Proċedura : 2009/2173(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0025/2010

Testi mressqa :

A7-0025/2010

Dibattiti :

PV 08/03/2010 - 20
CRE 08/03/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2010 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0050

RAPPORT     
PDF 243kDOC 176k
2 ta' Marzu 2010
PE 430.661v03-00 A7-0025/2010

dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008

(2009/2173(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur għal opinjoni: Sophia in 't Veld

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA
 OPINJONI TAL-KUMITAT DWAR IS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008

(2009/2173(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(b) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 87(3)(b) u (c) tat-Trattat KE),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ir-Regolament KE)(3),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali(6) (Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lis-servizzi pubbliċi),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 bit-titolu "Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa"(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali(8),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Frar 2009 bit-titolu "Gwida dwar il-prijoritajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE fejn tidħol imġiba abbużiva ta' esklużività minn impriżi dominanti"(9),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2008 dwar it-trattament tal-assi mgħarrqa fis-settur bankarju tal-Komunità(10),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat(11),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Awwissu 2009 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (2008/C 270/02)(12),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (13)(White Paper dwar id-Danni) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Marzu 2009 f’dan ir-rigward(14),

–   wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika dwar il-mod kif jitmexxew il-proċeduri tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat(15), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Proċedura Simplifikata għat-Trattament ta’ ċerti tipi ta’ Għajnuna mill-Istat(16) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali(17) (Pakkett ta’ Simplifikazzjoni),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent(18),

–   wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-2008 u l-2009,

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 2009 tal-iskemi ta’ garanzija u ta’ rikapitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Frar 2005 dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi(19),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti tal-Politika dwar il-Kompetizzjoni għall-2006 u l-2007(20),

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa(21),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni miktuba tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji għall-abbuż ta’ poter mis-supermarkets il-kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(22),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (A7–0025/2010),

A. billi ċ-ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali ta' dawn l-aħħar sentejn qajmu l-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali,

B.  billi l-Unjoni Ewropea ħadet il-pass, li qatt ma sar qabel, li tirrikorri għall-Artikolu 107(3)(b) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

C. billi, fi żminijiet ta' kriżi, swieq li jaħdmu sewwa huma essenzjali, u r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu applikati b'mod flessibbli imma strett,

D. billi l-protezzjoniżmu u t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni jservu biss biex japprofondixxu l-kriżi u jtawluha,

E.  billi l-iżbilanċi tal-baġit u d-djun pubbliċi li qed jikbru f'bosta Stati Membri jistgħu jkomplu jżommu lura l-pass tal-irkupru ekonomiku u tat-tkabbir ekonomiku għal snin sħaħ, u possibilment għal għexieren ta' snin,

F.  billi l-gvernijiet ta' Stati Membri taw garanziji fuq il-finanzjament bankarju b'rispons għall-kriżi finanzjarja minn Ottubru 2008 'l hawn; billi l-ħruġ ta' bonds garantiti kien imdaqqas u pprovda lill-banek sors sinifikanti ta' finanzjament u assigurazzjoni kontra r-riskji ffaċċati mis-sistema finanzjarja,

G. billi l-analiżijiet empiriċi jissuġġerixxu li l-garanziji mogħtija mill-gvernijiet ta' Stati Membri ġġeneraw għadd ta' effetti u tagħwiġ, bħalma huwa tnaqqis tal-marġni tal-bonds privati, li jeħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata l-estensjoni tagħhom fl-2010,

H. billi l-kapaċità ta’ kumpaniji transnazzjonali li jagħmlu użu estensiv ta’ refuġji tat-taxxa u ta’ ċentri offshore bħala parti mill-istrateġiji tagħhom biex jevitaw it-taxxa tmur kontra l-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta,

I.   billi l-governanza fiskali hija fattur importanti għaż-żamma ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-kompetizzjoni ġusta, u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern,

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa’ r-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008, partikolarment il-kapitolu ta’ approfondiment tiegħu dwar il-kartelli u l-konsumaturi; jappoġġa l-ħolqien tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi; jinnota li l-eżistenza ta' kartelli hija ta' ħsara għall-konsumaturi; jiddispjaċih mid-diffikultajiet li qed ikollhom il-konsumaturi biex igawdu l-benefiċċji tal-kompetizzjoni;

2.  Jenfasizza li l-kartelli huma fost l-aktar vjolazzjonijiet serji tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni, iħarbtu l-katina tal-valur, jagħmlu ħsara lill-konsumaturi u għandhom effett ħażin ħafna fuq l-ekonomija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-infurzar qawwi tagħha biex tipprevjeni l-kartelli u taġixxi kontrihom; jilqa' strumenti bħall-pakkett għar-risolviment, li jippermetti lill-Kummissjoni tirrisolvi każijiet ta' kartelli permezz ta' proċedura simplifikata fejn il-kumpaniji, wara li jkunu raw l-evidenza, jagħżlu li jirrikonoxxu l-involviment tagħhom fil-kartell u l-multa imposta fuq il-partijiet titnaqqas; ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar komprensiv tar-regoli tal-kompetizzjoni huma essenzjali għal swieq interni Ewropej li jiffunzjonaw tajjeb u li jkunu kompetittivi, b'titjib tal-effiċjenza, l-eċċellenza intraprenditorjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi; huwa tal-fehma, b'mod partikulari, li l-ġlieda kontra l-akkordji hija ċentrali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jgawdu minn sistema ta' kompetizzjoni permezz ta' prezzijiet orħos u għażla usa ta' prodotti u servizzi;

3.  Jitlob li jkun involut fuq bażi wiesgħa fit-tfassil tal-politika dwar il-kompetizzjoni, fost l-oħrajn permezz ta' rwol koleġiżlattiv u rekwiżit li l-Parlament jitgħarraf regolarment dwar kwalunkwe inizjattiva f'dak il-qasam;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew matul is-sena 2010 dwar il-mod kif biħsiebha ssarraf fil-qasam tal-kompetizzjoni d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti rapport dettaljat u kull sena lill-Parlament dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u biex tispjega kull diverġenza mir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel il-Parlament;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal djalogu stabbli u permanenti mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiġu identifikati problemi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni u l-prijoritajiet tal-infurzar; jitlob rapport sħiħ dwar l-attivitajiet tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni;

7.  Isejjaħ biex il-Kummissjoni tqiegħed għad dispożizzjoni tal-pubbliku l-valutazzjonijiet u l-istudji kollha msemmija fir-rapporti annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni, u biex tagħmel użu minn nies esperti indipendenti u affidabbli għal dawk il-valutazzjonjiet u studji;

8.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel reviżjoni urġenti tar-riżorsi tal-istaff fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u tiżgura li r-riżorsi allokati jissodisfaw ix-xogħol li dejjem qed jiżdied;

9.  Jenfasizza l-bżonn ta' regoli tal-kompetizzjoni ċari, robusti u li jirrispettaw lill-SMEs ibbażati fuq il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" li hu msejjes fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa;

10. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapport li jmiss, tinkludi kapitolu ta’ approfondiment dedikat għall-SMEs u l-kompetizzjoni; josserva l-ispiża għolja marbuta mas-sistema tal-privattivi għall-SMEs, partikolarment minħabba t-theddida ta' litigazzjoni minn entitajiet mhux prattikanti; jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni miftuħa u għall-ġabriet ta’għerf aċċessibbli għal kulħadd (knowledge commons); jistieden lill-SMEs biex jisfruttaw ir-riżultati tas-Seba’ Programm ta’ Qafas f’sitwazzjoni ta’ aċċess miftuħ;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 153(2) tat-Trattat KE), li jiddikjara b'mod ċar li "l-ħtiġiet tal-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni", bħala bażi legali għal-leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-ġejjieni;

12. Jistaqsi lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet;

13. Jikkunsidra b'mod pożittiv il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Gwida dwar il-prijoritajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE fejn tidħol imġiba abbużiva ta' esklużività minn impriżi dominanti"; hu tal-fehma li l-Gwida hija pass 'il quddiem minħabba li tfisser aktar trasparenza u prevedibbiltà dwar intervent possibbli tal-Kumissjoni, imma ma għandha qatt tillimita jew tirrestrinġi l-kapaċità tal-Kummissjoni li taġixxi f'dak il-qasam taħt dak li llum huwa t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

14. Jenfasizza li fl-2008, għall-ewwel darba fl-istorja tal-politika ta' kompetizzjoni tal-UE, ġew imposti multi koerċiżivi minħabba nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni;

Għajnuna mill-Istat

15. Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ta' appoġġ ma jintużawx biex jipproteġu l-industriji nazzjonali b'mod li jagħmel ħsara lis-suq intern u lill-konsumaturi Ewropej;

16. Għalhekk iqis li huwa essenzjali li meta ssir l-evalwazzjoni ta’ jekk l-għajnuna mill-istat tkunx kompatibbli mat-Trattat, jinstab bilanċ ġust bejn l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-istat fuq il-kompetizzjoni u l-finanzi pubbliċi u l-effetti pożittivi f’termini tal-interessi komuni;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa d-dimensjoni esterna tal-effetti tar-regoli bankarji previsti, partikolarment fuq il-kompetittività tal-banek Ewropej;

18. Huwa tal-fehma li politiki ta' għajnuna mill-istat meħuda f'relazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji u l-proċess tal-irkupru ekonomiku għenu biex jistabbilizzaw is-suq finanzjarju u biex jittrattaw l-effetti tan-nixfa tal-kreditu fuq l-ekonomija reali;

19. Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna mill-istat hija parti integrali mill-politika ta’ kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna mill-istat jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku Ewropew; f'dan il-kuntest, jistaqsi sa liema punt l-għajnuna mill-istat mogħtija lis-suq finanzjarju kkawżat tagħwiġ tal-kompetizzjoni; jitlob li jsir rapport indipendenti dwar l-effetti potenzjali ta' tagħwiġ li intervent mill-Istat jista’ jġib miegħu fis-settur finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport dwar il-progress ta’ ristrutturar li sar mill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat u biex tkun aktar ċara dwar il-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat u s-sanzjonijiet possibbli fin-nuqqas ta’ dan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara l-miżuri vinkolanti ta' ristrutturar marbuta ma' effetti potenzjali ta' tagħwiġ li jirriżultaw f'differenzi fil-kundizzjonijiet tal-pagamenti bejn l-Istati Membri; isejjaħ għal aktar ċarezza dwar il-kriterji għad-divestimenti u dwar l-impatt tagħhom fuq l-azjendi kkonċernati fi żmien medju;

20. Huwa mħasseb dwar is-sussidji u t-tagħwiġ iġġenerati mill-garanziji dwar il-finanzjament tal-banek mogħtija mill-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ambitu tas-sussidji relatati mal-garanziji dwar il-finanzjament tal-banek u b'hekk tanalizza l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni ta' kwalunkwe tagħwiġ relatat ma' dawk il-garanziji;

21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga, bħala kwistjoni ta’ urġenza, għaliex l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek mhux qed tingħadda lill-ekonomija reali, u biex tieħu miżuri kontra dawk il-banek li sfaċċatament jonqsu jew jirrifjutaw li jgħaddu l-benefiċċji tal-għajnuna mill-Istat;

22. Jinnota li l-Kummissjoni diġa bdiet il-proċess tal-irtirar tal-appoġġ mill-Istat u l-mandat tar-ristrutturar u d-diżinvestimenti; jirrikonoxxi li dawk il-proċessi jeħtiġilhom ikunu flessibbli biex jirnexxu; madankollu, jitlob li jkun hemm gwida mill-Kummissjoni dwar dawk il-proċessi; hu tal-fehma li l-interventi tal-Istat ma għandhomx idumu bla bżonn u li għandhom ikunu żviluppati mill-aktar fis strateġiji li bihom jiġi rtirat l-appoġġ;

23. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-istrateġiji ta' ħruġ ikunu kkoordinati, b'mod partikolari rigward it-tneħħija gradwali tal-appoġġ għas-settur bankarju; jenfasizza li din il-koordinazzjoni hija essenzjali biex jiġi evitat kwalunkwe tagħwiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat minn sitwazzjoni li fiha l-banek jistgħu sa ċertu punt ikunu ssussidjati f'dawk il-pajjiżi fejn jinżammu programmi ta' appoġġ għall-banek b'kuntrast ma' pajjiżi fejn programmi bħal dawn jitneħħew gradwalment;

24. Jemmen li s-sistema ta’ regoli tal-kompetizzjoni s’issa żammet sħiħ fid-diffikultajiet, iżda li l-kriżi ġabet magħha l-ħtieġa urġenti li jkun hemm qafas tal-UE għall-ġestjoni ta’ kriżijiet transkonfinali fis-settur finanzjarju, fosthom is-soluzzjoni għal dawk l-istituzzjonijiet meqjusa bħala “kbar wisq biex ifallu”, implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' de Larosière, inklużi regolatur Ewropew uniku, fond ta' garanzija tad-depożiti u fond ta’ salvataġġ mid-diffikultajiet jew sistema ekwivalenti;

25. Jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-miżuri nazzjonali ta' għajnuna mill-Istat, id-differenzi bejn l-iskemi nazzjonali, l-effetti li jista' jkollhom fuq it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u d-diverġenzi ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minnhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara proposti għal approċċ uniku Ewropew li jkun aktar koerenti;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-eżami tat-tirkib potenzjali bejn l-għajnuniet mill-Istat u strumenti Komunitarji oħra tat-tip tal-fondi strutturali u tal-fondi ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni, bil-għan li tiżgura l-koerenza tal-azzjonijiet tagħha;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega xi kriterji se jintużaw fid-deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ estensjoni tal-Qafas Temporanju Komunitarju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat;

28. Jinsisti li l-għajnuna mill-Istat għandha tkun kompatibbli mal-għanijiet tal-Istrateġija ta' Lisbona-Göteborg u mal-pakkett klima-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu s-sussidji dannużi li, inter alia, ikattru l-konsum jew il-produzzjoni tal-fjuwils fossili li jżidu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; b'mod usa' jenfasizza l-ħtieġa li jsiru Valutazzjonijiet Strateġiċi tal-Impatt (SEAs) ta' politiki u Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali (EIAs) ta' proġetti previsti fl-ambitu tal-pakkett ta' rkupru;

29. Jilqa' l-linji gwida ġodda dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali fi ħdan il-qafas tal-pakkett klima-enerġija li jdaħħal evalwazzjoni normalizzata għal kwistjonjiet żgħar u evalwazzjoni dettaljata għal kwistjonijiet sinifikanti;

30. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2010 tippubblika rapport komprensiv dwar l-effikaċja tal-għajnuna mill-Istat “għall-programm ta' rkupru li jirrispetta l-ambjent” (li jikkawża qlib sostanzjali lejn is-sostenibbiltà, b'mod partikolari fis-settur tal-karozzi) u l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent;

31. Jitlob li jkun hemm rappurtar simili dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija bħala appoġġ għall-SMEs, għat-taħriġ, għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-innovazzjoni;

32. Jissuġġerixxi li t-tneħħija gradwali tal-Qafas Temporanju Komunitarju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat ta' appoġġ għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti għandha tqis il-qagħda ekonomika (it-tul ta' żmien tal-irkupru u d-daqs tat-tnaqqis tal-PGD) tal-Istat Membru kkonċernat;

33. Isejjaħ biex il-Kummissjoni ssostni, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, l-isforzi tagħha biex tilħaq aktar trasparenza fir-rati tariffarji għall-operaturi tas-servizzi fissi u speċjalment għal dawk tas-servizzi mobbli;

34. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi investigata l-isfida li jirrappreżentaw ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore fir-rigward, inter alia, tal-kompetizzjoni inġusta u l-istabbiltà finanzjarja;

35. Itenni s-sejħa tiegħu biex tiddaħħal Bażi ta' Taxxa Komuni u Konsolidata għall-Korporazzjonijiet;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-reviżjoni tagħha tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi pubbliċi, li suppost ilha li saret mid-19 ta' Diċembru 2008 u li issa għandha tqis id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

37. Jinnota bi tħassib li l-irkupru tal-għajnuna illegali mill-Istat huwa proċess twil u diffiċli, u li numru żgħir ta' Stati Membri huwa responsabbli għal kważi l-każijiet kollha pendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tissikka l-proċeduri u biex tibqa' tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jiksru l-liġi ripetutament;

38. Jitlob lill-Kummissjoni għal investigazzjoni eżawrjenti dwar l-użu ġeneralizzat u fuq skala kbira, min-naħa ta' xi azjendi Ewropej, ta' kuntratti ta' xogħol temporanju u perjodi ta' taħriġ bi ftit ħlas għal nies b'ħiliet kbar, bħala strateġija ekonomika abbużiva li tmur kontra l-prinċipju ta' xogħol diċenti u li xxattar il-kompetizzjoni;

39. Jisħaq li l-faċilitazzjoni tal-finanzjament ta' kapital ta' riskju għall-SMEs huwa essenzjali għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta;

40. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa u tirrapporta dwar kemm, jekk huwa l-każ, l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali differenti fl-industrija tal-karozzi kkontribwew għal objettivi oħra tal-Komunità, b’mod partikolari teknoloġiji sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-kompetittività f’dan is-suq, b'mod partikolari r-relazzjoni bejn il-Manifatturi ta’ Tagħmir Oriġinali (OEMs) u l-ewwel u t-tieni saff ta’ fornituri;

41. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni;

L-Antitrust

42. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli dwar l-antitrust; jemmen li din hija rebħa għall-protezzjoni tal-konsumatur fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

43. Ifakkar li l-kartelli jagħmlu l-ħsara lill-ekonomija u jirrappreżentaw ksur mill-iktar serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni; jemmen li t-tali ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba li jimplika li l-vantaġġi ta' prezzijiet orħos b'riżultat tal-kompetizzjoni ma jkunux jistgħu jgħaddu għand il-konsumaturi; itenni, f'dan il-kuntest, li kwalunkwe proposta li għandha ssir dwar rimedju kollettiv jeħtiġilha tirrispetta l-fehma tal-Parlament espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar proċeduri għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-UE tal-antitrust, u jinsisti li jeħtieġ li l-Parlament ikun involut fl-adozzjoni ta' att tali permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;

44. jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina aktar l-inizjattivi tagħha bejn approċċ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u ieħor skont il-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur;

45. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni soda li ħadet il-Kummissjoni dwar l-imġiba antikompetittiva f'dawn l-aħħar snin, minħabba li tagħmel ħsara kbira lill-konsumaturi u lill-ekonomija; jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ wiesa' għall-politika tal-kompetizzjoni, u għal-leġittimità demokratika li tkun żgurata bl-involviment tal-Parlament Ewropew; jinsab imħasseb dwar l-użu ta' multi ogħla minħabba li l-uniku strument jista' jkun jaqta' wisq, b'mod speċjali b'ħarsa lejn it-telf possibbli tal-impjiegi bħala riżultat li dawn ma jkunux jistgħu jitħallsu, u jitlob li jkun hemm żvilupp għal firxa usa' ta' strumenti aktar sofistikati, li jinkludu kwistjonijiet bħal responsabilità individwali, it-trasparenza u r-responsabilità tan-negozji, proċeduri aktar qosra, id-dritt għad-difiża u proċess xieraq, mekkaniżmi biex tiġi żgurata operazzjoni effikaċi tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (b'mod partikulari biex tingħeleb l-interferenza kkawżata minn proċessi ta' skopertura fl-Istati Uniti), programmi ta' konformità tal-kumpaniji u l-iżvilupp tal-istandards Ewropej; jippreferi l-approċċ "tal-inċentiv u l-kastig", b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

46. Huwa tal-fehma li meta l-istess kumpanija tikser il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni diversi drabi, miżuri aktar qawwija ta' deterrenza jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli antitrust għal każijiet ta' kartelli jew biex jiġu miġġielda l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti;

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu l-prinċipju tar-responsabbiltà individwali;

48. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rwol ta’ programmi ta’ konformità bħala strument fil-ġlieda kontra l-imġiba antikompetittiva;

49. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji speċifiċi li permezz tagħhom l-impriżi għandhom jitqiesu li jkunu aġixxew intenzjonalment jew b'negliġenza;

50. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji speċifiċi li permezz tagħhom il-kumpaniji possedenti għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom li jixbah dak f'kartell;

51. Jinnota li l-multi sproporzjonati jolqtu aktar ħażin lill-SMEs milli lill-kumpaniji l-kbar;

52. Iħoss li l-multi għandhom ikunu fi proporzjon mal-ksur; jipproponi wkoll li, f'ċirkostanzi f'lokhom, meta tiġi kkalkulata l-multa għandhom jitqiesu dawk l-ammonti rilevanti li jkunu tħallsu bħala kumpens; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-bażi għall-kalkolu tal-multi u, jekk dan ikun f'loku, sabiex tinkorpora l-prinċipji l-ġodda tal-impożizzjoni tal-multi fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;

53. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi uffiċċju uniku għall-applikazzjonijiet għall-klemenza;

54. Jitlob li jkun infurmat u kkonsultat kif jixraq dwar kull emenda fir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur, f'perjodu ta’ żmien li jippermetti lill-Parlament jistudja l-emenda bir-reqqa u jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti li s-settur jingħata xefaq previdibbli li jħallih jieħu l-miżuri adegwati;

55. Jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni effikaċi mal-Parlament, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tan-negozji ż-żgħar, li tikkonċerna kwalunkwe emenda tar-Regolament għall-Eżenzjoni skont il-Kategorija applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali; jenfasizza li qafas regolatorju li jinkoraġġixxi azzjoni koeżiva minn diversi operaturi tas-suq huwa l-aħjar mod biex jiġi indirizzat id-detriment potenzjali lill-konsumaturi kkawżat minn nuqqas ta' għażla;

56. Ifakkar fit-talba li jsir skrutinju xieraq, inkluż seduta ta' smigħ fil-Parlament tal-organizzazzjonijiet tal-utenti finali, tal-Abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur u l-Linji Gwida tal-Abbozz Preliminari; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura regoli ta' evidenza ġejjiena mill-1 ta' Ġunju 2010 ’l quddiem;

57. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal qafas regolatorju aktar strett għas-servizzi ta' wara x-xiri, sabiex jitnaqqas il-livell għoli tan-nefqa tal-konsumatur fuq it-tiswija u l-manutenzjoni kkawżat minn prattiki li jikkawżaw id-distorsjoni bħalma huma l-esklużjoni ta' fornituri tas-servizz indipendenti.

58. Jistenna li l-interessi tal-bejjiegħa żgħar u medji tal-karozzi jitqiesu adegwatament f'oqfsa futuri tal-kompetizzjoni għas-settur awtomottiv; huwa tal-fehma li jekk dan ma jsirx, ir-Regolament ta' Eżenzjoni Ġenerali għas-settur awtomottiv fil-forma attwali tiegħu jkollu jiġi estiż;

59. Jitlob li jkun ikkonsultat dwar kull emenda proposta għar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur applikabbli għal Ftehimiet Vertikali, f'perjodu ta’ żmien li jippermetti lill-Parlament jagħmel skrutinju bir-reqqa u jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu;

Kontroll tal-merġers

60. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan li jkun hemm aktar titjib fil-mekkaniżmi ta' riferiment u aktar konsistenza fl-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet ta' merġers li jkunu jistgħu jitqabblu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tirrevedi l-effetti tar-regola taż-żewġ terzi;

61. Jilqa' r-reviżjoni tal-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 139/2004 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, li jikkodifika sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, iqis il-konklużjonijiet tal-Istudju dwar ir-Rimedji, u jindirizza l-punti mqajma matul il-konsultazzjoni pubblika;

62. Jitlob lill-Kummissjoni tfassal rapport għal kull pajjiż dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet, li jippermetti li l-konsiderazzjonijiet ta' politika pubblika jieħdu preċedenza fuq il-konsiderazzjonijiet tal-kompetizzjoni;

63. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali ma tiġġustifikax l-illaxkar tal-politiki tal-UE dwar il-kontroll tal-merġers;

Inkjesti fis-settur

64. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kriterji applikabbli biex ikunu jistgħu jsiru inkjesti fis-settur; hu tal-fehma li l-Kummissjoni m'għandhiex taġixxi biss fuq l-ilmenti tal-industrija jew tal-konsumaturi, iżda wkoll fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament;

65. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga s-sehem tal-marġni fil-ktajjen tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri xierqa, fosthom regolamenti, biex jitħarsu l-konsumaturi, il-ħaddiema u l-produtturi minn kull abbuż li joħroġ minn xi pożizzjoni dominanti jew minn effetti negattivi li jiġu identifikati matul dik l-investigazzjoni;

66. Itenni, f'dan il-kuntest, it-talbiet li kien għamel għal inkjesti fis-setturi tar-reklamar onlajn u r-relazzjonijiet bejn il-produtturi agrikoli (b'mod partikolari tal-prodotti tal-ħalib), ix-xerrejja intermedjarji, id-distributuri ewlenin u l-konsumaturi finali; jitlob li ssir inkjesta dwar il-konċentrazzjonijiet tal-midja, fosthom il-mezzi kollha għad-distribuzzjoni tal-kontenut, bħall-istampa, it-televiżjoni u r-radju, u l-internet; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kompetizzjoni fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, il-karozzi u s-servizzi finanzjarji;

67. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' inkjesti f'setturi komprensivi u miżuri ta' segwitu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (l-ECN) dwar l-industrija tal-ikel u, b'mod partikolari, dwar il-katina tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħalib;

68. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industrija tal-ikel;

69. Jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur tal-farmaċewtika billi jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu miġġielda dawk il-prattiki tal-impriżi tal-farmaċewtika li jistgħu jwasslu għad-dewmien jew it-twaqqif ta' prodotti ġeneriċi milli jidħlu fis-suq, b'konformità mar-riżultati tal-indaġni settorjali mwettqa mid-DĠ Kompetizzjoni;

70. Jilqa’ l-inkjesta tal-Kummissjoni fis-settur tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga kemm in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura, partikolarment fl-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku, ifixkel il-kompetizzjoni; jinnota li s-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni effikaċi fis-suq tal-enerġija ma jistgħux jinkisbu mingħajr infrastruttura interkonnessa u funzjonali sew tal-enerġija;

71. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' kompetizzjoni fit-telekomunikazzjonijiet; jitlob li ssir inkjesta oħra fis-settur; jinsisti li l-Entità ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni b'mod partikolari permezz ta' analiżi pertinenti tas-suq; jinsisti għalhekk li s-segretarjat tiegħu jingħata riżorsi biżżejjed għal dan il-għan;

72. Jiddeplora li l-Kummissjoni fir-rapport tagħha ma tittrattax, ħlief fuq fuq, il-kooperazzjoni interistituzzjonali mal-Parlament u ma tirrispondix it-talbiet li ġejjin imfassla mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009:

     –   analiżi ta' prattiki abbużivi fis-settur tas-servizzi, li jistgħu jżommu lin-negozji ż-żgħar milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal xogħol;

     –   sorveljanza tal-aġir kompetittiv tas-swieq tal-fjuwils fl-Unjoni Ewropea;

     –   talba għal miżuri li jiffavorixxu l-kompetizzjoni tariffarja aktar minn miżuri li jirregolaw il-prezzijiet bl-imnut fis-settur tat-telekomunikazzjoni;

73. Itenni t-talba tiegħu li ssir inkjesta dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, u jekk id-differenzi nazzjonali jwasslux għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni;

°

° °

74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

COM(2009) 0374.

(2)

ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)

ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)

ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.

(5)

ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.

(6)

ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(7)

ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

(8)

ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(9)

ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7.

(10)

ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(11)

ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(12)

ĠU C 270, 26.3.2009, p. 1.

(13)

COM(2008) 0165.

(14)

Testi adottati, P6_TA(2009)0187.

(15)

ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13.

(16)

ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3.

(17)

ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1.

(18)

ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(19)

Testi adottati, P6_TA(2005)0033.

(20)

Testi adottati, P6_TA(2009)0099.

(21)

Testi adottati, P6_TA(2009)0191.

(22)

ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.


NOTA SPJEGATTIVA

Dawn l-aħħar sentejn kienu żminijiet eċċezzjonali, li jitolbu miżuri eċċezzjonali. L-Ewropa ntlaqtet ħażin mill-kriżi ekonomika globali, imma l-munita unika, is-suq uniku b'saħħtu, sistema soda ta’ protezzjoni soċjali u finanzi pubbliċi sodi taffew id-daqqa u ppermettew li l-Ewropa tirreaġixxi malajr. Għalkemm l-effetti tal-kriżi se jibqgħu jinħassu għal żmien twil fil-ġejjieni, l-aktar fiċ-ċifri tal-qgħad li kulma jmorru qegħdin jogħlew, qed jidhru l-ewwel sinjali ta’ rkupru fuq ix-xefaq.

Madankollu, il-kriżi kixfet ukoll xi nuqqasijiet fl-ekonomija tal-Ewropa u fil-qafas regolatorju, u ġegħlitna nħossu l-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-pilastri tal-ekonomija tagħna.

Ir-regoli għall-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ eċċezzjoni u ta’ emerġenza fi żminijiet meta jkun hemm il-ħtieġa ċara ta' intervent statali. Madankollu, ta’ min iżomm f’moħħu li l-għajnuna mill-Istat tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni bla bżonn, u żżid l-iżbilanċi fil-baġit u d-dejn pubbliku. Għalhekk kull ammont ta’ flus li jingħata bħala għajnuna mill-Istat għandu jintiżen bir-reqqa. Iċ-ċifri tad-dejn pubbliku li dejjem qed jiżdied b'mod mgħaġġel se jkunu ta’ piż fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u ta’ ostaklu għall-irkupru ekonomiku u għat-tkabbir. Xi esperti jibżgħu li jistgħu jgħaddu għexieren ta’ snin qabel ma l-livelli tad-dejn jerġgħu jiġu lura bħal ma kienu qabel il-kriżi. Id-dejn eċċessiv u l-iżbilanċi fil-baġit ma jipperikolawx biss l-istabilità tal-Ewro, iżda jnaqqsu sew in-nefqa pubblika għal prijoritajiet bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-innovazzjoni u l-objettivi ambjentali.

Fid-dawl ta’ dan jeħtieġ li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-pakkett ta’ salvataġġ u ta’ rkupru. L-effikaċja tal-miżuri tal-għajnuna statali għandha titkejjel bir-reqqa meta din titqabbel mal-għanijiet stabbiliti, b’mod partikolari dawk tal-irkupru li jiffavorixxi l-ambjent u tal-investiment fl-innovazzjoni. L-evalwazzjoni ex-post hija bil-wisq aktar meħtieġa, għaliex ħafna miżuri kellhom jittieħdu bl-għaġla. L-operazzjoni tal-għajnuna statali għandha tkun konkluża kif suppost, u l-irregolaritajiet għandhom jiġu rranġati, filwaqt li l-għajnuna illegali mill-Istat għandha tiġu rkuprata malajr.

Kawża oħra ta’ tħassib huma r-riflessi qawwija nazzjonalisti u protezzjonisti li rriżultaw mill-kriżi. Kull pajjiż kellu sett ta’ miżuri tiegħu li ma kinux jaqblu ma’ ta’ pajjiżi oħra u ħafna drabi kienu kontroproduttivi. L-Ewropa għandha titgħallem mill-kriżi kif għandha twieġeb b’pakkett uniku. Il-protezzjoniżmu u l-frammentazzjoni tas-suq uniku ma jagħmlu ġid lil ħadd, u ma jagħmlux ħlief idgħajfu l-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ekonomija globali.

Suq uniku li jaħdem tajjeb hu s-soluzzjoni għal ekonomija b'saħħitha, u ċertament għall-irkupru ekonomiku. Għalhekk il-prattiki antikompetittivi għandhom jitneħħew. L-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-kompetizzjoni hija essenzjali. Madankollu, jeħtieġ li xi għodod attwali jiġu rfinati jew aġġornati. Il-Parlament Ewropew se jieħu pożizzjoni dwar il-proposti kollha rilevanti.

Fl-aħħarnett, fl-ekonomija globali, il-politiki ekonomiċi jeħtieġ li jkunu soġġetti għal superviżjoni demokratika fl-Ewropa, bħal f'kull nazzjon demokratiku ieħor. Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea hija l-unika awtorità, jeħtieġ li l-politiki Ewropej dwar il-kompetizzjoni tingħatalhom aktar leġittimità billi l-Parlament Ewropew fl-aħħar mill-aħħar ikollu sehem akbar fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA (4.2.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008

(2009/2173(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Reinhard Bütikofer

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.       Jilqa’ r-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008, partikolarment il-kapitolu ta’ approfondiment tiegħu dwar il-kartelli u l-konsumaturi; jappoġġa l-ħolqien tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi; jinnota li l-eżistenza ta' kartelli hija ta' ħsara għall-konsumaturi; jiddispjaċih mid-diffikultajiet li qed ikollhom il-konsumaturi biex igawdu l-benefiċċji tal-kompetizzjoni;

2.   Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli dwar l-antitrust; jemmen li din hija rebħa għall-protezzjoni tal-konsumatur fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

3.   Jistaqsi lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapport li jmiss, tinkludi kapitolu ta’ approfondiment dedikat għall-SMEs u l-kompetizzjoni; josserva l-ispiża għolja marbuta mas-sistema tal-privattivi għall-SMEs, partikolarment minħabba t-theddida ta' litigazzjoni minn “patent trolls” (entitajiet mhux prattikanti li jinfurzaw il-privattiva tagħhom kontra dawk li allegatament ikunu kisru l-liġi tal-privattivi fil-konfront tagħhom); jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni miftuħa u għall-ġabriet ta’għerf aċċesibbli għal kulħadd (knowledge commons); jistieden lill-SMEs biex jisfruttaw ir-riżultati tas-Seba’ Programm ta’ Qafas f’sitwazzjoni ta’ aċċess miftuħ;

5.   Jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-SMEs, speċjalment dawk li joperaw fis-settur tat-tessuti, li huwa milqut sew mill-imitazzjonijiet;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa u tirrapporta dwar kemm, jekk huwa l-każ, l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali differenti fl-industrija tal-karozzi kkontribwew għal objettivi oħra tal-Komunità, b’mod partikolari teknoloġiji sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-kompetittività f’dan is-suq, b'mod partikolari r-relazzjoni bejn il-Manifatturi ta’ Tagħmir Oriġinali (OEMs) u l-ewwel u t-tieni saff ta’ fornituri;

7.   Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tissorvelja l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industrija tal-ikel sabiex il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tal-ikel jiġu evitati;

8.   Jilqa’ l-inkjesta tal-Kummissjoni fis-settur tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga kemm in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura, partikolarment fl-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku, ifixkel il-kompetizzjoni; jinnota li s-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni effikaċi fis-suq tal-enerġija ma jistgħux jinkisbu mingħajr infrastruttura interkonnessa u funzjonali sew tal-enerġija;

9.   Jinnota li s-suq intern tal-enerġija tal-UE mhuwiex kapaċi jiffunzjona b'mod effikaċi u jkun kompetittiv minħabba l-eżistenza tal-hekk imsejħa 'gżejjer ta’ enerġija', bħar-reġjun tal-Baltiku, li huwa enerġetikament iżolat mill-bqija tal-Ewropa u totalment dipendenti fuq fornitur estern wieħed;

10. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk – u, jekk iva, kif - ir-regoli nazzjonali tal-akkwist pubbliku u d-differenzi nazzjonali tagħhom joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u kemm jistgħu jrawmuha biż-żieda tal-kriterji għas-sejħiet għall-offerti biex dawn jinkludu l-impatti soċjali u ambjentali, li jitfgħu l-kompetizzjoni f’direzzjoni li twassal għall-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva fl-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju tal-prinċipji tal-akkwist pubbliku;

11. Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' kompetizzjoni fit-telekomunikazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħaqqad il-kompetittività ma’ investiment sinifikanti u biex tirrapporta dwar dan; jitlob li ssir inkjesta ġdida fis-settur; jinsisti li l-BEREC tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni b'mod partikolari permezz ta' analiżi pertinenti tas-suq; jinsisti għalhekk li s-segretarjat tagħha jingħata riżorsi biżżejjed għal dan il-għan;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zoltán Balczó, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Ilda Figueiredo, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Ivailo Kalfin, Paweł Robert Kowal, Marian-Jean Marinescu, Alajos Mészáros, Vladko Todorov Panayotov, Peter Skinner, Hannu Takkula, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler


OPINJONI TAL-KUMITAT DWAR IS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (9.2.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008

(2009/2173(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Adam Bielan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fokus speċjali li hemm fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2008 fuq il-kisba tal-ogħla benessri tal-konsumatur;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 153(2) TKE), li jiddikjara b'mod ċar li "l-ħtiġiet tal-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni", bħala bażi legali għal-leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-ġejjieni;

3.  Jenfasizza l-bżonn ta' regoli tal-kompetizzjoni ċari, robusti u li jirrispettaw lill-SMEs ibbażati fuq il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" li hu msejjes fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa;

4.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal djalogu stabbli u permanenti mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiġu identifikati problemi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni u l-prijoritajiet tal-infurzar; jitlob rapport sħiħ dwar l-attivitajiet tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni;

5.   Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ta' appoġġ ma jintużawx biex jipproteġu l-industriji nazzjonali b'mod li jagħmel ħsara lis-suq intern u lill-konsumaturi Ewropej;

6.   Jisħaq fuq il-ħtieġa għal mekkaniżmi effettivi għalbiex ikun żgurat li l-vittmi individwali tal-infrazzjonijiet antitrust, kemm konsumaturi kemm negozji, b’mod partikolari SMEs, ikunu jistgħu jottjenu kumpens għad-danni sofferti minnhom; jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ orizzontali għar-regoli tar-rimedji kollettivi fid-Dritt tal-Konkorrenza u in ġenerali l-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tqis ir-rimedji eżistenti f'kull Stat Membru; jenfasizza wkoll li dan l-approċċ ma għandux idewwem jew jevita l-iżvilupp tal-proposti u l-miżuri speċifiċi identifikati bħala neċessarji għall-infurzar sħiħ tad-Dritt tal-Konkorrenza; iqis li l-mekkaniżmi ta' kumpens għandhom jitfasslu b'mod proporzjonat sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda inċentiv għall-iżvilupp ta' industrija ta' litigazzjoni bħal fl-Istati Uniti;

7.   Jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur tal-farmaċewtika billi jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu miġġielda dawk il-prattiki tal-impriżi tal-farmaċewtika li jistgħu jwasslu għad-dewmien jew it-twaqqif ta' prodotti ġeneriċi milli jidħlu fis-suq, b'konformità mar-riżultati tal-indaġni settorjali mwettqa mid-DĠ Kompetizzjoni;

8.  Jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni effettiva mal-Parlament, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tan-negozji ż-żgħar, li tikkonċerna kwalunkwe emenda tar-Regolament għall-Eżenzjoni skont il-Kategorija applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali; jenfasizza li qafas regolatorju li jinkoraġġixxi azzjoni koeżiva minn diversi operaturi tas-suq huwa l-aħjar mod biex jiġi indirizzat id-detriment potenzjali lill-konsumaturi kkawżat minn nuqqas ta' għażla;

9.  Ifakkar fit-talba li jsir skrutinju xieraq, inkluż seduta ta' smigħ fil-Parlament tal-organizzazzjonijiet tal-utenti finali, tal-Abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur u l-Linji Gwida tal-Abbozz Preliminari; jitlob lill-Kummisjoni biex tiżgura regoli ta' evidenza ġejjiena mill-1 ta' Ġunju 2010 ’l quddiem;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal qafas regolatorju aktar strett għas-servizzi ta' wara x-xiri, sabiex jitnaqqas il-livell għoli tan-nefqa tal-konsumatur fuq it-tiswija u l-manutenzjoni kkawżat minn prattiki li jikkawżaw id-distorsjoni bħalma huma l-esklużjoni ta' fornituri tas-servizz indipendenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

15

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Sandra Kalniete, Alan Kelly, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Maria do Céu Patrão Neves, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Andreas Schwab, Róża, Gräfin von Thun Und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Bernadette Vergnaud

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Pascal Canfin, Cornelis de Jong, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Morten Løkkegaard, Claude Moraes, María Muñiz De Urquiza, Sylvana Rapti, Oreste Rossi, Olle Schmidt, Anja Weisgerber


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Sophie Briard Auconie, Ashley Fox, Robert Goebbels, Sophia in ‘t Veld, Philippe Lamberts, Gay Mitchell, Werner Schulz

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Marzu 2010Avviż legali