RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta' rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

2.4.2009 - (COM(2008)0812 – C6‑0470/2008 – 2008/0229(COD)) - ***I

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Dimitrios Papadimoulis

Proċedura : 2008/0229(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0208/2009
Testi mressqa :
A6-0208/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta' rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

(COM(2008)0812 – C6‑0470/2008 – 2008/0229(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0812),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 175 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0470/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0208/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda 1

Proposta għal direttiva

Titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta' rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta' rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-vetturi bil-mutur fi stazzjonijiet tas-servizz

Ġustifikazzjoni

Biex ikun konformi mal-Artikolu 1 tad-Direttiva

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 1 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1a) Il-Protokoll ta’ Ġinevra dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili jew il-Flussi Transkonfinali tagħhom jistabbilixxi l-objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-komposti organiċi volatili filwaqt li l-Protokoll ta’ Gothenburg għat-tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu fil-livell tal-art jistabbilixxi l-ogħla livelli ta’ emissjonijiet għal erba’ sustanzi niġġiesa - id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, il-komposti organiċi volatili u l-ammonja, u jirrikjedi li l-aqwa tekniki disponibbli jintużaw biex jitrażżnu l-emissjonijiet

Ġustifikazzjoni

Il-Protokoll ta’ Ġinevra u l-Protokoll ta’ Gothenburg għall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fit-Tul tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) huma tnejn mill-istrumenti leġiżlattivi ewlenin għall-introduzzjoni ta’ kontrolli tal-Istadju II.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Id-Direttiva Nru 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 fuq il-kwalità tal-arja ta' barra u fuq arja iktar nadifa għall-Ewropa tistabbilixxi għanijiet għall-kwalità tal-arja għall-ożonu u l-benżin fil-livell tal-art u d-Direttiva Nru 2008/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 tistabbilixxi limiti nazzjonali ta' emissjonijiet għall-komposti volatili organiċi li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art. Billi l-emissjonijiet ta' komposti volatili organiċi, inkluż il-fwar tal-petrol, fi Stat Membru wieħed jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja fi Stati Membri oħra.

(2) Id-Direttiva Nru 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja ta' barra u dwar arja iktar nadifa għall-Ewropa tistabbilixxi l-għanijiet ta’ kwalità tal-arja għall-ożonu u l-benżin fil-livell tal-art, u d-Direttiva Nru 2008/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 tistabbilixxi limiti nazzjonali ta' emissjonijiet għall-komposti volatili organiċi li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art u ta’ smog fotokimiku. Billi l-emissjonijiet ta' komposti volatili organiċi, ikklassifikati bħala tossiċi u karċinoġeniċi, inkluż il-fwar tal-petrol, fi Stat Membru wieħed jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja fi Stati Membri oħra.

Ġustifikazzjoni

Għall-konformità mad-Direttiva 94/63/KE.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2a) L-ożonu huwa t-tielet l-aktar gass b’effett ta’ serra sinifikanti wara d-dijossidu tal-karbonju u l-metanu f’dawk li huma effetti ta’ tisħin atmosferiku u ta’ bidla fil-klima u għandu effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq il-veġetazzjoni u l-materjali tal-bini.

Ġustifikazzjoni

F’kundizzjonijiet xemxin u kalmi u meta jkun hemm ossidi tan-nitroġenu fl-arja, l-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili jkollhom reazzjoni u jiffurmaw ożonu fil-livell tal-art, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem, għall-veġetazzjoni u għall-materjali tal-bini.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Il-fwar tal-petrol joħroġ ukoll waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fl-istazzjonijiet ta' servizz u għandu jiġi rkuprat b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 94/63/KE.

(4) Il-fwar tal-petrol joħroġ ukoll waqt il-forniment tal-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta' servizz u għandu jiġi rkuprat b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 94/63/KE.

Ġustifikazzjoni

Għall-konformità mal-Artikolu 1 tad-Direttiva.

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Premessa 4 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4a) Minkejja l-fatt li diversi strumenti Komunitarji ġew żviluppati u implimentati biex jillimtaw l-emissjonijiet tal-VOCs, l-impatti ta’ dawk l-istrumenti fuq it-tniġġis tal-arja kif evalwat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2005 bl-isem "Strateġija Tematika dwar it-tniġġis tal-arja” għadhom insinifikanti u l-objettivi fuq żmien fit-tul għas-saħħa u għall-ambjent, kif stabbiliti fis-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali u fid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi1, mhux se jintlaħqu fuq il-bażi tal-politiki kurrenti sal-2020.

 

 

1 ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

Ġustifikazzjoni

L-Istrateġija Tematika pproponiet diversi miżuri biex jgħinu sabiex ikun hemm aktar progress lejn l-ilħuq tal-objettivi għaż-żmien fit-tul, inklużi kontrolli ulterjuri fuq l-għoti tal-fjuwil lil vetturi bil-mutur fi stazzjonijiet tas-servizz.

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Huwa xieraq li jiġi stabbilit livell uniformi minimu ta' rkupru tal-fwar tal-petrol sabiex ikun hemm livell għoli ta' benefiċċju ambjentali u sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tat-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

(6) Il-fwar tal-petrol li joħroġ waqt l-għoti ta’ fjuwil lill-vetturi bil-mutur bħalissa mhuwiex regolat fuq livell Komunitarju għalkemm diversi Stati Membri implimentaw regolamenti ta’ Stadju II dwar l-irkupru tal-fwar tal-petrol. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell uniformi minimu ta' rkupru tal-fwar tal-petrol sabiex ikun hemm livell għoli ta' benefiċċju ambjentali u sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tat-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

Ġustifikazzjoni

Ir-regolamenti nazzjonali jvarjaw fil-kamp ta’ applikazzjoni, l-aktar fid-daqs minimu tal-istazzjon tal-petrol koperta, fl-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol meħtieġa u fir-reġim tal-konformità wara li ssir l-installazzjoni.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Spezzjonijiet perjodiċi tat-tagħmir kollu installat tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol għandhom isiru sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jasal għal tnaqqis fl-emissjonijiet.

(7) Spezzjonijiet perjodiċi tat-tagħmir kollu installat tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol għandhom isiru sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jasal għal tnaqqis fl-emissjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet jitwettqu skont ir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 li jipprovdu l-kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri1.

 

1 ĠU L 118, 27.4.2001, p. 46.

Ġustifikazzjoni

L-ispezzjonijiet mwettqa sewwa għandhom irwol sinifikanti għas-suċċess ta’ din id-Direttiva. Għalhekk jinħtieġ li d-dispożizzjonijiet mir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE jiġi applikati.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Premessa 7 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7a) It-tagħmir kollu tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol għandu jiġi ttestjat regolarment u t-testijiet għandhom jinkludu kemm l-effettività tal-irkupru tal-fwar mid-dispenser kif ukoll il-kejl ta’ pressjoni żejda u ż-żamma tal-fwar tas-sistema sħiħa tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

Ġustifikazzjoni

It-tagħmir kollu għall-irkupru tal-fwar għandu jkollu manutenzjoni xierqa sabiex ikun ħieles minn nixxiegħat u ma jaħrabx fwar minnu.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(8) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, peress li n-nuqqas ta’ konformità tista’ tkun ta’ ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Għandu jiġi ppubblikat tagħrif dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Għandha tiġi stabbilita proċedura trasparenti u li taħdem dwar sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, is-sistema “name and shame” għandha tiżgura li jkun hemm rispett tar-regoli stipulati f’din id-Direttiva.

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. ‘petrol’ fisser petrol kif definit fl-Artikolu 2(1)tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1;

1. ‘petrol’ tfisser petrol kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 1994/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1;

1 ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58

1 ĠU L 365, 31.12.1994, p. 24

Ġustifikazzjoni

Id-definizzjoni għandha tkun l-istess bħal dik tad-Direttiva dwar l-Istadju I PVR. Peress li ż-żewġ strumenti legali se japplikaw simultanjament għall-istess stazzjon ta' servizz hu importanti li jkun hemm konsistenza fl-approċċ legali.

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta' servizz eżistenti li għandu fluss ikbar minn 500 m fis-sena u li jitranġa kompletament mill-ġdid għandu jiġi fornut b'sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-proċess ta' arranġament mill-ġdid.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta' servizz eżistenti li għandu fluss ikbar minn 500 m fis-sena u li jitranġa kompletament mill-ġdid għandu jiġi fornut b'sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-proċess ta' arranġament mill-ġdid. Madankollu, l-istazzjonijiet ta' servizz ġodda kollha li jinsabu f’bini użat bħala residenza permanenti jew ta' xogħol li jsirilhom xogħol ta’ rinovazzjoni kbira għandhom ikunu fornuti bis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol irrispettivament mill-fluss reali jew maħsub tagħhom.

Ġustifikazzjoni

Biex ikun hemm konsistenza mal-paragrafu 1.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li stazzjon ta' servizz eżistenti li għandu fluss żejjed ta' 3000 m fis-sena għandu jiġi fornut b'sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta' servizz eżistenti li għandu fluss żejjed ta' 3000 m fis-sena għandu jiġi fornut b'sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 3 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Bħala deroga, il-paragrafi 1 sa 3 m’għandhomx japplikaw għall-istazzjonijiet ta’ servizz assoċjati mal-bini u t-trasferiment ta’ vetturi ġodda.

Ġustifikazzjoni

Id-definizzjoni proposta tinkludi produtturi tal-karozzi għat-tankijiet li jimtlew għall-ewwel darba bil-kombustibbli. Peress li dawn it-tankijiet ikunu ġodda u qabel ma kellhomx petrol, mhux se jiċċaqlaq fwar, għalhekk, l-ispiża sinifikanti addizzjonali tat-tagħmir tal-irkupru tal-fwar mhux se jnaqqas l-emissjonijiet tal-VOC. Xi postijiet oħra mhux kummerċjali se jaqgħu taħt il-limiti volumetriċi proposti u, għalhekk, mhux se jkunu affettwati mil-leġiżlazzjoni.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarbonju tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tkun daqs jew ikbar il-85 %.

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarbonju tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tkun daqs jew ikbar id-90 %.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2a. L-operaturi tas-stazzjonijiet tas-servizz għandhom iżommu r-rekords tad-dettalji kollha ta’ manutenzjoni, spezzjonijiet u testijiet, xogħol ta’ installazzjoni u ta’ tiswija mwettqa, għall-finijiet tal-kontrolli tal-Istadju II.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm verifika sħiħa tal-funzjonament xieraq tas-sistema tal-Istadju II

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2 b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2b. Meta stazzjon tas-servizz jinstalla sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar, l-operatur tal-istazzjon tas-servizz għandu jwaħħal tabella, stiker jew kwalunkwe avviż ieħor li jgħid li l-istazzjon tas-servizz huwa mgħammar b’tagħmir tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

Ġustifikazzjoni

M’għandniex xi ngħidu li għandu jitwaħħal ċertifikat fl-istazzjon tas-servizz biex juri li l-istazzjon huwa b’tagħmir tal-istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, propozjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard mid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, propozjonati u dissważivi. Għandu jiġi ppubblikat tagħrif dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard mid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Ġustifikazzjoni

Għandha tiġi stabbilita proċedura trasparenti u li taħdem dwar sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, is-sistema “name and shame” għandha tiżgura li jkun hemm rispett tar-regoli stipulati f’din id-Direttiva.

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 6a

Rappurtaġġ u reviżjoni

 

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien 24 siegħa mid-data msemmija fl-Artikolu 7(1) u mbagħad, kull tliet snin. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti l-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva filwaqt li tqis partikolarment l-istabbiliment ta’ metodi armonizzati biex titkejjel l-effiċjenza tal-qbid tal-idrokarbonji.

Ġustifikazzjoni

L-Istati Membri diġà qed jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Istadju I ta' rkupru tal-fwar tal-petrol. Id-diversi metodi ta’ kejl jistgħu jwasslu biex ikun hemm implimentazzjoni mhux koerenti ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis jekk tintroduċiex sistema armonizzata mill-aktar fis.

Emenda  20

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2012. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonjiet mill-1 ta' Lulju 2012.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonjiet mill-1 ta' Lulju 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Ġustifikazzjoni

Aħna nipproponu li tiġi ffissata skadenza għall-2010 li tkun konformi mal-impenji tal-Istati Membri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-VOCs skont id-Direttiva tal-Ogħla Limiti Nazzjonali ta’ Emissjonijiet tal-UE u l-Protokoll ta’ Gothenburg tal-UNECE.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-petrol fih komposti volatili organiċi (VOC) li jevaporaw fit-tank tal-fjuwil u jimlew l-ispazju vojt fit-tank ’il fuq mill-fjuwil. Meta vettura timtela bil-fjuwil, dan il-fwar jintefa’ ’l barra mit-tank mill-fjuwil li jidħol u, sakemm ma jinqabadx, jaħrab ’il barra fl-atmosfera mit-toqba tat-tank tal-vettura.

Meta jintefgħu fl-atmosfera l-komposti volatili organiċi (VOCs) jirreaġixxu fil-preżenza tar-raġġi tax-xemx mal-ossidi tan-nitroġenu biex jiffurmaw ożonu fil-livell tal-art. Dan huwa wieħed mill-komponenti tal-ismogg fotokimiku, li jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem, lill-veġetazzjoni u lill-materjali tal-bini.

L-ożonu huwa sustanza li tniġġes, gassuża, transkonfinali, u irritanti ħafna u l-espożizzjoni għaliha tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa tan-nies. Iż-żieda fil-livelli tal-ożonu ġiet assoċjata maż-żieda fir-rati ġenerali tal-imwiet u l-ammissjonijiet fl-isptar marbuta ma’ mard respiratorju. Barra mill-effetti tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ożonu huwa magħruf għall-effetti detrimentali li għandu fuq il-pjanti u l-uċuh tar-raba’. L-ożonu għandu effett danneġġanti fuq materjali bħal lasktu naturali u sintetiku, u l-għata tal-wiċċ (bħaż-żebgħa u l-verniċ) u t-tessuti. F’taħlita ma’ sustanzi oħra li jniġġsu, ġie ppruvat li jagħmel il-ħsara lill-metalli u l-ġebel.

Il-benżin huwa kompost volatili organiku (VOC) u komponent tal-petrol. Huwa wkoll karċinoġen ġenitossiku uman u huwa marbut mar-riskju għoli ta’ mard bħal-lewkimja. Il-biċċa l-kbira tal-espożizzjoni tal-bniedem tiġi mid-duħħan tat-tabakk, il-fwar tal-petrol u mill-emissjonijiet tad-dħaħen mill-vetturi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-użu akbar ta’ bijofjuwils (bħall-bijoetanol fil-petrol) jista’ jwassal għal aktar emissjonijiet ta’ fwar tal-petrol (il-benżin, l-ożonu u komposti volatili organiċi (VOCs) oħra), minħabba żieda fil-pressjoni tal-fwar mit-taħlit li jirriżulta.

Il-Proposta tal-Kummissjoni

Il-ħtieġa li jkun hemm arja aktar nadifa ilha rikonoxxuta għal diversi għexieren ta’ snin b’azzjoni li tittieħed f’livell nazzjonali u tal-UE u wkoll permezz ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.

It-titjib fil-kwalità tal-arja ta’ madwarna jibqa’ sfida ewlenija li trid tiġi indirizzata. Il-problema tat-tniġġis tal-arja tista’ tissolva biss fuq medda twila ta’ żmien u f’ambitu Ewropew, b’mod partikolari billi jitjiebu l-miżuri transkonfinali. L-objettivi għal medda twila ta’ żmien għas-saħħa u l-ambjent, kif stabbiliti bid-deċiżjonijiet ta’ qabel, mhumiex se jinkisbu abbażi tal-politiki attwali, lanqas sas-sena 2020, skont sejbiet reċenti. L-Istrateġija Tematika dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2005 u l-leġiżlazzjoni ta’ wara (b’mod partikolari d-Direttiva 2008/50) ipproponew diversi miżuri li jgħinu biex ikun hemm aktar progress lejn l-objettivi għal medda twila ta’ żmien, inklużi miżuri oħra fil-bidu, bħall-kontrolli fuq il-forniment tal-karburant tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol fi stazzjonijiet ta’ servizz.

Il-proposta tal-Kummissjoni timmira li tirkupra l-fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet ta’ servizz. Teżisti direttiva (1994/63) li diġà tirregola l-kontroll tal-emissjoni ta’ komposti volatili organiċi (VOCs) mill-ħżin tal-petrol u d-distribuzzjoni tiegħu minn terminals għall-istazzjonijiet ta’ servizz.

Il-fwar tal-petrol li joħoroġ waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri, attwalment mhuwiex regolat f’livell tal-UE għalkemm għadd sinifikanti ta’ Stati Membri għandhom kontrolli PVR tal-Istadju II, fis-seħħ. Dawn ir-regolamenti nazzjonali jvarjaw fil-qasam ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ daqs minimu ta’ pompi tal-petrol koperti, l-effikaċja meħtieġa fil-qbid tal-fwar u r-reġim ta’ konformità wara l-istallazzjoni. Għalhekk huwa importanti li tiġi proposta leġiżlazzjoni f’livell ta’ UE.

L-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol fi stazzjonijiet ta’ servizz huwa maħsub biex jillimita l-emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi (VOCs) tal-inqas waqt li l-vetturi jimtlew bil-karburant u jirkupraw, skont il-proposta tal-Kummissjoni, 85% tal-fwar imqanqal.

Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur iqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija meħtieġa, minħabba l-ħtieġa li jiġu mmirati aktar il-komposti volatili organiċi (VOCs) biex jitjiebu kemm il-kwalità tal-arja lokali ukemm dik reġjonali, u l-kumditajiet pubbliċi, l-użu b’suċċess tas-sistemi VPR II madwar id-dinja, u l-kapaċità tat-teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet mill-forniment tal-karburant b’95 fil-mija.

L-emendi tiegħu huma mmirati lejnit-tisħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni, u jikkunsidraw:

-li l-livell ta’ emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi (VOCs) minn stazzjonijiet ta’ servizz huwa marbut mal-flussi tal-petrol u l-espożizzjoni tal-bnedmin hija marbuta mal-viċinanza tal-persuna għas-sors tal-emissjoni. Għalhekk, aktar ma stazzjon ta’ servizz ikun kbir u aktar ma persuna taħdem jew tgħix viċin tiegħu, il-probabiltà li jiltaqa’ ma’ ammonti kbar ta’ komposti volatili organiċi (VOCs) fl-arja ta’ barra, tkun akbar. Proporzjonatament, pompi tal-petrol iżgħar jitfgħu inqas emissjonijiet minn kategoriji oħra ta’ flussi tal-petrol, u

- l-spiża tal-installazzjoni. Filwaqt li l-benefiċċji ta’ kwalunkwe sistema tal-Istadju II normalment ikunu determinati f’livell tas-soċjetà inġenerali, huwa interessanti li wieħed jinnota li hemm effetti distribuzzjonali kbar marbuta mal-valur ekonomiku tal-fwar irkuprat tal-petrol. L-irkupru u l-bejgħ ta’ fwar bħala petrol maż-żmien jistgħu jikkumpensaw dawn l-ispejjeż. Studju reċenti fir-Renju Unit indika benefiċċju ekonomiku nett, matul iż-zmien kemm idum iservi t-tagħmir, mill-bejgħ ta’ fwar irkuprat għal stazzjonijiet ta’ servizz.

L-emendi tar-Rapporteur

a. Jiġi estiż il-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-vetturi bil-mutur kollha.

b. Jissaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni billi jintalab li l-livell minimu permess ta’ rkupru ta’ fwar tal-petrol ikun ugwali għal 95% jew aktar.

c. Jiġu inklużi l-stazzjonijiet kollha ta’ servizz li jinsabu taħt kwartieri permanenti ta’ għajxien jew taħt zoni fejn jaħdmu n-nies li jsirilhom tibdil kbir, fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-prososta, irrispettivament mill- flussi tal-petrol tagħhom.

d. Jitnaqqsu l-flussi tal-petrol meħtieġa ta’ pompi tal-petrol eżistenti u titressaq ’il quddiem id-data ta’ konformità għalihom.

e. Issir ħidma li twassal għall-kisba ta’ konformità aħjar permezz ta’ ttestjar, monitoraġġ, u spezzjonijiet ta’ log books ta’ stazzjonijiet ta’ servizz u jiġi introdott l-obbligu ta’ rappurtaġġ għall-Istati Membri.

f. Tiġi stabbilita proċedura prattika u trasparenti dwar sanzjonijiet għal min ma jikkonformax, billi tiġi introdotta s-sistema "name and shame" li għandha tiżgura konformità mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva.

g. Tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni, biex il-Kummissjoni tistabbilixxi metodi armonizzati biex titkejjel l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarbonju, malajr kemm jista’ jkun.

h. Tiġi introdotta data ta’ traspożizzjoni aktar kmieni bħala rikonoxximent tal-impenji tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi (VOCs) skont il-Protokoll ta’ Gothenburg u d-Direttiva għal-Limiti Massimi għall-Emissjonijiet Nazzjonali għas-sena 2010.

PROĊEDURA

Titolu

Irkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

Referenzi

COM(2008)0812 – C6-0470/2008 – 2008/0229(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

4.12.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

15.12.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

15.12.2008

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ITRE

19.1.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Dimitrios Papadimoulis

12.1.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

16.2.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Liam Aylward, Pilar Ayuso, Irena Belohorská, Maria Berger, Johannes Blokland, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Dorette Corbey, Magor Imre Csibi, Chris Davies, Avril Doyle, Edite Estrela, Anne Ferreira, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Gyula Hegyi, Marie Anne Isler Béguin, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Urszula Krupa, Jules Maaten, Marios Matsakis, Linda McAvan, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Dagmar Roth-Behrendt, Guido Sacconi, Daciana Octavia Sârbu, Amalia Sartori, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Nicodim Bulzesc, Christofer Fjellner, Johannes Lebech

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Christopher Heaton-Harris, Søren Bo Søndergaard

Data tat-tressiq

2.4.2009