Proċedura : 2009/2177(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0135/2010

Testi mressqa :

A7-0135/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2010 - 8.9
CRE 18/05/2010 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0165

RAPPORT     
PDF 186kDOC 122k
3 ta' Mejju 2010
PE 439.404v01-00 A7-0135/2010

dwar il-kwistjonijiet ta' etika professjonali marbuta mal-ġestjoni tal-intrapriżi

(2009/2177(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwistjonijiet ta' etika professjonali marbuta mal-ġestjoni tal-intrapriżi

(2009/2177(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ April 2009 li tikkumplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tar-reġim għar-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ kumpaniji kkwotati(1),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009, dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji(2),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li takkumpanja ż-żewġ rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, li ġiet ippubblikata fit-30 ta’ April 2009 ukoll (COM/2009/0211),

 wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati(3),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE(4),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-00135/2010),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja għaddejjin mill-iktar kriżi serja ta' dawn l-aħħar 60 sena, u l-ekonomija reali qed tiffaċċja l-agħar riċessjoni ta' dak l-istess perjodu, u billi huma mistennija kundizzjonijiet tal-impjieg diffiċli, minkejja l-irkupru relattiv tal-ekonomija,

B.  billi, irrispettivament mit-tip ta’ kumpanija jew is-settur li fih topera, għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-kumpaniji huma importanti fil-kuntest ġenerali tal-etika professjonali ta’ kif jitmexxa n-negozju, bħal pereżempju l-obbligu ta’ attenzjoni, it-trasparenza, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, l-immaniġġjar tar-riskju, is-sostenibbiltà ekonomika tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti finanzjarji, il-prattiki tal-bord jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti; billi l-kriżi finanzjarja riċenti wriet li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu analizzati kontinwament biex jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jaffaċċjaw l-isfidi attwali u bħala għajnuna biex jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tal-impjiegi fl-UE,

C. billi l-kriżi wriet ukoll rabtiet mill-qrib bejn l-immaniġġjar tar-riskju u l-politika dwar ir-rimunerazzjoni u l-importanza ta’ din tal-aħħar fil-mekkaniżmi li jirregolaw il-funzjonament adegwat tal-kumpaniji; għal din ir-raġuni, l-immaniġġjar tar-riskji għandu jitqies dovutement fit-tfassil ta' politika ta' rimunerazzjonib'tali mod li sistemi effikaċi tal-immaniġġjar tar-riskji jkunu jistgħu jiddaħħlu f'approċċ usa' u bbilanċjat dwar il-governanza, u biex ikun żgurat li, jekk jiġu stabbiliti sistemi ta' inċentiva, tingħata attenzjoni għall-provvediment ta' istemi adegwati tal-immaniġġjar tar-riskji bħala kontrobilanċ,

D. billi l-kumpaniji fis-setturi kollha għandhom komuni għadd ta’ klassijiet tar-riskju, għalkemm ċerti tipi ta’ riskji huma speċifiċi għal ċerti setturi (bħal pereżempju r-riskji li jiffaċċjaw kumpaniji li huma attivi fis-settur finanzjarju); billi n-nuqqas ta’ mmaniġġjar effettiv tar-riskju ikkawżat minn monitoraġġ inadegwat tal-konformità mar-regoli dwar is-superviżjoni u minn inċentivi mhux allinjati sewwa fil-politiki ta’ rimunerazzjoni kellhom rwol ċentrali fil-kriżi finanzjarja riċenti,

E.  billi wieħed għandu jifhem x’jinvolvi l-immaniġġjar tar-riskju u japplikah fil-livell tal-organizzazzjoni kollha u mhux biss fl-unitajiet operazzjonali individwali tagħha; barra minn hekk għandu jkun żvelat, trasparenti u suġġett għar-rekwiżiti ta’ rappurtar,

F. billi kull soluzzjoni għandha tiżgura li, meta jittieħed riskju, ikun f’konformità mal-għan tan-negozju u l-istrateġija tal-kumpanija u bl-attenzjoni dovuta fir-rigward tal-immaniġġjar effettiv tar-riskju; l-immaniġġjar effettiv tar-riskju għandu jitqies bħala wieħed mill-iktar elementi importanti ta’ tmexxija korporattiva tajba fil-kumpaniji kollha,

G. billi wieħed mill-ewwel passi li ħadet il-Kummissjoni wara l-kriżi kien li indirizzat il-kwistjoni tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni billi kkomplementat ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 2004/913/KE u 2005/162/KE, li kellhom l-għan li jiżguraw politika dwar ir-rimunerazzjoni adegwata bl-istabbiliment tal-aħjar prattiki għat-tfassil tagħha permezz ta’ rakkomandazzjoni ġdida dwar is-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati u permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rakkomandazzjoni dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji,

H. billi l-grad ta’ rakkomandazzjoni jvarja, skont it-tip ta’ kumpanija filwaqt li jitqiesu kif xieraq id-daqs, l-organizzazzjoni interna u l-kumplessità tal-attivitajiet; billi distinzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru bejn kumpanija finanzjarja (kwotata jew le) u kumpanija kwotata iżda mhux finanzjarja, u bejn setturi differenti tal-industrija finanzjarja bħalma huma s-servizzi bankarji, l-assigurazzjoni u l-immaniġġjar tal-fondi,

I. billi fil-kuntest tar-rimunerazzjoni għandhom jitqiesu diversi punti, bħal pereżempju (i) skemi ta’ rimunerazzjoni, inklużi l-istruttura, it-trasparenza u s-simetrija tagħhom u r-rabta bejn ir-rimunerazzjoni u l-inċentiv, (ii) il-proċess ta’ determinazzjoni tal-iskemi ta’ rimunerazzjoni, inkluża d-definizzjoni ta’ atturi, rwoli u responsabilitajiet, (iii) kontroll tal-iskemi ta’ rimunerazzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-azzjonisti, u (iv) ir-rimunerazzjoni totali inklużi s-salarji u l-pensjonijiet,

J.   billi xi aspetti ta’ prinċipji ta' l-ogħla importanza li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet għadhom mhumiex ċari u jeħtieġ li jiġu implimentati sewwa fil-prattika, bħall-kunċett ta’ kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom jgħinu biex tinħoloq ir-rabta bejn il-pagi u l-prestazzjoni, il-kunċett ta’ ‘prestazzjoni mhux adegwata’ fil-każ ta’ pagamenti ma’ tmiem l-impjieg, il-pagament ma’ tmiem l-impjieg u komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji,

K.  billi, minħabba d-diffikultajiet rikorrenti biex tiġi definita r-rabta bejn il-paga u l-prestazzjoni, l-attenzjoni ewlenija għandha taqa' fuq l-effettività tal-proċess li fih il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tiġi determinata u fuq it-trasparenza, liema żewġ aspetti għandhom ikunu bbażati fuq tmexxija soda definita u vvalutata b’referenza għal qafas ta’ żmien xieraq orjentata lejn iż-żmien medju u fit-tul sabiex jiġu evitati politiki tal-immaniġġjar tar-riskju perikolużi u mhux sostenibbli maħsuba għaż-żmien qasir (jekk mhux saħansitra qasir ħafna) bi rwoli definiti u separati u fuq ir-responsabilitajiet ta’ dawk involuti,L.  billi kwalunkwe soluzzjoni adottata m’għandhiex timxi fuq il-prinċipju ta’ kappell wieħed jiġi lil kulħadd u l-kumpaniji għandhom iżommu ċerta flessibiltà fl-aġġustament tas-sistemi għall-ħtiġijiet tagħhom,

M.  billi hemm bżonn ta’ valutazzjoni ex-post tal-prestazzjoni u l-politika dwar ir-rimunerazzjoni,

N.     billi ntwera li t-trasparenza hija element important tal-governanza tajba; billi din m’għandhiex tiġi ridotta għas-sempliċi żvelar, iżda għandha tfisser li l-kumpaniji jkunu jistgħu jispjegaw l-għażla ta’ politika partikolari dwar ir-rimunerazzjoni,

O.  billi l-iżvelar tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi b’mod ċar u li jinftiehem għandu, fil-prinċipju, ikun ta’ benefiċċju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni, partikolarment mill-azzjonisti; tali żvelar jista’ jinkludi żvelar dettaljat fil-kontijiet annwali jew fir-rapport dwar ir-rimunerazzjoni fir-rigward tar-rimunerazzjoni totali u benefiċċji oħra li jingħataw lil diretturi individwali,

P. billi l-objettiv tal-kumpanija għandu jkun l-involviment kostruttiv tal-azzjonisti u l-impjegati; billi dan jirrikjedi esplorazzjoni ta’ miżuri oħrajn għall-involviment effettiv tal-azzjonisti fit-tfassil tal-politika tal-kumpanija dwar ir-rimunerazzjoni (bħall-possibbiltà introdotta fil-Ġermanja li l-kumpaniji jfittxu l-approvazzjoni tal-azzjonisti fir-rigward tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni bi skali differenti permezz ta’ votazzjoni ta’ parir), partikolarment peress li l-azzjonisti mhux dejjem ikunu lesti jew preparati li jassumu rwol iktar attiv; billi dan għandu jfisser ukoll li għandhom jiġu esplorati modi ta’ kif tiġi żgurata mġiba proattiva iktar milli reattiva mill-azzjonisti vis-à-vis il-bords,

Q. billi, b'mod speċjali fil-kumpaniji kwotati, hemm nuqqas sostanzjali ta' parteċipazzjoni mill-azzjonisti, u billi għaldaqstant il-votazzjoni elettronika għandha tkun inkoraġġita fil-laqgħat tal-azzjonisti,

R.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema rigward il-ġestjoni tal-intrapriżi tagħhom għandha tiġi implimentata b'mod korrett sabiex ikun possibbli djalogu reali mal-maniġment u biex jiġu definiti b'mod ċar l-objettivi u l-prattiki salarjali tal-intrapriżi,

S. billi jaqa' fil-kompetenza legali tal-bordijiet tal-kumpaniji li jistabbilixxu kriterji għar-rimunerazzjoni tal-maniġment u li jiffissaw il-livelli ta' tali rimunerazzjoni,

T.  billi standards volontarji huma essenzjali biex titjieb il-prestazzjoni tal-bords u jista’ jkun neċessarju li ssir reviżjoni tal-prattiki tajba,

U. billi l-għan għandu jkun li jiġu stabbiliti bords ta’ diretturi u bords superviżorji li jkunu kapaċi jgħaddu ġudizzju objettiv u indipendenti; billi l-effikaċja u l-effiċjenza tal-bords għandhom jiġu evalwati,

V. billi, fid-dawl tad-dgħufijiet rikonoxxuti tas-sistema attwali ta’ governanza korporattiva, perċentwal (pereżempju 1/3) tad-diretturi (membri tal-bord) għandu jkun magħmul minn professjonisti rimunerati, responsabbli u subordinati biss lill-azzjonisti; billi r-reponsabbiltà u s-subordinazzjoni tagħhom għandhom ikunu ffiltrati minn għarfien espert professjonali,

W.      billi, filwaqt li t-tfassil ta’ liġijiet f’dan il-qasam jista’ jkun għażla iktar diffiċli u li tieħu iktar ħin mill-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet, l-approċċ ta’ liġi li mhix vinkolanti mhux wieħed sodisfaċenti,

X. billi l-Kummissjoni beħsiebha ssegwi r-rakkomandazzjonijiet bi proposti leġiżlattivi biex l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jinġiebu fil-qasam ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali, u pproponiet notevolment li tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital; billi l-Kummissjoni beħsiebha teżamina miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ servizzi finanzjarji mhux bankarji,

Y. billi rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kumpaniji kkwotati mhux neċessarjament jirrappreżentaw linji gwida ġenerali xierqa għall-iżvilupp tal-aħjar prattiki f’kumpaniji li mhumiex ikkwotati,

Z.  billi implimentazzjoni uniformi u koerenti ta’ kull strument adottat f’dan il-qasam madwar l-UE u mill-partijiet rilevanti kollha hija essenzjali,

1.  Jilqa’ l-passi li għandhom l-għan li jindirizzaw l-aspetti deontoloġiċi tal-amministrazzjoni tal-kumpaniji, li l-kriżi finanzjarja riċenti żvelat li għadhom ’il bogħod milli jiġu riżolti; jilqa’ f’dan il-kuntest iż-żewġ rakkomandazzjonijiet maħruġin mill-Kummissjoni;

2.  Jenfasizza li l-approċċ ta’ liġi mhix vinkolanti, madankollu, mhuwiex sodisfaċenti.

3.  Jilqa’, għalhekk, l-ewwel proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li tippermetti lil-leġiżlatur tal-UE jindirizza adegwatement il-kwistjonijiet rilevanti, jiġifieri l-emenda tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

4. Jaqbel mal-prinċipji li l-Kummissjoni ressqet fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta’ April 2009 dwar, l-ewwel nett, is-sistemi ta’ rimunerazzjoni u l-arranġamenti ta’ tmexxija fir-rigward tar-rimmunerazzjoni tad-diretturi u l-maniġers ta’ kumpaniji kkwotati, u t-tieni, dwar is-sistemi ta’ rimunerazzjoni u l-proċess ta’ abbozzar u implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni (governanza), it-trasparenza tal-politika ta’ rimunerazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali (sorveljanza) fis-settur finanzjarju, iżda jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx ikkonkretizzati fil-prattika b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri;

5. Jisħaq li l-UE teħtieġ mudell industrijali, soċjali u ambjentali mmirat għal perjodu ta’ żmien fit-tul, konsistenti mal-interessi ġenerali – tal-kumpaniji, tal-azzjonisti u tal-ħaddiema – u bi struttura finanzjarja ġdida bbażata fuq sistema ta’ regoli prudenzjali u deontoloġiċi u fuq awtoritajiet superviżorji Ewropej b’setgħat vinkolanti; jemmen ukoll li s-settur finanzjarju għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-ekonomija reali, jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, u juri l-ogħla livell possibbli ta’ responsabbiltà soċjali;

6.  Ifakkar li, matul il-proċess ta' ristrutturazzjoni tal-ekonomija, minbarra l-miżuri ta' għajnuna għall-ekonomija reali, il-miżuri ta' protezzjoni tal-impjiegi, tat-taħriġ u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ta' importanza fundamentali u għandhom jiġu kkunsidrati mill-partijiet kollha interessati;

7. Jisħaq li l-politiki ta’ rimunerazzjoni mmirati lejn governanza soda u sostenibbli huma neċessarji mhux biss minħabba raġunijiet deontoloġiċi, iżda wkoll minħabba raġunijiet partikularment ekonomiċi, minħabba li l-politiki ta’ dan it-tip għandhom impatt dirett fir-rigward tal-assi u l-perspettivi ta’ żvilupp għall-kumpaniji nnifishom kif ukoll fir-rigward tal-ekonomija b’mod ġenerali u ż-żamma u l-ħolqien ta’ livelli ogħla ta’ impjieg;

8. Iqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni għad-diretturi tal-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ikunu aktar minn sempliċi rakkomandazzjonijiet u għaldaqstant għandhom jieħdu l-forma ta' miżuri vinkolanti marbuta ma' sistema ta' superviżjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni – il-bonusijiet, l-opzjonijiet fuq l-ishma, u l-inċentivi – ma jwassalx lill-kumpaniji biex jadottaw investiment riskjuż iżżejjed u politiki ta’ mmaniġġjar li ma jagħtux kas tar-riperkussjonijiet għall-ekonomija reali;

9. Jenfasizza li l-immaniġġjar korporattiv u l-politiki ta’ rimunerazzjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fil-pagi u ugwaljanza fit-trattament tan-nisa u l-irġiel stabbiliti bit-Trattati u bid-direttivi tal-UE;

10. Jara l-bżonn għal azzjoni leġiżlattiva Ewropea ulterjuri biex tiġi riżolta l-problema ta’ regoli nazzjonali differenti dwar ir-rimunerazzjoni għal kumpaniji f’każijiet fejn il-maniġers jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor fi ħdan kumpanija (possedenti) jew minn kumpanija għal kumpanija oħra fi Stat Membru differenti, jew meta l-kumpaniji jużaw il-moviment ħieles fi ħdan is-suq intern, pereżempju, permezz ta’ mergers transkonfinali;

11. Iqis importanti li tiġi enfasizzata r-responsabbiltà soċjali ġenerali tal-bords tal-kumpaniji fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli u fit-tul tal-kumpaniji bbażati fi Stat Membri tal-UE, u li jkun mistenni bħala d-dover ta’ tali bords li jistrutturaw ir-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji b’tali mod li jirrifletti dak l-objettiv u jkun trasparenti għall-pubbliku Ewropew;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi speċifiċi għas-setturi għal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn l-istituzzjonijiet bankarji u dawk mhux bankarji fil-politika ta’ rimunerazzjoni. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji ħalli jgħinu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ tmexxija tal-kumpaniji u biex tiġi żgurata konsistenza fil-politika ta’ rimunerazzjoni għal kull tip ta’ kumpanija;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi u tappoġġja l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri adottati fil-livell tal-UE, fejn l-attenzjoni ewlenija tkun fuq il-kumpaniji transkonfinali, u biex taqdi l-obbligu tagħha li tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri; f’dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni skeda ta’ attivitajiet adegwati, kemm leġiżlattivi u kemm mhumiex, li jistgħu jkunu segwitu neċessarju;

14. Jitlob li jiġu implimentati b'mod effikaċi r-regoli li jikkonċernaw il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati magħżula fil-kuntest tad-Direttiva 2001/86/KE(5) li tikkomplementa l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea;

15. Iħares lejn il-kumpanija Ewropea bħala pjattaforma adattata għall-aħjar prattiki bil-għan li jinżergħu prinċipji etiċi fil-mod kif jitmexxew il-kumpaniji transnazzjonali u sabiex dawn il-prinċipji jiġu kkonkretizzati fil-prattika;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod effettiv miżuri bħad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti biex ineħħu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fil-votazzjoni u jtejbuha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ votazzjoni transkonfinali;

17. Jistieden lill-azzjonisti kollha biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’reviżjoni ta’ prattiki tan-negozju u bidliet fil-kultura tan-negozju;

18. Jitlob inkuraġġiment sabiex iktar nisa jingħataw karigi maniġerjali permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta sistema biex jimtlew karigi fil-korpi responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, karigi f’korpi oħrajn u karigi b'mod ġenerali;

19. Jipproponi li filwaqt li jiddefinixxu bl-aktar mod strett l-indipendenza tal-membri tal-korpi fil-livell ta' diriġenti ta' kumpanija, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom ifittxu l-aktar mekkaniżmi effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom tista' twassal mhux biss għat-tisħiħ fil-ġestjoni etika tal-kumpaniji, iżda wkoll għal żieda fis-suċċess ekonomiku tal-intrapriżi;

20. Jappoġġja l-istabbiliment ta’ gwida uniformi u komprensiva rigward l-immaniġġjar tar-riskju, li attwalment jidher li hu indirizzat minn diversi kodiċi u standards applikabbli fl-Istati Membri b’mod frammentarju biss;

21. Jisħaq li, fil-każ ta' reati ekonomiċi, huwa possibbli li jinġiebu proċedimenti kriminali kontra membri individwali tal-bord tad-diretturi responsabbli għal dawn ir-reati;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta’ linji gwida dwar l-aħjar prattika fir-rigward ta’ kumpaniji mhux ikkwotati adattati sabiex iqisu l-partikolaritajiet u d-differenzi ta’ tali kumpaniji;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 120, 15.5.2009, p. 28.

(2)

ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22.

(3)

ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.

(4)

ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(5)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (19.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar kwistjonijiet deontoloġiċi relatati mal-amministrazzjoni tal-kumpaniji

(2009/2177(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Patrick Le Hyaric

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja għaddejjin mill-iktar kriżi serja ta' dawn l-aħħar 60 sena, u l-ekonomija reali qed tiffaċċja l-agħar riċessjoni tal-istess perjodu, u billi huma mistennija kundizzjonijiet tal-impjieg diffiċli, minkejja l-irkupru relattiv tal-ekonomija,

B.  billi l-profitt magħmul fis-settur finanzjarju ma kienx marbut mat-tkabbir ekonomiku, u s-salarji għoljin b'mod sproporzjonat kienu bbażati fuq il-garanzija ta' qligħ fuq perjodu qasir u ta' żieda fuq l-ishma għall-benefiċċju tal-azzjonisti, u dan ħoloq żieda fil-mudelli ta' negozju li qed isiru dejjem aktar riskjużi għad-detriment tal-ħaddiema, tal-impjegati, ta' min ifaddal u tal-investituri, u fuq medda twila ta' żmien inaqqsilhom ir-rieda li jinvestu,

C. billi ċ-ċittadini jħallsu doppju għal dan it-tip ta' riskju, li bl-ebda mod ma huma responsabbli għalih, permezz tat-telf tal-impjiegi u minħabba l-finanzjament mill-Istati għas-salvataġġ tal-istituzzjonijiet finanzjarji li bbenefikaw bil-kbir mid-distribuzzjoni mill-ġdid tal-parti salarjali fid-dħul nazzjonali, li minn 68% niżlet għal 58% bejn l-1972 u l-2009,

D.  billi s-sistema ta' bonusijiet, li wkoll kellha impatt fuq il-kriżi attwali, inżammet,

E.   billi l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema rigward il-ġestjoni tal-intrapriżi tagħhom għandha tiġi implimentata b'mod korrett sabiex ikun possibbli djalogu reali mad-diriġenti tal-intrapriżi u biex jiġu definiti b'mod ċar l-objettivi u l-prattiki salarjali tal-intrapriżi,

1.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea u d-dinja jeħtieġu mudell ġdid ta' produzzjoni soċjali u ambjentali maħsub għal żmien twil u li jqis l-interessi ġenerali u tal-impjegati, u struttura finanzjarja ġdida bbażata fuq sistema ta' regoli prudenzjali u deontoloġiċi u sottomessa għas-sorveljanza tal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej b'setgħat vinkolanti; huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-ekonomija reali, jikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u juri responsabbiltà soċjali ikbar, partikolarment permezz tal-użu tar-riżorsi favur l-impjieg u t-taħriġ;

2.  Iħaddan il-prinċipji li l-Kummissjoni introduċiet fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta' April 2009, l-ewwel nett dwar l-istruttura tas-salarji u l-governanza fil-qasam tas-salarji tal-amministraturi u d-diriġenti tal-intrapriżi kkwotati fil-borża u, it-tieni nett, dwar l-istruttura tas-salarji, il-proċess tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politika tas-salarji (il-governanza), it-trasparenza tal-politika tas-salarji u l-kontroll prudenzjali (is-sorveljanza) fis-settur finanzjarju, iżda jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew biss trasposti fl-Istati Membri b'mod mhux soddisfaċenti; jitlob għalhekk li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu kkunsidrati kif xieraq fil-proċess tar-reviżjoni tad-Direttiva 2006/49/KE;

3.  Jixtieq isaħħaħ l-esiġenza ta' proporzjonalità tas-salarji fi ħdan l-intrapriżi billi tinħoloq rabta bejn l-evoluzzjoni fis-salarji u l-pensjonijiet tad-diriġenti, fit-totalità tagħhom, u dawk tal-persunal, u billi jiġi skoraġġut it-teħid żejjed ta' riskji; iqis li, għal raġunijiet ta' ġustizzja soċjali u ta' sostenibbiltà ekonomika, il-kompożizzjoni, l-istruttura u l-livell ta' salarju, tal-bonusijiet, il-benefiċċji tat-tluq, id-drittijiet għall-ishma u l-pensjonijiet tad-diriġenti tal-intrapriżi kkwotati fil-borża, intrapriżi li għandhom parteċipazzjoni pubblika u/jew intrapriżi megħjuna mill-Istati Membri jew mill-Unjoni Ewropea għandu jkollhom limiti konformi mas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri fil-qasam tas-salarju, u għandhom jiġu taxxati, bi qbil mal-leġiżlazzjonijiet fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjamet tal-protezzjoni soċjali u tas-servizzi pubbliċi; jitlob għalhekk li jiġi żviluppat pjan Ewropew ta' ġlieda kontra l-pajjiżi li joffru kenn mit-taxxi sabiex jiġu konkretizzati d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-G20 f'Londra u f'Pittsburgh;

4.  Huwa konvint li, fil-qafas ta' definizzjoni ta' politiki ta' salarji tal-amministraturi u tal-valutazzjoni ta' dawn il-politiki fir-rigward tal-ġestjoni u tal-iżvilupp tal-intrapriza, huwa meħtieġ li jitqiesu wkoll kriterji mhux finanzjarji bħar-rispett għall-objettivi ta' responsabbiltà soċjali u ambjentali; jissuġġerixxi perjodu ta' żmien minimu ta' tliet snin sabiex din il-valutazzjoni tkun sinifikanti; ifakkar bis-saħħa li ġestjoni tal-intrapriżi u tal-politiki ta' salarji għandhom jirrispettaw u jħeġġu l-prinċipji ta' pagi ndaqs u tal-ugwaljanza fit-trattament bejn is-sessi, li jinsabu mħaddna fit-trattati u fid-direttivi Ewropej;

5.   Jitlob biex, fid-dawl ta' każijiet bħal dak ta' Dell Ireland, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tistabbilixxi previżjonijiet rigward l-użu tal-għajnuna Ewropea u l-impatt ta' din l-għajnuna fuq l-istrateġiji tal-intrapriżi u r-riperkussjonijiet soċjali tagħha; jitlob li l-ħolqien tal-impjiegi, it-taħriġ u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg jitqiesu fit-tfassil ta' dawn il-previżjonijiet;

6.   Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi emendata d-Direttiva 2006/49/KE(1) dwar l-adegwatezza tal-kapital, sabiex il-prinċipji msemmija hawn fuq isiru vinkolanti għall-banek u l-intrapriżi ta' investiment, billi dawn jiġu soġġetti għal kontroll prudenzjali u billi jiġi żgurat li l-ammont totali ta' rimunerazzjoni totali ma jillimitax il-kapaċità li jiżdied il-kapital tagħhom; jinsisti dwar il-fatt li għandu jkun applikat regolament Ewropew imsaħħaħ għas-settur finanzjarju kollu kemm hu, inklużi l-assigurazzjonijiet u l-fondi ta' investiment alternattivi, bħall-fondi protetti (hedge funds) u l-fondi ta’ kapital privati (private equity funds);

7.   Jaffirma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu ppenalizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-intrapriżi, b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-politiki dwar is-salarji, l-iżvilupp tal-karrieri u l-proċess tar-reklutaġġ tad-diriġenti;

8.   Jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll jingħataw poteri vinkolanti sabiex dawn il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda jiġu rispettati;

9.   Ifakkar li, matul il-proċess ta' ristrutturazzjoni tal-ekonomija, minbarra l-miżuri ta' għajnuna għall-ekonomija reali, il-miżuri ta' protezzjoni tal-impjiegi, tat-taħriġ u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ta' importanza fundamentali u għandhom jiġu kkunsidrati mill-partijiet kollha interessati;

10. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li r-regolamentazzjoni tal-inċentivi finanzjarji u tal-istrutturi tas-salarji fis-settur finanzjarju ma tipperikolax id-dritt tal-unjins għal negozjati kollettivi;

11. Jitlob li jkun hemm trasparenza totali f'dak li jikkonċerna l-politiki salarjali tad-diretturi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-Unjoni Ewropea. Ifakkar li l-impjegati u l-unjins tagħhom għandhom id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni permezz tal-kunsilli tal-intrapriża u l-kunsilli tal-gruppi;

12. Jitlob li jiġu implimentati b'mod effikaċi r-regoli li jikkonċernaw il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati magħżula fil-kuntest tad-Direttiva 2001/86/KE(2) li tikkomplementa l-Istatut tal-Intrapriża Ewropea;

13. Jipproponi li filwaqt li jiddefinixxu bl-aktar mod strett l-indipendenza tal-membri tal-korpi fil-livell ta' diriġenti ta' kumpanija, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom ifittxu l-aktar mekkaniżmi effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom tista' twassal mhux biss għat-tisħiħ fil-ġestjoni etika tal-kumpaniji, iżda wkoll għal żieda fis-suċċess ekonomiku tal-intrapriżi;

14. B'mod konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009, jappoġġja l-idea li jiġi impost limitu massimu ta' ħlasijiet għad-diretturi li jingħataw is-sensja kif ukoll jiġi pprojbit l-ippremjar tagħhom f'każ li t-tmiem tal-kuntratt ikun dovut għal prestazzjoni mhux adegwata.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Pervenche Berès, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Julie Girling, Dieter-Lebrecht Koch, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Emilie Turunen

(1)

ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(2)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Daniel Hannan, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Kay Swinburne, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Mejju 2010Avviż legali