Proċedura : 2008/2071(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0054/2009

Testi mressqa :

A6-0054/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 24
CRE 23/03/2009 - 24

Votazzjonijiet :

PV 24/03/2009 - 4.16
CRE 24/03/2009 - 4.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0161

RAPPORT     
PDF 205kDOC 136k
16 ta' Frar 2009
PE 414.287v03-00 A6-0054/2009

dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea

(2008/2071(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Cristiana Muscardini

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea

(2008/2071(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 26 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, adottat fl-1966, rigward id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra b'mod partikulari l-Artikolu 5(a) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1979,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2(1), 19(1), 24(3), 34 u 39 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-20 ta' Novembru 1989 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastiġ Diżuman u Degradanti,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drtittijiet u l-Ġid tat-Tfal (1990),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2(f), 5, 10(c), 12 u 16 tar-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru. 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1992,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna, adottati fil-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 1993,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, l-ewwel strument internazzjonali marbut mad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwarda b'mod esklussiv il-vjolenza kontra n-nisa, adottata f'Diċembru 1993,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, adottati fil-Kajr fit-13 ta' Settembru 1994,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejxing, adottati mill-Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa li saret f'Bejxing: 'Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi'(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1997 dwar il-ksur tad-drittijiet tan-nisa(2),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottat fit-12 ta' Marzu 1999 mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istatus tan-Nisa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel tat-12 ta' April 1999 dwar l-FGM,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' April 1999 dwar il-proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi adottat programm ta' azzjoni Komunitarja (il-programm DAPHNE) dwar il-miżuri maħsuba għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, l-adolexxenti u n-nisa(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejxing(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2000 dwar il-konklużjonijiet tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti "Nisa 2000: ugwaljanza bejn il-sessi, l-iżvilupp u l-paċi għas-seklu XXI (5-9 ta' Ġunju 2000)"(5),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni ACP-UE (il-Ftehima ta' Cotonou), iffirmata fit-23 ta' Ġunju 2000, u l-Protokoll Finanzjarju anness magħha,

–   wara li kkunsidra l-proklamazzjoni konġunta tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali min-naħa tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni waqt il-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7 ta' Diċembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2000 biex l-FGM tiddaħħal fl-ambitu tal-Artikolu B5-802 tal-baġit 2001, intiż biex jiffinanzja l-programm DAPHNE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1247 (2001) tat-22 ta' Mejju tal-2001 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-FGM,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-FGM, adottat fit-3 ta' Mejju 2001 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 għall-FGM(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2003/28 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' April 2003 li ħabbret is-6 ta' Frar bħala l-Jum Internazzjonali ta' "tolleranza żero" tal-mutilazzjonijiet ġenitali femminili,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5, 6 u 19 tal-Protokoll tal-2003 tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, magħruf ukoll bħala l-"Protokoll ta' Maputo", li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-petizzjoni 0298/2007, imressqa minn Cristiana Muscardini fis-27 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: 'Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal'(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-UE dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (prinċipji ġenerali) u l-Artikoli 12 u 13 tat-Trattat KE (non-diskriminazzjoni),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0054/2009),

A. billi skont iċ-ċifri kkumpilati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO), minn 100 sa 140 miljun mara u tfajla fid-dinja ġarrbu l-mutilazzjoni ġenitali u, skont ċifri tal-WHO u tal-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kull sena bejn 2 miljuni u 3 miljun mara jiġu esposti għar-riskju potenzjali li jġarrbu dawn il-prattiki li jirriżultaw f'diżabilità gravi,

B.  billi kull sena madwar 180,000 emigrata fl-Ewropa ġġarrab jew tkun f'periklu li ġġarrab mutilazzjonijiet ġenitali femminili,

C. billi, skont il-WHO, il-FGM hija ampjament ipprattikata f'mill-anqas 28 pajjiż Afrikan, xi pajjiżi Ażjatiċi u fil-Lvant Nofsani,

D. billi l-vjolenza kontra n-nisa, inkuża l-mutilazzjoni ġenitali ġejja minn strutturi soċjali bbażati fuq in-nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sessi u fuq bilanċ ta' poter żbilanċjat, id-dominazzjoni u l-kontroll, fejn il-pressjoni soċjali u familjari twassal għall-ksur ta' dritt fundamentali, jiġifieri r-rispett għall-integrità tal-persuna umana,

E.  billi l-mutilazzjoni sesswali imposta fuq il-bniet jistħoqqilha l-aktar kundanna enfatika u tikkostitwixxi vjolazzjoni ovvja tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali li tħares lit-tfal u lil jeddijiethom,

F.  billi d-WHO identifikat erba' tipi ta' mutilazzjonijiet ġenitali femminili, mill-klitoridektomija (it-tneħħija parzjali jew totali tal-qannuba) sal-qtugħ (it-tneħħija tal-qannuba u tal-labia minora) – it-tieni jirrappreżenta 85% tal-proċeduri tal-mutilazzjonijiet ġenitali femminili, l-infibulazzjoni (it-tneħħija għalkollox tal-qannuba u l-labia minora u tal-ġewwien tal-labia majora u t-teħjit tal-vulva, biex b'hekk jitħalla biss ftuħ vaġinali dejjaq), u l-introċiżjoni (it-titqib, it-tqattigħ jew l-inċiżjoni tal-qannuba jew tal-labia),

G. billi kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, ta' kull grad li tkun, hija att ta' vjolenza kontra n-nisa li jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-jeddijiet fundamentali tagħhom, l-aktar il-jedd għall-integrità personali u s-saħħa fiżika u mentali, u tal-jeddijiet sesswali u riproduttivi tagħhom; billi tali vjolazzjonijiet ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jkunu ġġustifikati billi jiġu invokati tradizzjonijiet kulturali ta' bosti tipi jew ċerimonji ta' inizjazzjoni,

H. billi fl-Ewropa madwar 500 000 mara soffriet il-mutilazzjoni ġenitali u billi huwa partikolarment fost il-familji tal-immigrati u r-refuġjati li ċ-ċirkonċiżjoni bħal din hija drawwa u l-bniet saħansitra jintbagħtu lura arthom għal dan l-iskop,

I.   billi l-FGM tikkawża danni gravi ħafna u irreparabbli fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil għas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet li jgħaddu minnha, u b'hekk tikkostitwixxi assalt serju fuq il-persuna u l-integrità tagħhom; u f'ċerti każijiet tista' saħansitra tkun fatali; billi l-użu ta' strumenti rudimentali u l-assenza ta' prekawzjonijiet antisettiċi għandhom effetti dannużi, tant li r-rapport sesswali u l-ħlas jkunu ta' wġigħ, l-organi ssirilhom ħsara irreparabbli u jista' jkun hemm il-kumplikazzjonijiet bħalma huma l-emorraġija, stat ta' xokk, infezzjoni, it-trażmissjoni tal-virus tal-AIDS, it-tetanu, tumuri beninji u kumplikazzjonijiet serji matul it-tqala u l-ħlas,

J.   billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li hija ksur tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet misjubin f'diversi konvenzjonijiet internazzjonali, hija pprojbita mid-Dritt Kriminali tal-Istati Membri u tikser il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

K. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2008 tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-FGM li jippermettu li jitħarrku l-persuni li jkunu wettqu tali proċeduri fuq it-tfal,

L.  billi l-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra l-Mara teżigi mill-Istati Membri li jieħdu kull miżura xierqa biex jemendaw jew jabolixxu l-liġijiet, id-drawwiet u l-prattiki eżistenti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li jieħdu l-miżuri kollha xierqa ħalli jimmodifikaw il-mudell soċjali u kulturali ta' mġiba tal-irġiel u tan-nisa, bil-għan li jitneħħew il-preġudizzji u l-prattiki konswetudinarji u ta' kull xorta oħra bbażati fuq l-idea tal-inferjorità jew superjorità ta' wieħed mis-sessi jew tal-irwoli sterjotipati tar-raġel u tal-mara,

M. billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, teżiġi li l-Istati Partijiet jirrispettaw u jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni għal kull tifel u tifla fil-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr ebda distinzjoni, irrispettivament mis-sess tat-tifel jew tifla, u li għandhom jadottaw il-miżuri kollha effettivi u xierqa biex jabolixxu l-prattiki tradizzjonali preġudizzjevoli għal saħħet it-tfal,

N. billi l-Karta Afrikana tad-Drittijiet u l-Welfare tat-Tfal tirrakkomanda li l-istati firmatarji jneħħu għalkollox il-prattiki soċjali u kulturali li jaffettwaw il-welfare, id-dinjità, u t-trobbija u l-iżvilupp normali tat-tfal,

O. billi il-paragrafu 18 tad-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna, approvat f'Ġunju 1993, jiddikjara li d-drittijiet umani tan-nisa u l-bniet huma parti inaljenabbli, integranti u indiviżibbli tad-drittijiet universali tal-bniedem,

P.  billi l-Artikolu 2 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra l-Mara tas-sena 1993 tirreferi b'mod espliċitu għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u għal prattiki tradizzjonali oħrajn dannużi għan-nisa,

Q. billi l-Artikolu 4 ta' din id-Dikjarazzjoni jistipula li l-istati għandhom jikkundannaw il-vjolenza kontra n-nisa u ma għandhomx jinvokaw drawwiet, tradizzjonijiet, jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi biex jevitaw l-obbligu tal-eliminazzjoni,

R.  billi l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, li saret il-Kajr fl-1994 jipprevedi li l-gvernijiet jabolixxu l-FGM kulfejn għadha teżistu u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-NGOs u lill-istituzzjonijiet reliġjużi li qed jitqabdu biex jeliminaw prattiki bħal dawn,

S.  billi fil-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata fir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti f'Bijxing il-gvernijiet issejjħu biex isaħħu l-liġijiet tagħhom, jirriformaw l-istituzzjonijiet tagħhom u jippromwovu standards u prattiki intiżi ħalli jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, traffigurata, fost forom oħrajn, fil-FGM,

T.  billi l-ftehima ta' sħubija ACP-UE (il-Ftehima ta' Cotonou) hija msejsa fuq prinċipji universali bħal dawn u fiha dispożizzjonijiet li jaħdmu biex jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminiali (Artikolu 9, li jispeċifika l-elementi essenzjali tal-ftehima, u l-artikoli 25 u 31 rispettivament dwar l-iżvilupp soċjali u l-kwistjonijiet ta' ġens),

U. billi r-rapport adottat fit-3 ta' Mejju 2001 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa stieden sabiex ikun hemm projbizzjoni tal-FGM u qies lil din il-prattika bħala daqsinsew għat-trattament diżuman u degradanti skont it-termini tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi r-rapport ileħħen il-fehma li l-ħarsien tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet ma għandux jieħu preċedenza fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li l-prattiki li jammontaw għat-tortura għandhom ikunu magħmulin illegali,

V. billi, sa fejn għandu x'jaqsam mal-politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, il-Kummissjoni u l-Kunsill jirrikonoxxu li l-FGM hija vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għaldaqstant tista' tiswa biex tassigura d-dritt għall-ażil,

W. billi d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Frar 2008 tal-Kummissarji Ewropej Ferrero-Waldner u Michel espliċitament ikkundannat l-FGM, billi ddeskrivietha bħala inaċċettabbli kemm jekk imwettqa fl-Unjoni Ewropea u kemm jekk f'pajjiżi terzi, u qalet li l-ksur tad-drittijiet tan-nisa ma jista' qatt, fi kwalunkwe ċirkostanza, ikun ġustifikat billi jiġu invokati r-relativiżmi kulturali jew it-tradizzjonijiet,

X. billi ċ-ċentri u istituzzjonijiet nazzjonali għaż-żgħażagħ u l-familji jistgħu joffru l-għajnuna f'waqtha biex tittieħed azzjoni ħalli tipprevjeni t-twettiq tal-FGM,

1.  Jikkundanna bis-sħiħ l-FGM bħala vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll bħala ksur salvaġġ tal-integrità u l-personalità tan-nisa u l-bniet u għalhekk iqisha bħala reat gravi f'għajnejn is-soċjetà;

2.  Itenni l-impenn tiegħu għall-miżuri u l-politiki kollha proposti fir-Riżoluzzjoni tal-2001, u fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jabbozzaw strateġija u pjanijiet t'azzjoni komprensiva mmirati lejn it-tbarrija tal-FGM mill-UE u, għal dak il-fini, jipprovdu l-mezzi meħtieġa – fil-forma ta' liġijiet u dispożizzjonijiet amministrattivi, sistemi ta' prevenzjoni, u miżuri ekukattivi u soċjali, u b'mod partikolari, tixrid wiesa' ta' tagħrif dwar il-mekkaniżmi ta' protezzjoni eżistenti disponibbli għall-gruppi vulnerabbli – ħalli l-vittmi reali u potenzjali jitħarsu b'mod xieraq;

3.  Jitlob li din l-istrateġija komprensiva tkun akkumpanjata minn programmi ta' edukazzjoni kif ukoll mill-organizzazzjoni ta' kampanji nazzjonali u internazzjonali li jqanqlu kuxjenza;

4.  Jappoġġja l-manuvri tal-EUROPOL li tiġi kkoordinata laqgħa bejn il-korpi tal-pulizija Ewropej biex tiġu intensifikati l-miżuri ta' taqbid kontra l-FGM, jiġu affrontati l-kwestjonijiet marbutin mar-rata baxxa ta' rapporti u d-diffikultà biex tinġabar l-evidenza u x-xhieda, u t-teħid ta' passi effettivi biex jitħarrku l-perpetraturi; għal dak il-fini jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw miżuri addizzjonali possibbli għall-ħarsien tal-vittmi ladarba jippreżentaw irwieħhom;

5.  Jinnota li l-miżuri biex jintgħelbu prattiki dannużi bħall-FGM, kif imsemmija fil-Protokoll Maputo msemmi hawn fuq, jinkludu dan li ġej: il-ħolqien ta' kuxjenza pubblika permezz ta' informazzjoni, edukazzjoni u kampanji formali u informali, projbizzjoni ta' kull forma ta' FGM, inkluża dik mwettqa minn staff mediku, permezz ta' liġijiet u sanzjonijiet, appoġġ għall-vittmi mis-servizzi tas-saħħa, support legali u ġudizzjarju, pariri psikoloġiċi u taħriġ u protezzjoni għan-nisa li qegħdin fir-riskju li jiġu assoġġettati għal prattiki dannużi jew forom oħra ta' vjolenza, abbuż jew intolleranza;

6.  Jappella lill-Istati Membri biex jikkwantifikaw l-għadd ta' nisa li ġarrbu FGM jew dawk li qegħdin f'riskju f'kull pajjiż, billi iqisu l-fatt li għad ma hemmx ċifri disponibbli għal bosta pajjiżi, li similment lanqas ma għandhom sistemi armonizzati ta' kif jiġbru d-dejta;

7.  Jitlob għall-introduzzjoni ta' "protokoll Ewropew tas-saħħa" għall-finijiet ta' monitoraġġ u għat-twaqqif ta' dejtabejż FGM, billi din tkun utli mill-punt di vista statistiku jew għall-kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn il-komunitajiet immigrati kkonċernati;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-dejta xjentifika li tista' tassisti lill-WHO fl-interventi tagħha ta' appoġġ biex l-Ewropa u l-kontinenti l-oħra kollha jeħilsu mill-FGM;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fin-negozjati u l-ftehmiet tagħha ta' ko-operazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati, klawżola biex tiġi żradikata l-FGM;

10. Jitlob ħalli l-aħjar prattiki applikati fuq livelli differenti jinġabru u ssirilhom analiżi tal-impatt tagħhom (fejn xieraq permezz ta' proġetti ffinanzjati u r-riżultati miskuba permezz ta' DAPHNE III) u ħalli l-informazzjoni marbuta magħhom tinxtered b'mod wiesa' bl-użu tal-esperjenza prattika u teorika tal-esperti;

11. Jindika li ċ-ċentri u l-istituzzjonijiet nazzjonali għandhom rwol vitali fl-identifikazzjoni tal-vittmi u biex jieħdu miżuri ta' prekawzjoni kontra l-prattika tal-FGM;

12. Jappella sabiex jissaħħu n-netwerks Ewropej li bħalissa huma mmirati għall-prevenzjoni tal-prattiki tradizzjonali li jagħmlu ħsara, ngħidu aħna billi jiġu organizzati korsijiet ta' formazzjoni għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, għall-orgniazzjonijiet reġjonali li ma għandhomx skop ta' lukru, għalmin jopera fis-settur, u għall-promozzjoni tal-formazzjoni ta' netwerks ta' dan it-tip;

13. Japprezza l-kontributi importanti ta' bosta organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali mhux governattivi, istituzzjonijiet ta' riċerka, in-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali tan-Nisa fl-Ewropa u ta' persuni impenjati li bis-saħħa tal-finanzjament mill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-programm DAPHNE, fost l-oħrajn, qed iwettqu diversi proġetti ħalli jqanqlu kuxjenza u tiġi prevenuta u eliminata l-FGM; jindika li l-bini ta' netwerks bejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali huwa, mingħajr dubju, fundamentali għas-suċċess biex tiġi żradikata l-FGM u għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi,

14. Jindika li l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE(8) dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi jew mingħajr stat bħala refuġjati jew persuni li b'xi mod ieħor ikunu jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, jispeċifika li l-aspetti tal-ġens jistgħu jitqiesu, imma li dawn waħidhom ma jwasslux għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10;

15. Jistieden ħalli kemm l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, permezz tal-pjanijiet ta' ħidma relattivi pluriennali u/jew annwali, jieħdu rwol minn ta' quddiem nett fit-taqbida kontra l-FGM; jemmen li dawn l-aġenziji jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' prijorità ta' riċerka u/jew ta' tqanqil ta' kuxjenza u b'hekk jgħinu fit-titjib tal-għarfien tal-fenomenu tal-FGM f'livell Ewropew;

16. Iqis li huwa neċessarju li jiġu organizzati fora ta' djalogu, li jkun hemm ir-riforma ta' dispożizzjonijiet legali tradizzjonali, li jiġi indirizzat is-suġġett tal-FGM bħala parti mill-kurrikulu skolastiku u li ssir promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-persuni mhux ċirkonċiżi fil-pajjiżi kkonċernati;

17. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien, fl-interess tad-drittijiet tal-bniedem, tal-integrità tal-persuna, tal-libertà tal-kuxjenza u tad-dritt tas-saħħa, biex tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni eżistenti u, jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tirriżulta li ma hijiex approprijata, jipproponu leġiżlazzjoni speċifika fuq din il-kwestjoni;

18. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet diġà eżistenti dwar il-FGM, jew jilleġiżlaw pieni għall-ħsara kbira fuq il-persuna riżultanti minnha, jekk dawn il-prattiki twettqu fl-Unjoni Ewropea, u biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-FGM u t-taqbida kontra tagħha biex irawmu l-kuxjenza tajba fost il-professjonisti involuti (inklużi l-ħaddiema soċjali, l-għalliema, il-forzi tal-pulizija, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa), bil-għan li jintgħarfu bħala każijiet FGM, u jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jintlaħaq l-akbar grad possibbli ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet fis-seħħ f'kull wieħed mis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea;

19. Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha obbligatorja għat-tobba tal-familja, it-tobba u l-iskwadri kliniċi li jirrappurtaw il-FGM lill-awtoritajiet tas-saħħa u/jew lill-pulizija;

20. Jistieden lill-istati Membri jew jimplimentaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-FGM jew iħarrku skont it-termini tal-liġiżlazzjoni eżistenti lil kull persuna li twettaq mutilazzjoni ġenitali;

21. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri ifittxu, jikkundannaw u jikkastigaw it-twettiq ta' dawn il-prattiki, billi japplikaw strateġija integrata li tikkunsidra d-dimensjonijiet legiżlattiva, tas-saħħa u soċjali u l-integrazzjoni tal-popolazzjoni immigranti; Jappella, b'mod partikolari, sabiex id-direttivi Ewropej dwar l-immigrazzjoni jittrattaw l-att tal-kommissjoni tal-mutilazzjoni ġenitali bħala reat, u jippreskrivu pieni xierqa għal kulmin jinstab ħati ta' tali reat, jekk dawn il-prattiki jkunu twettqu fl-Unjoni Ewropea;

22. Iħeġġeġ il-ħolqien ta' uffiċji għall-armonizzazzjoni teknika permanenti u għall-kuntatt ħalli jinġiebu flimkien l-Istati Membri u jinħoloq ness bejnhom u l-istituzzjonijiet Afrikani; jemmen li dawn l-uffiċji għandu jkollhom persunal magħmul minn speċjalisti fil-FGM u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej u Afrikani ewlenin tan-nisa;

23. Iħeġġeġ sabiex jiġi riġettat b'konvinzjoni t-titqib tal-qannuba u l-medikalizzazzjoni f'kull forma li ġew proposti bħala t-triq tan-nofs bejn iċ-ċirkonċiżjoni tal-qannuba u r-rispett tat-tradizzjonijiet li jservu biex jiddefinixxu l-identità u li jwasslu biss biex il-prattika tal-FGM tiġi ġġustifikata u aċċettata fit-territorju tal-UE; itenni l-kundanna assoluta u sħiħa tal-FGM, imbilli ma hemm l-ebda raġuni - la soċjali, la ekonomika, la etnika, la marbuta mas-saħħa, u lanqas xort' oħra - li tista' tiġġustifikaha.

24. Iħeġġeġ sabiex il-FGM tiġi eliminata permezz ta' politiki ta' sostenn u billi jiġu integrati n-nisa u l-familji li jgħixu skont it-tradizzjonijiet li jħaddnuha, sabiex, mingħajr ma titnaqqar il-liġi jew jinkisru l-jeddijiet fundamentali tal-bniedem u mingħajr preġudizzju għall-jedd tal-awto-determinazzjoni sesswali, in-nisa jitħarsu minn kull forma ta' abbuż u vjolenza;

25. Jafferma li r-raġunijiet mogħtijin minn bosta komunitajiet favur iż-żamma ta' prattiki tradizzjonali li huma ta' ħsara għas-saħħa tan-nisa u l-bniet ma għandhom l-ebda bażi xjentifika u lanqas oriġini jew ġustifikazzjoni ta' karattru reliġjuż;

26. Jitlob lill-Istati Membri:

- jikkunsidraw bħala reat kwalunkwe FGM, irrispettivament minn jekk ikunx sar ftehim minn qabel min-naħa tal-mara kkonċernata, kif ukoll biex jikkastigaw lil min jgħin, jinkoraġġixxi, jagħti parir jew iġib appoġġ lil persuna biex twettaq wieħed minn dawn l-atti fuq il-ġisem ta' mara jew ta' tifla,

- biex ifittxu, iħarrku u jikkastigaw kull resident li jkun wettaq r-reat tal-FGM, anki jekk ir-reat ikun sar ’il barra mill-fruntieri tagħhom (l-extraterritorjalità),

- jadottaw miżuri leġiżlattivi li jippermettu lill-imħallfin jew lill-prosekuturi pubbliċi jieħdu miżuri prekawzjonali u preventivi jekk ikunu konxji minn każijiet ta' nisa jew bniet li jkunu fir-riskju li jiġu mutilati;

27. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġija preventiva għal azzjoni soċjali immirata għall-protezzjoni tal-minorenni mingħajr ma jistigmatizzaw il-komunitajiet tal-immigranti, permezz ta' programmi pubbliċi u servizzi soċjali intiżi kemm biex jipprevjenew dawn il-prattiki (taħriġ, edukazzjoni, tqanqil ta' kuxjenza fost il-komunitajiet li qegħdin f'riskju) u l-assistenza għall-vittmi li jkunu ġew assoġġettati għalihom (appoġġ psikoloġiku u mediku, inkluż, jekk possibbli, trattament mediku bla ħlas biex tissewwa l-ħsara); jitlob ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw, skont it-termini tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tat-tfal, li t-theddid jew ir-riskju tal-assoġġettament għall-FGM jista' jiġġustifika l-intervent tal-awtoritajiet;

28. Jitlob lill-Istati Membri jabbozzaw linji gwida għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, l-għalliema u l-assistenti soċjali bil-għan li jinfurmaw u jedukaw lill-ġenituri, b'rispett u bl-assistenza tal-interpreti, jekk ikun meħtieġ, dwar il-periklu enormi tal-FGM u l-fatt li prattiki bħal dawn jitqiesu reat fl-Istati Membri, u wkoll li jikkooperaw u jiffinanzjaw l-attivitajiet tan-netwerks u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu biex jedukaw, iqanqlu kuxjenza u jimmedjaw fl-isfera tal-NGOs, b'kuntatt mill-qrib mal-familji u mal-komunitajiet;

29. Jitlob lill-Istati Membri jxerrdu informazzjoni preċiża li tista' tinftiehem minn popolazzjoni illitterata,b'mod partikolari fil-konsolati tal-Isati Membri meta jinħarġu l-viżi; huwa tal-fehma li l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-projbizzjoni legali għandhom jiġu kkomunikati mis-servizzi tal-immigrazzjoni meta n-nies jaslu fil-pajjiż ospitanti, sabiex il-familji jifhmu li l-projbizzjoni fuq azzjoni tradizzjonali bl-edba mod m'għandha titqies bħala aggressjoni kulturali, iżda bħala protezzjoni legali għan-nisa u l-bniet; iqis li l-familji għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi skont il-liġi kriminali, li jistgħu iwasslu għall-priġunerija, jekk kemm-il darba tiġi aċċertata l-mutilazzjoni;

30. Jitlob għal titjib fl-istatus legali tan-nisa u l-bniet f'pajjiżi fejn hija prattikata l-FGM, sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nisa fihom infushom u fl-inizjattiva indipendenti u fir-responsabilità tagħhom;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

GU C 166, 3.7.1995, p. 92.

(2)

ĠU C 115, 14.4.1997, p. 172.

(3)

ĠU C 219, 30.7.1999, p. 497.

(4)

ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.

(5)

ĠU C 67, 1.3.2001, p. 289.

(6)

ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 126.

(7)

Testi Adottati, P6_YA(2008)0012.

(8)

ĠU L 304, 30.9.2004, p. 2.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-migrazzjoni lejn l-Ewropa f'dawn l-aħħar tletin sena kkawżat it-tixrid ta' kulturi, tradizzjonijiet, drawwiet u mġibiet ġodda fis-soċjetajiet Ewropej. Waqt li dan kien għaddej, issopravviviet id-drawwa tradizzjoni tat-tixrid tad-demm imsejjes fuq il-ġeneru, saħansitra fl-UE; eżempju ta' dal-prattiki hija l-FGM.

F'livell nazzjonali, il-kuxjenza li kulma jmur qed tikber dwar dan il-fenomenu tinkwadra ruħha fl-approċċ ġenerali li qed jiġi applikat fil-ħarsien ta' jeddijiet in-nisa. Dan ippermetta lill-attivisti nisa Afrikani jfissru l-vjolenza inerenti fl-FGM, riflessa fl-adozzjoni tat-terminu "mutilazzjoni" minflok "ċirkonċiżjoni femminili".

Għadu diffiċili timmonitorja u tkejjel l-impatt preċiż tal-FGM fl-Ewropa, billi dak li għandu jitqies ma humiex biss il-prattiki mwettqin bil-moħbi fit-territorju tal-UE, imma ukoll r-riskju kontinwu li l-bniet jistgħu jiġu mutilati meta jintbagħtu temporanjament lura lejn il-pajjiż tagħhom tal-oriġini.

L-oriġini tal-fenomenu mhux lakemm jinstabu, peress li ġejjin minn drawwiet u riti tribali arkajċi li għandhom għeruq fondi fil-komunitajiet etniċi lokali li jipprattikawhom. Ir-raġunijiet li jingħataw issa b'appoġġ għall-FGM jistgħu jinqasmu f'ħames kategoriji:

- ir-reliġjon (l-FGM hija invokata - erronjament - f'isem l-Islam);

- saħħa (il-benefiċċji għall-fertilità jew ir-riskji ta' impotenza għall-irġiel);

- qagħda soċjo-ekonomika (l-FGM bħala prekundizzjoni għaż-żwieġ);

- tradizzjoni/lealtà etnika;

- ix-xbiha ta' li tkun mara (l-FGM tissimbolizza l-għarfien tal-mara tal-femminilità tagħha, u r-riskji marbutin max-xewqa sesswali u d-diżunur).

Iċ-ċifri tad-WHO juru li l-FGM seħħet ampjament f'28 pajjiż Afrikan, fil-Lvant Nofsani, u f'xi pajjiżi Ażjatiċi (l-Indonesja, il-Mależja, u l-pajjiżi ġirien) u li bejn 100 u140 miljun mara u tifla fid-dinja ġarrbu din il-prattika u li kull sena madwar 4 miljuni qegħdin f'riskju potenzjali.

L-esperjenza medika fil-prattika u l-istudji varji dwar il-konsegwenzi fisiċi fuq tul ta' żmien qasir u twil, kif ukoll il-konsegwenzi psikoloġiċi marbuta mal-FGM urew il-gravità tal-problema.-{}-

Id-dokumenti internazzjonali dwar l-approċċ għall-FGM jaffrontaw u jikkundannaw il-problema minn perspettivi differenti li jħaddnu:

id-dimensjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem,

il-qasam tad-drittijiet tan-nisa, u

u d-dimensjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Il-Parlament bosta drabi tkellem b'saħħa kontra l-FGM u talab kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri sabiex ifasslu u jimplimentaw strateġija komprensiva mmirata lejn it-tneħħija tal-mutilazzjoni ġenitali femminli, billi, fost l-oħrajn, jieħdu miżuri leġiżlattivi biex jipprevjenu u jikkastigaw din il-prattika.

(Riżoluzzjoni A5-284/2001 dwar il-FGM)

Meta preċedentement esprima l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett, il-PE innota li:

- kull forma ta' FGM tikkostitwixxi att ta' vjolenza kontra n-nisa, ammontanti għal vjolazzjoni tal-jeddijiet fundamentali tagħhom;

- l-FGM ġejjin minn strutturi soċjali msejsa fuq inugwaljanza fost is-sessi u fuq ekwilibriju distort ta' poter, dominanza, u kontroll fejn il-pressjoni soċjali u familjari twassal għal ksur tal-jedd fundamentali, jiġifieri r-rispett tal-integrità tal-persuna umana,

– edukazzjoni u informazzjoni xierqa jgħinu ħalli tkun skoraġġita l-FGM, u huwa partikolarment importanti li l-popolazzjonijiet jiġu persważi li jistgħu jabbandunaw ċerti prattiċi mingħajr ma jinfatmu minn dawk li huma jarawhom bħala aspetti sinifikattivi tal-kultura tagħhom;

- l-FGM hija riskju li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu f'politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil u fin-negozjati bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk li ma humiex membri;

– l-Istati Membri issa għandhom qafas legali komunitarju li jippermettilhom jadottaw politika effettiva biex jikkumbattu d-diskriminazzjoni u biex japplikaw regoli komuni dwar l-ażil u politika ġdida dwar l-immigrazzjoni (Artikolu 13 u t-Titolu IV tat-Trattat KE).

Barra minn hekk, il-Parlament ressaq dawn it-talbiet:

– l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw flimkien biex jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u, jekk neċessarju, titfassal leġiżlazzjoni speċifika bit-tir li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem, tal-integrità tal-persuna umana, il-libertà tal-kuxjenza u d-dritt għas-saħħa;

– il-Kummissjoni għandha tabbozza strateġija komprensiva biex tiżradika l-FGM fl-Unjoni Ewropea, li minflokk ma jkunu jiddependu biss mill-kundanna, għandhom jagħtu l-mezzi rikjesti – għal dak li għandu x'jaqsam mad-dispożizzjonijiet preventivi, edukattivi u soċjali u proċeduri amministrattivi – li jippermettu lill-vittimi attwali u potenzjali jingħataw il-protezzjoni vera;

– l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħarrku, jikkundannaw u jikkastigaw atti ta' FGM billi japplikaw strateġija komprensiva li tqis id-dimensjonijiet legali, tas-saħħa, soċjali u l-integrazzjoni tal-popolazzjoni immigranti.

· DAPHNE III: l-azzjoni ewlenija f'livell Komunitarju

Dan il-programm kien il-għajn ewlenija tal-finanzjament tal-miżuri fil-qasam tat-tqanqil tal-kuxjenza u l-prevenzjoni, u l-ħarsien ta' dawk li sfaw vittmi jew qegħdin f'riskju ta' FGM. B'mod speċifiku, sal-lum il-programm DAPHNE ffinanzja 14-il proġett marbut mal-FGM, li jammontaw għal total ta' €2.4 miljuni f'għaxar snin.

Sabiex ikun irrispettat l-għan ġenerali tal-programm, il-proġetti jimmiraw lejn l-iskambju ta' prattiki tajbin, lejn iż-żieda fil-kuxjenza kif ukoll lejn it-twaqqif ta' netwerks ta' kuntatt.

Minkejja li l-programm DAPHNE s'issa żgur li kkontribwixxa għal aktar kuxjenza u għarfien aktar ċar tal-iskala tal-problema fl-UE, ma jidhirx li hu realistiku, minħabba n-natura tal-programm u r-riżorsi li ġew assenjati għalih, li proġetti ta' dan it-tip ikunu biżżejjed biex waħidhom jeliminaw l-FGM.

· Il-prijoritajiet għall-prevenzjoni u l-iżradikar tal-FGM mill-Ewropa

Biex tiġi prevjenuta u meqruda l-FGM fl-Ewropa, jeħtieġ li jkun hemm strateġija f'saħħitha li tista' sservi biex

· tivverifika l-għadd ta' nisa li ġew assoġġettati għall-FGM jew ta' dawk li huma f'riskju f'kull Stat Membru;

· jinħoloq 'protokoll Ewropew tas-saħħa' għall-finijiet ta' monitoraġġ u dejtabejż tal-FGM li tista' tkun utli għal skopijiet ta' statistika jew għall-kampanji ta' informazzjoni li l-għan tagħhom huwa li l-komunitajiet immigranti kkonċernati;

· tinġabar dejta xjentifika biex tgħin lid-WHO fl-isforzi tagħha biex titneħħa l-FGM mill-Afrika u mill-Ewropa;

· il-ġbir tal-aħjar prattiki fuq livelli differenti u l-analiżi tal-impatt tagħhom (jekk possibbli permezz ta' proġetti ffinanzjati u r-riżultati miskuba permezz ta' DAPHNE III) u t-tixrid wiesa' ta' dejta bħal din;

· it-tisħiħ tan-Netwerks Ewropej eżistenti għall-prevenzjoni tal-prattiki tradizzjonali li jagħmlu ħsara, pereżempju billi jkun hemm korsijiet ta' formazzjoni għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, għall-Assoċjazzjonijiet Territorjali li ma jagħmlux profitt, u għall-operaturi fis-settur,

· jiġi żgurat l-involviment tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, permezz tal-pjanijiet relativi ta' ħidma plurijennali u/jew annwali fil-ġlieda kontra l-FGM. Dawn l-aġenziji jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' prijorità ta' riċerka u/jew żieda ta' kuxjenza li jistgħu jwasslu għal titjib tal-għarfien dwar il-fenomenu tal-FGM f'livell Ewropew,

· l-Istati Membri huma mistiedna jdaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jeżistu fil-qasam tal-FGM, billi jivvantaġġaw il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu permezz ta' għarfien tajjeb tiegħu mill-professjonisti (il-ħaddiema soċjali, l-għalliema, il-pulizija, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, eċċ) bil-għan li dawn il-każijiet jiġu identifikati;

· jiġi dispost – fid-direttivi Ewropej dwar l-immigrazzjoni – reat li jkopri lil kulmin iwettaq mutilazzjoni ġenitali kif ukoll l-istipular ta' penali xierqa għal min ikun ħati ta' reat bħal dan;

· jinħolqu uffiċji permanenti ta' armonizzazzjoni teknika u ta' kuntatt, li min-naħa l-waħda jkunu jikkomprendu l-Istati Membri u min-naħa l-oħra jservu ta' għaqda bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Afrikani. L-uffiċju għandhom ikollhom bħala persunal speċjalisti fl-FGM u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-nisa ewlenin Ewropej u Afrikani;

· jiġi żgur li jkun hemm iċ-ċħid tat-titqib tal-qannuba u alternattivi oħra li ġew proposti bħala t-triq tan-nofs bejn iċ-ċirkonċiżjoni u r-rispett tat-tradizzjonijiet li jagħtu identità.

· jappoġġja mezzi validi biex ikun hemm ħelsien mill-FGM permezz ta' politiki ta' appoġġ u integrazzjoni għan-nisa u għall-familja li jgħixu skont it-tradizzjonijiet li jħaddnuha, sabiex, mingħajr ma tiddgħajjef il-liġi jew jiġu vvjolati l-jeddijiet fundamentali tal-bniedem, xi darba tiġi żradikata s-saħta tal-FGM.

· Bidla fl-Attitudnijiet

Wieħed mill-oqsma fejn trid tiġi intensifikata l-azzjoni fil-ġlieda kontra l-FGM huwa l-prevenzjoni ta' prattiki bħal dawn fir-rigward tal-bniet. L-ewwel pass essenzjali f'din id-direzzjoni huwa l-identifikazzjoni tat-tfal li jinsabu f'riskju u l-implimentazzjoni tal-miżuri għal-kooperazzjoni mal-familji tagħhom.

Ir-riżultat aħħar għandu jkun li l-familji jibdlu l-attitudnijiet tagħhom, u dan jista' jsir permezz ta' mezzi li ġejjin:

- aktar integrazzjoni tal-familji fil-post fejn jemigraw biex b'hekk iħossu anqas il-ħtieġa li jwettqu r-riti tradizzjonali biex jiddikjaraw l-identità tagħhom; kultura wiesgħa ta' merħba hija sine qua non biex ikun hemm azzjoni konġunta ħalli jiġu ttrattati s-soluzzjonijiet xierqa;

- l-għajnuna lil familji bħal dawn bil-għan li jifhmu li l-irwol ta' ġenituri fil-pajjiż fejn emigraw iġib miegħu, minn ċerti lati, it-tħaddin ta' mġiba u drawwiet differenti minn dawk li huma mdorrijin bihom minn ċkunithom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, imma dan ma jfissirx li huma "ġenituri inferjuri"; u li wliedhom bniet għandhom bżonn li jkollhom ġenituri li jkunu preżenti u jipparteċipaw imma fl-istess ħin għandhom il-bżonn li jintegraw fil-pajjiż ta' residenza;

il-familji jridu jagħrfu li l-FGM fil-pajjiż fejn jemigraw minbarra li ġġib magħha ħsara fiżika u psikoloġika tirriżulta fi stigma li tista' tkun raġuni oħra għal aktar emarġinazzjoni fost il-bniet tal-istess età, it-tfal l-oħra tal-iskola jew waqt il-logħob;

- il-familji jridu jagħrfu l-fatt li l-FGM mhix permessa mil-liġi Ewropea u lanqas mil-liġi tal-pajjiżi ta' oriġini. Huwa fundamentali li jkun spjegat li fid-dinja kollha qed jittieħdu miżuri biex tinqered din il-prattika tradizzjonali dannuża għan-nisa u l-bniet.

Barra minn hekk jeħtieġ li jitfakkar li fil-pajjiżi fejn il-migranti marru jgħixu,

1. mara mutilata ma tiksibx l-aċċettazzjoni soċjali li suppost għandha tikkumpensa għad-dannu li jkun sarilha;

2. li wara l-FGM ma hemmx il-pjaċir sadiku tal-vjolenza gratuwita, imma sottostrat li hija huma mgħakksa n-nisa u li huma kkundizzjunati bih għax huma ddominati mill-irġiel, ma jafux il-liġijiet tal-pajjiżi tagħhom tal-oriġini, u huma influwenzati mis-superstituzzjonijiet prevalenti ġejjin mid-dettami reliġjużi;

3. it-toni ta' skandlu kiefra li xi drabi jużaw il-mezzi tax-xandir meta jittrattaw l-FGM jġagħlu lill-mara mmutilata tħossha ħatja, biex b'hekk, flimkien mal-ġerħa fiżika inflitta fuqha, tindarab ukoll b'ġerħa psikoloġika;

4. l-FGM għandha tkun missielta b'determinazzjoni minħabba d-dannu irreversibbli li tikkawża, imma n-nisa li jkunu ġew assoġġettati għaliha ma għandu jlumhom ħadd;

5. l-implikazzjonijiet, anki fuq livell psikoloġiku, jeħtieġ li jitqiesu fil-komunitajiet migranti, li fihom it-tieni ġenerazzjonijiet huma partikolarment vulnerabbli għar-riskju u għall-problemi. Madankollu, anki l-mara adulta mmutilata tgħaddi minn stimoli li ma jaqblux mal-mudelli li tgħallmet fi tfulitha, u tista' ssofri kriżi ta' identità. Jekk għall-ewwel darba f'ħajjitha, tħossha 'mmutilata' u jaqbdu magħha bħala vittma 'sesswalment handikappata' tad-drawwiet anċestrali, allura l-vittma ta' dinja primittiva u barbarika (xbiha xejn feliċi maħluqa sa ċertu punt mill-mezzi tax-xandir li ma jagħmlux xogħlhom sew), tisfa assoġġettata għal stress kbir, u għad ma hemmx sistemi ta' appoġġ psikoloġiku biex issib l-għajnuna.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Claire Gibault, Lissy Gröner, Anneli Jäätteenmäki, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Roselyne Lefrançois, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Doris Pack, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Karin Resetarits, Teresa Riera Madurell, Eva-Riitta Siitonen, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Esther De Lange, Donata Gottardi, Maria Petre

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Tatarella

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2009Avviż legali