Proċedura : 2009/2005(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0111/2009

Testi mressqa :

A6-0111/2009

Dibattiti :

PV 09/03/2009 - 17
CRE 09/03/2009 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.14
CRE 10/03/2009 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0095

RAPPORT     
PDF 187kDOC 117k
26 ta' Frar 2009
PE 418.335v01-00 A6-0111/2009

dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja

(2009/2005(BUD))

Taqsima III – Kummisssjoni

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: László Surján

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2009/2005(BUD), taqsima III – Kummisssjoni

(2009/2005(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009,

–   wara li kkunsidra l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat 2007-2013, kif imressaq fit-30 ta’ Jannar 2009 bi qbil mal-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija Annwali tagħha ta’ Politika għall-2010 (COM(2009) 0073) u, b’mod partikulari, il-Parti II tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) imsemmija aktar ’il fuq tas-17 ta’ Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6 0111/2009),

A. billi fl-2010 se jkun hemm evalwazzjoni ta’ nofs iż-żmien tal-programmi pluriennali,

B.  billi kemm il-Parlament Ewropew u kemm il-Kummissjoni Ewropea se jkunu kostitwiti mill-ġdid sa tmiem l-2009,

Ħarsa ġenerali baġitarja

1. Jinnota li l-Qafas Pluriennali Finanzjarju (MFF) għall-2007-2013 jistabbilixxi ammont konsistenti ta’ riżorsi baġitarji għall-2010, fosthom EUR 139 489 000 000 f’impenji, li jirrapreżentaw 1.02% tal-GNI tal-UE u EUR 133 505 000 000 fi ħlasijiet li jikkostitwixxu 0.97% tal-GNI tal-UE (bil-prezzijiet attwali), u jfakkar li l-aġġustament li jmiss tal-MFF se jsir f’April 2009, eżatt qabel il-pubblikazzjoni tal-PDB 2010;

2. Iqis li l-ammonti stabbiliti fl-MFF għal kull intestatura huma l-ammonti massimi ta’ infiq u jikkostitwixxu l-qafas għall-baġits annwali; jawgura li l-baġit annwali jkun aktar qrib dawn il-limiti massimi għax dan jista’ jkun ta’ għajnuna għall-finanzjament ta’ bosta għanijiet ta’ importanza fundamentali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jiġu pperikolati l-politiki u l-programmi attwali; jinnota li xi wħud mill-programmi Komunitarji għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed; jgħid li l-Unjoni teħtieġ deċiżjonijiet finanzjarji u baġitarji iktar ambizzjużi li jippermettu li din iżżom l-irwol tagħha, l-iżjed fil-qasam tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi u fil-qasam tal-politika esterna, fejn ir-riżorsi huma skarsi;

3. Jenfasizza li l-Parlament ser juża l-mezzi kollha disponibbli skont l-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006, inkluż l-użu tal-flessibilità leġiżlattiva ta’ 5% (Punt 37 tal-IIA) matul il-perjodu MFF 2007-2013 sabiex jaċċerta li jitwettqu l-prijoritajiet politiċi tiegħu;

4. Jinnota wkoll li implimentazzjoni dgħajfa tal-baġits annwali twassal għal livell aktar baxx ta’ twettiq tal-baġit, l-iżjed minħabba s-sistema ta’ regoli u rekwiżiti kkumplikati imposti kemm mill-Kummissjoni u kemm/jew mill-Istati Membri u minħabba l-kapaċità fqira ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, li twassal għal ammont sostanzjali ta’ RALs (restes à liquider); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni billi jnaqqsu piżijiet burokratiċi li huma stess imponew fuqhom infushom u, fejn ikun possibbli, biex jissimplifikaw is-sistemi tal-amministrazzjoni, partikularment tal-Fondi Strutturali;

5. Jenfasizza l-importanza ta’ koperazzjoni interistituzzjonali tajba li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni tipprovdi l-awtorità baġitarja bl-informazzjoni bażika meħtieġa;

6. Iqis li l-preżentazzjoni ċara u komprensiva tal-baġit tal-Unjoni hija xi ħaġa neċessarja; għandu l-ħsieb isegwi mill-qrib l-ipprogrammar finanzjarju li jippermetti li jittieħdu d-deċiżjonijiet baġitarji adegwati; jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni mtejba tal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni finanzjarja tagħha; jixtieq, madankollu, li l-modifiki li għamlet il-Kummissjoni fil-programmazzjoni finanzjarja tagħha jidhru b’mod iktar distintiv u ċar; jitlob biex ikun hemm aktar kjarifika fl-allokazzjoni bejn infiq operattiv u dak amministrattiv; jinnota li diġà hemm ammont sostanzjali ta’ dak li, fir-realtà, huwa infiq amministrattiv li qiegħed ikun iffinanzjat mill-allokazzjonijiet operattivi;

7. Jitlob lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tagħha għall-abbozz preliminari tal-baġit (PDB) għall-2010, biex tipproduċi dikjarazzjonijiet ċari, konsistenti u sodi għal kull qasam ta’ politika sabiex il-kumitati kollha rilevanti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiflu sew l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-politiki differenti tal-UE; f’dan ir-rigward, jistenna li jara progress u implimentazzjoni adegwati tad-deċiżjonijiet baġitarji ewlenin li ttieħdu qabel, bħal Galileo, EIT u l-għajnuna għall-ikel;

8. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-prinċipju ta’ “bbaġitjar sod”; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara PDB li jindirizza l-isfidi attwali u li jipprevedi baġit sostenibbli għall-politiki attwali; huwa partikularment imħasseb dwar il-ħtiġiet baġitarji għall-2010 fl-Intestaturi 1a u 4 tal-MFF; jixtieq jenfasizza li l-Istrument tal-Flessibilità huwa maħsub biex jiffinanzja sfidi politiċi mhux ipprevisti u li dan huwa wieħed mill-għodod li jippermettu fondi addizzjonali;

9. Jilqa’ t-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn li jitqies id-dħul allokat meta jiġi stabbilit il-PDB 2010 għall-aġenziji deċentralizzati eżistenti; jinsisti li dawk l-aġenziji li jiddependu bil-kbir fuq dħul iġġenerat minn miżati għandhom jibqgħu jkunu kapaċi jużaw dan l-istrument fit-totalità tiegħu sabiex ikollhom il-flessibilità baġitarja meħtieġa;

10. Jappoġġja d-diversi strumenti ta’ għajnuna taħt l-Intestatura 4; ifakkar li l-Parlament għandu tħassib kontinwu rigward il-fatt li l-Intestatura 4 tal-MFF għaddejja minn sottofinanzjament serju; jirrimarka li jekk l-Unjoni trid iżżomm mal-wegħdiet u l-ambizzjonijiet tagħha bħala parteċipant globali, għandha taċċerta li l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun riflessi bis-sħiħ fl-għażliet strateġiċi tal-mekkaniżmi finanzjarji fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

11. Ifakkar fil-proċedura mniżżla fil-Punt 23 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006; ifakkar, madankollu, li diġà kien hemm bosta bdil li naqqas il-marġini disponibbli, u li għalhekk huwa diffiċli li jiġu ffinanzjati miżuri ġodda mingħajr flus ġodda; huwa favur soluzzjonijiet għal terminu ta’ żmien twil li jagħmlu l-baġit tal-UE suffiċjenti biex jissodisfa l-bżonnijiet kollha minflok ma jsiru trasferiment tal-approprjazzjonijiet bejn l-intestaturi; jenfasizza li l-marġini disponibbli taħt kull intestatura tal-MFF (speċjalment l-Intestatura 2) ma jistgħux jitqiesu bħala ċerti, minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi li qegħdin jinbidlu; iqis li jkun aktar xieraq li tkun indirizzata b’mod dirett il-kategorija ta’ infiq li hi insuffiċjenti sabiex ikunu evitati ostakli f’oqsma oħra ta’ nfiq; iqis li fin-nuqqas ta’ flessibilità fl-intestaturi u minn intestatura għal oħra, reviżjoni tal-MFF tirrifletti bl-aħjar mod il-prinċipji baġitarji; jiddispjaċih li fil-kuntest attwali, il-Kunsill ma ħax approċċ kostruttiv rigward l-użu tal-mekkaniżmi ta’ flessibilità eżistenti; iqis li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-MFF għandha tindirizza wkoll is-sottofinanzjament kroniku ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq;

12. Jesprimi li huwa lest iqis l-eżitu tar-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien li tkopri l-aspetti kollha tal-infiq u tar-riżorsi tal-UE, inklużi r-‘rebate’ tar-Renju Unit, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-IIA sa tmiem l-2009 pprevist mill-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ nofs iż-żmien tal-programmi pluriennali attwali;

Azzjoni biex jingħelbu l-isfidi

13. Ifakkar li hemm sfidi enormi li jeħtieġ jingħelbu fil-baġit tal-UE 2010; jirrimarka li l-objettiv ewlieni huwa li ċ-ċittadini tal-UE jitqegħdu fl-ewwel post u li tingħatalhom iktar sigurtà, u dan jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin: lill-kriżi finanzjarja u ekonomika reċenti u l-impatt tagħha fuq it-tkabbir u l-kompetittività, l-impjiegi u l-koeżjoni u l-implimentazzjoni iżjed sempliċi tal-fondi strutturali; lit-tisħiħ tal-provvista tal-enerġija u s-sikurezza tat-trasport; kif ukoll lis-sigurtà interna, b’mod partikulari l-immigrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu. l-isfidi demografiċi, u l-kwistjoni tal-bidla fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, il-koeżjoni soċjali, is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, u t-tisħiħ tal-irwol tal-Unjoni fid-dinja;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq meta tiddeċiedi dwar il-PDB; jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti validi u utli li jippermettu diskussjoni baġitarja sinifikanti fi ħdan l-awtorità baġitarja;

15. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tagħti kontribut fl-irkupru ekonomiku u soċjali, li tirrinforza l-effiċjenza fl-enerġija u li tiġġieled il-bidla fil-klima u li tkompli tagħti l-għajnuna b’mod partikulari fil-Kosovo, fil-Lvant Nofsani, fl-Afganistan u fil-Ġeorġja kif mistqarr fl-Istrateġija Politika Annwali għall-2010; jistenna li l-Kummissjoni, wara li tkun identifikat xi wħud mill-prijoritajiet ewlenin, tirriflettihom fil-PDB, u li tipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti;

Risposta għall-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

16. Jenfasizza li, fi żmien ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Istati Membri rrispondew b’miżuri ta’ għajnuna individwali; jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha tirreaġixxi malajr b’miżuri li jkollhom impatt dirett fuq l-ekonomija u li għandha tappoġġja lill-Istati Membri b’azzjonijiet kumplimentari, partikularment b’dawk li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, għax dan iwassal għall-inkoraġġament ta’ investimenti mis-settur privat u għalhekk jgħin fit-tegħlib tal-periklu tat-telf tal-impjiegi, fil-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u fl-appoġġ tal-SMEs fuq medda qasira u twila ta’ żmien;

17. Jenfasizza li l-kuntest attwali ta’ kriżi ekonomika għandu jitqies bħala opportunità biex jiżdiedu l-investimenti fit-teknoloġiji ħodor, li jistgħu jirrikjedu modifiki fil-programmi finanzjarji attwali;

18. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrispondi għall-kriżi ekonomika u jtenni r-rieda tiegħu li jinnegozja s-soluzzjoni baġitarja adegwata mal-Kunsill mill-aktar fis; jemmen li d-deċiżjoni dwar il-proġetti li għandhom jiġu appoġġjati finanzjarjament tkun faċilitata permezz ta’ proposta bbilanċjata ġeografikament; jistieden lill-Kummissjoni biex iġġorr r-responsabilità tagħha u biex taħdem ħalli d-dimensjoni Ewropea tal-pjan ta’ rkupru ssir realtà;

19. Jinsab imħasseb li l-SMEs b’mod partikulari ser isofru minħabba l-kriżi ekonomika u ser jinqatgħu mill-finanzjament li huwa meħtieġ b’mod urġenti; għalhekk jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-fondi tal-UE li jappoġġjaw l-SMEs, b’mod partikulari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) jista’ jipprovdi appoġġ effettiv għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom;

20. Jinsab imħasseb li l-marġni attwali taħt l-Intestatura 1a, li tlaħħaq għal EUR 111,599,000, ma tippermettix li jkunu indirizzati l-effetti tal-kriżi ekonomika b’mod xieraq;

21. Iqis il-fatt li l-bosta opportunitajiet tat-teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (ICTs) iżidu t-tkabbir u l-innovazzjoni, u b’hekk jagħtu kontribut fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona u fit-tegħlib tal-kriżi ekonomika attwali; ifakkar li iżjed minn qatt qabel iz-Zona ta’ Riċerka Ewropea hija element bażiku għas-soċjetà ta’ għarfien Ewropea, u jfakkar ukoll fil-bżonn li tintemm il-frammentazzjoni tal-attivitajiet, il-programmi u l-politiki ta’ riċerka madwar l-Ewropa; f’dan il-kuntest, jinnota l-importanza li jingħata finanzjament adegwat biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn il-proġetti;

Is-Sigurtà tal-Enerġija u tat-Trasport

22. Jirrikonoxxi li, bħala riżultat tal-kriżi reċenti tal-enerġija, hemm ħtieġa kbira ta’ proġetti li jipprovdu s-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni permezz tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi u tal-interkonnessjoni tas-swieq tal-enerġija; jenfasizza li s-sigurtà tal-Unjoni tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-prinċipju tas-solidarjetà tal-enerġija, huma prijorità ewlenija fl-aġenda tal-UE u li għandhom ukoll jiġu riflessi b’mod adegwat fil-baġit tal-UE; iqis li ż-żieda fl-investiment fl-enerġija hija wkoll għodda għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u jaqbel mal-idea li jiġi antiċipat l-infiq tal-baġit tal-UE fir-rigward tal-iktar proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija importanti;

23. Jirrimarka li l-kriżi reċenti tal-gass u l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt urew mill-ġdid il-vulnerabilità tas-sistema tal-provvista tal-enerġija Ewropea; jenfasizza li n-nuqqas ta’ sorsi alternattivi (rinnovabbli) tal-enerġija, ta’ rotot alternattivi tat-trasport tal-enerġija, tal-kapaċità ta’ ħażna tal-enerġija u ta’ interkonnessjonijiet tat-trasport tal-enerġija fost l-Istati Membri huma ta’ ħsara għall-indipendenza enerġetika tal-Ewropa u għall-benessri tal-popli tagħha; għalhekk l-Unjoni għandha tkun imħejjija aħjar għal żminijiet ta’ nuqqas ta’ enerġija;

24. Jixtieq jesplora l-possibilitajiet ta’ aktar finanzjament tal-UE f’dawn l-oqsma; jistenna li l-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet sodi biex tappoġġja t-twettiq ta’ rotot diversifikati ta’ trasport tal-gass, b’mod partikulari l-proġett Nabucco; jirrimarka, f’dan il-kuntest, is-sehem tal-Bank Ewropew għall-Investiment li joħloq effetti ta’ influwenza u li jgħin fil-mobilizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, waqt li jikkunsidra, madankollu, il-kwistjoni tar-responsabilità demokratika;

25. Jirrikonoxxi li t-trasport, speċjalment il-Programm TEN-T, dejjem kien prijorità għolja għall-Parlament; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa tal-ferrovija, tat-trasport bil-baħar u fit-triq, u jixtieq jaċċellera l-implimentazzjoni tal-proġetti fl-2010; jinnota l-importanza li tagħti l-Unjoni lit-tnaqqis tal-impatt tal-bidla fil-klima u huwa tal-fehma li l-prijorità għandha tingħata lill-proposti li jistgħu jisfruttaw il-potenzjal ta’ tfaddil tal-enerġija;

Ħarsien ambjentali u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima

26. Ifakkar li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija marbuta wkoll mas-sigurtà tal-enerġija u li l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija, waqt li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli, hija wkoll għodda li toffru sigurtà akbar lill-provvista tal-enerġija;

27. Jirrimarka li l-bidla fil-klima għandha impatt rikonoxxut ħafna fuq l-ambjent, fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà tal-Ewropa; f’dan il-kuntest, itenni t-twemmin tiegħu li l-miżuri li jiġġieldu l-bidla fil-klima għadhom mhumiex inklużi b’mod sodisfaċenti fil-baġit tal-UE, peress li jeħtieġu riżorsi addizzjonali sinifikanti mill-UE għall-effiċjenza tal-enerġija u teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, u peress li dawn għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-2020; jenfasizza li biħsiebu jappoġġja l-isforzi kollha biex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji xierqa u biex dawn ikunu kkonċentrati ħalli jiġġieldu l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima; ifakkar lill-Kummissjoni li l-awtorità baġitarja fl-2009 vvotat favur żieda fil-Baġit 2009 sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta din iż-żieda; ifakkar dwar ir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009(2) li fiha jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-15 ta’ Marzu 2009, tressaq pjan ambizzjuż għal żieda adegwata fil-fondi għall-bidla fil-klima, li jqis it-waqqif ta’ “fond għall-bidla fil-klima” speċifiku jew il-ħolqien ta’ linja tal-baġit apposta li ttejjeb il-kapaċità tal-baġit sabiex jiġu ffaċċjati dawn il-kwistjonijiet;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, mill-2009 ’il quddiem, iżżid l-appoġġ finanzjarju għal livell adegwat favur teknoloġiji ġodda ta’ enerġija sostenibbli (jiġifieri b’mod partikulari mingħajr karbonju);

29.  Ifakkar fir-responsabilità lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni biex ikunu adottati miżuri effettivi mill-aspett ta’ spiża sabiex ikun appoġġjat il-ħarsien tal-ambjent; itenni li l-azzjoni tal-UE teħtieġ tittieħed f’kuntest globali, u għalhekk jiddispjaċih dwar il-fatt li l-azzjonijiet Ewropej mhux qed ikunu segwiti b’azzjonijiet minn parteċipanti oħra, u dan qiegħed ikollu effetti serji fuq il-kompetittività tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għall-Aġġustament Globali mhux ser ikun jista’ jevita l-konsegwenzi ta’ rilokazzjonijiet, tal-produzzjoni li qiegħda tonqos u tat-telf tal-impjiegi;

30. Ifakkar dwar ir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar politika Ewropea dwar l-Ispazju(3), u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iressqu rakkomandazzjonijiet u proposti speċifiċi f’dan il-qasam politiku, flimkien ma’ finanzjament adegwat;

Tisħiħ tas-sigurtà interna

31.  Ifakkar li l-fondi għal kwistjonijiet bħall-ħarsien tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili u l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jinżammu u jissaħħu fl-2010, għax dawn il-politiki jittrattaw b’mod dirett il-biżgħat taċ-ċittadini Ewropej; jinnota li l-promozzjoni tas-sikurezza tal-ikel tibqa’ wkoll prijorità; jiddispjaċih li, skont il-programmazzjoni finanzjarja ta’ Jannar 2009, il-fondi għal dawn il-kwistjonijiet żdiedu b’mod moderat fl-Intestatura 3a u baqgħu kważi l-istess għaċ-ċittadinanza, Intestaturta 3b skont l-APS 2010 apparagun mal-Baġit tal-2009, minkejja l-fatt li jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib sinifikanti għaċ-ċittadini Ewropej;

32.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-fruntieri f’rabta mal-problema tal-immigrazzjoni illegali u li l-isforzi tal-Istati Membri għandhom ikunu appoġġjati mill-Unjoni;

It-titjib fil-kwalità tal-infiq

33.  Jinsisti li titjib fl-implimentazzjoni u fil-kwalità tal-infiq għandu jkun prinċipju ta’ gwida biex jintlaħqu l-aħjar riżultati tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw l-isforzi tagħhom f’din id-direzzjoni u biex jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-politiki, partikularment tal-Intestatura 1B dwar il-politiki strutturali;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm l-awtorità baġitarja infurmata u biex tirrifletti dwar azzjonijiet xierqa li jistgħu jsaħħu l-implimentazzjoni; jixtieq ikompli r-riflessjoni f’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni; jixtieq jespandi l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni għal oqsma oħra ta’ politiki wkoll;

35.  Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta għar-reviżjoni regolari tar-Regolament Finanzjarju li jmiss, inklużi proposti reali dwar is-simplifikazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq il-Kunsill biex jiġu żviluppati u mtejba l-kundizzjonijiet ta’ impjieg fil-ġlieda tal-OLAF kontra l-frodi fir-rigward tal-proposti magħmula mill-Parlament f’konnessjoni mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni, permezz tas-servizzi responsabbli tagħha, inkluża l-OLAF, biex tappoġġja l-Bulgarija u r-Rumanija fl-isforzi tagħhom fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ verifika u koperazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Kosovo u fl-Istati Balkani fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni adegwata tal-fondi tal-UE, u biex tistabbilixxi organizzazzjoni biex tieħu post l-ITF fis-segwitu tal-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolarità;

37.  Jixtieq jara l-infiq amministrattiv f’livelli aktar effiċjenti apparagun mal-infiq operattiv; jemmen li l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE hija essenzjali biex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-UE; jinnota li l-Parlament naqqas l-infiq amministrattiv fil-baġit tas-sena preċedenti apparagun mal-infiq operattiv u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli f’din id-direzzjoni;

38.  Jinnota bi tħassib li għadd dejjem jikber ta’ staff impjegat mal-Unjoni Ewropea ma jidhirx fl-organigrammi tal-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas m’huwa ffinanzjat taħt l-Intestatura 5 tal-MFF; huwa determinat li jkompli l-eżerċizzju ta’ skrining dwar l-istaff tal-Kummissjoni u dwar ir-rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri; ser jissorvelja wkoll mill-qrib il-politika tal-bini tal-Kummissjoni fi Brussell;

Il-ħarsien tal-prerogattivi tal-PE

39.  Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jagħtu lill-Parlament il-possibilità li jħejji t-triq għal politiki u għal attivitajiet ġodda li jarrikkixxu l-azzjonijiet tal-Unjoni; jenfasizza li, għalkemm il-marġni limitati jdgħajfu l-użu sħiħ ta’ din l-għodda kif ipprevist fl-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006, il-Parlament biħsiebu juża l-ammonti kollha mwarrba għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji, fl-Anness II, Parti D tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006, jekk il-proposti jkunu jeħtieġu dan;

40.  Ifakkar fil-prestazzjoni inkontrovertibbli ferm pożittiva, kemm f’termini ta’ parteċipazzjoni u kemm f’termini ta’ implimentazzjoni, ta’ diversi proġetti pilota tal-Erasmus mnedija mill-Parlament tul l-aħħar snin (apprendistati Erasmus, intraprenditorija żagħżugħa Erasmus, skola sekondarja Erasmus, amministrazzjoni pubblika Erasmus) kif ukoll tal-programm tradizzjonali Erasmus; jikkonferma l-ħtieġa li l-Unjoni tinvesti iżjed f’dan il-qasam; jemmen li jeħtieġ żieda sostanzjali fil-portafoll finanzjarju globali allokat għal-linji kollha tal-Erasmus sabiex jiżdied kunsiderevolment (sa 1,000,000 fis-sena) l-għadd ta’ żgħażagħ li jieħdu sehem fil-‘Politika Ewropea tal-Erasmus’; jinsab konvint li din il-miżura hija essenzjali biex jiġu solvuti korrettament id-diffikultajiet li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha kif ukoll biex tkun tista’ tiġi ffaċċjata l-kriżi ekonomika attwali;

41.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm disponibbli biżżejjed fondi għall-politika tal-komunikazzjoni, partikularment dwar il-ħtieġa ta’ konformità mal-għanijiet imniżżla fid-Dikjarazzjoni konġunta dwar Ewropa li Tikkomunika fi Sħubija, adottata mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008;

42.  Jenfasizza l-isforzi li għamel biex jadotta l-linji gwida għall-baġit tal-2010 fi stadju bikri; għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkunsidrahom fil-preparazzjoni tal-PDB;

o

o        o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0515.

(3)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0564.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur huwa impenjat favur l-idea ta’ bbaġitjar ibbażat fuq valuri u riżultati bħala l-forza li tmexxi l-azzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Fil-bidu tat-tieni 50 sena tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tagħha qegħdin jgħixu f’apprensjoni u f’insigurtà. Il-problemi attwali tal-kriżi ekonomika, tal-provvista tal-enerġija, tal-bidla fil-klima, tal-immigrazzjoni illegali, tal-kriminalità u t-terroriżmu juru li l-UE għandha tipprovdi għajnuna ċara u determinata: aħna nixtiequ nagħtu aktar sigurtà u sikurezza liċ-ċittadini Ewropej.

Kull sena l-marġni disponibbli skont il-limiti massimi tal-infiq differenti tal-MFF qegħdin ikunu ristretti u l-possibilitajiet għal finanzjament ta’ prijoritajiet ġodda u ta’ risposta għall-istennija taċ-ċittadini huma limitati. Apparagun mal-għanijiet numerużi ta’ importanza vitali tal-Unjoni Ewropea, il-programmi komunitarji għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed. Madankollu il-baġits finali vvutati huma ferm inqas mill-ammonti indikati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali. L-implimentazzjoni tal-baġits annwali għadha fuq livell aktar baxx li jwassal għal ammonti kbar ta’ RALs.

Soluzzjoni għal din il-problema tista’ tkun it-tneħħija tas-sistema ta’ regoli u rekwiżiti kumplikati imposti mill-Kummissjoni u titjib tal-kapaċità tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri li jnaqqsu l-piżijiet burokratiċi li imponew fuqhom infushom. Il-Parlament Ewropew ser jissorvelja mill-qrib l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni.

Ir-rapporteur jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-kredibilità tal-Parlament Ewropew, i.e.: li hija l-forza li tmexxi l-promozzjoni ta’ proġetti ta’ siwi b’rabtiet ċari mal-punti baġitarji.

L-infiq komuni għall-Unjoni Ewropea jeħtieġ jiffoka kemm jista’ jkun fuq dawk l-oqsma fejn il-fondi jġibu aktar sikurezza u sigurtà u li jistgħu jkunu użati b’mod aktar effiċjenti. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm konċentrazzjoni fuq dawk l-oqsma li tabilħaqq għandhom bżonn ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali.

Fil-proċedura baġitarja għall-2010 wieħed jistenna livell għoli ta’ trasparenza fl-ispirtu ta’ koperazzjoni interistituzzjonali tajba. Hija meħtieġa koerenza bejn l-Istrateġija Politika Annwali, l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, il-baġit finali vvotat u l-implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew jistenna li l-Kummissjoni tirrifletti l-prijoritajiet u l-prerogattivi tal-parlament fil-PDB.

Ir-rapporteur huwa impenjat li juża l-ammonti kollha pprevisti għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji, madankollu jinsab iddiżappuntat bil-fatt li marġni żgħar f’intestaturi differenti jistgħu idgħajfu l-użu sħiħ ta’ din l-għodda. Hu d-dritt ta’ kull Membru tal-PE li jipproponi PPs/PAs. Dan id-dritt ser ikun żgurat fil-Baġit 2010 kif sar fis-snin preċedenti.

L-Ewropa teħtieġ baġit li jirrifletti l-isfidi tal-ġejjieni u mhux l-argumenti politiċi tal-imgħoddi. Jeħtieġ ikun hemm bidla radikali jekk l-Unjoni trid tassew tirrifletti l-prijoritajiet futuri tal-Ewropej(1). Ir-Rapporteur biħsiebu jagħti kontribut f’din id-direzzjoni, billi jżomm f’moħħu l-limiti tal-proċedura baġitarja annwali.

(1)

Dokumenti ta’ informazzjoni - Kumitat għall-Workshop tal-Baġit "L-UE għandha riżorsi biżżejjed biex tilħaq l-għanijiet tagħha dwar il-politika tal-enerġija u l-bidla fil-klima? is-segwitu" - 21 ta’ Jannar 2009


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (19.2.2009)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja għall-2010

(2009/2005(BUD))

Taqsima III - Kummissjoni

Rapporteur għal opinjoni: Gay Mitchell

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Huwa estremament imħasseb dwar it-tnaqqis ekonomiku globali u l-ħafna konsegwenzi għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kriżi finanzjarja qed isseħħ fi żmien ta' vulnerabilità estrema għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ikkaġunat mill-kriżi tal-ikel u minn sfidi ambjentali, li flimkien se jiġġeneraw bżonnijiet ġodda u akuti; jenfasizza li minħabba li l-livelli tal-flussi tal-investiment privat u l-ammont ta' flus li qed jibagħtu lura l-migranti qed jonqsu, huwa kritiku li l-Unjoni Ewropea tkabbar il-flussi ta' għajnuna u ssib soluzzjonijiet oħrajn li jkunu innovattivi biex l-iffinanzjar għall-iżvilupp itaffi l-impatt;

2. Jenfasizza li x-xokk triplu li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw - dak finanzjarju, dak tal-ikel u dak ambjentali - jhedded li jeqred sostanzjalment il-progress li sar s'issa biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju dwar l-Iżvilupp (MDGs) sal-2015, b'mod partikolari minħabba l-probabilità ta' tnaqqis qawwi fl-infiq fuq is-setturi soċjali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk l-UE beħsiebha twettaq il-wegħdiet u l-ambizzjonijiet tagħha bħala parteċipant globali, għandha tiżgura li l-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu riflessi bis-sħiħ fl-għażliet strateġiċi fil-mekkaniżmi tal-iffinanzjar fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob b'mod partikolari għall-użu ta' iktar appoġġ għall-iżvilupp, simplifikazzjoni ta' proċeduri u sorsi prevedibbli, sostenibbili, addizzjonali, adegwati u innovattivi ta' finanzjar għall-iżvilupp .

3. Jinsisti li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikabbru l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp għal livelli konsistenti mal-impenji li daħlu għalihom; jinnota li l-baġit tal-UE jista' jagħti kontribut sinifikanti biex tintlaħaq il-mira kollettiva ta' 0,56 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) għall-ODA sal-2010 u 0,7 % sal-2015;

4. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni tal-iffinanzjar tal-Intestatura 4 tal-baġit tal-UE hija waħda fejn hemm wisq mistenni minnu, b'riżultat ta' numru kbir ta' bżonnijiet ġodda li qed jinħolqu u li ma kinux previsti fiż-żmien li ġew stabbiliti l-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013; jitlob għal reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali biex ikun hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni insostenibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, José Javier Pomés Ruiz, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) skont l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilio Menéndez del Valle

RIŻULTAT TAL-VOT FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, José Javier Pomés Ruiz, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilio Menéndez del Valle

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2009Avviż legali