Proċedura : 2010/2003(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0036/2010

Testi mressqa :

A7-0036/2010

Dibattiti :

PV 24/03/2010 - 16
CRE 24/03/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2010 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0087

RAPPORT     
PDF 188kDOC 102k
9 ta' Marzu 2010
PE 439.083v01-00 A7-0036/2010

dwar il-Linji gwida għall-proċedura baġitarja 2011, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2010/2003(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Helga Trüpel

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Linji gwida għall-proċedura baġitarja 2011, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2010/2003(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida(1),

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(2),

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

- wara li kkunsidra s-sitt rapport annwali mis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet dwar ix-xejriet fl-intestatura 5 tal-perspettiva finanzjarja, kif riveduta fil-ħarifa tal-2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0036/2010),

A.  billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament Ewropew qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu għall-baġit tal-2011,

B.   billi jkun utli li jitkompla l-eżerċizzju pilota dwar il-kooperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet imsaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għat-tielet sena, matul il-proċedura baġitarja għall-2011,

C.  billi l-limitu massimu tal-intestatura 5 fl-2011 hu EUR 8 415 000 000 (li jirrappreżenta żieda ta' EUR 327 000 000, jew 4%, meta mqabbel mal-2010, inklużi 2% għall-inflazzjoni),

D.  billi l-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2010 jammonta għal EUR 1 607 363 235, li għal din is-sena jirrappreżenta 19.87% tal-intestatura 5, qabel ir-reviżjoni tal-MFF 2007-2013 (li naqqset il-limitu massimu tal-intestatura 5 b'EUR 126 000 000 biex jingħata kontribut għall-finanzjament tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku), u 20.19% wara dik ir-reviżjoni,

E.   billi jeħtieġ jitqies kif żviluppaw l-ishma ta’ kull istituzzjoni fin-nefqa taħt l-intestatura 5, u d-diversi raġunijiet għat-tibdiliet sinifikanti, bħad-dħul fis-seħħ ta' trattati differenti (li wassal għal numri akbar ta' Membri u/jew li żied il-kompiti u l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet differenti), it-tkabbir u deċiżjonijiet oħrajn li jinvolvu żidiet sinifikanti fl-infiq li ma kinux previsti meta ġie adottat il-qafas finanzjarju,

F.   billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona se jinvolvi konsegwenzi finanzjarji, bi gradi differenti, għall-istituzzjonijiet kollha, li l-livell globali tagħhom għadu mhux magħruf,

G.  billi huwa essenzjali li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-intestatura 5 tiġi ssorveljata b'attenzjoni matul l-implimentazzjoni tal-baġit 2010 u fil-perjodu ta' qabel l-adozzjoni tal-baġit 2011,

H.  billi għandhom jitqiesu b'mod partikulari l-impatt finanzjarju fir-rigward tas-sistemi tal-pensjonijiet, tax-xejriet tal-età u tal-irtirar, tar-reklutaġġ u ta' oqsma oħrajn relatati mad-dispożizzjonijiet statutarji, u l-ħtieġa li tiġi żgurata sostenibilità fit-tul,

Il-qafas ġenerali

1.   Jirrimarka li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-iktar il-qari uniku tal-baġit minn kull waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, segwit minn laqgħa ta' konċiljazzjoni bil-għan li jintlaħaq il-baġit finali, ser jirrikjedi kooperazzjoni u djalogu aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet kollha, tul il-proċedura kollha kemm hi, inkluża l-preżentazzjoni ta' estimi realistiċi fiż-żmien opportun;

2.  Jirrimarka li ċ-ċirkostanzi li fihom se jiġu adottati l-baġits 2010 u 2011 huma kemxejn straordinarji u jippreżentaw sfida peress li, minn naħa minnhom, implimentazzjoni b'suċċess tat-Trattat ta' Lisbona hija prijorità ewlenija li se tkun ta' sfida finanzjarja, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-kriżi finanzjarja għadhom magħna f'ħafna Stati Membri, u qed iwasslu għal dilemma politika fil-livell tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-baġit tal-UE jirrappreżenta anqas minn 2.5% tan-nefqa pubblika totali tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li l-intestatura 5 tal-baġit tal-UE konsegwentament tikkorrispondi għal 0.14% tan-nefqa pubblika kollha tal-UE;

3.  Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5 għall-2011 u huwa konxju li l-istituzzjonijiet jista' jkollhom problemi biex jirrikonċiljaw il-finanzjament tal-ħtiġiet kollha max-xewqa li tinżamm id-dixxiplina baġitarja u l-awtokontroll ħalli jkun hemm konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota li għadd ta' oqsma amministrattivi huma ffinanzjati barra mill-intestatura 5; jitlob li l-infiq amministrattiv kollu jkun inkluż f'dik l-intestatura, u li l-limitu massimu jiġi revedut f’dan is-sens;

4.   Jinsisti, għaldaqstant, li l-iżviluppi jkunu ssorveljati mill-qrib qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali; itenni l-fehma tiegħu li jeħtieġ jiġu stabbiliti prijoritajiet u li għandhom jiġu prijoritizzati l-attivitajiet ewlenin;

5.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kooperazzjoni interistituzzjonali hija essenzjali sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u biex tiġi esplorata aktar il-possibilità li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza u, fejn ikun possibbli u xieraq, jiġi identifikat l-iffrankar u jinqasmu r-riżorsi aħjar; jemmen li jistgħu jsiru wkoll gwadanji utli billi dan il-kunċett jiġi estiż għal oqsma oħrajn li sa issa għadhom ma ġewx ikkunsidrati f'dan il-kuntest, bħall-EMAS, il-politiki tan-nondiskriminazzjoni u t-teleworking; jissuġġerixxi li għandhom ikomplu jiġu esplorati possibilitajiet għall-użu ta' softwer miftuħ b'garanziji ta' sikurezza suffiċjenti, soġġetti għal kriterji ta' fattibilità definiti b'mod ċar filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż diretti u indiretti u l-benefiċċji; jirrimarka li għandhom ikomplu għaddejjin l-isforzi f'oqsma li diġà qed jiġu kkunsidrati, bħall-kapaċità tat-traduzzjoni u r-reklutaġġ (EPSO), fuq il-bażi ta' ħtiġijiet attwali jew ġustifikabbli;

6.  Itenni l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-bini; jistieden bl-istess mod lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jiżviluppaw strateġiji għal żmien medju u fit-tul dwar il-politika tal-bini li jkunu jinkludu l-objettivi stipulati f’din ir-riżoluzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jirċievi fil-ħin l-informazzjoni meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 179 tar-Regolament Finanzjarju, li "għandha tinkludi valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u analiżijiet komprensivi tal-kost-benefiċċju għad-diversi alternattivi, b'indikazzjonijiet dwar l-opzjonijiet għall-kiri jew għax-xiri, kif ukoll informazzjoni trasparenti dwar il-possibbiltajiet alternattivi ta' finanzjament, il-konsegwenzi finanzjarji fit-tul, u l-kompatibbiltà mal-MFF" (Anness 2 tar-riżoluzzjoni tal-PE tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 kif immodifikat mill-Kunsill)(5); huwa tal-fehma li, f’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra fil-ħidma lejn l-armonizzazzjoni ta' din l-informazzjoni sabiex ikun jista’ jsir tqabbil bejn l-ispazju għall-bini u l-ispejjeż, għandha titqies bħala kwistjoni ewlenija; jinnota l-ħtieġa ta' rapport speċifiku u rakkomandazzjonijiet possibbli dwar l-ispejjeż għoljin bla bżonn għall-manutenzjonijiet, ir-rinnovazzjonijiet u x-xiri;

7.   Jirrimarka li, fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji tal-persunal u l-każ pendenti fil-qorti, l-istima tal-ispejjeż addizzjonali għall-istituzzjonijiet kollha tlaħħaq il-EUR 135 miljun (għall-perjodu bejn Lulju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2010) jekk il-Qorti tiddeċiedi favur il-Kummissjoni; jinnota li minkejja li din is-sentenza mistennija tinqata' fl-2010, xorta waħda ma jeskludix il-possibilità li din tittawwal sal-2011;

Il-Parlament Ewropew

8. Jenfasizza l-isfida fundamentali li jiġu ġestiti għadd ta' inċertezzi – kif muri aktar 'l isfel – għall-baġit 2011, u dan se jagħmilha estremament diffiċli li jsiru previżjonijiet u bbaġitjar preċiżi sal-istadji aħħarija tal-proċedura, meta s-sitwazzjoni tkunu saret iktar ċara; jistieden lill-korpi rilevanti tal-PE u lill-amministrazzjoni jagħmlu disponibbli, meta jkun il-waqt, sett ta' xenarji bażiċi li jistgħu jiffaċilitaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi finali permezz ta' fehim aħjar tal-konsegwenzi finanzjarji korrispondenti;

9.  Ifakkar li l-għan tal-ittra ta' emenda ppreżentata f'Settembru lill-Kumitat għall-Baġits mill-Bureau hu li jitqiesu l-ħtiġijiet li ma kinux previsti fiż-żmien li fih kienu tfasslu l-estimi, u jisħaq li dan m'għandux jitqies bħala opportunità biex jiġu riveduti l-estimi li dwarhom kien sar qbil qabel; jistenna li l-Bureau jippreżenta talbiet realistiċi meta jiġi biex jippreżenta l-estimi; jinsab lest biex jeżamina l-proposti tal-Bureau permezz ta’ approċċ ibbażat għal kollox fuq il-ħtiġijiet u prudenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq u effiċjenti tal-istituzzjoni;

10. Jenfasizza li l-eċċellenza leġiżlattiva hija prijorità tal-Parlament, u jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjoni tingħata l-mezzi neċessarji biex din tintlaħaq;

11. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema integrata bis-sħiħ tal-ġestjoni tal-għarfien; ifakkar il-ħtieġa li tiġi organizzata preżentazzjoni lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-għadd kbir ta' sistemi/sorsi ta' informazzjoni disponibbli għall-Membri, u li jirċievi l-informazzjoni mitluba dwar l-istat attwali tas-"sistema tal-ġestjoni tal-għarfien", skont kif kien ġie miftiehem waqt il-konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-15 ta' Settembru 2009; huwa tal-fehma li sistema bħal din għandha tkun faċilment aċċessibbli permezz tal-Internet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat kif din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej;

12. Jilqa' analiżi tal-istazzjon televiżiv tal-Parlament fuq l-Internet, il-Europarl TV; jitlob, b'mod partikolari, informazzjoni dwar iċ-ċifri ta' kemm isegwu dan l-istazzjon kif ukoll it-tixrid ġeografiku u l-firxa tal-età tat-telespettaturi, sabiex jiġi evalwat jekk din l-għodda ssodisfatx l-għanijiet tagħha fir-rigward tat-tixrid u tal-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni trażmessa;

13.  Iqis li l-miżuri biex it-Trattat ta' Lisbona jkun jista' jaħdem b'mod effikaċi huma prijorità kruċjali għall-baġit 2011, u li dan ser jeħtieġ l-aqwa ġestjoni possibbli tar-riżorsi disponibbli biex l-eżerċizzju jkun suċċess;

14.  Jirrimarka li minkejja dan għandhom jiġu evalwati miżuri addizzjonali f'dan ir-rigward fil-baġit globali u fil-qafas usa' tal-perspettiva finanzjarja; huwa tal-fehma li jista' jkun utli li ssir analiżi tal-ishma rispettivi tal-istituzzjonijiet tul iż-żmien, inklużi l-iżviluppi sinifikanti li setgħu iġġustifikaw tibdil f'dawk l-ishma;

15. Jinnota li mill-2006 l-Parlament kellu jinkludi l-infiq mhux previst fid-dikjarazzjoni awtoimposta tal-1988, bħall-Istatut tal-Membri u l-infiq dirett u indirett relatat mar-rwol il-ġdid tiegħu bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza l-ħtieġa li ssir diskussjoni miftuħa u fil-fond dwar il-limitu awtoimpost attwali ta' 20%, li japplika għal-livell tal-baġit tal-Parlament Ewropew; huwa tal-fehma li l-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għandhom jaħdmu flimkien biex jivvalutaw mill-ġdid dan il-limitu qabel ma jiftħu djalogu interistituzzjonali dwar din il-kwistjoni; huwa tal-fehma li, abbażi tar-referenzi oriġinali tal-MFF nnegozjati fl-2006 u li daħlu fis-seħħ fl-2007, l-infiq tiegħu għandu jiġi stabbilit madwar il-limitu tradizzjonali ta' 20%, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet l-oħrajn u l-marġni disponibbli;

16. Ma jistax jenfasizza biżżejjed il-prinċipju fundamentali li l-Membri kollha għandhom jibbenefikaw minn aċċess ugwali għal servizzi komprensivi ta’ kwalità għolja li jippermettulhom jaħdmu, jesprimu ruħhom u jirċievu dokumenti fil-lingwa nativa tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jaġixxu f’isem il-votanti tagħhom bl-aħjar mod possibbli;

17. Jistenna risposta mill-korpi kompetenti dwar kif il-kunċett ta’ politika baġitarja b’bażi żero, li tiddistingwi wkoll bejn l-ispejjeż fissi u dawk varjabbli, jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit tal-PE; jitlob lill-Bureau biex jippreżenta estimi annwali ta' dawn l-ispejjeż fissi għas-snin li jikkorrispondu mal-MFF;

18. Jirrimarka li l-"effett fuq is-salarji" għall-Parlament jammonta għal xi EUR 14-il miljun jekk ikun hemm sentenza favur il-Kummissjoni; ma jistax ikun ċert, f'dan l-istadju, jekk dan hux ser jaffettwa l-baġit 2010 jew il-baġit 2011;

19. Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-użu tal-allowances tal-assistenza segretarjali kif ukoll valutazzjoni tal-ispiża totali taż-żieda li bħalissa qed tistenna l-approvazzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, qabel ma titqies kwalunkwe żieda oħra possibbli fil-ġejjieni; ifakkar li l-implikazzjonijiet usa' fuq l-ispejjeż għandhom dejjem jiġu vvalutati b'konnessjoni mal-miżuri ġodda introdotti, pereżempju meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar skemi tal-persunal u tal-assistenti parlamentari akkreditati kemm għall-2010 u kemm għall-2011; jenfasizza b'mod speċjali li jekk jiġu rreklutati assistenti oħra fi Brussell, dan ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni tal-ispazju tal-uffiċċji, fuq il-manutenzjoni u s-sigurtà tal-bini, fuq it-tagħmir tal-IT, fuq ir-riżorsi umani li jittrattaw kwistjonijiet amministrattivi u fuq il-faċilitajiet ġenerali;

iqis li l-preżentazzjoni f’Marzu rigward l-istrateġija tal-bini għal perjodu ta' żmien medju għat-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu hija kruċjali;

jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir ippjanar fit-tul dwar il-politika tal-bini tiegħu, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-baġit;

20. Jitlob l-iżvilupp ta’ strateġija tal-bini għal żmien medju u fit-tul li tinkludi l-objettivi li ġejjin: l-iffissar ta’ linji gwida għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-bini; l-użu effikaċi tal-uffiċji eżistenti u spazji oħra; valutazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet u l-provvediment ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa għall-persunal tal-Parlament u għall-MEPs; strateġija effikaċi għaż-żamma, il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini, sabiex ma jerġa’ jkun hemm l-ebda inċident bħal dak tal-Parlament fi Strasburgu fl-2008 jew problemi relatati mal-asbestos; reviżjoni rigoruża tal-kwistjonijiet ta’ responsabilità, inkluż il-proċess ta’ determinazzjoni tar-responsabilità, u t-twettiq ta’ talbiet għal kumpens fir-rigward ta’ dannu li jkunu responsabbli għalih partijiet terzi, kif ukoll aderenza stretta u trasparenti mal-proċeduri tal-akkwist; jitlob ukoll li l-istrateġija tal-bini għal żmien medju u fit-tul tkun orjentata favur is-sostenibilità u li jitqiesu fatturi bħall-ħarsien ambjentali, l-effiċjenza tal-enerġija u s-saħħa; jinsisti, barra minn hekk, li l-aspetti relatati mal-mobilità, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-persuni b’diżabilità motorja jew sensorja, għandhom ikunu inklużi fl-objettivi; jerġa' jinnota li l-Kumitat tal-Baġits iqis l-akkwist tal-bini bħala prijorità fuq il-kiri jew it-twellija għolja;

21. Ifakkar li l-Bureau, fl-abbozz tal-estimi tiegħu tal-Baġit ta' Emenda 1/2010, ippropona 70 membru tal-persunal addizzjonali għas-segretarjat tal-kumitat; jenfasizza li dan il-persunal se jinqasam bejn tliet gruppi skont iż-żieda mistennija ta’ volum tax-xogħol fl-attivitajiet leġiżlattivi tagħhom, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; iqis li dan it-tqassim għandu jiġi soġġett għal valutazzjoni ta' nofs il-perjodu sa Lulju 2011, sabiex jiġi ċċarat jekk dawk is-servizzi li ġew allokati iktar persunal ġewx affettwati f'termini reali miż-żieda mbassra fil-volum tax-xogħol;

22. Jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji (fiches financières) u tipi simili ta' analiżi tal-ispejjeż huma tal-akbar importanza għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Parlament; jinsisti li dawn għandhom jintużaw b'mod sistematiku, u li għandhom jidentifikaw l-ispejjeż rikorrenti u dawk ta' darba li jkunu marbuta direttament mal-miżura kkonċernata u jindikaw ukoll jekk ikunx hemm xi impatt finanzjarju fuq partiti oħra ta' nfiq;

23. Huwa tal-fehma li s-segwitu u l-analiżi huma importanti minn diversi naħat b'rabtiet baġitarji ċari bħar-ristrutturar tad-direttorati ġenerali, ġestjoni effikaċi tar-riżorsi umani u politika tal-persunal professjonali, politika tal-bini effikaċi f’sens ta’ spejjeż u enerġija fir-rigward tal-post fejn ikunu jinsabu, in-nondiskriminazzjoni, l-EMAS, l-akkwist pubbliku u l-azzjonijiet li jittieħdu b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ta' kwittanza tal-baġit; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm segwitu u analiżi kontinwi tal-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Parlament b'mod ġenerali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rappurtaġġ negattiv tal-midja li rriżulta minn sussidji li ngħataw lill-qraba tal-membri tal-persunal tal-Parlament, u jitlob lis-Segretarjat biex jeżamina bir-reqqa minn qabel is-sussidj kollha għal attivitajiet b'xejra ta' avveniment u biex jgħaddihom għall-attenzjoni tal-kumitat responsabbli;

24. Jieħu nota tal-verifika mwettqa diġà mid-DĠ INLO u r-ristrutturar konsegwenti tad-direttorat ġenerali; jemmen li r-riżultati ta’ din il-verifika jistgħu jservu bħala bażi biex jittieħdu passi ulterjuri, bħalma huma l-verifiki perjodiċi u sistematiċi minn korpi nazzjonali ċertifikati, sabiex tiġi vverifikata l-metodoloġija għall-politika tal-manutenzjoni u biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-nies u tat-tagħmir fil-bini;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jirċievi rendikont finanzjarju sħiħ dwar Dar l-Istorja Ewropea meta l-kompetizzjoni tal-periti tkun ikkompletata, minħabba li nkella ma jkun hemm l-ebda possibilità li ssir valutazzjoni fil-fond dwar l-ispejjeż fit-tul f'termini tal-istrateġija tal-bini u l-baġit tal-Parlament;

26. Jinnota li għandhom isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu akkomodati l-osservaturi Kroati fid-dawl tat-tkabbir possibbli tal-UE;

Istituzzjonijiet oħrajn

27. Jitlob li jitressqu fiż-żmien xieraq talbiet baġitarji realistiċi u bbażati fuq l-ispejjeż, li jqisu b'mod sħiħ il-ħtieġa li r-riżorsi skarsi jiġu ġestiti bl-aħjar mod possibbli; jilqa' b'sodisfazzjon analiżi baġitarja ta' kif it-Trattat ta' Lisbona jista' jaffettwa kull istituzzjoni fl-2010/2011 u, jekk ikun applikabbli, ta' kif għandha tiġi ġustifikata kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li tista' tintalab;

28. Huwa tal-fehma li jkun għaqli li tintalab informazzjoni dwar is-sistemi li jużaw l-istituzzjonijiet l-oħrajn fid-diversi tipi ta' remunerazzjoni, allowances u spejjeż tal-ivvjaġġar, u li dawn jitqabblu; jirrimarka li huwa ovvju li t-trasparenza u r-responsabilità demokratika huma kruċjali;

29. Jixtieq isegwi l-prijorità tas-sena li għaddiet fir-rigward ta’ kondiviżjoni aħjar tar-riżorsi disponibbli bejn l-istituzzjonijiet kollha, inklużi l-miżuri konkreti meħuda fil-qasam tat-traduzzjoni, u jikkunsidra li l-qasam tal-interpretazzjoni wkoll jista’ jerġa’ jitqies f'dan il-kuntest;

30. Jistieden lir-rapporteur tiegħu għall-2010 biex jagħmel żjarat individwali lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex jismagħhom qabel l-istadju tal-estimi u jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu;

o

o        o

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(3)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)

ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2009)0115.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Reimer Böge, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Jutta Haug, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Barbara Matera, Nadezhda Neynsky, Miguel Portas, Dominique Riquet, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Da Graça Carvalho, Roberto Gualtieri, Edit Herczog, Giovanni La Via, Riikka Manner, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis, Theodor Dumitru Stolojan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elisabeth Jeggle, Vladko Todorov Panayotov, Marit Paulsen

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2010Avviż legali