RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

5.3.2009 - (13411/2008 – C6‑0351/2008 – 2008/0807(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Sirpa Pietikäinen

Proċedura : 2008/0807(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0119/2009
Testi mressqa :
A6-0119/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

(13411/2008 – C6‑0351/2008 – 2008/0807(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew lill-Kunsill (13411/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 107(6) tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0351/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0119/2009),

1.  Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew kif emendata;

2.  Jistieden lill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex konsegwentement ibiddel ir-rakkomandazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 7 a (ġdida)

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

(7a) Sabiex tittejjeb it-trasparenza, id-data statistika miġbura mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) mingħand l-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju għandha tkun disponibbli għall-pubbliku iżda għandu jiġi ggarantit li jkun hemm protezzjoni tad-data ta' livell għoli.

Ġustifikazzjoni

Il-kriżi finanzjarja attwali turi l-ħtieġa għal aktar trasparenza u disponibilità tad-data mill-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju.

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 7 b (ġdida)

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

(7b) L-aħjar prattiki u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali rilevanti għandhom jitqiesu fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fit-tqassim tal-Istatistika Ewropea.

Ġustifikazzjoni

Bħal fir-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-istatistika Ewropea, l-aħjar prattika u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali rilevanti għandhom jitqiesu.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 8

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

(8) Barra dan, huwa importanti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u s-Sistema ta’ Statistika Ewropea (ESS), l-aktar biex jitrawwem l-iskambju ta’ data kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet statistiċi, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Istatut.

(8) Barra dan, huwa importanti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u s-Sistema ta’ Statistika Ewropea (ESS) sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ġbir tad-data statistika, l-aktar biex jitrawwem l-iskambju ta’ data kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet statistiċi, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Istatut.

Ġustifikazzjoni

L-għan tal-koperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u l-ESS għandu jkun biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data statistika u biex titnaqqas in-nefqa.

Emenda  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2 a (ġdid)

Regolament 2533/98/KE

Artikolu 2 a (ġdid)

 

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

 

(2a) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

Artikolu 2a

 

"Sabiex jitħaffef il-piż tar-rappurtaġġ, tiġi evitata d-duplikazzjoni, u tiġi ggarantita sistema koerenti għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, is-SEBĊ u l-ESS għandhom jikkoperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika stipulati fl-Artikolu 3."

Ġustifikazzjoni

L-għan tal-koperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u l-ESS għandu jkun biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data statistika u biex titnaqqas in-nefqa.

Emenda  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 4 - punt g

Regolament 2533/98/KE

Artikolu 8 – paragrafi 11 sa 13

 

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

(g) Il-paragrafi 11 u 13 li ġejjin jiżdiedu:

imħassrin

"11. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-iskambju ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali għajr it-tagħrif msemmi f’dan ir-Regolament, it-trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali bejn membru tas-SEBĊ li ġabar dak it-tagħrif u awtorità tas-SSE jista’ jseħħ kemm-il darba din it-trażmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew it-tixrid effiċjenti jew biex tiżdied il-kwalità ta’ Statistika Ewropea fl-isfera rispettiva ta’ kompetenza tas-SSE u tas-SEBĊ. Kull trażmissjoni wara l-ewwel trażmissjoni għandha tiġi espliċitament awtorizzata mill-membru tas-SEBĊ li ġabar dak it-tagħrif.

 

12. Jekk data kunfidenzjali tiġi trażmessa bejn awtorità tas-SSE u membru tas-SEBĊ, din id-dejta għandha tintuża esklużivament għal għanijiet statistiċi u għandha tkun aċċessibli biss għal ħaddiema li jaħdmu f’attivitajiet statistiċi fil-qasam speċifiku tax-xoghol.

 

13. Il-miżuri ta’ protezzjoni li jissemmew fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru [XX] għandhom japplikaw għad-dejta kunfidenzjali trasmessa bejn awtorità tas-SSE u membru tas-SEBĊ skond il-paragrafi 11 u 12, u skont l-Artikolu 20(1a) tar-Regolament (KE) Nru [XX]. Il-BĊE għandu jippubblika rapport ta’ kunfidenzjalità annwali fuq il-miżuri adottati biex tiġi ssalvagwardata l-kunfidenzjalità tad-data statistika.”

 

Ġustifikazzjoni

Dawn il-paragrafi tressqu fl-Artikolu 8a l-ġdid.

Emenda  6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4 a (ġdid)

Regolament 2533/98/KE

Artikolu 8 a (ġdid)

 

Test propost mill-Bank Ċentrali Ewropew

Emenda

(4a) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

“Artikolu 8a

 

Il-koperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ

 

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskambju ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali għajr għat-tagħrif imsemmi f’dan ir-Regolament, it-trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali bejn membru tas-SEBĊ li jkun ġabar dak it-tagħrif u awtorità tal-ESS tista’ sseħħ kemm-il darba din it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew it-tqassim effiċjenti jew biex titjieb il-kwalità tal-Istatistika Ewropea, inklużi l-istatistika taż-żona tal-ewro, fl-isferi rispettivi ta’ kompetenza tal-ESS u tas-SEBĊ. Kull trażmissjoni wara l-ewwel trażmissjoni għandha tiġi awtorizzata espressament mill-membru tas-SEBĊ li jkun ġabar dak it-tagħrif.

 

2. Jekk data kunfidenzjali tiġi trażmessa bejn awtorità tal-ESS u membru tas-SEBĊ, din id-data għandha tintuża b'mod esklużiv għal għanijiet statistiċi u għandha tkun aċċessibbli biss għall-istaff li jkun qiegħed jaħdem f’attivitajiet ta' statistika fil-qasam speċifiku tax-xogħol tagħhom.

 

3. Il-miżuri ta’ protezzjoni li jissemmew fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru [XX] għandhom japplikaw għad-data kunfidenzjali trażmessa bejn awtorità tal-ESS u membru tas-SEBĊ, skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, u skont l-Artikolu 20(1a) tar-Regolament (KE) Nru [XX]. Il-BĊE għandu jippubblika rapport ta’ kunfidenzjalità annwali fuq il-miżuri adottati biex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità tad-data statistika.”

Ġustifikazzjoni

L-inklużjoni tat-tliet paragrafi proposti mill-BĊE f’artikolu ġdid dwar il-koperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ iżżid iċ-ċarezza tar-Regolament tal-Kunsill, u b’hekk jiġi enfasizzat il-fatt li ż-żewġ sistemi għandhom ir-reġimi ta’ kunfidenzjalità individwali u li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ sistemi għandha tissaħħaħ (ara Emenda 8).

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur jilqa' l-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jemenda r-regolament tal-Kunsill dwar il-ġbir tal-informazzjoni statistika mis-SEBĊ, bil-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-ġbir ta' din id-data. Il-proposta se tadatta wkoll ir-regolament eżistenti għall-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

Il-proposta tal-BĊE taġġorna l-qafas għall-ġbir ta' data statistika bejn iż-żewġ netwerks ta' istituzzjonijiet tal-ġbir tal-istatistika, b'mod partikulari s-Sistema Statistika Ewropea, magħmula minn istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika, u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Banek Ċentrali nazzjonali.

Ir-rapporteur jinsisti li r-regolament emendat għandu jkun konformi mar-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-istatistika Ewropea, u b'hekk jiġu evitati l-kontradizzjonijiet u tissaħħaħ iċ-ċarezza u l-komplementarjetà taż-żewġ regolamenti. Jekk iż-żewġ testi jkunu jaqblu, ikun hemm "regolamentazzjoni aħjar".

Meta wieħed iqis il-kumplessità tas-swieq finanzjarji li kulma tmur qiegħda tikber u, b'mod partikulari, il-kriżi finanzjarja, wieħed jara li hemm bżonn li l-istatistika tinġabar bl-aħjar mod. Il-fatturi li d-data tkun affidabbli u li tinġabar fil-waqt għandhom ikunu s-sisien tar-regolament emendat. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-ġbir f'waqtu tal-informazzjoni bl-istatistika huwa importanti bil-kbir. Għalhekk, is-SEBĊ u l-ESS, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jiġbru d-data kull xahar. Dan jista' jtejjeb il-kwalità tal-istatistika u jżid l-utilità tagħha, b'mod partikulari rigward il-monitoraġġ tas-settur tas-servizzi finanzjarji.

Ir-rapporteur iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ħarsien tal-privatezza tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar referenzi meta jkun hemm skambju ta' data kunfidenzjali bejn is-Sistema Statistika Ewropea u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

Kontenut tal-proposta tal-BĊE

Il-proposta tintroduċi dawn il-bidliet għar-regolament eżistenti:

1. Rakkomandazzjoni biex tiġi pprovduta lista indikattiva tal-għanijiet statistiċi li għalihom tista' tinġabar l-informazzjoni bl-istatistika (Artikolu 1);

2. L-estensjoni tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar referenzi għas-settur finanzjarju korporattiv b'mod ġenerali, u b'mod partikulari l-kumpaniji tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet (Artikolu 2);

3. L-estensjoni tal-iskambju ta' informazzjoni bi statistika kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u l-ESS (Artikolu 8);

1. Lista ta' għanijiet statistiċi u l-ambitu tar-regolament

Bil-kumplessità tas-swieq finanzjarji li kulmqa tmur qiegħda tikber, l-informazzjoni bi statistika ta' kwalità għolja qed issir dejjem aktar importanti fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Kif uriet il-kriżi finanzjarja, żgur li hemm bżonn kbir ta' aktar data statistika fis-settur tas-servizzi finanzjarji li tagħti ċ-ċans li jiġu identifikati r-riskji potenzjali fil-waqt, b'mod transkonfinali u transsettorjali.

Għalhekk, ir-rapporteur jappoġġja l-idea ġenerali li jiġi estiż l-ambitu tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar referenzi, u b'hekk tkun tista' tinġabar informazzjoni bl-istatistika minn kull tip ta' korporazzjoni finanzjarja, fosthom il-kumpaniji tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet. Dawn tal-aħħar jirrappreżentaw it-tieni subsettur tal-korporazzjonijiet finanzjarji bħala daqs fiż-żona tal-ewro f'termini ta' assi finanzjarji. Madankollu, għad hemm bżonn ta' iktar kjarifika biex ikun hemm il-ħtieġa li jiġi definit l-ambitu ta' dan ir-regolament b'aktar reqqa.

Ir-rapporteur jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jidħlu parteċipanti ġodda fis-swieq finanzjarji, u li strumenti finanzjarji ġodda jkunu koperti bid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament.

Barra minn hekk, l-attivitajiet ta' min iwieġeb m'għandhomx jiġu affettwati bla bżonn mir-rekwiżiti rigward il-ġbir tal-istatistika. Il-ġbir frekwenti tal-informazzjoni bl-istatistika għalhekk għandu jsir biss meta jkun meqjus neċessarju għall-bżonnijiet tal-istatistika stipulati fil-proposta tal-BĊE. Għandha tiżdied kemm jista' jkun il-ħeffa li biha tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni bl-istatistika, pereżempju, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika.

Fl-aħħarnett, għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn l-estensjoni tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar referenzi u t-tnaqqis tal-piż tar-rappurtaġġ.

2. Sistemi ta' kunfidenzjalità

Bħal fil-każ tar-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-Istatistika Ewropea, il-protezzjoni tad-data kunfidenzjali għandha tkun fil-qofol ta' dan ir-regolament. M'hemmx dubju li s-salvagwardja tal-kunfidenzjalità għandha importanza partikulari fir-rigward ta' data kunfidenzjali fis-settur finanzjarju. L-użu mhux xieraq ta' data jew data li tillikja jista' jkollhom konsegwenzi ħorox għall-istabilità tas-swieq finanzjarji.

Għalhekk, ir-rapporteur jilqa' l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità għall-iskambju tal-informazzjoni fi ħdan is-SEBĊ u bejn is-SEBĊ u l-ESS, li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tar-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-Istatistika Ewropea. Sabiex tissaħħaħ is-sistema ta' kunfidenzjalità tas-SEBĊ, għandu jkun hemm ukoll il-ħsieb li jiġi estiż il-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika tal-BĊE għas-sistema kollha tas-SEBĊ.

L-ESS u s-SEBĊ bħalissa t-tnejn għandhom is-sistema tagħhom ta' kunfidenzjalità. Ir-rapporteur ma joġġezzjonax għal din is-sitwazzjoni billi din tirrifletti l-istrutturi rispettivi ta' governanza u l-indipendenza istituzzjonali tal-BĊE. Madankollu, sabiex jiġu evitati diffikultajiet fl-immaniġġjar operattiv, għandha ssir distinzjoni aktar ċara bejniethom. Barra minn hekk, għal żmien fit-tul, is-SEBĊ u l-ESS għandhom jagħmlu minn kollox biex kemm jista' jkun iqarrbu s-sistemi ta' kunfidenzjalità tagħhom lejn xulxin.

Fl-aħħar nett, is-sistema ta' kunfidenzjalità tas-SEBĊ għandha tiżgura wkoll li l-informazzjoni bl-istatistika li jkun sar skambju tagħha tintuża biss għal għanijiet ta' statistika. F'dan il-kuntest jidher li tajjeb li jkun hemm distinzjoni ċara bejn l-użu tal-istatistika mis-SEBĊ għar-rappurtaġġ tal-istatistika min-naħa l-waħda u għal skopijiet ta' sorveljanza prudenzjali min-naħa l-oħra.

Madankollu, anke jekk il-kunfidenzjalità għandha tibqa' wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-proposta emendata, ir-rapporteur iqis li t-trasparenza u d-disponibilità tad-data għall-pubbliku huma kwistjonijiet importanti wkoll. Ir-rapporteur iqis, għalhekk, li jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn is-salvagwardja tal-kunfidenzjalità u l-iżvelar ta' data lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali.

3. Koperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ

Kif stipulat fir-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-istatistika Ewropea, li għandu l-għan li jasal għal koperazzjoni msaħħa bejn is-sistemi tal-ESS u tas-SEBĊ, din il-koperazzjoni għandha tiżgura l-effiċjenza f'termini ta' spiża, tevita d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data u timminimizza l-piż ta' rappurtaġġ globali fuq min jirrispondi. Għalhekk, kemm l-ESS kif ukoll is-SEBĊ għandhom jimplimentaw il-prinċipji statistiċi kif stipulati fir-regolament li se joħroġ dalwaqt dwar l-Istatistika Ewropea, u jadattawhom għall-funzjonijiet u l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Ukoll, iż-żewġ sistemi għandu jkollhom l-għan ta' programmazzjoni komuni mtejba u t-twaqqif ta' għanijiet strateġiċi għall-produzzjoni, l-iżvilupp u t-tqassim tal-Istatistika Ewropea.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' referenza għall-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika f'dan l-abbozz ta' regolament.

PROĊEDURA

Titolu

Il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

Referenzi

13411/2008 – C6-0351/2008 – 2008/0807(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

13.10.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

21.10.2008

Rapporteur

       Data tal-ħatra

Sirpa Pietikäinen

22.10.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

11.12.2008

20.1.2009

11.2.2009

 

Data tal-adozzjoni

2.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Manuel António dos Santos, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Gianni Pittella

Sostituti (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Hans-Peter Mayer

Data tat-tressiq

6.3.2009