– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0021/2010),
– wara li kkunsidra l-fatt li fil-laqgħa tiegħu tal’ 15 Marzu 2010, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-persuna nnomitata mill-Kunsill għall-kariga ta’ membru tal-Qorti tal-Awdituri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0041/2010),
A. wara li kkunsidra li Augustyn Bronisław Kubik jissodisfa il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta għall-ħatra ta’ Augustyn Bronisław Kubik bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta’ verifika tal-Istati Membri.
ANNEss 1: CURRICULUM VITAE Ta’ Augustyn Bronisław Kubik
Dettalji personali:
Isem: Augustyn Bronisław Kubik
Edukazzjoni:
1972-1976 Skola sekondarja
1976-1980 Fakultà tal-Industrija tal-Akkademja tal-Ekonomija f’Katowice, fil-qasam soċjoekonomiku
1985-1986 Fakultà tal-Ħaddiema tal-Kulleġġ Tekniku tat-Tħaffir fil-Minjieri f’Rybnik, bi speċjalizzazzjoni fl-esplojtazzjoni ta’ taħt l-art tad-depożiti
2001-2002 Studji postlawrji dwar il-liġi fiskali fl-Unjoni Ewropea fl-Università Copernicus f’Toruń.
Esperjenza professjonali:
01.08.1980-27.12.1984 "Rydułtowy" Minjiera ta` Faħam Iebes f’Rydułtowy bħala relatur, superviżur u spettur għall-verifika kummerċjali
– Għarfien tal-Franċiż, kiseb Ċertifikat DELF fil-livelli I u II mogħtija mill-Ministeru Nazzjonali tal-Edukazzjoni tar-Repubblika ta’ Franza
– Għarfien tajjeb tal-Ingliż
– Għarfien bażiku tal-Ġermaniż
– Għarfien bażiku tar-Russu
2007 Studji fl-eżaminazzjoni ta’ rapporti finanzjarji fuq unitajiet baġitarji
2007 Tnedija ta’ applikazzjoni tal-verifika fl-NIK
2008 Eżaminazzjoni tal-verifika tal-NIK, kiseb it-titolu ta’ awditur intern liċenzjat
2008 Studji fl-“arti tal-preżentazzjoni”
2008 Proċedimenti ta’ vvettjar estiżi, filwaqt li kiseb approvazzjoni fil-livelli Klassifikati u Sigrieti tal-UE
Interessi: sports: għawm fis-sajf u skijar fix-xitwa.
ANNESS 2:TWEĠIBIET TA’ AUGUSTYN BRONISŁAW KUBIK GĦALL-MISTOQSIJIET
1. Jekkjogħġbok semmi l-aspetti ewlenin tal-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, fil-ġestjoni jew fil-verifika tal-ġestjoni.
L-esperjenza professjonali tiegħi kollha kemm hi kienet marbuta ma’ attivitajiet relatati mal-finanzi, speċjalment il-verifiki, il-ġestjoni ta’ korpi amministrattivi u l-finanzi tagħhom, l-awditjar intern ta’ istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi, il-verifika esterna u l-verifika tan-nefqa tal-Kummissjoni Ewropea f’fondi Komunitarji.
Bħala awditur intern u mbagħad bħala kontabilista prinċipali f’impriża tal-minjieri, jiena kont inkarigat mill-awditjar intern u l-ġestjoni finanzjarja ta’ din l-impriża kif ukoll mill-ġestjoni tal-verifika u tar-riżorsi umani fid-dipartiment tal-finanzi.
Fl-ambitu tal-kariga tiegħi bħala direttur tat-Teżor f’Katowice, jiena kont naqdi l-kariga ta’ superviżur u maniġer tal-personal tal-amministrazzjoni tat-taxxa tar-reġjun ta’ Silesia, u b’mod partikolari kont inkarigat li nissorvelja l-attivitajiet tal-awtoritajiet tat-taxxa – fosthom il-verifika tat-taxxa – kif ukoll li nimmaniġġja l-finanzi tas-servizzi fiskali kollha tal-provinċja (voivodeship).
Bħala spettur prinċipali tal-verifika interna, jiena kont inkarigat mill-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni u t-titjib tas-sistema tal-awditjar intern u tal-verifika fis-settur tal-finanzi pubbliċi kollu kemm hu.
Bħala konsulent presidenzjali fil-Kamra Suprema tal-Kontroll, dmiri kien li nanalizza u nirrevedi d-dokumenti ta’ kontroll ippreżentati mis-servIzzi ta’ sorveljanza ta’ din l-istituzzjoni.
Fil-kariga li għandi attwalment, jiena responsabbli mill-ġestjoni tas-servizz tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni, tas-servizz ekonomiku u finanzjarju tas-servizz ġuridiku, u b’mod partikolari jiena inkarigat mill-analiżi, l-implimentazzjoni u t-titjib tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, mill-verifika tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, mill-koperazzjoni mal-organi l-oħra ta’ sorveljanza, mill-kontroll tal- implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll mit-tranżazzjonijiet finanzjarji u kontabilistiċi relatati mar-riżorsi li jkunu ġejjin mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni, u mis-sorveljanza tal-proċess leġiżlattiv fl-ambitu tal-liġi Komunitarja u dik nazzjonali.
Fl-ambitu tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-karigi, jiena segwejt diversi korsijiet ta’ taħriġ u ħadt sehem f’diversi workshops, b’mod partikolari:
·Taħriġ fil-qasam tal-awditjar intern u tal-kontabilità tal-impriżi – rikonoxxut uffiċjalment permezz tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-awdituri,
·Taħriġ relatat mal-qasam tat-taxxa u mal-attivitajiet tal-korp konsultattiv tat-taxxa – rikonoxxut uffiċjalment permezz tal-iskrizzjoni f’reġistru ta’ konsulenti tat-taxxa,
·Studji post universitarji fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar it-taxxa – rikonoxxuti uffiċjalment permezz ta’ eżami u lawrja,
·Korsijiet ta’ taħriġ fil-qasam tal-awditjar intern – rikonoxxuti uffiċjalment pemezz tal-iskrizzjoni fil-lista’ tal-awdituri interni fis-settur tal-finanzi pubbliċi fil-Polonja u permezz tal-kwalifika bħala awditur intern liċenzjat,
·Kors dwar l-awditjar fil-Kamra Suprema tal-Kontroll – rikonoxxut uffiċjalment permezz ta’ eżami u permezz tal-ħatra fil-kariga ta’ konsulent presidenzjali fil-Kamra Suprema tal-Kontroll.
2.X’inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li għent biex jittieħdu fil-ħajja professjonali tiegħek?
a) Bħala Direttur tat-Teżor f’Katowice (voivodeshipta’ Silesia):
Fl-1999, saret riforma tal-organizzazzjoni amministrattiva tal-Polonja. Id-49 voivodeship l-antiki ġew trasformati f’16-il reġjun kbir. Għaldaqstant, in-numru ta’ uffiċċji tat-Teżor niżel minn 49 (wieħed f’kull voivodeship) għal 16 (wieħed f’kull reġjun). Ir-reġjun ta’ Silesia żviluppa mill-fużjoni ta’ tliet voivodeship: Katowice, Bielsko-Biała u Częstochowa. Bid-deċiżjoni ta’ Leszek Balcerowicz, dak iż-żmien Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, jiena ġejt inkarigat noħloq amministrazzjoni tat-taxxa unika fir-reġjun ta’ Silesia. Din l-amministrazzjoni, li tkopri 35 uffiċċju tat-Teżor, imqassmin fi tliet voivodeship antiki, kienet u għadha t-tieni l-akbar amministrazzjoni tat-taxxa fil-Polonja. Dawn il-korpi kollha kienu japplikaw proċeduri differenti bbażati fuq l-esperjenzi ta’ kull voivodeship. Madankollu, bħala Direttur tas-servizz il-ġdid tat-Teżor, jiena ddeċidejt li nagħmel proċeduri standard fis-servizzi tat-taxxa kollha, speċjalment fl-oqsma li ġejjin:
·reġistrazzjoni tat-taxxa,
·tnaqqis fiskali,
·investigazzjoni fiskali,
·infurzar ta’ ammonti dovuti.
Għal dan il-għan, kien meħtieġ li jitfasslu regoli adegwati, u li jiġu ttestjati u implimentati fil-korpi tat-taxxa.
Dan il-proċess wassal għal armonizzazzjoni u funzjonament aħjar ta’ dawn il-korpi fir-reġjun ta’ Silesia.
b) Bħala spettur prinċipali tal-verifika interna fil-Ministeru tal-Finanzi:
Wara sentejn iddedikati għall-implimentazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-verifika interna fil-qasam kollu tal-finanzi pubbliċi fil-Polonja, jiena ddeċidejt li nirrevedi d-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ verifika interna. Id-definizzjoni li kien hemm qabel kienet tiddeskrivi l-verifika interna bħala sett ta’ azzjonijiet li permezz tagħhom id-direttur ta’ istituzzjoni jikseb evalwazzjoni oġġettiva u indipendenti tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ din id-definizzjoni mid-diretturi tal-istituzzjonijiet kienet limitata wisq għaliex huma kienu jassoċjaw il-verifika interna unikament ma’ kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja jew mal-proċeduri kontabilistiċi. Madankollu, il-verifika interna hija maħsuba biex ittejjeb l-attivitajiet ta’ istituzzjoni b’mod globali, permezz ta’ evalwazzjoni sistematika u tisħiħ tal-effikaċja tal-ġestjoni tar-riskji, tal-kontroll u tal-proċeduri ta’ ġestjoni.
Jiena pproponejt, għalhekk, li d-definizzjoni l-antika tal-kunċett ta’ verifika interna tiġi sostitwita bit-test ta’ hawn taħt:
Il-verifika interna tikkonsisti, minn naħa, f’analiżi indipendenti tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ta’ istituzzjoni, speċjalment tal-proċeduri ta’ verifika, li permezz tagħha d-direttur tal-istituzzjoni kkonċernata jikseb evalwazzjoni oġġettiva u indipendenti tal-konformità, l-effiċjenza u l-effikaċja ta’ dawn is-sistemi, u min-naħa l-oħra, din il-verifika tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza maħsuba biex itejbu l-funzjonament tal-istituzzjoni.
Dan il-proċess wassal għal fehim aħjar tal-proċedura tal-verifika interna u għat-twessigħ tal-ambitu tagħha.
c) Bħala Sottosegretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali, li jservi bħalakorp ta’ ċertifikazzjoni:
Wara li assumejt il-kariga tiegħi, iddeċidejt li nirrevedi l-proċeduri li jintużaw fil-korp ta’ ċertifikazzjoni, u speċjalment il-prinċipji tal-verifika. Fl-ambitu tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, il-korp ta’ ċertifikazzjoni jevalwa l-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll ta’ programm operattiv, prinċipalment abbażi tar-riżultat globali tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u tal-verifika. Meta jkun hemm bżonn issir verifika ulterjuri dwar jekk humiex qed jiġu sodisfatti l-kriterji taċ-ċertifikazzjoni, il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun jista’ jagħmel dan il-kontroll bir-riżorsi tiegħu stess. Il-proċeduri interni tagħna ta’ ċertifikazzjoni ma kinux jipprevedu dispożizzjonijiet ċari rigward l-attivitajiet ta’ kontroll, u dan seta’ jwassal għal konflitt tal-kompetenzi tas-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet differenti. Għaldaqstant, jiena pproponejt li tiġi stabbilita gwida ċara bbażata fuq prinċipju simili għal dak ta’ verifika unika, liema prinċipju hu bbażat, f’konformità mal-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-Gwida bl-isem Guidance Note on the concept of reliance on the work of other auditors (Gwida dwar il-kunċett ta’ fiduċja fil-ħidma ta’ awdituri oħra) fuq koordinazzjoni u koperazzjoni adegwati bejn l-awtorità tal-verifika u l-organi l-oħra ta’ kontroll waqt il-fażi tal-ippjanar tal-kontroll u tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kontroll. Għal dan il-għan, jiena pproponejt ukoll li jiġu introdotti, fil-liġi dwar il-prinċipji tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp, dispożizzjonijiet għall-ħolqien ta’ Kumitat għall-Verifika li jkun inkarigat b’mod partikolari minn:
·skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn l-awtoritajiet tal-verifika, il-korpi ta’ ġestjoni, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni u l-istituzzjonijiet ta’ kontroll nazzjonali fl-ambitu tat-twettiq tal-kontrolli,
·l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ kontroll tal-korpi inkarigati mill-ġestjoni tal-programmi operattivi,
·it-tħejjija ta’ miżuri bl-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli,
·l-analiżi tar-rapporti tal-verifika relatati mal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-proċess wassal għal:
·armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll fil-korp ta’ ċertifikazzjoni,
·tnaqqis tar-riskju ta’ konflitti ta’ kompetenzi fil-qasam tal-kontroll,
·titjib fl-użu tar-riżorsi u fl-effikaċja tal-kontrolli.
3. It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu “kompletament indipendenti” fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tagħhom. Kieku inti, kif tapplika dan l-obbligu għad-dmirijiet prospettivi tiegħek?
Il-prinċipji ta’ indipendenza tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri huma regolati mill-Artikolu 286 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jipprovdi li:
- Il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu magħżula minn fost persuni li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti, fl-Istat rispettiv tagħhom, minn korpi esterni ta’ verifika jew li huma kkwalifikati b’mod speċjali għal din il-kariga. Għandhom joffru kull garanziji ta’indipendenza.
- Fil-qadi ta’ dawn id-doveri, il-membri tal-Qorti tal-Awdituri la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew korp ieħor. Għandhom jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-doveri tagħhom.
- Il-membri tal-Qorti tal-Awdituri ma jistgħux, matul iż-żmien tal-kariga tagħhom, jagħmlu xogħol ieħor, sew jekk bi ħlas sew jekk le.
Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba applikabbli għall-membri tal-Qorti tal-Awdituri jistipula li l-membri tal-Qorti għandhom iġibu ruħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jikkonċernawhom, kif ukoll mal-liġi li tirriżulta minnhom. L-interazzjoni tagħhom ma’ korpi jew ma’ gruppi ta’ interess għandha tkun f’konformità mal-indipendenza tagħhom.
Bl-għarfien sħiħ tal-kontenut tar-regolamenti msemmija hawn fuq, jiena nista’ niggarantixxi li fil-karigi professjonali tiegħi sal-lum, fl-ambitu tal-karigi li kelli fi ħdan l-awtoritajiet ta’ verifika interna, ta’ verifika esterna u ta’ awditjar, kienu jirrikjedu wkoll li tingħata garanzija ta’ indipendenza.
Għaldaqstant, kif dejjem għamilt s’issa, jiena nimpenja ruħi li nirrispetta, fl-ambitu tal-attivitajiet futuri tiegħi, il-prinċipji ta’ indipendenza msemmija hawn fuq, previsti bit-Trattat ta’ Lisbona u bil-Kodiċi ta’ Mġiba tal-Qorti tal-Awdituri, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-impenn tal-membri li la jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew korp ieħor.
Dan il-prinċipju ta’ indipendenza jippermettili naqdi d-doveri tiegħi bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri billi nibbaża ruħi fuq l-esperjenzi tiegħi u l-osservazzjonijiet tiegħi, indipendentement minn kwalunkwe influwenza jew konflitt ta’ interess.
4. Ġejt irrilaxxat mid-dmirijiet maniġerjali li kont twettaq preċedentement, jekk proċedura bħal din tapplika?
Sa issa, fil-karigi professjonali li kelli, ma kien hemm ebda rekwiżit ta’ rilaxx.
Madankollu nixtieq nenfasizza li ġie ppreżentat rapport fi tmiem kull waħda mill-karigi tiegħi, speċjalment:
·bħala sottosegretarju tal-Istat li jaħdem fil-korp ta’ ċertifikazzjoni, jiena nirrapporta lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rapporti tiegħi ġew approvati kollha kemm huma.
5.Għandek xi ishma tan-negozju jew ishma finanzjarji jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f’kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek? Preparat li tgħid bl-interessi finanzjarji tiegħek kollha u b’xi impenji oħra li jista’ jkollok lill-President tal-Qorti u li tagħmilhom pubbliċi? Kieku tkun involut f’xi proċeduri legali kurrenti, kieku tagħti dettalji?
Jiena la għandi ishma finanzjarji jew xi interess finanzjarju ieħor, u lanqas m’għandi xi impenn li jista’ jkun f’konflitt mal-kariga tiegħi bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.
Barra minn hekk, f’konformità mal-proċedura applikabbli fil-Polonja, jiena niddikjara u nawtorizza l-pubblikazzjoni tal-assi kollha tiegħi, u għalhekk jiena ppreparat li ngħidhom ukoll lill-President tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll li nawtorizza l-pubblikazzjoni tagħhom, f’konformità mal-proċedura prevista fil-Kodiċi ta’ Mġiba tal-Membri tal-Qorti.
Minbarra dan, jiena niddikjara li ma jiena involut f’ebda proċedura legali kurrenti.
6. Preparat li tirtira minn kull kariga li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b’responsabilitajiet f’partit politiku wara l-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti?
Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Polonja, jiena m’iniex awtorizzat, bħala uffiċjal, li nieħu sehem f’attivitajiet ta’ partit politiku. Għaldaqstant jiena qatt ma kelli, u m’għandix, kariga b’responsabilitajiet politiċi.
Barra minn hekk, f’każ ta’ ħatra bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, jiena lest li nirtira mill-kariga attwali tiegħi.
7.Kieku kif tittratta irregolarità kbira jew anki frodi u/jew każ ta’ korruzzjoni li jinvolvu atturi fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?
L-Artikolu 287 tat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedi li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tinġibed l-attenzjoni b’mod partikolari għal każijiet ta’ irregolarità.
Barra minn dan, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 97/2004 tal-Qorti tal-Awdituri, f’każ ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali preżunta jew ippruvata fl-ambitu ta’ proċedura tal-verifika, l-awditur għandu immedjatament jinforma lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).
F’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-mistoqsija, jiena kieku napplika l-prinċipji msemmija hawn fuq, indipendentement mill-post u mill-oriġini tal-persuni kkonċernati bil-każ ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra preżunta jew ippruvata.
Barra minn hekk, fl-ambitu tal-karigi li kelli s’issa, jiena dejjem applikajt id-dispożizzjonijiet li jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati f’każ ta’ frodi jew korruzzjoni preżunti jew ippruvati.
8. X’għandhom ikunu l-fatturi ewlenin ta’ kultura ta’ ġestjoni finanzjarja soda f’kull servizz pubbliku?
Il-fatturi ewlenin ta’ kultura ta’ ġestjoni finanzjarja soda ġew definiti fir-regolament finanzjarju u huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effikaċja, kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.
- Il-prinċipju ta’ ekonomija jistabbilixxi li l-mezzi implimentati għandhom ikunu disponibbli fiż-żmien adegwat, fil-kwantità u bil-kwalità adegwati u bl-aħjar prezz.
- Il-prinċipju ta’ effiċjenza għandu l-għan li jkun hemm l-aqwa rabta bejn il-mezzi implimentati u r-riżultati miksuba.
- Il-prinċipju ta’ effikaċja għandu l-għan li jintlaħqu l-objettivi speċifiċi stabbiliti u li jinkisbu r-riżultati previsti.
L-Artikolu 287 tat-Trattat ta’ Lisbona jistipula b’mod ċar li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba.
Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-kontroll tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Awdituri, bħala istituzzjoni Komunitarja, hija inkarigata li ttejjeb il-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni, filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-prinċipju ta’ responsabilità fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja.
Fl-ambitu tal-karigi tiegħi, bħala spettur prinċipali tal-verifika interna, bħala uffiċjal tal-Kamra Suprema tal-Kontroll u bħala rappreżentant tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, jiena dejjem applikajt il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ ġestjoni finanzjarja soda, billi dawn il-prinċipji huma inklużi:
·fid-definizzjoni tal-proċedura ta’ verifika interna, li tirrikjedi evalwazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ utilità u ta’ effikaċja,
·fid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-Kamra Suprema tal-Kontroll, li jipprevedu li l-kontrolli għandhom isiru abbażi tal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ utilità, ta’ fiduċja u ta’ legalità,
·fil-kriterji relatati man-nefqa bħala baġit Komunitarju u mal-verifika tagħha, liema kriterji jirrikjedu r-rispett tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda.
Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, jiena jidhirli li l-istituzzjonijiet pubbliċi kollha għandhom japplikaw dawn il-prinċipji.
Barra minn hekk, sabiex ikun hemm ġestjoni finanzjarja soda, għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji u l-kriterji bbażati fuq regoli ta’ applikazzjoni universali.
Fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu rrispettati r-regoli relatati mal-verifika tal-ġestjoni, li huma mqassma f’ħames kategoriji u li jikkorrispondu għall-karatteristiċi ta’ ġestjoni finanzjarja soda:
1.L-ambjent intern, speċjalment ir-rispett tal-valuri etiċi, il-kompetenzi professjonali, l-istruttura tal-organizzazzjoni u d-delega tas-setgħat.
2.Il-ġestjoni tar-riskji, speċjalment id-definizzjoni tal-missjonijiet, tal-objettivi u tal-kompiti kif ukoll l-evalwazzjoni tat-twettiq tagħhom.
3.Il-mekkaniżmi ta’ kontroll, speċjalment id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll, is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-kompiti għal ekonomija, effiċjenza u effikaċja fl-implimentazzjoni tagħhom, u l-kontinwità ta’ dawn l-attivitajiet.
4.L-informazzjoni u l-komunikazzjoni, speċjalment il-fluss ta’ informazzjoni fl-istituzzjoni u l-komunikazzjoni esterna.
5.Il-kontroll u l-evalwazzjoni, inklużi l-proċeduri ta’ verifika interna u verifika esterna.
9.Skont it-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċitar tas-setgħat tiegħu ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku kif tiddeskrivi d-dmirijiet tiegħek fir-rigward tar-rappurtaġġ lill-Parlament Ewropew u, b’mod partikolari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu?
L-Artikolu 287 tat-Trattat ta’ Lisbona jistipula li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet ta’ kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni. Hija għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ garanzija fir-rigward tal-affidabilità tal-kontijiet u għandha tgħinhom fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit.
Kif għedt fir-risposta tiegħi għall-mistoqsija 4, dejjem kien importanti għalija, fl-ambitu tal-karigi li kelli s’issa, li nistabbilixxi rapporti.
It-twettiq tal-kompiti futuri tiegħi f’dak li jirrigwarda t-tħejjija ta’ rapporti se jkun ibbażat fuq l-esperjenzi tiegħi u f’konformità mad-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema ta’notifika li l-Qorti tal-Awdituri hija marbuta magħhom u li jipprevedu dawn:
·rapporti annwali relatati mal-baġit ġenerali u mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li jieħdu l-forma ta’ dikjarazzjonijiet ta’ garanzija,
·rapporti annwali speċifiċi dwar il-kontabilità ta’ aġenziji u ta’ korpi Komunitarji,
·rapporti speċjali dwar ir-riżultati ta’ għadd ta’ verifiki tal-prestazzjoni u ta’ kontrolli ta’ konformità,
·opinjonijiet relatati mal-emendi jew l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi relatati mal-finanzi.
Ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri huma importanti ħafna għal ġestjoni finanzjarja soda u għall-effikaċja tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk li l-kwalità ta’ dawn ir-rapporti għandha tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea twettaq l-attivitajiet operattivi neċessarji, u lill-Parlament Ewropew sabiex jużahom fl-ambitu tal-proċedura tal-kwittanza tal-baġit.
Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, jiena ninsab konvint li huwa indispensabbli li nħejji rapporti u opinjonijiet, f’konformità mas-sistema ta’ notifika fis-seħħ. Sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-Parlament fl-eżekuzzjoni tal-missjoni tiegħu ta’ kontroll, dawn ir-rapporti u l-opinjonijiet għandhom ikunu:
·oġġettivi – maħsuba sew u mingħajr ebda tagħwiġ,
·ċari – li jinftehmu malajr u li jkunu loġiċi,
·konċiżi – mingħajr dettalji żejda,
·kostruttivi – sabiex jgħinu lill-persuni responsabbli mill-istituzzjoni li tkun qed tiġi kkontrollata jtejbu l-attivitajiet tagħhom,
·fil-ħin – ippreżentati fil-waqt u mingħajr dewmien,
·affidabbli – ibbażati fuq informazzjoni evidenzjata,
·kompluti – li jkun fihom l-informazzjoni kollha li titqies rilevanti.
Għandha wkoll tiġi prevista l-possibilità li jsiru kummenti dwar l-informazzjoni inkluża fir-rapporti jew li din l-informazzjoni tiġi ċċarata, b’mod partikolari jekk ir-riżultati tax-xogħol tal-Qorti tal-Awdituri jintużaw mill-Kummissjoni, mill-Parlament, mill-Kunsill jew mill-Istati Membri.
Għaldaqstant, jiena se nkun għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu, sabiex naqdi korrettament id-doveri tiegħi f’dak li jirrigwarda t-tħejjija ta’ rapporti adegwati.
10. X’taħseb li huwa l-valur miżjud tal-verifika ta’ prestazzjoni, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-ġestjoni?
L-Artikolu 287 tat-Trattat ta’ Lisbona jistipula li l-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura ġestjoni finanzjarja soda, li tinkludi l-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja.
Ġeneralment, il-valur miżjud tal-proċedura ta’ verifika huwa marbut mat-titjib ta’ attivitajiet li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ rapporti stabbiliti u mill-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet.
Min-naħa l-oħra, il-valur miżjud tal-kontrolli magħmula mill-Qorti tal-Awdituri huwa relatat mat-titjib effettiv fil-ġestjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea u mat-tisħiħ tar-responsabilità fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi Komunitarji.
Fost il-kontrolli magħmula mill-Qorti tal-Awdituri, hemm il-verifika tal-prestazzjoni, li tippermetti li jiġi vverifikat jekk hemmx ġestjoni finanzjarja tajba. Fi kliem ieħor, din il-verifika tippermetti li jiġi vverifikat jekk jintużax ammont minimu ta’ mezzi finanzjarji (ekonomija), jekk ir-riżultati jinkisbux bl-inqas riżorsi possibbli (effiċjenza) u jekk l-objettivi jkunux intlaħqu (effikaċja).
Għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament, ma għandhomx ikunu jafu biss jekk id-dħul tat-taxxa ntużax kif kien maħsub. Għandha wkoll tingħatalhom prova oġġettiva li l-ħtiġijiet tagħhom ġew ikkunsidrati b’mod effikaċi, fil-limiti ta’ dak li hu possibbli, u bl-użu ta’ ammont minimu ta’ mezzi, u li tħejjew rakkomandazzjonijiet bl-għan li jtejbu din l-effikaċja fil-futur.
Għaldaqstant, l-objettiv tal-Qorti tal-Awdituri u l-valur miżjud tal-verifika tal-prestazzjoni għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni oġġettiva u indipendenti kif ukoll rapporti li jispjegaw kif l-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu kkontrollati jużaw ir-riżorsi tal-Unjoni, fl-ambitu tal-attivitajiet tagħhom u waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effikaċja.
Madankollu, permezz tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tindika wkoll il-possibilitajiet ta’ titjib ta’ dawn l-attivitajiet, u għalhekk ta’ tisħiħ tal-valur miżjud fil-futur, speċjalment permezz ta’:
·ekonomiji finanzjarji, filwaqt li jiġu evitati spejjeż żejda,
·metodi ta’ ħidma aktar effikaċi,
·ilħiq aktar effikaċi tal-objettivi.
Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-verifika tal-prestazzjoni, sabiex ikollha valur miżjud, għandu jkollha dawn l-elementi: rapporti dokumentati dwar l-osservazzjonijiet magħmula kif ukoll rakkomandazzjonijiet realistiċi dwar il-possibilità ta’ titjib tal-funzjonament u tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex b’hekk tkun tista’ tissaħħaħ l-effikaċja tal-attivitajiet kif ukoll jittejbu l-użu u l-protezzjoni tal-flus tal-persuni li jħallsu t-taxxa.
Għaldaqstant il-konklużjonijiet tal-verifiki tal-prestazzjoni mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdturi u mill-ogħla istituzzjonijiet ta’ kontroll tal-Istati Membri għandhom, minn naħa, ikunu sors ewlieni ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabilità tal-persuni inkarigati minn missjonijiet pubbliċi, u min-naħa l-oħra, għandhom jistabbilixxu raġunijiet oġġettivi għall-modifika tal-politika jew tal-programm ikkontrollati f’kull fażi tat-twettiq tagħhom, sa mill-formulazzjoni tagħhom sal-effett tagħhom fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-fażi tal-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri.
Għalhekk ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-gruppi fil-mira adegwati, jiġifieri:
·lill-istituzzjonijiet ikkontrollati, biex jiġu implimentati u jipprovdulhom informazzjoni dwar il-miżuri adottati u l-effetti tagħhom,
·lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-istituzzjoni kkonċernrata, biex dawn eventwalment jintużaw għall-finijiet tal-attivitajiet operattivi u għall-miżuri ta’ sorveljanza,
·lill-Parlament, biex eventwalment jintużaw fl-ambitu tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni,
·lill-partijiet l-oħra kkonċernati, għal skopijiet ta’ informazzjoni, eventwalment għall-użu ta’ prattiki tajba jew għall-konsiderazzjoni tagħhom fl-ambitu tal-proċedura tal-evalwazzjoni tar-riskji.
Madankollu, sabiex jittejbu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rapporti u tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-verifika, u biex b’hekk jinkiseb il-valur miżjud previst, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu:
·miktuba b’mod ċar u konċiż – ikunu jistgħu jinftiehmu faċilment mill-gruppi fil-mira,
·kostruttivi – jipprovdu possibilitajiet ta’ titjib,
·indirizzati lill-entità adegwata u mħejjija f’waqthom – ikunu indirizzati lil istituzzjoni jew korp li jkun jista’ jikkunsidrahom,
·rilevanti – ibbażati fuq osservazzjonijiet ikkonfermati,
·affidabbli – ibbażati fuq informazzjoni evidenzjata.
Istituzzjoni sottomessa għal kontroll ulterjuri, f’konformità mal-proċedura tas-smigħ tal-partijiet, għandha tipparteċipa b’mod attiv fit-tħejjija ta’ klawsoli inklużi fid-dokumenti tal-verifika permezz tal-fakultà tagħha li tifformola riżervi relatati mal-klawsoli inklużi fil-protokoll tal-verifika kif ukoll mal-evalwazzjonijiet, il-kummenti jew il-konklużjonijiet magħmula fir-rapporti tal-verifika.
Barra minn hekk, partikolarment f’każ ta’ irregolarità li tiġi kkonfermata, l-istituzzjoni kkontrollata għandha tirrapporta dwar il-mod kif beħsiebha tuża l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-verifika, kif ukoll tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri adottati jew tagħti r-raġunijiet għalfejn tkun naqset milli tadottahom.
11. Kif tista’ titjieb il-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-Istituzzjonijiet ta’ Verifika Nazzjonali u l-Parlament Ewropew (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) fir-rigward tal-verifika tal-baġit tal-UE?
Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat ta’ Lisbona, jidher li l-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika u l-Parlament Ewropew hija importanti ħafna għax il-Qorti tal-Awdituri tivverifika l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu tal-Unjoni u ta’ kull organu jew korp maħluq minnha. Għaldaqstant il-kontrolli fl-Istati Membri jsiru flimkien mal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika. Il-Qorti tal-Awdituri u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom.
Waħda mill-kwalitajiet tal-Qorti tal-Awdituri, ikkonstatata fl-eżekuzzjoni tal-missjoni tagħha u fl-approċċ tagħha fl-ambitu tal-attivitajiet ta’ koperazzjoni tagħha, hija l-professjonalità tagħha, sa mill-parteċipazzjoni tagħha għall-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ kontroll applikati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja. L-istrateġija segwita mill-Qorti tal-Awdituri turi wkoll li hi tikkopera mal-ogħla istituzzjonijiet ta’ kontroll tal-Unjoni Ewropea u tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.
Jiena nemmen li l-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika u l-Parlament Ewropew hija essenzjali peress li l-korpi kollha ta’ kontroll m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet kollha. Din il-koperazzjoni għandha tirrispetta l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet kollha involuti u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi konkreti komuni mmirati biex jiżviluppaw il-metodi ta’ verifika, l-istandards internazzjonali ta’ kontroll u l-prattiki ta’ verifika.
F’dan ir-rigward, il-Kumitat ta’ Kuntatt, magħmul minn rappreżentanti tal-mexxejja tal-ogħla organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika u minn rappreżentanti tal-Qorti tal-Awdituri għandu, u għandu jibqa’ jkollu fil-ġejjieni, irwol ewlieni. Il-missjoni tiegħu tinkludi l-iskambju ta’ għarfien u esperjenzi relatati mal-kontroll tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea, l-istabbiliment u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ verifika fl-ambitu Komunitarju, id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-isfidi ġodda relatati mal-proċeduri ta’ verifika fl-Unjoni Ewropea u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-istituzzjonijiet li mhumiex parti mill-Kumitat ta’ Kuntatt.
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol tar-reviżjoni minn pari, li għandha l-għan issaħħaħ u tiżviluppa l-metodi ta’ organizzazzjoni, il-metodi u l-proċeduri ta’ kontroll, u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u ttejjeb l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ kontroll.
Il-koperazzjoni tista’ wkoll tissaħħaħ b’mod effikaċi bl-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-kunċett ta’ verifika waħda, ibbażat fuq l-użu ta’ xogħol magħmul minn awdituri oħra, f’konformità, b’mod partikolari, mal-istandards ġeneralment aċċettati u l-iskadenzi stabbiliti għan-notifika tal-verifiki konkluiż. Għalhekk huwa importanti li jiġu nkoraġġiti l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat ta’ Kuntatt, li l-kompitu tiegħu huwa li jiġu żviluppati standards komuni għall-kontroll u kriterji għall-kontroll simili u adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jippermetti lill-Qorti tal-Awdituri tistrieħ aktar fuq ix-xogħol magħmul mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika u għalhekk din tkun tista’ tipprovdi ammont akbar ta’ informazzjoni utli lill-Parlament.
Billi parti importanti tar-riżorsi Komunitarji hija allokata lill-Istati Membri u mbagħad tiġi ġestita u kkontrollata minnhom, huwa importanti wkoll li jsiru kontrolli komuni jew verifiki abbażi ta’ programmi ta’ qafas dwar kontrolli uniformi. L-informazzjoni żvelata minn kontrolli bħal dawn tista’ tkun utli ħafna għall-Parlament Ewropew fl-użu eventwali tiegħu ta’ dawn ir-rapporti li jkunu tħejjew.
Għalhekk, il-parlamenti nazzjonali għandhom jintalbu jeżaminaw aktar bir-reqqa l-kwistjoni tal-użu tar-riżorsi Komunitarji fil-pajjiż tagħhom u jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ verifika jwettqu verifiki f’dan il-qasam. Il-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu jkunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet tagħhom f’dan il-qasam, b’mod partikolari billi jorganizzaw skambju ta’ esperjenzi bejn il-kumitati parlamentari kompetenti u billi jxerrdu l-prattiki tajba.
Minn naħa, koperazzjoni bħal din tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tar-riżorsi Komunitarji u, min-naħa l-oħra, biex jiġu identifikati u solvuti l-problemi relatati mal-aspetti prattiċi u tekniċi tal-attivitajiet ta’ koperazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, jidher li huwa possibbli li tissaħħaħ u tittejjeb il-koperazzjoni billi:
·tintuża l-esperjenza kollha miksuba s’issa fl-ambitu tal-attivitajiet tal-Kumitat ta’ Kuntatt,
·jiġu applikati standards internazzjonali ta’ kontroll komuni,
·jitfasslu programmi ta’ kontroll, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ verifika esterna,
·jiġu definiti prinċipji komuni għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika biex jiżdiedu l-possibilitajiet li jintużaw ir-riżultati tax-xogħol tagħhom,
·il-parlamenti nazzjonali jiġu mħeġġa jippromwovu s-sorveljanza tal-użu tar-riżorsi Komunitarji,
·jiġu eżaminati l-konklużjonijiet tal-verifiki tal-Qorti tal-Awdituri u tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,
·jiġi żgurat li x-xogħol isir fil-ħin biex ikunu jistgħu jintużaw ir-riżultati tiegħu.
12.Li kieku l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx waħda favorevoli, tirtira l-kandidatura tiegħek?
Jiena nittama li l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħi tkun waħda favorevoli iżda fl-istess waqt għandi nżomm f’moħħi l-possibilità li ma tkunx.
Jiena enfasizzajt aktar kmieni l-importanza ta’ koperazzjoni tajba bejn il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri. Ċertament il-ħatra ta’ membru li dwaru tkun ingħatat opinjoni negativa ma tiffaċilitax din il-koperazzjoni.
Barra minn hekk, f’każ ta’ opinjoni negattiva, ikun tajjeb li l-gvern tar-Repubblika tal-Polonja jintalab jerġa’ jeżamina l-kandidatura tiegħi jew tiġi proposta dik ta’ persuna oħra.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
16.3.2010
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
22
0
2
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Jorgo Chatzimarkakis, Andrea Cozzolino, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Cătălin Sorin Ivan, Elisabeth Köstinger, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Christofer Fjellner, Edit Herczog, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Markus Pieper