– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO tas-16 ta' Diċembru 2002,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f’Washington fl-4 ta’ April 1949,
– wara li kkunsidra t-Titlu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 u rratifika permezz tal-maġġoranza kbira tal-Istati Membri tal-UE,
– wara li kkunsidra l-qafas komprensiv għal rabtiet permanenti bejn l-UE u n-NATO, konkluż mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-UE/Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO fis-17 ta' Marzu 2003,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAC) maħruġa f'Bukarest fit-3 ta' April 2008,
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP) maħruġa mill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tal-11 ta' Diċembru 2007 u tas-16 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar l-ESS(1), tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-ESS fil-kuntest tal-ESDP(2), tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi(3), tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u l-ESDP(4)u tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit li se jsir bejn l-UE u l-Istati Uniti(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0033/2009),
A.billi l-UE u n-NATO huma msejsa fuq valuri komuni bħall-ħelsien, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u kemm ilhom jeżistu qdew biex ikunu evitati gwerer fit-territorju Ewropew,
B. billi skond il-Karta tan-NU r-responsabbiltà ġenerali għall-paċi u sigurtà internazzjonali hija f’idejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-Karta tipprovdi l-bażi legali għall-ħolqien ta’ NATO; billi, permezz tal-iffirmar tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, l-istati membri tan-NATO affermaw il-fiduċja tagħhom fl-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta, filwaqt li jobbligaw ruħhom li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jużawx theddid jew użu ta’ forza f’kwalunkwe mod mhux konsisteni mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti,
C. billi l-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu fis-sistema tan-NU il-qafas fundamentali għal relazzjonijiet internazzjonali; billi huma jibqgħu dedikati għaż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ ta’ sigurtà internazzjonali,skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-prinċipji tal-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-għanijiet tal-Karta ta’ Pariġi, u għall-iżvilupp u konsolidazzjoni ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-Istati Membri tal-UE stabbilixxew bħala prijorità ta’ miżuri għal riforma u tisħiħ tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jagħmluha kapaċi li twettaq r-responsabbiltajiet tagħha u li taġixxi effettivament billi tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi globali u tirrispondi għal theddid ewlenin,
D. billi n-NATO tifforma ċ-ċentru tas-sigurtà Ewropea u l-UE għandha potenzjal suffiċjenti biex tappoġġja dawn l-attivitajiet, sabiex it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ difiża Ewropea u t-tkabbir tal-kooperazzjoni jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet,
E. billi n-NATO hija organizzazzjoni intergovernattiva ta' nazzjonijiet demokratiċi, li fihom iċ-ċittadini jiddeċiedu u l-qawwiet militari jwettqu,
F. billi 94 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE huma ċittadini ta’ stati membri tan-NATO, u 21 mis-27 Stat Membru tal-UE huma alleati tan-NATO, u 21 mis-26 allejat tan-NATO huma Stati Membri tal-UE, u t-Turkija, alleat antik tan-NATO, hija kandidat għall-adeżjoni fl-UE,
G. billi fl-2007 u l-2008 il-Kunsill Ewropew ħa deċiżjonijiet importanti fil-qasam tal-ESDP bl-għan li jkompli jtejjeb l-kapaċitajiet operazzjonali tiegħu; billi d-dħul fis-seħħ mistenni tat-Trattat ta’ Liżbona għandu jintroduċi innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-ESDP, filwaqt li jagħmel il-kooperazzjoni Ewropea iktar koerenti u effiċjenti f’dak il-qasam,
H. billi l-UE u n-NATO għandhom itejbu l-koperazzjoni tagħhom u għandhom jippermettu massimizazzjoni ikbar tal-assi taż-żewġ organizzazzjonijiet u jiżguraw li jkun hemm koperazzjoni effettiva billi jintemmu l-argumenti istituzzjonali,
I. billi għalkemm in-NATO hija forum għad-diskussjoni u hija l-għażla naturali f'każ ta' operazzjoni militari li tinvolvi l-alleati Ewropej u Amerikani, ir-responsabbiltà finali għall-paċi u s-sigurtà hija f’idejn in-Nazzjonijiet Uniti,
J. billi t-truppi u t-tagħmir impenjati fil-missjonijiet tal-ESDP huma xi ftit jew wisq l-istess bħal dawk impenjati f’operazzjonijiet tan-NATO,
K. billi n-NATO, bħala entità sħiħa, mhix involuta fl-operazzjonijiet tal-ESDP; billi l-UE, meta tidħol għal operazzjonijiet bħal dawn, tagħżel jekk tużax jew le l-mezzi u l-kapaċitajiet tan-NATO, permezz tal-hekk imsejħa arranġamenti "Berlin plus",
L. billi l-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, li tagħmel parti mill-qafas tal-arranġament "Berlin plus", s'issa ma ħadmitx b'mod sodisfaċenti, minħabba l-problemi mhux solvuti konnessi mal-fatt li xi pajjiżi huma membri tan-NATO iżda mhux tal-UE,
M. billi barra mill-arranġamenti "Berlin plus", in-NATO u l-UE għandhom jiżguraw li jkun hemm immaniġġjar effiċjenti tal-kriżijiet u għandhom jaħdmu flimkien aħjar sabiex isibu l-aħjar mod biex jirrispondu għal kriżijiet, bħal dawk tal-Afghanistan u tal-Kosovo,
N. billi r-relazzjonijiet bejn in-NATO u l-UE għandhom jittejbu aktar min-naħa taż-żewġ organizzazzjonijiet, billi l-UE tinvolvi aktar fl-ESDP lill-alleati tan-NATO li mhumiex fl-UE, u n-NATO tinvolvi aktar lill-Istati Membri tal-UE li mhumiex fin-NATO fit-taħditiet bejn l-UE u n-NATO; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom jissaħħu,
O. billi l-proċessi ta' tkabbir tan-NATO u tal-UE, għalkemm huma differenti, għandhom isaħħu ‘l xulxin sabiex jiżguraw l-istabilità u l-prosperità fil-kontinent Ewropew,
P.billi element importanti tar-relazzjoni bejn l-UE u n-NATO huwa l-appoġġ għall-isforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati u pprovduti kapaċitajiet militari għall-immaniġġjar ta' kriżijiet b'mod li jsaħħu 'l xulxin, li fih innifisu jsaħħaħ l-irwol primarju tal-ħarsien tal-interessi ta' difiża territorjali u ta' sigurtà tal-pajjiżi membri,
Q. billi s-sinerġija bejn l-UE u n-NATO f'ċerti oqsma ta' kapaċitajiet militari tista' tittejjeb bis-saħħa ta' proġetti pilota konġunti,
R.billi d-difiża kollettiva tal-Ewropa hija bbażata fuq għaqda ta’ forzi konvenzjonali u nukleari li kellha tkun adattata iktar fid-dettall għas-sitwazzjoni tas-sigurtà li dejjem tinbidel,
S.billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO qedin preżentament iwettqu valutazzjoni mill-ġdid tal-istrateġiji ta’ sigurtà rispettivi tagħhom (l- ESS u d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Alleanza),
T.billi t-Trattat ta’ Liżbona jikkommetti kapaċitajiet ċivili u militari tal-Istati Membri kollha lill-ESDP, jipprovdi għal kooperazzjoni strutturata b’mod permanenti fid-difiża bejn grupp pijunier ta’ stati, jikkommetti stati lit-titjib progressiv ta’ kapaċitajiet militari, jespandi r-rwol tal-Aġenzija ta’ Difiża Ewropea, jobbliga lill-istati biex jgħinu stat ieħor li qed ikun attakkat (bla ħsara għan-newtralità ta’ ċertu stati jew għall-isħubija man-NATO ta’ oħrajn), jaġġorna l-għanijiet tal-UE (ix-xogħlijiet ta’ Petersberg) biex jinkludu l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u, fl-aħħarnett, jinsisti fuq is-solidarjetà reċproka f’każ ta’ attakk terroristiku jew diżastru naturali,
Ħarsa strateġika ġenerali
1.Jenfasizza li r-raison d'être tal-Unjoni Ewropea hija li tinbena l-paċi;jinnota li stratġeija siġurtà effettiva jsostni d-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jinnota, għall-kuntrarju, li stratġeija ta' siġurtà li ma tkunx effettiva twassal għal tbatija umana bla bżonn;huwa tal-fehma li l-kapaċità tal-UE biex tibni l-paċi tiddependi fuq l-iżvilupp tal-istratġija ta' siġurtà jew il-politika ta’ sigurtà t-tajba, inkluża l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma u fuq relazzjoni effiċjenti u komplementarja man-NATO;
2. Għaldaqstant jistieden lill-UE sabiex tkompli timplimenta l-missjonijiet filwaqt li tiżgura sostenibilità ikbar tal-ESDP b'mod li ma tħallix li jkun hemm kunflitti, filwaqt li tippromwovi l-istabilità u tagħti għajnuna fejn tkun meħtieġa, bil-kundizzjoni li jkun hemm kunsens komuni bejn l-Istati Membri tal-UE jew fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata;jemmen f’iktar neċessità ulterjuri li l-UE u n-NATO jiżviluppaw approċċ komprensiv għall-ġestjoni ta’ kriżi;
3. Jirrikonoxxi li d-differenza fl-interessi li hija naturali f'Unjoni ta' 27 Stat Membru jew aktar - fi kliem ieħor, il-mużajk li minnu hija magħmula l-UE - tagħtiha karattru uniku u l-potenzjal li tintervjeni, tgħin jew tkun ta' medjatur f'diversi nħawi fid-dinja, għal kuntrarju ta' kull potenza ewlenija oħra;jitlob li l-istrumenti tal-ġestjoni ta’ kriżi eżistenti tal-UE jkunu żviluppati iktar u jispera li l-kapaċità militari eżistenti tal-Istati Membri t al-UE ssir iktar integrata , effettiva f’sens ta’ spejjeż u effiċjenti f’sens militari, minħabba li l-Unjoni hekk biss tista’ tiġbor forzi suffiċjenti sabiex tisfrutta l-kapaċitajiet uniċi tagħha fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tas-soluzzjoni tal-kunflitti u tikkomplementa l-varjetà kbira ta' mekkaniżmi ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet ċivili tagħha;
4.Jirrakkomanda bil-qawwi solidarjetà ikbar bejn l-Istati Membri tal-UE fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ sigurtà komuni u difiża;
5.Huwa konvint li sħubija Ewro-Atlantika b’saħħitha u vibranti tibqa’ l-aħjar garanzija għas-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa kollha u għar-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba;
6. Huwa konvint li l-libertajiet demokratiċi u l-istat tad-dritt huma s-soluzzjoni għall-aspirazzjonijiet tal-popli madwar id-dinja; jemmen li l-ebda pajjiż jew nazzjon m'għandu jkun eskluż minn din il-perspettiva, għaliex kull bniedem għandu dritt li jgħix fi stat demokratiku rregolat mill-istat tad-dritt;
7. Jilqa' l-aġġornament tal-ESS bħala parti mill-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tiddefinixxi u tipproteġi l-interessi ta' sigurtà Ewropej u ssaħħaħ l-multilateraliżmu effettiv, sabiex b'hekk l-Unjoni jkollha strateġija sabiex tindirizza t-theddidiet għas-seklu 21; jinnota li kunsens ġenwin, komprensiv u demokrartiku bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO huwa element essenzjali tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, fuq il-bażi ta’ kunsens komuni ta' sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li jirrifletti l-valuri, l-għanijiet u l-prijoritajiet komuni tagħahom, jiġifieri l-primat tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali;
8.Jenfasizza li dan għadu ferm importanti, fid-dawl tal-ġrajjiet riċenti fil-Kawkasu, żviluppi ġodda fl-Ewropa fl-istrateġija lejn in-NATO, il-bidla fit-tmexxija fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-bidu tal-ħidma ta' reviżjoni tal-kunċett strateġiku tan-NATO;
9. Iħeġġeġ li r-reviżjoni konkorrenti tal-istrateġiji ta’ sigurtà tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu mhux biss kumplimentarji iżda wkoll konverġenti, kull waħda tagħti piż xieraq lill-potenzjal ta’ l-oħra;
10. Huwa tal-fehma li kemm in-NATO kif ukoll l-UE għandhom jadottaw, bħala l-objettiv tagħhom komuni u għall-ġejjieni fit-tul, impenn biex joħolqu dinja aktar sikura skond il-kliem u s-sens tal-Karta tan-NU, għaċ-ċittadini tal-istati membri tagħhom u tad-dinja b'mod ġenerali, u għandhom ukoll b'mod attiv ma jħallux li jkun hemm atroċitajiet tal-massa u kunflitti reġjonali, li għadhom ikunu l-kawża ta' bosta tbatija umana, u jieħdu azzjoni meta dawn jinqalgħu;
11. Jinsisti li d-demokraziji kollha għandhom ikunu magħquda fl-isforzi tagħhom biex jibnu stabilità u paċi taħt l-awtorità tan-Nazzjonijiet Uniti;jiddispaċih ħafna li l-ideoloġija tan-non-allinjament, li ntirtet minn żmien il-gwerra l-bierda, ddgħajjef l-alleanza tad-demokraziji u taġevola l-dawk il-potenzi li mhumiex demokratiċi jew li mhumiex demokratiċi għall-aħħar; jiddispjaċih li, f'isem l-ideoloġija tan-non-allinjament, ċerti Stati Membri abdikaw r-responsabbiltà tagħhom li jikkontribwixxu għal-protezzjoni tal-valuri u l-libertajiet tad-dinja demokratika;
12. Jirrikonoxxi li s-sigurtà u l-iżvilupp huma dipendenti b’mod reċiproku u li m’hemmx sekwenza ċara ta’ avvenimenti biex ikun miksub żvilupp sostenibbli f’żoni ta’ kunflitt, jiddikjara li, fil-prattika, l-istrumenti kollha huma implimentati b’mod parallel; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq iktar riċerka dwar l-importanza tas-sekwenza ta’ interventi militari u ċivili f’żoni ta’ kunflitt u biex tintegra s-sejbiet tagħhom fil-politiki tagħha tas-sigurtà u ta’ l-iżvilupp;
Ir-relazzjoni bejn in-NATO u l-istruttura ta' sigurtà tal-UE
13.Jagħraf l-irwol fundamentali tan-NATO, kemm tal-passat kif ukoll tal-lum, fl-istruttura ta' sigurtà tal-Ewropa;jinnota li għall-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, li huma wkoll alleati tan-NATO, l-Alleanza għadha l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom, u li s-sigurtà tal-Ewropa in ġenerali, indipendentement mill-pożizzjonijiet individwali adottati mill-istati tagħha, tkompli tibbenefika mill-manteniment tal-alleanza transatlantika;għaldaqstant huwa tal-fehma li d-difiża kollettiva tal-ġejjieni tal-UE għandha sa fejn hu possibbli tkun organizzata b’kooperazzjoni man-NATO;huwa tal-fehma li l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE għandhom bżonn jintensifikaw r-relazzjoni bilaterali tagħhom u jestenduha għal kwistjonijiet li jappartjenu lill-paċi u s-sigurtà;
14.Jinnota li r-riskji tas-sigurtà fid-dinja moderna qed ikunu dejjem iktar ikkaratterizzati minn fenomini bħat-terroriżmu internazzjonali, il-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa, l-istati falluti, il-kunflitti li diffiċli jintegħlbu, il-kriminalità organizzata, it-theddid ċibernetiku, id-deterjorazzjoni ambjentali u r-riskji tas-sigurtà assoċjati, id-diżastri naturali u diżastri oħra u jinnota wkoll li dawn għadhom jirrikjedu sħubija iktar mill-viċin u konċentrazzjoni fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ewlenin tal-UE u tan-NATO, u koordinazzjoni iktar mill-viċin fl-oqsma tal-ippjanar, it-teknoloġija, t-tagħmir u t-taħriġ;
15. Jenfasizza l-importanza li qed tiżdied tal-ESDP li se tgħin sabiex tittejjeb l-kapaċità tal-UE li taffronta it-theddidiet għas-sigurtà tal-21 seklu, l-aktar permezz ta' operazzjonijiet konġunti ċivili-militari u miżuri ta' immaniġġjar ta' kriżijiet li jvarjaw minn azzjonijiet ta' prevenzjoni ta' kriżijiet immexxija mill-intelliġenza, għal riforma fis-settur tas-sigurtà, riforma tal-pulizija u tal-ġudikatura u azzjoni militari;
16.Huwa tal-fehma li l-UE u n-NATO jistgħu jsaħħu lil xulxin billi jevitaw il-kompetizzjoni bejniethom u jiżviluppaw koperazzjoni ikbar fl-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-kriżi fuq il-bażi ta’ diviżjoni prattika tax-xogħol;jikkunsidra li deċiżjoni li fuqha organizzazzjoni għandha timplimenta l-forzi għandha tkun ibbażata fuq il-volontà politika espressa miż-żewġ organizzazzjonijiet, fuq bżonnijiet operazzjonali u leġittimazija politika fuq l-art, u fuq l-abbiltà tagħhom li jwasslu paċi u sigurtà;jinnota li kooperazzjoni fl-elaborazzjoni tal-ESS il-ġdid u l-Kunċett Strateġiku l-ġdid tan-NATO huwa kruċjali għall-kisba ta’ dak l-għan;
17.Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tagħha stess, li jippermettu qsim aħjar tal-piż ma’ alleati mhux Ewropej u rispons approprjat għal dawk l-isfidi u theddid ta’ sigurtà li jikkonċernaw l-Istati Membri tal-UE biss;
18.Jitlob lill-UE biex tiżviluppa l-istrumenti tal-istrateġija tas-sigurtà tagħha, li jvarjaw minn prevenzjoni ta’ kriżi diplomatika u assistenza ekonomika u ta’ żvilupp lil kapaċitajiet ċivili fil-qasam ta’ stabilizzazzjoni u rikostruzzjoni, kif ukoll mezzi militari; barra minn hekk, jikkunsidra li għandu jkun magħmul użu strateġiku tal-istrumenti ta’ “ftit poter” fil-viċinat tal-UE;
19. Jinnota li l-arranġamenti "Berlin plus", li jippermettu li l-UE tirrikorri għall-mezzi u l-kapaċitajiet tan-NATO, jeħtieġu li jittejbu sabiex iż-żewġ organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jintervjenu u jagħtu għajnuna effettiva fil-kriżijiet attwali li jeħtieġu azzjoni ċivili-militari b'ħidmiet simultanji; għaldaqstant, iqis meħtieġ li tiġi żviluppata aktar ir-relazzjoni bejn in-NATO u l-UE, billi jinħolqu strutturi ta’ koperazzjoni permanenti ta' koperazzjoni, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura indipendenti u awtonoma taż-żewġ organizzazzjonijiet u bla ma tkunx eskluża l-parteċipazzjoni tal-membri kollha tan-NATO u tal-Istati Membri kollha tal-UE li jixtiequ jkunu involuti;
20. Jitlob lit-Turkija biex tieqaf tostakola din il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;
21. Jitlob lill-UE, fil-proċess ta’ żvilupp ta’ White Book dwar is-sigurtà u difiża Ewropea, biex tevalwa wkoll l-koerenza tal-operazzjonijiet esterni tal-Ewropa, speċjalment rigward kooperazzjoni ma’ sieħba internazzjonali oħra f’żoni ta’ kriżi;
Il-Koperazzjoni bejn in-NATO u l-UE fi kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża
22. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-inizjattiva Franċiża għal ritorn formali għall-istrutturi militari tan-NATO, u l-isforzi tal-Presidenza Franċiża fi ħdan il-Kunsill tal-UE sabiex in-NATO u l-UE jitqarrbu lejn xulxin bħala reazzjoni għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà; jilqa' l-isforzi tal-Presidenza Franċiża bil-għan li jiġu adottati inizjattivi konkreti għall-ġbir flimkien ta' kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jilqa' wkoll l-approċċ pożittiv ġdid tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE;
23. Iħeġġeġ lill-istati membri taż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex ikunu aktar flessibbli, aktar iffukati fuq l-ilħuq ta' objettivi, u prammatiċi fl-implimentazzjoni tas-sħubija bejn l-UE u n-NATO; għaldaqstant, jappoġġja l-proposta tal-Gvern Franċiż għall-istabbilimnet ta’ kuntatti sistematiċi bejn is-segretarji ġenerali tan-NATO u tal-Kunsill tal-UE, b’mod partikolari sabiex tkun evitata l-konfużjoni fejn huma joperaw id f'id f'missjonijiet differenti u bil-għan li jintlaħaq objettiv komuni u fl-istess nħawi, bħal fil-Kosovo u fl-Afghanistan;
24. Jenfasizza li l-UE hija sieħeb kruċjali tan-NATO fir-rigward ta’ strateġiji li jippermettu lin-NATO toħroġ minn żoni ta’ kunflitt kumplessi, minħabba l-kombinazzjoni speċifiċi tagħha ta’ strumenti disponibbli: operazzjonijiet ċivili, sanzjonijiet, għajnuna umanitarja, politiki ta’ żvilupp u kummerċ, u djalogu politiku; għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom lejn l-istabbiliment ta’ qafas għal kooperazzjoni integrata bejn in-NATO u l-UE, b’antiċipazzjoni tar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona;
25. Jirrikonoxxi l-importanza vitali ta’ titjib tal-ġbir ta’ intelliġenza fost l-alleati tan-NATO u l-imsieħba tal-UE;
26. Jinnota li ċ-ċittadini tal-UE jappoġġjaw missjonijiet bl-objettiv li tittaffa t-tbatija umana f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċittadini mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-missjonijiet tal-UE u tan-NATO u dwar l-għan tagħhom; għaldaqstant jistieden lill-UE u lin-NATO sabiex jinformaw aħjar liċ-ċittadini dwar il-missjonijiet tagħhom u dwar ir-rwol ta’ dawn il-missjonijiet fil-ħolqien ta’ sigurtà u stabbiltà madwar id-dinja;
27. Jinnota li, sabiex jikkonsolidaw il-kooperazzjoni tagħhom, kemm in-NATO kif ukoll l-Unjoni Ewropea għandhom jikkonċentraw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet bażiċi tagħhom, it-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni tad-dottrini tagħhom, metodi ta’ ppjanar, teknoloġiji, tagħmir u taħriġ;
Il-Kwartier Operazzjonali tal-UE
28. Jappoġġja t-twaqqif ta' Kwartier Operazzjonali tal-UE permanenti, taħt l-awtorità tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli, li jkollu l-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet militari tal-ESDP bħala parti mill-mandat tiegħu;
29.Jenfasizza li l-esperjenza tal-operazzjonijiet tal-UE turi li abilità ta' ppjanar permanenti u ta' kmand għall-operazzjonijiet tal-UE żżid l-effettività u l-kredibilità tal-operazzjonijiet tal-UE;jenfasizza li l-Kwartier Operazzjonali tal-UE propost jipprovdi s-soluzzjoni għal din il-problema;ifakkar li, minħabba l-fokus ċivili-militari tal-UE, din l-istruttura ma tkun qed tiddupplika ebda ħaġa li teżisti xi mkien ieħor;ifakkar ukoll li l-Kwartier tan-NATO huwa maħsub primarjament għall-ippjanar militari filwaqt li l-UE għandha kompetenza speċjalizzata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' operazzjonijiet ċivili, militari u ċivili-militari, li fil-mument l-ebda attur dinji m'hu kapaċi jwettaq b'suċċess;
30.Jenfasizza li Kwartier Operazzjonali tal-UE jkun jikkumplimenta l-istrutturi attwali ta' kmand tan-NATO u ma jdgħajjifx l-integrità transatlantika tan-NATO;
31. Jipproponi li, bi qbil man-NATO, kull Stat Membru tal-UE li huwa membru tan-NATO għandu jindika dawk il-forzi li jistgħu jkunu implimentati biss għal operazzjonijiet tal-UE, sabiex jipprevjenu li din l-implimentazzjoni tkun bblokkata mill-membri tan-NATO li mhumiex Stati Membri tal-UE; jikkunsidra li dupplikazzjoni fl-użu ta’ dawn il-forzi għandha tkun evitata;
Kapaċitajiet u nfiq militari
32.Huwa tal-fehma li l-isfida komuni għall-UE u għan-NATO hija li jagħmlu użu mill-istess ġabra ta' riżorsi nazzjonali f'termini ta' persunal u kapaċitajiet;jistieden lill-UE u lin-NATO sabiex jiżguraw li dawn ir-riżorsi limitati jintefqu fuq il-kapaċitajiet li huma l-aktar xierqa biex jiffaċċjaw l-isfidi diffiċli tal-lum, li jevitaw id-duplikazzjoni tal-ħidma u li jippromwovu l-koerenza;huwa tal-fehma li t-trasport strateġiku bl-ajru, li huwa eżempju partikulari ta' kwalità operazzjonali li hija relattivament skarsa u ta' prezz għoli, għandu jirrappreżenta opportunità ta' koperazzjoni bejn stati membri tal-UE u tan-NATO;jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jiġbru, jaqsmu u jiżviluppaw konġuntament kapaċitajiet militari sabiex jevitaw ħela, joħolqu ekonomiji ta’ skala u jsaħħu l-bażi tekonoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea;
33.Huwa tal-fehma li, flimkien mal-ħtieġa għall-użu ħafna aktar effiċjenti tar-riżorsi militari, il-ħtieġa għal aktar investiment fid-difiża min-naħa tal-Istati Membri tal-UE hija essenzjali fl-interessi tas-sigurtà Ewropea;jitlob żieda sinifikanti fil-proporzjon tal-ispejjeż komuni f’kull operazzjoni militari tan--NATO u tal-UE;jinnota d-differenza sinifikanti fl-iskala kif ukoll effettività bejn in-nefqa ta’ difiża tal-membri Ewropej tan-NATO, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra;jistieden lill-UE sabiex timpenja ruħha għal qsim globali tal-piż li jkun aktar ġust;jitlob ukoll lill-Istati Uniti tal-Amerka biex juru volontà ikbar biex jikkonsultaw lill-alleati Ewropej tagħhom dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-paċi u s-sigurtà;
34.Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni potenzjali importanti tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, imsaħħa mit-Trattat ta’ Liżbona, lejn akkwist ekonomikament effikaċi u interoperabbiltà miżjuda tal-armamenti;
Il-kompatibilità bejn in-NATO u l-Isħubija tal-UE
35. Jinsisti li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom ikunu preżenti fil-laqgħat konġunti bejn l-UE u n-NATO mingħajr diskriminazzjoni; jenfasizza li l-għaqda ta' valuri u arranġamenti ta' sigurtà hija fattur kruċjali li jiggarantixxi l-paċi, l-istabilità u l-prosperità Ewropea;
36. Jipproponi li dawk l-alleati tan-NATO li huma kandidati għas-sħubija mal-UE għandhom ikunu iktar involuti mill-viċin fix-xogħol tal-ESDP u tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea;
37.Jinnota li huwa essenzjali li l-problema tal-kompatibilità bejn in-non-sħubija mal-UE u s-sħubija man-NATO, kif ukoll tan-non-sħubija man-NATO u s-sħubija mal-UE, tkun indirizzata sabiex ma ssirx ħsara għall-mod kif taħdem il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;
38.Jiddeplora, b’mod partikolari, l-fatt li l-problema ta’ Ċipru għada tostakola ħafna l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;
39. Jinkoraġixxi lil Ċipru, bħala Stat Membru tal-UE, biex tirrevedi l-pożizzjoni politika tagħha dwar l-isħubija tagħha fl-Isħubija għall-Paċi, u jitlob lill-istati membri tan-NATO biex joqogħdu lura milli jużaw il-veto biex ma jħallux li Stati Membri tal-UE jsiru membri tan-NATO;
40. Jilqa' l-fatt li, fis-Samit tan-NATO f'Bukarest, l-Alleati għarfu l-kontribuzzjoni magħmula minn Ewropa aktar b'saħħitha u aktar kapaċi, u li l-Alleanza għada miftuħa għal tkabbir futur;jinnota li għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-Lvant, kif ukoll bil-għan li jiżviluppaw demokratiku u l-iżvilupp tal-istat tad-dritt tagħhom, il-politika ta’ perspettiva Ewropea u għalhekk tal-proġett ta’ Sħubija tal-Lvant hija ta' importanza kbira ħafna;
41.Huwa tal-opinjoni li, rigward it-tkabbir futur tan-NATO, kull każ għandu jkun aġġudikat skond il-merti tiegħu;madankollu, għall-iskopijiet tal-interessi tas-sigurtà Ewropea, jopponi għat-tkabbir tal-organizzazzjoni biex tinkludi kwalunkwe pajjiż li fih l-isħubija m’għandhiex l-appoġġ tal-popolazzjoni jew fejn hemm argumenti territorjali serji li ma kinux riżolti mal-ġirien tiegħu;
42.Jinnota li, għal ħafna mill-ġirien tal-UE, l-isħubija kemm tan-NATO kif ukoll tal-UE huma għanijiet realistiċi u kumpatibbli, anke jekk għal terminu fit-tul biss;
43.Huwa tal-fehma li, jekk u meta r-Russja ssir demokratika b’mod ġenwin, il-profondità tal-koperazzjoni bejnha u l-istrutturi kollha Ewropej, Ewro-Atlantiċi u globali tilħaq livelli bla precedenti;għaldaqstant jistieden lir-Russja sabiex titrasforma lilha nnifisha f'demokrazija vera li teżerċita l-istat tad-dritt u biex teqred kull prattika tal-użu tal-vjolenza bil-għan li jintlaħqu objettivi politiċi;jinnota li, l-ftehimiet bilaterali ta' sigurtà proposti riċentement mir-Russja jdgħajjfu serjament l-integrità tal-istrutturi ta' sigurtà tal-UE u ifixklu wkoll ir-rabtiet bejn l-UE u l-Istati Uniti;
44. Jinsab ħerqan rigward l-opportunitajiet mogħtija mis-Samit għall-għeluq tas-60 sena tan-NATO fi Strasburg u f'Kehl għat-tixtil tal-Alleanza u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropea;
°
° °
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Pajjiżi tan-NATO u tal-Istati Membri tal-UE, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tan-NATO u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.
“...L-indifferenza ... tibbenefika lill-aggressur – u qatt ma tibbenefika lill-vittma tiegħu,
liema wġigħ jiġi amplifikat meta huwa jew hija jħossu minsi.
Il-priġunier politiku fiċ-ċella tiegħu, it-tfal bil-ġuħ,
ir-refuġjati bla dar – meta ħadd ma jwieġeb għall-karba tagħhom,
meta s-solitudini tagħhom ma tittaffiex b’raġġ ta’ tama
huma jħossuhom maqtugħin mill-memorja tal-bniedem.
U meta nċaħħduhom mill-umanità tagħhom inkunu qed immorru kontra l-umanità tagħna stess.”
Elie Wiesel, superstitu tal-Olokawstu.
Il-ġurnata qabel ma n-Nazisti okkupaw is-Sudeten Land 70 sena ilu, il-Prim Ministru Chamberlain irritorna fir-Renju Unit wara li kien iltaqa’ ma’ Hitler u kien qed ixejjer il-Ftehima ta’ Munich:‘Nemmen li se ngħixu fi żmien ta’ paċi’.Meta wieħed jemmen wisq f’dak li jixtieq u jinsa r-realtà, il-konsegwenzi jafu jkunu fatali.
Meta naħsbu dwar il-kwistjonijiet kruċjali għas-sigurtà tagħna u speċjalment meta nabbozzaw linji gwida għalihom, għandna nkunu viżjonarji u indipendenti biżżejjed biex ninqatgħu mill-interessi personali.
Lejliet il-wieħed u għoxrin ċentinarju, id-dinja qed taffaċċja bosta sfidi ta' sigurtà, qodma u ġodda, li jheddu l-għajxien ta’ ħafna nies u jikkawżaw ħafna tbatija.L-Unjoni Ewropea għandha dover u potenzjal uniku li tikkontribwixxi għall-istabilità dinjija.Fl-aħħar għaxar snin, permezz tal-iżvilupp tal-ESDP, l-UE akkwistat firxa sostanzjali ta’ għodda ċivili u militari biex jintlaħaq dan il-għan u issa bdiet twettaq missjonijiet f’bosta partijiet tad-dinja.
Filwaqt li l-UE wriet li hija protagonista globali permezz tal-iżvilupp tal-missjonijiet tal-ESDP, ħafna minn dawn il-missjonijiet fin-natura tagħhom huma ċivili u jikkonċentraw fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-immaniġġjar ta' wara l-kunflitti.Huwa għalhekk li l-koperazzjoni u s-sinerġija bejn l-UE u n-NATO huma essenzjali biex jiġi segwit l-għan komuni tal-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità fil-qasam internazzjonali.Ta’ min ifakkar li billi 94 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE huma membru tan-NATO u l-maġġoranza tal-istati membri t al-UE huma membri tan-NATO, l-Alleanza tibqa’ l-qafas prinċipali għad-difiża kollettiva fl-Ewropa.
Għaldaqstant hemm ħafna spazju għal komplementarjetà fir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO.Komplementarjetà li, madankollu, ta’ sikwit tiddgħajjef minħabba ostakli tekniċi kif ukoll politiċi.Għalhekk, l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġu proposti soluzzjonijiet li jħarsu ‘l quddiem għal relazzjoni mġedda bejn l-UE u n-NATO li tkun tista’ tindirizza b’mod effettiv l-isfidi attwali tas-sigurtà.
L-ewwel problema li trid tiġi indirizzata hija l-imitazzjonijiet tal-UE f’termini ta’ twaqqif ta’ missjoni għall-immaniġġjar ta’ kriżi.Attwalment, l-UE hija nieqsa minn struttura permanenti ta’ ppjanar u kmand (OHQ).L-UE tista’ tiddeċiedi bejn tliet għażliet fir-rigward ta’ kwartier operazzjonali għall-missjonijiet għall-immaniġġjar ta’ kriżi tagħha.L-ewwel possibilità hija li tagħżel fost il-ħames kwartieri nazzjonali disponibbli għall-UE u dan ikun ifisser dewmien konsiderevoli u telf fl-effiċjenza tal-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza. It-tieni possibilità hija li tuża x-SHAPE taħt ‘l-arranġamenti Berlin plus’, u dan ikun ifisser negozjati bejn l-UE u n-NATO u l-organizzazzjoni ta’ katina ta’ kmand ad hoc (fil-każ tal-missjoni Althea, in-negozjati bejn l-UE u n-NATO ħadu iktar minn tmien xhur).Għalhekk, din il-possibilità tagħmilha impossibli li jkun hemm reazzjoni rapida.Fl-aħħar nett, it-tielet possibilità hija li jintuża ċ-Ċentru Operazzjonali tal-UE fi Brussell iżda dan biss bil-kundizzjoni li t-tnejn l-oħra ma jkunux disponibbli għall-operazzjoni.Iċ-Ċentru Operazzjonali tal-UE m’huwiex struttura permanenti.Jista’ jiġi attivat f'ħamest ijiem filwaqt li jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu, għal operazzjonijiet li jinvolvu sa massimu ta' 2,000 suldat, fi żmien 20 ġurnata.Il-problema hija li l-proċess biex jiġi attivat iċ-Ċentru Operazzjonali jirrikjedi l-Ħidma tal-EUMS u għalhekk din l-għażla mhijiex disponibbli għal ħidmiet importanti bħal ma huma l-ippjanar strateġiku b’reazzjoni għal kriżi, l-ippjanar strateġiku militari għall-emerġenzi eċċ. Dawn in-nuqqasijiet jaffettwaw b’mod serju l-effettività u l-kredibilità tal-operazzjonijiet tal-UE.
Bħala rimedju għal-limitazzjonijiet preżenti pprovduti bil-possibilitajiet differenti li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tirreaġixxi għal sitwazzjoni ta’ kriżi f’termini ta’ kmand operazzjonali, dan ir-rapport jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ kwartier operazzjonali tal-UE. Sabiex jiġu mmassimizzati l-effettività u l-koordinazzjoni, dan il-kwartier għandu jkun ibbażat fi Brussell, taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà. Dan jippermetti li l-implikazzjonijiet militari tal-għażliet u d-deċiżjonijiet politiċi jiġu tradotti u kkomunikati b’mod effettiv lill-mexxejja politiċi. Iżda għandu jiġi enfasizzat li, billi l-Kwartieri tan-NATO primarjament huma maħsuba għall-ippjanar militari, l-UE prinċipalment tiffoka fuq l-operazzjonijiet ċivili u fuq l-operazzjonijiet konġunti ċivili militari.L-UE hija l-unika protagonista globali li kapaċi tmexxi operazzjonijiet b’suċċess f’dan il-qasam.
It-tieni ħaġa, l-użu ineffiċjenti tal-kapaċitajiet militari huwa xi ħaġa li taffettwa t-tħaddim tal-operazzjoniet kemm tal-ESDP kif ukoll tan-NATO.Is-27 stat mebru flimkien jonfqu EUR 200 biljun fid-difiża iżda minkejja dawn ir-riżorsi militari, l-Ewropej għad m’għandhomx biżżejjed suldati bil-ħiliet neċessarji.L-istati membri għandhom persunal ta’ kważi żewġ miljuni fil-forzi armati tagħhom, iżda l-UE bilkemm tsita’ tuża u tmantni 60,000 suldat madwar id-dinja.Għalhekk huwa essenzjali u fil-fatt huwa prikundizzjoni li, sabiex ikun hemm koperazzjoni effettiva bejn l-UE u n-NATO, l-istati membri jridu jagħmlu użu aħjar tal-assi militari tagħhom.Ħassra wkoll il-fatt li l-membri Ewropej tan-NATO ma jerfgħux parti ġusta tal-piż, la f’termini ta’ nfiq u l-anqas f'termini ta’ riżorsi umani. Ir-rapport jitlob bidla f’dan ir-rigward:l-Istati Uniti m’għandhiex tkun l-imsieħba tal-Alleanza li toħroġ il-flus.
It-tielet ħaġa hija li ċerti tilwim bejn il-membri tal-UE u n-NATO, bħal dik relatata mal-parteċipazzjoni ta’ Ċipru fil-laqgħat ta’ bejn l-UE u n-NATO u l-koperazzjoni tat-Turkija fl-Operazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, kienu ta’ xkiel kbir għal koperazzjoni effettiva bejn l-Alleanza u l-UE. Il-kompatibilità bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet tibbenefika minn impenn komuni li jkun hemm l-istati membri kollha tal-UE preżeti għal-laqgħat konġunti bejn l-UE u n-NATO. Huwa daqstant importanti wkoll li l-Alleati tan-NATO li huma kandidati għall-adeżjoni mal-UE talanqas jingħataw l-istatus ta' Membri Assoċjati tal-Aġenzija għad-Difiża Ewropea; Barra minn hekk għandhom jiġu inkorporati ħafna iktar fl-istrutturi tal-ESDP. Il-koperazzjoni effettiva bejn l-UE u n-NATO tista’ tinkiseb biss permezz tal-eradikazzjoni tat-tensjonijiet bejn l-istati membri tal-UE u n-NATO.
Finalment, huwa impossibbli li jiġi injorat l-irwol tar-Russja meta jiġi kkunsidrat il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO. Il-kriżi riċenti fil-Ġeorġja sfurtunatament uriet kemm ir-Russja hija pronta ssegwi politika barranija aggressiva u li tiddestabilizza. Fid-dawl ta’ dawn il-ġrajjiet u l-proposta tar-Russja għal “patt tas-sigurtà” ġdid, l-UE għandha tagħmilha ċara li fiwaqt li x-xewqa li d-djalogu mar-Russja dwar is-sigurtà tal-Ewropa jibqa’ miftuħ hija waħda kbira, mhijiex se taċċetta kwalunkwe pjan li jipprova, bil-ħsieb li jiġu segwiti interessi unilaterali ta’ sigurtà, jaqbeż jew jiddubita mill-istruttura ta’ sigurtà eżistenti tal-Ewropa, li hija bbażata fuq il-protezzjoni tal-libertajiet demokratiċi permezz tal-alleanza transatlantika.
Nota Finali
Wħud mill-ideat ta’ dan ir-rapport mhux se jkunu jistgħu jiġu implimentati fil-futur qarib iżda għandna nipprovaw inħarsu lil hinn mill-elezzjonijiet li ġejjin fir-rigward tad-direzzjoni li sejrin fiha. Inkunu qed nidħku bina nfusna jekk nemmnu li n-natura tal-bniedem inbidlet għall-aħjar tul l-aħħar eluf ta’ snin. Il-bniedem għadu jrid jimponi s-setgħa tiegħu fuq il-ġirien tiegħu kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kollettiva u ta’ sikwit b’riżultati diżastrużi għall-ġid komuni. Id-demokraziji kompleti biss jistgħu jippruvaw irażżnu din it-tendenza umana u jidderiġu l-isforzi egoisti stagħna beix iservu l-ġid komuni. Anke d-demokraziji l-aktar avvanzati huma ‘l bogħod milli jkunu soċjetà ideali iżda l-uniku rimedju għan-nuqqasijiet tad-demokraziji tagħna huwa li jkun hemm iktar demokrazija!
L-UE hija suċċess bla preċedent fl-istorja tal-umanità fejn in-nies jipprovaw iħarsu lejn il-‘barrani’ bħala bniedem uniku ieħor, bħala msieħeb u mhux bħala kompetitur. Bil-mod qed niffurmaw tim uman madwar id-dinja, "une terre sans frontières". Jeħtieġ li l-UE ma tistaġnax għax id-dinja ta’ madwarna qed tinbidel b’rata iktar mgħaġġla minn kemm huma kapaċi jirreaġixxu għaliha l-politiċi. Dan id-dewmien jirriżulta fi tbatija umana żejda iżda nistgħu nifmu biss din it-tbatija meta tolqotna b’mod personali. Jeħtieġ li nkunu konxiji tal-għajjat li ġej mill-bogħod u nirreaġixxu. Huwa l-obbligu morali tagħna u fl-ineteress fit-tul tagħna. Mhux anke aħna nkunu rridu li xi ħadd jgħina meta nkunu fil-bżonn? Għandna nkunu onesti b’mod kiefer u nitgħallmu mill-passat ta’ tbatija tagħna. L-UE, grazzi għan-natura tagħha qisha możajk, ma taqsamx id-dinja fi tnejn bħal ma jagħmlu potenzi kbar oħrajn u dan jagħti l-opportunità unika lill-UE biex tibni l-paċi. Biex twettaq din il-missjoni, il-ħiliet ta’ referi u ta’ tabib mediku huma vitali, iżda mingħajr id-dimensjoni militari l-UE tkun bħal kelb li jinbaħ iżda ma jigdimx.
Jekk insegwu l-loġika li ntaffu t-tbatija umana, xi darba l-umanità jkollha kodiċi ta’ kondotta vinkolanti infurzat minn armata dinjija. Ma rridux li jkun hemm ġrajjiet oħra bħal dawk tar-Rwanda! Xi tip ta’ forza tal-‘elmu l-blu’ ttrasformata, taħt l-awspiċu ta’ NU kompletament imġedda. Din tkun l-unika forza b’armi nukleari għad-dispożizzjoni tagħha. Fl-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija ħadd ma kien jobsor kemm konna se nimxu ‘l quddiem fl-Ewropa tal-lum. L-istess japplika għall-futur. Għandha nkunu fiduċjużi fil-kapaċitajiet tagħna li ngħelbu l-ostakli, li l-akbar wieħed minn dawn l-ostakli huwa li ma nħarsux 'il quddiem. L-unika tweġiba għall-dawn il-problemi globali hija l-governanza globali iżda l-armata dinjija mhux se ssir realtà waqt il-mandati tiegħi...
It-triq li hemm quddiemna hija twila ħafna, mħarbta u ta’ sikwit se tkun taqtigħa għat-telgħa, iżda din hija ħaġa sekondarja; l-unika ħaġa relevanti hija li sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Irridu ninqatgħu mill-ġlied politiku ta’ kuljum u nispiraw ruħna minn missirijietna. Waqt li kienet għaddejja l-gwerra fl-1943, Jean Monnet għamel talba radikali, u dak iż-żmien mhux realistika, għal Unità Ewropea. Huwa kellu l-konvinzjoni sinċiera li, kif kien qal darba Lamartine, “L-utopja ma hija xejn ħlief verità prematura”. Jekk irridu nkunu mexxejja, irridu nkomplu b’dan l-ispirtu.
OPINJONI TAL-MINORANZA
skont l-Artikolu 48(3) tar-Regoli ta’ Proċedura
il-Grupp GUE/NGL
Minbarra l-atteġġament fuvur u bla ebda kritika fir-rigward ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO li qed tkun dejjem iktar aggressiva, nikkundannaw b’mod partikulari li r-rapport:
·huwa favur koperazzjoni ikbar bejn in-NATO u l-UE permezz tat-titjib tal-arranġamenti ‘Berlin plus’ li jippermettu li l-UE jkollha rikors għall-mezzi u l-kapaċitajiet tan-NATO, sabiex iż-żewġ organizzazzjonijiet ikunu jisgħu jindirizzaw sitwazzjoni ta’ kriżi permezz ta’ mezzi militari;
·huwa favur strutturi ta’ koperazzjoni permanenti bejn l-UE u n-NATO;
·jitlob l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet militari eżistenti tal-UE u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jinvestu iktar fid-difiża;
·japprova l-attwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Adeżjoni man-NATO tal-Ġeorġja u tal-Ukrajna (ara l-abbozz ta’ rapport);
·jappoġġja t-twaqqif ta’ Kwartier Operazzjonali permanenti tal-UE;
·huwa favur it-taħlit deliberat tal-kapaċitajiet ċivili u militari, b’mod li d-distinzjoni ta’ bejniethom tkun dejjem inqas ċara;
·jiddikjara li l-forzi nukleari strateġiċi huma u għandhom jibqgħu l-garant aħħari tas-sigurtà militari;
·japprova l-hekk imsejħa interventi umanitarji;
nesiġu:
·UE ċivili;
·separazzjoni netta bejn in-NATO u l-UE;
·il-qerda tal-armi nukleari;
·li n-nefqa militari tintuża għal skopijiet ċivili.
·li n-NATO tiġi abolita!
Iffirmata minn:
Pflüger, Tobias
Meyer Pleite, Willy
Meijer, Erik
Flasarovà, Věra
Triantaphylides, Kyriacos
Adamou, Adamos
Pafilis, Athanasios
Pedro Guerreiro
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
21.1.2009
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
37
11
17
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Elmar Brok, Colm Burke, Philip Claeys, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Mirosław Mariusz Piotrowski, Hubert Pirker, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Andrzej Wielowieyski, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Andrew Duff, Árpád Duka-Zólyomi, Milan Horáček, Aurelio Juri, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Yiannakis Matsis, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Doris Pack, Athanasios Pafilis, Adrian Severin, Jean Spautz, Csaba Sándor Tabajdi, Karl von Wogau
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali