Proċedura : 2009/2107(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0150/2010

Testi mressqa :

A7-0150/2010

Dibattiti :

PV 17/06/2010 - 4
CRE 17/06/2010 - 4

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 7.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0243

RAPPORT     
PDF 244kDOC 181k
10 ta' Mejju 2010
PE 439.290v01-00 A7-0150/2010

dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

(2009/2107(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Guido Milana

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

(2009/2107(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura: Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea (COM(2009)0162),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar ta’ regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar(1),

–   wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (COM(2009)0541),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 257/2009 tal- 24 ta' Marzu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 dwar il-folja ta' informazzjoni supplimentari għan-notifikazzjoni tal-għajnuna għas-sajd u l-akkwakultura(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 248/2009 tad-19 ta’ Marzu 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fejn jirrigwarda n-notifiki li jikkonċernaw l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet u l-intervent fi ħdan l-iskop tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (Riformulazzjoni)(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE, fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kwarantina tal-annimali tal-akkwakultura, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/946/KE tat-12 ta' Diċembru 2008 li timplimenta din id-direttiva(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(5),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE(6),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi(7),

   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal-24 ta' Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea(8),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2005 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u tal-prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet li jgħaddu l-mard(9),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bit-titlu ‘Linjigwida għal Strateġija Integrata għall-Politika Marittima: Lejn l-aqwa prassi fil-governanza marittima integrata u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati’ (COM(2008)0395), ‘Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE’ (COM(2008)0791) u ‘Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea’ (COM(2009)0536), u r-Rapport tal-Progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE (COM(2009)0540),

–   wara li kkunsidra r-Rapporti u l-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-2008 dwar sitta mill-ispeċijiet ewlenin tal-ħut li jitrabbew għall-ikel fl-UE u l-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-EFSA tal-2009 dwar il-benessri fil-punt tal-qatla ta’ tmien speċijiet ta’ ħut li jitrabbew għall-ikel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010(10) dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd (COM(2009)0163),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008(11) dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008(12) dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta' Amministrazzjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008(13) dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni ta' statistiki mill-Istati Membri dwar l-akkwakultura,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007(14) dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006(15) dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ Komunitarju rigward skemi ta' ekotikkettar għall-prodotti tas-sajd,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2003(16) dwar l-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea: il-preżent u l-futur,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-eżaminar tal-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura(17) u l-aċċettazzjoni tal-Linji Gwida mill-Istati Membri(18),

–   wara li kkunsidra t-Trattat FUE u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona(19),

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-raba' Sessjoni tas-Sottokumitat tal-FAO dwar l-Akkwakultura(20),

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli(21),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0150/2010),

A. billi fil-preżent mhemmx qafas leġiżlattiv speċifiku u armonizzat għas-settur tal-akkwakultura: billi minflok, dan is-settur huwa kopert minn diversi testi leġiżlattivi tal-UE f'oqsma differenti (l-ambjent, is-saħħa pubblika, eċċ.) u minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tista' tvarja b'mod notevoli minn Stat Membru għal ieħor, u b'hekk tinħoloq konfużjoni bejn l-operaturi fis-settur, apparti li tikkawża diskriminazzjoni u tgħawwiġ fis-suq,

B.  billi, f’dan il-kuntest, l-aktar pass xieraq hu li l-Kummissjoni tipproponi regolament li jistipula r-regoli għas-settur tal-akkwakultura u b’hekk iddaħħal iċ-ċarezza leġiżlattiva meħtieġa,

C. billi s-settur tal-akkwakultura huwa settur ekonomiku, innovattiv u potenzjalment ta' teknoloġika sofistikata li jirrikjedi investiment strutturali u riċerka intensiva u ppjanar għal żmien twil operattiv u finanzjarju, u għaldaqstant jeħtieġ ukoll ċertezza legali u oqsfa leġiżlattivi ċari u stabbli,

D. billi s-settur tal-akkwakultura jinteraġixxi b'mod dirett ma' oqsma tal-politika li huma importanti ħafna għas-soċjetà tagħna, bħall-ambjent, it-turiżmu, l-ippjanar urban, l-iżvilupp reġjonali, is-saħħa pubblika u l-ħarsien tal-konsumatur; billi għaldaqstant huwa essenzjali li jitqiesu sewwa l-interessi tas-settur u li dan is-settur jiġi ttrattat b'mod ġust,

E.   billi l-forom kollha tal-akkwakultura għandhom ikunu sostenibbli u ġusti soċjalment u, b’konsegwenza ta’ dan, m’għandha ssir l-ebda ħsara lill-ekosistemi biż-żieda fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi naturali u fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jiġu prodotti mill-bniedem, bħal kimiċi mhux degradabbli u diossidu tal-karbonju, u permezz ta’ tfixkil fiżiku,

F.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 uriet ċar li mhix adegwata biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħtu spinta sinifikanti lill-iżvilupp tas-settur tal-akkwakultura tal-UE, filwaqt li f'dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm tkabbir sostanzjali tas-settur mad-dinja kollha, flimkien ma' tkabbir fid-domanda għall-prodotti tas-sajd, kemm għal dawk tal-akkwakultura u kemm għall-ħut selvaġġ, b'żieda kbira fl-importazzjoni ta' prodotti bħal dawn minn pajjiżi ta' barra l-UE,

G. billi l-UE hija importatur nett tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u d-domanda għal dawn il-prodotti qed tiżdied kemm globalment, minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, kif ukoll fuq livell Komunitarju minħabba l-adeżjonijiet tal-imgħoddi u ġejjiena fl-UE ta’ pajjiżi li fihom din it-tendenza ta’ domanda hija aktar aċċentwata, kif ukoll minħabba li x-xejriet tal-konsum qed jinbidlu lejn ikel ibbażat fuq prodotti aktar tajbin għas-saħħa,

H.  billi, barra minn hekk, hemm bżonn ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni affidabbli għall-prodotti tal-akkwakultura,

I.   billi s-settur tal-akkwakultura sostenibbli tal-Komunità jista' jagħti kontribut kbir biex jiżgura provvisti tal-ikel ta' kwalità għolja fir-rigward tal-prodotti tal-ħut u b'hekk inaqqas il-pressjoni fuq l-ispeċijiet selvaġġi billi jiddiversifika l-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, apparti li għandu rwol importanti fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, tal-attivitajiet ekonomiċi u tal-impjiegi, b'mod speċjali f'reġjuni rurali u tal-kosta,

J.   billi l-UE għandha għaldaqstant tagħti importanza strateġika akbar lis-settur tal-akkwakultura sostenibbli u lill-iżvilupp tiegħu, filwaqt li tipprovdi lis-settur bl-għajnuna finanzjarja meħtieġa, filwaqt li jibqa’ jitqies li t-teknoloġija għolja meħtieġa mill-attivitajiet tal-akkwakultura spiss tinvolvi investiment sostanzjali minn kumpaniji, ikunu ta’ liema daqs ikunu,

K. billi, minħabba l-importanza li jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura, il-Kummissjoni hija mħeġġa li tiddedika parti mill-Fond Ewropew għas-Sajd għal dan il-għan; billi l-istrumenti relevanti jeħtieġ li jkunu flessibbli u effikaċi biżżejjed biex jiggarntixxu l-iżvilupp tas-settur, inkluża r-riċerka xjentifika,

L.  billi r-riċerka kunsiderevoli u l-innovazzjoni teknoloġika meħtieġa biex tkun żgurata l-kompetittività u s-sostenibilità tal-akkwakultura u biex ikun possibbli li l-operaturi jagħmlu suċċess fis-settur jinsabu lil hinn mill-possibilitajiet ta' bosta kumpaniji fis-settur, irrelevanti jekk dawn ikunux SMEs jew impriżi kbar,

M. billi, biex tkun effettiva, politika tal-akkwakultura sostenibbli jeħtieġ tkun strutturata b'mod li tgawdi u tippromwovi l-involviment multidixxiplinarju u kkoordinat tas-setturi kollha relatati mal-attività,

N. billi l-UE diġà qed tapplika politika ta' appoġġ għall-agrikoltura organika u għall-prodotti tal-akkwakultura orġaniċi permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti Nri 834/2007, 889/2008 u 710/2009, bħala ċ-ċavetta għal settur tal-akkwakultura Ewropew, li jkun sostenibbli, li hija marbuta mill-qrib mal-idea li l-prodott jitjieb kemm jista' jkun ħalli jsir aktar kompetittiv u titjieb il-ħarsien tal-konsumaturi u anke l-informazzjoni u l-libertà tal-għażla tal-konsumaturi,

O. billi kwalunkwe politika tal-akkwakultura sostenibbli, fil-livell Komunitarju u kemm fil-livell lokali, trid tqis id-distinzjonijiet bejn id-diversi tipi ta' prodotti tal-akkwakultura (il-ħut tal-ilma baħar, il-ħut tal-ilma ħelu, il-molluski, il-krustaċji, l-algi u l-ekinodermi), b'miżuri adatti kif jixraq għall-istrutturi u għall-kwistjonijiet tas-swieq u tal-kompetizzjoni,

P.  billi l-miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli għandhom f’xi każijiet iqisu l-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-livelli ta' stress ikkawżati mid-densità tal-farm jew tat-trasport u li jinstabu metodi ta' qtil inqas krudili, u l-benessri tal-ħut b'mod ġenerali,

Q. billi l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħraf lill-ħut bħala ħlejjaq senzjenti u jipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, meta jfasslu u jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar is-sajd, iqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet ta’ benessri tal-annimali,

R.  billi f'ħafna pajjiżi tal-UE, l-operaturi tal-akkwakultura huma mtaqqla minn ostakli burokratiċi eċċessivi u piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mill-qafas legali eżistenti, li jillimitaw il-produttività u l-kompetittività tal-impriżi tagħhom, u b'hekk jiskuraġġixxu lill-investituri,

S.  billi l-ħut huma d-dieta naturali ta’ ħafna speċijiet ta’ ħut imrobbija fil-farms u l-biċċa l-kbira tal-farms jiddependu fuq dieti li fihom xi ikel mill-ħut jew żejt tal-ħut,

T.  billi fl-istess waqt, ħafna pajjiżi tal-UE mgħandhomx pjanijiet tal-iżvilupp nazzjonali jew reġjonali speċifiċi li jirregolaw l-impjanti f'żoni kontinentali, kostali jew marittimi u li jiddefinixxu b'mod ċar iż-żoni disponibbli għall-impjanti tal-akkwakultura, bil-għan li jiġu evitati l-kunflitti ta' interess faċilment prevedibbli mal-politiki tal-ħarsien ambjentali u setturi ekonomiċi oħra, bħat-turiżmu, l-agrikoltura u s-sajd mal-kosta,

U. billi politika tal-akkwakultura sostenibbli tista' teżisti flimkien ma' żoni Natura 2000 u tista' anke tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-ġestjoni tagħhom f'każijiet fejn l-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit jippermettu, u għall-benessri tal-popolazzjonijiet ikkonċernati meta tittratta attivitajiet tradizzjonali tas-sajd għall-frott tal-baħar jew meta tipprovdi għal impjanti tal-akkwakultura ta’ daqs xieraq li għalihom mhemmx siti alternattivi, li jirrispettaw ir-regoli Komunitarji dwar l-istimi tal-impatt ambjentali u huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-ħabitats,

V. billi l-prodotti tal-UE fil-mument qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni qawwija minħabba l-importazzjonijiet minn pajjiżi ta' barra l-UE, b'mod speċjali mit-Turkija, miċ-Ċilì, mill-Vjetnam u miċ-Ċina, fejn il-kumpaniji jistgħu joperaw b'ħafna inqas spejjeż peress li mhumiex soġġetti għall-istess limitazzjonijiet legali, għall-istess liġijiet ambjentali u fitosanitarji stretti, u jistgħu iħallsu salarji baxxi (dumping soċjali), u b'hekk ipoġġu lis-settur tal-akkwakultura tal-UE taħt aktar pressjoni, u dan jaffettwa l-kwalità tal-ikel u jipperikola s-saħħa tal-konsumaturi,

W. billi l-attivitajiet tal-akkwakultura għandhom impatt ambjentali aktar baxx minn ta’ setturi primarji oħrajn, u għaldaqstant il-prodotti tal-akkwakultura huma aktar sostenibbli; billi sezzjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea mhix konxja ta’ dan il-fatt, li jista’ jwassal għal preġudizzji bla bażi dwar dawn il-prodotti,

X. billi l-ħsara minħabba l-marguni qed thedded, f’ħafna żoni, l-attività tradizzjonali u naturali tas-sajd fl-għadajjar tal-ħut,

ĠENERALI

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq il-Komunikazzjoni COM(2009)0162 imsemmija hawn fuq, bħala indikazzjoni li qiegħda tingħata aktar attenzjoni lis-settur tal-akkwakultura sostenibbli, u jittama li din se twassal għal reviżjoni leġiżlattiva li tkun aktar adatta għall-ħtiġiet u l-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur, bil-għan li jiġi kkonsolidat fil-livell globali;

2.  Jirrimarka li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew ma għadux entità konsultattiva fis-settur tas-sajd, u li sar koleġiżlatur fis-settur tal-akkwakultura wkoll;

3.  Iqis li kwalunkwe riforma leġiżlattiva tas-settur tal-akkwakultura għandha tkun kumpatibbli, b'mod faċli u kumplimentari, mal-proċess attwali tar-riforma tal-PKS;

4.  Jindika li l-Parlament fil-imgħoddi diġà kien ġibed l-attenzjoni rigward il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni aktar konċiża, konsistenti u trasparenti dwar l-akkwakultura;

5.  Jesprimi l-fehma li settur tal-akkwakultura sostenibbli u b'saħħtu jista' jkun katalist għall-iżvilupp ta' ħafna nħawi remoti, kostali u rurali fl-Istati Membri u jgħin fl-iżvilupp tal-produzzjoni relatati, b’benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi wkoll, f’sura ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja, tajbin għas-saħħa u prodotti b’mod sostenibbli;

6.  Iqis li l-kompetittività tal-akkwakultura tal-Komunità għandha tissaħħaħ permezz ta’ appoġġ qawwi, attiv, kostanti u li jkun iffukat għar-riċerka u għall-iżvilupp teknoloġiku, li hu prerekwiżit essenzjali għall-iżvilupp ta' settur tal-akkwakultura li jkun sostenibbli, modern, effiċjenti, ekonomikament vijabbli u b'kuxjenza ambjentali; jinnota wkoll li n-netwerks ta’ riċerka, il-gruppi ta’ riċerka multidixxiplinarji, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-koordinament bejn is-settur u x-xjenzjati permezz ta’ pjattaformi tat-teknoloġija huma essenzjali biex jiggarantixxu li l-investiment fl-R&Ż jagħtu riżultati tajbin;

7.  Jilqa’ l-ħolqien tal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura, filwaqt li titqies il-ħtieġa li s-settur tal-akkwakultura jkun appoġġjat bl-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jirrispondi għall-isfidi li jinħolqu;

8.  Iqis li s-suċċess tas-settur tal-akkwakultura sostenibbli Ewropew se jiddependi ħafna mill-bini, fil-livell nazzjonali u lokali, ta' ambjent li jiffaċilita aktar in-negozju, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex, mingħajr dewmien iħaffu f’xogħolhom għal dan il-għan u jippromwovu l-iskambji tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE;

9.  Jenfasizza li t-tnaqqas tal-burokrazija jinkuraġġixxi l-investiment fis-settur u jqis li hu essenzjali li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, jimplimentaw proċeduri ta' simplifikazzjoni amministrattiva malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jintroduċu proċeduri ta' konċessjoni trasparenti u standardizzati fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ħolqien ta' impjanti ġodda tal-akkwakultura;

10. Iqis li settur tal-akkwakultura sostenibbli u organiku għandu jkun f'pożizzjoni li jipprovdi lill-konsumaturi prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja li jiżguraw nutriment tajjeb għas-saħħa u bbilanċjat;

11. Iqis li s-sistemi tal-akkwakultura li jnaqqsu l-qabda tas-sajd jew li jniġġsu l-baħar max-xtut għandhom jitqiesu bħala mhux sostenibbli u li l-akkwakultura Ewropea għandha tagħti prijorità lil speċijiet erbivori u lil speċijiet karnivori li jistgħu jgħixu fuq konsum imnaqqas ta’ ikel li ġej mill-ħut u ta’ żejt tal-ħut;

12. Jenfasizza li, sabiex tikber l-industrija tal-akkwakultura fl-Ewropa, is-settur jiddependi minn żvilupp kontinwu biex il-fattur tal-konverżjoni tal-għalf għall-prodott (FCR) tal-proteina miksuba mis-sajd fis-selvaġġ; isemmi l-fatt li l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ adatt għall-produzzjoni tal-għalf huma limitati u f’ħafna każijiet isir wisq sajd fihom u għaldaqstant, l-iżvilupp tal-akkwakultura għandu jiffoka aktar fuq l-ispeċijiet erbivori u fuq l-ispeċijiet li jieklu l-ħut, biex b’hekk jonqos aktar il-fattur tal-għalf;

13. Iqis li huwa urġenti u indispensabbli li jiġu introdotti u msaħħa l-kriterji rigorużi u trasparenti dwar il-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE, li jitjieb l-għalf, u li jiddaħħlu u jissaħħu l-kriterji tat-tikkettar għall-prodotti tal-akkwakultura ta' kwalità għolja u għall-produzzjoni tal-akkwakultura organika;

14. Iqis li l-għan prijoritarju taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ambjentali għall-prodotti tal-akkwakultura għandu jkun li l-promozzjoni tal-użu b'kuxjenza ambjentali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli li jqis il-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali, bir-rispett dovut għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli(22) u għal-linji gwida ġejjiena tal-FAO;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi programm Ewropew ta’ tikkettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jsegwi l-linji gwida tal-Komunità dwar it-tikkettar ekoloġiku; jenfasizza li t-tikkettar ekoloġiku mhux biss jagħti vantaġġ kompetittiv lill-prodotti tal-akkwakultura Ewropej, iżda wkoll jagħti trasparenza lil suq fejn il-proliferazzjoni ta’ ċertifikazzjonijiet privati jistgħu jfixklu lill-konsumaturi;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-istokkjar tal-farms tal-akkwakultura ma jolqotx l-istatus naturali jew il-vijabilità tal-popolazzjonijiet selvaġġi, tal-ekosistemi tal-baħar u tal-bijodiversità b’mod ġenerali;

17. Iqis l-assistenza finanzjarja ta' kumpens għall-ħsara kkawżata minn annimali mħarsa bil-liġi bħala prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ settur sostenibbli, modern u effiċjenti tal-akkwakultura;

18. Huwa tal-fehma li, filwaqt li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta tal-UE għandha tindirizza aspetti ġenerali bħall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, l-użu u l-ħarsien tal-ilma u t-traċċabilità tal-prodott, m'għandux jiġi adottat approċċ ġeneriku u mhux divrenzjat f'dik il-leġiżlazzjoni;

19. Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn aktar sod mill-UE favur investimenti fl-akkwakultura sostenibbli, billi jingħata finanzjament addizzjonali mill-Fond Komunitarju għas-Sajd, u tingħata preferenza għall-aħjar prattika ambjentali; isemmi, madankollu, li l-finanzjament ġejjieni tal-attivitajiet relatati mal-akkwakultura għandhom ikunu possibbli biss bl-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (EIA)(23), biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati ma jwasslux għal degradazzjoni tal-ambjent jew tal-istokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar selvaġġ;

20. Jisħaq li r-rispett għall-bijodiversità għandu jkun stabbilit bħala prinċipju bażiku tal-politika tal-akkwakultura tal-UE, kemm għall-ibħra domestiċi kif ukoll għad-dimensjoni esterna tal-istrateġija tal-akkwakultura, u l-appoġġ jingħata lit-trobbija tal-ħut fil-każijiet biss fejn l-ispeċijiet involuti jkunu jew lokali jew ġa stabbiliti sew; jitlob li jkun hemm valutazzjoni xjentifika tar-riskju għal kull introduzzjoni non-nattiva u għal miżuri li jikkontjenu u jimmonitoraw l-ispeċijiet dannużi għall-ekoloġija;

21. Itenni l-ħtieġa li l-attivitajiet tas-sajd tradizzjonali tal-frott tal-baħar jiġu inklużi mal-bqija tas-settur tal-akkwakultura fil-Politika Komuni dwar is-Sajd, biex tiġi żgurata s-sostenibilità ekonomika, soċjali u ambjentali u biex dawn ikunu ggarantiti aċċess non-diskriminatorju għall-finanzjament Ewropew;

22. Iqis li huwa essenzjali li jittieħdu l-passi kollha xierqa biex jiġi żgurat li kwalunkwe prodott tal-akkwakultura li jkun importat fl-UE minn pajjiż terz, kemm għall-konsum kif ukoll għall-ipproċessar, ikun konformi bis-sħiħ mal-istess standards tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza tal-ikel daqs prodott ekwivalenti tal-Komunità, u li kontrolli bir-reqqa fis-siti xierqa jgħinu b'mod effettiv biex jintlaħaq dan il-għan, mingħajr ma joħolqu ostakli ġodda għall-kummerċ u billi jħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

23. Jenfasizza li l-akkwakultura għandha tiġi meqjusa li hi kumplimentari għas-settur tal-qbid, b'mod partikolari rigward il-provvista tas-suq u l-impjegabilità;

KUNSIDERAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Qafas leġiżlattiv, amministrattiv u finanzjarju

24. Jistieden lill-Kummissjoni li b'ħeffa tippreżenta proposta għal regolament li jikkonsolida f'test wieħed il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola s-settur tal-akkwakultura, u sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn id-diversi Direttorati Ġenerali li għandhom responsabilità f’dan il-qasam;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex f'dak ir-regolament tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u r-regoli ġenerali bażiċi Ewropej għad-diversi kategoriji ta' prodotti, li jrid ikunu konformi magħhom kull stabbiliment tal-akkwakultura fil-Komunità, flimkien mad-dispożizzjonijiet għal armonizzazzjoni massima tal-kriterji tal-impatt ambjentali fil-livell Komunitarju sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiġi ddelega r-responsabbiltà tal-fażi tal-implimentazzjoni u l-kontrolli tal-operat tal-istabbilimenti lill-awtoritajiet territorjali kompetenti, b'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; pereżempju l-parametri tal-impatt ambjentali, l-użu tar-riżorsi tal-ilma, it-tagħlif tal-ħut, tal-molluski u tal-krustaċji tat-trobbija fl-unitajiet tal-produzzjoni, it-traċċabilità u l-ittikkettar tal-prodott, kif ukoll l-istandards tas-saħħa u tal-benessri tal-ħut eċċ;

26. Jemmen li s-settur tal-akkwakultura għandu jkun sorveljat kif xieraq u għandu jkopri medda usa’ ta’ attivitajiet tal-baħar, bħat-trasport marittimu, it-turiżmu nawtiku, il-farms tal-enerġija mir-riħ offshore, is-sajd, eċċ.;

27. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod formali biex jiddokumentaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti rigward l-ambjent u l-ħarsien tat-turiżmu tal-pajjiżi tagħhom u - fir-rigward ta' dawk iż-żoni li mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet - li jadottaw il-pjanijiet għall-iżvilupp meħtieġa għat-tmexxija taż-żoni tal-baħar, tal-kosta u tal-ilmijiet interni, b'mod li l-pjanijiet settorjali għall-akkwakultura jkunu jistgħu jiġu stabbiliti, filwaqt li jkunu identifikati biċ-ċar iż-żoni disponibbli għall-istabbiliment ta’ impjanti fis-settur;

28. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu favur 'pjan ta' żvilupp marittimu' u l-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta, kif previst mill-politika marittima ġdida tal-UE u b'mod konformi mal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, li tkopri l-kategoriji differenti kollha tal-prodotti fis-settur, bħas-sajd tal-frott tal-baħar, l-akkwakultura subkostali, l-akkwakultura tal-baħar u l-akkwakultura tal-ilma ħelu, u biex jimpenjaw ruħhom ħalli jnaqqsu l-ostakli burokratiċi eżistenti għall-kisba tal-permessi u tal-konċessjonijiet meħtieġa biex jibdew attività tal-akkwakultura sostenibbli, possibbilment billi joħolqu 'one-stop shops' li jiċċentralizzaw il-formalitajiet amministrattivi li jkollhom jagħmlu l-operaturi f'post wieħed; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex ifasslu pjanijiet strateġiċi fuq żmien fit-tul biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli ta’ din l-attività u lill-Kummissjoni abiex tressaq proposti għall-miżuri kollha meħtieġa biex tkun promossa l-kompetittività fis-settur, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru;

29. Jittama li l-Fond tas-Sajd Ewropew tal-ġejjieni b'appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd riformata se jipprevedi linji baġitarji speċifiċi għall-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli u appoġġ għall-investiment f'dak is-settur, li jsegwi l-aħjar prattika ambjentali, u li jippromwovi l-attività ekonomika u l-ambjent b'attenzjoni partikulari fuq impjanti teknoloġikament innovattivi li jkollhom inqas impatt ambjentali (pereżempju sistemi tat-tisfija tal-ilma biex jitneħħew ir-residwi u l-elementi niġġiesa), farms li jippromwovu s-saħħa u l-benessri tal-ħut u forom sostenibbli ta' akkwakultura; jenfasizza li dawn il-linji baġitarji għandhom jipprovdu għal finanzjament addizzjonali mill-Fond Ewropew għas-Sajd u m’għandux ikun finanzjat permezz ta’ tnaqqis ġenerali fl-infiq f’setturi oħra, partikolarment fis-sajd;

30. Jittama li dan il-Fond se jqis il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-impriżi fis-settur, b'mod partikolari lill-SMEs u lill-impriżi familjari, abbażi tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-inħawi kostali u b’enfasi fuq l-inħawi remoti jew tal-konfini;

31. Jappoġġja lill-Istati Membri fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ liċenzji li jinkuraġġixxu l-aċċess fit-tul għas-siti eżistenti, speċjalment fis-siti fejn joperaw l-SMEs u l-impriżi mmexxija mill-familji;

32. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkunu żgurati kontribuzzjonijiet finanzjarji ikbar għar-riċerka xjentifika, għall-innovazzjoni u għat-trasferiment tat-teknoloġija fil-qasam tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu li tkun sostenibbli u organika, u għall-impriżi li jridu jikkonvertu l-produzzjoni konvenzjonali kollha tagħhom, jew parti minnha, għal produzzjoni organika, permezz ta' politiki settorjali li jkopru l-aspetti ewlenin kollha, mill-katina tal-provvista għall-ottimizzazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti fis-suq, b'ġestjoni aħjar ta' dawk l-aspetti fl-assi tematiċi stipulati mill-Fondi Strutturali u minn programmi Komunitarji;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lis-settur tal-akkwakultura strument ekonomiku reali għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u sabiex tidentifika sistemi ta’ appoġġ f’każ ta’ diżastri bijoloġiċi naturali (bħall-proliferazzjoni tal-fitoplankton tossiku), diżastri li ġejjin mill-bniedem (bħall-“Erika” u l-“Prestige”) jew fenomeni meteoroloġiċi estremi (ċikluni, għargħar, eċċ.);

34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw it-trobbija sperimentali ta' speċijiet awtoktoni, teknoloġiji għall-produzzjoni ta’ ħut b’saħħtu u sforzi biex jiġġieldu l-mard assoċjat mal-akkwakultura, fl-interess tad-diversifikazzjoni tal-produzzjoni tal-akkwakultura Komunitarja, biex din tkun tista' toffri prodotti ta' kwalità għolja u ta' valur miżjud ogħla, billi jitħeġġu r-riċerka u l-iskambji tal-aħjar prattiki fuq dawk l-ispeċijiet u fuq il-metodi ta' produzzjoni konċernati, sabiex il-prodotti tal-akkwakultura jkunu jistgħu jikkompetu aħjar ma' prodotti tal-ikel innovattivi oħra;

35. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-istokks tal-ispeċijiet li qed isiru aktar skarsi fix-xmajjar jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel, b’mod partikulari l-ispeċijiet migratorji tradizzjonali b’impatt ekonomiku sinifikanti fuq il-popolazzjonijiet lokali (l-istorjun, l-alosa alosa, is-salamun, eċċ.) u ċerti speċijiet tal-baħar, u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-ħtieġa li jiġi ggarantit il-finanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis it-tendenza lejn l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' akkwakultura offshore bħala soluzzjoni potenzjali għall-problema tad-disponibilità tal-ispazju fuq ix-xtut Ewropej, u sabiex tqis il-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi diffiċli li fihom dan it-tip ta’ akkwakultura jitwettaq;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu taħriġ professjonali xieraq fil-qasam tal-akkwakultura, jagħtu spinta lill-kompetittività fis-settur, u jinkuraġġixxu l-possibilità ta' taħriġ mill-ġdid għall-membri professjonali tal-industrija tas-sajd f'metodi alternattivi tal-ġestjoni ta' ambjenti akkwatiċi, biex b’hekk jgħinu wkoll fil-ħolqien ta' impjiegi sikuri għaż-żgħażagħ f'żoni rurali u tal-kosta u fir-reġjuni l-aktar periferiċi, u b'mod speċjali fir-reġjuni li jiddependu ħafna mill-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura;

38. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-promozzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura; jistieden ukoll lill-Kummissjoni testendi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni tas-settur tal-akkwakultura sostenibbli u tappoġġja u toffri inċentivi għal kampanji promozzjonali fil-livell tal-UE u tas-swieq esterni;

Politika tal-kwalità u tal-ħarsien tal-konsumatur

39. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli ma jistax jieħu preċedenza fuq politika tal-kwalità stretta, metodi tal-produzzjoni b'kuxjenza ambjentali li jirrispettaw il-benessri tal-annimali – fir-rigward tat-trasport tal-istokk tal-akkwakultura, tal-metodi tat-tbiċċir u tal-bejgħ ta’ ħut ħaj – standards tas-saħħa rigurużi u livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur;

40. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa tikketta tal-kwalità speċifika tal-UE għall-prodotti tal-akkwakultura, flimkien ma' tikketta speċifika għall-akkwakultura organika, filwaqt li tistabbilixxi regoli stretti skont il-prinċipji tal-UE għall-produzzjoni organika ta' kwalità għolja, biex il-konsumatur ikun jista' jkun żgur mill-affidabilità tas-sistema tal-produzzjoni, tal-kontroll u tat-traċċabilità sħiħa tal-prodotti tal-akkwakultura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tuża strutturi ta’ tikkettar diġà eżistenti għall-produzzjoni ta’ akkwakultura organika ta’ kwalità għolja;

41. Huwa tal-fehma li l-produzzjoni responsabbli ta’ ingredjenti għall-għalf tal-ħut, inklużi ingredjenti mill-baħar, hija kundizzjoni għas-sostenibilità tal-akkwakultura;

42. Jistieden lill-Kummissjni torganizza u tippromwovi, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kampanji ta' informazzjoni istituzzjonali ħalli tippromwovi l-prodotti tal-akkwakultura, inklużi prodotti tal-akkwakultura organika;

43. Itenni l-fehmiet li diġà esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Marguni, u jindika li t-tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati mill-marguni u minn tajr ieħor tal-priża lid-ditti tal-akkwakultura huwa fattur importanti fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u għaldaqstant għas-sopravivenza u għall-kompetittività tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu stmati l-ħsarat ikkawżati mill-marguni u tajr ieħor tal-priża fis-settur tal-akkwakultura u sabiex jitfasslu pjanijiet għal azzjoni korrettiva f’dan is-settur;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet mitluba fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Diċembru 2008(24), l-aktar fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ kontroll tal-popolazzjoni tal-marguni fuq diversi stadji, ikkoordinat fuq livell Ewropew, u l-ġbir ta’ dejta xjentifika dwar id-daqs tal-popolazzjonijiet tal-margun; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti għal-leġiżlazzjoni komprensiva f’dan il-qasam;

45. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u wara li tkun ikkunsidrat id-diversi kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatoloġiċi, it-tekniki ta’ produzzjoni użati u n-natura partikulari tal-ispeċijiet imrobbija, tipproponi kriterji sostenibbli speċifiċi rigward il-benessri tal-ħut tat-trobbija, bħal livelli massimi ta' densità tat-trobbija, il-kwantità ta' proteini veġetali u annimali li jistgħu jintużaw f'għalf għall-ħut tat-trobbija fit-tipi differenti ta' fish farms, u li jqisu l-fatturi speċifiċi relatati mat-trobbija ta' speċijiet individwali, ir-rekwiżiti nutrittivi tal-ispeċijiet tal-ħut imrobbija, il-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u l-kundizzjonijiet ambjentali, u biex tippromwovi prattiki tat-trasport u tal-qtil li jillimitaw l-elementi li joħolqu l-istress u t-tibdil tal-ilma fl-għadajjar tal-ħut b'mod li ma jkunx iddisturbat il-ħut li jitrabba fihom; jifhem li l-għan fit-tul irid ikun is-sostituzzjoni tal-proteini annimali bi proteini veġetali għall-ispeċi kollha fejn ikun possibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet nutrittivi tagħhom, u li r-riċerka strateġika dwar is-sostituzzjoni għall-ingredjenti essenzjali għandha tkun l-ogħla prijorità, meta wieħed iqis li r-riċerka dwar in-nutrijenti essenzjali u dwar il-produzzjoni tagħhom minn sorsi alternattivi bħall-alka mikroskopika u l-ħmira jnaqqas il-ħtieġa ta' għalf magħmul mill-ħut fuq żmien twil;

46. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1/2005 (KE) dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport(25) sabiex jiġi limitat it-trasport tal-ħut fuq distanzi twal, u b’hekk jiġu promossi l-impjanti lokali tal-trobbija tal-ħut u biċċeriji qrib il-farms tal-ħut;

47. Jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta li l-provvista ta’ materja prima użata għal-għalf tal-ħut tkun tirrispetta prattika ambjentali aċċettabbli u ma jkollhiex impatti ħżiena fuq l-ekosistemi li minnhom jinġiebu l-ingredjenti;

48. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-proċeduri ta’ qabel il-qatla li huma klassifikati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bħala ta’ ħsara għal benessri tal-ħut jiġu evitati; ċerti metodi ta’ qatla li, skont l-EFSA, iżommu lil ħut f’sensih għal ħin twil qabel ma jmut, bħall-asfissjazzjoni f’taħlita tas-silġ, għandhom jiġu pprojbiti;

49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida tekniċi speċifiċi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ għalf sostenibbli tal-ħut;

Relazzjonijiet barranin

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistinkaw ħalli jiżguraw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun applikata b'mod rigoruż matul il-katina kollha tal-prodotti tal-akkwakultura, fosthom l-għalf u l-materja prima għall-għalf, li jiġu importati minn pajjiżi terzi;

51. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga hi stess u mhux permezz ta’ partijiet terzi l-metodi ta’ produzzjoni tal-fish farms barra mill-Unjoni Ewropea u tirrapporta dwar kwalunkwe periklu għas-saħħa;

52. Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-prodotti tal-ikel akkwatiċi mmanifatturati fl-UE jew importati fl-UE jottemperaw ma’ standards għoljin ta’ ħarsien ambjentali u ta’ saħħet il-konsumatur u tas-sigurtà;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tistinka ħalli tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-moviment ħieles tal-prodotti jiġi applikat għall-farmaċewtiċi ta' kura kif ukoll preventivi użati fl-akkwakultura, biex tippromwovi ftehimiet reċiproċi dwar għarfien avvanzat ma' pajjiżi terzi, u biex tippromwovi li pajjiżi oħra u entitajiet internazzjonali jintroduċu l-aħjar prattiki;

54. Itenni l-importanza li jsiru kontrolli sistematiċi fil-postijiet li joffru aċċess għas-suq intern u l-punti importanti tal-importazzjoni li jagħtu aċċess għas-suq intern ħalli l-konsumatur jingħata garanzija assoluta li l-prodotti tal-akkwakultura impurtati minn pajjiżi oħra jkunu soġġetti b'mod sistematiku għal kontrolli tal-kwalità stretti u li għaldaqstant ikunu konformi għalkollox mar-regoli tal-UE fil-qasam tal-iġjene u tas-saħħa pubblika;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu dawn il-prinċipji kemm fl-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ u kemm fil-fora istituzzjonali rilevanti kollha;

56. Jistieden lill-Kummissjoni tisponsorja, bħala parti mill-politika tal-UE ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, miżuri ta' appoġġ u ta' taħriġ maħsuba biex jgħinu fil-promozzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u ħalli l-kuxjenza tal-akkwakulturisti f'dawk il-pajjiżi titressaq lejn politika dwar kwalità u standards ogħla ta' produzzjoni, b'mod partikulari fir-rigward tal-ambjent, tal-iġjene u dawk soċjali fl-industrija;

57. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-istandards ambjentali u soċjali fl-industrija tal-akkwakultura barra l-UE u sabiex tesplora metodi biex ittejjeb l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi;

58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi stimi ta’ impatt ambjentali dwar l-effetti li l-ftehimiet kummerċjali tal-Komunità jista’ jkollhom fuq is-settur tal-akkwakultura;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15.

(2)

ĠU L 81, 27.3.2009, p. 15.

(3)

ĠU L 79, 25.3.2009, p. 7.

(4)

ĠU L 337, 16.12.2008, p. 94.

(5)

ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(6)

ĠU L 27, 31.1.2010, p. 1.

(7)

ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(8)

ĠU L 84, 31.3.2010, p. 19.

(9)

ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2010)0039.

(11)

ĠU C 21E, 28.1.2010, p. 11.

(12)

ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 1.

(13)

ĠU C 68E, 21.3.2009, p. 39.

(14)

ĠU C 323E, 18.12.2008, p. 271.

(15)

ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 233.

(16)

ĠU C 38E, 12.2.2004, p. 318.

(17)

ĠU C 84 , 3.4.2008, p. 10.

(18)

ĠU C 115, 20.5.2009, p. 15.

(19)

Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

(20)

Laqgħa fi Puerto Varas (Iċ-Ċilì) bejn is-6 u l-10 ta' Ottubru 2008, http://www.fao.org/fishery/nems/36393/en

(21)

Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO adottat fil-31 ta' Ottubru 1995.

(22)

Adottati mill-FAO fil-31 ta' Ottubru 1995.

(23)

Direttiva 85/337/KEE, kif emendata mid-Direttiva 97/11/KE u 2003/35/KE (id-Direttiva dwar l-EIAs)

(24)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta' "Pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni" sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura , P6_TA(2008)0583, rapport ta’ Heinz Kindermann (2008/2177(INI)).

(25)

ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport għandu l-għan li jkun ta' kontribut sinjifikanti għall-iżvilupp ta' strateġija ġdida tal-UE fil-qasam tal-akkwakultura maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tagħha għal tul ta' żmien medju u twil. Ir-riżoluzzjoni tipprovdi wkoll sensiela ta' linji gwida operattivi u talbiet konkreti, indirizzati lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-ġejjieni qarib tippreżenta proposta leġiżlattiva adegwata.

Is-settur tal-akkwakultura Ewropea jinkludi fih 'il fuq minn 16 500 ażjenda b'valur tal-bejgħ totali annwali ta' aktar minn EUR 3.5 biljun, u jiġġenera, b'mod dirett jew indirett, madwar 64 000 impjieg(1). Il-produzzjoni Ewropea tas-settur, minkejja li rduppjat bejn l-1981 u l-2001, meta laħqet 1.3 miljun tunnellata, baqgħet kważi l-istess (+0,5%) sal-2008, filwaqt li l-produzzjoni dinjija fl-istess perjodu kibret b'rati għoljin ħafna (+7.6% fis-sena)(2). F'kuntest globali ta' domanda għolja għall-prodotti tal-akkwakultura, l-Ewropa tikkontribwixxi 2% biss tal-produzzjoni dinjija tal-akkwakultura(3), filwaqt li konsum intern tagħha jaqbeż il-5 miljun tunnellata fis-sena; għaldaqstant, l-UE jkollha timporta żewġ terzi tal-prodotti li teħtieġ minn pajjiżi li mhumiex fl-UE; għaldaqstant, l-UE jkollha timporta żewġ terzi tal-prodotti li teħtieġ minn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-settur tal-akkwakultura fil-preżent - is-settur għadu kopert permezz ta' pletora ta' leġiżlazzjoni tal-UE u ta' regoli nazzjonali li jistgħu jvarjaw bil-kbir bejn stat u ieħor, filwaqt li joħolqu qafas legali mhux trasparenti u sitwazzjonijiet diskriminatorji u tgħawwiġ fis-suq li ma tantx jgħinu biex jitħeġġeġ l-investiment fis-settur. Il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni inizjali fl-2002(4), li kienet is-suġġett ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew f'Jannar 2003(5), li ma żiditx it-trasparenza tal-qafas regolatorju. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni u l-Kunsill komplew jadottaw, sikwit bl-użu tal-proċedura ta' komitoloġija(6), regoli dettaljati applikabbli għall-akkwakultura (organika u mhix), li dwarhom il-Parlament ma kellu ebda opportunità jagħti l-fehma tiegħu b'mod dirett. Il-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni ta' April 2009 li tagħmel parti mis-suġġett ta' dan ir-rapport għaldaqstant tipprovdi ċ-ċans li jiġi vvalutat kemm huwa xieraq li jiġi introdott qafas speċifiku tal-UE għas-settur tal-akkwakultura, filwaqt li l-għan aħħari jibqa' l-iżvilupp strutturat ta' industrija Ewropea tal-akkwakultura sostenibbli li tirrispetta l-bilanċi ambjentali, iżżid il-valur ekonomiku tal-operaturi tal-akkwakultura u l-komunitajiet lokali tagħha u toffri aktar garanziji lill-konsumaturi. Ikun xieraq ukoll li jkunu vvalutati s-sinerġiji rilevanti – fil-livell leġiżlattiv u fil-livell operattiv – bejn il-proposti mħejjija mill-industrija tal-akkwakultura u t-tħejjija ta' qafas ġdid għall-PKS li qiegħed jiġi żviluppat bħalissa għall-perjodu ta' wara s-sena 2012.

(1)

Framian (2009) 'Definizzjoni tal-ħtiġijiet f'termini ta' ġbir ta' data għall-akkwakultura'.

(2)

Il-Kummissjoni Ewropea, 'Studju tar-riżultati ekonomiċi u tal-kompetittività tas-settur tal-akkwakultura Ewropea, Diċembru 2008', Diċembru 2008.

(3)

FAO (2009) Fishstat Plus Database "Aquaculture production 1950-2007".

(4)

"Strateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea", COM(2002)511 finali.

(5)

Rapport ta' Hugues Martin (A5-0448/2002, 2002/2058(INI)), adottat fis-sessjoni plenarja fis-16.01.2003.

(6)

Pereżempju r-Regolament (KE) 710/2009, ippubblikat fil-ĠU tal-5 ta' Awwissu 2009, u Regolament 834/2007 li jemenda.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel  (2.3.2010)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

(2009/2107(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kartika Tamara Liotard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-forom kollha tal-akkwakultura għandhom ikunu sostenibbli u ġusti soċjalment u, b’konsegwenza ta’ dan, m’għandha ssir l-ebda ħsara lill-ekosistemi biż-żieda fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi naturali u fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jiġu prodotti mill-bniedem, bħal kimiċi mhux degradabbli u diossidu tal-karbonju, u permezz ta’ tfixkil fiżiku,

B.   billi l-forom sostenibbli ta’ akkwakultura jistgħu jagħmlu kontribut pożittiv għall-ħarsien tal-ambjent u jipprovdu wkoll mezz alternattiv ta' kif tiġi ssodisfata d-domanda għall-prodotti tas-sajd,

C.  billi l-akkwakultura u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni relatati magħha m’għandhomx iwasslu biex in-nies jiġu mċaħħda b'mod sistematiku milli jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom fir-rigward tal-ikel, l-ilma u d-djar,

D.  billi l-ħut jista’ jbati minn uġigħ u stress, u li bosta forom ta’ akkwakultura ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-UE għall-benesseri tal-annimali, u billi l-kunsiderazzjoni u l-implimentazzjoni kif għandu jkun tal-istandards tal-benessri tal-annimali jistgħu jwasslu għal benefiċċji sinifikanti, bħalma huma t-titjib fil-kwalità tal-prodott u anqas ħsara għall-ambjent,

E.   billi l-UE hija importatur nett tal-prodotti tal-akkwakultura; billi, barra minn hekk, hemm bżonn ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni affidabbli għall-prodotti tal-akkwakultura,

F.   billi qed jiġu prodotti aktar razez ta’ annimali u varjetajiet ta' pjanti ġodda għall-konsum permezz tal-akkwakultura,

G.  billi l-Kummissjoni dan l-aħħar ippubblikat Komunikazzjoni dwar ‘Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea’(1),

1.   Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li ħafna forom ta’ akkwakultura jista’ jkollhom impatt negattiv kemm fuq il-benesseri tal-annimali kif ukoll fuq is-saħħa tal-bnniedem, bħall-qerda tal-ħabitats, l-użu ta’ kimiċi kontra l-mard, it-tnaqqis u t-tmelliħ tal-ilma tax-xorb u tal-art agrikola, it-tniġġis tan-nutrijenti, l-aktar fil-lagi u f’żoni tal-baħar magħluqin jew parzjalment magħluqin bħalma huwa l-Baħar Baltiku, u t-tfixkil tal-bijodiversità meta jaħrab il-ħut tal-akkwakultura, u jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi leġiżlazzjoni sabiex telimina dawn l-effetti negattivi;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis iktar il-benesseri tal-ħut (filwaqt li tqis ukoll l-abilità putattiva tagħhom li jaħsbu u jħossu) fl-istrateġija tagħha dwar l-akkwakultura sostenibbli, u wkoll biex twettaq riċerka dwar l-indikaturi tal-benesseri, dwar il-metodi ta' sturdament u ta’ qatla u dwar il-mekkaniżmi tat-trasport tal-ħut;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi sistema ta’ ċertifikazzjoni sostenibbli għall-prodotti tal-akkwakultura li tmur lil hinn mir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 u, minbarra s-saħħa tal-annimali, tipprovdi wkoll ċertifikazzjoni fir-rigward tal-effetti ambjentali u soċjali, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji, u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, fi ħdan il-qafas tal-FAO, diġà sar progress pożittiv lejn sistema ta’ ċertifikazzjoni bħal din;

4.   Josserva li hemm avariji regolatorji sostanzjali li jikkonċernaw l-akkwakultura, li jistgħu jqanqlu lill-impriżi sabiex jieħdu l-produzzjoni tagħhom f’imkejjen fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprojbixxi mis-suq Ewropew il-prodotti li ma jissodisfawx l-istandards Ewropej tal-produzzjoni;

5.   Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-metodi ġodda ta’ produzzjoni użati fl-akkwakultura u/jew ir-razez tal-annimali u l-varjetajiet ta' pjanti ġodda li ddaħħlu fis-suq mill-15 ta’ Mejju 1997 jistgħu jaqgħu taħt ir-Regolament dwar Ikel Ġdid u, b’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġu awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq.

6.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga hi stess u mhux permezz ta’ partijiet terzi l-metodi ta’ produzzjoni tal-fish farms barra mill-Unjoni Ewropea u tirrapporta dwar kwalunkwe periklu għas-saħħa;

7.   Jitlob lill-Kummissjoni tinsisti li l-faċilitajiet tal-akkwakultura barra mill-UE jiġu spezzjonati u mmonitorjati b'mod strett sabiex ikun żgurat li l-importazzjonijiet jikkonformaw mal-istandards tal-UE u li l-produtturi Ewropej jaffaċċaw kompetizzjoni ġusta;

8.    Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-prodotti tal-ikel akkwatiċi mmanifatturati fl-UE jew importati fl-UE jottemperaw ma’ standards għoljin ta’ ħarsien ambjentali u ta’ saħħet il-konsumatur u tas-sigurtà;

9.   Jitlob lill-Kummissjoni tirrediġi, b’urġenza, kriterji u linji-gwida speċifiċi għas-settur tal-akkwakultura li jittratta l-interpetazzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali; jisħaq li dan l-isforz ma għandux jimmina l-abilità tal-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali li jistabbilixxu l-kriterji u l-linji-gwida tagħhom, billi jqisu l-kondizzjonijiet partikolari ta' sit partikolari;

10.  Jisħaq li r-rispett għall-bijodiversità għandu jkun stabbilit bħala prinċipju bażiku tal-politika tal-akkwakultura tal-UE, kemm għall-ibħra domestiċi kif ukoll għad-dimensjoni esterna tal-istrateġija tal-akkwakultura, u l-appoġġ jingħata lit-trobbija tal-ħut fil-każijiet biss fejn l-ispeċijiet involuti jkunu jew lokali jew ġa stabbiliti sew; jitlob li jkun hemm valutazzjoni xjentifika tar-riskju għal kull introduzzjoni non-nattiva u għal miżuri li jikkontjenu u jimmonitoraw l-ispeċijiet dannużi għall-ekoloġija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti riżultanti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma dwar l-attivitajiet tal-akkwakultura; jisħaq, iżda, illi din il-gwida ma għandhiex tqiegħed fil-periklu l-objettiv komplessiv tal-istatus tajjeb tal-ilma, kif jingħad fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(2);

12. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp tal-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu fil-kuntest tal-Politika Marittima Integrata tal-UE l-ġdida(3), bħala mezz ta’ koordinament ta’ azzjoni tal-Komunità fl-oqsma relatati, inkluża l-akkwakultura;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp marbutin mal-akkwakultura, billi tqiegħed l-enfasi fuq is-sistemi integrati u magħluqin ta’ riċirkulazzjoni tal-ilma.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Nessa Childers, Bas Eickhout, Edite Estrela, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jutta Haug, Anna Záborská, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Veronica Lope Fontagné

(1)

COM(2009) 162 finali, Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura: Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea.

(2)

Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L 327, 22.12.2000.

(3)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2007) 575 finali – ‘Politika Marittima integrata għall-Unjoni Ewropea’.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Alain Cadec, João Ferreira, Pat the Cope Gallagher, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Isabella Lövin, Guido Milana, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Gabriel Mato Adrover, Antolín Sánchez Presedo, Ioannis A. Tsoukalas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Aldo Patriciello, Potito Salatto

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2010Avviż legali