Proċedura : 2008/2328(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0125/2009

Testi mressqa :

A6-0125/2009

Dibattiti :

PV 01/04/2009 - 21
CRE 01/04/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2009 - 9.7
CRE 02/04/2009 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0202

RAPPORT     
PDF 143kDOC 90k
9 ta' Marzu 2009
PE 419.851v01-00 A6-0125/2009

dwar l-edukazzjoni tat-tfal tal-migranti

(2008/2328(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Hannu Takkula

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-edukazzjoni tat-tfal tal-migranti

(2008/2328(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2008 bl-isem 'Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE' (COM(2008)0423),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/486/KEE tal-25 ta' Lulju 1977 dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(2),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar l-integrazzjoni ta' immigranti fl-Ewropa permezz tal-iskejjel u l-edukazzjoni multilingwali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2007 dwar l-effiċjenza u l-ugwaljanza f’sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar tagħlim għall-adulti: qatt ma huwa tard wisq biex titgħallem(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema(6),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni - Migrazzjoni u mobilità:l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE (COM(2008)0423),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0125/2009),

A. billi l-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008 stieden lill-Istati Membri biex itejbu r-riżultati ta' studenti li ġejjin minn familji migranti,

B.  billi s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008 pprovdiet l-okkażjoni biex jitnieda d-dibattitu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għas-sistemi edukattivi tal-UE,

C. billi l-migrazzjoni ġewwa l-Unjoni u l-immigrazzjoni fl-Unjoni żdiedu tul l-aħħar għexieren ta' snin, b'mod li biddlet f'ħafna postijiet il-kompożizzjoni tal-iskejjel,

D. billi d-differenzi kulturali spiss ifixklu l-komprensjoni u d-djalogu bejn l-istudenti u bejn l-istudenti u l-għalliema,

E.  billi jeżistu provi ċari li r-riżultati edukattivi tat-tfal migranti huma kunsiderevolment iktar baxxi minn dawk ta' tfal mhux migranti; u billi numru kbir ta' tfal fl-iskejjel li ġejjin minn familji migranti jinsabu f'sitwazzjoni soċjoekonomika prekarja,

F.  billi l-fatt li t-talenti tat-tfal migranti ta' spiss ma jiġux skoperti u jibqgħu ma jintużawx iwassal għal żvantaġġi soċjali, kulturali u ekonomiċi għas-soċjetà kollha kemm hi,

G. billi l-edukazzjoni fl-iskola sa ċertu età hija dritt bażiku u kif ukoll obbligu tat-tfal, irrispettivament mill-kuntest li ġejjin minnu, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u tirrikjedi wkoll l-osservanza tal-liġijiet nazzjonali dwar l-edukazzjoni,

H. billi l-kontenut u l-organizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma kompetenzi nazzjonali u billi huwa fil-livell nazzjonali u reġjonali li jeħtieġ li l-istrateġiji jiġu definiti u implimentati,

I.   billi l-migrazzjoni tista' tarrikkixxi lill-iskejjel kulturalment u edukattivament, imma tista’, fin-nuqqas ta’ miżuri xierqa ta’ akkumpanjament, twassal għal diverġenzi gravi,

J.   billi l-Istati Membri għandhom jirriformaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ nazzjonali tagħhom; billi jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw l-istrumenti tal-politika meħtieġa biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi tal-migrazzjoni,

K. billi d-diversità li qed tiżdied fil-popolazzjoni tal-iskejjel, li ġejja miż-żieda fil-migrazzjoni, hija sfida għall-professjoni tal-għalliema, li ma jirċevux taħriġ dwar kif jitrattaw b’mod adegwat din il-forma ġdida ta’ diversità fil-klassijiet,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper bl-isem 'Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE';

2.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha raġun tindirizza l-konsegwenzi, għas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri, mhux biss tal-migrazzjoni ġewwa l-Unjoni iżda wkoll tal-immigrazzjoni lejha;

3.  Jenfasizza li l-ħaddiema fl-Unjoni jistgħu jkunu inqas lesti li jaħdmu barra minn pajjiżhom jekk ikun hemm riskju li t-tfal tagħhom ibatu edukattivament, u li edukazzjoni sodisfaċenti għat-tfal migranti hija relatata mal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema;

4.  Huwa tal-fehma li huma meħtieġa sforzi akbar fil-livell tal-UE peress li l-Istati Membri kollha qed jaffaċċjaw sfidi simili f'dan ir-rigward; ifakkar li l-perċentwali tat-tfal migranti fl-iskejjel x'aktarx li tiżdied fil-ġejjieni;

5.  Ifakkar li t-twaqqif ta' ċentri ta' appoġġ integrati għall-immigranti legali huwa ta' importanza kbira peress li jippermettu lill-immigranti jindirizzaw b'mod effettiv l-ostakoli kollha għall-integrazzjoni (pereżempju kwistjonijiet relatati max-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, eċċ.) bl-għajnuna ta' professjonist;

6.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp fl-Istati Membri ta' mudell ta' sħubija bejn l-iskejjel u l-komunitajiet li jagħmilha possibbli għat-tfal ta' ġenituri li jaħdmu barra mill-pajjiż li jibbenefikaw minn programmi ta’ assistenza, appoġġ u pariri mill-komunità;

7.  Jinsisti li t-tfal u l-adulti migranti għandu jkollhom l-opportunità li jitgħallmu l-lingwi tal-pajjiż ospitanti, u għandhom ikunu lesti li jieħdu din l-opportunità, jekk għandhom jintegraw fih b'mod sħiħ;

8.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jiżguraw edukazzjoni għat-tfal tal-migranti legali, inkluż it-tagħlim tal-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u l-promozzjoni tal-lingwi u l-kulturi nattivi tagħhom;

9.  Jemmen li hija ħaġa essenzjali li l-ġenituri, u speċjalment l-ommijiet, tat-tfal migranti għandhom ikunu involuti fil-programmi ta’ tagħlim tal-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti, biex jiżguraw li t-tfal ma jiġux separati mis-soċjetà u jgħinuhom jintegraw fl-iskola;

10. Jemmen li l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-multilingwiżmu għandu jkun parti minn kull kurrikulum skolastiku; jinsisti li t-tagħlim tal-lingwi għandu jiġi mħeġġeġ mill-età ta’ qabel l-iskola biex tiġi promossa l-inklużjoni tal-migranti; jemmen, madankollu, li l-post mogħti lit-tagħlim tal-lingwa materna fil-kurrikulu u l-organizzazzjoni ta' dan għandhom jitħallew speċifikament f'idejn l-Istati Membri;

11. Jirrakkomanda li t-tfal li jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom meta dawn imorru fi Stat Membru ieħor fuq xogħol ma jesperjenzawx diffikultajiet biex jirreġistraw fi skola f'livell li jikkorrispondi ma' dak li kienu qed jistudjaw fih fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom;

12. Jinsisti dwar l-importanza li l-familji u l-membri l-oħra tal-komunità lokali jkunu involuti b'mod dirett peress li l-integrazzjoni soċjali hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha mhux biss tal-iskejjel; jenfasizza l-fatt li l-korpi li jagħtu pariri soċjali lill-immigranti għandhom jiġu inkoraġġuti jikkoperaw biex tingħata informazzjoni aħjar dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-kuntest tas-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti;

13. Jirrikonoxxi li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fl-appoġġ li jingħata lill-migranti u li, b'mod parallel mas-sistema edukattiva uffiċjali, din tista' tagħti kontribut vitali f'oqsma bħat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti;

14. Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-migranti u l-kategoriji soċjali bħar-Roma, fis-soċjetà; jenfasizza li l-integrazzjoni trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni, b'mod li jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità; jirrifjuta kwalunkwe soluzzjonijiet - sew temporanji u kif ukoll permanenti - li huma bbażati fuq segregazzjoni u edukazzjoni fqira, jew li jwasslu għalihom;

15. Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-kompetenzi ta’ komunikazzjoni interkulturali tat-tfal, kemm migranti kif ukoll tal-pajjiżi ospitanti, u jemmen li l-abilità li wieħed jikkomunika l-kultura tiegħu stess u li jifhem il-kultura u l-valuri tal-oħrajn tikkostitwixxi element ċentrali tal-kompetenza prinċipali: 'kuxjenza u espressjoni kulturali';

16. Jissuġġerixxi li jingħata iktar appoġġ finanzjarju u amministrattiv lill-migranti legali għall-korsijiet tal-lingwi, u li dan jingħata minn persunal imħarreġ li jifhem ukoll il-lingwa ta' art twelid il-migranti;

17. Jinsisti dwar l-importanza li t-tfal migranti jitgħallmu l-lingwa materna tagħhom u l-lingwi tal-pajjiż tar-residenza tagħhom kif ukoll li jitgħallmu jaqraw u jiktbu mill-età ta’ qabel l-iskola;

18. Jirrikonoxxi l-importanza li fil-kurrikuli tal-iskola jiddaħħlu lezzjonijiet mogħtija lill-migranti bil-lingwa nativa tagħhom sabiex ikun żgurat li l-wirt kulturali tagħhom ikun preservat;

19. Jenfasizza l-importanza tal-isport fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u l-irwol importanti tiegħu fl-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali ta' dawk li ġejjin minn kuntesti inqas privileġġati; jirrakkomanda li l-politika soċjali tal-Istati Membri tqis b'mod sħiħ l-irwol ta' integrazzjoni importanti tal-isport għall-popolazzjonijiet migranti;

20. Jenfasizza l-bżonn li l-migranti żgħażagħ jiġu involuti f’sensiela wiesgħa ta’ attivitajiet extrakurrikulari, peress li dan hu mezz eċċellenti ta’ integrazzjoni fil-ħajja tal-iskola;

21. Jenfasizza li aktar ma t-tfal u ż-żgħażagħ migranti jkunu integrati kmieni fl-iskejjel, iktar imorru tajjeb l-iskola, fl-edukazzjoni ulterjuri u fis-suq tax-xogħol; jemmen bil-qawwi li l-edukazzjoni bikrija qabel il-primarja ssaħħaħ b’mod konsiderevoli dawn il-prospetti u għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-parteċipazzjoni tal-migranti fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja;

22. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jevitaw li joħolqu skejjel qishom ghetto jew klassijiet speċjali għat-tfal migranti, u li jippromwovu politika ta’ edukazzjoni inklużiva li biha t-tfal jintbagħtu fi klassijiet fuq il-bażi tal-livell edukattiv u tal-bżonnijiet individwali;

23. Iqis li fl-iskejjel fejn imorru t-tfal migranti l-kurrikulu għandu jagħti ħafna iktar kas tal-bżonnijiet tagħhom, u li l-għalliema għandhom jitħarrġu fil-kompetenzi interkulturali sabiex dawn ikunu jistgħu jittrattaw bl-iktar mod effettiv possibbli d-diversità fl-iskola;

24. Jinsisti li l-edukazzjoni tal-adulti għall-migranti tista' tippromwovi l-integrazzjoni kemm tal-migranti adulti u kif ukoll tat-tfal tagħhom u jisħaq għalhekk fuq il-bżonn li jiġi żviluppat bil-qawwi t-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri migranti;

25. Hu mħasseb dwar il-livell għoli ta’ tluq bikri mill-iskola fost it-tfal migranti u jemmen li għandhom isiru sforzi biex ikun żgurat li t-tfal migranti jispiċċaw il-korsijiet;

26. Jenfasizza li sistema edukattiva ta' kwalità għolja trid tkun miftuħa għal kulħadd;

27. Huwa konvint li l-miżuri biex tittejjeb l-edukazzjoni tat-tfal migranti għandhom benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi;

28. Jemmen li l-edukazzjoni tal-għalliema għandha tkun interdixxiplinari u għandha tippreparahom biex jużaw metodi bbażati fuq id-diversità, u fuq l-edukazzjoni multikulturali u multilingwi;

29. Hu favur l-iskemi ta’ mobilità li permezz tagħhom jitqabbdu għalliema mill-pajjiż tal-oriġini biex jiġi ffaċilitat il-kuntatt tat-tfal migranti mal-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom;

30. Jisħaq li l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema għandha tkun iffokata fuq il-missjonijiet tal-għalliema;

31. Jenfasizza f’dan il-kuntest partikolari l-importanza tal-mobilità tal-għalliema bħala parti integrali mill-programmi edukattivi tal-għalliema; iqis li l-għalliema għandu jkollhom l-opportunità li jqattgħu semestru wieħed jew tnejn f'universitajiet ospitanti barra pajjiżhom;

32. Jemmen li l-iskejjel għandhom bżonn għalliema immigranti għax dawn joffru esperjenza importanti lill-kollegi tagħhom, jirrappreżentaw is-suċċess tal-integrazzjoni soċjali u jistgħu jservu ta' mudelli għat-tfal li jkunu f’diffikultà;

33. Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjali għall-għalliema li jindirizza b'mod ċar is-sitwazzjoni speċjali tat-tfal tal-migranti, il-ħtieġa li jiġu integrati b'mod li jirnexxi fis-sistemi tradizzjonali tal-edukazzjoni fl-iskejjel, u l-ħtieġa li jittejbu r-riżultati edukattivi tagħhom;

34. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm servizzi konsultattivi li jgħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ migranti jittrattaw ix-xokk kulturali u jadattaw irwieħhom għas-soċjetà ospitanti;

35. Jipproponi li l-Istati Membri individwali jiżviluppaw programmi edukattivi mmirati biex itejbu l-għarfien tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bl-enfasi fuq l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-libertà personali, sabiex ikunu evitati l-ksenofobija u s-segregazzjoni li jistgħu jidhru inevitabbli fir-rigward tal-migranti u li jistgħu jinxterdu b'veloċità allarmanti;

36. Jinsisti li l-persuni migranti u mhux migranti kollha għandu jkollhom l-istess trattament ugwali; jemmen li l-istituzzjonijiet skolastiċi u l-għalliema individwali għandhom iqisu d-diversità bħala sitwazzjoni normali, jittrattaw kull individwu b'rispett, u jagħtu lill-migranti l-appoġġ li jeħtieġu;

37. Japprezza l-kontribut tal-edukazzjoni mhux formali sabiex il-migranti żgħażagħ jingħataw kompetenzi ta’ valur li huma kumplimentari għal dawk li jinkisbu fl-iskola u jitlob lill-iskejjel biex jikkoperaw b’mod iktar intensiv ma' min jipprovdi edukazzjoni mhux formali bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

38. Itenni li d-diskriminazzjoni minħabba r-razza jew l-etniċità fil-qasam tal-edukazzjoni hija pprojbita mid-Direttiva 2000/43/KE, u jitlob li d-diskriminazzjoni minħabba kwalunkwe raġuni, inklużi n-nazzjonalità u l-istatus tar-residenza, tkun illegali fil-qasam tal-edukazzjoni;

39. Jirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 77/486/KEE ma jikkorrispondux mar-realtà soċjali l-ġdida tal-Unjoni; jappoġġja b'mod qawwi l-proċess ta' konsultazzjoni mniedi mill-Kummissjoni;

40. Jenfasizza l-fatt li d-diversità fl-iskejjel għandha tkun promossa u li għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali lill-gruppi migranti l-iktar vulnerabbli, inklużi bniet migranti;

41. Jemmen li d-Direttiva 77/486/KEE għandha tiġi emendata u għandha tkopri l-edukazzjoni ta' tfal li huma ċittadini ta' stati mhux membri jew tfal li l-ġenituri tagħhom ma jkunux ċittadini tal-Istati Membri;

42. Jenfasizza l-importanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tiggarantixxi d-drittijiet edukattivi tal-istudenti minn pajjiżi terzi, bħad-Direttivi 2004/38/KE u 2003/109/KE; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq immoniterjar kontinwu tal-miżuri kollha meħuda fl-Istati Membri li għandhom tentenza li jnaqqsu jew ineħħu d-drittijiet miksuba;

43. Jitlob li l-iskejjel bi proporzjon għoli ta' tfal immigranti jkollhom il-persunal u l-faċilitajiet meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi ta' klassijiet eteroġeniċi u jkunu jistgħu jipprovdu tagħlim tajjeb; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iniedu djalogu fost l-Istati Membri fil-qafas tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiżviluppaw aġenda komuni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-edukazzjoni tal-immigranti;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment dwar il-progress li jsir fl-integrazzjoni tat-tfal migranti fis-sistema skolastika tal-Istati Membri;

45. Iqis li l-bliet il-kbar għandhom jingħataw u għandhom jużaw il-libertà li jikkoordinaw il-politika mfassla biex tippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal migranti ma’ politiki u strateġiji dwar l-akkomodazzjoni, il-kura tat-tfal, is-suq tax-xogħol, is-saħħa u l-benessri, oqsma li kollha għandhom impatt muri fuq ir-riżultati akkademiċi tat-tfal migranti u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà b’suċċess;

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

ĠU L 199, 6.8.1977, p. 32

(2)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(3)

ĠU C 233 E, 28.9.2006, p.121.

(4)

ĠU C 219 E, 28.8.2008, p.300.

(5)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 46.

(6)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0422.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

F'Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper li fetħet id-dibattitu dwar kif il-politiki edukattivi jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi li jippreżentaw l-immigrazzjoni u l-flussi tal-mobilità interni tal-UE.

Tqajjem kwistjonijiet bħal kif għandu jiġi evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet ta' skejjel segregati, sabiex tittejjeb l-ugwaljanza fl-edukazzjoni; kif għandha tiġi akkomodata d-diversità ikbar ta' lingwi materni u perspettivi kulturali u kif għandhom jiġu żviluppati l-kompetenzi interkulturali fl-UE; u kif għandhom jiġu adattati l-kompetenzi tat-tagħlim u kif għandhom jinbnew pontijiet mal-familji u l-komunitajiet migranti.

Il-partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel il-31 ta' Diċembru 2008 primarjament dwar:

-          l-isfida tal-politika,

-          reazzjonijiet tajbin ta' politika għal din l-isfida,

-         l-irwol possibbli tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġja lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi, kif ukoll

-          il-futur tad-Direttiva 77/486/KEE,

Il-Kummissjoni Ewropea se tanalizza r-riżultati ta' din il-konsultazzjoni u tippubblika l-konklużjonijiet tagħha fil-bidu tal-2009.

Ir-rapporteur

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tniedi konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika.

Fil-fehma tar-rapporteur, il-familji għandhom jiġu involuti fil-proċess edukattiv. Jistgħu jinħolqu kunflitti fil-familji peress li l-ġenituri jridu lit-tfal tagħhom jirnexxu iżda ma jistgħux jagħtuhom l-appoġġ meħtieġ, jew minħabba n-nuqqas tal-lingwa jew anke minħabba d-diversità kulturali. Il-ġenituri għandhom jipparteċipaw permezz tal-ġestjoni tal-iskola, l-avvenimenti kulturali, eċċ.

L-importanza li jingħata appoġġ akbar għall-korsijiet tal-lingwi hija fundamentali għall-integrazzjoni tal-migranti; l-integrazzjoni hija proċess f'żewġ direzzjonijiet, li jinvolvi l-migranti u kif ukoll il-pajjiż ospitanti. Ir-rieda tal-migranti li jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti u li jorganizzaw ħajjithom ma tfissirx li għandhom jabbandunaw il-lingwa jew il-kultura tal-oriġini tagħhom.

Fil-fehma tar-rapporteur, it-tagħlim tal-lingwi (il-lingwa materna u dik tal-pajjiż tar-residenza) jrid ikun imħeġġeġ fi stadju bikri ħafna, fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, speċjalment biex tkun promossa l-inklużjoni tal-migranti u tal-minoritajiet etniċi bħar-Roma fis-soċjetajiet Ewropej.

It-tagħlim tul il-ħajja għandu rwol importanti għall-migranti, il-minoranzi etniċi u gruppi soċjoekonomikament żvantaġġjati, peress li jaqdi l-proċess tal-integrazzjoni; il-parteċipazzjoni fi programmi tat-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja huma opportunità għall-immigranti li jkunu għadhom kif waslu.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-mod kif il-migranti, il-minoritajiet etniċi u l-gruppi soċjoekonomikament żvantaġġjati ġeneralment imorru agħar, peress li aktar ma jiġu integrati aħjar u aktar malajr fl-iskejjel, aktar imorru tajjeb fl-iskola u fl-edukazzjoni ulterjuri, u iktar tard fis-suq tax-xogħol.

Il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema ma tistax tintesa lanqas, u hija wkoll sfida ġdida għall-għalliema li jsibu ruħhom quddiem klassijiet daqstant eteroġeniċi minħabba ż-żieda fil-migrazzjoni. L-għalliema għandu jkollhom taħriġ sistematiku għall-għalliema, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Katerina Batzeli, Ivo Belet, Marie-Hélène Descamps, Daniel Petru Funeriu, Milan Gaľa, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Adrian Manole, Manolis Mavrommatis, Zdzisław Zbigniew Podkański, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Henri Weber, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iosif Matula, Christel Schaldemose, Cornelis Visser

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon, Andres Tarand

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Marzu 2009Avviż legali