dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
– wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0530),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità ("il-Konvenzjoni"), adottata nhar it-13 ta' Diċembru 2006(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 13(1) u 300(2), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6–0116/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0229/2009),
1. Japprova l-konklużjoni tal-Konvenzjoni;
2. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Nazzjonijiet Uniti, Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata fit-13 ta' Diċembru 2006.
NOTA SPJEGATTIVA
L-istorja tal-proposta
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ġiet adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fuq il-bażi tad-direttivi ta' negozjar adottati mill-Kunsill fl-24 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni wettqet in-negozjati tal-Konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea.
Fis-27 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet u l-Protokoll mhux Obbligatorju tagħha (COM(2007)0077).
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill bid-data tas-27 ta' Marzu 2007 (ST07404/07), awtorizzat lill-Komunità tiffirma l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Il-Kummissjoni iffirmat il-Konvenzjoni fit-30 ta’ Marzu 2007. Fit-3 ta' Mejju 2008, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ.
Din hija l-ewwel Konvenzjoni NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li hi miftuħa għall-Komunità Ewoprea għal adeżjoni jew konferma formali u għalhekk, bħala l-ewwel pass, huwa uniku. Tgħaddi wkoll responsabilità speċjali lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha u lill-Parlament Ewropew bħala waħda minnhom, kif ukoll lill-Istati Membri kollha. Ir-rapporteur jemmen li hemm bżonn li jenfasizza li l-kompetenzi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni NU u l-Protokoll mhux Obbligatorju tagħha, huma mqassmin bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni hija riżultat tal-isforzi biex ikunu evitati lacunae minħabba l-fatt li f'xi oqsma l-kompetenzi jappartjenu għall-Komunità, mentri f'oħrajn għall-Istati Membri.
Il-Parlament Ewoprew kien konsistenti u appoġġja l-isforzi kollha tal-Komunità fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-opportunitajiet indaqs u man-nondiskriminazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet. Fl-istess waqt, il-Parlament Ewropew dejjem kien imħasseb dwar l-applikazzjoni inkonsistenti tal-politiki ta' nondiskriminazzjoni fl-Istati Membri u fisser it-tħassib tiegħu f'rapporti, approvati mill-membri tiegħu.
Objettiv
L-objettiv ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi r-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.
Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom nuqqasijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul li meta jinteraġixxu ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklulhom il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor
Il-prinċipji tal-Konvenzjoni huma dawn li ġejjin: Ir-rispett għad-dinjità inerenti, l-awtonomija individwali inkluża l-libertà li wieħed jagħmel l-għażliet tiegħu, u l-indipendenza tal-persuni; in-nondiskriminazzjoni; il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà; ir-rispett għad-differenza u l-aċċetazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà bħala parti mid-diversità tal-bniedem u mill-umanità; l-opportunitajiet indaqs; l-aċċessibbiltà; l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; ir-rispett għall-kapaċitajiet li qed jevolvu tat-tfal b’diżabbiltà u r-rispett għad-dritt tat-tfal b’diżabbiltà li jippreżervaw l-identitajiet tagħhom.
Il-Konvenzjoni tiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu implimentati l-prinċipji imsemmijin hawn fuq fil-qasam ta':
• Obbligi ġenerali
• Ugwaljanza u nondiskriminazzjoni
• Nisa b’diżabbiltà
• Tfal b’diżabbiltà
• Ħolqien ta’ kuxjenza
• Aċċessibilità
• Dritt għall-ħajja
• Sitwazzjonijiet ta’ riskju u emerġenzi umanitarji
• Rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi
• Aċċess għall-ġustizzja
• Libertà u sigurtà tal-persuna
• Ħelsien mit-tortura u minn trattamenti jew kastigi krudili, inumani jew degradanti
• Ħelsien mill-isfruttament, mill-vjolenza u mill-abbuż
• Protezzjoni tal-integrità tal-persuna
• Libertà ta' moviment u ta' ċittadinanza
• Għajxien b’mod indipendenti u inklużjoni fil-komunità
• Mobilità personali
• Libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, u aċċess għall-informazzjoni
• Rispett għall-privatezza
• Rispett għad-dar u l-familja
• Edukazzjoni
• Saħħa
• Abilitazzjoni u riabilitazzjoni
• Xogħol u impjieg
• Livell ta’ għajxien u ħarsien soċjali adegwat
• Parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika
• Parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, rikreazzjoni, ħin liberu u sport
Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea
Mal-Konvenzjoni tiżdied dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni li tindika l-kompetenzi ttrasferiti lill-Komunità mill-Istati Membri skont it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni.
B’rabta mal-Artikolu 27.1 tal-Konvenzjoni, il-Komunità Ewropea tistieden lill-Partijiet għall-Konvenzjoni sabiex jieħdu nota tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea l-possibbiltà li jipprevedu li d-Direttiva, sakemm għandha x’taqsam ma’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbilità, m’għandhiex tapplika għall-forzi armati.
Evalwazzjoni
L-adozzjoni tal-Konvenzjoni NU dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà hija importanti biex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tal-persuni kollha b'diżabbiltà u biex jiġi promoss ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.
Meta wieħed iqis l-importanza tax-xogħol bħala pass importanti lejn l-inklużjoni fis-soċjetà, ir-rapporteur jisħaq fuq l-importanza tal-Artikoli 24 (edukazzjoni), 27 (xogħol u impjieg), 28 (ħarsien soċjali). Fl-istess waqt, ir-rapporteur ma jissottovalutax l-artikoli l-oħrajn, li l-implimentazzjoni tagħhom se tiggarantixxi livell u kwalità ta' ħajja aħjar għall-(gruppi kollha ta') individwi b'diżabbiltà.
Ir-rapporteur jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, li tapprova l-Konvenzjoni NU f'isem il-Komunità, dwar dawk l-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Komunità.
Ir-rapporteur huwa sodisfatt li l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni u jistidinhom jirratifikawha malajr.
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (24.2.2009)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu:
-wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn strument legalment vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti li jippromwovi u jipproteġi l-jeddijiet u d-dinjità tal-persuni b'diżabilità"(1) u r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea(2),
-wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni" adottata f'Beijing fil-15 ta' Settembru 1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa,
1. Jilqa' l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità bħala Trattat tad-Drittijiet tal-Bniedem internazzjonali legalment vinkolanti li jikkonferma d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet b'diżabilità; jiddispjaċih li s'issa kienu erbgħa biss l-Istati Membri tal-UE li rratifikaw il-Konvenzjoni u l-Protokoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni fid-dritt Komunitarju u domestiku, biex jagħmlu provvedimenti għall-miżuri u l-mezzi finanzjarji neċessarji għall-applikazzjoni tagħhom fi żmien preċiż, u biex jistabilixxu objettivi kwantitattivi għal dan;
2. Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjoniiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ April 2007 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b’diżabilità fl-UE;
3. Jenfasizza li biex jiġu żgurati t-trattament ugwali u d-drittijiet indaqs għan-nisa u l-bniet b'diżabilità, għandha tiġi applikata s-sistema tal-integrazzjoni bejn is-sessi fid-deċiżjonijiet dwar il-politiki u l-miżuri għall-persuni b'diżabilità u l-implimentazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha, l-aktar dwar id-dritt għax-xogħol, l-integrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-tagħlim għal matul il-ħajja, u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni;
4. B’referenza għall-Protokoll, jisħaq fuq l-importanza tat-taħriġ u tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa u l-bniet b'diżabilità, u jinkoraġġixxi r-riċerka għal dan il-għan, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni dwar il-bijoetika f’kull Stat Membru;
5. Jirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet b’diżabilità jsibu ruħhom sikwit f'periklu kbir, kemm ġewwa kif ukoll barra d-dar, ta’ vjolenza, feriment jew abbuż, negliġenza jew trattament negliġenti, u trattament ħażin, inkluż l-isfruttament sesswali, l-abbuż, l-isterilizzazzjoni forzata, iż-żwieġ forzat, kif ukoll l-għeluq f’istituzzjonijiet u l-iżolament forzati;
6. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu leġiżlazzjoni biex iħarsu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità f'każijiet ta' abbuż sesswali u ta' vjolenza psikoloġika u fiżika fil-pubbliku u fl-ambjent ta' djarhom u biex jappoġġjaw ir-riabilitazzjoni ta' nisa u bniet b'diżabilità wara li jkunu ġarrbu vjolenza bħal din;
7. Hu tal-fehma li l-ommijiet b’diżabilità, li jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari fil-ħajja ta' kuljum, għandha tingħatalhom aktar attenzjoni min-naħa tal-Istati Membri u, b'mod partikolari, għandha tingħatalhom assistenza b'mod sistematiku skont il-bżonnijiet tagħhom.
PROĊEDURA
Titolu
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità
Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Harald Ettl, Richard Falbr, Joel Hasse Ferreira, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Rumiana Jeleva, Jamila Madeira, Adrian Manole, Csaba Sógor, Evangelia Tzampazi
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali