Proċedura : 2009/0118(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0061/2010

Testi mressqa :

A7-0061/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     *
PDF 300kWORD 368k
25 ta' Marzu 2010
PE v02-00 A7-0061/2010

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni)

(COM(2009)0427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: José Manuel García-Margallo y Marfil

(Riformulazzjoni – Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura)

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
 ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZ LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni)

(COM(2009)0427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni - riformulazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0427),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0165/2009),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bit-titolu "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)0665),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni għall-atti legali(1),

–    wara li kkunsidra l-ittra tat-12 ta' Novembru 2009 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont ir-Regola 87 (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0061/2010),

A.  billi, skont il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda emenda sostantiva minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil fis-sustanza tagħhom,

1.   Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif adattata għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (u li tinkorpora l-emendi tekniċi approvati mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali) u kif emendata hawn taħt;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

3.   Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.   Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) L-evażjoni tat-taxxa u l-frodi li jestendu mal-fruntieri tal-Istati Membri mhux biss iwasslu għal telf fil-budget imma anke jwasslu għal vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta' ġustizzja fiskali u jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet ta' movimenti ta' kapital u tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Huma għalhekk jolqtu l-attività tas-suq intern.

(2) L-evażjoni tat-taxxa u l-frodi li jestendu mal-fruntieri tal-Istati Membri mhux biss iwasslu għal telf fil-budget imma anke jwasslu għal vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta' ġustizzja fiskali u jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet ta' movimenti ta' kapital u tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Huma għalhekk jolqtu negattivament l-attività tas-suq intern.

Ġustifikazzjoni

Tenfasizza l-impatt negattiv tal-evażjoni tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa fuq is-suq intern.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 3 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa1, tenna li s-sistema attwali ta' ġestjoni tal-VAT teħtieġ reviżjoni radikali u, għalhekk, ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli u wkoll biex tippermetti lill-Istati Membri l-aċċess awtomatiku għad-data mhux sensittiva dwar il-kontributuri tagħhom li tkun maħżuna minn Stat Membru ieħor.

 

___________________________

1 ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 13.

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament Ewropew talab għat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva fir-rapport tiegħu dwar il-frodi fiskali tal-2008.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 3 b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3b) Fil-kisba ta' aċċess awtomatiku ta' dan it-tip għal data mhux sensittiva, għandu jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni, perjodu limitat ta' ħżin tad-data skambjata u r-responsabbilizzazzjoni dovuta tal-istituzzjoni jew tal-entità li jkun qed iżomm id-data, biex tkun evitata l-ġestjoni ħażina jew ir-rilaxx tad-data.

Ġustifikazzjoni

Il-protezzjoni dovuta tad-data relatata mal-kontributuri, il-perjodu limitat ta' ħżin ta' din id-data, u r-responsabbilizzazzjoni tal-istituzzjoni jew korp li jkun qed iżomm id-data huma elementi kruċjali fil-prevenzjoni tal-ġestjoni ħażina tad-data u/jew tar-rilaxx tad-data.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 5 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a) (5 a) Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT1, esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-introduzzjoni tas-sistema Eurofisc jista' jkollha valur miżjud sinifikanti biss jekk issir obbligatorja l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha biex jiġu evitati l-problemi li kellu l-proġett Eurocanet, u jekk il-Kummissjoni tipparteċipa b'mod sħiħ fl-attivitajiet tal-Eurofisc u jkollha sehem ta' koordinatur.

 

__________

1 ĠU 21 E, 28.1.2010, p.3.

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament Ewropew talab għall-introduzzjoni tal-Eurofisc fl-2008.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 5 b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5b) Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008, talab ukoll għall-introduzzjoni ta' Eurofisc u fakkar fil-ħtieġa kbira li l-pajjiżi jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki nazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi transkonfinali tal-VAT, bil-għan li jiġu introdotti inċentivi xierqa għad-diliġenza dovuta mill-Istati Membri fir-rigward tal-VAT, filwaqt li jiġu premjati l-kontributuri onesti.

Ġustifikazzjoni

Is-sempliċi ħolqien ta' Eurofisc mhux se jsolvi l-problema tal-frodi transkonfinali tal-VAT, filwaqt li l-introduzzjoni ta' inċentivi xierqa għal diliġenza dovuta fir-rigward tal-VAT mill-Istati Membri u l-premji għal kontributuri onesti jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali biex tonqos din l-attività kriminali.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14) Sabiex it-talbiet għall-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, fid-dawl tan-natura ripetittiva ta’ wħud mit-talbiet u tad-diversità lingwistika fi ħdan il-Komunità, huwa importanti li, fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni, isir użu ġenerali minn formoli standard.

(14) Sabiex it-talbiet għall-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, fid-dawl tan-natura ripetittiva ta’ wħud mit-talbiet u tad-diversità lingwistika fi ħdan il-Komunità, huwa importanti li, fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni, isir użu ġenerali minn formoli standard, u li dawn jiġu promossi.

Ġustifikazzjoni

Biex tkun żgurata l-adozzjoni f'waqtha ta' formoli ġodda standardizzati mill-Istati Membri kollha.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Premessa 20

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(20) Il-kondizzjonijiet għal tibdil ta', u aċċess awtomatizzat tal-Istati Membri għal, dejta miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat Membru għandhom jiġu mfissra b'mod ċar.

(20) Il-kondizzjonijiet għal tibdil ta', u aċċess awtomatizzat  tal-Istati Membri għal, data miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat Membru, kif ukoll il-mezzi tal-ħżin ta' data ta' dan it-tip, għandhom jiġu mfissra b'mod ċar.

Ġustifikazzjoni

Biex ikun żgurat standard minimu ta' sigurtà għall-ħżin tad-data personali fl-Istati Membri kollha kemm huma.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Premessa 29

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(29) L-esperjenza prattika reċenti tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi karużell wriet li f’ċerti każijiet l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni ħafna aktar rapidu u li jkun jirrigwarda informazzjoni aktar estiża u aktar direzzjonata huwa indispensabbli għal ġlieda effettiva kontra l-frodi u li dan il-mekkanżimu għandu jagħmel parti minn dan ir-Regolament filwaqt li jkollu flessibbiltà biżżejjed biex jadatta ruħu għal tipi ġodda ta’ frodi. In-netwerk EUROCANET (“European Carrousel Network”), li ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Belġju u sostnut mill-Kummissjoni huwa eżempju ta’ dan it-tip ta’ koperazzjoni.

(29) L-esperjenza prattika reċenti tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi karużell wriet li f’ċerti każijiet l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni ħafna aktar rapidu u li jkun jirrigwarda informazzjoni aktar estiża u aktar direzzjonata huwa indispensabbli għal ġlieda effettiva kontra l-frodi u li dan il-mekkanżimu għandu jagħmel parti minn dan ir-Regolament filwaqt li jkollu flessibbiltà biżżejjed biex jadatta ruħu għal tipi ġodda ta’ frodi. In-netwerk EUROCANET (“European Carrousel Network”), li ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Belġju u sostnut mill-Kummissjoni huwa eżempju ta’ dan it-tip ta’ kooperazzjoni. Biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett ta' dan il-mekkaniżmu, hija proposta l-adozzjoni ta' strateġija fil-livell tal-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Qed jiġi ċċarat li l-Eurofisc se tiffunzjona bi strateġija fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  9

Prosposta għal regolament

Premessa 35

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(35) Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, hu xieraq li jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva. Din il-limitazzjoni hija meħtieġa u proporzjonali meta jitqies it-telf ta’ dħul potenzjali għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali ta’ din l-informazzjoni sabiex il-frodi tiġi miġġielda b’mod effettiv.

(35) Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, hu xieraq li jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva, kif ukoll dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi dwar l-użu tad-data personali għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet komunitarji u l-moviment liberu ta' din id-data2.

 

___________

1 ĠU L 8, 12.1.2001, p.1.

Ġustifikazzjoni

Ara l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-30 ta' Ottubru 2009.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Premessa 36 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(36a) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat,

Ġustifikazzjoni

Minħabba li r-regolament il-ġdid jista' jinvolvi l-ipproċessar ta' data personali, u peress li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ressaq opinjoni, huwa xieraq li jiċċitaw l-opinjoni fil-preambolu tal-att leġiżlattiv.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għal dan il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkoperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li tista' tgħin biex issir valutazzjoni korretta tal-VAT , biex jikkontrollaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fil-każ tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u biex tiġi miġġielda l-frodi fil-konfront tal-VAT. B’mod partikolari, jiddefinixxu r-regoli u l-proċeduri li jippermettu lill-Istati Membri jiġbru u jibdlu bejniethom l-imsemmija informazzjoni b’mezzi elettroniċi.

Għal dan il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkooperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li hi meħtieġa biex issir valutazzjoni korretta tal-VAT , biex jikkontrollaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fil-każ tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u biex tiġi miġġielda l-frodi fil-konfront tal-VAT. B’mod partikolari, jiddefinixxu r-regoli u l-proċeduri li jippermettu lill-Istati Membri jiġbru u jibdlu bejniethom l-imsemmija informazzjoni b’mezzi elettroniċi.

Ġustifikazzjoni

L-ipproċessar ta' data personali hu aċċettabbli biss jekk dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-miżura: ara l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-30 ta' Ottubru 2009.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Fil-qafas tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw rispett għad-drittijiet u għall-obbligi stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001;

Ġustifikazzjoni

Ara l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-30 ta' Ottubru 2009.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Artikolu 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minn rajhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 li jkunu jafu biha u li tista’ tkun utli għal dawn tal-aħħar.

 

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minn rajhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 li jkunu jafu biha u li għal dawn tal-aħħar hija meħtieġa sabiex il-VAT tiġi kkalkulata b'mod korrett, biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tagħha, b'mod partikolari rigward it-tranżazzjonijiet intra-Unjoni, u sabiex jiġi miġġieled il-frodi fl-ambitu ta' din it-taxxa.

Ġustifikazzjoni

L-ipproċessar ta' data personali hu ammissibbli biss jekk dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-miżura. Ara l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-30 ta' Ottubru 2009.

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-persuni li saret referenza għalihom fil-punt (b) għandhom jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-kwalità tal-informazzjoni miżmuma.

Ġustifikazzjoni

Hi meħtieġa proċedura aktar espliċita għar-rappurtar dwar il-kwalità tal-informazzjoni skambjata bħala feedback.

Emenda  15

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-lista u d-dettalji tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1(b), (c) u (d) u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60(2).

3. Il-lista u d-dettalji tad-data msemmija fil-paragrafu 1(b), (c), (d) u (e) u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60(2), mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-awtorità rikjesta.

Ġustifikazzjoni

Hawnhekk l-għan hu li titjieb il-kwalità tal-feedback provdut mill-awtorità, u mhux li jiżdied il-piż amministrattiv.

Emenda  16

Prosposta għal regolament

Artikolu 22 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 22 Kull Stat Membru għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ieħor aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-dejta msemmija fl-Artikolu 18. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tal-imsemmi Artikolu, id-dettalji li ġejjin huma, minn tal-anqas aċċessibbli :

Bl-iskop uniku li jevitaw ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT, u fejn jitqies neċessarju għall-kontroll tal-akkwisti intrakomunitarji tal-merkanzija jew tal-forniment intra-Unjoni tas-servizzi fi ħdan il-Komunità li jiġu ntaxxati f'dak l-Istat Membru, kull Stat Membru għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ieħor aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-data msemmija fl-Artikolu 18. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tal-imsemmi Artikolu, id-dettalji li ġejjin huma, minn tal-anqas aċċessibbli:

Ġustifikazzjoni

L-ipproċessar ta' data personali huwa ammissibbli biss jekk jiġi speċifikat b'mod ċar l-iskop għalfejn ikun se jsir. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu limitati r-riskji assoċjati mal-aċċess awtomatiku għal bażijiet ta' data li jistgħu jinkludu data personali.

Emenda  17

Prosposta għal regolament

Artikolu 22 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Fejn il-bażijiet tad-data msemmija fl-Artikolu 18(1)(a) jinkludu data personali, l-aċċess awtomatizzat għal dawn għandu jkun limitat għall-kategoriji ta' data msemmija f'dan l-Artikolu.

Ġustifikazzjoni

L-ipproċessar ta' data personali huwa ammissibbli biss jekk jiġi speċifikat b'mod ċar l-iskop għalfejn ikun se jsir. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu limitati r-riskji assoċjati mal-aċċess awtomatiku għal bażijiet ta' data li jistgħu jinkludu data personali.

Emenda  18

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi struttura komuni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Din l-istruttura twettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi struttura komuni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT fil-livell tal-Unjoni. Din l-istruttura twettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

Ġustifikazzjoni

Qed jiġi ċċarat li l-Eurofisc se tiffunzjona bi strateġija fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  19

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta’ investigazzjoni tal-istruttura stabbilita mill-paragrafu 1.

2. L-istruttura fil-livell tal-Unjoni Ewropea imsemmija f'paragrafu 1 għandha tkun magħmula minn ħaddiema taċ-ċivil maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Ġustifikazzjoni

Qed jiġi ċċarat li l-Eurofisc se tiffunzjona bi strateġija fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  20

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Għal kull qasam ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaħtru, fi ħdan l-istruttura, Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri li jkunu inkarigati bis-superviżjoni u bit-tmexxija tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-istruttura fil-livell tal-Unjoni Ewropea msemmija f'paragrafu 1 se tiddetermina l-ambiti ta' investigazzjoni li fihom se tiżviluppa l-attività tagħha.

Ġustifikazzjoni

Qed jiġi ċċarat li l-Eurofisc se tiffunzjona bi strateġija fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  21

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 3 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3a. Sabiex il-każijiet ta' frodi tal-VAT jiġu investigati b'aktar effiċjenza fl-Unjoni, għandu jkun imfassal mekkaniżmu ta' inċentivi għall-irkupru ta' klejms tat-taxxa transkonfinali permezz tad-distribuzzjoni ta' proporzjon ġust tal-VAT miġbura mhux imħallsa bejn l-Istat Membru li jkun qed jirkupra l-klejms tat-taxxa u l-Istat Membru rikjedenti.

Ġustifikazzjoni

L-effiċjenza tas-sistema tal-UE tal-irkupru tal-VAT għandha tkun razzjonalizzata biex jonqos l-ammont ta' frodi tal-VAT fl-UE kollha kemm hi. Meta wieħed iqis li l-parti l-kbira tat-telf ta' VAT jirriżulta minn frodi "karużell", il-komunità għandha tagħmel aktar sforzi biex l-amministrazzjonijiet tat-taxxi jikkooperaw b'aktar effiċjenza. Għaldaqstant, għandu jinħoloq mekkaniżmu ta' inċentiva biex jinkiseb dan l-għan.

Emenda  22

Prosposta għal regolament

Artikolu 35

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-istruttura stabbilita mill-Artikolu 34 għandha tkun magħmula minn uffiċjali kompetenti maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Din l-istruttura għandha tgawdi mill-appoġġ tekniku, amministrattiv u operazzjonali tal-Kummissjoni.

 

Il-Kummissjoni se tikkoordina, tiggwida u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 34 u tipprovdi appoġġ tekniku, amministrattiv u operattiv lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Ġustifikazzjoni

Qed jiġi ċċarat li l-Eurofisc se tiffunzjona bi strateġija fil-livell tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi speċifikat ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fil-funzjonament tagħha.

Emenda  23

Prosposta għal regolament

Artikolu 39

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Kull sena, l-istruttura stabbilita permezz tal-Artikolu 34 għandha tippreżenta rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 60.

Kull sena, l-istruttura stabbilita permezz tal-Artikolu 34 għandha tippreżenta rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 60.

Ġustifikazzjoni

Importanti li l-Eurofisc ikollha struttura miftuħa u trasparenti u għaldaqstant għandu jiġi ċċarat li mhux biss il-kumitat amministrattiv stabbilit mill-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jeżamina r-rapporti tagħha, iżda wkoll l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew.

Emenda  24

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal koperazzjoni amministrattiva pprovduti f'dan ir-Regolament . B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki ta’ dan it-tħaddim. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawn l-arranġamenti.

1. L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva pprovduti f'dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki ta’ dan it-tħaddim. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawn l-arranġamenti u għandha tirrapporta dwar ir-riżultati b'mod regolari lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew.

Emenda  25

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni li dawn jagħtu għal dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kull informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni li dawn jagħtu għal dan ir-Regolament.

Emenda  26

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

9. Sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi lill-Istati Membri b’perizji, assistenza teknika jew loġistika, azzjoni ta’ komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operazzjonali ieħor.

9. Sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’perizji, assistenza teknika jew loġistika, azzjoni ta’ komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operazzjonali ieħor.

Ġustifikazzjoni

Sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni effettiva, importanti li l-Kummissjoni jkollha r-responsabilità li tipprovdi għajnuna u opinjonijiet esperti biex tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet.

Emenda  27

Prosposta għal regolament

Artikolu 52 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun responsabbli li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura irregolari tat-tranżazzjonijiet li jidhru kontrarji għal-leġislazzjoni tal-VAT, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tkun ikkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skont id-disposizzjonijiet interni tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali lill-pajjiżi terzi.

2. Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun responsabbli li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura irregolari tat-tranżazzjonijiet li jidhru kontrarji għal-leġislazzjoni tal-VAT, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tkun ikkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skont id-disposizzjonijiet interni tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali lill-pajjiżi terzi u skont id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Ġustifikazzjoni

Il-garanziji inklużi fil-liġi Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-data japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.

Emenda  28

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-informazzjoni kkomunikata jew miġbura f'kull forma skont dan ir-Regolament , inkluża l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal seta' kellu aċċess għaliha fiċ-ċirkustanzi previsti fil-Kapitolu VII, fil-Kapitolu VIII u fil-Kapitolu X kif ukoll fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu,  għandha tkun koperta bl-obbligu ta' sigriet uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċevieha kif ukoll tal-istandards korrespondenti applikabbli għall-awtoritajiet Komunitarji .

1. L-informazzjoni kkomunikata jew miġbura f'kull forma skont dan ir-Regolament , inkluża l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal seta' kellu aċċess għaliha fiċ-ċirkustanzi previsti fil-Kapitolu VII, fil-Kapitolu VIII u fil-Kapitolu X kif ukoll fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu,  għandha tkun koperta bl-obbligu ta' sigriet uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċevieha kif ukoll tal-istandards korrespondenti applikabbli għall-awtoritajiet Komunitarji . Tali informazzjoni għandha wkoll tkun koperta mid-Direttiva 95/46/KE u mir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għandha tintuża biss fiċ-ċirkustanzi previsti minn dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Tajjeb li tiġi introdotta referenza espliċita għall-garanziji inklużi fil-liġi Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

Emenda  29

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Kull ħażna jew skambju ta’ informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, l-Istati Membri għandhom, għall-iskop tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jirrestrinġu l-iskop tal-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

5. Kull ħażna jew skambju ta’ informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, għall-iskop tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu l-iskop tal-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Għandu jkun hemm referenza espliċita għall-garanziji inklużi fil-liġi Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll għall-ħtieġa li l-limitazzjonijiet ikunu stabbiliti permezz ta' miżura leġiżlattiva.

Emenda  30

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 5 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaraw li jiġu rispettati l-obbligi tat-trasparenza u li l-persuni konċernati jiġu infurmati fil-każ ta' akkwist ta' data personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Ġustifikazzjoni

Jeħtieġ tiġi introdotta referenza espliċita għall-obbligu tat-trasparenza fir-rigward tal-persuni konċernati.

Emenda  31

Prosposta għal regolament

Artikolu 59 – paragrafu 1 – punt c a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(ca) jiżguraw l-ogħla standard ta' kwalità tad-data skambjata, bl-ogħla livell ta' transparenza, fejn ikun xieraq.

Ġustifikazzjoni

Hu mixtieq li l-Istati Membri jiskambjaw u jirċievu rapporti tad-data tal-ogħla kwalità possibbli, u dawn għandhom jilħqu l-istandards għat-trasparenza.

Emenda  32

Prosposta għal regolament

Artikolu 59 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw kull sena lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn Stat Membru ieħor ikun ċaħad li jipprovdi lill-Istat Membru rikjedenti bl-informazzjoni jew li jkun żamm lill-Istat Membru rikjedenti milli jwettaq investigazzjoni amministrattiva mitluba bil-mod dovut. L-Istat Membru rikjest għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għalfejn ikun ċaħad li jagħti informazzjoni jew iwettaq l-investigazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni ser tevalwa l-informazzjoni msemmija u tfassal ir-rakkomandazzjonijiet xierqa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, huwa propost li jiġi stabbilit segwitu tal-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jgħaddu l-informazzjoni jew li jibdew investigazzjoni amministrattiva.

Emenda  33

Prosposta għal regolament

Artikolu 60 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Meta l-miżuri adottati skont il-proċedura tal-paragrafu 2 jirreferu jew jimplikaw l-ipproċessar tad-data personali, għandha ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Ġustifikazzjoni

Fejn id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tar-Regolament attwali jistgħu jolqtu l-ipproċessar tad-data personali, wieħed għandu jirreferi għall-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.

(1)

ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

INTRODUZZJONI

Il-proposta leġiżlattiva li qed nittrattaw hija r-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti lill-Istati Membri l-mezzi biex jiġġieldu b’mod aktar effettiv il-frodi transkonfinali rigward il-VAT. Barra minn hekk, il-proposta tikkompleta u temenda r-regolament attwali f’ċerti aspetti, li fosthom jaqbel li nenfasizzaw il-ħolqien ta’ bażi legali għall-istabbiliment ta’ struttura li tippermetti kooperazzjoni mmirata lejn il-ġlieda kontra l-frodi, jiġifieri l-EUROFISC.

SFOND: L-AĦĦAR RAPPORT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

Qabel ma ngħaddu biex neżaminaw fid-dettall il-proposta tal-Kummissjoni, nixtieq nirreferi fil-qosor għall-qafas aktar ġenerali tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali fl-Unjoni Ewropea.

Il-frodi fiskali għandu konsegwenzi serji fuq il-baġits nazzjonali, iwassal għall-ksur tal-prinċipju tal-ekwità fiskali u jista’ jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni filwaqt li jaffettwa l-funzjonament tas-suq intern. Id-distorsjonijiet ikkawżati mill-frodi tal-VAT jaffettwaw il-bilanċ ġenerali tas-sistema tar-riżorsi li għandha tkun ġusta u trasparenti biex tiżgura l-funzjonament tal-Unjoni. Billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-obbligu li jikkumpensaw l-iżbilanċ korrispondenti fid-dħul, iż-żieda fil-frodi tirriżulta f’aktar pressjoni fiskali fuq l-impriżi li jirrispettaw ir-regoli tat-taxxa. Għalkemm mhux fl-Istati Membri kollha twettqu inkjesti dwar il-gravità tal-evażjoni u l-frodi tal-VAT ġew ippubblikati diversi stimi. L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-VAT tikkwota stimi ta’ telf mill-VAT li jvarjaw bejn EUR 60 biljun u EUR 100 biljun kull sena fl-Unjoni Ewropea kollha.

Bħalma jafu l-Membri ta’ din il-Kummissjoni, billi dawn il-kwistjonijiet ġew trattati fil-leġiżlatura li għaddiet, fil-qafas tal-abbozz ta’ rapport tas-Sra. Bowles dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ ġlieda kontra l-frodi fiskali, il-ġlieda kontra l-frodi, anki jekk fil-biċċa l-kbira tagħha hija kompetenza tal-Istati Membri, mhijiex problema li tista’ tissolva fuq livell nazzjonali biss. Il-ġlieda kontra l-frodi fiskali għandha tkun prijorità għall-UE u għandha tinvolvi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, filwaqt li segwiet il-linji gwida stipulati mill-Kunsill sa mill-2007, fasslet numru ta’ miżuri leġiżlattivi bl-għan li jtejbu l-amministrazzjoni tal-VAT mingħajr ma jkunu jinvolvu bidliet fundamentali tas-sistema fis-seħħ.

Barra minn hekk, jaqbel li nirreferu għar-Rapport Speċjali Nru 8 tal-Qorti tal-Awdituri tal-2007 li kkritika ħafna lill-Istati Membri. Fir-rapport tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità ikbar lill-kooperazzjoni amministrattiva, kemm fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni operazzjonali u l-immaniġġjar amministrattiv tagħhom u biex jippromwovu komunikazzjoni aktar diretta fost l-uffiċjali tas-servizzi ta’ spezzjoni bħala mezz effikaċi biex jitħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni. Hija ssemmi wkoll fost l-oħrajn sensiela ta’ titjib fir-rigward tal-bażi tad-data tal-VAT (is-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT - VIES).

Sadattant, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, li huwa preċiżament ir-regolament li qed nittrattaw illum. Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport jistgħu jitqassru bħalma ġej:

§ in-numru ta’ risposti li ngħataw tard għat-talbiet ta’ kooperazzjoni laħaq livell inaċċettabbli;

§ jitqies li l-aċċess awtomatizzat għall-bażijiet tad-data tal-bqija tal-Istati Membri għandu jħaffef il-kooperazzjoni amministrattiva;

§ l-Istati Membri, fil-biċċa l-kbira tagħhom, m’għandhomx mekkaniżmu ta’ feedback;

§ tkompli l-problema tan-nuqqas ta’ validità tan-numri tal-VAT kif ukoll id-dewmien fil-korrezzjoni tad-data;

§ jibqgħu jinħolqu problemi prattiċi fir-rigward tal-preżenza tal-uffiċjali ta’ Stat fit-territorju ta’ Stat ieħor, bħal problemi lingwistiċi jew in-nuqqas ta’ bażi legali nazzjonali sabiex din il-preżenza tkun possibbli.

ELEMENTI EWLENIN TAL-PROPOSTA

Se nkomplu billi nittrattaw fil-qosor l-innovazzjonijiet ewlenin li tintroduċi din il-proposta.

L-ewwelnett, ir-responsabilità tal-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva tiġi estiża bl-għan li jitħares id-dħul mill-VAT fl-Istati Membri kollha. Ir-regolament propost jistipula b’mod ċar li l-objettiv tar-regolament mhuwiex biss li jippermetti li l-VAT tiġi kkalkulata tajjeb, iżda wkoll li jikkontrolla l-applikazzjoni t-tajba tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u l-ġlieda kontra l-frodi fl-ambitu ta’ din it-taxxa.

It-tieninett, il-proposta tiddefinixxi b’mod preċiż l-informazzjoni li għandha tinġabar mill-Istati Membri u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ sistema elettronika ta’ bażijiet tad-data, filwaqt li tistabbilixxi wkoll regoli komuni rigward l-informazzjoni li għandha tinġabar u l-verifiki li għandhom isiru meta ssir ir-reġistrazzjoni ta’ numru tal-identifikazzjoni tal-VAT fil-bażi tad-data. Jiġu stabbiliti wkoll regoli uniformi għall-ħażna tad-data miksuba f’dan il-qafas matul 5 snin.

B’mod ġenerali, tiġi introdotta sensiela ta’ titjib fl-ambitu tal-iskambju ta’ informazzjoni, jiġifieri: delimitazzjoni aħjar tal-każijiet fejn l-Istati Membri jistgħu jwettqu inkjesta amministrattiva, inklużi miżuri biex inaqqsu l-konsegwenzi li jistgħu jinħolqu f’każ li din tal-aħħar ma tkunx saret; definizzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, inkluż l-użu ta’ formoli jew fajls standard kif ukoll l-introduzzjoni tal-idea tal-iskambju spontanju u l-obbligu li jiġi pprovdut feedback, jiġifieri informazzjoni dwar l-użu li sar mill-informazzjoni trażmessa minn Stat Membru ieħor.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ bażi legali għall-istabbiliment ta’ struttura li tippermetti kooperazzjoni mmirata lejn il-ġlieda kontra l-frodi, jiġifieri l-EUROFISC. Skont il-Kummissjoni, din l-istruttura għandha tippermetti skambju multilaterali, rapidu u mmirat ta’ informazzjoni biex b’hekk ikun hemm possibilità ta’ reazzjoni suffiċjenti u koordinata tal-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ frodi u tista’ tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskji organizzata konġuntament. Fil-fatt, dak li tipproponi l-Kummissjoni huwa li n-netwerk EUROCANET (“European Carrousel Network”), li ġie stabbilit xi snin ilu fuq l-inizjattiva tal-Belġju u sostnut mill-Kummissjoni biex jinfetaħ għal kull tip ta’ frodi transkonfinali, isir uffiċjali. Skont l-opinjoni tal-esperti fil-ġlieda kontra l-frodi, il-ħidma tal-EUROCANET tat riżultati pożittivi.

Fl-aħħar nett, ta’ min jenfasizza li r-Regolament jiddefinixxi wkoll id-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni skont il-persuni u s-sitwazzjonijiet. Fit-30 ta’ Ottubru 2009, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fassal opinjoni fejn jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta, filwaqt li jindika xi aspetti li jistgħu jittejbu b’tali mod li r-rispett tar-regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data jibqa’ żgurat.

KUNSIDERAZZJONIJIET TAR-RAPPORTEUR

Il-preżentazzjoni ta’ din il-proposta leġiżlattiva hija aħbar tajba għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali. L-istima ġenerali tar-rapporteur hija waħda pożittiva u ta’ sostenn għall-proposta tal-Kummissjoni.

Ir-rapporteur identifika tliet oqsma li fihom ikun jaqbel li l-proposta tal-Kummissjoni tissaħħaħ:

§ Fir-rigward tal-EUROFISC qed jiġi propost li tiġi speċifikata n-natura Komunitarja tal-istruttura l-ġdida kif ukoll ir-rwol li l-Kummissjoni Ewropea huwa mitlub li jkollha f’dan il-qafas.

§ Bl-għan li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali u biex wieħed ipatti għan-nuqqasijiet li sabet il-Kummissjoni nnifisha fir-rapport reċenti tagħha, qed jiġi propost li jiġi stabbilit segwitu sistematiku min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu ċaħdu li jagħtu informazzjoni jew li jagħmlu inkjesta.

§ Fl-aħħarnett u bħala risposta għat-tħassib leġittimu li esprimew il-Membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fl-okkażjoni tal-ewwel skambju ta’ opinjonijiet, ir-rapporteur ippropona li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jiġu inklużi, sakemm l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali, anki jekk jirreferi prinċipalment għal data dwar persuni ġuridiċi, ikun jista’ jinvolvi wkoll l-ipproċessar ta’ data dwar persuni fiżiċi. Bħalma jenfasizza l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun konformi mar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

PRESIDENT

Ref.: D(2009)61475

Is-Sra Sharon BOWLES

President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

ASP 10G201

Brussell

Suġġett:     Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni)

                  (COM(2009)427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS))

Għażiża President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandu l-unur li nippresiedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont l-Artikolu 87 dwar ir-Riformulazzjoni kif introdotta fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

Il-Paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jgħid:

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehima Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid."

Wara l-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta riformulata, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-proposta konċernata ma tinkludi ebda tibdiliet sostantivi oħra minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta jew fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv u li, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti ma' dawk it-tibdiliet, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkunsidra li l-adattamenti tekniċi ssuġġeriti fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma msemmi hawn fuq kienu meħtieġa sabiex jiżguraw li l-proposta tkun konformi mar-regoli tar-riformulazzjoni.

Biex nikkonkludu, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Novembru 2009, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'19-il vot favur u ebda astensjoni(1), jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq f'konformità mas-suġġerimenti tiegħu u skont l-Artikolu 87.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner LEHNE

Mehmuż: Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv.

(1)

Klaus-Heiner Lehne (President), Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Antonio López-Istúriz White, Tadeusz Zwiefka, Luigi Berlinguer, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Jiří Maštálka, Francesco Enrico Speroni, Kurt Lechner, Sergio Gaetano Cofferati, Edit Herczog, Edvard Kožušník, Sajjad Karim.


ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZ LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

 

 

 

IL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZ LEGALI

Brussell, 7 ta' Ottubru 2009

OPINJONI

           GĦALL-ATTENZJONI TAL- PARLAMENT EWROPEW

                                                              IL-KUNSILL

                                                              IL-KUMMISSJONI

Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

COM(2009)427 of 18.8.2009 – 2009/0118(CNS)

Fid-dawl tal-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' riformulazzjoni għal atti legali, b'mod partikolari l-punt 9 tagħha, il-grupp ta' ħidma konsultattiv tas-servizz legali tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ltaqa' fis-16 ta' Settembru 2009 bl-iskop li jikkunsidra l-proposta msemmija hawn fuq mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn.

Meta eżamina(1) l-proposta għal regolament tal-Kunsill bl-għan ta' riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92, il-grupp ta' ħidma nnota bi qbil komuni li:

(1)  Fil-kliem introduttorju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22, wara l-kliem "dan li ġej" (immarkat b'ingassar doppju), il-kliem "li jista 'jkollu wkoll aċċess dirett" kellhom ikunu inklużi wkoll, u dan il-kliem tal-aħħar kellu jkun immarkat b'tipa griża u b'ingassar doppju.

(2) Fl-Artikolu 31 (2), is-sostituzzjoni tal-kelma "simultanju" bil-kelma "multilaterali" li ġiet indikata permezz ta' marki ta' tibdil fis-sustanza, kellhom ikunu indikati b'marki ta' adattament.

Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma, il-grupp ta' ħidma seta' għalhekk jistabbilixxi, mingħajr nuqqas ta' qbil, li l-proposta ma tinvolvix bidliet sostantivi minbarra dawk identifikati bħala tali fit-test innifsu jew f'din l-opinjoni. Il-grupp ta' ħidma kkonkluda wkoll, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att ta' qabel ma' dawk l-emendi sostantivi, li l-proposta hija fil-fatt limitata għal kodifikazzjoni sempliċi u ma jbiddilx b'mod sostanzjali l-atti konċernati.

C. PENNERA

Ġuriskonsult

J.-C. PIRIS

Ġuriskonsult

L. ROMERO REQUENA

Direttur Ġenerali

(1)

Il-grupp ta' ħidma għamel użu mill-verżjoni Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-proposta u bbaża l-proċeduri tiegħu fuq il-verżjoni oriġinali Franċiża tad-dokument ta' ħidma.


PROĊEDURA

Titolu

Kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi  fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (verżjoni riformulata)

Referenzi

COM(2009)0427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

23.9.2009

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.10.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

7.10.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

José Manuel García-Margallo y Marfil

15.9.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

2.12.2009

21.1.2010

23.2.2010

 

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Ivari Padar, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

David Casa, Sari Essayah, Robert Goebbels, Syed Kamall, Philippe Lamberts, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Catherine Stihler, Zoran Thaler

Aġġornata l-aħħar: 8 t'April 2010Avviż legali