Proċedura : 2008/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0252/2009

Testi mressqa :

A6-0252/2009

Dibattiti :

PV 21/04/2009 - 26
CRE 21/04/2009 - 26

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2009 - 6.22

Testi adottati :

P6_TA(2009)0238

RAPPORT     
PDF 183kDOC 112k
6 t'April 2009
PE 418.248v01-00 A6-0252/2009

dwar l-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri

(2008/2233(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Neena Gill

Rapporteur għal opinjoni(*):

Antolín Sánchez Presedo, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

(*) Kumitat Assoċjat – Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri

(2008/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 65 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2008 dwar l-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri (COM(2008)0128),

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar it-titjib fl-effiċjenza fl-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru tal-kontijiet bankarji (COM(2006)0618) u r-riżoluzzjoni tial-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar dan(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġustizzja elettronika (e-Justice)(2),

–    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-3 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta' Settembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0252/2009),

A. billi, skont il-prinċipji tas- sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, l-adozzjoni ta’ strument Komunitarju fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fis-suġġetti ċivili li għandhom effetti transkonfinali tista’ titqies biss f’każ li jintwera li fil-livell nazzjonali jkun impossibbli li jitneħħa l-ostaklu li jimpedixxi t-tisjis jew il-funzjonament tas-Suq Intern,

B.   billi l-ħlas tard u l-ħlasijiet mhux onorati jipperikolaw l-interessi tan-negozji u tal-konsumaturi, l-aktar meta l-kreditur u l-awtoritajiet tal-infurzar ma jkollhom ebda tagħrif dwar fejn ikun jinsab id-debitur jew dwar l-assi tiegħu jew tagħha; billi dan huwa aggravat aktar minħabba l-klima ekonomika attwali, li fiha l-likwidità hija ferm importanti għas-sopravivenza tan-negozji,

C.  billi l-problemi tal-irkupru transkonfinali tad-djun jistgħu jkunu xkiel serju għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-ordnijiet għal ħlas fl-UE u jistgħu jxekklu l-aċċess għall-ġustizzja; billi, barra minn hekk, jekk id-deċiżjonijiet tal-qorti ma jkunux jistgħu jiġu infurzati, il-ġustizzja tiddgħajjef flimkien mal-istandards tal-moralità kummerċjali,

D.  billi, b’mod ġenerali, l-irkupru tad-dejn huwa problema kbira ferm, ħaġa li hija aggravata meta t-talbiet huma ta' natura transkonfinali, l-aktar għan-negozji żgħar li ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom avukati speċjalizzati jew dipartimenti ddedikati għall-ġbir tal-ħlasijiet, u li spiss jispiċċaw f'pożizzjoni xejn sabiħa li fiha jkollhom jiddedikaw ħaddiema, riżorsi finanzjarji limitati u, fuq kollox, ħin għal din il-problema minflok għal attivitajiet aktar produttivi,

E.  billi hemm indikazzjonijiet li d-Direttiva dwar Ħlasijiet Tardivi(3) mhijiex irrispettata jew magħrufa biżżejjed; billi kieku dik id-Direttiva kellha tiġi aġġornata u implimentata kif imiss jista’ jkollha impatt konsiderevoli fit-tnaqqis ta’ pagamenti tardivi jew nuqqas ta’ pagament,

F.  billi hemm diverġenzi enormi skont is-sistemi differenti tal-liġijiet nazzjonali tal-kuntratti u tal-insolvenza dwar kif il-kredituri jistgħu jiggarantixxu l-ħlas tad-dejn tagħhom fl-istadju tal-kuntratt, b’mod partikulari bl-użu ta’ klawżoli ta’ riżerva tat-titlu jew ta’ mekkaniżmi simili oħra li kultant dak li jkun isib mezz kif jaħrab minnhom minħabba dawn id-diverġenzi,

G. billi l-adozzjoni ta’ liġi Komunitarja dwar l-eżekuzzjoni b’mod effikaċi tas-sentenzi ġudizzjarji għandha tapplika għad-debituri kollha, mingħajr ebda distinzjoni minn qabel bejn id-debituri bona fide u dawk li mhumiex,

H. billi l-evażjoni, id-dewmien fil-ħlas u n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun spiss huwa aggravat min-nuqqas ta’ attenzjoni mill-partijiet fl-innegozjar prekuntrattwali u kuntrattwali tagħhom; billi jeħtieġ ikun hemm aktar enfasi fuq l-għarfien kummerċjali u possibbilment l-użu ta’ klawżoli fakultattivi ta’ “stil Ewropew” skont il-Qafas Komuni ta’ Referenza (QKR) li jiżguraw li l-partijiet iqisu sewwa dawn il-kwistjonijiet fil-bidu tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom,

I.    billi l-Parlament ġie mgħarraf li jista’ jkun hemm problema serja f’każijiet transkonfinali li jkunu jinvolvu debituri li jirrifjutaw li jobdu ordnijiet, jiġifieri persuni li jkunu jistgħu jħallsu djunhom jew li jkunu jistgħu jħallsu l-passiv tagħhom imma li ma jagħmlux hekk jew persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm ir-riskju li mhux se jħallsu dak li għandhom jagħtu anke jekk tkun inqatgħet is-sentenza kontrihom; billi jidher li dawn il-persuni spiss ikollhom assi sostanzjali f'diversi entitajiet, organi ta' rappreżentanza (nominees) u fondi fiduċjarji (trusts)u billi ma jistax jinkiseb infurzar effettiv mingħajr l-informazzjoni meħtieġa; billi spiss jinħtieġ li din l-informazzjoni tinkiseb mingħajr ma jiġi mwissi d-debitur li jinsisti li ma jobdix – li spiss ikun f'qagħda li jkun jista' jċaqlaq dawn l-assi lejn xi ġurisdizzjoni oħra f'qasir żmien,

J.    billi wkoll il-Parlament ġie mgħarraf li ċerti Stati sovrani ma jonorawx id-deċiżjonijiet jew is-sentenzi ta' arbitraġġ mogħtija mill-qrati ta' Stat ieħor, bir-riżultat li nibtu "fondi opportunistiċi" (vulture funds) li jakkwistaw dan id-dejn sovran b'rati sostanzjalment imnaqqsa u mbaghad ifittxu li jagħmlu l-profitt permezz tal-infurzar; billi jista jkun diskutibilment aħjar u aktar ġust li l-kredituri oriġinali jingħataw il-mezzi biex jiksbu rimedju huma stess,

K.  billi huwa argumentat li hemm ftit Stati li m’għandhom l-ebda assi ta’ xejn lil hinn mill-fruntieri tagħhom u li, jekk il-kreditur ma jkollux prospetti li se jakkwista l-infurzar fl-Istat Membru tiegħu jew tagħha (biss) jew fl-Istat ikkonċernat, mela l-unika riparazzjoni effettiva sseħħ permezz ta’ qrati barra l-pajjiż, b’mod partikulari fi Stati Membri oħra tal-UE,

L.   billi skont ir-Regolament I ta' Brussell(4) kull Stat Membru għandu l-miżuri proviżorji tiegħu proprji msawra u rregolati mil-liġi nazzjonali tiegħu u l-ordnijiet ex parte mhumiex is-suġġett ta’ rikonoxximent u infurzar reċiproku skont dak ir-Regolament; billi l-ordnijiet inter partes jiġu esegwiti mit-tribunal kompetenti permezz tal-miżura ta' kumpens l-aktar approssimattiva li dan it-tribunal ikun jista' jagħti,

M.  billi l-miżuri proviżorji jinkludu: (i) ordnijiet għall-iżvelar ta' informazzjoni dwar assi li jistgħu jsiru s-suġġett ta' miżuri ta' esekuzzjoni ta' sentenza u (ii) ordnijiet li jħarsu l-assi sakemm ikun hemm infurzar, u (iii) jistgħu jkunu wkoll f'forma ta' ordni proviżorju ta' pagament, li jippermetti li l-kreditur jitħallas immedjat sakemm tiġi solvuta t-tilwima kkonċernata,

N.  billi l-għoti ta’ miżuri proviżorji għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet simili għal dawk applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-kreditur ikollu jipperswadi l-qorti li għandu talba ġustifikabbli fuq il-merti (dritt li jista' jiġi infurzat fis-sura ta' ordni tal-qorti jew sturmenti awtentiċi jew evidenza tat-talba li toħloq każ prima facie – fumus boni juris), u juri urġenza (riskju ġenwin li l-infurzar tat-talba jista' jiġi sfrattat jekk il-miżura ma tingħatax (periculum in mora)), u billi l-għoti ta' miżuri bħal dawn jista' jsir suġġett għat-tressiq ta' sigurtà,

O.  billi f'każijiet ta’ skala żgħira, l-aktar meta l-ispejjeż legali jkunu għolja ferm, id-dewmien tal-ġustizzja jissarraf f'inġustizzja u billi, f'każijiet ta’ skala akbar, jista' jkun in-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-assi li jkun l-akbar ostakolu; billi, għaldaqstant, ir-rikors għal ordnijiet ta' miżuri proviżorji jista' jkun li verament jipprovdi soluzzjoni sempliċi u intelliġenti fiż-żewġ tipi ta' każijiet,

P.   billi, barra dan, kwalunkwe azzjoni Komunitarja maħsuba biex informazzjoni ssir disponibbli jeħtieġ li titqies ukoll fil-kuntest ta' dawn it-tipi ta' każijiet, li fihom in-nuqqas ta' informazzjoni tikkawża inġustizzja serja; billi, jekk ma jkunx hemm informazzjoni disponibbli għall-kreditur dwar l-assi ta' debitur (i a fortiori debitur li jinsisti li jonqos li jonora l-obbligi tiegħu) li jistgħu jiġu ssekwestrati biex tkun infurzata sentenza, il-kreditur ma jkunx jista' jinfurzaha,

Q.  billi, fil-prattika, din il-problema mhix limitata biss għall-każijiet fejn diġà tkun ingħatat sentenza li, madankollu, ma tkunx ġiet onorata: din il-problema tista' tqum ukoll qabel il-persuni jressqu t-talbiet tagħhom,

R.   billi, madankollu, huwa assolutament meħtieġ li kwalunkwe miżuri li jiġu proposti jkunu proporzjonati; billi, barra minn hekk, m'għandhomx sempliċement jirrepetu dak li diġà jista' jinkiseb permezz tal-miżuri nazzjonali eżistenti u għandhom ikunu limitati għal talbiet transkonfinali, u għandha tkun evitata l-armonizzazzjoni li mhix xierqa u li mhix meħtieġa,

S.   billi intwera xi tħassib li uħud mill-ideat dwar l-eżekuzzjoni b’mod effikaċi ta’ sentenzi fl-Unjoni Ewropea permezz tat-trasparenza tal-assi tad-debituri, jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza (ħarsien tad-data), idgħajfu s-salvagwardji proċedurali u jmorru kontra t-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' ħafna Stati Membri,

T.   billi kull proposta mressqa għandha tkun effettiva f'sens ta' nefqa u integrata f'oqsma oħra tal-politika Komunitarja sabiex jiġi evitat li jkun hemm duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tas-6 ta’ Marzu 2008, għax tikkontribwixxi għall-Istrateġija ta’ Liżbona;

2.  Jiddikjara li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jisforza lid-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu jmur kontra l-prinċipji komuni ta’ rieda tajba u ta’ responsabilità tal-flus; isostni li n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi tal-infurzar jew tan-nuqqas ta’ effikaċità tagħhom fih innifsu jimpedixxi r-realizzazzjoni ta' suq intern magħqud u jwassal għal spejjeż mhux ġustifikati;

3.  Jinnota li ħlas li jsir tard, l-ebda ħlas u l-problema tal-irkuprar tad-dejn jagħmlu ħsara lill-interessi tal-intrapriżi u tal-konsumaturi kredituri, inaqqsu l-fiduċja fis-suq intern u jdgħajfu l-azzjoni ġuridika;

4.  Jappoġġja strateġija integrata u effikaċji bbażata fuq il-prinċipji ta' “leġiżlar aħjar” u jqis li l-objettiv tal-irkupru tad-dejn għandu jintlaħaq filwaqt li jkunu żgurati n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, il-protezzjoni ta' data sensittiva u l-garanziji ġudizzjarji permezz tar-rikors għal miżuri proporzjonati li jiżguraw it-trasparenza meħtieġa u jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-ġestjoni;

5.   Jinsisti li, minbarra l-informazzjoni disponibbli pubblikament, il-kreditur għandu jkollu aċċess għad-data meħtieġa, taħt il-kontroll jew permezz tal-intermedjarju tal-awtorità kompetenti, biex ikun jista' jibda l-proċedura tal-infurzar u jikseb ir-rimbors tal-kreditu tiegħu, skont modalitajiet sempliċi biex jiġu implimentati fis-suq intern kollu;

6.   Jaqbel mal-Kummissjoni li l-irkupru transkonfinali tad-dejn permezz tal-infurzar tas-sentenzi ġudizzjarji hija problema mill-akbar tas-suq intern, imma jqis li s-soluzzjonijiet imressqa għad-diskussjoni mill-Kummissjoni jeħtieġu aktar xogħol sabiex jindirizzaw b’mod adegwat il-problema l-aktar diffiċli, dik tad-debituri li jirrifjutaw li jobdu ordnijiet.

Il-proposta sabiex jitfassal manwal ta' liġijiet u prattiki nazzjonali tal-infurzar

7.   Josserva li dan il-manwal jista’ jkun li jkun diffiċli u jieħu fit-tul u jiswa’ ħafna flus biex jiġi prodott u aġġornat, li, għall-individwi li jkunu qed ifittxu rimedju, jista’ jkun aktar faċli li jkun hemm reġim wieħed applikabbli, u li fil-maġġoranza tal-każijiet il-kredituri jkollhom jieħdu parir mingħand avukati fil-ġuriżdizzjoni barranija rilevanti; iqis, madankollu, li verżjoni simplifikata tista’ tkun utli fin-nuqqas ta’ reġim transkonfinali funzjonabbli;

8.   Jemmen bis-sħiħ li l-pubblikazzjoni ta’ direttorji nazzjonali ta' avukati barranin li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern skont id-Direttivi 77/249/KEE(5) u 98/5/KE(6) ikunu utli; jinnota li dawn id-direttorji nazzjonali jistgħu jkunu marbuta ma’ website tal-Kummissjoni u jistgħu jkunu kumlementari għall-manwal;

Żieda fl-informazzjoni disponibbli fir-reġistri pubbliċi u t-titjib fl-aċċess għalihom

9.   Jinsab kontra l-għoti ta' aċċess mhux ġustifikat, indiskriminat u arbitrarju għal kull xorta ta’ data miżmuma dwar popolazzjoni, sigurtà soċjali u reġistri tat-taxxa, u huwa favur qafas adegwat u proporzjonat maħsub biex jiġi żgurat l-infurzar effikaċi tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea;

10. Jargumenta li aċċess xieraq għar-reġistri tal-popolazzjoni (fejn ikunu jeżistu) jista' jkun utli biex jinstabu individwi privati b'xortihom ħażina li jonqsu li jħallsu l-pagamenti tal-manteniment jew ta' self privati, u biex jiġu evitati l-abbużi;

11. Iqis li, filwaqt li l-aċċess imtejjeb għas-sigurtà soċjali u għar-reġistri tat-taxxa kien innovazzjoni ta’ suċċess f'ċerti ġurisdizzjonijiet, jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u dwar il-kunfidenzjalità; jirrimarka li din hija materja sensittiva għall-pubbliku; jinnota, barra dan, li jista' jkun hemm tassew problemi legali bl-użu ta' informazzjoni għal skop li jkun differenti minn dak li għalih tkun inġabret;

12. Josserva, barra minn hekk, li d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u r-rekords tas-sigurtà soċjali huma kunfidenzjali f'ħafna Stati Membri u li l-idea ta' reġistru, bir-riskji kollha li jista’ jġib miegħu fejn jistgħu jintilfu xi rekords, mhix sejra tintlaqa’ tajjeb f'dawk il-pajjiżi u tkun titqies bħala abbuż tas-setgħa eżekuttiva;

13. Isostni li, li kieku l-proposta kienet sproporzjonata għall-għan imfittex, hija tista' tkun miftuħa għall-abbuż u tista' tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-privatezza;

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar

14. Iqis li ta' min tkun studjata aktar l-idea ta' koperazzjoni mtejba bejn il-korpi tal-infurzar pubbliku, iżda jirrimarka li korpi bħal dawn ma jeżistux fl-Istati Membri kollha;

Id-dikjarazzjoni tad-debitur

15. Huwa tal-fehma li jista' jkun utli li dikjarazzjoni tad-debitur tkun tagħmel parti mill-proċedura tal-infurzar ta' sentenza, fejn hija tista' tiġi ssostanzjata minn sanzjonijiet skont il-liġi nazzjonali;

16. Iqis li m'hemm l-ebda ħtieġa ta' azzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, sakemm ma jiġix ippruvat li l-istrumenti eżistenti tal-Istati Membri mhumiex effiċjenti;

Miżuri oħra

17. Jissuġġerixxi li tista’ tiġi kkunsidrata l-idea li tiġi introdotta forma ta' miżura Komunitarja proviżorja apparti dawk tal-qrati nazzjonali; iqis li din tista' tieħu s-sura ta' proċedura sempliċi u flessibbli li tkun tista’ titħaddem madwar l-UE kollha, u b'hekk jiġi evitat dewmien u spejjeż bla bżonn; huwa tal-fehma li din tkun effettiva u ġusta wkoll għal dawk il-partijiet li mhumiex implikati;

18. Jipproponi li din il-miżura tista’ tapplika għat-talbiet ta' arbitraġġ ukoll u tista' wkoll titqies fil-kuntest tar-reviżjoni li ġejja dalwaqt tar-Regolament I ta' Brussell;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta din il-kwistjoni bħala prijorità u biex twettaq (a) valutazzjoni dettaljata tal-problema, (b) studju tal-fattibilità ta' strumenti Komunitarji possibbli u (c) evalwazzjoni tal-impatt ta' rimedji possibbli tal-liġi Komunitarja ristretti għall-aspetti transkonfinali; iqis li l-istħarriġ tal-Kummissjoni għandu jidentifika wkoll u jiġġustifika kif jixraq il-bażi legali xierqa għal kwalunkwe strument Komunitarju li jiġi propost, li għandu jkun ristretta għal każijiet transkonfinali u jkun kumplementari għall-applikazzjoni ta’ rimedji purament nazzjonali f’dan il-qasam u mhux ixekkluha;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis bir-reqqa l-miżuri prekuntrattwali u kuntrattwali li jista’ jkollhom rabta mal-iżvilupp tal-Qafas Komuni ta’ Referenza u kull strument fakultattiv li joriġina minnu, biex jiġi żgurat li l-partijiet li għandhom sehem f’kuntratti transkonfinali Ewropej jikkunsidraw kwistjonijiet ta’ pagamenti tardivi u nuqqas ta’ pagament fl-att tal-kuntratt;

21. Jistenna bil-ħerqa l-eżami tad-Direttiva dwar Ħlasijiet Tardivi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi dwar dan malajr kemm jista’ jkun, minħabba l-klima ekonomika ta’ bħalissa;

22. Jissuġġerixxi li jsir studju dwar il-metodi legali nazzjonali diverġenti għar- riżerva tat-titlu u mekkaniżmi oħra simili, bil-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom;

23. Jissuġġerixxi li parti li tkun akkwistat drittijiet tal-proprjetà rikonoxxuti f'deċiżjoni ġudizzjarja għandha tkun tista' tinforza dawk id-drittijiet bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-parti li tkun tat l-informazzjoni.

o

o        o

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-iskop għad-dokument konsultattiv tal-Kummissjoni huwa t-tħassib dwar il-fatt li l-problemi tal-irkupru transkonfinali tad-djun jistgħu jkunu ta' ostaklu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' ordnijiet ta’ ħlas fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jistgħu jimpedixxu l-funzjonament tajjeb tas-Suq Intern. "Ħlasijiet tard u ħlasijiet mhux onorati jipperikolaw l-interessi kemm ta' l-impriżi u kif ukoll tal-konsumaturi. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kreditur u l-awtoritajiet ta' l-infurzar ma jkollhomx informazzjoni dwar fejn ikun jinsab id-debitur jew dwar l-assi tiegħu."

Id-debituri li jirrifjutaw li jobdu ordnijiet jistgħu jkunu problema kbira fl-Unjoni Ewropea kollha, l-aktar għan-negozji żgħar li ma jkollhomx riżorsi kbar (kuntratti ma' avukati speċjalizzati jew dipartimenti ddedikati għall-ġbir tal-ħlasijiet). Il-problema tista' tissolva meta d-debitur ikollu assi fl-Unjoni u jkun possibbli li dawn jinstabu u jinbdew proċedimenti legali. Huwa dubjuż kemm il-proposti tal-Kummissjoni, li huma limitati, jista' jkollhom suċċess u jġibu titjib sostanzjali tas-sitwazzjoni.

Għal dak li huwa l-kontenut tal-Green Paper, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jitfassal Manwal ta' Liġijiet u Prattiki Nazzjonali ta' l-Infurzar li jkun disponibbli fuq in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

It-tieni: il-Kummissjoni tistaqsi dwar il-possibilità li tiżdied l-informazzjoni disponibbli fuq ir-reġistri kummerċjali u li jitjieb l-aċċess għalihom.

Dan jista' jiġi indirizzat fl-ambitu tal-proposti tal-ġustizzja elettronika Ewropea, li dwarhom il-Parlament diġà ta l-fehma tiegħu.

It-tielet: qed tiġi ssuġġerita l-idea li jiżdied l-aċċess għar-reġistri pubbliċi.

Ir-raba': il-Green Paper issaqsi wkoll jekk l-awtoritajiet tal-infurzar għandhomx jingħataw aċċess aħjar għar-reġistri tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa. Din il-possibilità ntużat b'ċertu suċċess f'ċerti ġurisdizzjonijiet, iżda jista' jkun hemm kunflitti mal-protezzjoni tad-data u mal-kunfidenzjalità.

Il-ħames: il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li l-koperazzjoni bejn l-entitajiet tal-infurzar pubbliku tista' tittejjeb.

Is-sitt: tressqet ukoll l-idea ta' "Dikjarazzjoni Ewropea tal-Assi", li tobbliga lid-debituri li jiżvelaw l-assi kollha tagħhom fiż-żona ġudizzjarja Ewropea, u li tista' tkun ikkumplimentata b'sanzjonijiet.

Fl-aħħar nett ir-rapporteur irrispondiet hekk għat-talba tal-Kummissjoni għal miżuri oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati.

Hija tqis li l-kredituri jistgħu jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta' proċedura sempliċi u flessibbli li tista' tkun effettiva madwar l-UE biex jinkisbu miżuri proviżorji fil-forma ta' (1) ordni ta' żvelar ta' informazzjoni dwar assi li jistgħu jsiru s-suġġett ta' miżuri ta' twettiq ta' sentenza; (2) ordni li jħares l-assi sakemm ikun hemm infurzar. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu f'forma ta' ordni proviżorju ta' pagament, li jippermetti li l-kreditur jitħallas immedjat sakemm tiġi solvuta t-tilwima kkonċernata.

Jekk il-Kumitat iqis li din tkun triq li ta' min wieħed jesplora, ir-rapporteur tissuġġerixxi li jsir studju dwar miżuri proviżorji fl-UE li jqisu:

(1) Kif is-sistemi nazzjonali attwali jaħdmu fil-prattika: is-studju jkun limitat għal pajjiż wieħed li juża l-liġi komuni u kampjun rappreżentattiv tal-pajjiżi bil-liġi ċivili, u jinkludi talanqas sistema waħda mil-Lvant tal-Ewropa.

(2) Titjib li jkunu utli li jitqiesu għas-sistemi attwali. Għal dan il-għan l-istudju għandu jkun lest li jagħti ħarsa lejn is-sistemi ġewwa l-UE u 'l barra minnha.

(3)Oqsma fejn aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri tista' tkun ta' benefiċċju, pereżempju l-istudju għandu jidentifika n-nuqqasijiet fid-disponibilità ta' miżuri proviżorji fis-sistemi, l-ispiża komparattiva u l-effettività, u jekk din il-pożizzjoni tistax tittejjeb.

(4) Kif l-ordnijiet proviżorji jistgħu jiġu integrati fit-tħaddim tas-sistema bankarja. Ta' spiss il-banek huma involuti bħala partijiet mhux implikati fit-tilwima kkonċernata, u għalhekk għandha titfassal sistema ta' ordnijiet proviżorji li taqbel mal-mod ta' kif jaħdmu l-banek.

(5)Effetti possibbli tar-regoli għall-protezzjoni tad-data, rekwiżiti regolatorji, u kunfidenzjalità. Pereżempju jista' jagħti l-każ li l-iżvelar ta' informazzjoni jwassal għal problemi regolatorji għal xi parti mhux implikata fi Stat Membru ieħor?

(6) Imparzjalità għall-partijiet mhux implikati (bħad-detenturi tal-assi jew pussessuri ta' informazzjoni) li mhumiex parti tal-każ ikkonċernat iżda li jistgħu jintlaqtu mill-ordni proviżorju. (Pereżempju jista' jkun hemm esponiment għat-talbiet li jirriżultaw mill-konformità mal-ordni?)

(7) Liema sistema tal-KE tista' tkun aċċettabbli għall-Istati Membri?

15.12.2008

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (*)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar l-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri

(2008/2233(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Antolín Sánchez Presedo

(*) Kumitat Assoċjat - Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper dwar "L-infurzar effettiv tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: It-trasparenza tal-assi tad-debituri” (COM(2008)0128), għaliex tikkontribwixxi għall-Istrateġija ta' Liżbona;

2.  Jiddikjara li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jisforza lid-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu jmur kontra l-prinċipji komuni ta’ rieda tajba u ta’ responsabilità tal-flus; isostni li n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi tal-infurzar jew tan-nuqqas ta’ effikaċità tagħhom fih innifsu jimpedixxi r-realizzazzjoni ta' suq intern magħqud u jwassal għal spejjeż mhux ġustifikati;

3.  Jinnota li ħlas li jsir tard, l-ebda ħlas u l-problema tal-irkuprar tad-dejn jagħmlu ħsara lill-interessi tal-intrapriżi u tal-konsumaturi kredituri, inaqqsu l-fiduċja fis-suq intern u jdgħajfu l-azzjoni ġuridika;

4.  Jappoġġja strateġija integrata u effikaċji bbażata fuq il-prinċipji ta' ‘leġiżlazzjoni aħjar’ u jqis li l-objettiv tal-irkupru tad-dejn għandu jintlaħaq filwaqt li jkunu żgurati n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, il-protezzjoni ta' data sensittiva u l-garanziji ġudizzjarji permezz tar-rikors għal miżuri proporzjonati li jiżguraw it-trasparenza meħtieġa u jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-ġestjoni;

5.  Jinsisti li, minbarra l-informazzjoni pubblika, l-kreditur għandu jkollu aċċess għad-data meħtieġa, taħt il-kontroll jew permezz tal-intermedjarju tal-awtorità kompetenti, biex ikun jista' jibda l-proċedura tal-infurzar u jikseb ir-rimbors tal-kreditu tiegħu, skont modalitajiet sempliċi biex jiġu implimentati fis-suq intern kollu;

6.  Jitkellem favur it-tħejjija ta’ manwal dwar il-liġijiet u l-prattiki tal-infurzar, iż-żieda u t-titjib tal-informazzjoni li tinsab fir-reġistri, kif ukoll l-aċċess għal dawn ir-reġistri b’konformità mar-regoli previsti tal-iffunzjonar fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-eżami ta’ miżuri oħra xierqa;

7.  Jissuġġerixxi li l-parti li tkun akkwistat drittijiet tal-proprjetà rikonoxxuti f'deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista' tinforza d-drittijiet tagħha bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-parti li ċċedihom.

(1)

ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 655..

(2)

Testi adottati, P6_TA(2008)0637.

(3)

Id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, 8.8.2000, p. 35).

(4)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien tal-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(5)

Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex taġevola lill-avukati biex jeżerċitaw b'mod effettiv il-libertà li jipprovdu servizzi (ĠU L 78, 26.3.1977, p.17).

(6)

Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 biex tiġi ffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta' avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih il-kwalifika tkun inkisbet (ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36).


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, José Manuel García-Margallo y Marfil, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Louis Grech, Benoît Hamon, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Hans-Peter Martin, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Janusz Onyszkiewicz, Bilyana Ilieva Raeva, Theodor Dumitru Stolojan, Kristian Vigenin

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Gahler, Monica Giuntini, Catiuscia Marini

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Klaus-Heiner Lehne, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nicole Fontaine, Georgios Papastamkos, Jacques Toubon, Renate Weber

Aġġornata l-aħħar: 15 t'April 2009Avviż legali