Proċedura : 2010/0806(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0039/2010

Testi mressqa :

A7-0039/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2010 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0075

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 238kDOC 158k
17 ta' Marzu 2010
PE 431.021v03-00 A7-0039/2010

dwar il-ħatra proposta ta’ Rasa Budbergyté bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C7-0018/2010 – 2010/0806(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Inés Ayala Sender

PR_NLE_art108

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA’ Rasa Budbergyté
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA’ RASA BUDBERGYTÉ GĦALL-MISTOQSIJIET
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta’ Rasa Budbergyté bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C7-0018/2010 – 2010/0806(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0018/2010),

–  wara li kkunsidra l-fatt li fil-laqgħa tiegħu ta’ 15 ta’ Marzu 2010, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-persuna nnomitata mill-Kunsill biex issir membru tal-Qorti tal-Awdituri ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0039/2010),

A. billi Rasa Budbergyté tissodisfa/ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Article 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta għall-ħatra ta’ Rasa Budbergyté bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri,

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta’ verifika tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA’ Rasa Budbergyté

Informazzjoni personali

Isem / Kunjom Rasa BUDBERGYTĖ

Nazzjonalità                Litwana

Data tat-twelid  8 ta’ Mejju 1960

Sess                          Mara

Esperjenza tax-xogħol

Minn Frar 2005 ’l hawn

Awditur Ġenerali

Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tar-Repubblika tal-Litwanja

Ġunju 2002 – Frar 2005

Sottosegretarju, Ministeru għall-Affarijiet Interni

Lulju 2001 – Ġunju 2002

Viċi Sottosegretarju, Ministeru għall-Affarijiet Interni

Settembru 1998 – Diċembru 2000

Viċi Ministru, Ministeru tal-Ġustizzja

Jannar 1997 – Settembru 1998

Sottosegretarju, Ministeru tal-Ġustizzja

Ottubru 1995 – Jannar 1997

Konsulent Legali, Joint Stock Company Lelija

Jannar – April 1993

Konsulent tal-Prim Ministru

Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja

April 1992 – Jannar 1993

Konsulent, Diviżjoni tal-Affaijiet Legali u l-Ftehimiet

Ministeru tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja

Marzu 1985 – Marzu 1992

Spettur prinċipali, Diviżjoni għall-Kwistjonijiet relatati mal-Persuni b’Diżabilità, Konsulent ta’ livell għoli, Diviżjoni għall-Abbozzar tal-Liġijiet, Ministeru tas-Sigurtà Soċjali tar-Repubblika tal-Litwanja

Awwissu 1983 – Frar 1985

Kap tad-Diviżjoni Ġenerali

Kunsill Muniċipali ta’ Marijampole

Settembru 1997 – Frar 2005

Assistent professur

Università ta’ Vilnius, Dipartiment tax-Xogħol tal-Fakultà tal-Liġi

Edukazzjoni u taħriġ

Settembru 1978 – Ġunju 1983

Avukat (summa cum laude) Liġi Ċivili

Università ta’ Vilnius, Fakultà tal-Liġi

Ħiliet u kompetenzi personali

Lingwa materna: il-Litwan

L-Ingliż

Fehim tal-Lingwa

Lingwa mitkellma

Kitba tal-lingwa

Smigħ

Qari

Interazzjoni mitkellma

Produzzjoni mitkellma

 

B2

Utent indipendenti

C1

Utent profiċjenti

B2

Utent indipendenti

B2

Utent indipendenti

B2

Utent indipendenti

(*) Common European Framework of Reference for Languages

Russian

C1

Utent profiċjenti

C1

Utent profiċjenti

C1

Utent profiċjenti

C1

Utent profiċjenti

B2

Utent indipendenti

Ħiliet u kompetenzi relatati mal-informatika

L-użu tas-softwer tal-Microsoft Office għax-xogħol (Word, Excel, PowerPoint, Access) (liċenzja tal-ECDL)

L-użu tal-Internet Explorer għax-xogħol

Ħiliet u kompetenzi oħrajn

Fl-2005 ġiet eletta membru tal-Bord Governattiv tal-EUROSAI (l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika), u Viċi President bejn l-2006 u l-2008

Qari ta’ kotba, Vjaġġar 

Tagħrif addizzjonali

Fl-2009, ingħatat il-premju statali – Salib tal-Kmandant tal-Ordni tal-Gran Duka Litwan Gediminas


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA’ RASA BUDBERGYTÉ GĦALL-MISTOQSIJIET

Esperjenza professjonali

1. Jekk jogħġbok semmi l-aspetti ewlenin tal-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, fil-ġestjoni jew fil-verifika tal-ġestjoni.

Il-karriera kollha tiegħi żvolġejtha fis-settur pubbliku, fl-oqsma tal-finanzi, il-ġestjoni u l-awditjar. Jiena ħdimt bħala konsulent tal-Prim Ministru tal-Litwanja, kif ukoll fil-Ministeru tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali, il-Ġustizzja, l-Affarijiet Interni, u fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur. Kont responsabbli wkoll tal-ġestjoni ta’ diversi gruppi ta’ ħidma u kummissjonijiet interdipartimentali.

Bħala konsulent tal-Prim Ministru, ippreżentajt konklużjonijiet dwar abbozzi ta’ atti leġiżlattivi fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u dwar obbligi li jittieħdu f’isem il-Gvern. Fil-Ministeru tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali, jiena kont responsabbli għat-tfassil tal-ftehimiet internazzjonali ta’ self lill-gvern għar-Repubblika tal-Litwanja. Jiena kont ukoll membru f’delegazzjonijiet tal-Gvern u ħadt sehem fin-negozjati dwar ftehimiet ta’ self mill-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Bħala Sottosegretarju tal-Ministeru tal-Ġustizzja, kif ukoll bħala Viċi Sottosegretarju fil-Ministeru tal-Affarijiet Interni, ksibt esperjenza fil-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet tal-Baġit tal-Istat u fl-iżgurar tar-regolarità, l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-użu tagħhom.

Għal dawn l-aħħar ħames snin, jiena mexxejt l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u r-responsabilitajiet tiegħi jinkludu l-użu legali u effiċjenti tal-approprjazzjonijiet tal-Baġit tal-Istat allokati għall-Uffiċċju, l-organizzazzjoni tal-kontijiet u l-preparazzjoni u l-konsenja tal-kontijiet finanzjarji. Ir-responsabilitajiet prinċipali tiegħi bħala Awditur Ġenerali huma li norganizza verifiki pubbliċi, inklużi verifiki finanzjarji u tal-prestazzjoni, u biex nagħti lill-Parlament opinjonijiet dwar il-kontijiet tal-implimetazzjoni tal-Baġit tal-Istat, id-dejn pubbliku u l-proprjetà statali, flimkien ma’ konklużjonijiet dwar l-abbozz tal-Baġit tal-Istat. Jiena responsabbli wkoll għall-organizzazzjoni tal-proċess kollu tal-verifika fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li jinkludi l-approvazzjoni ta’ rapporti ta’ studju preliminari; il-proċeduri tal-ippjanar tal-verifika u l-eżami; il-parteċipazzjoni fil-proċess tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-verifika, inklużi reviżjonijiet “hot”; rappurtar fuq ir-riżultati tal-verifika lill-Parlament; u s-segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

Mill-2005 sa 2008, jiena ġejt eletta Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija EUROSAI, u bħalissa jiena Membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (INTOSAI) u tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-Unjoni Ewropea.

2. X’inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li għent biex jittieħdu fil-ħajja professjonali tiegħek?

Tul il-karriera professjonali tiegħi, ipparteċipajt f’numru ġmielu ta’ deċiżjonijiet li fihom l-irwol u l-inizjattiva tiegħi kienu importanti. L-ewwel nett nixtieq insemmi l-kontribut tiegħi f’xi oqsma tal-amministrazzjoni pubblika.

Bħala l-Viċi Ministru tal-Ġustizzja jiena kont direttament responsabbli għat-twaqqif tal-qrati amministrattivi fil-Litwanja. Din l-inizjattiva kienet importanti mill-perspettiva tal-iżvilupp tal-istat kostituzzjonali, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Dan l-element tas-sistema ġudizzjarja ppermetta lill-individwi li jipproteġu ruħhom kontra l-vjolazzjoni ta’ drittijiethom u t-trattament ħażin minn korpi pubbliċi.

Ippresedejt il-Kummissjoni responsabbli għall-kunċett ta’ riforma tal-marixxaljat u għall-emendi ta’ atti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma. Ir-riforma tal-marixxaljat kienet pass kruċjali lejn l-iżgurar tal-eżekuzzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi tal-qorti.

Ir-Riforma tas-sistema tas-servizz ċivili, li tagħha kont responsabbli waqt li kont fil-Ministeru tal-Affarijiet Interni, liema riforma ġiet rikonoxxuta mill-esperti Ewropej bħala waħda mill-aktar ta’ suċċess fl-UE.

Madankollu, nixtieq nenfasizza wkoll ċerti deċiżjonijiet li ħadt bħala Awditur Ġenerali, li kkontribwew għal aktar effikaċja fil-verifika pubblika.

1)  It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Verifika Pubblika għall-perjodu 2006-2010, wara r-rakkomandazzjonijiet tar-Reviżjoni bejn il-Pari, li twettqet fis-snin 2005-2006 mir-rappreżentanti tal-SAIs Daniżi, Skoċċiżi, Irlandiżi, u Ġermaniżi. Dan id-dokument iddefinixxa l-objettivi prinċipali, l-ambitu tal-verifika u d-direzzjoni tal-iżvilupp futur tagħna.

2)  Id-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ċara u effikaċi ta’ koperazzjoni mal-Parlament, b’mod speċjali mal-Kumitat tal-Verifika tiegħu, li kienu passi importanti ħafna biex jiżdied l-impatt tal-verifika pubblika. Issa għandna proċedura b’żewġ pilastri li tikkonsisti f’seduti ta’ smigħ, fejn il-membri tal-Kumitat janalizzaw ir-rapport jew l-opinjoni tal-verifika, u f’konsiderazzjonijiet, fejn membri tal-Parlament jinterrogaw rappreżentanti tal-entitajiet verifikati u istituzzjonijiet fundaturi u jistabbilixxu kompiti għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika. Mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika beda jwettaq verifika ta’ segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika u l-Kumitat Parlamentari tal-Verifika jeżiġi rendikont tal-implimentazzjoni.

3)  L-introduzzjoni reċenti ta’ sistema ġdida ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll li tinkludi l-proċedura ta’ “hot review”. Din il-proċedura tiġi implimentata mill-Hot Review Commission, li hija kostitwita minn uffiċjali li ma jkunux direttament involuti fil-verifika, u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-proċess tal-verifika. Fil-Kummissjoni hemm id-Deputat Awditur Ġenerali u l-konklużjonijiet tagħha jiġu ppreżentati lill-Awditur Ġenerali li mbagħad jirrevedihom.

Indipendenza

3. It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu “kompletament indipendenti” fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tagħhom. Kieku inti, kif tapplika dan l-obbligu għad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Kull istituzzjoni tal-verifika, fit-twettiq tal-kompiti u r-responsabilitajiet tagħha b’mod oġġettiv u effikaċi għandha tkun indipendenti mill-korpi li tivverifika u ħielsa minn kull influwenza esterna. F’konformità mal-istandards tal-verifika aċċettati internazzjonalment, hija għandha tgawdi indipendenza operattiva, istituzzjonali, finanzjarja u politika. Dawn il-prinċipji huma validi għall-Qorti tal-Awdituri u l-Membri tagħha.

Fit-twettiq tal-mandat tiegħi bħala Membru tal-Qorti, jien beħsiebni nevita kull sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess u naġixxi b’mod indipendenti fir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra. Dan ifisser li jiena ma niħux istruzzjonijiet minn gvernijiet jew korpi oħra. Fit-twettiq ta’ dmirijieti nieħu pożizzjoni newtrali irrispettivament mill-pajjiż li fih tkun qed issir verifika (anke jekk dan ikun il-pajjiż tiegħi tal-oriġini). Jiena nibbaża l-attivitajiet u l-opinjonijiet tal-verifika tiegħi biss fuq il-fatti, id-dejta, l-evidenza xierqa, suffiċjenti u affidabbli, l-istandards tal-verifika u l-għarfien u l-esperjenza professjonali tiegħi. Beħsiebni wkoll inżomm lura minn kwalunkwe attività professjonali u b’mod ma nokkupa l-ebda kariga politika.

4. Ġejt irrilaxxata mid-dmirijiet maniġerjali li kont twettaq preċedentement, jekk proċedura bħal din tapplika?

Bħala Awditur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja, jiena obbligata bil-liġi li nippreżenta Rapporti Annwali dwar il-Prestazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika lill-Parlament. Il-Parlament iqis dawn ir-rapporti u jagħti l-kwittanza, li kienet dejjem pożittiva tul il-ħames snin li ili f’din il-kariga.

5. Għandek xi ishma tan-negozju jew ishma finanzjarji jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f’kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek? Preparata li tgħid bl-interessi finanzjarji tiegħek kollha u b’xi impenji oħra li jista’ jkollok lill-President tal-Qorti u li tagħmilhom pubbliċi? Kieku tkun involuta f’xi proċeduri legali kurrenti, kieku tagħti dettalji?

Jien m’għandi l-ebda negozju jew ishma finanzjarji jew xi impenji oħra li jistgħu jikkonfliġġu mad-dmirijiet prospettivi tiegħi. Jiena lesta li niżvela l-interessi finanzjarji u l-impenji l-oħra kollha tiegħi lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u nagħmilhom pubbliċi. Jiena m’iniex involuta fl-ebda proċedimenti ġudizzjarji attwali.

6. Preparata li tirtira minn kull kariga li kont eletta għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b’responsabilitajiet f’partit politiku wara l-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti?

Bħalissa ma nokkupa l-ebda kariga li timtela b’elezzjoni, u m’għandi l-ebda funzjoni b’responsabilità lejn xi partit politiku.

7. Kieku kif tittratta irregolarità kbira jew anki frodi u/jew każ ta’ korruzzjoni li jinvolvu atturi fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Il-frodi u l-korruzzjoni huma t-theddidiet ewlenin għad-demokrazija, l-ekonomija effikaċi u l-ġustizzja soċjali, u għalhekk ma jistgħu jiġu ttollerati fl-ebda Stat Membru. Jiena ma naċċettax kompromessi fuq il-legalità jew ir-regolarità, aħseb u ara każijiet ta’ frodi jew korruzzjoni. L-irregolaritajiet għandhom jiġu ttrattati l-istess, irrispettivament minn liema Stat Membru jkun involut. Dan jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 285 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jeħtieġ li Membri tal-Qorti jaġixxu “fl-interess ġenerali tal-Unjoni”.

Kull każ ta’ suspett ta’ frodi jew korruzzjoni li jiġi identifikat waqt il-verifiki li tagħhom inkun responsabbli jiġu trażmessi immedjatament minni lill-partijiet xierqa tal-Qorti tal-Awdituri li jkunu responsabbli għar-rappurtar ta’ każijiet bħal dawn lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

Bħala Awditur Ġenerali, diġà kelli l-opportunità li niffaċċja l-allegata dilemma bejn legalità fis-sens tal-Unjoni Ewropea u l-hekk imsejjaħ “interess nazzjonali”. L-Uffiċċju tiegħi għandu rwol uniku fost Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika oħrajn billi jwettaq verifiki ta’ ċertifikazzjoni u stralċ għall-perjodu ta’ baġit 2004-2006 u jiżvolġi funzjonijiet ta’ awtorità tal-verifika għall-perjodu 2007-2013. Għalhekk, nista’ ngħid li f’dawn l-aħħar 5 snin kont qiegħda f’dgħajsa tal-UE.

B’mod ġenerali, jiena nemmen li l-osservanza tal-liġi u l-intolleranza ta’ kwalunkwe ksur tagħha huwa dejjem ta’ benefiċċju mill-perspettiva fit-tul kemm tal-Komunità Ewropea u kemm dik nazzjonali.

Prestazzjoni ta’ dmirijiet

8. X’għandhom ikunu l-fatturi ewlenin ta’ kultura ta’ ġestjoni finanzjarja soda f’kull servizz pubbliku?

Jiena nemmen li l-approċċ “teknokratiku” dominanti lejn il-kwistjoni tal-kultura ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jonqos milli jispjega l-interazzjoni tal-elementi “rotob” u “ibsin” ta’ dan il-fenomenu kumpless. Lanqas l-aħjar arranġamenti ta’ ġestjoni ma jaħdmu mingħajr sistema ta’ valur effettiv u attitudni xierqa min-naħa tal-atturi kollha lejn l-irwol, ix-xogħol u l-imġiba tagħhom.

L-ogħla livell tad-dimensjoni “ratba” hija l-kultura ġenerali politika u amministrattiva, li tfisser mhux biss il-liġi u l-istituzzjonijiet demokratiċi, iżda pjuttost mod demokratiku ta’ kif naġixxu u naħsbu - ir-rieda tal-istabbilimenti politiċi u amministrattivi li jaġixxu b’mod trasparenti u prevedibbli flimkien ma’ fehim ċar tal-unità tad-drittijiet u r-responsabilitajiet mill-pubbliku inġenerali. Fis-settur pubbliku, din il-kultura għandha tintwera permezz ta’ tmexxija tajba u impenn lejn l-objettivi soċjali u l-interess pubbliku. L-ogħla għan ta’ kull servizz pubbliku għandu jkun is-sodisfazzjon tal-klijent (il-pubbliku). L-atturi kollha fis-settur pubbliku għandhom ikunu impenjati lejn valuri professjonali u etiċi. Is-sistema kollha għandha tfittex l-eċċellenza professjonali, tivvalorizza l-individwi, tikkultiva l-kompetenza, l-għarfien u l-ħiliet tagħhom, u l-aħħar iżda mhux l-inqas, għandha tkun miftuħa għat-titjib u l-assorbiment tal-prattiki tajba jiġu minn fejn jiġu.

Teknikament, it-tmexxija finanzjarja tajba għandha tfisser li l-flus mit-taxxi għandhom jintużaw b’mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi. Dan jimplika l-ilħiq tal-objettivi stipulati u l-kisba tar-riżultati mistennija (l-effikaċja) bl-użu ta’ riżorsi bl-inqas prezzijiet (ekonomija) u billi jiġi żgurat l-aħjar proporzjon bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba (effiċjenza). Il-kundizzjonijiet biex jiġu ssodisfati l-kriterji msemmija hawn fuq f’korp tas-settur pubbliku għandhom jinkludu:

· definizzjoni ċara u trasparenti tal-objettivi li jkunu stabbiliti fil-mandat legali, l-istrateġiji, il-politiki, il-programmi, eċċ, kif ukoll indikaturi baġitarji eżatti, li jiffukaw fuq ir-riżultati li għandhom jinkisbu;

· definizzjoni preċiża tal-kompetenzi u r-responsabilitajiet tal-atturi kollha skont l-irwol, il-kompetenza, u l-ħiliet, li jkunu jinkludu apprezzament preċiż u konxju tar-riskji, flimkien ma’ proċeduri ta’ ġestjoni trasparenti u r-regoli baġitarji stretti;

· sistemi effikaċi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li jipprovdu informazzjoni rilevanti u f’waqtha lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-użu tar-riżorsi u l-kisba tar-riżultati;

· kontroll intern estern effikaċi, li jkun jinkludi l-verifika interna u esterna, l-istimi tal-impatt, l-evalwazzjonijiet, il-kontrolli ex-ante u ex-post, is-segregazzjoni tad-dmirijiet, l-awtorizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet u proċeduri tal-akkwist applikati rigorożament;

· sorveljanza u evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni bbażati fuq indikaturi ċari u miżurabbli, u azzjoni korrettiva xierqa fejn ikun meħtieġ;

· responsabilità: rappurtaġġ regolari lill-awtorità politika, li għandha talloka r-riżorsi u teżigi li dawn jintużaw kif maħsub, u komunikazzjoni trasparenti mal-partijiet interessati u l-pubbliku inġenerali.

9. Skont it-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċitar tas-setgħat tiegħu ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku kif tiddeskrivi d-dmirijiet tiegħek fir-rigward tar-rappurtaġġ lill-Parlament Ewropew u, b’mod partikolari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu?

L-Artikolu 248 tat-Trattat jistabbilixxi b’mod ċar ħafna d-dmirijiet tal-Qorti. L-ewwel nett, il-Qorti għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni (DAS) u Rapport Annwali dwar il-prestazzjoni tagħha, u tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fl-implimentazzjoni tal-baġit billi tipproduċi wkoll, fost oħrajn, rapporti annwali dwar l-aġenziji tal-UE, rapporti speċjali, eċċ. Il-Qorti għandha wkoll obbligi u responsabilitajiet oħra. Minbarra l-preżentazzjoni formali ta’ rapporti, huwa d-dmir tal-Qorti li tagħti kull assistenza lill-Parlament Ewropew biex ikun jista’ jifhem u jittratta l-kwistjonijiet imsemmija f’dawn ir-rapporti, kif ukoll fil-kwistjonijiet l-oħra kollha marbuta mal-irwol tal-Qorti fl-implimentazzjoni tal-baġit. Jiena nemmen li l-Qorti għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti u implimentabbli lill-Parlament Ewropew, li jistgħu jservu biex itejjeb l-attivitajiet tiegħu. Dan iżid ukoll l-impatt tar-rapporti tal-Qorti.

Naħseb li huwa importanti ħafna li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib u fehim reċiproku bejn il-Qorti u l-Kumitat tal-PE għall-Kontroll tal-Baġit. Bħala Awditur Ġenerali, jiena għandi ħames snin esperjenza ta’ ħidma mill-qrib mal-Kumitat tal-Verifika tal-Parlament Litwan. Aħna ppreżentajna lill-Kumitat ir-rapporti kollha tal-verifika tagħna, tajna l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa u materjal ta’ bażi, u għinnieh fit-tħejjija għas-seduti ta’ smigħ u l-konsiderazzjonijiet, ikkoperajna fl-abbozzar tar-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat u tal-Parlament, eċċ. Il-Parlament jikkonsulta wkoll l-Uffiċċju tagħna dwar diversi kwistjonijiet legali u abbozzi ta’ liġijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-baġit u r-responsabilità. Fl-għażla tal-prijoritajiet u fl-ippjanar tal-Programm Annwali tagħna, aħna noqogħdu ferm attenti għall-eżiġenzi u l-aspettattivi tal-Parlament, waqt li niżguraw li nippreservaw l-indipendenza tagħna.

Fir-rigward tad-dmirijiet personali prospettivi tiegħi, dawn se jinqasmu fi tliet livelli: sħubija personali, membru tal-Grupp/Kamra u membru tal-Kulleġġ. Fil-livell tas-sħubija personali, jien nilqa’ u nadotta l-kontributi u s-suġġerimenti tal-Parlament dwar ir-riskji potenzjali tal-verifika jew oqsma ta’ tħassib. Jiena niżgura li x-xogħol assenjat lili jitwettaq skont l-istandard xieraq, fil-ħin u fil-limiti tal-baġit u r-riżorsi allokati; li s-sejbiet tal-verifika jkunu bbażati fis-sod, u li r-riżultati jiġu rappurtati b’mod ċar u relevanti. Huma għandhom iservu biex itejbu l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, ibbażata fuq evidenza ta’ verifika suffiċjenti u espressa b’mod ġust u oġġettiv. Ir-rapporti tal-Qorti jkunu ċari, bla ebda ambigwità, jinftiehmu, konċiżi u organizzati tajjeb.

Fil-livell ta’ Grupp/Kamra, l-għan tiegħi jkun li niżgura li l-kompiti ta’ verifika jkunu definiti b’mod li jiżgura li l-kwistjonijiet tal-verifika jkunu mwieġba b’mos sodisfaċenti; li r-riżultati tal-verifika jiġu interpretati b’mod rigoruż iżda realistiku, u li s-sejbiet tal-verifika jiġu kkomunikati b’mod ċar. Dan se jkun partikolarment importanti minħabba li fil-futur il-Kamra se tkun responsabbli għall-ħruġ ta’ rapporti speċjali.

Bħala membru tal-Kulleġġ, jiena nagħmel l-isforzi tiegħi kollha biex inseddaq il-profil tal-Qorti, biex din issir istituzzjoni moderna u sservi ta’ mudell, li tkun miftuħa u tikkopera ma’ istituzzjonijiet oħra, l-ewwel u qabelxejn mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tiegħu għall-Kontroll tal-Baġit. Jien nemmen bis-sħiħ fil-kultura tal-koperazzjoni. B’hekk, pereżempju, meta l-Qorti tippreżenta l-programm ta’ ħidma annwali tagħha lill-Parlament, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għat-talbiet u t-tħassib tal-Parlament.

10. X’taħseb li huwa l-valur miżjud tal-verifika ta’ prestazzjoni, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-ġestjoni?

Permezz tal-verifika tal-prestazzjoni, l-awdituri jżidu l-valur fuq il-prestazzjoni tal-gvern billi jirrakkomandaw titjib fl-ekonomija, l-effiċjenza, u l-effikaċja ta’ programmi jew prestazzjoni. L-analiżi ta’ verifika tal-prestazzjoni tara jekk “il-fondi pubbliċi ntefqux sew” prinċipalment permezz ta’ eżami ta’ kemm il-miżuri meħuda mill-entitajiet verifikati osservaw il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effikaċja. B’mod ġenerali l-verifika tal-prestazzjoni tfittex li twieġeb żewġ mistoqsijiet bażiċi, jiġifieri:

– L-affarijiet saru kif suppost?

– L-affarijiet li saru, kienu dawk li suppost saru?

Il-verifika tal-prestazzjoni għandha rwol importanti wkoll fl-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet trasversali fil-gvern jew fil-ġestjoni. Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-verifika tal-prestazzjoni nnifisha huwa li żżid il-valur – jiġifieri li ttejjeb il-prestazzjoni. Il-verifika tal-prestazjoni tipprovdi lill-entitajiet verifikati informazzjoni u soluzzjonijiet li jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż, u ġestjoni u riżultati aħjar. Għalhekk, il-verifika tal-prestazzjoni żżid il-valur billi twettaq il-missjoni ferm importanti tagħha ta’ responsabilità.

Kif tista’ verifika tal-prestazzjoni ġġiegħel il-proċess ta’ governanza jaħdem aħjar? Permezz tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-verifika tagħha. Is-sejbiet tal-verifika huma l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika, li permezz tagħhom l-awdituri u l-istituzzjonijiet tal-verifika għandhom il-potenzjal li jagħmlu impatt fuq il-ġestjoni pubblika. Is-sejbiet tal-verifika huma l-komponent fundamentali tal-verifika tal-prestazzjoni u jistgħu jiġu inkorporati fil-ġestjoni b’żewġ modi prinċipali:

· Billi r-rakkomandazzjonijiet tal-verifika jingħataw lill-entitajiet verifikati.

· Billi r-riżultati tal-verifika (is-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet) jiġu kkomunikati lill-Parlament, lill-Gvern, lill-pubbliku u għaliex le, lil dawk kollha li jistgħu jkunu interessati.

Il-verifika tal-prestazzjoni tiffaċilita l-istruttura tal-governanza u l-proċess politiku biex dawn jipproduċu responsabilità reali. Verifiki ta’ suċċess iżidu l-valur billi jtejbu l-politiki – minn politiki ħżiena għal politiki tajbin, u jippermettu li l-istruttura tal-governanza tiffunzjona aħjar: direzzjoni aħjar ta’ politika; sorveljanza aħjar, aktar effiċjenza, effkaċja u ekwità. Verifika tal-prestazzjoni hija għodda avvanzata tal-ġestjoni li qed kull ma tmur issir aktar sofistikata biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ komunitajiet u livelli ta’ gvern differenti dwar servizzi li jvarjaw mis-sikurezza pubblika u xogħlijiet pubbliċi għal żvilupp ekonomiku.

11. Kif tista’ titjieb il-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-Istituzzjonijiet ta’ Verifika Nazzjonali u l-Parlament Ewropew (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) fir-rigward tal-verifika tal-baġit tal-UE?

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika Litwan, li jiena mexxejt tul dawn l-aħħar ħames snin, jokkupa pożizzjoni partikulari f’din il-kwistjoni, billi qiegħed jagħmel verifiki ta’ ċertifikazzjoni u stralċ għall-perjodu ta’ baġit 2004-2006, u qed iwettaq funzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni baġitarja għas-snin 2007-2013. Għalhekk, parti mill-Uffiċċju tagħna kien involut direttament fil-verifika tal-fondi tal-UE skont ir-regolamenti tal-UE u kkopera mal-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati. Madankollu, nista’ napprezza għaliex il-kwistjoni tal-koperazzjoni tinsab fil-quċċata tal-aġenda għall-Parlament Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Skont it-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-korpi nazzjonali tal-verifika tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Il-Qorti għandha l-mandat esklussiv li tagħti opinjoni indipendenti dwar ir-rendikonti finanzjarji tal-UE u li tirrapporta dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti l-kontijiet, kif ukoll dwar l-affidabilità tal-kontijiet. Sadanittant, l-SAIs joperaw skont il-mandati tagħhom fi ħdan oqfsa legali nazzjonali, huma responsabbli għall-Parlamenti Nazzjonali, u huma totalment indipendenti minn istituzzjonijiet tal-UE. Din hija stqarrija bażika tad-Dikjarazzjoni ta’ Lima, dokument imfassal mill-INTOSAI, spiss deskritta bħala l-Magna Carta tal-kontroll finanzjarju. Dan iwassal għal kumplikazzjoni li għalkemm madwar 80% tal-flus tal-UE jintefqu b’ġestjoni kondiviża, m’hemm l-ebda responsabilità kondiviża għall-verifika tal-baġit tal-UE bejn il-Qorti u l-SAIs. Din l-asimetrija hija aggravata mid-diversità tal-SAIs, l-approċċi ta’ verifika u r-rwoli tagħhom fis-sistemi nazzjonali ta’ responsabilità.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-Parlament Ewropew, speċjalment il-Kumitat tiegħu għall-Kontroll tal-Baġit u l-Qorti, kienu qed ifittxu attivament soluzzjonijiet aċċettabbli kemm għall-istituzzjonijiet Ewropej u kemm għal partijiet nazzjonali. Il-Kumitat ta’ Kuntatt huwa forum utli, billi jippermetti lill-membri tal-Qorti u l-kapijiet tal-SAIs li jiltaqgħu fuq bażi regolari u jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni, li jikkunsidraw problemi u anke li jaslu għal soluzzjonijiet fi gruppi ta’ ħidma. L-għan ewlieni ta’ dawn it-tentattivi huwa l-allinjament tal-ħidma mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-SAIs fil-verifika tal-fondi tal-UE. L-ewwel pass – l-armonizzazzjoni tal-istandards tal-verifika –bejn wieħed u ieħor miexja. F’dan il-kuntest, nixtieq insemmi l-kontribut tal-grupp ta’ ħidma dwar “Standards tal-Verifika Komuni u Kriterji ta’ Verifika Komparabbli bbażati fuq standards tal-verifika rikonoxxuti internazzjonalment imfassla għaż-żona tal-UE”. Madankollu, aktar inizjattivi bħall-introduzzjoni tal-metodu ta’ verifika waħdanija (Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2004), jew dikjarazzjonijiet nazzjonali (Opinjoni tal-Qorti Nru 6/2007) għadhom suġġetti għal diskussjonijiet vivaċi, minħabba li jirrikjedu bidliet fl-approċċ tal-verifika, riżorsi addizzjonali, u kultant emendi qawwija fil-qafas ġuridiku u kostituzzjonali.

Fl-opinjoni tiegħi, il-mottiv ewlieni għal koperazzjoni aħjar jinsab fl-għarfien aħjar mill-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet, u l-SAIs, li l-użu u l-kontroll aktar effettivi tal-fondi tal-UE jirriflettu l-aspirazzjonijiet u l-interessi tagħhom stess. U naturalment, ir-rikonoxximent reċiproku tal-interessi nazzjonali u t-tħassib tal-istituzzjonijiet tal-UE. Diġà ttieħdu ċerti passi f’din id-direzzjoni. Pereżempju, il-programm annwali ta’ ħidma tal-Qorti jintbagħat lill-SAIs. Il-verifiki tal-Qorti, speċjalment il-missjonijiet ta’ verifika fl-Istati Membri, jitwettqu b’koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet lokali tal-verifika, li jgħinhom jifhmu lil xulxin aħjar u jaqsmu l-għarfien u l-prattika tajba. Attwalment, sa ċertu punt l-SAIs huma involuti fil-verifika ta’ fondi tal-UE li jkunu inklużi fil-baġits nazzjonali. Il-kwistjoni hija dwar kif l-istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri l-Kummissjoni u l-Qorti, jistgħu jużaw dawn ir-riżultati tal-verifika. Il-Qorti stabbiliet Grupp ta’ Riflessjoni għall-analiżi ta’ sa fejn tista’ tikseb parti mill-assigurazzjoni tagħha minn sommarji annwali, dikjarazzjonijiet nazzjonali u rapporti u ċertifikazzjonijiet ta’ verifika nazzjonali. Għalkemm integrazzjoni sħiħa teħtieġ progress sinifikanti f’din id-direzzjoni, il-Qorti tista’ minn issa tuża l-aktar sejbiet rilevanti ta’ verifiki mill-SAIs għall-ipprogrammar, ir-rapporti speċjali u ċerti aspetti oħra (eż. il-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja) tad-DAS. Barra minn dan, informazzjoni relevanti dwar il-verifiki mwettqa fl-Istati Membri issa hija disponibbli fuq il-websajts tal-maġġoranza tal-SAIs.

F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-awdituri u l-parlamenti kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livelli nazzjonali, huwa ferm importanti li l-partijiet ikunu attenti għall-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ xulxin. L-istituzzjonijiet tal-verifika jipprovdu strumenti qawwija għal skrutinju parlamentari u, viċi versa, il-mandat parlamentari huwa l-aktar forma effikaċi ta’ infurzar għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika. Linja promettenti biex titjieb il-koperazzjoni hija l-iżvilupp tar-relazzjoni bejn l-awdituri u l-kumitati parlamentari speċjalizzati involuti fil-proċess tal-verifika (eż. CONT, PAC, Kumitat tal-Verifika, eċċ). L-NAO Litwan iqis il-koperazzjoni mal-Kumitat tal-Verifika parlamentari bħala l-l-ewwel prijorità tiegħu, u dan ġie rikonoxxut billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit stieden delegazzjoni konġunta mill-NAO u l-Kumitat tal-Verifika għal-laqgħa tiegħu ta’ Novembru 2006 flimkien ma’ delegazzjoni konġunta simili mill-NAO u l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tar-Renju Unit. F’Diċembru 2007, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit organizza laqgħa utli ħafna mal-kumitati għall-kontroll tal-baġit ta’ parlamenti nazzjonali. Nikkunsidra li f’xi stadju, laqgħa simili mal-membri tal-Kumitat ta’ Kuntatt tkun utli ħafna wkoll.

L-Implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod speċjali l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jistipula li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprjazzjonijiet ikunu użati skont il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba, tipprovdi impetu addizzjonali għal koperazzjoni eqreb bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

Mistoqsijiet oħra

12. Li kieku l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx waħda favorevoli, tirtira l-kandidatura tiegħek?

L-esperjenza tiegħi bħala Awditur Ġenerali f’dawn l-aħħar ħames snin tikkonvinċini għalkollox li istituzzjoni tal-verifika pubblika suprema ma tistax tissodisfa l-irwol pubbliku tagħha mingajr l-approvazzjoni u l-fehim tal-parlament. Dan jgħodd kemm fil-livelli nazzjonali u kemm f’dak Ewropew. Minkejja l-indipendenza tal-korp tal-verifika, huwa ma jistax ikun effikaċi u jagħmel l-impatt meħtieġ mal-pubbliku mingħajr l-appoġġ u l-koperazjoni tal-parlament. Jiena għalhekk nirtira l-kandidatura tiegħi kemm-il darba l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ma tkunx favorevoli.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Jorgo Chatzimarkakis, Andrea Cozzolino, Ryszard Czarnecki, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Cătălin Sorin Ivan, Elisabeth Köstinger, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Edit Herczog, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Markus Pieper

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Marzu 2010Avviż legali