RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ transazzjonijiet oħra transkonfinali

1.4.2009 - (COM(2008)0805 – C6‑0039/2009 – 2008/0228(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Cornelis Visser

Proċedura : 2008/0228(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0189/2009

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ transazzjonijiet oħra transkonfinali

(COM(2008)0805 – C6‑0039/2009 – 2008/0228(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0805),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0039/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0000/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Il-VAT għandha titħallas lill-awtoritajiet tat-taxxa mill-persuna li hi responsabbli għall-ħlas. Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-ħlas tal-VAT, l-Istati Membri madankollu jistgħu jipprovdu li, f’ċirkustanzi xierqa, persuna oħra tinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ dik il-VAT b’mod konġunt u separat.

(5) Il-VAT għandha titħallas lill-awtoritajiet tat-taxxa mill-persuna li hi responsabbli għall-ħlas. Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-ħlas tal-VAT, l-Istati Membri madankollu jistgħu jipprovdu li, f’ċirkustanzi xierqa, persuna oħra tinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ dik il-VAT b’mod konġunt u separat. Meta jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżura li tikkumbatti l-frodi tkun proporzjonata u mmirata lejn il-persuni li jkunu kkommettew frodi.

Ġustifikazzjoni

Il-proposta għandha tiżgura li miżuri kontra l-frodi jkunu proporzjonati u jimmiraw lil dawk li jiffrodaw.

Emenda  2

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Sabiex jiġi ggarantit li fornitur tal-merkanzija li jikkontribwixxi għat-telf tal-VAT li jseħħ meta l-merkanzija fornuta li tkun eżentata mill-VAT tiġi akkwistata minn persuna oħra wkoll ikun jista' jinżamm responsabbli, b’mod konġunt u separat, għall-ħlas tal-VAT dovut fuq l-akkwist intraKomunitarju ta' dik il-merkanzija fi Stat Membru fejn il-fornitur ikkonċernat mhuwiex stabbilit (fornitur mhux stabbilit), huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal dik il-possibbiltà.

(6) Sabiex jiġi ggarantit li fornitur tal-merkanzija li jikkontribwixxi għat-telf tal-VAT li jseħħ meta l-merkanzija fornuta li tkun eżentata mill-VAT tiġi akkwistata minn persuna oħra wkoll ikun jista' jinżamm responsabbli, b’mod konġunt u separat, għall-ħlas tal-VAT dovut fuq l-akkwist intraKomunitarju ta' dik il-merkanzija fi Stat Membru fejn il-fornitur ikkonċernat mhuwiex stabbilit (fornitur mhux stabbilit), huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal dik il-possibbiltà. Sa...*, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament ta’ responsabilità konġunta u separata u, jekk ikun xieraq, tissottometti proposta għall-emenda tiegħu.

 

* ĠU - hawn tiddaħħal id-data, jekk jogħġobkom: ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Emenda  3

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 205 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 200 , il-persuna li tkun qed tipprovdi l-merkanzija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 138, għandha tinżamm responsabbli b’mod konġunt u separat għall-ħlas tal-VAT dovut fuq l-akkwist intraKomunitarju ta' dik il-merkanzija meta ma tkunx ikkonformat mal-obbligu pprovdut fl-Artikoli 262 u 263 li tissottometti dikjarazzjoni rikapitulattiva li jkun fiha l-informazzjoni dwar il-provvista jew meta d-dikjarazzjoni rikapitulattiva li tkun ippreżentat ma tkunx tinkludi l-informazzjoni dwar din il-provvista kif meħtieġ skont l-Artikolu 264.

2. Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 200 , il-persuna li tkun qed tipprovdi l-merkanzija skont l-Artikoli 138, għandha tinżamm responsabbli b’mod konġunt u separat għall-ħlas tal-VAT dovut fuq l-akkwist intraKomunitarju ta' dik il-merkanzija meta ma tkunx ikkonformat mal-obbligu pprovdut fl-Artikoli 262 u 263 li tissottometti dikjarazzjoni rikapitulattiva li jkun fiha l-informazzjoni dwar il-provvista jew meta d-dikjarazzjoni rikapitulattiva li tkun ippreżentat ma tkunx tinkludi l-informazzjoni dwar din il-provvista kif meħtieġ skont l-Artikolu 264.

 

Qabel ma persuna li tkun qed tipprovdi l-merkanzija skont l-Artikolu 138 tinżamm responsabbli b’mod konġunt u separat, l-awtoritajiet li dik il-persuna għandha tagħtihom id-dikjarazzjoni rikapitulattiva tagħha skont l-Artikolu 262 għandha tinnotifikaha dwar in-nuqqas ta' konformità u għandha tagħtiha l-opportunità li tiġġustifika tali nuqqas f'perjodu mhux iqsar minn xahrejn.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika meta:

(a) meta l-klijent ikun issottometta denunzja tal-VAT kif ipprovdut fl-Artikolu 250 li jkun fiha l-informazzjoni kollha dwar din it-tranżazzjoni għall-perjodu li matulu tista’ tintalab it-taxxa fuq it-tranżazzjoni kkonċernata;

(a) meta l-klijent ikun issottometta denunzja tal-VAT kif ipprovdut fl-Artikolu 250 li jkun fiha l-informazzjoni kollha dwar din it-tranżazzjoni għall-perjodu li matulu tista’ tintalab it-taxxa fuq it-tranżazzjoni kkonċernata;

(b) meta l-persuna li tkun qed tipprovdi l-merkanzija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138 tkun tista' tiġġustifika kif suppost in-nuqqas tagħha msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, b’mod li jissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti.

(b) meta l-persuna li tkun qed tipprovdi l-merkanzija skont l-Artikolu 138 tkun tista' tiġġustifika kif suppost lill-awtoritajiet kompetenti li lilhom trid tintbagħat id-dikjarazzjoni rikapitulattiva skont l-Artikolu 262 in-nuqqas tagħha msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

 

(c) meta jkunu għaddew iktar minn sentejn bejn il-provvista tal-merkanzija u d-data li fiha l-persuna li tipprovdi l-merkanzija skont l-Artikoli 138 tkun irċeviet notifika msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Emenda  4

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 2a

 

Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

 

Sa ...*, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fejn tevalwa l-impatt ta’ responsabilità konġunta u separata skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112/KE, inkluż l-impatt fuq spejjeż amministrattivi għall-fornituri u fuq dħul minn taxxi akkwistati mill-Istati Membri. Jekk dan ikun xieraq, u sakemm il-Kummissjoni tkun kapaċi tagħti prova li l-bażi tad-dejta tal-VIES (Value-added Tax Information Exchange System) u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jaħdmu kif suppost, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal emenda tal-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112/KE.

 

* ĠU - hawn tiddaħħal id-data, jekk jogħġobkom: ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Responsabilità sħiħa, mingħajr il-bżonn ta’ intenzjoni frawdolenta, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-VAT (database tal-VIES, skambji ta’ informazzjoni) tiffunzjona korrettament.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Il-ġlieda kontra l-frodi, għalkemm fil-parti l-kbira taqa' taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri, ma tistax issir biss fil-livell nazzjonali. Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għandha tkun prijorità għall-UE u jeħtiġilha koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni, fuq il-linji gwida stipulati mill-Kunsill sa mill-2007, nediet strateġija maqsuma f'żewġ oqsma, jiġifieri:

§ il-ħsieb ta' riforma importanti tal-VAT, li tista' tikkonsisti jew fid-dħul ta' mekkaniżmu li jreġġa' l-ħlas lura jew f'taxxa fuq it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji permezz ta' miżuri li jinkludu kamra tal-ikklerjar; deskrizzjoni tal-kuntest u tal-operat ta' dawn iż-żewġ għażliet jistgħu jinstabu fir-Rapport ta' Inizjattiva (INI) ta' Sharon Bowles;

§ sett ta' miżuri konvenzjonali, jiġifieri, tibdiliet fir-regoli tal-VAT li ma jeħtiġux tibdil mill-għeruq għas-sistema eżistenti u jkollhom l-għan li jdaħħlu titjib tekniku fl-amministrazzjoni tat-taxxa.

Il-veloċità li biha għaddejjin id-diskussjonijiet bħalissa fil-Kunsill ECOFIN ma tagħtix ħjiel li se jkun hemm xi riforma mill-qiegħ fil-VAT fil-ġejjieni qrib. Dan kien ikkonfermat mill-Kummissarju Kovács meta kien qiegħed ikellem lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji f'Diċembru 2008. Mela, jibqa' biss il-miżuri konvenzjonali.

Għandha ssir referenza wkoll għar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2007, li jikkritika bil-qawwa lill-Istati Membri, u jċanfarhom li m'għamlux biżżejjed sforzi rigward il-koperazzjoni amministrattiva dwar kwistjonijiet tal-VAT. Dan ir-rapport fih għadd ta' rakkomandazzjonijiet, fosthom dawn li ġejjin:

§ it-tnaqqis drastiku fl-iskadenzi biex tinġieb u tinġabar l-informazzjoni;

§ il-garanzija ta' rettifika fil-pront tal-informazzjoni żbaljata.

L-ewwel sensiela ta' miżuri konvenzjonali kienet adottata mill-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta' Marzu 2008 (waħda li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud ("id-Direttiva dwar il-VAT"), u l-oħra li temenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003). Dawn il-miżuri jipprovdu biex l-aministrazzjonijiet fiskali jiksbu, aktar fil-pront mil-lum, tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u ġew ittrattati fir-rapporti García-Margallo tal-15 ta' Novembru 2008.

It-tieni sensiela ta' miżuri konvenzjonali kienet adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta' Diċembru 2008 (Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ tranżazzjonijiet oħra transkonfinali). Din il-proposta hija s-suġġett ta' dan ir-rapport. Din il-proposta l-ġdida tinkludi xi modifiki għad-Direttiva dwar il-VAT sabiex jiġu kkjarifikati xi kundizzjonijiet għall-eżenzjoni fil-waqt tal-importazzjoni, u sabiex tiġi definita l-possibilità li tiġi applikata r-responsabilità flimkien u separatament (in solidum) f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Il-proposta għandha l-għan li timmodifika żewġ Artikoli eżistenti tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ġej:

§ L-importazzjoni tal-merkanzija hija eżentata mill-VAT jekk tiġi segwita mill-provvista jew mit-trasferiment ta' dik il-merkanzija lil negozjant fi Stat Membru ieħor. L-implimentazzjoni mhux adegwata ta' din l-eżenzjoni fil-liġi nazzjonali wasslet għal diffikultajiet fis-segwitu tal-moviment fiżiku tal-merkanzija importata. L-esperjenza turi li din l-eżenzjoni partikulari qiegħda tintuża aktar fi skemi ta' frodi "karużell". Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tissikka l-kundizzjonijiet li bihom importatur ikun jista' jibbenefika minn din l-eżenzjoni: fil-waqt tal-importazzjoni, l-importatur għandu jindika b'mod ċar lill-Istat Membru tal-importazzjoni n-numru tiegħu tal-identifikazzjoni tal-VAT, in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent tiegħu, kif ukoll għandu juri bil-provi li l-merkanzija importata tkun se tiġi trasportata lejn Stat Membru ieħor.

§ Investigaturi tal-frodi rrappurtaw li n-negozjanti fil-provvisti intra-Komunitarji ma jirrappurtawx apposta (jew jirrappurtaw informazzjoni mhix sħiħa jew falza, jew jirrappurtaw tard) il-provvista tagħhom lill-awtoritajiet fiskali. B'hekk, l-Istat Membru tad-destinazzjoni ma jkollu l-ebda tagħrif dwar il-wasla tal-merkanzija fit-territorju tiegħu, u dan ifixkel il-kxif tat-telf potenzjali tal-VAT. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tipproponi li l-fornitur fit-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji għandhom ikunu responsabbli għat-telf tal-VAT ħtija tal-klijent nieqes fi Stat Membru ieħor, meta l-fornitur ikun ikkontribwixxa għat-telf billi ma jirrappurtax (jew billi jirrapporta informazzjoni falza jew mhix sħiħa jew billi jirrapporta tard) il-provvista tiegħu lill-awtorità tiegħu tal-VAT. Il-proposta se tipprovdi lill-ammministrazzjonijiet fiskali b'għodda għall-irkupru tal-VAT mingħand negozjanti li ma jkunux stabbiliti. Sabiex ikun osservat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura ddaħħal ir-responsabilità tal-fornitur biss jekk min jakkwista ma jkunx issottometta d-denunzja tal-VAT tiegħu marbuta mal-akkwist lill-awtorità fiskali tiegħu. Barra minn hekk, hu previst li l-fornitur jista' jirrifjuta li jieħu r-responsabilità billi jiġġustifika kif jixraq in-nuqqas tiegħu lill-awtorità fiskali kompetenti.

Flimkien ma' din il-proposta l-ġdida, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar strateġija koordinata biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea (COM(2008)807). Din il-Komunikazzjoni tfassal pjan ta' azzjoni koerenti għal perjodu ta' żmien qasir li fih tliet settijiet ta' proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu ppreżentati fix-xhur li ġejjin. Il-Komunikazzjoni tagħti bidu wkoll għal riflessjoni fuq perjodu itwal ta' żmien, l-aktar dwar ir-relazzjoni bejn min iħallas it-taxxa u l-amministrazzjonijiet fiskali u dwar l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji tal-informazzjoni f'dan il-kuntest. Il-miżuri konvenzjonali l-ġodda li se jkunu proposti mill-Kummissjoni jkopru l-oqsma li ġejjin:

· dispożizzjonijiet għat-titjib fil-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, l-aktar il-provvediment ta' bażi legali soda għall-EUROFISC (netwerk li għandu jipprovdi mekkaniżmu ta' twissija bikrija multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT);                      

· modifika tad-Direttiva dwar il-VAT rigward min għandu jħallas il-VAT fi tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u rigward ir-regoli dwar il-fatturi.

L-Evalwazzjoni

Il-frodi fiskali għandha konsegwenzi serji fuq il-baġits tal-Istati Membri u fuq is-sistema ta' riżorsi tal-Unjoni Ewropea, twassal għall-ksur tal-prinċipju ta' taxxa ġusta u trasparenti, u kapaċi toħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni u b'hekk taffettwa l-operat tas-suq intern; filwaqt li n-negozji onesti jkollhom żvantaġġ kompetittiv minħabba l-frodi fiskali u t-telf tad-dħul mit-taxxa tagħmel tajjeb għalih il-persuna taxxabbli Ewropea permezz ta' forom oħra ta' taxxa. Sa fejn il-proposta tal-Kummissjoni jkollha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha, ir-rapporteur tiegħek jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni.

B'din il-proposta l-ġdida, il-Kummissjoni bi ħsiebha tittratta kwistjonijiet speċifiċi transkonfinali bħaż-żieda fl-inċidenza tal-frodi karużell u l-abbuż deliberat mis-sistema tal-VAT minn gruppi ta' kriminali li jwaqqfu skemi bħal dawn biex jieħdu vantaġġ min-nuqqasijiet tas-sistema.

L-Istati Membri jaqblu dwar il-fatt li ma jistgħux jiġġieldu l-frodi transkonfinali tat-taxxa b'mod individwali. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur tiegħek jinnota li l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni ma kinux biżżejjed għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali b'mod effikaċi, kemm rigward is-sustanza kif ukoll rigward il-ħeffa. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri stqarrew b'mod konsistenti li s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-provvisti intra-Komunitarji tal-merkanzija ma tagħtix informazzjoni rilevanti jew f'waqtha biex tittratta l-frodi tal-VAT b'mod effikaċi. Hemm lok għal titjib.

Barra minn hekk, huwa fatt li l-negozjanti sikwit jiksbu informazzjoni frammentata biss dwar l-istatus tal-VAT tal-klijenti tagħhom. F'dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet tan-negozju wissew dwar il-fatt li r-responsabilità transkonfinali flimkien u separatament jaf iżżid ir-riskju u l-ispejjeż ta' tranżazzjonijiet għall-provvisti intra-Komunitarji b'mod sproporzjonat. F'dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont informazzjoni mill-Kummissjoni, 10% tal-kumpaniji l-kbar u 14% tal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju mhumiex involuti f'kummerċ transkonfinali minħabba l-VAT weħidha.

Attwalment l-Istati Membri għandhom l-għażla li jżommu persuna, barra l-persuna li tħallas il-VAT, responsabbli flimkien u separatament fit-territorju tagħhom. Dan il-kunċett ta' liġi nazzjonali ħoloq inċertezza legali, kif wieħed jista' jara mill-każijiet varji tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. It-traduzzjoni ta' dan il-kunċett f'kuntest transkonfinali, f'sitwazzjoni fejn ir-responsabilità konġunta hi marbuta mal-kwalità ta' kif jiġu rrappurtati l-provvisti intra-Komunitarji, jimplika li l-ksur tal-liġi fi Stat Membru minn fornitur li jagħmel rapport ħażin jista' jiġi kkastigat fi Stat Membru ieħor. Riżultat serju bħal dan jeħtieġ aktar studju. Ir-rapporteur tiegħek jinnota li l-proposta ma tagħtix evalwazzjoni tal-impatt f'dan ir-rigward.

Minflok it-twessigħ transkonfinali kuraġġuż tal-poter ġurisdizzjonali tal-Istati Membri fl-irkupru tad-dħul mitluf mill-VAT fit-territorju tagħhom, għandha ssir aktar enfasi fuq iż-żieda fl-iskambju (u l-kwalità) tal-informazzjoni. Kif ġie nnutat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha 8/2007, nofs l-iskambju ta' informazzjoni mitluba mill-Istati Membri ma seħħx fil-perjodi ta' żmien stipulati mil-liġi. Din l-istqarrija timplika, fost l-oħrajn, li mhux l-Istati Membri kollha qegħdin jirrappurtaw tajjeb. Ir-rapporteur hu tal-fehma li n-negozji m'għandhomx ikunu responsabbli għan-nuqqasijiet fil-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Jekk l-Istati Membri jingħataw il-poter addizzjonali li jressqu lill-fornituri l-qorti fuq bażi transkonfinali, l-Istati Membri ma jkollhomx inċentiv biex itejbu verament il-koperazzjoni amministrattiva.

Għalhekk il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar proposti b'mod urġenti dwar l-aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra kollha għal ċerta informazzjoni li ma tkunx sensittiva u li tkun miżmuma mill-Istati Membri dwar il-persuni taxxabbli tagħhom (bħal, fis-settur tan-negozju, ċerta informazzjoni dwar il-fatturat), u dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u għat-tneħħija mir-reġistrazzjoni ta' persuni obbligati li jħallsu l-VAT sabiex ikun żgurat li jinkixfu fil-pront il-persuni taxxabbli qarrieqa u titneħħielhom ir-reġistrazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu r-responsabilità biex iżommu l-informazzjoni tagħhom aġġornata, b'mod partikulari rigward it-tneħħija tar-reġistrazzjonijiet u l-kxif ta' reġistrazzjonijiet qarrieqa.

Konklużjoni

Ir-rapporteur tagħkom jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinsab fit-triq it-tajba. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rapporteur tagħkom jipproponi li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi emendata sabiex issir aktar ibbilanċjata vis-à-vis in-negozji onesti.

PROĊEDURA

Titlu

Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ transazzjonijiet oħra transkonfinali

Referenzi

COM(2008)0805 – C6-0039/2009 – 2008/0228(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

28.1.2009

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

5.2.2009

Rapporteur

Data tal-ħatra

Cornelis Visser

17.12.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

11.2.2009

30.3.2009

 

 

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, David Casa, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, Ingo Friedrich, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Wolf Klinz, Kurt Joachim Lauk, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Dariusz Rosati, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl, Gianni Pittella, Eva-Riitta Siitonen

Data tat-tressiq

1.4.2009