida li japplikaw madwar l-UE kollha u li ma jipproduċux distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-settur.

L-Industrija tal-Karozzi

Il-Kummissjoni qed tkompli tippubblika rapporti regolari dwar il-prezzijiet tal-karozzi fl-Ewropa. Sitt snin ilu din id-differenza kienet iktar minn 10% bejn l-Istati Membri. Dawn is-servejs urew tnaqqis konsistenti fid-differenza bejn il-prezzijiet ta' karozzi ġodda madwar l-UE, li jikkonferma suq aktar b'saħħtu u effettiv. Il-ħidma fuq ir-rapport ta' Evalwazzjoni għall-2008 dwar l-operazzjoni u l-effikaċja tar-Regolament 1400/2002 dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur bdiet fl-2007.

Filwaqt li s-settur tal-karrozzi l-ġodda ra żieda fl-effikaċja tas-suq, is-sitwazzjoni fir-rigward tat-tiswijiet tal-karozzi u l-parts tal-karozzi hija inqas sodisfaċenti, b'imblokki fil-fluss tal-informazzjoni teknika u fl-aċċess għall-parts li jinbidlu.

Telekoms/Midja

Ir-rapporteur jifraħ lill-Kummissarju Kroes għall-irwol tagħha biex tappoġġja b'mod attiv u tikkontribwixxi b'mod estensiv għall-azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħlasijiet tar-roaming tat-telekomunikazzjonijiet, u talli mxiet 'il quddiem bi proposti simili fir-rigward ta' tariffi biex tiġi ddawnlowdjata d-data. Ir-Rapport għall-2007 jirreferi b'mod speċifiku wkoll għall-adozzjoni ta' White Paper dwar l-Isport fil-kuntest tal-irwol tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ta' Midja u Sport. Il-Kummissjoni għamlet sew li ġibdet l-attenzjoni fl-Anness I dwar 'L-Isport u r-regoli tal-Kompetizzjoni tal-UE' għall-pożizzjoni tagħha dwar il-każistika ewlenija tal-qrati Komunitarji u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE fis-settur tal-isport.

L-EFFIKAĊJA TAL-INFURZAR TAL-KOMPETIZZJONI:

Il-modernizzazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni kienet fattur importanti ħafna biex tinħoloq l-istruttura u l-operazzjoni l-ġdida tal-infurzar tal-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE. Element essenzjali ta' dan kienu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni mwettqa permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni permezz tan-Netwerk Ewropea tal-Kompetizzjoni (ECN). Il-Parlament Ewropew esprima tħassib reali li mingħajr ECN effettiv, il-modernizzazzjoni tkun tfisser ftit li xejn ħlief nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politika tal-kompetizzjoni li kienet iddgħajjef b'mod ċar il-kunċett tal-applikazzjoni uniformi ta' infurzar madwar l-UE kollha tal-politika tal-kompetizzjoni. Ir-rapporti tal-2006 u l-2007 jevalwaw b'mod pożittiv l-effikaċja u l-iżvilupp tal-ħidma tal-ECN mill-perspettiva tal-flessibilità u l-pragmatiżmu. Il-ħidma mwettqa biex jiġu ffinanzjati t-taħriġ u l-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-imħallfin nazzjonali li jaħdmu fuq l-interpretazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-Kompetizzjoni tal-UE wkoll hija xi ħaġa tajba.

Il-Koperazzjoni Bilaterali:

Il-koperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-DoJ u l-FTC fl-Istati Uniti hija mudell ta' koperazzjoni regolatorja transatlantika, li regolaturi oħra għandhom jikkunsidraw li jikkupjaw.

Wieħed għandu wkoll jifraħ lill-Kummissjoni għall-irwol tagħha biex tgħin lill-awtoritajiet Ċiniżi fl-iżvilupp tal-liġi l-ġdida tagħhom ta' kontra l-monopolji.

Il-Koperazzjoni Multilaterali:

Filwaqt li d-DĠ Kompetizzjoni għandu rwol ewlieni fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni, dan l-irwol ta' spiss huwa viżibbli biss minn regolaturi oħra u 'dawk li huma minn ta' ġewwa fl-industrija'. Tħassib simili għadu jeżisti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament fil-Jum Annwali tal-Kompetizzjoni, li kultant jidher li bilkemm jintgħaraf minn seminar legali. Għad irid isir aktar xogħol biex l-importanza li l-kompetizzjoni ħielsa, ġusta u miftuħa tiġi appoġġjata madwar l-Unjoni Ewropea tiġi spjegata liċ-ċittadini tal-UE.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Louis Grech, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Salvador Domingo Sanz Palacio, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dăianu, Mia De Vits, Valdis Dombrovskis, Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Bilyana Ilieva Raeva, Margaritis Schinas

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Frar 2009Avviż legali