Proċedura : 2009/2220(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0193/2010

Testi mressqa :

A7-0193/2010

Dibattiti :

PV 05/07/2010 - 22
CRE 05/07/2010 - 22

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2010 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0263

RAPPORT     
PDF 234kDOC 157k
9 ta' Ġunju 2010
PE 439.183v03-00 A7-0193/2010

dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali

(2009/2220(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Pascale Gruny

ERRATA/ADDENDA
EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali

(2009/2220(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Impenn Komuni għall-Impjiegi' (COM(2009)0257), 

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 30 dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, l-Artikolu 31 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, u l-Artikolu 33 dwar il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku' (COM(2008)0800) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tal-11 ta' Marzu 2009(1),

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat(2),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Nixprunaw l-irkupru Ewropew' (COM(2009)0114),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Sħubija għall-bidla f'Ewropa wara t-tkabbir – It-titjib tal-kontribut tad-djalogu soċjali Ewropew' (COM(2004)0557),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà' (COM(2007)0359) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tad-29 ta' Novembru 2007(3),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni 'Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21' (COM(2006)0708), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tal-11 ta' Lulju 2007(4),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2008-2010,

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tat-8 ta' April 2009(5),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 (il-flessigurtà fi żminijiet ta' kriżi),

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni għall-Flessigurtà, 'L-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-flessigurtà fil-qafas tar-rawnd tal-perjodu 2008-2010 tal-Istrateġija ta' Lisbona', tat-12 ta' Diċembru 2008,

–    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tal-5 u s-6 ta' Diċembru 2007,

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-sħab soċjali Ewropej fir-rapport bl-isem, ‘Sfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej: analiżi konġunta tas-sħab soċjali Ewropej’, tat-18 ta’ Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin, tat-18-20 ta' Jannar 2007, dwar 'ix-xogħol ta' kwalità',

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0193/2010),

A. billi l-impjieg mhux standard kiber b'mod sinifikanti mill-1990 u l-impjiegi mitlufa bħala riżultat tal-kriżi ekonomika attwali kienu primarjament dawk fis-settur atipiċi; billi tipi ġodda ta’ kuntratti b'waħda, jew b'aktar minn waħda, mill-karatteristiki li ġejjin huma kklassifikati bħala impjiegi ‘atipiċi’: xogħol part-time, xogħol każwali, xogħol temporanju, xogħol b'kuntratti għal perjodu fiss, xogħol mid-dar u teleworking, impjieg part-time ta' 20 siegħa jew anqas fil-ġimgħa,

B.  billi l-ħtieġa għal impjieg flessibbli ġiet enfasizzata f’bosta okkażjonijiet,

C. billi l-globalizzazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed jikkawżaw ristrutturar ekonomiku estensiv, filwaqt li qed jikkawżaw tibdiliet fir-relazzjonijiet tal-impjiegi u fl-għamla tal-kompiti tal-ħaddiema, flimkien ma' mewġiet suċċessivi ta' negozji indipendenti ġodda b'persuna waħda fis-setturi u fil-gruppi tal-età kollha, u qed tinħoloq il-ħtieġa għal definizzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet tal-impjiegi, bl-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet (bħall-fenomenu tal-ħaddiema indipendenti 'foloz'),

D. wara li kkunsidra l-kriżi finanzjarja u ekonomika, li saret kriżi serja tal-impjiegi b'telf kbir ta' impjiegi u li wasslet għal swieq tax-xogħol instabbli u biex il-faqar u l-esklużjoni soċjali komplew jiżdiedu, b'mod partikolari għall-individwi li diġà kienu vulnerabbli u l-gruppi żvantaġġati,

E.  billi l-għadd ta' nies li jaħdmu u li jgħixu fil-faqar qed jiżdied, u laħaq it-8% tal-forza tax-xogħol Ewropea, u l-proporzjon ta’ dawk li jaqilgħu pagi baxxi attwalment huwa ta' madwar 17%,

F.  billi għandu jkun żviluppat approċċ sostanzjali u komplementari tal-UE, li jiffoka sew fuq il-governanza effikaċi u taħlita ta' miżuri politiċi li jappoġġaw lil xulxin fl-oqsma tal-politiki ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali u tal-intraprenditorjat, konsistenti mal-prinċipji tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES), li l-iskop tagħha hu li ġġiegħel lill-Istati Membri jkollhom l-istess għanijiet ibbażati fuq l-erba’ prinċipji tal-impjieg, l-intraprenditorjat, l-adattabilità u l-opportunitajiet ugwali,

E.  billi r-rata tal-qgħad fl-UE 27 żdiedet għal 10% (2009), u l-qgħad x'aktarx jilħaq l-ogħla livell tiegħu qabel l-ewwel nofs tal-2011,

G. billi analiżi tal-bidliet fl-impjiegi skont il-livell edukattiv turi li n-numru ta' persuni bi ftit kompetenzi professjonali li għandhom impjieg naqas f'dawn l-aħħar snin,

H. billi kull sena l-medja hi li bejn wieħed minn kull ħamsa u kwart tal-ħaddiema Ewropej ibiddlu l-impjieg,

I.   billi r-rata ta' tranżizzjoni bejn il-qgħad u l-impjieg hija għolja, b'terz min-nies qiegħda u 10% tal-popolazzjoni inattiva jsibu impjieg fi żmien sena, iżda billi għadd kbir ta’ ħaddiema, speċjalment dawk b'impjieg atipiku, jitilfu x-xogħol tagħhom mingħajr ma jsibu ieħor ġdid,

J.   billi, fl-UE 27, 45% tal-perjodi kollha ta' qgħad idumu iktar minn sena, meta mqabbla ma' madwar 10% fl-Istati Uniti,

K. billi r-rata ta' bdil fl-impjiegi hija ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel (differenza ta' ħames punti perċentwali) u fost il-ħaddiema żgħażagħ (li għandhom inqas minn 24 sena) u tonqos aktar ma l-livell edukattiv jogħla, dan juri li l-bidla spiss tiġi sfurzata aktar milli magħżula u hija marbuta ma’ kuntratti insikuri fuq medda qasira ta’ żmien, u li ż-żgħażagħ sikwit ma jsibux impjieg li jaqbel mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom,

L.  billi huwa stmat li wieħed minn kull sitt ħaddiema għandu responsabilitajiet ta’ kura għal xi qarib jew ħabib akbar minnu jew dipendenti minnu,

M. billi f'xi Stati Membri kien hemm żieda fl-inċidenza ta' xogħol mhux iddikjarat, li tista' twassal għal problemi ekonomiċi (b’mod partikolari, fiskali), soċjali u politiċi serji,

N. billi l-valutazzjoni tal-flessigurtà hija kumplessa u huwa essenzjali li jkun hemm approċċ olistiku, speċjalment fid-dawl tat-tibdiliet li l-kriżi attwali tista’ wkoll tikkawża fl-imġiba tal-kumpaniji billi tistimulahom jimpenjaw ruħhom f’relazzjonijiet tax-xogħol dejjem inqas protetti u tassew prekarji,

O. billi, fil-kuntest tal-politiki tal-impjiegi, l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja edukattiva, professjonali u tal-familja, kif ukoll il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni jeħtieġ li jiġu promossi b'mod attiv,

P.  billi, filwaqt li d-djalogu soċjali żviluppa b'modi differenti fl-Ewropa, b'mod ġenerali d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li qed jiżdiedu wasslu għal djalogu tripartitiku intensifikat,

Q. billi n-negozjar kollettiv huwa l-aktar mod komuni biex jiġu determinati l-pagi fl-Ewropa – tnejn minn kull tliet ħaddiema huma koperti minn ftehim kollettiv tal-pagi, jew fil-livell tal-kumpanija jew f'livell ogħla,

R.  billi l-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Impjiegi tal-UE u l-Ministri għall-Affarijiet Soċjali li saret f’Berlin fid-19 ta’ Jannar 2007 kkonkludiet li ‘L-Ewropa teħtieġ aktar sforzi konġunti biex tippromwovi xogħol ta' kwalità. Xogħol ta' kwalità jfisser id-drittijiet tal-ħaddiem u l-parteċipazzjoni, pagi ġusti, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol kif ukoll organizzazzjoni tax-xogħol favur il-familja. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u ġusti, kif ukoll ħarsien soċjali xieraq, huma indispensabbli sabiex iċ-ċittadini Ewropej jaċċettaw l-Unjoni Ewropea',

S.  billi l-kunċett ta’ xogħol ta' kwalità għandu jipprovdi l-gwida fundamentali għall-fażi li jmiss tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi,

A. Il-kuntratti atipiċi

1.   Jistieden lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 biex jipprovdi gwida ċara u miżuri konkreti bil-għan li jiġu salvagwardati l-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi fil-qafas ta' Strateġija UE2020 ambizzjuża li tqis l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija, is-soċjetà u s-suq tax-xogħol;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-isforzi li saru mill-Missjoni għall-Flessigurtà; jistieden l-Istati Membri jistabbilixxu implimentazzjoni aktar ibbilanċjata u ġusta tal-prinċipji tal-flessigurtà, u jirrimarka li t-tagħlim reċiproku u l-iskambji tal-aħjar prattika, kif ukoll il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC) huma għodda essenzjali biex jiġu kkoordinati l-approċċi politiċi differenti tal-Istati Membri; jinnota, madankollu, li l-OMC jista' jitjieb u li, biex tiżdied l-effikaċja, il-governanza tal-ħtiġijiet tal-OMC jeħtiġilha tissaħħaħ;

3.  Jinnota l-varjetà wiesgħa tat-tradizzjonijiet tax-xogħol, tal-forom kuntrattwali u tal-mudelli tan-negozju li jeżistu fis-swieq tax-xogħol, waqt li jenfasizza l-ħtieġa, f’dan l-isfond ta’ diversità, li tingħata prijorità lill-protezzjoni tal-mudelli Ewropej u d-drittijiet tax-xogħol stabbiliti; jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq fl-iżvilupp ta’ strateġiji ġodda tal-impjiegi sabiex jiġi faċilitat id-djalogu u l-involviment tal-awtoritajiet politiċi u soċjali fil-livelli kollha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġaw il-pożizzjoni speċjali tal-ħaddiema freelance indipendenti bħala forza vitali fl-irkupru ekonomiku, bħala "dħul" jew alternattiva għas-suq tax-xogħol; jinnota li l-ħidma indipendenti qed jikber fil-popolarità, speċjalment fost il-ħaddiema żgħażagħ u n-nisa u bħala tranżizzjoni mix-xogħol għall-irtirar; jemmen li l-ħaddiema freelance indipendenti għandhom jiġu trattati bħala subsett uniku tal-mikronegozji u jitlob għal miżuri li għandhom jittieħdu biex jitnaqqas il-piż tar-regolamentazzjoni u biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw ħaddiema freelance indipendenti jibdew/ikabbru negozji freelance indipendenti u jippromwovu tagħlim tul il-ħajja għal dan il-grupp;

5.  Jenfasizza l-importanza ta’ xogħol indipendenti, b’mod partikolari għal negozji mikro u żgħar, u jenfasizza l-importanza tal-professjonijiet liberali, bil-karatteristiki partikolari tagħhom; jenfasizza li t-terminu “professjoni liberali” tfisser sempliċement xogħol ta’ ħila partikolari li jista’ jitwettaq ukoll b'mod indipendenti;

6.  Jikkunsidra li l-impjegati kollha, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom, għandhom jiġu garantiti sett ta' drittijiet ewlenin; jirrakkomanda li l-prijoritajiet għar-riforma tal-liġi tax-xogħol, fejn hi meħtieġa, għandha tiffoka fuq: l-estensjoni urġenti tal-protezzjoni tal-ħaddiema f'forom atipiċi ta' impjieg; ir-raggruppament ta’ kuntratti atipiċi bl-iskop ta’ simplifikazzjoni; il-ħolqien sostenibbli ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg normali; il-kjarifika tas-sitwazzjoni tal-impjiegi dipendenti, inkluża l-azzjoni ta’ prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza ta’ ħaddiema atipiċi; l-azzjoni kontra xogħol mhux iddikjarat; l-appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, inklużi dawk taħt kuntratti atipiċi, u l-faċilitazzjoni ta' tranżizzjonijiet bejn it-tipi differenti ta' impjieg u l-qgħad, permezz tal-promozzjoni ta' politiki, bħal pereżempju l-konċessjonijiet speċjali tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jinkoraġġixxi passi li jiċċaraw is-sitwazzjoni tal-impjiegi dipendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida ċari dwar l-ambitu tar-relazzjonijiet tal-impjiegi, kif irrakkomandat mill-ILO fir-Rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2006;

7.  Jilqa’ l-introduzzjoni min-naħa ta’ xi Stati Membri ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu lill-impjegati li għandhom responsabilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra biex jirrikonċiljaw dawn ir-responsabilitajiet mal-obbligi professjonali tagħhom permezz ta' arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b’mod attiv il-carers fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, inklużi drittijiet ta’ lif u arranġamenti għal xogħol b’ħinijiet flessibbli, part-time u mid-dar, li jippermettu li aktar carers iżommu jew jerġgħu lura għall-impjieg imħallas tagħhom fl-Istati Membri kollha;

8.  Jinnota d-distinzjoni li tagħmel il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bejn relazzjonijiet atipiċi tal-impjiegi u dawk atipiċi ħafna; jemmen li bosta forom ta’ relazzjonijiet atipiċi tal-impjiegi huma modi importanti għal carers, studenti u oħrajn li jiddependu minn kuntratti għal żmien qasir u xogħol part time, pereżempju, biex ikollhom dħul żejjed; jenfasizza li huwa vitali li l-ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi għandu jkollhom id-drittijiet minimi u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tranżizzjonijiet f'impjiegi produttivi u ta' sodisfazzjon ta' kwalità għolja u biex jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tax-xogħol li effettivament jissalvagwardaw id-drittijiet tal-persuni li huma impjegati f'forom atipiċi ta' xogħol, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali ma' ħaddiema b'kuntratti standard full-time fuq il-bażi tal-livell massimu ta' protezzjoni tal-ħaddiema;

10. Jirrakkomanda li l-ħaddiema b’kuntratti atipiċi jkunu koperti bid-Direttivi eżistenti tal-UE li jkopru l-kategoriji tal-ħaddiema fl-UE, inklużi d-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol (1993/104/KE), id-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (2008/104/KE), id-Direttiva dwar ix-xogħol part time (1997/81/KE) u d-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (1999/70/KE);

11. Jinnota li x-xejra lejn żieda fil-proporzjon ta' kuntratti mhux standard jew atipiċi għandha dimensjoni qawwija interġenerazzjonali u hija marbuta mal-ġeneru sesswali, peress li l-ħaddiema nisa, dawk ta' età kbira u l-ħaddiema żgħażagħ huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fl-impjiegi mhux standard; jinnota li xi setturi jgħaddu minn bidliet strutturali mgħaġġla; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestigw ir-raġunijiet għal din ix-xejra, biex jieħdu miżuri speċifiċi xierqa fl-oqsma rilevanti għall-ġlieda kontra dan l-iżbilanċ, billi jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal impjieg permanenti u, b'mod partikolari, billi jippromwovu miżuri li jippermettu sew lill-irġiel u sew lin-nisa jirrikonċiljaw ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, permezz ta' konċentrazzjoni akbar fuq id-djalogu soċjali ma' rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kumpaniji, u biex jissorveljaw u jippubbliċizzaw is-suċċess ta' dawn il-miżuri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-rikors għal kuntratti mhux standard jew atipiċi ma jservix biex jaħbi l-impjiegi illeċiti iżda pjuttost biex jippromwovi, permezz tal-iskambju tal-ħiliet, it-tranżizzjoni ta’ żgħażagħ u persuni qiegħda lejn integrazzjoni effikaċi fid-dinja tax-xogħol billi jipprovdu lill-kumpaniji Ewropej b’kuntest ta’ flessibilità u sigurtà li jsaħħaħ kemm l-impjegabilità kif ukoll il-kompetittività tagħhom;

12. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni aktar effikaċi tad-Direttiva 97/81/KE dwar ix-xogħol part-time u d-Direttiva 99/70/KE dwar ix-xogħol għal żmien fiss, filwaqt li jikkunsidraw b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali tan-nondiskriminazzjoni; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja li jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor, li huwa partikolarment importanti għall-ħaddiema għal perjodu fiss;

13. Jenfasizza li r-rikorrenza ta’ forom atipiċi ta’ impjieg għandha tkun għażla personali, u mhux impożizzjoni ddettata mill-ostakli li kulma jmorru qegħdin jiżdiedu għall-aċċess għas-suq tax-xogħol għal ċerti gruppi, jew in-nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja; jinnota b’mod partikolari li, għal ħaddiema żvantaġġati f’diversi aspetti, kuntratti atipiċi mfassla individwalment li jiġu pprovduti minn impriżi soċjali ta’ integrazzjoni fix-xogħol jistgħu jkunu possibilità ta’ għażla billi huma l-ewwel skaluna għall-kisba ta’ impjieg;

14. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u jitlob li tiġi implimentata minnufih;

15. Jinnota li forom atipiċi ta’ impjieg għandhom jagħtu b’kuntratt lill-ħaddiema d-dritt għal kors ta’ taħriġ u jenfasizza li l-forom mhux standard ta' xogħol jistgħu, jekk ikunu protetti kif suppost u jkunu jinkludu appoġġ fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema u t-tranżizzjoni għal impjieg protett u stabbli, jikkostitwixxu opportunità, iżda għandhom jimxu id f'id mal-appoġġ għall-ħaddiema li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni minn impjieg jew status ta' xogħol għal ieħor, permezz ta' politiki speċifiċi għall-impjieg attiv; jiddeplora l-fatt li dan sikwit jingħata l-ġenb;

16. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' intervent attiv li jagħtu lill-ħaddiema, b'mod partikolari n-nisa, li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol intitolament għal appoġġ individwali matul il-perjodu li jkun meħtieġ biex jiżviluppaw it-taħriġ u/jew ir-rikwalifikazzjoni tagħhom; il-persuni qiegħda għandhom jiġu appoġġati kemm permezz ta’ sistema soda ta’ sigurtà soċjali kif ukoll permezz ta’ sistema effiċjenti ta’ politiki attivi, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr anke jekk il-kuntratti preċedenti tagħhom kienu atipiċi, u l-kunsiderazzjoni importanti għandha tkun li l-persuni jinżammu fis-suq tax-xogħol u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom għal forom ta’ impjiegi deċenti, stabbli, protetti, u ta’ kwalità għolja; jekk id-dħul mill-ġdid tagħhom isir permezz ta’ kuntratti atipiċi, dawn il-kuntratti għandhom jiggarantixxu kundizzjonijiet irregolati tajjeb u kundizzjonijiet ta’ xogħol sikuri;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex, bl-għajnuna tas-sħab soċjali, tanalizza u tissorvelja t-tipi differenti ta' strumenti żviluppati fil-politiki nazzjonali ta' attivazzjoni;

18. Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex, bl-għajnuna tas-sħab soċjali, jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-impjieg illeċitu, b'mod partikolari permezz ta' pieni ta' prevenzjoni li jservu ta' deterrent, u jemmen li strateġiji ta' definizzjoni, inkluż fil-livell Ewropew, li jopponu l-impjieg illeċitu jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-impjiegi illeċitu u biex jonqsu r-relazzjonijiet ta' impjieg mhux sikur, b'mod speċjali dak 'atipiku'; hu tal-fehma li l-ġlieda kontra impjiegi illeċiti għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li joħolqu impjiegi alternattivi vijabbli u sostenibbli, u li jappoġġaw lill-persuni biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol miftuħ;

19. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja, sostenibbli u sikuri, jekk ikun meħtieġ wara perjodu ta’ taħriġ li jkun immirat għal impjieg sostenibbli u full-time, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi u dawk fis-settur tas-saħħa, u li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali;

20. Jenfasizza li mhux il-forom kollha ta’ impjieg atipiku jwasslu bilfors għal impjiegi instabbli, insikuri u każwali b'livell aktar baxx ta' ħarsien taa-sigurtà soċjali, b’pagi baxxi u aċċess limitat għal aktar taħriġ u tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza, madankollu, li forom prekarji ta' impjieg bħal dawn huma sikwit marbuta ma' arranġamenti kuntrattwali atipiċi;

21. Jinnota li l-qgħad għoli u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jeħtieġ li jingħelbu billi l-ħaddiema kollha jingħataw drittijiet ugwali u jsir investiment fil-ħolqien tal-impjiegi, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, ineħħu gradatament kull forma ta’ impjieg prekarju;

22. Jinnota li t-tneħħija gradata tal-impjiegi prekarji teħtieġ impenn qawwi mill-Istati Membri biex jipprovdu “skaluni”, permezz tal-politiki tagħhom dwar is-suq tax-xogħol, għat-tranżizzjoni minn impjiegi prekarji għal impjiegi regolari permanenti b’titjib fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien soċjali;

23. Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja privata; jikkritika, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għan-nuqqas tagħhom li jieħdu azzjoni sinifikattiva u effikaċi biex dan l-impenn jonorawh fil-prattika;

24. Jinnota li t-titjib fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata jista’ jinkiseb bl-aħjar mod billi jiġi aġġornat il-mudell tal-impjieg standard: kuntratti permanenti b'impjieg full-time iqsar bħala n-norma ġenerali, u l-introduzzjoni ta' normi għall-impjieg part-time, hekk li x-xogħol part-time sostanzjat u soċjalment protett (15-25 siegħa fil-ġimgħa) jiġi offrut lil dawk li jixtiequ jaħdmu part-time; jisħaq fuq il-ħtieġa li x-xogħol full-time u x-xogħol part-time jitqiegħdu fl-istess livell f'dak li jikkonċerna s-salarju fis-siegħa, id-dritt għall-edukazzjoni u għat-tagħim tul il-ħajja, l-opportunitajiet ta' karrieri u l-protezzjoni soċjali;

B. Il-flessigurtà u l-karrieri professjonali sikuri

25. Jemmen li huwa essenzjali li l-perspettiva attwali dwar il-flessigurtà tiġi aġġornata fil-livell Ewropew fid-dawl tal-kriżi preżenti, biex tiġi faċilitata ż-żieda kemm tal-produttività kif ukoll tal-kwalità tal-impjiegi billi jiġu garantiti s-sigurtà u l-protezzjoni tal-impjieg u tad-drittijiet tal-ħaddiema, b'appoġġ speċjali għal persuni li huma żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tippermetti l-flessibilità organizzattiva li l-kumpaniji għandhom bżonn biex joħolqu l-impjiegi bħala reazzjoni għall-bżonnijiet tas-suq li dejjem qed jinbidlu; huwa tal-opinjoni wkoll li l-implimentazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-prinċipji tal-flessigurtà tista’ tiffaċilita li s-swieq tax-xogħol isiru aktar robusti fil-każ ta' tibdil strutturali; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-flessibilità u r-rekwiżiti ta' sigurtà u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol mhumiex kontradittorji u jistgħu jirrinforzaw lil xulxin jekk jiġu stabbiliti permezz ta' paragun ġust tal-opinjonijiet tas-sħab soċjali, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien mat-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki tajba; jemmen li fis-snin reċenti dawk ir-rekwiżiti ma ġewx riflessi adegwatament fir-riżultati tat-tkabbir tal-impjiegi fl-Ewropa;

26. Jenfasizza li hemm problema li qed tikber b’rata mgħaġġla fir-rigward tal-ħaddiema indipendenti ‘foloz’, li ta’ spiss jiġu sfurzati minn min iħaddimhom jaħdmu b'kundizzjonijiet ħżiena ħafna; dawk li jħaddmu u li jużaw il-kapaċità tax-xogħol ta’ impjegati indipendenti ‘foloz’ għandu jkollhom pieni imposti fuqhom;

27. Jemmen li l-flessigurtà ma tistax topera kif suppost mingħajr ma tingħata protezzjoni soċjali b’saħħitha u appoġġ lil min jerġa' jidħol fis-suq tax-xogħol, li huma elementi essenzjali waqt it-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għall-impjieg, bejn xogħol u ieħor, u mill-impjieg għall-irtirar;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tistinka biex tinkiseb l-implimentazzjoni bbilanċjata tal-politiki tal-flessigurtà billi tippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni fid-diversi Stati Membri u billi tiċċekkja li l-miżuri tal-flessibilità jkunu ġew akkompanjati adegwatament minn miżuri ta’ sigurtà, u biex tgħin lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ flessigurtà sabiex jiġu applikati f’konformità mad-drittijiet soċjali miksuba fil-livell Ewropew u skont in-natura speċifika tad-diversi swieq tax-xogħol u t-tradizzjonijiet diversi fir-rigward ta’ politiki tax-xogħol u ta’ negozjati kollettivi u tal-istruttura tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, u jenfasizza li t-tagħlim reċiproku, l-iskambju ta’ prattika tajba u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni huma għodod essenzjali għall-koordinazzjoni tad-diversi approċċi strateġiċi tal-Istati Membri;

29. Jemmen li, speċjalment fil-kuntest tal-qagħda ekonomika preżenti, l-implimentazzjoni tal-flessigurtà fl-Istati Membri hija saħansitra aktar meħtieġa u li s-sħab soċjali jappoġġaw biss ir-riformi tal-liġijiet tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol jekk huma jkunu jridu jnaqqsu b'mod effikaċi d-differenzi fit-trattament bejn it-tipi differenti ta' kuntratti; jirrimarka li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' flessibilità teħtieġ protezzjoni soċjali xierqa, biex jiġi żgurat li n-nies jistgħu jgħixu u jiżviluppaw, flimkien ma' appoġġ speċjali għal dawk li jfittxu x-xogħol u liġijiet tax-xogħol solidi għal kull tip ta' impjieg ibbażati fuq qafas istituzzjonali ċar, u jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi ta' protezzjoni akbar biex tiġi evitata t-tbatija;

30. Jenfasizza li t-talba għal livell għoli ta’ flessibilità fuq il-post tax-xogħol m’għandhiex tasal sal-punt li tirrestrinġi bil-kbir il-ħajja u l-iżvilupp tan-nies u li tagħmilha diffiċli ħafna li jistabbilixxu u jsostnu familja, li jieħdu ħsieb il-qraba u li jipparteċipaw fil-ħajja tas-soċjetà;

31. Jenfasizza l-importanza tal-aspett tas-sigurtà fil-flessigurtà, li jeħtieġ li jipprovdi għajnuna lill-ħaddiema li jkunu qed ifittxu x-xogħol u li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ tranżizzjoni u jiggarantixxi li jkollhom kundizzjonijiet deċenti tal-għajxien; dan l-appoġġ għandu jinkuldi miżuri adegwati ta’ taħriġ biex in-nies ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għan-neċessitajiet tas-suq tax-xogħol;

32. Jemmen li l-kumpaniji jibżgħu minn nuqqas ta' qbil persistenti bejn il-ħtiġijiet tagħhom u l-kompetenzi offruti minn dawk li jfittxu x-xogħol, li m'għandhomx aċċess għall-kreditu li jippermettilhom jirreklutaw u jinvestu u ma jinvestux biżżejjed fis-suq tax-xogħol, u jenfasizza l-importanza, fil-kuntest tal-kriżi ekonomika kurrenti, tal-iżvilupp ta' viżjoni fit-tul mis-sistema ta' produzzjoni Ewropea; il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għan-negozju, riżorsi finanzjarji adegwati u l-għoti ta' kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol; u t-tisħiħ taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema fir-rigward tal-ambitu, il-kopertura u l-infurzar tal-liġi tax-xogħol;

33. Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, is-sejba u l-pieni għall-impjieg illeċitu; jistieden lill-Kummissjoni tfassal sett ta’ inizjattivi konkreti, inklużi regoli speċifiċi li jittrattaw il-“kumpaniji li jservu ta' kaxxa tal-ittri”, dispożizzjonijiet dwar responsabilità konġunta u separata fil-katini tas-sottokuntrattar u l-ħolqien ta’ Aġenzija tal-UE għall-prevenzjoni u s-sejba tal-impjieg illeċitu;

34. Jemmen li, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, f'xi Stati Membri l-kumpaniji mhux qed jirnexxilhom isibu fis-suq tax-xogħol il-forom tal-kuntratt li l-aktar jippermettulhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-flessibilità meħtieġa biex jirrispondu għall-bidliet mhux mistennija fid-domanda tas-suq, għal-limitazzjoni tal-ispejjeż, u għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-ħaddiema;

35. Jitlob, fil-kuntest tal-organizzazzjoni moderna tax-xogħol, li jinħolqu arranġamenti kuntrattwali flessibbli u siguri li jiżguraw it-trattament ugwali; jemmen bil-qawwa li l-kuntratti tax-xogħol ta’ perjodu indefinit għandhom jibqgħu l-forma ewlenija ta’ impjieg u jqis li, fil-kuntest tal-organizzazzjoni moderna tax-xogħol, għandha ssir dispożizzjoni għall-kuntratti li huma flessibbli f’termini ta’ arranġamenti tax-xogħol u li huma siguri fir-rigward tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-impjieg; jirrikonoxxi li d-definizzjoni tal-qafas legali għall-kuntratti ta' impjieg għal żmien indefinit u l-mod li bih huma marbuta mal-kunċett tal-flessigurtà fil-liġi nazzjonali tax-xogħol huma ta’ importanza kruċjali għall-aċċettazzjoni tagħhom min-negozji u minn dawk li jħaddmu;

36. Jikkundanna bil-qawwa s-sostituzzjoni ta’ impjiegi regolari b’forom ta’ kuntratti atipiċi li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar baxxi u inċerti u mhux għal kundizzjonijiet regolari tal-impjieg u li huma b’detriment tal-pubbliku ġenerali, l-impjegati u l-kompetituri; jenfasizza li prattika abbużiva bħal din tikser u tista’ tiddestabilizza l-mudell soċjali Ewropew, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw il-mezzi kollha neċessarji biex jiġġieldu kontra din il-prattika abbużiva għal żmien fit-tul, pereżempju billi jimponu pieni aktar ibsin;

37. Jemmen b’mod qawwi li, meta jitqiesu t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri, kwalunkwe forma ta’ impjieg għandu jkollha marbuta magħha għadd ta’ drittijiet, li għandhom jinkludu: il-pagi għall-għajxien u l-eliminazzjoni tad-differenzi fil-pagi abbażi tas-sess u l-etniċità; il-protezzjoni soċjali xierqa; in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali fit-tfittxija għall-impjieg u fl-impjieg, fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-karriera; il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol/tal-mistrieħ, id-drittijiet tal-pensjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni u tar-rappreżentanza, in-negozjar kollettiv, l-azzjoni kollettiva, l-aċċess għat-taħriġ u l-progress fil-karriera, kif ukoll il-protezzjoni f’każ ta’ telf ta’ impjieg;

38. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestu fil-ħiliet u fit-taħriġ biex jappoġġaw l-impjiegi stabbli u sostenibbli; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jinvestu fil-persuni billi jimplimentaw u jiffinanzjaw b’mod vigoruż strateġiji ta’ tagħlim maħsuba għall-ħtiġijiet tas-suq, u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kompetenzi mhux formali, filwaqt li jirrispettaw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja; jistieden ukoll lill-Istati Membri jintroduċu miżuri f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiggarantixxu li kull żagħżugħ li jitlaq mill-iskola jkollu aċċess għal xogħol, edukazzjoni għolja jew inkella biex jieħu taħriġ vokazzjonali;

39. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippermettu n-nies kollha, inklużi dawk l-aktar dgħajfa u l-iktar żvantaġġati, li jkollhom aċċess effikaċi għas-suq tax-xogħol u li jsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol flessibbli u l-kura, il-ħajja privata u tal-familja, li jiżguraw appoġġ qawwi għall-opportunitajiet ugwali u għas-servizzi kollha meħtieġa għal dak l-iskop, pereżempju permezz ta' miżuri li jakkumpanjawhom bħal-lif tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, ħinijiet flessibbli tax-xogħol, u faċilitajiet għall-kura tat-tfal li jkunu aċċessibbli, disponibbli u bi ħlas raġonevoli;

40. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki bl-għan li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol; jirrikonoxxi r-responsabilità u r-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk li joħolqu l-impjiegi, inklużi dawk li huma b’kuntratti atipiċi;

41. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jerġgħu jibdew jaħdmu wara l-lif tal-ġenituri, wara li jkunu ħadu taħriġ ta’ aġġornament jekk ikollhom bżonn;

42. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-inizjattiva tal-UE għall-impjiegi għandha tinkludi intervent bikri b'appoġġ għal dawk li huma qiegħda fil-mument meta fil-fatt jintilfu l-impjiegi, jekk xejn sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-persuni jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol u li jintilef il-kapital uman li dawn jikkostitwixxu;

43. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-iskemi ta' appoġġ, speċjalment għal dawk li għandhom ftit kompetenzi professjonali, permezz ta' approċċi ta’ mogħdija, konsultazzjonijiet personalizzati, taħriġ (mill-ġdid) intensiv tal-ħaddiema, impjiegi ssussidjati u għotjiet tal-bidu għal min jaħdem għal rasu u għan-negozji; jenfasizza speċifikament, madankollu, li din l-għajnuna trid tkun strutturata b’mod li l-impjiegi regolari ma jiġux sostitwiti;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw il-piżijiet amministrattivi, fejn ma jservux biex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema, biex jiffaċilitaw l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs, iżda jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-tibdil ma jkollux implikazzjonijiet fuq is-sikurezza jew is-saħħa tal-impjegati; jiġbed l-attenzjoni li l-SMEs huma, minħabba l-għadd kbir tagħhom, l-aġenti ewlenin fil-ġlieda kontra l-qgħad fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati, meta jkunu qed jitfasslu l-politiki tal-impjieg li jikkonċernawhom, il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u dawk tat-territorju li huma lokalizzati fih;

45. Jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-istat attwali fir-rigward tal-ħsieb u tal-implimentazzjoni tal-mogħdijiet tal-flessigurtà;

46. Jiddispjaċih għall-approċċ dejjaq tal-Kunsill u l-Kummissjoni lejn il-flessigurtà; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkommettu lilhom infushom għal aġenda ta’ Xogħol ta' Kwalità u li jinkorporawha fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Linji gwida Integrati u l-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi: il-promozzjoni tas-sigurtà fix-xogħol u l-impjieg, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għal politiki ta’ suq attiv tal-ħaddiema u t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa u s-sikurezza komprensivi fuq ix-xogħol, id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema universali u ugwali għal kulħadd, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja mhix marbuta max-xogħol, it-titjib tal-kwalità tal-impjieg u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol;

47. Jitlob lill-Istati Membri ma jippermettux il-qgħad għal raġunijiet ekonomiċi, sakemm isir kull sforz biex jerġgħu jitħarrġu l-ħaddiema;

C.       Forom ġodda ta' djalogu soċjali

48. Jemmen li r-rikonoxximent formali tar-rwol tas-sħab soċjali fit-Trattat il-ġdid huwa progress, peress li jirrikonoxxi l-awtonomija tagħhom u jerġa' jafferma l-importanza tar-rwol tagħhom fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali, u jenfasizza hawnhekk l-importanza partikolari tad-djalogu soċjali settorjali, fejn issa hemm rappreżentati 40 settur;

49. Huwa mħasseb, madankollu, dwar l-impatt tad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ Laval, Rüffert, Viking u Lussemburgu dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta' azzjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

50. Huwa tal-opinjoni li r-rikonoxximent tas-Samit Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi bħala korp istituzzjonali jikkontribwixxi għall-involviment tas-sħab soċjali fil-politiki ekonomiċi tal-UE;

51. Jemmen li l-kontribut tas-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tintlaħaq l-istrateġija UE2020 huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-ilħuq tal-miri tal-impjiegi u l-aġġornament u l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-flessigurtà;

52. Jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali jkunu responsabbli għas-sitwazzjoni tal-‘barranin’ (impjegati b’kuntratti atipiċi jew ‘atipiċi ħafna’) u biex jiżguraw li d-drittijiet u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni soċjali tagħhom ikunu bbilanċjati ma’ dawk ‘ta’ ġewwa’;

53. Jistieden lis-sħab soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali jappoġġjaw l-investiment fi strateġiji tat-tagħlim maħsuba għall-ħtiġijiet tas-suq u jilqa’ l-‘Qafas ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja tal-kompetenzi u l-kwalifiki’ diġà nnegozjat mis-sħab soċjali;

54. Jemmen li n-nies involuti fil-miżuri tal-inklużjoni tas-suq tax-xogħol jew miżuri biex jippreparawhom jidħlu (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu dawn is-servizzi għalihom jew li jirrappreżentawhom, għandhom ikunu parti mill-qafas, l-implimentazzjoni u t-twassil ta’ politiki li qed jaffettwawhom;

55. Jinnota li l-involviment tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u fl-implimentazzjoni jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, iżda li ġeneralment ix-xejra hi li jsir użu ta' taħlita usa' ta' strumenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika; jemmen li l-kwalità tar-rikonoxximent soċjali u istituzzjonali li jgawdu minnha s-sħab soċjali għandha tittejjeb aktar fil-livell nazzjonali u għandha tkun aktar sostanzjali fin-natura tagħha, peress li hija fattur determinanti importanti tal-kwalità tal-kontribut tagħhom; jenfasizza b’mod partikolari, madankollu, li l-kwalità tad-djalogu soċjali jvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor u minn settur għall-ieħor, u jħeġġeġ bil-qawwa s-sħab soċjali jiżviluppaw ‘sħubija soċjali’ ġenwina fil-livelli kollha;

56. Jemmen li n-negozjar kollettiv wera li hu strument effikaċi biex jinżammu l-impjiegi u biex jippermetti lin-nies li jħaddmu u l-impjegati jsibu soluzzjonijiet effiċjenti biex jilqgħu għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; jinnota li f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ kunsens qawwi bejn is-sħab soċjali fis-sistemi nazzjonali fejn il-protezzjoni tal-liġi tax-xogħol hija stabbilita għall-minimu;

57. Huwa konvint li d-djalogu soċjali b’suċċess fuq il-post tax-xogħol huwa determinat l-aktar mill-faċilitajiet li għandhom ir-rappreżentanti tal-impjegati fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-informazzjoni ta’ kwalità, it-taħriġ regolari u ħin suffiċjenti;

58. Huwa konvint li r-rwol tal-gvernijiet huwa deċiżiv biex jiġu pprovduti l-prekundizzjonijiet għal negozjar kollettiv inklużiv u effikaċi u biex jiġu inklużi strutturi tripartitiċi għall-involviment tas-sħab soċjali b’mod sostanzjali u istituzzjonalment formalizzat, u fuq bażi ugwali, fit-tfassil tal-politika pubblika, skont il-prattika u t-tradizzjonijiet nazzjonali;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali, lill-Kumitat Ewropew għall-Impjiegi, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati.

(1)

Testi adottati, P6_TA(2009)0123.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2008)0466.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2007)0574.

(4)

Testi adottati, P6_TA(2007)0339.

(5)

Testi adottati, P6_TA(2009)0371.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jaffaċċjaw kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali profonda u jeħtieġu li jagħmlu sforzi kbar biex jissalvagwardaw l-akbar numru ta' impjiegi u l-aktar ammont ta' xogħol possibbli fl-Ewropa.

Ir-rapporteur konvinta li l-mudell soċjali Ewropew, bl-objettivi tiegħu ta' tkabbir sostenibbli, impjieg sħiħ, progress soċjali, benessri u protezzjoni soċjali, jista' jiggwida lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex toħroġ mill-kriżi.

Sabiex noħorġu mill-kriżi u nissalvagwardaw l-impjiegi, nevitaw li jkun hemm ħafna qgħad u ngħinu lil dawk li m'għandhomx xogħol isibu impjiegi ġodda, jeħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna biex ninvestu fil-ħiliet, fit-taħriġ u fil-ħolqien sostenibbli tal-impjiegi.

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, ir-rapporteur tistenna li jintlaħaq ftehim waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa dwar gwida ċara u miżuri konkreti biex jiġu ssalvagwardati l-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol fil-qafas tal-Istrateġija UE2020.

Fl-Istrateġja UE2020, l-għan għandu jkun li titnieda b'mod effikaċi inizjattiva komprensiva Ewropea għall-impjiegi u li l-formalitajiet biex jiġu impjegati l-ewwel ħaddiema jkunu jistgħu jsiru minn punt ta' aċċess wieħed minn naħa, u min-naħa l-oħra, billi jissaħħu l-iskemi ta' attivazzjoni, b'mod partikulari għal dawk bi ftit kapaċitajiet, permezz ta' pariri personalizzati, taħriġ jew taħriġ mill-ġdid intensivi, u titjib fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema, l-apprentistati, l-impjieg issussidjat u għotjiet biex dawk li jaħdmu għal rashom u n-negozji jkunu jistgħu jibdew joperaw; barra minn hekk, jappoġġa l-allokazzjoni tal-ħlasijiet tal-Fond Soċjali Ewropew mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tqabbil tal-kapaċitajiet;

Din l-inizjattiva Ewropea għall-impjiegi għandha tinkludi intervent bikri fil-waqt meta fil-fatt jintilfu l-impjiegi, jekk xejn sabiex jitnaqqas ir-riskju li n-nies jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol. Interventi ta' dan it-tip se jirrikjedu investiment sinifikanti fit-taħriġ, inkluża żieda f'dawk li jagħtu t-taħriġ, waqt li tingħata attenzjoni għall-mod kif il-programmi ta' taħriġ u ta' integrazzjoni mill-ġdid fil-qasam tax-xogħol ikunu jistgħu jiġu kkoordinati aħjar, u għandhom mhux biss jużaw miżuri fuq perjodu ta' żmien qasir iżda wkoll għandhom jippruvaw biex kwalifiki ta' livell għoli jsiru possibbli sabiex jiżdiedu l-livelli ta' kwalifiki globali fl-Unjoni Ewropea u biex tingħata reazzjoni għall-bżonnijiet li qed jinbidlu tal-ekonomija attwali.

Ir-rapporteur temmen li hemm ċans akbar li l-persuni jaċċettaw l-isforzi rikjesti minnhom jekk, minn naħa, il-perċezzjoni ta' dawn l-isforzi tkun li huma ġusti u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu l-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali. Għaldaqstant l-Istati Membri jeħtiġilhom jinvestu fil-persuni billi jimplimentaw b'mod vigoruż l-istrateġiji tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u appoġġ finanzjarju addizzjonali. Għaldaqstant is-sħab soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali jeħtieġ li jappoġġaw l-investiment fl-istrateġiji tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Mira nazzjonali għall-investiment finanzjarju fit-Tagħlim Tul il-Ħajja mill-gvernijiet u mis-sħab soċjali tgħin tiżgura karrieri professjonali sikuri.

Ir-rapporteur hija konvinta li fil-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, hija meħtieġa l-promozzjoni attiva tal-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel.

Il-fatti

Ir-rata ġenerali ta' qgħad żdiedet fl-2009 fl-UE 27 minn 8 għal 9.6% (għall-irġiel minn 7.8 għal 9.8 u għan-nisa minn 8.1 għal 9.3).

F'dawn l-aħħar snin l-ammont totali ta' persuni impjegati li jaħdmu part time baqa' għoli u stabbli, u s-sehem tiegħu kien ogħla fl-UE 15 milli fil-pajjiżi li daħlu reċentement. Is-sehem tal-ħaddiema part time żdied fl-UE 27 matul l-2009 meta mqabbel mal-2008 b'madwar 0.5%. Din hija żieda relattivament kbira meta jitqies li bejn l-2006 u l-2008 ż-żieda globali kienet biss ta' 0.1%. Fl-2008 aktar minn 18% ta' dawk kollha li kienu impjegati fl-UE 27 kienu jaħdmu part time (31% tan-nisa kollha impjegati u kważi 8% tal-irġiel impjegati) u mill-ammont totali tal-impjegati li kienu jaħdmu part time, madwar 24% kienu qed jagħmlu dan mhux għax iridu (madwar 30% tal-irġiel u iktar minn 22% tan-nisa). Ir-raġuni ewlenija għax-xogħol part time involontarju (24% tal-persuni impjegati part time kontra qalbhom) huwa li l-persuni ma setgħux isibu impjieg full time.

Dawk li huma impjegati għal perjodu fiss kienu aktar sensittivi għas-sitwazzjoni ekonomika. In-numru totali ta' impjegati fl-UE 27 b'kuntratt temporanju naqas b'1.7 miljun bejn l-2007 u l-2009. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 6.3%, li huwa ħafna ikbar mit-tnaqqis ta' 1.3% fin-numru ta' impjegati b'kuntratt permanenti matul l-istess perjodu.

L-ammont ta' persuni li jaħdmu għal rashom kien naqas mill-2000 'l hawn, iżda baqa' stabbli f'dawn l-aħħar snin. Fl-2007 iktar minn 15% ta' dawk kollha impjegati fl-UE 27 kienu jaħdmu għal rashom (b'differenza bejn l-irġiel u n-nisa ta' madwar 6%), meta mqabbel ma' madwar 7% fl-Istati Uniti.

Mit-total tal-persuni impjegati, madwar 14% għandhom impjieg temporanju (2008). Ir-raġunijiet ewlenin huma li l-impjegati qed jieħdu tagħlim jew taħriġ jew ma setgħux isibu impjieg permanenti.

Madwar 5% ta' dawk kollha li kienu impjegati qed jaħdmu mid-dar (2008).

Il-Flessigurtà

Ix-xogħol atipiku jirreferi għal relazzjonijiet ta' impjiegi li ma jikkonformawx mal-mudell standard jew 'tipiku' ta' impjieg full time, regolari, ta' perjodu indefinit ma' impjegatur wieħed u fuq perjodu twil ta' żmien. Il-kuntratti flessibbli huma strument użat fl-Istati Membri bħala parti mill-politiki tal-impjiegi u għenu lil min m'għandux xogħol isib impjieg. Qed jinħolqu forom 'atipiċi ħafna' ta' impjiegi (jiġifieri kuntratti ta' impjieg ta' inqas minn sitt xhur, b'inqas minn 10 sigħat xogħol u kuntratti ta' xogħol mhux bil-miktub). Dawn il-forom ta' impjiegi huma l-aktar prevalenti fost il-ħaddiema żgħażagħ (19-29 sena) u dawk ta' età ikbar (50 sena u iktar), in-nisa u dawk bi ftit kompetenzi professjonali. Ħaddiema b'forom 'atipiċi ħafna' ta' impjieg jieħdu inqas taħriġ, ikollhom prospetti ta' karriera iktar limitati u inqas dħul meta mqabbla ma' kategoriji oħrajn ta' ħaddiema, u b'hekk ikollhom profil ta' impjieg iktar prekarju.

Ir-rapporteur hija konvinta li l-Istati Membri għandhom jissorveljaw u janalizzaw l-iżviluppi fit-tipi kollha tal-kuntratti.

Ir-rapporteur hija konvinta li l-implimentazzjoni vigoruża tal-istrateġiji tal-flessigurtà tista' tgħin fil-ġlieda kontra l-impjiegi illeċiti u tnaqqas il-prekarjetà ta' forom 'atipiċi ħafna' ta' xogħol. Fil-qafas tal-istrateġija ta' flessigurtà ikun aħjar li l-attenzjoni tingħata lit-tranżizzjonijiet għal impjiegi kwalitattivament tajbin milli liż-żamma tal-impjiegi. F'dan il-qafas, l-Istati Membri għandhom jinvestu f'politiki attivi tas-suq tax-xogħol u riformi istituzzjonali. Barra minn hekk, ir-rapporteur hija konvinta li l-Istati Membri għandhom janalizzaw b'mod kritiku l-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-impjiegi peress li din tispjega d-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fl-inċidenza ta' qgħad fuq perjodu twil ta' żmien u f'kemm idumu l-impjiegi.

Ir-rapporteur hija konvinta li hemm dimensjoni importanti tal-ġeneri sesswali fid-dibattitu dwar ix-xogħol atipiku, peress li l-irġiel huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fir-relazzjonijiet tipiċi tal-impjiegi u numru dejjem akbar ta' nisa fil-popolazzjoni li taħdem qed jaħdmu f'kundizzjonijiet atipiċi.

Id-Djalogu Soċjali

Ir-rapporteur temmen li r-rikonoxximent formali tar-rwol tas-sħab soċjali fit-Trattat il-ġdid huwa progress, peress li jirrikonoxxi l-awtonomija tagħhom u jerġa' jafferma l-appoġġ li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti lill-promozzjoni tad-djalogu soċjali. Ir-rikonoxximent tas-Samit Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi bħala korp istituzzjonali jikkontribwixxi għall-involviment tas-sħab soċjali fil-politiki ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.

Il-kontribut tas-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali biex tintlaħaq l-istrateġija UE2020 huwa partikolarment importanti biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi u l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-flessigurtà. Għaldaqstant, is-sħab soċjali fil-livell nazzjonali jeħtiġilhom jegħlbu r-riżervi kontra l-'barranin' (impjegati b'kuntratti atipiċi jew 'atipiċi ħafna') u jibbilanċjaw id-drittijiet u l-protezzjoni soċjali tagħhom ma' dawk 'ta' ġewwa'.

In-negozjar settorjali huwa l-livell ta' negozjar ewlieni fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent u bosta pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

L-involviment tas-sħab soċjali fil-formulazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' reazzjoni għall-kriżi jvarja b'mod konsiderevoli, skont it-tradizzjonijiet u l-istrutturi tar-relazzjonijiet industrijali tal-pajjiżi, u skont in-natura tal-miżuri li jittieħdu. F'bosta pajjiżi s-sħab soċjali lmentaw min-nuqqas ta' involviment u konsultazzjoni dwar il-preparazzjoni tal-miżuri tal-gvern.

Għalkemm hemm varjazzjoni fl-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politiki u fl-implimentazzjoni tagħhom, ġeneralment teżisti xejra li tintuża taħlita usa' ta' strumenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika. Il-kwalità tal-appoġġ soċjali u istituzzjonali li s-sħab soċjali jgawdu minnu hija probabilment il-fattur determinanti ewlieni tal-kwalità tal-kontribut tas-sħab soċjali għall-Istrateġija UE2020.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jürgen Creutzmann, Marielle Gallo, Joe Higgins, Franz Obermayr, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Emilie Turunen

Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Oldřich Vlasák

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Ġunju 2010Avviż legali