dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0169),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0134/2009),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri(1) u l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità dwar għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008(3) dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-istess jum dwar it-twaqqif ta’ faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(4),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 134 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0268/2009),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Emenda 1
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 1 – punt 3
Regolament (KE) Nru 332/2002
Artikolu 3a
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jiftiehmu dwar memorandum ta' spjegazzjoni li jelenka fid-dettall il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill."
Il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jiftiehmu dwar memorandum ta' spjegazzjoni li jelenka fid-dettall il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-memorandum ta’ spjegazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Emenda 2
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 1 – punt 4
Regolament (KE) Nru 332/2002
Artikolu 5
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
1.Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex f'intervalli regolari tivverifika, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju taqbel mal-programm ta' aġġustament u ma' kull kundizzjoni oħra stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 3. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoġġi kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ magħha. Fuq il-bażi tas-sejbiet ta' din il-verifika, il-Kummissjoni, wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta l-opinjoni tiegħu, għandha tiddeċiedi dwar il-ħruġ ta' aktar rati.
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex f'intervalli regolari tivverifika, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju taqbel mal-programm ta' aġġustament u ma' kull kundizzjoni oħra stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 3 kif ukoll mal-memorandum ta' spjegazzjoni msemmi fl-Artikolu 3a. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoġġi kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ ma' din tal-aħħar. Fuq il-bażi tas-sejbiet ta' din il-verifika, il-Kummissjoni, wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta l-opinjoni tiegħu, għandha tiddeċiedi dwar il-ħruġ ta' aktar rati.
Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kull aġġustamenti li jkun meħtieġ għall-kundizzjonijiet inizjali tal-politika ekonomika.
Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kull aġġustament li jkun meħtieġ għall-kundizzjonijiet inizjali tal-politika ekonomika konformi mal-għanijiet ekonomiċi prinċipali tal-Komunità.
Ġustifikazzjoni
Sabiex jiġu ċċarati l-kondizzjonalità u l-irwol tal-Parlament Ewropew.
Emenda 3
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 1 – punt 6 a (ġdid)
Regolament (KE) Nru 332/2002
Artikolu 10
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(6a) L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:
"Artikolu 10
Kull sentejn il-Kunsill għandu jeżamina, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju [...], jekk il-faċilita' stabbilita għadhiex tilħaq, fil-prinċipju, l-arranġamenti u l-limitu tagħha, il-ħtiġiet li għalihom ġiet maħluqa."
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 jistabbilixxi, fuq il-bażi tal-Artikoli 119 u 308 tat-Trattat, faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagament tal-Istati Membri, li tieħu post l-istrument preċedenti maħluq mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1969/88. Din il-faċilità timplimenta l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 119 tat-Trattat, li bih il-Komunità tista’ tagħti għajnuna reċiproka lil Stat Membru "li jinsab f'diffikultajiet jew li jkun mhedded serjament b’diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu bħala riżultat ta' skwilibriju ġenerali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu jew bħala riżultat tat-tip ta’ munita li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu”, sakemm dan l-Istat Membru ma jkunx jagħmel parti miż-żona tal-ewro.
Bl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament fi Frar 2002 il-limitu minimu li kien jeżisti fir-regolament preċedenti tniżżel minn EUR 16-il biljun għal EUR 12-il biljun minħabba d-dħul fis-seħħ tal-ewro, u b'hekk il-Membri li kienu jinsabu fiż-żona tal-ewro ma kinux aktar eliġibbli għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 119 marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti. Minn dak iż-żmien l-UE kibret u l-għadd ta' Stati Membri li ma jipparteċipawx fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja żdied b'mod sostanzjali. F’dak l-isfond u minħabba l-evoluzzjoni tal-kuntest finanzjarju internazzjonali, il-Kunsill iddeċieda li jżid, fil-bidu ta’ Diċembru 2008, il-limitu massimu tal-għajnuna finanzjarja ġenerali għal EUR 25 biljun mit-EUR 12-il-biljun oriġinali, bil-Parlament Ewropew jagħti opinjoni favorevoli permezz ta’ proċedura urġenti.
Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu miżuri meħtieġa sabiex ikunu ppreparati, jekk ikun meħtieġ, biex jaġixxu każ b’każ, fuq il-bażi tal-istrumenti kollha disponibbli u fejn xieraq f’koperazzjoni mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, waqt li enfasizza li “b’mod partikolari, il-Komunità tinsab lesta biex tipprovdi għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti lil Stati Membri eliġibbli li jeħtiġuha u, għal dan il-għan, tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta biex tirdoppja l-limitu massimu tal-faċilità ta’ appoġġ tal-Unjoni ta’ għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti, għal EUR 50 biljun”. Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni li tirdoppja l-limitu massimu għandha bħala sfond il-prospetti finanzjarji internazzjonali li qegħdin jeħżienu u n-negozjati għal għajnuna finanzjarja għal żmien medju għar-Rumanija, li għaliha l-UE għandha l-ħsieb li tipprovdi sa EUR 5 biljun.
S’issa, l-UE laħqet ukoll ftehim li tagħti self BoP ta’ EUR 6.5 biljun lill-Ungerija u ta’ EUR 3.1 biljun lil-Latvja.
Ir-rapporteur tqis li hu raġonevoli li l-limitu massimu jkun irdoppjat, u jitla’ għal EUR 50 biljun, u li jkunu ċċarati xi kompiti u responsabilitajiet.
PROĊEDURA
Titolu
Faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal perjodu medju ta’ żmien għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri
Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Kurt Joachim Lauk, Gay Mitchell, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali
Daniel Dăianu, Harald Ettl, Werner Langen, Margaritis Schinas