– wara li kkunsidra l-Artkolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f'żoni bi żvantaġġi natural” (COM(2009)0161),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, maħruġa fis-17 ta’ Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0056/2010),
A. billi aktar minn nofs iż-żona agrikola utilizzata fl-UE (54%) hija kklassifikata maż-żoni żvantaġġati (LFAs),
B. billi kull Stat Membru jkun innomina żoni żvantaġġati, għalkemm fuq livelli differenti,
C. billi l-inħawi muntanjużi (inklużi r-reġjuni artiċi ’l fuq mit-62 parallel, li huma wkoll meqjusa bħala reġjuni muntanjużi) jammontaw għal madwar 16% taż-żona agrikola utilizzata, filwaqt li aktar minn 35% taż-żona agrikola utilizzata huwa kklassifikat bħala "reġjuni żvantaġġati intermedji",
D. billi dawn ir-"reġjuni żvantaġġati intermedji” huma kklassifikati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ għadd ta' kriterji differenti li, fil-fehma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri(1), jistgħu jwasslu għal trattament mhux ugwali,
E. billi hemm biss proporzjon żgħir tal-intrapriżi f'dawn iż-żoni li jirċievu ħlasijiet ta' kumpens u l-livell ta' dawn il-pagamenti jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri,(2)
F. billi għal żoni muntanjużi u żoni bi żvantaġġi speċifiċi, li huma definiti fl-Artikolu 50(2) u l-Artikolu 50(3)(b) rispettivament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), hemm kriterji ċari u mhux ikkontestati, b'mod li l-klassifikazzjoni ta' dawn iż-żoni la ġiet ikkritikata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lanqas ma hija affettwata mill-komunikazzjoni attwali tal-Kummissjoni,
G. billi s-sitwazzjoni partikulari fir-reġjuni l-aktar periferiċi teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ proċeduri speċifiċi biex tiġi indirizzata,
H. billi l-appoġġ għal żoni żvantaġġati huwa komponent essenzjali tal-hekk imsejjaħ tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, jiġifieri tal-politika tal-iżvilupp rurali, u għaldaqstant la l-għanijiet tal-politika reġjonali u lanqas il-kwistjoni tat-tqassim mill-ġdid tal-fondi tal-EAFRD ma għandhom ikunu fil-qalba tad-dibattitu,
I. billi, bħala riżultat tar-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għal żoni żvantaġġati u l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kategorija ta’ qabel ta’ " reġjuni żvantaġġati intermedji” tneħħiet u ż-żoni eliġibbli huma definiti bħala oqsma “milquta minn żvantaġġi naturali sinifikanti",
J. billi l-kriterji soċjo-ekonomiċi użati qabel ir-riforma tal-2005 minn xi Stati Membri ma jistgħux jibqgħu jintużaw bħala l-kriterji ewlenin biex jiddelimitaw żoni bi “żvantaġġi naturali”, iżda jistgħu jibqgħu jintużaw biex jiddefinixxu l-oqsma bi “żvantaġġi speċifiċi”, li huma appoġġjati skont l-Artikolu 50(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005,
K. billi, fil-formulazzjoni tal-programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri għandhom lok sinifikanti għall-manuvra sabiex jippreżentaw sett ibbilanċjat ta' miżuri adattati għas-sitwazzjoni reġjonali speċifika tagħhom, u billi huwa f'idejn l-Istati Membri biex jippreżentaw miżuri xierqa għaż-żoni żvantaġġati tagħhom fil-programmi tagħhom,
L. billi t-tmien kriterji bijofiżiċi proposti jistgħu ma jkunux biżżejjed, u l-valur ta’ limitu minimu propost ta' 66% taż-żona jista’ jinstab li ma jkunx adattat, għall-każijiet kollha biex jiddeterminaw l-iżvantaġġ attwali b’mod li jirrispetta d-diversità kbira taż-żoni rurali tal-UE; billi l-wiċċ tar-raba’ kkultivat, it-taħlita ta' tipi ta' ħamrija, il-kontenut ta’ ilma fil-ħamrija u l-klima huma, fost l-oħrajn, fatturi li huma wkoll relevanti sabiex jiġi ddeterminat l-iżvantaġġ attwali f’żona partikulari,
1. Jenfasizza l-importanza ta' ħlas ta' kumpens xieraq għaż-żoni żvantaġġati bħala għodda indispensabbli biex tiġi żgurata l-provvista ta’ prodotti pubbliċi ta’ kwalità għolja bħas-salvagwardja tal-ġestjoni tal-art u l-pajsaġġ ikkultivat f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza li ż-żoni żvantaġġati, b'mod partikolari, spiss għandhom valur għoli f'termini tal-pajsaġġ ikkultivat, tal-ħarsien tal-bijodiversità u tal-benefiċċji ambjentali, kif ukoll tal-impjieg rurali u tal-ħajja tal-komunitajiet rurali;
2. Jirrikonoxxi li minħabba l-pożizzjoni unika tagħhom, iż-żoni żvantaġġati għandhom rwol importanti fir-rigward ta’ benefiċċji ambjentali u fil-ħarsien tal-pajsaġġ, u jenfasizza li l-ħlasijiet fl-ambitu ta’ din il-miżura għandu jkollhom l-objettiv li jintlaħaq dan il-għan;
3. Jenfasizza li l-Artikolu 158 tat-TEC dwar il-politika ta’ koeżjoni, kif emendat mit-Trattat ta’ Lisbona, jagħti attenzjoni partikulari lir-reġjuni bi żvantaġġi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal strateġija komprensiva biex telimina d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-mod ta’ kif jieħdu ħsieb ta’ dawn iż-żoni, u biex tippromwovi strateġija integrata li tqis il-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali speċifiċi;
4. Jenfasizza li l-appoġġ għal żoni bi żvantaġġi naturali huwa mmirat b'mod partikolari biex jiggarantixxi li forma effiċjenti u multifunzjonali tal-agrikultura tiġi ppreservata b’mod wiesa’ u permanenti, u b’hekk il-kampanja titħares bħala żona ekonomika vitali u post fejn wieħed jista’ jgħix;
5. Jenfasizza l-bżonn li dawn iż-żoni żvantaġġati jiġu kkoltivati mhux biss bil-għan li jipproduċu l-ikel nutrittiv, iżda wkoll bħala kontribut għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali, għal livell imtejjeb ta’ għajxien u għall-istabilità demografika u soċjali f’dawn iż-żoni;
6. F’dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ukoll l-implikazzjonijiet soċjali tal-klassifikazzjoni l-ġdida għal żoni bi żvantaġġi naturali;
7. Jirrimarka li, b'kuntrast mal-miżuri agro-ambjentali, il-pagamenti ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati ma għandhomx ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi addizzjonali rigward il-metodu tal-koltivazzjoni tal-art; ifakkar li l-iskema taż-żoni l-aktar żvantaġġati għandha bi prinċipju toffri kumpens lill-bdiewa li jridu wkoll jimmaniġġjaw l-art u li jaħmdu bi żvantaġġi naturali sinifikanti li għalihom is-suq ma jikkumpensax;
8. Jenfasizza, madankollu, li l-ħlasijiet għaż-żoni l-anqas żvantaġġati jridu jkunu marbuta mat-tħaddim attiv tal-art, jiġifieri l-produzzjoni tal-ikel jew attivitajiet relatati mill-qrib mal-produzzjoni tal-ikel;
9. Huwa tal-fehma li t-tmien kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni jistgħu, bi prinċipju, ikunu adattati biex jiddelimitaw żoni bi żvantaġġi naturali; jenfasizza, madankollu, li l-kriterji ma jistgħux jintużaw fil-każijiet kollha sabiex, b’mod oġġettiv, jiġu ddelimitati ż-żoni bi żvantaġġi naturali;
10. Jirrikonoxxi, madankollu, li kriterji stretti u purament bijofiżiċi jistgħu ma jkunux adattati għaż-żoni kollha tal-Ewropa, u jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux mixtieqa f’termini taż-żoni li jikkwalifikaw; għaldaqstant jirrakkomanda li jiġu studjati mill-ġdid, fuq bażi purament oġġettiva, il-kriterji soċjoekonomiċi bħall-bogħod mis-swieq, in-nuqqas ta’ servizzi u d-depopolazzjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis il-pożizzjonijiet kollha espressi waqt il-konsultazzjoni mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-organizzazzjonijiet tal-biedja, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ żoni bi żvantaġġi naturali;
12. B’mod partikulari, it-tidħil ta’ kriterju ġeografiku definit bħala ‘iżolament’ jindirizza l-iżvantaġġ naturali speċifiku li jirriżulta mid-distanza mis-swieq, mill-bogħod, u mill-aċċess limitat għas-servizzi;
13. Iqis li jinħtieġ li tiġi rriveduta d-definizzjoni tal-kriterju tal-‘kontenut ta’ ilma fil-ħamrija’ sabiex jitqiesu l-kundizzjonijiet agroklimatiċi differenti li hemm fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni;
14. Sabiex jiġu rikonoxxuti l-limitazzjonijiet tat-tipi ta’ ħamrija mxarrba u li ma jinħadmux, l-inklużjoni ta’ kriterju ta’ ‘jiem ta’ kapaċità tal-art’ tippermetti li titqies l-interazzjoni bejn it-tipi ta’ ħamrija u l-klima (pereżempju biex jiġu riflessi b’mod adegwat id-diffikultajiet tal-klima marittima);
15. Jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tkompli bl-isforzi tagħha ta’ riċerka u ta’ analiżi bil-ħsieb li potenzjalment iddaħħal aktar kriterji fl-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għaż-żoni l-aktar żvantaġġati sabiex tadatta aktar il-proposti tagħha għad-diffikultajiet prattiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa u tfassal sett ta’ kriterji b’saħħithom li jibqgħu utli għal żmien fit-tul;
16. Jenfasizza, madankollu, li sabiex japplikaw dawn il-kriterji u jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu minimu realistiċi fil-prattika, jeħtieġ li d-data bijofiżika meħtieġa tkun disponibbli għall-Istati Membri u għar-reġjuni bi grad suffiċjenti ta' preċiżjoni fir-rigward tal-ambjent naturali; jappoġġja, għalhekk, l-ittestjar tal-applikazzjoni prattika tal-kriterji proposti introdotti mill-Kummissjoni; jitlob li l-mapep dettaljati li għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri jintużaw, jekk ikun meħtieġ, biex jadattaw il-valuri limitu tal-kriterji, filwaqt li jiddefinixxu ż-żoni bi żvantaġġi naturali, u l-valur ta’ limitu minimu propost ta' 66% fil-livell nazzjonali u reġjonali (għar-realtajiet f'termini tal-ambjent naturali);
17. Jenfasizza, b’mod partikulari, li sabiex jiġu indirizzati b’mod prattiku l-interazzjonijiet bejn il-ħafna fatturi influwenti, jista’ jkun neċessarju l-użu kumulattiv tal-kriterji adottati; li jkun jista’ jippermetti ’l dawk iż-żoni żvantaġġati li jakkumulaw żewġ żvantaġġi naturali ta’ daqs żgħir jew medju, li jiġu klassifikati bħala żoni l-aktar żvantaġġati wkoll meta l-kriterji individwali ma jikkwalifikawhomx għal dik il-klassifikazzjoni;
18. Jenfasizza li l-opinjoni finali dwar l-unità bażika magħżula għat-territorju, il-kriterji u l-valuri ta' limitu minimu proposti mill-Kummissjoni tista' tingħata biss meta jkunu disponibbli l-mapep dettaljati mfassla mill-Istati Membri; jisħaq li, fin-nuqqas ta’ riżultati ta’ simulazzjoni ta’ dan it-tip, il-livell minimu ta’ 66% propost kif ukoll il-livelli minimi li jiddefinixxu l-kriterji nfushom għandhom jitqiesu b’attenzjoni konsiderevoli u jistgħu jiġu biss adattati b’mod oġġettiv u adegwat ladarba jkunu disponibbli l-mapep nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex teżamina fil-pront ir-riżultati tas-simulazzjoni u, abbażi ta’ dan, tfassal mingħajr dewmien komunikazzjoni ddettaljata dwar id-delimitazzjoni taż-żoni bi żvantaġġi naturali;
19. Jenfasizza li meta titfassal il-mappa finali taż-żoni żvantaġġati intermedji, il-kriterji nazzjonali oġġettivi għandhom jitqiesu wkoll sabiex ikun jista’ jsir adattament tad-definizzjoni taż-żoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi differenti f’kull pajjiż; iqis li dan l-adattament għandu jitwettaq b’mod trasparenti;
20. Iqis li l-irfinar volontarju u nazzjonali tal-kriterji għall-appoġġ għal żoni bi żvantaġġi naturali huwa meħtieġ sabiex ikun hemm il-possibilità ta’ rispons xieraq għal sitwazzjonijiet ġeografiċi partikolari fejn l-iżvantaġġi naturali ġew ikkumpensati permezz ta’ intervent uman; jenfasizza, madankollu, li fejn il-kwalità tal-art tkun tjiebet, il-piż tal-ispejjeż għoljin ta’ investiment u l-ispejjeż rikorrenti u assoċjati ta’ manteniment, bħall-iskular tal-ilma u t-tisqija, iridu jitqiesu wkoll; jipproponi li d-data dwar il-farms (pereżempju d-dħul u l-produttività tal-art) tintuża fost l-oħrajn għal dan il-għan; jenfasizza, madankollu, li d-deċiżjoni dwar il-kriterji li għandhom jintużaw għall-irfinar għandha tkun tal-Istati Membri, minħabba li ħafna Stati Membri diġà żviluppaw sistema adegwata u adatta ta’ differenzjazzjoni li għandha tinżamm;
21. Iqis li l-kriterji ġodda jistgħu jeskludu ċerti żoni bi żvantaġġi naturali li huma attwalment eliġibbli; jinnota li fażi xierqa ta’ phasing-out għandha tkun definita, sabiex tippermetti lir-reġjuni kkonċernati jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida;
22. Jenfasizza li ż-żoni li għelbu l-iżvantaġġi naturali tal-art permezz ta’ tekniki tal-biedja m’għandhomx jitneħħew b’mod definittiv, speċjalment jekk għad għandhom dħul agrikolu baxx jew ftit li xejn alternattivi ta’ produzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm tranżizzjoni mingħajr problemi għal dawk iż-żoni;
23. Jitlob li l-proċeduri tekniċi maħsuba biex jikkumpensaw għal żvantaġġi naturali mhux biss iqisu l-vantaġġi fuq perjodu ta' żmien qasir iżda li jkunu suġġetti wkoll għal Evalwazzjoni ta' Impatt Sostenibbli;
24. Jenfasizza r-responsabilità tal-Istati Membri rigward l-għażla oġġettiva taż-żoni bi żvantaġġi naturali u t-tfassil ta' programmi bbilanċjati għall-iżvilupp rurali; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sħubija mal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dan il-proċess; jenfasizza fl-istess waqt il-ħtieġa tan-notifika u l-approvazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali jew reġjonali mill-Kummissjoni;
25. Jenfasizza li r-riforma li tikkonċerna ż-żoni bi żvantaġġi naturali tagħmel parti essenzjali mill-iżvilupp fil-ġejjieni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea;
26. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fi żmien sena, tfassal test leġiżlattiv separat dwar il-biedja f’żoni bi żvantaġġi naturali;
27. Jappella biex ir-reviżjoni tal-iskema tal-LFAs titwettaq flimkien mad-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza fit-tfassil tas-sistemi ġodda ta’ appoġġ għall-bdiewa, speċjalment fir-rigward tas-sistema l-ġdida ta’ Pagament Uniku għall-Farms;
28. Huwa konxju tal-implikazzjonijiet li l-eżerċizzju biex jiddefinixxi mill-ġdid iż-żoni żvantaġġati intermedji jista’ jkollu għat-tfassil fil-ġejjieni tal-għajnuna tal-PAK; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-pożizzjonijiet kollha espressi waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-komunitajiet tal-biedja kkonċernati;
29. Jitlob għall-ħarsien tal-baġit Ewropew għall-iżvilupp rurali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw il-possibilitajiet kollha ta’ kofinanzjament għall-LFAs, bħala waħda mill-iskemi ta’ żvilupp rurali l-aktar effettivi u importanti;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
L-appoġġ għal żoni rurali huwa element essenzjali tal-hekk imsejjaħ tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, il-politika tal-iżvilupp rurali. Aktar min-nofs iż-żona agrikola utilizzata ġiet ikklassifikata mill-Istati Membri fost iż-żoni żvantaġġati. Iż-żoni muntanjużi (inklużi r-reġjuni artiċi fit-tramuntana tat-62 parallel li huma wkoll meqjusa bħala żoni muntanjużi minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi tagħhom) jammontaw għal madwar 16% taż-żona. L-akbar sehem, madankollu, jiġifieri 35%, huwa tar-reġjuni bi żvantaġġi oħra, il-parti l-kbira naturali.
Din id-distinzjoni hija bbażata fuq dispożizzjonijiet ta’ qafas leġiżlattiv: ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) jippermetti lill-Istati Membri, taħt l-assi 2 (it-titjib tal-ambjent u tal-kampanja), biex jagħmlu "pagamenti għal żoni muntanjużi li jbatu minn żvantaġġi naturali u pagamenti għal żoni oħra bi żvantaġġi”. Dawn għandhom "jikkontribwixxu, permezz tal-użu kontinwu tal-art agrikola, għaż-żamma tal-kampanja kif ukoll għaż-żamma u l-promozzjoni ta' sistemi ta' biedja sostenibbli ".
L-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistipula “miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli ta’ art agrikola”, b’mod partikulari:
"i) ħlasijiet ta’ kumpens għall-iżvantaġġi naturali lill-bdiewa fiż-żoni tal-muntanji,
L-Artikolu 37 jispeċifika li “l-pagamenti għandhom jikkumpensaw għal spejjeż addizzjonali u dħul mitluf tal-bdiewa relatati mal-iżvantaġġ għall-produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata.” Il-pagamenti huma marbuta ma’ impenn min-naħa tal-bdiewa “li jsegwu l-attività tal-biedja ... mill-anqas għal ħames snin.”
L-Artikolu 50 tar-Regolament jiddefinixxi b'iktar dettall il-kriterji għaż-żoni eliġibbli. Iż-żoni muntanjużi huma karatterizzati minn “imitazzjonijiet konsiderevoli tal-possibbiltà fl-użu tal-art u żieda apprezzabbli fl-ispejjeż biex tinħadem” minħabba:
a) staġun tat-tkabbir qasir minħabba l-għoli
b) għoljiet weqfin fiż-żona kkonċernata
c) qagħda ġeografika ’il fuq mit-62 parallel
Skont l-Artikolu 50(3), żoni oħra żvantaġġati għandhom ikunu
a) affettwati minn żvantaġġi naturali sinifikanti, notevolment produttività baxxa tal-ħamrija jew kondizzjonijiet batuti ta' klima u fejn iż-żamma ta' attività estensiva ta' biedja hija importanti għall-ġestjoni ta' l-art, jew
b) żoni anqas favoriti jistgħu jinkludu żoni oħra affetwati bi xkiel speċifiku, li bih il-biedja għandha tkompli sseħħ, meta meħtieġ u suġġetta għal ċerti kondizzjonijiet, sabiex ikun ikkonservat jew imtejjeb l-ambjent, il-manteniment tal-kampanja u l-preservazzjoni tal-potenzjal turistiku taż-żona jew sabiex ikun protett xatt il-baħar.
Bħala riżultat tar-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għal żoni żvantaġġati u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-LFAs intermedji ta' qabel ikkritikati mill-Qorti tal-Awdituri ġew aboliti. Il-kriterji soċjo-ekonomiċi li ntużaw qabel ir-riforma tal-2005 minn xi Stati Membri ma jistgħux jibqgħu jintużaw biex jiddelimitaw żoni bi żvantaġġi naturali, iżda jistgħu jkomplu jintużaw biex jinnominaw żoni bi "żvantaġġi speċifiċi ".
Fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament il-Kunsill ma setax jaqbel dwar l-istipular ta' kriterji aktar preċiżi għall-"iżvantaġġi naturali" u ta lill-Kummissjoni l-kompitu li tfassal proposta għal sistema futura għad-definizzjoni ta’ żoni eliġibbli.
Il-proposta tal-Kummissjoni preżenti għalhekk tikkonċerna biss iż-żoni l-oħra bi żvantaġġi naturali skond l-Artikolu 50(3)(a). Iż-żoni muntanjużi u l-gżejjer, għalhekk, mhumiex is-suġġett tad-diskussjoni.
2. Rapport Speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Fl-2003 l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat rapport speċjali dwar l-appoġġ għal żoni żvantaġġati. Il-Qorti stabbiliet, fost oħrajn, li "LFAs intermedji" huma klassifikati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' għadd kbir ta' kriterji differenti u kkritikat il-fatt li dawn id-differenzi fl-identifikazzjoni ta' żoni eliġibbli jistgħu jwasslu għal differenzi fit-trattament.
Barra minn hekk il-Qorti tal-Awdituri kkritikat il-fatt li huwa biss proporzjon żgħir tal-intrapriżi agrikoli f'dawn iż-żoni li jirċievu ħlasijiet ta' kumpens u li l-livell ta' dawn il-pagamenti jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri (minn 16 EUR/ettaru fi Spanja sa 250 EUR/ettaru f'Malta). Il-Qorti għaldaqstant rat ir-riskju ta' "kumpens żejjed" u talbet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sett aktar xieraq ta' indikaturi għall-identifikazzjoni tal-LFAs li jkun konsistenti u jiggarantixxi t-trattament ekwu tal-benefiċjarji.
3. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
Bħala riżultat tar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u r-reviżjoni tar-regolament dwar l-iżvilupp rurali fl-2005, il-Kummissjoni wettqet numru kbir ta' attivitajiet biex tevalwa l-kriterji ta' delimitazzjoni użati sal-lum u biex tiddefinixxi b'aktar dettall iż-żoni bi żvantaġġi naturali.
Wieħed malajr seta’ jara l-ħtieġa ta' kooperazzjoni teknika fid-dettall mal-Istati Membri sabiex jiġu identifikati kriterji ta' delimitazzjoni oġġettivi u fuq bażi xjentifika.
Bħala l-ewwel pass, id-dipartimenti tal-Kummissjoni nkarigaw liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) biex jasal għal ġabra ta' kriterji komuni dwar il-ħamrija u l-klima li tkun tista' ssostni delimitazzjoni ġdida tal-LFAs intermedji. Sabiex jitwettaq dan l-inkarigu, twaqqaf bord ta' esperti ta' livell għoli dwar l-evalwazzjoni tal-ħamrija, il-klima u l-art, u ħidmietu kienet ikkoordinata miċ-ĊKR.
Il-bord ta' esperti identifika tmien kriterji tal-ħamrija u l-klima li jindikaw, f'ċertu valur ta' limitu, limitazzjonijiet severi għall-agrikoltura Ewropea. Kriterji tal-klima (temperatura baxxa fuq tul ta’ żmien jew stress ikkawżat mis-sħana), il-kriterji tal-ħamrija (ħamrija li żżomm l-ilma; ħamrija ġeblija, ramlija jew bit-tafal; ħamrija fejn l-għeruq ma jinżlux fil-fond; ħamrija mielħa) u żoni b’bilanċ żvantaġġat ħafna rigward l-umdità jew għoljiet weqfin.
(Deskrizzjoni aktar dettaljata tat-tmien kriterji bijofiżiċi tinstab fl-anness għall-komunikazzjoni(1)).
Żona hija meqjusa affettwata minn żvantaġġi naturali sinifikanti jekk parti kbira taż-żona agrikola utilizzata tagħha (mill-inqas 66%) tissodisfa mill-inqas wieħed mill-kriterji fi ħdan il-limitu minimu indikat. Il-kriterji bijofiżiċi għalhekk mhumiex kumulattivi taħt din il-proposta Kwalunkwe indikatur jista' jirriżulta fil-klassifikazzjoni sakemm il-karatteristiċi relatati ma' tali kriterju jkunu osservati u mkejla kif xieraq fiż-żona, skont il-valur ta' limitu minimu assoċjat.
Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jissimulaw l-applikazzjoni tal-kriterji bijofiżiċi fit-territorju tagħhom u biex ifasslu mapep dettaljati taż-żoni eliġibbli li jirriżultaw minn dawn il-simulazzjonijiet.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-irfinar li jeskludi żoni fejn l-iżvantaġġi naturali diġà ngħelbu (eż. art niexfa imma imsaqqija).
Oriġinarjament l-Istati Membri kellhom jikkonkludu dan it-tfassil tal-mapep fi żmien sitt xhur (jiġifieri sal-aħħar ta' Ottubru 2009). Fid-dawl tal-kumplessità tas-simulazzjoni, madankollu, bosta Stati Membri diġà ħabbru li jeħtieġu aktar żmien u talbu biex id-data ta’ skadenza tiġi estiża.
4. Pożizzjoni tar-rapporteur
Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-proċess mibdi fl-2005 biex jiġu eżaminati l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' żoni żvantaġġati, b'mod partikolari l-proċess ta' konsultazzjoni mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, tmexxa fi spirtu bid-disponibilità li jilqa’ varji esperjenzi u bl-involviment ta' esperti mill-Istati Membri, b'suċċess u b'mod li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni.
Ir-riżultat ta' dan il-proċess ta' konsultazzjoni essenzjalment jinkludi tmien kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni għad-delimitazzjoni ta’ żoni bi żvantaġġi naturali.
Għalkemm dawn il-kriterji jistgħu, mal-ewwel daqqa t’għajn, ikunu assolutament adattati għad-delimitazzjoni ta’ żoni bi żvantaġġi naturali, ir-rapporteur iqis li huwa essenzjali li dawn jiġu ttestjati fil-prattika mill-Istati Membri. Għadu mhux ċert jekk id-data bijofiżika meħtieġa hijiex disponibbli għall-Istati Membri bi grad suffiċjenti ta' preċiżjoni fir-rigward tal-ambjent naturali. Għalhekk huwa ta' importanza kruċjali għal kwalunkwe użu futur tat-tmien parametri bijofiżiċi li huma jgħaddu mit-test tal-applikazzjoni fil-prattika, jiġifieri t-tfassil tal-mapep, fl-Istati Membri. Fil-mument meta ġie abbozzat dan ir-rapport kienu għadhom tressqu biss għadd żgħir ta’ tweġibiet mill-Istati Membri. Il-maġġoranza tal-Istati Membri talbu aktar żmien biex ifasslu l-mapep, u l-Kummissjoni rrevediet il-kalendarju propost.
Ir-rapporteur għaldaqstant jirriserva d-dritt li jagħmel kummenti addizzjonali fi stadju aktar tard fil-proċedura parlamentari sabiex jinkorpora r-riżultati tat-tfassil tal-mapep fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.
Għandha tingħata attenzjoni partikolari f'dan il-rigward għall-kwistjoni dwar jekk il-proposta arbitrarja ta' limitu minimu ta’ 66% taż-żona kkonċernata għandux jiġi rivedut 'l isfel wara t-test tal-applikazzjoni prattika fl-Istati Membri, sabiex jirrifletti r-realtà f'termini tal-ambjent naturali fiż-żoni kkonċernati.
Jekk ikun meħtieġ għandha tiġi prevista wkoll l-akkumulazzjoni ta’ kriterji kumplimentarji varji, b'applikazzjoni ta' valur ta' limitu minimu aktar baxx għall-kriterji individwali.
Diġà huwa ċar, madankollu, li l-irfinar tal-kriterji għall-appoġġ għal żoni bi żvantaġġi naturali għandu jsir sabiex dawn jirriflettu b'mod korrett l-iżvantaġġi attwalment eżistenti. Per eżempju, huwa evidenti li ċerti uċuħ bħad-dwieli jew iż-żebbuġ jistgħu jiksbu riżultati tajbin u profittabbli fuq art li hija inqas vantaġġata rigward il-biedja tal-ħart. L-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li twettaq l-irfinar, inkluż l-użu tad-data tal-biedja (pereżempju d-dħul tal-impriża).
B'mod ġenerali, ir-rapporteur huwa ħerqan li jsir dibattitu li ma jkunx ikkaratterizzat mill-interessi reġjonali jew nazzjonali fit-tqassim mill-ġdid tal-fondi tal-EAFRD, li mhijiex il-kwistjoni hawnhekk. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw approċċ pragmatiku fi ħdan qafas Komunitarju, li jippermettilhom li japplikaw il-kriterji bijofiżiċi oġġettivi filwaqt li jqisu l-kondizzjonijiet naturali tagħhom skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. B'dan il-mod għandhom ikunu kapaċi jissodisfaw ir-responsabilità tagħhom li oġġettivament jinnominaw żoni bi żvantaġġi naturali u b'hekk jinkiseb il-bilanċ fil-programmi reġjonali jew nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp rurali. L-approvazzjoni ta' dawn il-programmi mill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas tal-Komunità jiġi ppreservat.
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija globali għal żoni żvantaġġati adattata għall-ħtiġijiet lokali sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet eżistenti bejn l-Istati Membri rigward l-appoġġ mogħti lil dawn iż-żoni, u biex tistabbilixxi definizzjoni speċifika ta' żoni bi żvantaġġi naturali, b'mod partikolari fir-rigward tal-perjodi tranżitorji; jirrakkomanda li l-bdiewa f'żoni żvantaġġati jkunu mħeġġa biex iwaqqfu assoċjazzjonijiet bil-ħsieb li jiksbu finanzjament adegwat biex jaħdmu l-art tagħhom u jtejbu l-produzzjoni agrikola;
2. Iqis li l-Istati Membri għandhom jitħallew iqisu l-kriterji mhux biss bijofiżiċi iżda wkoll xi kriterji soċjo-ekonomiċi fl-irfinar li l-Istati Membri għandhom jagħmlu biex jippreparaw il-mappa ta' żoni bi żvantaġġi naturali, u biex iqisu l-kriterju tad-depopolazzjoni, minħabba li t-tnaqqis fil-popolazzjoni jaggrava l-iżvantaġġi naturali ta' żoni agrikoli u jżid id-diffikultajiet agronomiċi ta' dawn ir-reġjuni;jappoġġja wkoll l-inklużjoni tal-insularità fost il-kriterji nazzjonali għal żoni bi żvantaġġi naturali;
3. Huwa tal-fehma li ż-żoni li fihom it-tmien kriterji bijofiżiċi ma jkunux issodisfati, iżda li fihom il-kriterji kollha, għalkemm eżatt taħt il-limitu, meta meqjusa flimkien jikkostitwixxu żvantaġġ sostanzjali, għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti bħala żoni bi żvantaġġi naturali;
4. Isostni li l-immappjar taż-żoni bi żvantaġġi naturali jista' jsir fuq il-bażi ta' tmien kriterji bijofiżiċi stabbiliti mill-Komunità, flimkien ma' għadd ta' kriterji nazzjonali oġġettivi, li jippermettu li titqies is-sitwazzjoni f'kull pajjiż fil-livell nazzjonali u reġjonali;
5. Huwa tal-fehma li l-iskema l-ġdida tista' twassal għal trasferiment ta' għajnuna minn xi żoni għal oħra, b'rabta mal-ħtiġijiet lokali tagħhom;jitlob, għalhekk, li għal dawk iż-żoni li bħala konsegwenza tar-Regolament il-ġdid, jitilfu l-istatus ta' "żona bi żvantaġġi naturali" jew li fihom isseħħ bidla sproporzjonata, jingħataw perjodu tranżitorju suffiċjenti biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida;iqis li, matul dan il-perjodu, il-kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu ttestjati biex tkun ivverifikata r-rilevanza tagħhom vis-à-vis l-ekosistemi u l-klimi differenti tal-Unjoni Ewropea;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis, fid-definizzjoni ta' żoni bi żvantaġġi naturali, il-pożizzjonijiet kollha espressi waqt il-konsultazzjoni pubblika mill-Istati, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll mill-gruppi agrikoli konċernati;
7. Huwa tal-fehma li, meta titfassal il-mappa ta' żoni bi żvantaġġi naturali, għandhom jitqiesu kriterji nazzjonali oġġettivi li jippermettu li tkun adattata d-definizzjoni taż-żoni għas-sitwazzjoni nazzjonali u reġjonali f'kull pajjiż fi ħdan il-qafas ġenerali ta' strateġija globali tal-Kummissjoni Ewropea, b'kollegament mill-qrib mal-programmi lokali tal-iżvilupp rurali;
8. Jitlob li meta jsir l-irfinar taż-żoni, dawk iż-żoni li għelbu l-iżvantaġġi naturali tal-art permezz ta' tekniki tal-biedja, b'mod partikolari dawk bi dħul agrikolu baxx jew bi ftit forom alternattivi ta' produzzjoni, jitneħħew biss fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq perjodu ta' żmien twil;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi wkoll reviżjoni tal-iskema maħsuba għal reġjuni li jiffaċċjaw problemi speċifiċi, ladarba d-definizzjoni attwali tonqos milli tqis ċerti żvantaġġi naturali li jaffettwaw l-attività agrikola, bħall-insularità jew kemm qiegħdin 'il bogħod ċerti żoni tal-Unjoni Ewropea;
10. Jitlob li l-proċeduri tekniċi maħsuba biex jikkumpensaw għal żvantaġġi naturali mhux biss iqisu l-vantaġġi fuq perjodu ta' żmien qasir iżda li jkunu suġġetti wkoll għal Evalwazzjoni ta' Impatt Sostenibbli;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki varji tal-Komunità, b'mod partikolari l-politika agrikola komuni u l-politiki ta' koeżjoni, sabiex jitqarrbu aktar lejn xulxin u jaslu għall-iżvilupp iktar armonjuż taż-żoni żvantaġġati.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
22.2.2010
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
39
0
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Zuzana Brzobohatá, Alain Cadec, Ricardo Cortés Lastra, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Iosif Matula, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Viktor Uspaskich, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Vasilica Viorica Dăncilă, Karin Kadenbach, Heide Rühle, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Richard Seeber, Peter Simon, László Surján, Evžen Tošenovský, Sabine Verheyen
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
16.3.2010
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
38
0
2
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Giovanni La Via, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Luís Paulo Alves, Spyros Danellis, Jean-Paul Gauzès, Astrid Lulling, Véronique Mathieu, Jacek Włosowicz