Proċedura : 2008/0230(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0221/2009

Testi mressqa :

A6-0221/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2009 - 6.8
CRE 22/04/2009 - 6.8

Testi adottati :

P6_TA(2009)0224

RAPPORT     ***I
PDF 300kDOC 364k
2 t'April 2009
PE 418.187v01-00 A6-0221/2009

dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

(COM(2008)0814 – C6-0468/2008 – 2008/0230(COD))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Erika Mann

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

(COM(2008)0814 – C6-0468/2008 – 2008/0230(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0814),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), l-Artikolu 169 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 172 tat-Trattat tal-KE, skont liema l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C6- 0468/2008),

–   wara li kkunsidra l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz ta' ittra tal-25 ta’ Marzu 2009 sabiex jadotta l-proposta kif emendata, skont l-ewwel inċiż fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE,

–   wara li ikkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0221/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

EMENDI MRESSQA MILL-PARLAMENT(1)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 169 u 172, it-tieni paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1)    Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (minn hawn ’il quddiem "is-Seba’ Programm Kwadru") tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-programmi ta’ riċerka u żvilupp imwettqa minn diversi Stati Membri, inkluża l-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għat-twettiq ta’ dawk il-programmi, fit-tifsira tal-Artikolu 169 tat-Trattat.

(2)    Is-Seba’ Programm Kwadru ddefinixxa serje ta’ kriterji għall-identifikazzjoni ta’ oqsma għal inizjattivi bħal dawn skont l-Artikolu 169: ir-rilevanza għall-miri tal-Komunità, id-definizzjoni ċara tal-mira li għandha tiġi segwita u r-rilevanza tagħha għall-miri tal-Programm Kwadru, il-preżenza ta’ bażi diġà eżistenti (programmi ta’ riċerka nazzjonali eżistenti jew previsti), valur miżjud Ewropew, massa kritika fir-rigward tad-daqs u n-numru ta’ programmi involuti u x-xebh tal-attivitajiet li jkopru, u l-effiċjenza tal-Artikolu 169 bħala l-aktar mezz adatt sabiex jintlaħqu l-miri.

(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 971/2006/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (minn hawn ’il quddiem il-"Programm Speċifiku "Kooperazzjoni"") tinkoraġġixxi approċċ li jħaddan diversi temi ta’ suġġetti ta’ riċerka rilevanti għal tema waħda jew aktar tas-Seba’ Programm Kwadru, u f’dan il-kuntest identifikat inizjattiva skont l-Artikolu 169 fil-kamp tal-metroloġija bħala wieħed mill-oqsma adatti għall-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programmi ta’ riċerka nazzjonali implimentati b’mod konġunt fuq il-bażi tal-Artikolu 169 tat-Trattat.

(4)    Il-metroloġija hija qasam xjentifiku li jħaddan diversi dixxiplini li huwa komponent vitali ta’ soċjetà moderna bbażata fuq l-għerf. Standards ta’ kejl affidabbli u komparabbli, metodi validati xierqa ta’ kejl u ttestjar isostnu l-proċessi tal-avvanz xjentifiku u l-innovazzjoni teknoloġika u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa.

(5)    Fil-preżent, numru ta’ programmi jew attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp imwettqa mill-Istati Membri b’mod individwali fuq livell nazzjonali biex isostnu l-R&D fil-metroloġija mhumiex ikkoordinati b’mod suffiċjenti fil-livell Ewropew u ma jippermettux li tinġabar il-massa kritika neċessarja li hija mitluba f’oqsma strateġiċi tar-riċerka u żvilupp.

(6)    Xewqana li jkollhom approċċ koerenti fuq livell Ewropew fil-kamp tal-metroloġija u li jaġixxu b’mod effettiv, diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva li jwaqqfu programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp bit-titlu "Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija" (minn hawn ’il quddiem l-"EMRP") sabiex jirrispondu għat-talba dejjem tiżdied fl-Ewropa għal metroloġija progressiva, b’mod partikolari f’oqsma teknoloġiċi emerġenti, bħala għodda għall-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika u appoġġ għall-politika.

(7)    Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2007-2008 tal-11 ta’ Ġunju 2007 għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni", il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-ERA-NET Plus fil-kamp tal-metroloġija sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni bejn il-proġett tal-ERA-NET "iMERA" u l-programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-metroloġija li għandu jiġi implimentat fuq il-bażi tal-Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE. Ir-riżultat kien l-iżvilupp tal-EMRP li ddefinixxa l-isfidi u l-attivitajiet prinċipali tal-programm konġunt.

(8)    L-EMRP jfittex li jsostni l-iżvilupp u l-innovazzjoni xjentifika billi jipprovdi l-qafas legali u organizzattiv neċessarju għal kooperazzjoni Ewropea fuq skala kbira bejn l-Istati Membri dwar riċerka metroloġika fi kwalunkwe qasam teknoloġiku jew industrijali. L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit kif ukoll in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (minn hawn ’il quddiem "l-Istati parteċipanti") qablu li jikkoordinaw u jimplimentaw attivitajiet konġunti mmirati sabiex jikkontribwixxu għall-EMRP. Il-valur globali tal-parteċipazzjoni tagħhom huwa stmat għal mill-anqas EUR 200 miljun flimkien ma’ kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ EUR 100 miljun għall-perjodu propost ta’ seba’ snin.

(9)    Sabiex iżidu l-impatt tal-EMRP, l-Istati parteċipanti qablu ma’ parteċipazzjoni Komunitarja fl-EMRP. Il-Komunità għandha tipparteċipa fih billi tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għal dik tal-Istati parteċipanti sa massimu ta’ EUR 200 miljun għall-perjodu tal-EMRP. Minħabba li l-EMRP jilħaq il-miri speċifiċi tas-Seba’ Programm Kwadru u li l-azzjonijiet fil-kamp tal-metroloġija huma ta’ natura orizzontali u mhux marbuta direttament mal-għaxar temi, l-EMRP għandu jiġi appoġġat tul it-temi kollha rilevanti.

(10)  Jistgħu jkunu disponibbli aktar opzjonijiet ta’ finanzjament, fost l-oħrajn mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), b’mod partikolari permezz tal-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju li ġiet żviluppata b’mod konġunt mal-BEI u l-Kummissjoni skont l-Anness III tal-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni".

(11)  L-appoġġ finanzjarju mill-Komunità għandu jiġi pprovdut suġġett għad-definizzjoni ta’ pjan ta’ finanzjament ibbażat fuq impenji formali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jimplimentaw flimkien il-programmi u l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp imwettqa fuq livell nazzjonali u sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-eżekuzzjoni konġunta tal-EMRP.

(12)  L-implimentazzjoni konġunta tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka teħtieġ l-istabbiliment jew l-eżistenza ta’ struttura ddedikata għall-implimentazzjoni, kif ipprovdut fil-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni". L-Istati parteċipanti qablu dwar struttura ta’ implimentazzjoni ddedikata bħal din biex jimplimentaw l-EMRP. L-istruttura ddedikata għall-implimentazjoni għandha tirċievi l-kontribuzzjoni Komunitarja u għandha tassigura t-twettiq effiċjenti tal-EMRP.

(13)  Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun suġġetta għall-wegħdiet ta’ riżorsi mill-Istati parteċipanti u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

(14)  Filwaqt li ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka huwa dipartiment tal-Kummissjoni, l-istituti tiegħu għandhom kapaċitajiet ta’ riċerka li huma rilevanti għall-EMRP u li għalhekk għandhom jiġu attivati fl-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk, huwa xieraq li l-irwol taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka jiġi ddefinit f’termini tal-eliġibilità tiegħu għall-parteċipazzjoni u għall-finanzjament u tal-involviment tiegħu fit-tmexxija tal-EMRP.

(15)  Il-ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja huwa suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ġenerali bejn il-Kummissjoni f’isem il-Komunità Ewropea u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li jinkludi l-arranġamenti dettaljati għall-użu tal-kontribuzzjoni Komunitarja. Dan il-ftehim ġenerali għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu mħarsa.

(16)  L-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni Komunitarja għandu jitqies bħala dħul assenjat, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"). Il-kontribuzzjoni Komunitarja massima indikata f’din id-deċiżjoni tista’ tiżdied kif meħtieġ mill-Kummissjoni.

(17)  Il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, tirtira jew twaqqaf il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha jekk l-EMRP jiġi implimentat inadegwatament, parzjalment jew tard, jew jekk l-Istati parteċipanti ma jikkontribwux jew jikkontribwixxu parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-EMRP, skont it-termini stipulati fi ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

(18)  Sabiex l-EMRP jiġi implimentat b’mod effiċjenti, l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata lil parteċipanti fil-proġetti tal-EMRP magħżula fil-livell ċentrali taħt ir-responsabbiltà tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni wara sejħiet għall-proposti. Tali appoġġ finanzjarju u l-ħlas tiegħu għandhom ikunu trasparenti u effiċjenti.

(19)  L-evalwazzjoni tal-proposti għandha ssir b’mod ċentrali minn esperti indipendenti taħt ir-responsabilità tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni. Din l-istruttura għandha tapprova klassifikazzjoni li għandha tkun vinkolanti fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-baġits nazzjonali allokati għal proġetti tal-EMRP.

(20)  Skont ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem ir-"Regoli Implimentattivi"), il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi mmaniġġata fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju, u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regoli Implimentattivi.

(21)  Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru għandu jkollu d-dritt li jissieħeb fl-EMRP.

(22)  B’mod konformi mal-miri tas-Seba’ Programm Kwadru, għandha tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor fl-EMRP bil-kundizzjoni li tali parteċipazzjoni tkun prevista mill-ftehim internazzjonali rilevanti u bil-kundizzjoni li kemm il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, kif ukoll l-Istati Membri parteċipanti jaqblu magħha. Skont is-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tiftiehem kundizzjonijiet marbuta mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għall-EMRP rigward il-parteċipazzjoni fih ta’ pajjiżi oħra bħal dawn skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni.

(23)  Għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu evitati irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

(24)  Huwa essenzjali li l-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt l-EMRP jikkonformaw mal-prinċipji etiċi bażiċi, fosthom dawk riflessi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jsegwu l-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

(25)  Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni proviżorja, li tivvaluta l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-EMRP u l-progress lejn il-miri stabbiliti, kif ukoll evalwazzjoni finali.

(26)  L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-parteċipanti fil-proġetti magħżula tal-EMRP sabiex jikkomunikaw u jxerrdu r-riżultati tagħhom u jagħmlu din l-informazzjoni pubblikament disponibbli,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni Komunitarja

1.      Il-Komunità għandha tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-"Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija" (minn hawn ’il quddiem "EMRP") imwettaq b’mod konġunt mill-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, kif ukoll in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-"Istati parteċipanti").

2.      Il-Komunità għandha tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja daqs dik tal-Istati parteċipanti iżda li ma taqbiżx EUR 200 miljun imħallsa mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għall-perjodu tas-Seba’ Programm Kwadru, skont il-prinċipji stipulati fl-Anness I u l-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

3.      Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha titħallas b’mod konġunt mill-approprjazzjonijiet tal-baġit allokati għat-temi kollha rilevanti tal-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni" li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru skont id-Deċiżjoni 2006/971/KE.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni Komunitarja

Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun marbuta mal-kundizzjoni li:

(a)    l-Istati parteċipanti juru li l-EMRP kif deskritt fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni ġie stabbilit b’mod effiċjenti;

(b)    tiġi stabbilita b’mod formali l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni b’personalità ġuridika li għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP u biex tirċievi, talloka u timmonitorja l-kontribuzzjoni Komunitarja fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont l-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regoli Implimentattivi;

(c)    jiġi stabbilit mudell adegwat u effiċjenti ta’ tmexxija għall-EMRP f’konformità mal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni;

(d)    jitwettqu b’mod effiċjenti l-attivitajiet taħt l-EMRP deskritti fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni mill-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li jinvolvi t-tnedija ta’ sejħiet għall-proposti;

(e)    kull Stat parteċipanti jimpenja ruħu li jikkontribwixxi l-parti tiegħu tal-finanzjament tal-EMRP, u biex iżid din il-kontribuzzjoni b’kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ 50% sabiex ilaħħaq ma’ rata ta’ suċċess għolja tal-parteċipanti tiegħu fil-proġetti tal-EMRP, u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja lill-benefiċjarji;

(f)     jiġu osservati r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari l-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna Statali għar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni;

(g)    jiġi assigurat livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika u osservanza tal-prinċipji etiċi skont il-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru, u tal-integrazzjoni tas-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u tal-iżvilupp sostenibbli;

(h)    jiġu fformulati dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa taħt l-EMRP u l-implimentazzjoni u l-koordinament tal-programmi u l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp imwettqa fil-livell nazzjonali mill-Istati parteċipanti b’tali mod li huma jfittxu li jippromwovu l-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ għerf u jappoġġaw użu wiesa’ u tixrid tal-għerf li jinħoloq. L-approċċ meħud għandu jsegwi l-mudell stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru”).

Artikolu 3

Attivitajiet tal-EMRP

1.      L-attività prinċipali tal-EMRP għandha tikkonsisti fil-finanzjament ta’ proġetti EMRP transnazzjonali b’diversi msieħba li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u disseminazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa "proġetti EMRP"). Minħabba l-kapaċitajiet ikkonċentrati fil-metroloġija, il-parti prinċipali tal-proġetti EMRP għandha titwettaq mill-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija u l-Istituti(2) Denominati mill-Istati parteċipanti.

2.      Sabiex iżid u jiddiversifika l-kapaċitajiet fil-metroloġija, l-EMRP għandu jiffinanzja wkoll diversi skemi ta’ għotjiet għar-riċerkaturi sabiex jikkumplimentaw l-proġetti EMRP.

3.      Il-proġetti EMRP għandhom jintgħażlu u l-għotjiet għar-riċerkaturi għandhom jingħataw wara sejħiet għall-proposti li jirrispettaw il-prinċipji tat-trattament ugwali, tat-trasparenza, tal-evalwazzjoni indipendenti, tal-kofinanzjament, tal-finanzjament li ma jwassalx għal profitt kif ukoll tan-nuqqas ta’ retroattività(3) kif stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

4.      Il-kriterji prinċipali tal-evalwazzjoni għandhom ikunu mutatis mutandis dawk tal-Artikolu 15(1) (a) u (b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru għall-proġetti EMRP u l-iskemi ta’ għotjiet għar-riċerkaturi, rispettivament. Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

5.      Aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-EMRP huma pprovduti fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Rwol taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka

1.      Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea se jkun eliġibbli għal parteċipazzjoni fi u għal finanzjament mill-EMRP taħt kundizzjonijiet komparabbli ma’ dawk tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija tal-Istati parteċipanti.

2.      Ir-riżorsi personali taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li mhumiex koperti mill-finanzjament mill-EMRP, ma għandhomx jgħoddu bħala kontribuzzjoni Komunitarja fl-ambitu tal-Artikolu 1.

3.      L-istitut responsabbli għall-metroloġija taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, bħala dipartiment tal-Kummissjoni li jaġixxi f’isem il-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-EMRP fi ħdan l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, bħala osservatur mingħajr dritt tal-vot.

Artikolu 5

Ftehimiet bejn il-Komunità u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni

L-arranġamenti dettaljati għall-ġestjoni u kontroll tal-fondi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ġenerali u fi ftehimiet finanzjarji annwali li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

Il-ftehim ġenerali għandu jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1)    definizzjoni tal-kompiti assenjati;

(2)    il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-kompiti, fosthom dispożizzjonijiet xierqa biex jiġu ddefiniti r-responsabilitajiet u jkunu organizzati l-kontrolli li għandhom jitwettqu;

(3)    ir-regoli dwar ir-rappurtar lill-Kummissjoni fuq kif qegħdin jitwettqu l-kompiti;

(4)    il-kundizzjonijiet li fihom jintemm it-twettiq tal-kompiti;

(5)    l-arranġamenti dettaljati għall-iskrutinju mill-Kummissjoni;

(6)    il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ kontijiet bankarji separati, it-trattament tal-imgħaxijiet prodotti;

(7)    id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-viżibilità tal-azzjoni Komunitarja f’relazzjoni mal-attivitajiet l-oħra tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni;

(8)    impenn li ma jitwettaq l-ebda att li jista’ jwassal għal kunflitt tal-interessi fit-tifsira tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(9)    id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa taħt l-EMRP imsemmija fl-Artikolu 2.

(9a)   lista ta' kriterji li għandha tintuża fl-evalwazzjonijiet interim u finali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 13.

Artikolu 6

Imgħaxijiet mill-kontribuzzjoni Komunitarja

Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni Komunitarja allokata għall-EMRP għandu jitqies bħala dħul assenjat. Il-kontribuzzjoni massima Komunitarja indikata fl-Artikolu 1 tista’ għalhekk tiżdied mill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Tnaqqis tal-kontribuzzjoni Komunitarja bħala sanzjoni għal implimentazzjoni difettuża

Jekk l-EMRP ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat inadegwatament, parzjalment jew tard, il-Komunità tista’ tnaqqas, tirtira jew twaqqaf il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’mod proporzjonali mal-implimentazzjoni attwali tal-EMRP.

Jekk l-Istati parteċipanti ma jikkontribwux jew jikkontribwixxu biss parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-EMRP, il-Komunità tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’mod proporzjonali mal-ammont attwali ta’ finanzjament pubbliku allokat mill-Istati parteċipanti bil-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

Artikolu 8

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità mill-Istati parteċipanti

Fl-implimentazzjoni tal-EMRP, l-Istati parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi jew oħrajn meħtieġa sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Istati parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Komunità skont l-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 38(2) tar-Regoli Implimentattivi.

Artikolu 9

Kontroll mill-Qorti tal-Awdituri

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri ikollhom id-dritt, permezz tal-uffiċjali jew l-aġenti tagħhom, li jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw ġestjoni tajba tal-fondi tal-Komunità u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra kwalunkwe frodi jew irregolarità. Għal dan il-għan, l-Istati parteċipanti u/jew l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandhom, aktar tard, ipoġġu d-dokumenti kollha rilevanti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 10

Informazzjoni reċiproka

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri. L-Istati parteċipanti huma mistiedna jissottomettu lill-Kummissjoni, permezz tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li tkun konsistenti mar-rekwiżiti ġenerali tar-rappurtaġġ stipulati fl-Artikolu 13(1).

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ aktar Stati Membri u pajjiżi assoċjati

Kwalunkwe Stat Membru u pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru għandu jkun intitolat li jissieħeb fl-EMRP skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(e) u (f) u għandu jiġi ttrattat bħala Stat parteċipant.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħra

L-Istati parteċipanti u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu mal-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor soġġetta għall-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(e) u sakemm parteċipazzjoni bħal din tkun prevista mill-ftehim internazzjonali rilevanti. Huma għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet skont liema l-entitajiet legali stabbiliti u l-individwi residenti f’tali pajjiż ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-EMRP.

Artikolu 13

Rappurtaġġ u evalwazzjoni annwali

Ir-rapport annwali dwar is-Seba’ Programm Kwadru ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 173 tat-Trattat għandu jinkludi rapport tal-attivitajiet tal-EMRP.

Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni proviżorja tal-EMRP tliet snin wara l-bidu tal-EMRP. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-progress lejn il-miri stabbiliti fl-Anness I, kif ukoll rakkomandazzjonijiet tal-EMRP dwar l-aktar modi adegwati sabiex tkompli tittejjeb l-integrazzjoni u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, inkluża l-integrazzjoni xjentifika, amministrattiva u finanzjarja u jekk il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati parteċipanti huwiex adatt, fid-dawl tad-domanda potenzjali mid-diversi komunitajiet ta’ riċerka nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tagħhom, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha u, fejn ikun xieraq, proposti biex tiġi emendata din id-deċiżjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fit-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni Komunitarja fl-EMRP iżda mhux aktar tard mill-2017, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ grupp espert indipendenti, għandha twettaq valutazzjoni finali tal-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi tal-EMRP. Dan il-grupp għandu jibbaża l-valutazzjoni tiegħu fuq, inter alia, l-indikaturi li ġejjin:

(a)    l-eċċellenza xjentifika tal-proġetti u l-għotjiet kif imkejla minn għadd ta' pubblikazzjonijiet, privattivi u indikaturi oħra ta' rendiment xjentifiku;

(b)    il-livell ta' parteċipazzjoni fil-programm minn riċerkaturi esterni u istituzzjonijiet ta' riċerka;

(c)    iż-żieda fil-kapaċità metroloġika tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm ta’ Qafas li l-programmi ta’ metroloġija tiegħu huma fi stadju bikri ta' żvilupp;

(d)    l-għadd u l-kwalità tal-attivitajiet ta' taħriġ;

(e)    l-għadd u l-kwalità tal-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-komunikazzjoni u d-diffużjoni tal-metroloġija.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul ║

Għall-Parlament Ewropew                                                                         Għall-Kunsill

Il-President                                                                                   Il-President

ANNESS I

Deskrizzjoni tal-Miri u l-Attivitajiet tal-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

I.         GĦANIJIET

Fl-ekonomija globali tallum, il-metroloġija tagħmel kontribut sinifikanti għall-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku ta’ bosta nazzjonijiet fid-dinja. Ir-riċerka dwar il-metroloġija hija meħtieġa sabiex issolvi problemi tas-soċjetà, u eżempji jaffettwaw oqsma bħall-ispazju, inkluża n-navigazzjoni bis-satellita, is-sigurtà, il-kura tas-saħħa, l-industrija tas-semikondutturi u t-tibdil fil-klima. Ir-riċerka dwar il-metroloġija hija ġid pubbliku ta' natura b'saħħitha u hija attività prinċipali ta’ sostenn għar-regolazzjoni u l-istandardizzazzjoni mill-gvern. Il-metroloġija mhijiex f’għajnejn il-pubbliku, imma hija essenzjali biex ikunu ffaċilitati l-kummerċ u l-komunikazzjonijiet moderni. L-aċċess għas-swieq jista’ jkun imxekkel min-nuqqas ta’ piżijiet u miżuri uniformi u preċiżi. Il-qawwiet ekonomiċi prinċipali kollha fid-dinja għarfu li l-R&D teknoloġika fil-metroloġija hija fundamentali għat-tkabbir ekonomiku fit-tul ta’ pajjiż avvanzat.

Ir-riċerka dwar il-metroloġija tradizzjonalment kienet prijorità għolja f’bosta pajjiżi. Madankollu l-pajjiżi Ewropej qegħdin iħaddmu l-programmi ta’ riċerka nazzjonali tagħhom dwar il-metroloġija f’iżolament sħiħ u l-Istati Membri tal-UE ma kinux kapaċi joħolqu waħedhom Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP) wieħed u tassew integrat. L-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (NMI), appoġġati minn Istituti Denominati (DI) huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali dwar il-metroloġija fuq il-bażi ta’ finanzjament istituzzjonali minn aġenziji jew ministeri tal-gvern ċentrali. Il-komunità Ewropea tar-riċerka dwar il-metroloġija hija komunità speċjalizzata li hija marbuta biss b’mod laxk mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka jew l-akkademja. Hija fil-biċċa l-kbira frammentata billi tinkludi ftit ċentri ta’ eċċellenza globali li jistgħu jibbenefikaw minn kompetizzjoni wiesgħa fuq skala internazzjonali. Teżisti b’mod ċar duplikazzjoni tar-riċerka.

Id-dritt Komunitarju li jopera f’dan il-qasam jidher f’diversi artikoli tat-Trattat li jipprovdu koordinazzjoni u kooperazzjoni fir-riċerka bejn l-Istati Membri u l-Komunità. L-Artikolu 165 jistipula li “il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li kull politika nazzjonali u dik tal-Komunità ikunu koerenti ma’ xulxin”. Naturalment, l-Artikolu 169 jistieden lill-Komunità biex taħseb għall-pateċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u żvilupp li fihom jieħdu sehem diversi Stati Membri. L-azzjoni tal-Komunità tidher iġġustifikata ħafna, għaliex l-Istati Membri weħidhom x’aktarx li ma jkunux kapaċi jindirizzaw dawn il-problemi.

L-EMRP se jintegra l-programmi nazzjonali ta’ tnejn u għoxrin Stat parteċipanti fi programm wieħed konġunt ta’ riċerka u jsostni, b’mod partikolari, il-miri tas-Sistemi Nazzjonali Ewropej tal-Kejl. L-EMRP se jaċċellera l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-isfruttament ta’ metodi, standards, proċessi, strumenti, materjali ta’ referenza u għerf ġdid dwar it-tkejjil immirati sabiex jagħtu spinta lill-iżviluppi innovattivi fl-industrija u l-kummerċ, itejbu l-kwalità tad-dejta għax-xjenza, l-industrija u t-tiswir tal-politika u jsostnu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tad-direttivi u r-regolamenti.

L-EMRP ser jilħaq dawn il-miri kif ġej:

(a)    Ġmigħ tal-eċċellenza fir-riċerka dwar il-metroloġija - bil-ħolqien ta’ proġetti kompetittivi konġunti ta’ riċerka (minn hawn ’il quddiem imsejħa "proġetti EMRP") li jorganizzaw il-kapaċità ta’ massa kritika suffiċjenti min-netwerks tan-NMI u tad-DI mill-Istati parteċipanti biex jindirizzaw l-isfidi metroloġiċi prinċipali ffaċċjati fuq livell Ewropew;

(b)    Ftuħ tas-sistema għall-aħjar xjenza - billi tiżdied il-parteċipazzjoni mill-komunità aktar wiesgħa tar-riċerkaturi Ewropej permezz ta’ għotjiet għar-riċerkaturi;

(c)    Żvilupp tal-kapaċità - billi tiżdied il-kapaċità tal-komunità tar-riċerkaturi Ewropej dwar il-metroloġija permezz ta’ għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi mmirati lejn dawk il-Pajjiżi Membri tal-EURAMET b’kapaċità ta’ riċerka metroloġika limitata.

L-EMRP għandu jikkumplimenta programmi u attivitajiet nazzjonali li għaddejjin immirati sabiex jindirizzaw prijoritajiet purament nazzjonali.

L-inizjattiva tal-EMRP hija mmirata sabiex tallinja u tintegra attivitajiet nazzjonali rilevanti ta’ riċerka dwar il-metroloġija sabiex jiġi stabbilit programm konġunt wieħed ta’ riċerka li jinkludi l-integrazzjoni xjentifika, amministrattiva u finanzjarja, li jagħmel kontribut importanti għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jsostni l-kunċetti fl-aġenda ta’ Liżbona tal-Ewropa bħala "l-iżjed ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għerf". L-integrazzjoni xjentifika tinkiseb permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni komuni ta’ attivitajiet taħt l-EMRP. L-integrazzjoni amministrattiva tinkiseb bl-użu tal-EURAMET e.V. bħala l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni suġġetta għall-arranġamenti dettaljati kontenuti fl-Anness II.

L-integrazzjoni finanzjarja timplika li l-Istati parteċipanti effettivament jintrabtu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-EMRP billi jipprovdu finanzjament nazzjonali lill-parteċipanti kollha eliġibbli fil-proġetti magħżula tal-EMRP mill-baġits nazzjonali allokati għall-EMRP, jekk ikun meħtieġ jużaw il-kapaċità tal-finanzjament ta’ riżerva li jammonta għal 50% ta’ dawn il-baġits, u billi jipprovdu kontribuzzjoni “fi flus” għal fond komuni biex jiffinanzja l-eċċellenza tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità, minbarra li jiffinanzjaw l-ispejjeż operattivi kollha tal-EMRP. Element ieħor tal-integrazzjoni finanzjarja se jkun l-approċċ unifikat lejn l-ispejjeż eliġibbli, ispirat mir-regoli tas-Seba’ Programm Kwadru.

II.     ATTIVITAJIET

L-attività prinċipali tal-EMRP se tkun tikkonsisti minn erba’ tipi ta’ attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku:

A.     L-attività prinċipali se tkun tikkonsisti fi proġetti EMRP transnazzjonali b’diversi msieħba li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u disseminazzjoni. Minħabba l-kapaċitajiet ikkonċentrati fil-metroloġija, il-parti ċentrali tal-proġetti EMRP għandha titwettaq minn NMI u DI mill-Istati parteċipanti.

B.     Sabiex jiżdiedu u jiġu ddiversifikati l-kapaċitajiet fil-metroloġija, għandhom jiġu stabbiliti tliet skemi ta’ għotjiet:

B1.   Sabiex jiżdied in-numru tal-organizzazzjonijiet b’kapaċitajiet marbuta mill-qrib mal-metroloġija, għandhom ikunu disponibbli għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi għal organizzazzjonijiet u/jew individwi mill-komunità aktar wiesgħa ta’ riċerkaturi fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru. Kull organizzazzjoni u/jew individwu magħżula għandhom ikunu assoċjati ma’ proġett EMRP.

B2.   Sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-individwi fil-metroloġija permezz tal-mobilità, għandhom ikunu disponibbli għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi għal (i) riċerkaturi minn NMI u DI tal-Istati parteċipanti, (2) riċerkaturi li jibbenefikaw, jew individwalment jew permezz tal-organizzazzjoni tagħhom, minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u (3) riċerkaturi minn Pajjiżi Membri tal-EURAMET li ma jkunux qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP, li attwalment ma jkollhom l-ebda kapaċità ta’ riċerka dwar il-metroloġija jew kapaċità limitata. Dawn l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi għandhom jippermettu lir-riċerkaturi jibqgħu f’NMI jew DI li jkun qiegħed jipparteċipa fi proġett EMRP jew f’organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi.

B3.   Sabiex tiġi assigurata s-sostenibbilità fil-kooperazzjoni bejn in-NMI u d-DI tal-Istati parteċipanti u sabiex titħejja l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riċerkaturi bl-esperjenza dwar il-metroloġija, għandu jkun hemm disponibbli għotjiet għall-mobilità ta’ riċerkaturi fil-fażi bikrija għal riċerkaturi fil-fażi bikrija min-NMI u d-DI tal-Istati parteċipanti sabiex jippermettulhom li jibqgħu f’NMI jew f’DI, f’organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza fir-riċerka jew f’organizzazzjoni oħra li tkun qiegħda tipparteċipa fi proġett ta’ riċerka EMRP bi spejjeż tagħha stess.

Dawn l-attivitajiet għandhom jittejbu, fejn ikun xieraq, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra rilevanti u interessati, fl-Ewropa jew lil hinn, li jipparteċipaw fuq bażi ta’ awtofinanzjament.

Barra minn hekk, attivitajiet aktar wiesgħa ta’ netwerking għandhom jiġu sostnuti sa livell limitat sabiex jippromwovu l-EMRP u jkabbru l-impatt tiegħu. Dawn l-attivitajiet għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, iż-żamma u aġġornament tal-oqsma ta’ riċerka identifikati fl-EMRP permezz ta’ attivitajiet bħal workshops, kuntatti ma’ partijiet interessati oħra xierqa fl-Ewropa u lil hinn.

III.    IMPLIMENTAZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

L-għażla tal-proġetti EMRP u l-għoti tal-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u għall-mobilità tar-riċerkaturi għandhom ikunu suġġetti għal sejħiet perjodiċi għall-proposti. Bħala kalendarju indikattiv, huwa previst li jitnedew sejħiet għall-proposti f’intervalli ta’ 12 sa 18-il xahar fuq perjodu massimu ta’ seba’ snin. L-għoti tal-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandu jkun suġġett għal sejħa permanenti.

A.     Proġetti EMRP

         (a)    Sejħa għal suġġetti potenzjali ta’ riċerka tal-proġetti EMRP (Stadju 1):

                  Kull sejħa għall-proposti ta’ proġetti EMRP għandha tkun preċeduta mill-identifikazzjoni tas-suġġetti ta’ dik is-sejħa billi jiġu segwiti l-passi ta’ hawn isfel. L-ewwel nett, il-Kumitat tal-EMRP (Ara Anness II), f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jidentifika l-partijiet tal-EMRP li għandhom ikunu s-suġġett tas-sejħa għall-proposti. It-tieni, il-komunità tar-riċerkaturi – kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni interessata – se jiġu mistiedna biex jissuġġerixxu suġġetti potenzjali ta’ riċerka għal dik is-sejħa. It-tielet, il-Kumitat tal-EMRP għandu jaqbel fuq l-aħjar suġġetti potenzjali ta’ riċerka li jkun irċieva. Il-Kumitat tal-EMRP jista’ jemenda, jaqsam jew jgħaqqad is-suġġetti riċevuti jew jintroduċi oħrajn ġodda sabiex jottimizza s-sejħa għall-proposti fl-Istadju 2. Il-Kumitat tal-EMRP għandu jassigura li s-suġġetti finali tar-riċerka ma jkunux jistgħu jiġu intraċċati lura għall-proponenti inizjali ta’ dawn l-ideat u għaldaqstant ikunu anonimi.

         (b)    Sejħa għall-proposti għal proġetti EMRP (Stadju 2):

                  Ladarba jkunu ntgħażlu s-suġġetti tar-riċerka, EURAMET e.V. għandha tippubblika s-sejħa għall-proposti u tistieden timijiet tar-riċerka minn NMI u DI tal-Istati parteċipanti sabiex jibnu konsorzji u jissottomettu proposti għall-proġetti.

                  Is-sejħa għall-proposti għandha tibqa’ miftuħa għal mill-anqas xahrejn.

                  EURAMET e.V. għandha tevalwa kull proposta li tirċievi bil-għajnuna ta’ mill-anqas tliet esperti indipendenti maħtura minnha fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru. L-esperti għandhom jistabbilixxu lista ta’ klassifikazzjoni li għandha tkun vinkolanti għall-allokazzjoni tal-finanzjament Komunitarju u tal-finanzjament nazzjonali.

                  Il-kriterji bażiċi segwenti ta’ valutazzjoni għandhom japplikaw għall-proġetti EMRP:

                  -       l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

                  -       ir-rilevanza għall-għanijiet tal-EMRP;

                  -       l-impatt potenzjali permezz tal-iżvilupp, tixrid u użu tar-riżultati tal-proġett;

                  -       il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni.

                  Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

                  Kwalunkwe konsorzju li jissottometti proposta għal proġett EMRP jista’ jinkludi kwalunkwe entità oħra Ewropea jew mhux Ewropea li ma tkunx eliġibbli għal finanzjament bil-kundizzjoni li din l-entità tkun tista’ realistikament tassigura li għandha r-riżorsi meħtieġa għall-parteċipazzjoni tagħha.

                  Konsorzju li jissottometti proposta għal proġett EMRP jista’ jinkludi diġà f’dan l-istadju fil-proposta tiegħu, proposta għal għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi bil-kundizzjoni li din iżżid valur xjentifiku neċessarju għall-proġett. F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-proposta għall-għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi għandha tkun parti mill-evalwazzjoni globali tal-proġett. L-għażla tal-proġett għall-finanzjament għandha awtomatikament tfisser il-ħruġ ta’ tali għotja.

                  Il-Kunsill għar-Riċerka ta’ EURAMET e.V. għandu jagħti l-opinjoni indipendenti tiegħu dwar ir-riżultati globali tal-evalwazzjoni ta’ sejħa għall-proposti għal proġetti EMRP (Stadji 1 u 2), iżda mhux fuq proġetti EMRP individwali. Din l-opinjoni għandha tiġi kkunsidrata kif dovut minn EURAMET e.V. fis-sejħiet suċċessivi għall-proposti.

B.     Sejħa għall-proposti għal għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi (Stadju 3)

         Il-pubblikazzjoni tal-lista tal-proposti magħżula ta’ proġetti EMRP għandha tkun akkumpanjata minn sejħa lill-komunità aktar wiesgħa tar-riċerkaturi sabiex jissieħbu fi proġetti EMRP permezz tal-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u/jew l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi.

         Kull konsorzju għal proġett EMRP se jkun mistieden (sakemm ma jkunx diġà daħħal proposta dwar għotjiet għar-riċerkaturi u għall-eċċellenza meta ssottometta proposta għal proġett EMRP kif deskritt fis-seba’ paragrafu tas-sezzjoni preċedenti A.b)) sabiex iniedi, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal-proġett EMRP, sejħa għall-proposti biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u jkunu proposti lill-EURAMET e.V. sabiex jingħataw għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi jew għall-mobilità tar-riċerkaturi. It-tqassim indikattiv tal-finanzjament tal-EMRP jiġi kkalkulat sabiex bħala medja kull proġett EMRP jista’ jkun assoċjat ma’ tal-anqas għotja waħda għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u/jew għall-mobilità tar-riċerkaturi. Madankollu, dan mhuwiex obbligu vinkolanti u dawn it-tip ta’ għotjiet jistgħu jiġu implimentati bl-aktar mod flessibbli.

         Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jippubblika s-sejħa għall-proposti f’mill-anqas ġurnal internazzjonali wieħed u fi tliet gazzetti nazzjonali differenti fi tliet Stati parteċipanti differenti. Huwa għandu jkun responsabbli wkoll biex jirreklama s-sejħa b’mod estensiv billi juża appoġġ speċifiku għall-informazzjoni, b’mod partikolari siti fuq l-Internet dwar is-Seba’ Programm Kwadru, l-istampa u l-fuljetti speċjalizzati u permezz tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni u r-reklamar tas-sejħa għall-proposti għandha tkun konformi ma’ kull struzzjoni u nota ta’ gwida stabbiliti mill-EURAMET e.V.. Il-konsorzju għandu jgħarraf lill-EURAMET e.V. bis-sejħa u lkontenut tagħha tal-anqas 30 jum qabel id-data prevista tal-pubblikazzjoni tagħha. EURAMET e.V. għandha teżamina l-konformità tas-sejħa mar-regoli, l-istruzzjonijiet u n-noti ta’ gwida rilevanti.

         Is-sejħa għall-proposti għandha tibqa’ miftuħa għal mill-anqas ħames ġimgħat.

         Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jevalwa l-proposti riċevuti bil-għajnuna ta’ mill-anqas żewġ esperti indipendenti maħtura minnu fuq il-bażi tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fs-Seba’ Programm Kwadru.

         Il-kriterji bażiċi segwenti ta’ valutazzjoni għandhom japplikaw għall-evalwazzjoni tal-proposti:

         -       l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

         -       ir-rilevanza għall-għanijiet tal-proġett EMRP;

         -       il-kwalità u l-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-applikant u l-potenzjal tiegħu/tagħha għal aktar progress;

         -       il-kwalità tal-attività proposta fit-taħriġ xjentifiku u/jew it-trasferiment tal-għerf.

         Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

         Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jipproponi lil EURAMET e.V. sabiex tagħti l-għotja lil benefiċjarju u jirrapporta lilha dwar kif saret is-sejħa għall-proposti, inklużi l-mod tal-pubblikazzjoni u l-ismijiet u l-affiljazzjoni tal-esperti involuti fl-evalwazzjoni. Fi żmien 45 ġurnata minn meta tirċievi din il-proposta, EURAMET e.V. għandha jew toħroġ l-għotja jew tirrifjutaha jekk l-għażla ma tkunx konformi mar-regoli, l-istruzzjonijiet u n-noti ta’ gwida rilevanti.

         EURAMET e.V. għandha tistieden lill-pajjiżi Ewropej li ma għandhom ebda kapaċità jew kapaċitajiet limitati biss fir-riċerka dwar il-metroloġija sabiex iħeġġu lill-istituti tar-riċerka jew l-universitajiet tagħhom biex japplikaw għal għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi bħala mezz sabiex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom fir-riċerka dwar il-metroloġija.

C.     Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

         EURAMET e.V. għandha tniedi sejħa għall-offerti miftuħa b’mod permanenti għal għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija u tippubblikaha f’mill-anqas ġurnal internazzjonali wieħed u fi tliet gazzetti nazzjonali differenti fi tliet Stati parteċipanti differenti. Hija għandha tkun responsabbli wkoll biex tirreklama s-sejħa għall-proposti billi tuża appoġġ speċifiku għall-informazzjoni, speċjalment siti fuq l-Internet dwar is-Seba’ Programm Kwadru, l-istampa u fuljetti speċjalizzati u permezz tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru.

         Il-proposti għandhom jiġu sottomessi mir-riċerkatur u mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jirċievu (NMI, DI jew organizzazzjoni oħra li tipparteċipa fi proġett EMRP). It-tqassim indikattiv tal-finanzjament huwa kkalkulat sabiex bħala medja kull proġett EMRP ikun jista’ jiġi assoċjat ma’ tal-anqas għotja waħda għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija. Madankollu, dan mhuwiex obbligu vinkolanti u dawn it-tip ta’ għotjiet jistgħu jiġu implimentati bl-aktar mod flessibbli. EURAMET e.V. għandha tevalwa l-proposti li tirċievi.

         Għandhom japplikaw il-kriterji bażiċi segwenti ta’ valutazzjoni:

         -       l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

         -       ir-rilevanza għall-għanijiet tal-proġett EMRP;

         -       il-kwalità u l-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-applikant u l-potenzjal tiegħu/tagħha għal aktar progress;

         -       il-kwalità tal-attività proposta fit-taħriġ xjentifiku u/jew it-trasferiment tal-għerf.

         Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

         EURAMET e.V. għandha timmira għal żewġ dati ta’ għeluq fis-sena meta toħroġ dawn l-għotjiet bi proċedura ssimplifikata bbażata fuq l-opinjoni ta’ mill-anqas espert indipendenti wieħed għal kull proposta.

D.     Tabella ta’ Rikapitulazzjoni

Tipi ta’ finanzjament

Organizzazzjonijiet Eliġibbli(4)

 

Pajjiżi Eliġibbli

 

Kriterji ta’ Valutazzjoni

Proġett EMRP (konsorzju)

NMI u DI

 

L-Istati li qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP

Artikolu 15(1)(a) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B1. Għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

Minn:

(1) Kwalunkwe organizzazzjoni ħlief NMI jew DI

(2) riċerkatur individwali

Lil:

proġett ta’ EMRP f’NMI jew f’DI

L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B2. Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi

 

 

Minn:

(1) NMI u DI

(2) organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

(3) riċerkaturi minn Pajjiżi Membri tal-EURAMET li ma jkunux qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP, li attwalment ma jkollhom l-ebda kapaċità ta’ riċerka dwar il-metroloġija jew kapaċità limitata

Lil:

(1) NMI u DI

(2) organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B3. Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

 

Minn:

NMI u DI

Lil:

(1) NMI u DI

(2) organizzazzjonijiet oħra li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett EMRP (konsorzju)

L-Istati li qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP

 

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

IV.    MEKKANIŻMI TA’ FINANZJAMENT

A.     Finanzjament fil-Livell tal-Programm

         L-EMRP għandu jkun iffinanzjat mill-Istati parteċipanti u mill-Komunità.

         L-Istati parteċipanti għandhom jiddefinixxu pjan ta’ finanzjament multiannwali biex jipparteċipaw fl-EMRP u jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu. Il-kontribuzzjoni nazzjonali tista’ tiġi minn programmi eżistenti jew ġodda, sakemm ikunu konformi man-natura essenzjali tal-metroloġija ta’ livell għoli ffinanzjata b’mod pubbliku. Kull Stat parteċipanti għandu, minbarra r-rekwiżit prinċipali tal-finanzjament (baġit allokat għall-EMRP), jidentifika kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ugwali għal 50% ta’ dak ir-rekwiżit sabiex jassigura l-flessibbiltà fl-operat tal-EMRP matul il-ħajja tiegħu kollha u r-rispett tal-lista ta’ klassifikazzjoni. Il-finanzjament tal-EMRP għandu jinvolvi b’mod partikolari l-impenn ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-parteċipanti fil-proġetti EMRP magħżula mill-baġits nazzjonali allokati għall-EMRP, u tiġi pprovduta kontribuzzjoni “fi flus” għal fond komuni biex jiġu ffinanzjati l-għotjiet għar-riċerkaturi, minbarra li jiġu ffinanzjati b’mod sħiħ l-ispejjeż operattivi tal-EMRP.

         Il-kontribuzzjoni Komunitarja totali għall-EMRP hija kkalkulata daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja attwali mill-Istati parteċipanti (esklużi spejjeż operattivi li jaqbżu EUR 16-il miljun u l-kapaċità ta’ fondi ta’ riżerva), b’limitu massimu ta’ EUR 200 miljun. Billi l-ispejjeż operattivi huma inklużi fil-kalkulazzjoni tal-kontribuzzjoni korrispondenti, dawn iridu jiġu ġġustifikati mill-EURAMET e.V.

         L-ebda kontribuzzjoni Komunitarja ma għandha tintuża biex tkopri l-ispejjeż operattivi tal-EURAMET e.V.

B.     Tqassim Indikattiv tal-Finanzjament

         Total Komplessiv: EUR 400 miljun (+ EUR 100 miljun kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva)

 

Tip ta’ Attività

Komunità

EUR 200 miljun

Stati parteċipanti

EUR 200 miljun

Total

EUR 400 miljun

 

%

EUR miljuni

%

EUR miljuni

%

EUR miljuni

Proposti għal Proġetti EMRP - Modulu (Parti A)

82 %

164

90 %

180

86 %

344

Proposti ta’ Għotjiet għar-Riċerkaturi Modulu (Parti B) finanzjament sa 100 %

 

 

18 %

 

36

 

2%

 

4

 

10 %

 

40

B1. Għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

 

 

 

 

7.5 %

30

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi

 

 

 

 

1.5 %

6

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

 

 

 

 

1.0 %

4

Spejjeż Operattivi (Parti C)

-

-

8 %

16(5)

4 %

16

Total

100 %

200

100%

200

100 %

400

C.     Finanzjament ta’ Proġetti EMRP u Għotjiet għar-Riċerkaturi

         L-allokazzjoni tal-fondi mill-baġits allokati għall-EMRP u mill-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġetti EMRP għandha ssegwi l-ordni tal-lista ta’ klassifikazzjoni approvata tal-evalwazzjoni.

         Il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-parteċipanti f’dawn il-proġetti EMRP hija kkalkulata skont l-ispejjeż eliġibbli kif definit fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru. Jekk il-baġit allokat għall-EMRP jispiċċa minħabba r-rata għolja ta’ suċċess ta’ NMI u DI minn Stat parteċipanti partikolari, dan l-Istat parteċipanti għandu juża l-kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ 50% tal-baġit allokat tiegħu għall-EMRP allokat bħal aktar proposti magħżula billi jsegwi l-lista ta’ klassifikazzjoni.

         Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-proġetti EMRP għandha tiġi stabbilita għal kull sejħa għall-proposti bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli anqas minn 50%. Din għandha tiġi ttrasferita direttament mill-EURAMET e.V. għall-parteċipanti tal-proġetti EMRP.

         Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-proġetti tal-EMRP għandhom jiġu pprovduti billi jintużaw il-mekkaniżmi nazzjonali rispettivi ta’ finanzjament.

         Il-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Komunità u nazzjonali li jintużaw biex jiffinanzjaw l-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandhom jiġu ttrasferiti lill-EURAMET e.V. u minnha lill-benefiċjarji tal-għotjiet.

         Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, u b’mod partikolari l-eżistenza tal-kontribuzzjoni nazzjonali, il-ħlas attwali tagħha, l-użu xieraq tal-finanzjament mill-Komunità u l-eliġibilità tal-ispejjeż mitluba għandhom jiġu assigurati taħt ir-responsabilità tal-EURAMET e.V., u jiġu stabbiliti b’verifika finanzjarja indipendenti tal-proġetti EMRP skont prinċipji li jaqblu ma’ dawk tas-Seba’ Programm Kwadru.

         L-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandhom ikunu għotjiet fissi mogħtija skont skali definiti minn qabel; l-infiq dettaljat sottostanti ma għandux ikun suġġett għal verifika. Il-kategoriji ta’ spejjeż koperti minn kwalunkwe għotja bħal din ma għandhomx ikunu eliġibbli bħala spejjeż ta’ proġett EMRP. Huwa biss il-ħlas attwali sħiħ tal-ammont definit lill-benefiċjarju finali li għandu jiġi sostnut b’evidenza formali. Il-ħlasijiet fi flus mhumiex ikkunsidrati bħala ppruvati sewwa u mhumiex eliġibbli. EURAMET e.V. se jkollha l-għażla li titlob fondi korrispondenti minn riċevituri li huma entitajiet legali aktar milli individwi.

V.     ARRANĠAMENTI DWAR L-IPR

EURAMET e.V. għandha tadotta politika dwar il-proprjetà intellettwali tal-EMRP skont l-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni.

ANNESS II

Tmexxija u Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

I.         DAĦLA

L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni tal-EMRP għandha tkun EURAMET e.V.. EURAMET e.V. giet stabbilita fl-2007 taħt il-liġi Ġermaniża bħala assoċjazzjoni mhux bi skop ta’ qligħ. Hija l-assoċjazzjoni reġjonali Ewropea dwar il-metroloġija. Is-sħubija fl-EURAMET e.V. hi miftuħa għall-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (NMI), bħala Membri, u għall-Istituti Denominati (DI), bħala Assoċjati, mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u minn Stati Ewropej oħra. L-Istitut għall-Materjali u l-Miżuri ta’ Referenza tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkun ukoll Assoċjat. Fil-preżent, hemm Membri minn tnejn u tletin pajjiż. Tnejn u għoxrin minn dawn il-pajjiżi huma fl-istess ħin Stati parteċipanti tal-EMRP.

II.     TMEXXIJA TAL-EMRP FI ĦDAN L-EURAMET E.V.

L-korpi u l-istrutturi interni li ġejjin tal-EURAMET e.V. għandhom jassumu rwoli fl-implimentazzjoni tal-EMRP:

(1)    Il-President tal-EMRP u d-deputat tiegħu/tagħha huma eletti mill-Kumitat tal-EMRP. Il-President tal-EMRP huwa awtomatikament wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-EURAMET e.V.. Huwa/hija jirrappreżentaw legalment lill-EURAMET e.V. fil-kwistjonijiet tal-EMRP.

(2)    Il-Kumitat tal-EMRP huwa ffurmat minn Membri tal-EURAMET (jiġifieri NMI) li l-pajjiżi tagħhom huma Stati parteċipanti. Il-Kumitat tal-EMRP huwa l-organu li jieħu d-deċiżjonijiet tal-EMRP u huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-EMRP, fosthom id-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni u l-aġġornament tal-programm, dwar l-ippjanar tas-sejħiet għall-proposti, dwar il-profil tal-baġit, dwar l-eliġibilità u l-kriterji tal-għażla, dwar il-grupp tal-evalwaturi, dwar l-approvazzjoni tal-lista ta’ klassifikazzjoni tal-proġetti EMRP li għandhom jiġu ffinanzjati, dwar il-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti EMRP iffinanzjati u dwar is-superviżjoni tal-ħidma adegwata u organizzata tas-Segretarjat fir-rigward tal-EMRP. Il-Kumitat tal-EMRP jeleġġi Chairperson tal-EMRP (li huwa/hija awtomatikament "Viċi Chairperson (EMRP)" tal-EURAMET) u deputat.

(3)    Il-Kunsill għar-Riċerka huwa ffurmat minn kontinġent ibbilanċjat ta’ esperti ta’ livell għoli ġejjin mill-industrija, ir-riċerka u l-qasam akkademiku u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tal-partijiet interessati. Dan jipprovdi pariri strateġiċi indipendenti dwar il-materji tal-EMRP u jirrapporta jew jikkummenta lill-Kumitat tal-EMRP meta jkun meħtieġ u meta jintalab, iżda bħala minimu huwa jagħti opinjoni dwar kull sejħa għall-proposti u ċiklu tal-għażla.

(4)    Is-Segretarjat huwa kompost minn persuni impjegati minn jew issekondati lil EURAMET e.V.. L-istruttura u l-kompiti tiegħu huma rregolati mir-regoli ta’ proċedura tal-EURAMET e.V.. Parti mis-Segretarjat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP hija ospitata mil-Laboratorju Fiżiku Nazzjonali, il-Membru mill-UE tal-EURAMET e.V.. (║ "lill-Membru ospitanti").

(5)    Il-Maniġer tal-Programm EMRP għandu jkun maniġer anzjan u bħala soluzzjoni proviżorja huwa/hija jistgħu jiġu ssekondati mill-Membru ospitanti. Il-Maniġer tal-Programm EMRP għandu jaġixxi biss taħt l-awtorità diretta ta’ EURAMET e.V. fuq kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-EMRP u jirrapporta lill-korpi tiegħu. EURAMET e.V. għandha tistabbilixxi proċeduri effettivi li jiżguraw li ma jkun hemm ebda kunflitti tal-interessi bejn il-Maniġer tal-Programm EMRP u xi applikanti, parteċipanti jew benefiċjarji.

III.    U SOTTOKUNTRATTAR TA’ KOMPITI AMMINISTRATTIVI U LOĠISTIĊI LILL-MEMBRU OSPITANTI FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-EMRP

EURAMET e.V. għandha tkun esklużivament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP. Hija għandha tamministra l-kontribuzzjoni Komunitarja għall-EMRP. Barra minn hekk hija għandha tassumi wkoll responsabbiltajiet b’mod partikolari sabiex:

-       taġġorna l-EMRP;

-       tiddefinixxi s-sejħiet għall-proposti;

-       tippubblika s-sejħiet għall-proposti;

-       tirċievi l-proposti għall-istadju 1 u 2 u proposti għal għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija;

-       tagħżel l-esperti indipendenti għall-evalwazzjoni;

-       tirċievi l-valutazzjonijiet individwali tal-esperti indipendenti u tippresjedi l-bordijiet tal-evalwazzjoni;

-       tieħu d-deċiżjonijiet finali tal-għażla;

-       tibda negozjati dwar kuntratti u tikkonkludi l-kuntratti mal-konsorzji magħżula għall-proġett EMRP u benefiċjarji oħra;

-       tirċievi u twieġeb għall-ilmenti kollha dwar is-sejħiet;

-       tirċievi, talloka u tissorvelja l-użu tal-kontribuzzjoni Komunitarja;

-       tagħmel il-ħlasijiet lill-parteċipanti fil-proġetti ffinanzjati tal-ERMP u lir-reċipjenti tal-għotjiet;

-       tirrispondi għar-rekwiżiti tar-rappurtar fil-konfront tal-Kummissjoni.

Filwaqt li r-responsabbiltajiet u t-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ hawn fuq dwar l-EMRP jibqgħu esklużivament f’idejn l-EURAMET e.V., ċerti kompiti amministrattivi u loġistiċi fl-implimentazzjoni tal-EMRP jistgħu jiġu sottokuntrattati, bl-ispejjeż, lill-Membru ospitanti.

Dan is-sostenn amministrattiv u loġistiku għandu jikkonsisti minn dan li ġej:

–       provvediment ta’ amministrazzjoni u loġistika biex jiġu implimentati l-proċeduri tas-sejħiet għall-proposti, fosthom il-provvediment ta’ help line ddedikata;

–       provvediment ta’ appoġġ għat-tfassil lil EURAMET e.V. għall-iżvilupp ta’ linji gwida u dokumentazzjoni oħra;

–       provvediment tal-kapaċità ddedikata fuq l-internet;

–       provvediment ta’ għajnuna għall-preparazzjoni tal-kuntratti, il-monitoraġġ tal-proġett u l-insegwiment tal-proġetti EMRP u l-għotjiet għar-riċerkaturi;

–       appoġġ lill-Kumitat tal-EMRP u lill-President tal-EMRP kif meħtieġ.

Bi qbil mal-Kummissjoni, jistgħu jiġu sottokuntrattati kompiti addizzjonali lill-Membru ospitanti waqt li EURAMET e.V. tiżviluppa l-kapaċità tas-Segretarjat permanenti tagħha.

(1)

*             Emendi politiċi: it-test ġdid jew emendat huwa mmarkat b'tipa qawwija u korsiva; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

         Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: test ġdid jew ta' sostituzzjoni huwa mmarkat b'tipa korsiva u t-tħassir huwa indikat bis-simbolu ║.

(2)

            Istituti speċjalizzati responsabbli għal ċerti standards nazzjonali u s-servizzi assoċjati li mhumiex koperti mill-attivitajiet tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija.

(3)

            Ara wkoll l-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(4)

             Ċentru tar-Riċerka Konġunt se jiġi trattat bħall-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija.

(5)

             B’differenza miċ-ċifri l-oħrajn, dan l-ammont huwa limitu massimu vinkolanti fil-kalkolu tal-fondi korrispondenti tal-Istati parteċipanti.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-metroloġija hija definita mill-"Bureau International de Poids et Mesures" bħala x-xjenza tal-kejl, inklużi determinazzjonijiet sperimentali u teoretiċi fuq kull livell ta' inċertezza fi kwalunkwe qasam ta' xjenza u teknoloġija. Il-metroloġija xjentifika jew fundamentali hija marbuta mal-istabbiliment ta' unitajiet ta' kejl, sistemi ta' unità, l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' kejl, ħolqien ta' standards ta' kejl u t-trasferiment ta' traċċabilità minn dawn l-istandards għall-utenti fis-soċjetà.

L-importanza tar-riċerka dwar il-metroloġija hija bbażata fuq il-bżonn għal kejl korrett biżżejjed għall-manifattura u l-kummerċ. Huwa għalhekk li l-istandards dwar il-metroloġija żviluppaw mill-Kalendarji ta' Żmien il-Ħaġar għall-istabbiliment tal-Istituti Nazzjonali dwar il-Metroloġija f'kull pajjiż.

Illum, ir-riċerka dwar il-metroloġija hija intersezzjoni bejn ix-xjenza u l-manifattura, li tgħin biex jissolvew il-problemi tal-kejl f'oqsma bħall-industrija tas-semikondutturi jew in-navigazzjoni tal-GPS. Iżda l-metroloġija hija wkoll indispensabbli għall-implimentazzjoni ta' inizjattivi politiċi, bħall-valuri numeriċi ta' kejl ġusti fi kwantitajiet stabbiliti bid-direttivi Ewropej, u b'hekk tappoġġa l-istandardizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-gvern.

Il-metroloġija tiffaċilità l-kummerċ ġust permezz ta' standards armonizzati u ċertifikati aċċettati internazzjonalment. Għalhekk, partijiet manifatturati f'pajjiż wieħed ikunu jaqblu ma' makkinarji f'pajjiż ieħor jew tagħmir ittestjat u approvat f'pajjiż ikun jista' jinbiegħ u jintuża f'ieħor mingħajr ispezzjonijiet tekniċi ulterjuri.

Il-metroloġija tħeġġeġ ukoll l-innovazzjoni, ladarba tekniki għolja ta' manifattura għandhom jimxu id f'id ma' tekniki ta' miżuri ta' preċiżjoni għolja sabiex il-kontrolli jkunu jistgħu jivverifikaw il-proċessi u anki l-assemblaġġ ta' pereżempju mikrostrutturi u nanostrutturi elettriċi u mekkaniċi.

Permezz ta' parir politiku u referenzi ta' kejl għad-direttivi, il-Metroloġija hija l-bażi tar-Regolament. Pereżempju, it-tekniki dwar il-metroloġija jiddeterminaw u jgħinu jinfurzaw limiti allokati għal żbalji ta' kejl ta' gass, enerġija, u arloġġi tal-ilma, eċċ. F'dan ir-rigward, it-tekniki dwar il-Metroloġija jħarsu ċ-ċittadini pereżempju permezz ta' kejl affidabbli ta' radjuattività jew kejl marbut mal-mediċina.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li żżid riżorsi disponnibbli għar-riċerka dwar il-metroloġija billi tiġbor il-kapaċità ta' riċerka eżistenti fl-Istati Membri. Din il-kapaċità normalment hija limitata għal komunità speċjalizzata fl-Istituzzjonijiet Nazzjonali dwar il-Metroloġija li tista' tibbenefika minn kompetizzjoni wiesgħa fuq skala Ewropea.

Ir-rapporteur iħeġġeġ dwar il-bżonn li tissaħħaħ il-kwalità tar-riċerka Ewropea dwar il-Metroloġija u dwar il-koordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali biex ikun evitat l-irduppjar u jiżdied l-iffinanzjar.

Il-komunità ta' riċerka dwar il-Metroloġija tista' tiggwadanja wkoll billi tintegra riċerkaturi ġodda minn oqsma differenti u bl-iskambju ta' għarfien mill-konsorzju magħmul mill-membri li ġejjin minn istituti differenti dwar il-Metroloġija. Il-parteċipazzjoni tal-istituti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se tkun ta' benefiċċju wkoll biex jiżdiedu iżjed il-kapaċitajiet ta' riċerka mal-programm konġunt.

Ir-rapporteur huwa sodisfatt bid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 7 u 8 tal-proposta li jħarsu l-interessi tal-Komunità fil-każ ta' nuqqas ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri.

It-tħassib prinċipali tar-rapporteur huwa n-nuqqas ta' baġit neċessarju min-naħa tal-Komunità li tiggarantixxi l-ezistenza tal-programm wara l-2010. Il-programm Konġunt se jeħtieġ finanzjament għal tal-anqas 5 snin jew sakemm jintemm is-7 programm ta' Qafas sabiex jattira l-aħjar gruppi ta' riċerka fl-Ewropa.

Tħassib ieħor huwa l-mudell ta' governanza, bi struttura ta' implimentazzjoni dedikata, EURAMET e.V. li tinsab il-Ġermanja, iżda b'bosta mill-ħidmiet ta' ġestjoni li se jiġu assenjati temporanjament lill-Membru tar-Renju Unit. Mudell tal-iskema ta' governanza aktar permanenti għandha tkun disponibbli. Xi definizzjonijiet, pereżempju, dik tal-Istituti Denominati (DI), huma meħtieġa għaċ-ċarezza.

L-objettivi tal-programm konġunt mhumiex speċifikati, apparti li jindikaw li l-għan huwa l-integrazzjoni tal-programmi nazzjonali tat-22 Stat parteċipanti. Definizzjoni aktar preċiża tal-objettivi hija meħtieġa għall-valutazzjoni futura tal-programm.

Fir-rigward tal-attivitajiet, hemm ukoll problema bid-definizzjoni tal-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, espressa b'mod mhux ideali, ladarba tista' tkopri għotjiet mogħtija kemm lill-organizzazzjonijiet u lir-riċerkaturi. L-iskop ta' dawn l-għotjiet mhuwiex speċifikat. Apparti dan, l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi jistgħu jingħataw lir-riċerkaturi li diġà għandhom għotja ta' eċċellenza, li filfatt tippermetti l-għoti ta' żewġ għotjiet lill-istess riċerkatur.

Hemm ukoll il-punt ta' xi kwistjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm, rigward il-proċess għall-identifikazzjoni tat-temi għas-sejħiet għall-proposti u t-tifsir ta' uħud mill-kriterji ta' valutazzjoni ewlenin.


PROĊEDURA

Titolu

European metrology research programme

Referenzi

COM(2008)0814 – C6-0468/2008 – 2008/0230(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

3.12.2008

Kumitat responsabbli

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

18.12.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

18.12.2008

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

  Data tad-deċiżjoni

IMCO

12.3.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

  Data tal-ħatra

Erika Mann

16.12.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

21.1.2009

11.2.2009

19.3.2009

 

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Pilar del Castillo Vera, Den Dover, Adam Gierek, Fiona Hall, David Hammerstein, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Ján Hudacký, Werner Langen, Pia Elda Locatelli, Eugenijus Maldeikis, Eluned Morgan, Antonio Mussa, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Atanas Paparizov, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Ivo Belet, Danutė Budreikaitė, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Neena Gill, Robert Goebbels, Edit Herczog, Gunnar Hökmark, Toine Manders, Erika Mann, Bernhard Rapkay, Esko Seppänen, Silvia-Adriana Ţicău, Vladimir Urutchev, Lambert van Nistelrooij

Data tat-tressiq 

2.4.2009

Aġġornata l-aħħar: 16 t'April 2009Avviż legali