Proċedura : 2009/0058(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0066/2009

Testi mressqa :

A7-0066/2009

Dibattiti :

PV 20/10/2010 - 10
CRE 20/10/2010 - 10

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0378

RAPPORT     ***I
PDF 217kDOC 253k
13 ta' Novembru 2009
PE 428.290v01-00 A7-0066/2009

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 li jistabbilixxi Strument ta' Stabbilità

(COM(2009)0195 – C7-0042/2009 – 2009/0058(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Franziska Katharina Brantner

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 li jistabbilixxi Strument ta' Stabbilità

(COM(2009)0195 – C7-0042/2009 – 2009/0058(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0195),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 179(1) u 181a tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kummissjoni ressqet proposta lill-Parlament (C7-0042/2009),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 2008 fil-kawża C-91/05 Kummissjoni v. Kunsill, li annulat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/833/CFSP tat-2 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/CFSP bil-għan ta' kontribut mill-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-Armamenti Ħfief u ta' Kalibru Żgħir,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7 0006/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 — punt 2

Regolament (KE) Nru 1717/2006

Artikolu 4 – punt 1 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) jiġi mibdul b’dan li ġej:

(2) Fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu tal-punt (a) jiġi mibdul b’dan li ġej:

“(a) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ċivili involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalita' organizzata, li tinkludi t-traffikar illegali ta' persuni, ta' drogi, ta' armi tan-nar u ta' materjal splussiv, u fil-kontroll effettiv tan-negozju illegali u t-tranżitu illegali.”

“(a) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ċivili involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, li tinkludi t-traffikar illegali ta' persuni, ta' drogi, ta' armi tan-nar u ta' materjal splussiv, u fil-kontroll effettiv tan-negozju illegali u t-tranżitu illegali.”

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda hi ta' natura teknika u għandha l-għan li tikkoreġi l-ommissjoni tal-proposta. Il-ħsieb tal-Kummissjoni kien li tibdel it-test tal-ewwel subparagrafu biss (minn erbgħa).

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 2 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1717/2006

Artikolu 4 – punt 3 – punt b a (new)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2a) Fl-Artikolu 4(3), għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

 

"(ba) żvilupp u organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess politiku, inklużi miżuri li jsaħħu r-rwol tan-nisa fi proċessi bħal dawn u miżuri li jippromwovu mezzi tal-midja indipendenti, pluralisti u professjonali."

Ġustifikazzjoni

Is-soċjetà ċivili għandha tingħata l-appoġġ mhux biss f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, kif jistqarr l-Istrument ta' Stabbilità oriġinali, iżda wkoll fuq żmien twil fil-kuntest ta' kundizzjonijiet stabbli għall-koperazzjoni fil-qasam tal-bini ta' qabel u wara l-kriżijiet.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 - punt 2 b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1717/2006

Artikolu 4 – paragrafu 3 – subparagrafu 2 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2b) Fl-Artikolu 4(3), għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

 

"Miżuri taħt dan il-punt jistgħu jiġu implimentati, jekk ikun xieraq, permezz tas-Sħubija għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tal-UE."

Ġustifikazzjoni

L-Istrument ta' Stabbilità għandu jirreferi għas-Sħubija għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tal-UE, li diġà kienet stabbilita mill-Kummissjoni fil-qasam tal-bini ta' qabel u wara l-kriżijiet.

Emenda  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Regolament (KE) Nru 1717/2006

Artikolu 24 – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) mhux aktar minn 5 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju ser jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu fl-Artikolu 4(3).”

(c) mhux aktar minn 10 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju ser jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu fl-Artikolu 4(3), bil-kundizzjoni li ż-żieda tkun konformi mar-reviżjoni attwali tas-Sħubija għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tal-UE u tar-riżorsi interni.”

Ġustifikazzjoni

Minkejja l-fatt li l-UE għandha kompetenza speċjali fil-bini ta' paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, l-investiment f'dan il-vantaġġ komparattiv xorta għadu inadegwat. Il-Kumitat għall-Iżvilupp jipproponi żieda fil-perċentwali ta' bini ta' kapaċitajiet qabel u wara l-kriżi minn 5 għal 10%.


NOTA SPJEGATTIVA

1.  Fehmiet dwar ir-Regolament li jemenda

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1717/2006 li jistabbilixxi Strument ta' Stabbiltà COM (2009)0195, bħala parti ta' reviżjoni usa' tal-assistenza finanzjarja esterna tal-UE.

L-ewwel nett, il-Kumitat AFET jaqbel li r-reviżjoni tal-Artikolu 3(2)(i) u l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament oriġinali hija meħtieġa sabiex dan jinġieb konformi mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 2008, li sabet li l-miżuri kontra l-proliferazzjoni tal-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir jistgħu jkunu implimentati mill-Komunità taħt il-politika tagħha għall-iżvilupp. Barra dan, ir-rapporteur tistieden lill-Presidenza, f'isem il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament, biex tiżviluppa "Dikjarazzjoni dwar Konsensus Ewropew b'appoġġ għall-Azzjoni tal-UE fuq is-SALW" li tqis il-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet kollha.

It-tieni nett, il-Kumitat AFET huwa tal-fehma li ż-żieda proposta tal-ammont finanzjarju massimu għall-implimentazzjoni ta' miżuri skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament oriġinali minn 7% għal 10% għandu jkun akkumpanjat bl-istrateġija iżjed ċara tal-Kummissjoni (inkluż it-tqassim tax-xogħol bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża ECOWAS) u r-rapportar lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-fondi allokati u l-kontenut tal-proġetti ppjanati.

It-tielet nett, il-Kumitat jaqbel mal-ftuħ ta' parteċipazzjoni globali fl-għoti tal-ksib pubbliku jew l-għoti ta’ kuntratti skont l-Artikolu 4.

Aspetti oħrajn li ma ġewx ikkunsidrati fil-proposta tal-Kummissjoni ġew ittrattati fl-abbozz tar-rapport. Qiegħda ssir il-proposta li taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament oriġinali, is-soċjetà ċivili tkun inkluża b'mod espliċitu bħala benefiċjarja tal-appoġġ fuq medda ta' żmien twil fil-kuntest ta' kundizzjonijiet stabbli għal koperazzjoni fil-qasam tal-bini ta' qabel u wara l-kriżijiet.

Barra dan, ir-Regolament għandu jagħmel riferenza għas-Sħubija għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tal-UE, diġà stabbilita mill-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat AFET qabel dwar żieda fil-perċentwali ta' bini ta' kapaċitajiet qabel u wara l-kriżi minn 5 għal 10%.

2. Pożizzjoni dwar ir-rapportar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-Parlament Ewropew

Minbarra l-proposta li jiġi emendat ir-Regolament oriġinali, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Stabbiltà fl-2008 kif ukoll ir-riviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji għal azzjonijiet esterni jipprovdu opportunità tajba biex issir evalwazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni mill-Parlament Ewropew.

F'dan il-kuntest, it-rapporteur tifraħ lill-Kummissjoni għat-titjib fir-rapportar annwali skont l-Artikolu 23 tar-Regolament oriġinali, b'mod partikulari għall-inklużjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett.

Madankollu, fil-perjodu 2006-2009, ir-rapportar fuq is-sustanza tal-miżuri tal-assistenza fil-kuntest tal-kundizzjonijiet stabbli skont l-Artikolu 4 ma kienx adegwat. Ir-rapporteur tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb dan ir-rapportar lill-Parlament Ewropew, b'mod partikulari dwar it-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-riviżjoni tal-proġett.

Filwaqt li huwa minnu li l-Parlament Ewropew jirċievi informazzjoni mill-Kummissjoni dwar miżuri ta' assistenza eċċezzjonali li jkunu ġew adottati (Artikolu 6), li jkunu maħsuba li jipprovdu rispons f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (Artikolu 3), għad hemm nuqqas fir-rapportar f'sens strateġiku u analitiku usa' kif imsemmi fl-Artikolu 6 (6) tar-Regolament oriġinali.

Għalhekk, ir-rapporteur qiegħda tfittex li l-Kummissjoni tagħti garanzija lill-Parlament Ewropew dwar ir-rispett tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Istrument ta' Stabilità tal-2006 dwar il-kwistjoni tal-aċċess puntwali għall-informazzjoni dwar miżuri ta' assistenza eċċezzjonali taħt l-Artikolu 3 u dwar il-konformità tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 4 (1) fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-liġi internazzjonali umanitarja.

Ir-rapporteur tixtieq tfakkar lill-Kummissjoni dwar id-dritt tal-Parlament Ewropew li jirċievi l-informazzjoni skont il-proċeduri tal-kumitat ("komitoloġija") msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament oriġinali.

Barra minn dan, il-Kummissjoni u l-Kunsill huma mħeġġa li jikkomunikaw in-noti ta' informattivi ta' kull xahar li jsiru lill-Kumitat għall-Politika u s-Sigurtà lill-Parlament Ewropew ukoll. Titjib bħal dan ikun konformi mad-dikjarazzjoni dwar iż-żieda fit-trasparenza mistqarra mill-Presidenza Svediża kurrenti tal-Kunsill tal-UE.

3. Pożizzjoni dwar il-bini tal-kapaċità ta’ qabel u wara l-kriżijiet

Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ttejjeb l-ippjanar strateġiku tagħha u żżid l-infiq tal-kapital disponibbli għas-Sħubija għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (PBP) li diġà ġie stabbilit taħt l-Artikolu 4 (3). L-appoġġ finanzjarju għandu jikkonċentra fuq proġetti ta' daqs żgħir u medju kif ukoll fuq proġetti kbar b'mod ibbilanċjat. Il-Kummissjoni għandha l-appoġġ kollu biex torganizza mill-ġdid l-istaff amministrattiv tagħha sabiex tkun tista' ssir l-implimentazzjoni tal-allowances baġitarji għal miżuri li jaqgħu taħt dan l-artikolu.

4.  Pożizzjoni dwar l-ammont finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Stabbiltà

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Stabbiltà (Art. 24) ilaħħaq l-2,062 biljun euro għall-perjodu 2007-2013.

Madankollu, il-mezzi finanzjarji li ġew allokati mill-ġdid mill-Istrument ta' Stabbiltà għall-Faċilità tal-Ikel għall-perjodu 2010-2013 naqqsu dan l-ammont b'240 miljun euro.

Sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea għandha l-mezzi finanzjarji disponibbli, taħt l-Intestatura 4 tal-baġit annwali, biex tissodisfa l-irwol tagħha fuq l-iskala internazzjonali kif mistenni miċ-ċittadini tal-Ewropa, ir-rapporteur tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq pjan biex jitreġġa' lura l-ammont inizjali li kien previst fir-Regolament.

Ir-rapporteur ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenji li saru mill-Komunità fl-Istrument ta' Stabiltà, jiġifieri l-promozzjoni ta' kundizzjonijiet stabbli għall-iżvilupp uman u ekonomiku u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-libertajiet fundamentali bħala l-għanijiet ewlenin tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, hija jistieden lill-Kummisssjoni biex tressaq pjan għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji għal kwalunkwe faċilitajiet jew mekkaniżmi ta' assistenza ta' emerġenza esterna li jinħolqu barra l-Istrument għall-Istabilità b'mod li jiġi evitat l-użu ta' fondi intiżi għall-Istrument għall-Istabilità.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija mħeġġa żżid il-livell baxxi tal-infiq tal-baġit fil-ġejjieni qrib, permezz ta' viżjoni strateġika dwar l-użu tiegħu.

5. Pożizzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tal-UE

Biex l-UE ssir fornitur effettiv tal-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili, teħtieġ b'mod urġenti faċilità professjonali ta' medjazzjoni li tkun imgħammra b'funzjonijiet simili tal-Unità tal-Appoġġ fil-Medjazzjoni (MSU) tad-Dipartiment għall-Affarijiet Politiċi (DPA) tan-Nazzjonijiet Uniti. L-MSU tipprovdi appoġġ tekniku, finanzjarju u loġistiku lill-missjonijiet tal-paċi. Din issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' medjazzjoni ta' organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali u tistituzzjonalizza l-għarfien tal-ġestjoni tal-kunflitti. L-MSU għandha l-appoġġ ta' tim standby li jikkonsisti f'esperti fil-medjazzjoni li jispeċjalizzaw fil-ġustizzja tranżitorja, kwistjonijiet kostituzzjonali u fil-qsim tal-poter u tal-ġid.

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament oriġinali jipprovdu bażi legali soda għat-twaqqif ta' Faċilità ta' Appoġġ fil-Medjazzjoni taħt l-awspiċji tal-UE.

Bħalissa l-Kummissjoni u l-Kunsill m'għandhomx riżerva ta' esperti għall-medjazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. La hemm appoġġ ta' loġistika u lanqas ta' esperti għal medjaturi tal-UE u għal medjaturi appoġġjati mill-UE. Għalhekk, it-taħriġ tal-missjonijiet tal-UE u tal-missjonijiet appoġġjati mill-UE għandhom nuqqas ta' analiżi sistematika tal-esperjenza tal-medjazzjoni. Barra minn dan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti linjigwida ġenerali tal-medjazzjoni tal-UE fi kriżijiet politiċi u f'kunflitti vjolenti.

Ir-rapporteur temmen li l-istaff li jieħu ħsieb l-ipprogrammar għand jiżdied, b'mod speċjali fir-rigward tal-organizzazzjoni amministrattiva tas-Servizz tal-Azzjoni Esterna. Huwa importanti ħafna li r-rapporteur tal-IfS jitgħarraf iżjed rigward l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tar-responsabilitajiet ta' ġestjoni għall-IfS.

6. Pożizzjoni dwar l-ippjannar strateġiku mill-Kummissjoni

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ttejjeb l-ippjanar strateġiku tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-IfS. B'mod iżjed speċifiku, il-Kummissjoni għandha tressaq dettalji dwar il-korpi li ġew magħżula għall-implimentazzjoni u għandha wkoll tagħti r-raġunijiet tagħha dwar l-għażla tal-korpi.

Il-Kummissjoni teħtieġ ukoll tiddeskrivi l-istrateġija tagħha fir-rigward tan-NU u l-aġenziji tagħha. Ir-rapporteur tixtieq ukoll issir taf x'passi qiegħda tippjana li tieħu l-Kummissjoni biex issaħħaħ din il-koperazzjoni.

Barra dan, għadu mhux ċar kif il-Kummissjoni qiegħda tippjana li torganizza s-sistema ta' evalwazzjoni magħrufa bħala 'lessons learned'. Hemm ukoll xi ppjanar strateġiku dwar il-kwistjonijiet tal-paternarjati?

Ir-rapporteur tiegħek titlob li jkun hemm iżjed koerenza mal-mekkaniżmi tal-finanzjament li mhumiex tal-IfS, b'mod speċjali l-EIDHR, il-programmi tematiċi kif ukoll il-fondi għall-iżvilupp.

Fl-aħħar, ir-rapporteur titlob lill-Kummissjoni biex tispjega aħjar il-proċess ta' prijoritizzazzjoni fl-għażla tas-sitwazzjonijiet u tal-proġetti għall-IfS. Liema huma l-kriterji tal-għażla tal-Kummissjoni? Pereżempju, id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta' politika, ta' viżibilità jew ta' koordinazzjoni tad-donaturi?


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (11.11.2009)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 li jistabbilixxi Strument ta' Stabbilità

(COM(2009)0195 – C7-0042/2009 – 2009/0058(COD))

Rapporteur: Eva Joly

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Bl-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Stabbilità, il-potenzjal tal-UE biex tirrispondi għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi jew kriżi emerġenti ġie msaħħaħ. L-għan tal-Istrument ta' Stabbilità huwa li jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet filwaqt li jikkunsidra l-objettivi orizzontali u ġeografiċi u l-prijoritajiet tal-UE u jagħmel dawn l-azzjonijiet kumplimentari mal-politiki ġeografiċi tal-Komunità kif ukoll l-objettivi u l-istrumenti tagħhom. Fil-każ tal-iżvilupp, dawn l-objettivi għandhom jikkorrispondu mal-għan aħħari tal-ġlieda kontra l-faqar u dak li l-faqar iġib miegħu.

Hemm kunsens wiesa' li l-iżvilupp ma jistax isir f'ambjent li mhux sikur. Madankollu, hemm ftehim internazzjonali delikat rigward liema azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parti mill-politika għall-iżvilupp: prinċipju wieħed stabbilit mill-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD huwa li l-azzjonijiet fil-qasam tal-militar huwa eskluż mit-tifsira tal-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA).

L-azzjonijiet li jiġġieldu kontra l-użu illegali u l-aċċess għall-armi ta' kalibru żgħir u l-armi ħfief (SALW) oriġinarjament kienu esklużi mill-iskop tal-Istrument ta' Stabbilità minħabba li f'dak iż-żmien il-kwistjoni kienet suġġetta għall-proċeduri fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja(1). Il-qorti sabet li "huwa ... neċessarju, jekk miżura taqa' taħt il-politika [tal-Iżvilupp tal-Komunità], li tikkontribwixxi fil-ħidma lejn l-objettivi tal-iżvilupp tal-politika ekonomika u soċjali(2)" għaldaqstant tiżgura l-kompatibilità bejn il-politika għall-iżvilupp fil-livell Ewropew u d-definizzjoni OECD/DAC tal-ODA.

Il-proposta tal-Kummissjoni, li hija parti mir-Reviżjoni tal-Istrumenti għall-Azzjonijiet Esterni ta' Nofs it-Term, għandha l-intenzjoni li tirrispondi għar-riżultat tal-każ billi tinkludi azzjonijiet biex tiġġieled l-użu u l-aċċess għall-armi ta' kalibru żgħir u l-armi ħfief fil-kuntest tal-Istrument ta' Stabbilità. Dan l-istrument għaqqad il-bażi legali tal-Artikolu 179 KE, dwar il-koperazzjoni tal-Iżvilupp, u Artikolu 181a KE, dwar il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi. Kwalunkwe azzjoni SALW li ma taqax fl-ambitu tal-koperazzjoni tal-iżvilupp tista' għaldaqstant tiġi pproċessata taħt l-Artikolu 181a.

Fid-dawl tar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-Kumitat għall-Iżvilupp ma għandu ebda oġġezzjonijiet għall-emendi li jirreferu għall-każijiet SALW inklużi fil-proposta.

F'dawn l-aħħar snin sar aktar u aktar evidenti li l-komponenti ċivili tal-bini ta' paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti għandhom rwol vitali għall-proċess ta' stabbilizzazzjoni ta' suċċess. Minkejja l-fatt li l-UE għandha kompetenza speċjali f'dan il-qasam, l-investiment f'dan il-vantaġġ komparattiv xorta għadu inadegwat. Il-Kumitat għall-Iżvilupp għaldaqstant jipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 24 (c) għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 li jistabbilixxi Strument ta' Stabbilità sabiex jiżdied il-perċentwali ta' bini ta' kapaċitajiet qabel u wara l-kriżi minn 5 għal 10%

EMENDI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 punt 4

Regolament (KE) Nru 1717/2006

Artikolu 24 – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) mhux aktar minn 5 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju ser jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu fl-Artikolu 4(3).”

(c) mhux aktar minn 10 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju ser jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu fl-Artikolu 4(3).”

Ġustifikazzjoni

Minkejja l-fatt li l-UE għandha kompetenza speċjali fil-bini ta' paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, l-investiment f'dan il-vantaġġ komparattiv xorta għadu inadegwat. Il-Kumitat għall-Iżvilupp jipproponi żieda fil-perċentwali ta' bini ta' kapaċitajiet qabel u wara l-kriżi minn 5 għal 10%.

(1)

Kawża C-91/05 għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/833/CFSP tat- 2 ta' Diċembru 2004 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 2002/589/CFSP bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW)

(2)

Paragrafu 67, Sentenza tal-Qorti C-91/05, li tikkwota wkoll il-Kawża C-268/94 paragrafi 44, 60, 63 u 73 għall-istess effett


PROĊEDURA

Titolu

Emenda tal-Istrument ta’ Stabilità

Referenzi

COM(2009)0195 – C7-0042/2009 – 2009/0058(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.4.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

14.7.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

14.7.2009

INTA

14.7.2009

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

INTA

1.9.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Franziska Katharina Brantner

16.9.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

29.9.2009

4.11.2009

10.11.2009

 

Data tal-adozzjoni

10.11.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Kristiina Ojuland, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Adrian Severin, Marek Siwiec, Ernst Strasser, Hannes Swoboda, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikolaos Chountis, Göran Färm, Evgeni Kirilov, Georgios Koumoutsakos, Barbara Lochbihler, Emilio Menéndez del Valle, Vittorio Prodi, Tokia Saïfi, György Schöpflin, Luis Yáñez-Barnuevo García

Data tat-tressiq

13.11.2009

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2009Avviż legali