Proċedura : 2008/2209(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0034/2009

Testi mressqa :

A6-0034/2009

Dibattiti :

PV 18/02/2009 - 28

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0063

RAPPORT     
PDF 200kDOC 127k
28 ta' Jannar 2009
PE 414.223v01-00 A6-0034/2009

dwar is-Saħħa Mentali

(2008/2209(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Evangelia Tzampazi

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Saħħa Mentali

(2008/2209(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza ta’ livell għoli tal-UE ‘Flimkien għas-Saħħa u l-Benessri Mentali’ li saret fi Brussell fit-12-13 ta' Ġunju 2008, li stabbiliet ‘Il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali’,

-    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar 'It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali', (COM(2005)0484),

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar it-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali(1),

-    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewropea tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-15 ta' Jannar 2005 dwar l-ittrattar tal-isfidi tas-saħħa mentali fl-Ewropa u l-bini ta' soluzzjonijiet,

-    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Ġunju 2008, li enfasizzaw l-importanza li jitnaqqas id-distakk fis-saħħa u f’kemm jgħixu n-nies bejn l-Istati Membri u ġo fihom, u jenfasizza l-importanza ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-mard kroniku ewlieni li ma jitteħidx,

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007–2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(2),

-    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

-    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 13 u 152 tat-Trattat KE,

-    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni,

-    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,       

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0034/2009),

Α. billi s-saħħa u l-benessri mentali huma importanti ħafna għall-kwalità tal-ħajja tal-individwi u s-soċjetà u huma fatturi essenzjali fl-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona tal-UE u l-istrateġija riveduta dwar l-iżvilupp sostenibbli, u billi l-prevenzjoni, id-dijanjożi fi stadju bikri, l-intervent u t-trattament ta’ mard mentali jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsegwenzi personali, finanzjarji u soċjali tiegħu,

B.  billi ħafna dokumenti strateġiċi tal-UE enfasizzaw l-importanza tas-saħħa mentali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-bżonn ta’ miżuri prattiċi f’dan ir-rigward,

C. billi l-valur miżjud fl-istrateġija tas-saħħa mentali tal-Komunità jinstab primarjament fil-qasam tal-prevenzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ċivili tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali,

D. billi l-problemi ta’ saħħa mentali huma mifruxa fl-Ewropa b’wieħed minn kull erba’ persuni jesperjenza problemi ta’ saħħa mentali tal-anqas darba f’ħajtu, filwaqt li ħafna oħrajn huma affettwati b’mod indirett u billi l-istandards tal-kura tas-saħħa mentali jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn Stati Membri differenti, speċjalment bejn l-Istati Membri l-qodma u wħud mill-Istati Membri l-ġodda,

E.  billi l-aspetti speċifiċi għas-sessi għandhom jitqiesu meta jiġi kkunsidrat is-suġġett tas-saħħa mentali, u billi aktar nisa jbatu minn diżordnijiet mentali u aktar irġiel jikkommettu suwiċidju,

F.  billi s-suwiċidju għadu kawża sinifikanti ta' mwiet prematuri fl-Ewropa, b'aktar minn 50 000 mewt fis-sena fl-UE, u billi, f'disa' minn kull għaxar każijiet, qablu jkun żviluppa mard mentali, li ta' spiss ikun id-dipressjoni, u billi, barra minn hekk, ir-rata ta' suwiċidju u tentattivi ta' suwiċidji fost il-persuni li qegħdin il-ħabs jew f'detenzjoni hija ogħla minn dik fost il-popolazzjoni ġenerali,

G. billi t-tifsil ta' politiki li jnaqqsu l-inċidenza tad-dipressjoni u s-suwiċidju jmur id f'id mal-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem,

H. billi, anke jekk id-dipressjoni hija waħda mill-mard l-aktar frekwenti u serji, il-miżuri kontriha ta’ spiss għadhom inadegwati, u billi ftit Stati Membri biss implimentaw programmi ta’ prevenzjoni,

I. billi, madankollu, għad hemm nuqqas ta' għarfien u investiment fil-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-mard u nuqqas ta’ appoġġ għar-riċerka medika u għall-individwi bi problemi mentali,

J.   billi l-ispejjeż finanzjarji, għas-soċjetà, marbuta mal-mard mentali huma stmati bejn 3 % u 4% tal-GDP tal-Istati Membri u billi fl-2006 l-ispiża għall-UE tal-mard mentali kienet ta' EUR 436 biljun, u billi l-parti l-kbira ta’ din l-ispiża tintefaq barra mis-settur tas-saħħa, primarjament minħabba assenza sistematika mix-xogħol, in-nuqqas ta’ kapaċità għax-xogħol jew l-irtirar kmieni u l-istima tal-ispejjeż f’ħafna każijiet ma tirriflettix il-piż finanzjarju addizzjonali ta’ komorbożità, li x'aktarx taffettwa aktar lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali,

K. billi d-differenzi soċjali u ekonomiċi jistgħu jżidu l-problemi ta’ saħħa mentali u billi r-rati ta’ mard mentali huma ogħla fost gruppi vulnerabbli u emarġinati bħalma huma l-persuni qegħda, l-immigranti, persuni li għadhom jew li kienu l-ħabs, persuni li jagħmlu użu minn sustanzi psikotropiċi, persuni b’diżabilità u b’mard li jtul fiż-żmien, u billi huma meħtieġa azzjonijiet speċifiċi u politiki xierqa biex jgħinu l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom,

L. billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u fihom fil-qasam tas-saħħa mentali, inkluż fir-rigward tal-oqsma tat-trattament u kif ukoll tal-integrazzjoni soċjali,

M. billi persuni bi problemi ta’ mard mentali huma aktar f’riskju mill-bqija tal-popolazzjoni, li jiżviluppaw marda fiżika u għandhom inqas ċans li jingħataw trattament għal dan il-mard fiżiku,

N. billi, filwaqt li s-saħħa fiżika u mentali huma ta’ importanza ugwali u li jaffettwaw lil xulxin, is-saħħa mentali ta’ spiss tibqa’ ma tiġix dijanjostikata jew tiġi ssottovalutata u tingħata trattament inadegwat,

O. billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri kien hemm ċaqliq mill-kura istituzzjonali li ttul fiż-żmien lejn appoġġ għall-għajxien fil-komunità, u billi, madankollu, dan il-proċess sar mingħajr ippjanar u riżorsi kif suppost, mingħajr mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ spiss bi tnaqqis fil-baġit, li qegħdin jheddu li jikkawżaw ir-riistituzzjonalizzazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini b’mard mentali,

P. billi l-Pjattaforma Ewropea għas-Saħħa Mentali u Fiżika twaqqfet fl-2008, u fiha tiġbor rappreżentanti ta’ livell għoli minn organizzazzjonijiet ewlenin,

Q. billi l-bażi tas-saħħa mentali għal tul ħajjet il-bniedem hija stabbilita matul l-ewwel ftit snin tal-ħajja u billi l-mard mentali huwa komuni fiż-żgħażagħ, u li għalhekk huwa ta’ importanza assoluta li ssirilhom dijanożi bikrija u jingħataw it-trattament,

R.  billi l-proċess tat-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE jfisser li jkun hemm aktar spiss mard newrodeġenerattiv,

S. billi d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali li jesperjenzaw il-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom huma l-konsegwenzi mhux biss ta’ diżordni mentali iżda wkoll tal-istigma, it-twarrib u l-emarġinazzjoni li jiltaqgħu magħhom, u huma fatturi ta’ riskju li jfixkluhom milli jfittxu għall-assistenza u t-trattament,

T. billi l-Unjoni Ewropea għażlet l-2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali,

U. billi r-riċerka qed tipproduċi dejta ġdida dwar id-dimensjonijiet mediċi u soċjali tas-saħħa mentali, u billi, madankollu, xorta għad hemm differenzi sinifikanti u konsegwentement għandha ssir attenzjoni biex ma jinħoloqx xkiel għall-isforzi tar-riċerka medika pubblika jew privata billi jiġu imposti għadd ta’ rekwiżiti amministrattivi, ħafna drabi onerużi, jew restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-użu ta’ mudelli rilevanti għall-iżvilupp ta' medikazzjoni sikura u effettiva,

V. billi d-diżabilitajiet li jfixklu t-tagħlim (diżabilità mentali) għandhom ħafna mill-istess karatteristiċi u jikkawżaw l-istess ħtiġijiet bħall-mard mentali;

W. billi huwa essenzjali li jsir ħafna titjib fit-taħriġ tal-professjonisti mediċi li jiltaqgħu ma’ persuni li jbatu minn mard mentali, inklużi t-tobba u l-membri tal-ġudikatura,

X. billi l-mard mentali huwa l-ewwel wieħed ikklassifikat f’termini ta’ morbożità tal-bniedem,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali u r-rikonoxximent tas-saħħa u l-benessri mentali bħala bażi prijoritarja għall-azzjoni;

2.  Jappoġġa bis-sħiħ l-istedina biex ikun hemm koperazzjoni u biex titrawwem l-azzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali dwar ħames oqsma ta’ prijorità għall-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri mentali tal-popolazzjoni, inklużi l-gruppi ta’ kull età u l-ġeneri, l-oriġini etniċi u l-gruppi soċjoekonomiċi differenti, il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali, it-tisħiħ fl-azzjoni ta’ prevenzjoni u l-awtoassistenza u l-provvediment tal-għajnuna u t-trattament adegwat lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u lill-familji tagħhom u dawk li jagħtuhom il-kura; jenfasizza li koperazzjoni bħal din għandha tkun konformi b'mod sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għarfien tal-importanza ta’ saħħa mentali tajba, b’mod partikulari fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u gruppi ta’ mira bħalma huma l-ġenituri, l-għalliema, dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali u legali, min iħaddiem, dawk li jieħdu ħsieb lill-morda u, b’mod partikulari, il-pubbliku in ġenerali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Eurostat, biex itejbu l-għarfien dwar is-saħħa mentali u dwar ir-relazzjoni bejn is-saħħa mentali u s-snin ta’ ħajja bi stat tajjeb ta' saħħa, permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi għall-iskambju u t-tixrid ta’ informazzjoni b’mod ċar, b’aċċessibilità faċli u li jinftiehem;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi indikaturi komuni għat-titjib fit-tqabbil tad-dejta u biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-promozzjoni tas-saħħa mentali;

6.  Jikkunsidra li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-mard mentali permezz ta’ intervent soċjali, b’attenzjoni partikulari fuq l-aktar gruppi vulnerabbli; jenfasizza li, f’każijiet fejn il-prevenzjoni mhijiex biżżejjed, l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-kura terapewtika għandu jiġi mħeġġeġ u ffaċilitat u li l-persuni bi problemi ta' saħħa mentali għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar forom innovattivi ta' trattament;

7.  Jistieden lill-UE biex tuża l-faċilitajiet ta’ ffinanzjar disponibbli fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għal aktar riċerka fil-qasam tas-saħħa u l-benessri mentali u l-interazzjoni bejn il-problemi ta’ saħħa mentali u dawk fiżiċi; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu sew lejn il-faċilitajiet ta' ffinanzjar għal inizjattivi favur is-saħħa mentali fil-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tal-Komunità u dawk nazzjonali disponibbli biex jippromwovu kwistjonijiet ta' saħħa mentali u jorganizzaw programmi ta’ għarfien u ta’ taħriġ għal kull min qiegħed f’pożizzjoni importanti biex tiġi promossa dijanjożi bikrija, intervent immedjat u mmaniġjar kif suppost tal-problemi tas-saħħa mentali;

9. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tippubblika stħarriġ dwar is-servizzi għall-mard mentali u l-politiki ta’ promozzjoni tas-saħħa mentali madwar l-UE;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw ir-Riżoluzzjoni 46/119 tan-NU dwar 'il-ħarsien ta’ persuni b’mard mentali u t-tijib fil-kura tas-saħħa mentali' mħejjija mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1991;

11. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali d-dritt għal aċċess ugwali, sħiħ u xieraq għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, skont il-prinċipji tat-tagħlim matul il-ħajja, u biex jassiguraw li dawn jirċievu appoġġ adegwat għall-ħtiġijiet tagħhom;

12. Jenfasizza l-bżonn ta' ppjanar ċar fuq żmien twil għall-forniment ta’ servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità u fl-isptarijiet, li jkunu ta’ kwalità għolja, effettivi, aċċessibbli u universali, u l-bżonn tal-adozzjoni ta’ kriterji għall-monitoraġġ minn entitajiet indipendenti; jitlob li jkun hemm koperazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja u professjonisti tas-saħħa mentali biex jittrattaw b'mod effettiv il-problemi assoċjati mas-saħħa mentali u fiżika, billi jinkoraġġixxu approċċ olistiku li jqis il-profil ġenerali tal-individwi mil-lat tas-saħħa fiżika u mentali;

13. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu screening għal problemi ta' saħħa mentali fis-servizzi tas-saħħa ġenerali u għal problemi ta' saħħa fiżika fis-servizzi tas-saħħa mentali; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mudell komprensiv ta’ kura;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex u tirreġistra l-esperjenzi tal-pazjenti dwar l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni permezz tal-linji gwida tal-EMEA (l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini);

15. Jitlob lill-Kummissjoni biex testendi l-mandat taċ-Ċentru Ewropew għal Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard biex tkun inkluża s-saħħa mentali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-konferenzi tematiċi li se jsiru sabiex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Patt Ewropew u biex jiġi propost 'Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali taċ-Ċittadini u r-Riċerka Medika';

17. Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tal-UE dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew, li tkun tikkonsisti f’rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill, il-Parlament, id-WHO, dawk li jużaw is-servizzi, persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, il-familji, dawk li jipprovdu l-kura, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-industrija farmaċewtika, l-akkademiċi u partijiet interessati rilevanti oħra, filwaqt li jikkundanna n-nuqqas li tiġi adottata direttiva fil-livell Ewropew kif imħeġġeġ fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hawn fuq imsemmija dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali;

18. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta għal Strateġija Ewropea dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali bħala l-għan tagħha għall-futur imbiegħed;

19. Jistieden lill-Istati Membri biex iħejju leġiżlazzjoni aġġornata dwar is-saħħa mentali li tkun konformi mal-obbligi internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem – l-ugwaljanza u l-eradikazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-invjolabilità tal-ħajja privata, l-awtonomija, l-integrità fiżika, id-dritt għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni – u li tikkodifika u tinkorpora l-prinċipji, il-valuri u l-għanijiet tal-politika dwar is-saħħa mentali;

20. Jitlob li jiġu adottati linji gwida komuni Ewropej li jiddefinixxu d-diżabiltà skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà;

Il-Prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi transsettorjali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti, li jippromwovu stil ta' ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa, li jnaqqsu l-fatturi ta’ riskju bħalma huma l-aċċess faċli għall-farmaċewtiċi, id-drogi, sustanzi kimiċi ta’ ħsara u l-abbuż mill-alkoħol; jikkunsidra li huwa partikolarment meħtieġ li tkun iggarantita l-provvista ta' trattament għall-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju u ta' trattament psikoterapewtiku għall-familji tal-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju;

22. Jistieden lill-Istati Membri biex jiffurmaw netwerks ta’ informazzjoni reġjonali bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, dawk li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, il-familji tagħhom, l-istabbilimenti edukattivi u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, flimkien mal-organizzazzjonijiet lokali u l-pubbliku sabiex titnaqqas id-dipressjoni u l-aġir suwiċidali;

23. Jitlob li l-informazzjoni dwar in-numru uniku Ewropew 112 għall-emerġenzi, bħalma huma tentattivi ta’ suwiċidju jew kriżijiet mentali, issir ħafna iktar disponibbli sabiex ikun possibbli intervent rapidu u l-provvista ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza;

24. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi għat-tobba u għall-persunal tas-servizzi psikjatriċi, inklużi t-tobba, il-psikologi u l-infermiera, dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta’ diżordnijiet marbuta mad-dipressjoni u l-għarfien u l-ġestjoni tar-riskju ta’ suwiċidju;

Is-saħħa mentali fiż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

25. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ lill-persunal tal-iskejjel biex jiżviluppaw ambjent b'saħħtu, u jibnu relazzjonijiet bejn l-iskejjel, il-ġenituri, dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa u l-komunità sabiex tisaħħaħ l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw programmi ta’ appoġġ għall-ġenituri, b’mod partikulari għall-familji żvantaġġati, u biex jippromwovu l-allokazzjoni ta’ impjiegi bħala counsellors f’kull skola sekondarja biex jassistu l-ħtiġijiet soċjoemozzjonali taż-żgħażagħ, b’enfasi speċjali fuq programmi ta’ prevenzjoni bħalma huma t-tisħiħ tal-awtostima, u l-immaniġġjar tal-kriżijiet;

27. Jenfasizza l-bżonn ta’ ppjanar tas-sistemi tas-saħħa li jissodisfa l-bżonn ta’ speċjalisti tas-servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal u l-adoloxxenti, filwaqt li titqies il-bidla mill-kura istituzzjonalizzata fuq perjodu ta' żmien twil għal appoġġ lill-persuna biex tgħix ħajjitha fil-komunità;

28. Jenfasizza l-bżonn li ssir djanjosi u li jingħata trattatament bikri fir-rigward ta' problemi tas-saħħa mentali fi gruppi vulnerabbli, b’referenza partikolari għall-persuni minorenni;

29. Jipproponi li s-saħħa mentali għandha tkun inkorporata fi programmi ta’ studju tal-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa u li wieħed jaħseb għal edukazzjoni u taħriġ kontinwi f’dan is-settur;

30. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jikkoperaw biex iqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar tas-saħħa mentali tat-tfal li għandhom ġenituri emigranti, u biex jintroduċu programmi skolastiċi mmirati biex jgħinu lil dawn it-tfal jaffrontaw il-problemi psikoloġiċi b’rabta mal-assenza tal-ġenituri tagħhom;

Is-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol

31. Jiddikjara li l-postijiet tax-xogħol għandhom rwol ċentrali fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u jitlob li jingħata appoġġ għar-reklutaġġ, iż-żamma, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn tagħhom għax-xogħol, b’enfasi fuq l-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-komunitajiet li huma minoranzi etniċi;

32. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu r-riċerka fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jżidu l-inċidenza tal-mard mentali, partikolarment fost in-nisa;

33. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw korsijiet speċifiċi ta' taħriġ vokazzjonali għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali filwaqt li jiġu kkunsidrati l-abilitajiet u l-potenzjal tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tal-impjiegi kif ukoll jiżviluppaw programmi ta' riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ adattat għal min iħaddem u għall-impjegati tagħhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali;

34. Jistieden lil min iħaddem biex jippromwovi ambjent ta’ xogħol li jqis il-benessri tal-ħaddiema, joqgħod attent għall-istress ikkaġunat mix-xogħol, il-kawżi li huma responsabbli għall-mard mentali fuq il-post tax-xogħol, u jindirizza dawn il-kawżi;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikjedi li kull sena n-negozji u l-korpi pubbliċi jippubblikaw rapport dwar il-politika u x-xogħol tagħhom għas-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom fuq l-istess bażi li biha jirrapportaw dwar is-saħħa fiżika u s-sikurezza fuq ix-xogħol;

36. Jinkoraġġixxi lil min iħaddem, bħala parti mill-istrateġiji tiegħu ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, biex jadotta programmi biex jippromwovu s-saħħa emozzjonali u mentali tal-impjegati tiegħu, jipprovdi opportunitajiet ta’ appoġġ li jkunu kunfidenzjali u li ma joħolqux stigma u jintroduċi politiki kontra l-bullying; jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred mudelli pożittivi billi tippubblika programmi bħal dawn fuq l-Internet;

37. Jistieden lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-persuni li huma intitolati għall-benefiċċji tal-mard jew tad-diżabilità minħabba problemi ta’ saħħa mentali ma jkunux imċaħħdin mid-dritt tagħhom għall-aċċess għall-impjieg u li ma jitilfux il-benefiċċji relatati mad-diżabilità jew il-mard hekk kif isibu impjieg ġdid;

38. Jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw b’mod sħiħ u effettiv, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3);

Is-saħħa mentali tal-anzjani

39. Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri xierqa biex itejbu u jżommu livell għoli tal-kwalità tal-ħajja għall-anzjani, biex jippromwovu s-saħħa u tixjieħ attiv permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità, li tinkludi l-iżvilupp ta’ skemi flessibbli ta’ rtirar;

40. Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni tar-riċerka fil-prevenzjoni u l-kura fir-rigward ta’ mard newrodeġenerattiv u mard mentali ieħor marbut mal-età u għal kwalunkwe azzjoni jew proposta fil-ġejjieni min-naħa tal-Kummissjoni biex issir distinzjoni bejn il-marda ta' Alzheimer jew mard newrodeġenerattiv simili u forom oħra ta’ mard mentali;

41. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ qafas li fih jiltaqgħu r-riċerka u l-politika fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri mentali;

42. Jinnota l-bżonn li jevalwa l-komorbidità tal-anzjani u l-bżonn għat-taħriġ tal-impjegati tal-kura tas-saħħa biex iżidu l-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-adulti bi problemi ta’ saħħa mentali;

43. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni dwar il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali, biex jieħdu miżuri li jappoġġjaw lill-carers u biex jiżviluppaw linji gwidi għall-ħarsien ta’ pazjenti u l-kura fuq perjodu twil sabiex jgħinu l-prevenzjoni tat-trattament ħażin lill-anzjani u biex jippermettulhom jgħixu b’dinjità f’ambjent adattat;

Il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali

44. Jitlob li jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni pubblika u ta’ għarfien permezz tal-midja, l-Internet, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, sabiex jippromwovu s-saħħa mentali, iżidu l-għarfien dwar is-sintomi l-aktar komuni tad-dipressjoni u t-tendenzi suwiċidali, titneħħa l-istigma tal-mard mentali, iħeġġu lill-persuni jfittxu l-aħjar assistenza u l-aktar waħda effettiva u jippromwovu integrazzjoni attiva tal-persuni li qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali;

45. Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-midja sabiex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar il-mard mentali u jitlob l-iżvilupp ta’ linji gwida Ewropej għar-rappurtar responsabbli tas-saħħa mentali mill-midja;

46. Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jħeġġu s-setgħa ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nies li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u lill-carers sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u fl-istadji kollha tar-riċerka fis-saħħa mentali;

47. Iqis li t-tneħħija tal-istigma tal-mard mentali jinvolvi l-waqfien tal-użu ta' prattiki invażivi u mhux umani kif ukoll dawk il-prattiki bbażati fuq l-approċċ ta' kustodja;

48. Jikkunsidra li huma meħtieġa l-promozzjoni u l-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riabilitazzjoni psikoloġika u soċjali li jħejju ċentri residenzjali pubbliċi, privati u pubbliċi-privati żgħar li jipprovdu faċilitajiet ta' kura matul il-ġurnata jew kura kontinwa, huma simili fid-daqs u fl-etos għal unitajiet ta' familja u jinsabu f'kuntest urban, sabiex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tar-residenti f’kull stadju tal-proċess terapewtiku u tar-riabilitazzjoni;

49. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali lilhinn mis-settur tal-impjiegi u jitlob l-adozzjoni immedjata ta’ din id-direttiva sabiex persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jkunu mħarsa b’mod effettiv, mid-diskriminazzjoni;

50. Jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Ħarsien tal-Adulti (2000);

51. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Uffiċċju Ewropew tad-WHO.

(1)

ĠU C 305 Ε, 14.12.2006, p. 148.

(2)

Test adottat, P6_TA(2008)0009

(3)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.


NOTA SPJEGATTIVA

Is-saħħa mentali taffettwa l-ħajja tagħna ta' kuljum u hija fattur li tikkontribwixxi għall-benesseri, is-solitudni u l-ġustizzja soċjali. Min-naħa l-oħra, il-mard mentali jnaqqas il-kwalità ta’ ħajja tal-persuni u l-familji tagħhom u jinvolvi spejjeż li huma ta’ piż fuq is-settur tas-saħħa u s-sistemi soċjali, ekonomiċi, penali, legali, tal-edukazzjoni u tal-assikurazzjoni.

Illum il-ġurnata l-għarfien qiegħed dejjem jiżdied dwar il-fatt li ma hawnx saħħa mingħajr saħħa mentali. Iridu nikkunsidraw biss li:

Ø 1 minn kull 4 persuni se tesperjenza xi forma ta’ mard mentali tal-anqas darba f’ħajjitha,

Ø id-dipressjoni hija waħda mill-aktar mard komuni – li taffettwa 1 minn kull 6 nisa fl-Ewropa – u huwa stmat li, sal-2020, se tkun il-marda l-aktar komuni fid-dinja żviluppata u t-tieni kawża ta’diżabilità,

Ø  fl-UE, jiġu kommessi madwar 590 000 suwiċidji fis-sena, 90% minnhom huma l-kaġuni ta’ mard mentali,

Ø gruppi vulnerabbli u emarġinati, bħalma huma dawk li ma għandhomx xogħol, il-migranti, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jsoffru minn abbuż, u dawk li jagħmlu użu minn sustanzi psikoattivi għandhom aktar probabilità li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali,

Ø f'Ewropa ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni, mard newrodeġenerattiv qed isir dejjem aktar komuni.

Għaldaqstant hemm il-bżonn li jittieħed approċċ miftiehem għall-isfidi li jsiru mis-saħħa mentali minħabba li dan jikkonċerna lilna lkoll. Madankollu, huwa fatt li l-mard mentali mhuwiex meqjus bl-istess serjetà bħal mard fiżiku;

Minkejja li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri rigward l-isfidi, l-istrutturi, u l-politiki li ġew adottati, il-maġġoranza tagħhom issostitwew l-enfasi mill-konfinament u l-ħarsien għall-kura u t-trattament tal-persuni b’mard mentali. Madankollu, f’ħafna każijiet, din il-bidla saret mingħajr pjanar u riżorsi kif suppost, mingħajr mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ spiss bi tnaqqis fil-baġit.

Fl-istess hin, minkejja t-titjib fl-għażliet tat-trattament u l-iżviluppi fil-kura psikjatrika, il-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom qed ikomplu jbatu l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni.

Il-bżonn li tiġi promossa s-saħħa mentali tajba hija ovvja jekk l-għanijiet ta’ koeżjoni soċjali u tkabbir ekonomiku se jintlaħqu fuq bażi sostenibbli ta’ perjodu twil. Fuq il-livell tal-UE, il-fatt ġie rikonoxxut fi programmi ta’ azzjoni mhux biss dwar is-saħħa pubblika iżda wkoll dwar ir-riċerka, it-trattament mhux diskriminatorju, l-impjieg u l-edukazzjoni.

Is-sena 2005 kienet ta’ importanza kbira għas-saħħa mentali. Wara l-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa Mentali tad-WHO, il-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper tagħha ‘Intejbu s-saħħa mentali tal-popolazzjoni - Lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-Unjoni’, li niedet dibattitu dwar il-mod tat-titjib fl-approċċ tal-mard mentali u l-promozzjoni tas-saħħa mentali tajba .

Fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fl-2006 dwar it-titjib fis-saħħa mentali tal-popolazzjoni, il-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għal dan l-approċċ sabiex jenfasizza s-saħħa mentali bħala prijorità u joħloq opportunitajiet biex niffaċċjaw l-isfidi flimkien.

Il-Konferenza Ewropea ‘Flimkien għas-Saħħa Mentali u l-Benesseri’ li saret fi Brussell fit-12-13 ta’ Ġunju 2008, li stabbilixxiet ‘Il-Patt Ewropew għas-Saħħa Mentali u l-Benesseri’ wriet id-determinazzjoni tal-Istati Membri biex jiddeċiedi dwar miżuri biex tittejjeb is-saħħa mentali tal-popolazzjoni fil-qafas tal-istrateġija trans-settorjali li tmur lilhinn mis-settur ta’ saħħa u għandu l-għan b’mod ġenerali li jassigura livell għoli ta' protezzjoni soċjali u saħħa mentali u l-benesseri fl-oqsma tal-edukazzjoni u x-xogħol.

B’mod partikulari, il-Patt jipproponi li t-tagħrif u l-aħjar prattiki jiġu kkonċentrati sabiex flimkien jiġu prodotti rakomandazzjonijiet aċċettabbli għall-miżuri f’oqsma importanti tal-ħajja soċjali u ekonomika. Sabiex l-effettività tal-Patt tingħata spinta, numru ta’ konferenzi tematiċi ġew pjanati, filwaqt li ħames karti ta’ kunsens saru f’koperazzjoni mal-ministeri, ix-xjentisti u r-riċerkaturi nazzjonali.

Ir-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Il-proposta preżenti tista’ tirrappreżenta għodda utli li twassal għall-bidla meħtieġa fis-settur tas-saħħa mentali.

Ir-rapport fih għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ġenerali għall-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-benesseri tal-popolazzjoni, biex jiġġieled kontra l-istigma, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, biex isaħħaħ l-azzjoni preventiva u l-awtoassistenza u biex tingħata għajnuna u t-trattament adegwat lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, lill-familji tagħhom u dawk li jagħtuhom il-kura; ir-rapport fih ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi f'ħames oqsma ta' prijorità li ġew identifikati mill-Patt Ewropew.

Dawn l-oqsma huma:

Ø il-prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju,

Ø is-saħħa mentali fiż-żgħażagħ u l-edukazzjoni,

Ø is-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol,

Ø is-saħħa mentali tal-anzjani,

Ø il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali.

Il-Prevenzjoni tas-suwiċidju u d-dipressjoni

Ir-rapporteur tagħkom temmen li l-prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju titlob l-implimentazzjoni ta’ programmi trans-settorali li jiffukaw fuq il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja b’saħħithom, it-tnaqqis ta’ fatturi ta’ riskji bħalma hija l-aċċess għall-mediċina, id-drogi, l-abbuż tal-alkoħol u l-provvediment ta’ appoġġ u moniteraġġ tal-persuni li għamlu attentat ta’ suwiċidju u l-familji ta’ dawk li kkommettew suwiċidju, li jagħmilha ċara li d-dipressjoni hija marda kurabbli u li s-suwiċidju huwa att li jista’ jiġi evitat; f’dan il-kuntest, ir-rapporteur tagħkom temmen li huwa importanti li jiġu żviluppati netwerks fil-livell lokali sabiex jingħataw l-informazzjoni u l-appoġġ għall-awtoassistenza.

Is-saħħa mentali fiż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

Nistgħu nilħqu biss l-għanijiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi żvilupp sostenibbli jekk iż-żgħażagħ ikunu b’saħħithom fiżikament u mentalment, u attrezzati bit-tagħrif u l-ħiliet kif suppost permezz ta’ livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ.

Ir-rapporteur tagħkom issostni li għandhom jittieħdu miżuri biex jitwaqqfu servizzi koordinati u integrati, strutturati madwar iż-żgħażagħ, il-familji tagħhom, l-imsieħba soċjali u l-azzjonisti tal-edukazzjoni u tas-saħħa li jkopru kull grupp ta' età. Hija, għaldaqstant, titlob lill-Istati Membri biex jorganizzaw programmi ta’ appoġġ lill-ġenituri, u biex jiġi provdut appoġġ lill-persunal tal-iskejjel biex jiġu żviluppati klimi ta’ skejjel b’saħħithom. Hija tenfasizza wkoll il-bżonn li jiġu pprovduti servizzi ta’ saħħa mentali lit-tfal u l-adolexxenti u tipproponi li s-saħħa mentali għandha tiġi inkluża fil-programmi ta’ studju tal-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa.

Is-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol jilagħbu rwol sinifikanti fis-saħħa mentali tal-popolazzjoni. Kundizzjonijiet bħat-tekniċi ta’ mmaniġġjar negattiv, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, il-fastidji, l-istorbju, l-ammont ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ sikurezza fuq il-post tax-xogħol jista’ jwassal għal aktar stress, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ diżordni mentali u jikkaġuna l-irtirar bikri tal-ħaddiema fuq il-bażi tal-invalidità.

Fl-istess ħin, il-qgħad u n-nuqqas ta’ dħul sikur iżid ir-riskju ta’ żvilupp ta’ mard mentali u jnaqqas iċ-ċans ta’ aċċess għall-intervenzjoni medika bażika fil-qasam tas-saħħa mentali.

Sabiex tippromwovi s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u ttejjeb ir-rendiment ekonomiku tal-UE, ir-rapporteur tiegħek titlob lill-impjegati biex jimplimentaw prattiċi li jippromwovu saħħa mentali tajba fuq il-post tax-xogħol sabiex joffru xogħlijiet 'aħjar'. Ir-rapporteur tagħkom titlob ukoll għall-inizjattivi aktar profondi u wiesgħa għall-integrazzjoni ta’ persuni bi problemi mentali fuq il-post tax-xogħol permezz tar-reklutaġġ tagħhom, iż-żamma, ir-riabilitazzjoni u riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol fuq termini ugwali. Barra minn hekk, huwa importanti li l-Kummissjoni toffri l-possibilità tal-pubblikazzjoni u l-aġġornar ta' miżuri li l-impjegati implimentaw biex jiġu ssalvagwardjati l-benesseri emozzjonali u mentali tal-impjegati tagħhom.

Is-saħħa mentali tal-anzjani

Ir-riskju li jiġi żviluppat ċertu mard mentali qed jiżdied mal-età u, apparti l-marda Alzheimer, problemi oħra, bħad-dipressjoni, l-istress u l-mard psikotiċi huma komuni. F’dan il-kuntest, l-anzjani għandhom jiġu trattati bħala bażi ta’ grupp ta’ mira għall-promozzjoni tal-benesseri mentali. Meta nieħdu ħsieb l-anzjani, inkunu qed nipproteġu d-dritt tagħhom għall-tixjiħ attiv u b’dinjità u nissalvagwardjaw il-koeżjoni soċjali. Ir-rapporteur tagħkom tappoġġja l-miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-anzjani. B’mod partikulari l-enfasi għandha tingħata għar-riċerka fil-mekkaniżmi u l-kawżi ta' mard newrodeġenerattiv u mard ieħor mentali, u għall-prevenzjoni u l-kura tagħhom. Hemm ukoll il-bżonn biex ikun hemm aċċess għall-komorbidità u t-taħriġ tal-persunal tal-kura tas-saħħa f'dan ir-rispett ladarba l-approċċ ta' bejn id-dixxiplini f'sitwazzjonijiet kumplessi li huma assoċjati mal-mard mentali jipproduċu valur miżjud sinifikanti.

Il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali

Ir-rapporteur tagħkom temmen li strateġija Ewropea għall-promozzjoni tas-saħħa mentali għandha tiġi żviluppata f’termini ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien. Dan ifisser, inter alia, lis-soċjetajiet Ewropej għandhom jiksbu ftehim ċar tal-kunċetti tas-saħħa mentali, għarfien preċiż l-importanza kbira tal-problema, kif irreġistrata fiż-żmien attwali, tad-dinamiku inerenti, u għarfien tal-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-iffurmar tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ għażliet integrati għas-soluzzjonijiet.

Filwaqt li tibda mit-twemmin li l-informazzjoni għandha tibda mill-iskola u tiġi estiża fl-oqsma kollha, ir-rapporteur tiegħek tipproponi li l-kampanji ta’ informazzjoni jiġu organizzati biex jgħinu t-tnaqqis tal-istigma u d-diskriminazzjoni, it-titjib fit-trattament tal-mard mentali permezz tad-djanjożi bikrija permezz ta’ interventi u mmaniġġjar effettiv tiegħu, u t-tnaqqis tad-differenza bejn is-saħħa fiżika u mentali. Fl-istess ħin, ir-rapporteur tagħkom enfasizzat il-bżonn li dawk li jużaw is-servizz u l-familji tagħhom biex jieħdu parti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki sabiex is-servizzi jkunu indirizzati aħjar għall-bżonnijiet u jkunu jistgħu jintużaw faċilment.

Zoni ta’ prijorità għall-azzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali

Sabiex tiġi promossa s-saħħa mentali u l-benesseri tal-popolazzjoni, ir-rapporteur tagħkom:

Ø titlob għall-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-entitajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjali f’ħames oqsma ta’ prijorità li hemm referenza għalihom fil-Patt Ewropew,

Ø tipproponi l-adozzjoni ta’ Pjattaforma Konsultattiva biex jiġu mmonitorati u kkoordinati miżuri għall-implimentazzjoni tal-Patt u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-konklużjonijiet tal-konferenza li se ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Patt,

Ø tenfasizza l-bżonn ta’ ‘Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Saħħa Mentali u l-Benesseri taċ-Ċittadini’ u l-bżonn li jiġu prodotti indikaturi approprijati ta’ saħħa mentali bil-għan li jiġi mtejjeb l-assessjar tal-bżonnijiet fuq il-livell nazzjonali u Ewropew,

Ø titlob l-aħjar użu mir-riżorsi tal-Komunità u nazzjonali disponibbli biex tiġi promossa s-saħħa mentali permezz tal-iffinanzjar tar-riċerka fil-prevenzjoni, l-istrutturi ġodda għall-kura diċenti u trattament effettiv tal-mard mentali, u s-suq tax-xogħol fil-programmi ta’ integrazzjoni,

Ø tenfasizza l-bżonn li jiġu pprovduti servizzi aċċessibbli, effettivi u universali ta' kwalità għolja,

Ø titlob sabiex issir enfasi fuq it-taħriġ ta’ kull min qiegħed f’pożizzjoni importanti li għandha x’taqsam mas-saħħa mentali,

Ø titlob għall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg kif xieraq għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali u għall-ħolqien ta' ambjent ta' appoġġ u favorevoli matul il-ħajja b'enfasi fuq il-gruppi vulnerabbli.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Liam Aylward, Maria Berger, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Jill Evans, Anne Ferreira, Elisabetta Gardini, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jens Holm, Marie Anne Isler Béguin, Caroline Jackson, Christa Klaß, Holger Krahmer, Urszula Krupa, Marios Matsakis, Linda McAvan, Riitta Myller, Vladko Todorov Panayotov, Dimitrios Papadimoulis, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Guido Sacconi, Daciana Octavia Sârbu, Amalia Sartori, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Kathy Sinnott, María Sornosa Martínez, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Christofer Fjellner, Milan Gaľa, Jutta Haug, Erna Hennicot-Schoepges, Johannes Lebech, Bart Staes, Robert Sturdy, Andres Tarand

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Cohn-Bendit, Constanze Angela Krehl, Bernhard Rapkay

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Frar 2009Avviż legali