Proċedura : 2010/2074(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0251/2010

Testi mressqa :

A7-0251/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 15
CRE 06/10/2010 - 15

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0354

RAPPORT     
PDF 235kDOC 155k
22 ta' Settembru 2010
PE 441.366v01-00 A7-0251/2010

dwar Basel II u r-reviżjoni tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD 4)

((2010/2074(INI))(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Othmar Karas

ERRATA/ADDENDA
EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Basel II u r-reviżjoni tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD 4)

(2010/2074(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttivi(1) dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital u d-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar il-banek affiljati ma' istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta' fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u ġestjoni tal-kriżijiet(2),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2010 dwar aktar bidliet possibbli għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital,

–   wara li kkunsidra l-ftehim Basel II(3),

–   wara li kkunsidra l-Kumitat ta' Basel dwar dokumenti konsultattiv tas-Superviżjoni Bankarja dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur bankarju(4) u tal-qafas internazzjonali għall-kejl tar-riskju tal-likwidità, l-istandards u l-monitoraġġ(5),

–   wara li kkunsidra l-karti tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja,

–   wara li kkunsidra l-komunikati maħruġa mill-G20 fis-samits tagħha f'Washington, f'Londra u f'Pittsburgh,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-15 ta' Ġunju dwar id-derivattivi OTC(6),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (COM( 2009) 1561) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff mehmuż magħha (SEC(2009)1407),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja (COM(2010)0254),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0251/2010),

A. billi s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji qawwija, stabbli u effiċjenti huma kruċjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet finanzjarji tal-parteċipanti ekonomiċi differenti tal-UE u biex it-tkabbir u l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetitività tal-ekonomija Ewropea jingħataw spinta; billi l-funzjoni ta’ finanzjament hija partikolarment importanti għall-irkupru ekonomiku; billi r-riforma regolatorja fis-settur finanzjarju għandu jkollha l-objettiv tal-istabilità finanzjarja u t-tkabbir sostenibbli,

B.  billi għandhom jiġu adottati rekwiżiti kapitali rieżaminati u aktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċiklu ekonomiku u l-irkupru ekonomija li għaddej bħalissa,

C. billi l-Kumitat ta’ Basel ma jagħmilhiex possibbli li jitqiesu l-istakeholders kollha jew il-prinċipju tar-reċiproċità,

D. billi s-swieq, l-atturi u l-istrumenti finanzjarji kollha għandhom ikunu mmonitorjati u rregolati kif inhu meħtieġ għall-infrastrutturi finanzjarji sistemikament importanti kollha bħalma huma s-sistemi, il-mekkaniżmi u l-pjattaformi tal-pagament, tal-ikklerjar u tas-saldar, u l-għoti assoċjat ta’ servizzi ta’ kustodja, għall-preservazzjoni tal-istabilità finanzjarja li huwa beni pubbliku kruċjali; billi l-kriżi aċċentwat li l-kapital bankarju kien evidentement insuffiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam mas-solvibilità u s-solvenza;

E.  billi l-istandards ta' prudenza għandhom jissaħħu u jiġu eżegwit kif jixraq u n-nuqqasijiet dwar il-kwalità u l-ammont ta' kapital, il-ġestjoni tal-likwidità, id-dgħjufijiet tal-mudelli interni u n-natura proċiklika ta' Basel II u s-CRD li ġew żvelati bil-kriżi għandhom jiġu indirizzati,

F.  billi huwa neċessarju li jkun hemm espansjoni għas-superviżuri tal-gamma ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżi bl-anqas intervent possibbli;

G. billi għandu jsir kull sforz biex tinkiseb separazzjoni ċara jew firewalling bejn is-settur tal-bejgħ bl-imnut u s-settur bankarju tal-investimenti bl-iskop li jkun żgurat li d-depożiti assigurati ma jintużawx bħala garanzija għall-attivitajiet ta’ trading,

H. billi l-istandards il-ġodda għandhom jieħu kont tad-daqs ta’ bank u l-profil tar-riskju u l-mudell tiegħu ta’ negozju,

I.   billi, madankollu, għandu jitqies l-impatt kumulattiv tal-elementi rilevanti tal-qafas rivedut ta' Basel II u ta' inizjattivi regolatorji oħra dwar l-ekonomija reali u t-tkabbir ekonomiku,

J.   billi l-lakuni mingħajr preċedenti tas-suq u tar-regolamentazzjoni wasslu lill-G20, fil-laqgħat tiegħu ta’ Londra, Pittsburgh u Toronto, jiddeċidi li jinkcrementa l-kwalità tal-kapitali, jirrafforza l-kopertura tar-riskji, jattenwa l-proċikliċità, jintroduċi l-akkantonamenti preventivi għat-telfiet fuq il-krediti, jiskoraġġixxi l-effett lieva eċċessiv u jintroduċi indiċi ta’ lieva finanzjarja supplementari fil-qafas ta’ Basel II bbażat fuq ir-riskju bl-objettiv li jgħaddi għat-trattament tal-pilastru 1, u jirrafforza l-istandards f’dak li għandu x’jaqsam mal-likwidità,

K. billi l-Ewropa tapplika s-CRD fl-istituti finanzjarji kollha u fis-soċjetajiet kollha ta’ investiment li joperaw f’serje ta’ mudelli ta’ attività; billi pajjiżi oħrajn jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Basel II għal ċertu numru ta’ banek li għandhom mudell ta’ impriża speċifiku; billi tali disparitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni jissollevaw problemi f’materja ta’ kompatibilità, parità ta’ kondizzjonijiet u riskju ta’ potenzjali arbitraġġ normattiv;

L.  billi hemm speċifiċitajiet Ewropej importanti, bħall-fatt li s-settur korporattiv fl-Ewropa huwa fil-biċċa l-kbira ffinanzjat minn self bankarju; billi r-regoli riveduti ta' Basel għandhom iqisu speċifiċitajiet bħal dawn; billi jkun awspikabbli li s-self bankarju jkun immirat lejn oqsma speċifiċi bħalma huwa s-self lill-SMEs, u li l-impriżi akbar ikunu inkoraġġiti joħorġu obbligazzjonijiet destinati direttament għall-investituri;

M. billi approċċ "daqs wieħed" li ma jqisx il-profili tar-riskju speċifiku tal-banek u tad-diversità tas-settur bankarju jkunu ta’ ħsara għall-istess settur bankarju Ewropew u għandu mnejn iwassal, bħala konsegwenza, li jiddanneġġa t-tkabbir u l-irkupru ekonomiku,

N. billi bħalissa l-UE għaddejja minn riforma estensiva tar-regolament finanzjarju, għandu jkun hemm konsistenza bejn ir-riformi u, barra minn hekk, id-dati ta' implimentazzjoni għandhom iqisu l-impatt kumulattiv tal-miżuri fuq l-ekonomija reali u ma għandhomx ifixklu l-irkupru ekonomiku,

O. billi l-konverġenza għal sett uniku ta' standards ta' kwalità għolja tal-kontabilità globali hija essenzjali biex ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kollha u tiġi żgurata komparabbiltà tad-data b'mod globali; billi dawn l-istandards għandhom jiġu aġġornati b'mod xieraq biex jitqiesu l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi,

P.  billi l-ħtieġa għar-rispett rigoruż tal-prinċipju tal-‘prevalenza tas-sustanza fuq il-forma’ għandu jitqies mill-awtoritajiet relevanti kollha għall-fini li jkunu evitati riżultati mhux approprijati,

Q. billi l-konverġenza internazzjonali bejn ir-rappurtar għal għanijiet ta' kontabilità u r-rappurtar għall-finijiet regolatorji u fiskali hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li s-superviżuri u l-investituri jiġu pprovduti bl-istess informazzjoni trasparenti u ċara, u billi r-rappurtar doppju għandu jiġi minimizzat; billi dan ma jeskludix filtri prudenzjali, basta jkunu preżenti fil-kontijiet kollha,

R.  »

«billi l-banek għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-core business li jservi għall-ekonomija reali;

billi l-Kumitat ta’ Basel u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxuh dan,

S.  billi r-riformi inklużi fir-reviżjoni ta’ Basel II għandu jmorru pari passu mar-riformi strutturali tal-viġilanza bankarja rrikmandati mill-Parlament Ewropew u, eventwalment, bl-indikazzjoni ta’ perkors għall-elaborazzjoni u l-attwazzjoni koerenti ta’ miżuri analogi għal dawk tal-pilastru 2,

Kwestjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-G20 biex tiżdied il-kwalità u l-kwantità tal-kapital, jiġu introdotti standards tal-ġestjoni tal-likwidità, tiġi indirizzata l-proċikliċità u jitjiebu l-istandards prudenzjali globali bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja;

2.  Jilqa’ l-isforzi magħmulin mill-Kumitat ta’ Basel u tal-Kummissjoni; b'danakollu jissottolinja n-neċessità li jkunu elaborati u implimentati b’attenzjoni regoli ġodda dwar ir-rekwiżiti patrimonjali, kif ukoll li jiġu analizzati l-effetti fuq il-qafas usa’ tar-reviżjoni tar-regolamentazzjoni;

3.  Jitħasseb dwar id-defiċits strutturali u l-iżbilanċi fil-proposta attwali, kif ukoll dwar ir-riskju li ssir ħsara lill-irkupru ekonomiku u t-tkabbir ekonomiku; huwa tal-fehma li, meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika attwali, se jkun neċessarju li jkun hemm viġilanza għalbiex il-banek ma jiskarikawx il-kostijiet tal-proposta li daqt ġejja fuq l-utenti finali tas-servizzi finanzjarji;

4.  Jissottolinja n-neċessità li tissaħħaħ l-interazzjoni bejn il-proċess ta' kontroll prudenzjali (Pilastru 2) u l-informattiva (Pilastru 3), filwaqt li lill-pubbliku jsiru disponibbli r-r-riżultati tal-provi ta’ reżistenza u r-rekwiżiti patrimonjali aġġuntivi;

5.  Ifakkar l-ispeċifiċitajiet importanti tas-settur bankarju Ewropew, bħall-varjetà ta' mudelli tan-negozju li joperaw taħt forom legali differenti u l-fatt li s-settur korporattiv Ewropew hu ffinanzjat b'mod predominanti permezz ta' self bankarju, u għalhekk jitlob li jkun hemm eżami komplessiv tal-konsegwenzi mikro- u makro-ekonomiċi tar-regoli l-ġodda proposti;

6.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jqisu tali speċifiċità u d-diversi tipi ta’ riskju li jolqtu lis-settur bankarju; jissottolinja n-neċessità li ssir differenzjazzjoni b'mod ċar bejn l-investiment u s-servizzi tradizzjonali bankarji kif ukoll is-servizzi ta’ tranżazzjoni, fir-regoli riveduti ta' Basel II;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar pro-attiva fil-proċess ta' riforma tar-regoli ta' Basel II, tippromwovi attivament u tissalvagwarda l-interessi Ewropej, tikkoordina l-approċċi tal-Istati Membri biex jinkisbu l-aħjar riżultati għall-ekonomija Ewropea u tipprovdi regolarment lill-Parlament rapporti dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa u tinvolvih attivament fil-proċessi ta’ negozjati;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-koordinament internazzjonali għall-fini li tinkiseb il-parità ta’ kondizzjonijiet f’livell internazzjonali u jkun evitat arbitraġġ normattiv; jissottolinja, b’danakollu, li tali objettiv ma għandux iqiegħed lill-ekonomija u lis-settur bankarju tal-Ewropa f’pożizzjoni di żvantaġġ kompetittiv u jirritieni li jeħtieġ li tkun salvagwardata d-diversità tas-settur bankarju;

9.  Jissottolinja li l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jirrikjedi swieq finanzjarji dinamiċi li jistgħu jiffinanzjaw l-investimenti u l-innovazionijiet; iwissi kontra regoli u rekwiżiti li għandu mnejn joħolqu stretta kreditizja ġdida, b’effetti destabilizzanti għall-iżvilupp ekonomiku u s-swieq tax-xogħol tal-Ewropa;

10. Jenfasizza li l-impenn sħiħ tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' Basel u tal-G20 għal kalendarju ta' implimentazzjoni ċar u koerenti huwa prekondizzjoni għal riforma li tirnexxi, li tiżgura l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-qasam internazzjonali u li tevita arbitraġġ regolatorju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta’ Basel jiżguraw li l-istandards li dwarhom isir qbil jiġu applikati b’mod sinkronizzat;

11. Ifakkar li l-Ftehim ta’ Basel II, u r-reviżjoni imminenti tiegħu, huma intiżi bħala standard globali; huwa għalhekk imħasseb bil-bosta dwar il-possibilità li l-limitazzjonijiet stabbiliti f’varji liġijiet nazzjonali adottati b’risposta għall-kriżi (b’mod partikolari l-liġi Amerikana ta’ riforma ta’ Wall Street u ta’ ħarsien tal-konsumaturi, li tillimita r-rikonoxximent tar-ratings esterni) iwasslu għal frammentazzjoni gravi tal-applikazzjoni ta' dan l-istandard globali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kumitat ta’ Basel kif ukoll lill-Kummissjoni jivvalutaw fis-sħiħ u jiġbdu l-konsegwenzi ta’ tali leġiżlazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ Basel II u tan-negozjati dwar ir-reviżjoni ta’ Basel II u jissolleċita lill-Kummissjoni tikkomunika r-riżultati lill-Parlament;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu transatlantiku f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamentazzjoni finanzjarji mal-Istati Uniti;

13. Jissottolinja li l-kalendarju ta’ attwazzjoni għandu jirrifletti l-impatt globali tar-reviżjoni tal-istandards fuq is-settur, fuq il-kapaċità tiegħu li jikkonċedi krediti favur l-ekonomija reali u fuq il-proċess ta’ rkupru fl-Ewropa; jissottolinja li ma għandhomx jiġu esklużi l-akkordji ta’ salvagwardja, gradwalità ta’ miżuri, u jekk tkun neċessarja, reviżjoni tal-kalendarju għalbiex tkun iggarantita tranżizzjoni fluwida għall-istandards il-ġodda;

14. Ifakkar fil-bżonn li l-Parlament, bħala l-korp Ewropew elett demokratikament, ikun involut fin-negozjati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta' Basel jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvolvuh fuq bażi permanenti;

15. Ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar il-limitazzjonijiet tas-suppożizzjonijiet dwar il-korrelazzjonijiet magħmula minn banek li jiffurmaw il-bażi tal-aspetti tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapital regolatorju; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta’ viġilanza prudenzjali adegwata u l-monitoraġġ tal-valutazzjoni internalizzata tal-banek, bl-użu tal-approċċ IRB; jinnota, barra minhekk, li jeħtieġ li jkunu evitati l-inċentivi perversi;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra s-superviżjoni tal-UE tas-settur bankarju billi twaqqaf Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja u Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku ġodda;

17. Jistieden lill-Kummissjoni, qabel ma tapplikahom, tagħmel valutazzjoni korretta tal-impatt probabbli tar-regoli rivisti ta' Basel II fuq l-ekonomija reali, b'attenzjoni partikoalri għall-finanzjament tal-SMEs u għall-kapaċitajiet ta’ rkupru tas-settur bankarju f’sitwazzjonijiet ta’ stress;

18.  Iqis li huwa neċessarju li jkunu estiżi l-gamma ta’ għodod ta’ intervent minimu tal-ġestjoni tal-kriżi li jiddisponu minnhom is-sorveljanti lilhinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 136 tad-Direttiva 2006/48/KE, ħalli jkunu inklużi mill-anqas il-poteri li ġejjin: rikjesti għall-addattamenti ta’ kapital, likwidità, taħlita ta’ attività u proċessi interni; rakkomandazzjoni jew impożizzjoni ta’ bidliet fost il-maniġers; limitazzjoni tat-termini tal-liċenzji bankarji; impożizzjoni ta’ pjanijiet ta’ likwidazzjoni (living wills); impożizzjoni tal-bejgħ totali jew parzjali; ħolqien ta’ "pont bankarju” jew distinzjoni bejn “bank tajjeb"/"bank ħażin"; rekwiżit tat-trasformazzjoni tad-debiti f’titoli b’haircuts approprijati; impożizzjoni tar-rekwiżiti u r-restrizzjonijiet fuq il-profitt u r-retenzjoni tad-dividendi għall-fini tal-konsolidament tar-rekwiżiti kapitali u jkun żgurat li l-azzjonisti jitħallsu qabel it-taxpayers; ristrutturazzjoni u trasferiment tal-attiv u l-passività lejn stabbilimenti oħrajn għall-fini tal-assikurazzjoni tal-kontinwità tal-operazzjonijiet importanti mill-punt sistemiku; għemil ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-attivi deterjorati; nazzjonalizzazzjoni temporanja; likwidazzjoni tal-banek falluti;

19. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq inċentivi għas-settur bankarju għall-ġestjoni tar-riskju u l-profitt bil-ħsieb li jinkisbu riżultati fit-tul u tinkoraġġixxi l-banek iżommu interess attiv u kontinwu fis-self fil-kotba tagħhom stess mingħajr titolizzazzjoni eċċessiva jew għal strutturi barra l-bilanċ u li jiġu kkonsolidati xi partiti li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ, bħal SPVs;

20. Jinnota li l-investimenti fit-tul, bħalma hija l-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-enerġija, jiddependu mit-titolizzazzjoni;

21. Jipproponi li jkun hemm l-integrazzjoni tal-Kumitat ta’ Basel, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) u tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB), eċċ fi struttura globali – possibilment il-FMI – biex tkun stabbilita organizzazzjoni vera tal-finanza, tkun assikurata l-parteċipazzjoni tas-suġġetti kollha interessati fl-elaborazzjoni tar-regoli u tkun iggarantita l-kapaċità ta’ verifika tal-attwazzjoni tagħhom;

22. Huwa tal-fehma li jeħtieġ li tkun affrontata ll-kwestjoni tal-istituti finanzjarji "kbar wisq biex ifallu" u għalhekk li r-rekwiżiti patrimonjali u li r-riżervi antiċikliċi ta’ di fondi proprji għandhom ikunu proporzjonati għad-dimensjoni u għal-livell ta’ riskju tal-mudell ta’ impriża ta’ istituzzjoni finanzjarja;

Il-kwalità tal-kapital

23. Jappoġġa l-inizjattiva biex titjieb il-kwalità u jogħla l-livell tal-kapital bi tweġiba għall-kriżi; ifakkar li din il-kwistjoni hija intimament marbuta mar-regoli tal-kontabilità li jagħmlu neċessarju approċċ koerenti li jirrispetta l-ispirtu tal-konverġenza ġenerali;

24. Jinnota d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Basel li tippermetti minn (tmiem) Lulju 2010 ċertu rikonoxximent prudenti tal-interessi tal-minoranza, it-trattament tal-krediti fiskali u investimenti fl-istituti finanzjarji l-oħra; huwa tal-fehma li jistgħu jkunu opportuni aktar adegwamenti;

25. Jissottolinja li, sabiex tkun iggarantita parità ta’ kundizzjonijiet ħalli ma jiġux żvantaġġati ċerti mudelli ta' negozju ta' kumpaniji ta' titoli mhux konġunti, b'mod partikolari kooperattivi, mutwi, u banek tat-tfaddil, il-kapital għandu jkun, irrispettivament mill-forma ġuridika, definit b'mod bilanċjat fuq il-bażi tal-kwalità tal-istrumenti ta' kapital (jiġifieri l-permanenza, l-assorbiment tat-telf, il-flessibbiltà tal-pagamenti);

26. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jqisu, huma u jiddefinixxu l-istrumenti ta’ kapital ammissibbli, in-neċessità u l-pekuljaritajiet tas-soċjetà mhux b’azzjonijiet (jiġifieri l-kooperattivi, il-mutwi, u l-banek ta’ tifdil), li jirrappreżentaw parti kbira mis-settur bankarju Ewropew;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-kriterji proposti ta’ ammissibilità għall-kapital ta' bażi tal-Livell 1 waqt li tillimita ruħha għal dawk neċessarji li jiggarantixxu l-kwalità tal-kapital (jiġifieri, l-permanenza, l-assorbiment tat-telf, il-flessibbiltà tal-pagamenti);

28. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li, fil-kalkoli tal-kapital konsolidat, kemm ir-riskju kif ukoll il-kapital jitqiesu b'mod ibbilanċjat u prudenti, u li b’mod partikolari jiġi rikonoxxut adegwatament il-kapital riċevut mill-minoranzi li jgħaddi direttament fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-istess grupp bankarju (jiġifieri, l-interess tal-minoranza) u li jkunu esklużi l-parteċipazzjonijiet fil-kooperattivi u fil-banek tat-tifdil reġjonali fl-istituti ċentrali tagħhom (fi kliem ieħor, na għandux ikun hemm deduzzjonijiet mill-fondi proprji);

29. Jissottolinja r-rwol importanti żvolt mill-kapital kontinġenti matul il-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta’ Basel jirrikonoxxu r-rwol flessibbli tal-kapital kontinġenti fis-sitwazzjonijiet tal-kriżi u jimmonitorjaw l-aċċettazzjoni tal-istrumenti konvertibbli min-naħa tas-suq;

30. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif jixraq id-differenzi eżistenti bejn it-taxxa u l-karti tal-bilanċ tal-kontijiet sabiex jiġi evitat kull żvantaġġ kompetittiv possibbli;

31. Jitlob lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jikkjarifikaw it-trattament tal-akkordji reċiproċi ta' parteċipazzjoni finanzjarja msallba;

32. Jitlob lill-Kummissjoni tqis trattament ekwilibrat bejn it-telf u l-profitti mhux realizzati, għall-fini li tikkontjeni l-volatilità u l-proċikliċità;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi indaġni approfondita tal-istrumenti ta’ kapital qabel u wara l-kriżi għall-fini li tivvaluta l-importanza tal-istrumenti speċifiċi u r-rilevanza tagħhom f’sitwazzjoni ta’ kriżi;

Standards ta' likwidità

34. Iqis l-iżvilupp ta' standards ta' likwidità ta' kwalità għolja bħala parti ewlenija mir-reazzjoni għall-kriżi; huwa tal-fehma li l-istandards ta’ likwidità għandhom ikunu differenzjati biżżejjed ħalli jinżamm kont tal-pekularitajiet tal-mudell ta’ impriża u tal-profil ta' riskju tal-banek; huwa tal-fehma wkoll li għandu jkun hemm rikonoxximent tal-fatt li r-riskju ta' ċerta attività jista' jvarja fiż-żmien kif ukoll il-mekkaniżmi li bihom jiġi affrontat;

35. Jinnota li t-trasformazzjoni tal-iskadenzi tesponi intrinsikament lill-banek għal riskju ta’ likwidità għat-terminu t-twil/qasir;

36. Huwa tal-fehma li, biex ma jkunux żvantaġġati l-banek rikonoxxuti bħala konglomerati finanzjarji li għandhom parteċipazzjonijiet fis-soċjetajiet tal-assigurazzjoni, il-problema tal-komputu doppju tal-fondi proprji bejn il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandha tiġi affrontata fil-qafas tar-reġim attwali previst mid-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji;

37. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jirrikunsidraw il-kalibrazzjoni tar-ratios ta’ likwidità u ta’ finanzjament;

38. Huwa tal-fehma li l-'proprzjon tal-kopertura tal-likwidità' għandu jqis aktar ir-riskju ta' konċentrazzjoni tal-assi eliġibbli fi kwalunkwe buffer tal-likwidità, għandu jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni u jiskoraġġixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva fi klassi waħda partikolari tal-attiv, inkluż id-dejn tal-gvern; jikkunsidra li r-riżervi ta’ likwidità għandhom ikunu kkostitwiti, kemm jista’ jkun, minn attivitajiet li jibqgħu estremament likwidi fil-perijodi ta’ stress għoli u li tali indiċi, jekk ikkonċepit sew, għandu jtejjeb ir-resiljenza tal-entijiet għar-riskju tal-likwidità;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fil-proposta tagħha li jmiss ta’ reviżjoni tad-direttivi dwar ir-rekwiżiti patrimonjali (CRD 4), il-passivitajiet ta’ barra l-bilanċ ikunu koperti bi standards ta’ likwidità;

40. Jitlob li, jekk kemm-il darba jiġi ffissat standard fuq il-likwidità strutturali (jiġifieri indiċi nett ta’ stabilità tal-finanzjamenti), ikun hemm rikonoxximent adegwat tal-għejjun stabbli ta’ finanzjament speċifiċi għall-Ewropa (jiġifieri l-Pfandbriefe); huwa tal-fehma li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri t’akkoljenza għandu jkollhom aċċess għall-informazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni ta’ likwidità tal-filjali f’kwalsiasi każ;

41. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-kriterji relattivi għall-attivitajiet likwidi ta’ kwalità elevata skont id-definizzjoni tal-attivi eliġibbli tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ politika monetarja (repo facility);

42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi d-debitu sovran kollu taz-zona euro fil-kategorija ta’ attivitajiet likwidi ta’ kwalità elevata, indipendentement mir-rating speċifiku, ħalli jitnaqqas l-impatt sproporzjonat tal-operat tal-aġenziji tar-rating;

43. Jiġbed l-attenzjoni, iżda, għall-possibilità li l-attivitajiet likwidi ta’ kwalità elevata jistgħu jsiru malajr illikwidi fil-perijodi ta’ stress qawwi u jitlob għalhekk li l-entijiet kreditizji jeffettwaw testijiet ta' stress li jmorru lilhinn mill-kopertura tal-likwidità u mill-indiċi nett ta' stabilità tal-finanzjamenti;

Miżuri kontroċikliċi

44. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz għal-limitazzjoni tat-tkabbir ta' kreditu eċċessiv u r-riskju tal-bżieżaq ta' kreditu;

45. Jinsab imħasseb dwar in-natura proċikliċa possibbli ta' buffer fiss għall-konservazzjoni tal-kapital speċifiku għall-banek; huwa tal-fehma li kemm il-buffers ta’ konservazzjoni tal-kapital kemm il-buffers antiċikliċi għandhom ikunu jistgħu jassorbu t-telfiet matul il-perijodi ta’ stress; huwa tal-fehma li, biex il-buffers ikunu effikaċi, jeħtieġ li jkunu mfasslin u żviluppati b’mod parallel;

46. Jilqa' t-tentattiv biex jiġu identifikati sett ta' varjabbli makroekonomiċi armonizzati biex jinbġdid buffers kontroċikliċi effiċjenti;

47. Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-provvedimenti lunġimiranti (l-approċċ tat-telf mistenni) bħala miżura addizzjonali possibbli biex titnaqqas il-proċikliċità u jiġi inkoraġġut ir-rikonoxximent tat-telf ta' kreditu mistenni fir-rigward taċ-ċiklu tan-negozju;

48.  Iqis li l-futura Awtorità Bankarja Ewropea għandha tiżvolġi rwol minn ta’ quddiem fir-redazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri relattivi għar-rekwiżiti tal-fondi proprji u għall-istandards relattivi għar-riżervi antiċikliċi tal-fondi proprji f’livell ta’ Unjoni;

49. Jitlob għal konverġenza internazzjonali bejn ir-rappurtar tal-kontijiet u r-rappurtar għal skopijiet regolatorji, partikolarment fir-rigward ta' approċċ tat-telf mistenni fil-profitt żvelat, biex jitqiesu l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi u biex jiġi żgurat li l-istess sett ta' regoli ċari u trasparenti jintużaw meta tiġi ġġenerata informazzjoni għas-superviżuri u l-investituri; iwissi dwar in-neċessità tal-imminizzar tar-rappurtar doppju iqis li tali sforzi għandhom jiġu rivolti fuq kollox lejn l-innovazzjonijiet bħalma huma l-paġna regolamentari jew il-filtri prudenzjali fil-kontijiet ħalli jkunu eżaminati ulterjorment;

50. Jissottolinja li r-regolamentazzjoni antiċiklika tirrikjedi kriterji armonizzati biex tkun iggarantita viġilanza globali u attenta tas-swieq finanzjarji u tal-ambjent tas-swieq da parti tal-awtoritajiet ta’ viġilanza inklużi, fost l-oħrajn, l-iskambju tal-informazzjonijiet kollha, is-sinkronizzazzjoni tal-miżuri ta' regolamentazzjoni kif ukoll il-kontroll f'temp reali tal-espożizzjonijiet u tar-riskji, li jkunu jitolbu, fost l-oħrajn, id-definizzjoni ta' atar ta' reviżjoni kontabbli fuq it-tranżazzjonijiet kollha tas-suq finanzjarju;

Proporzjon ta' lieva (LR)

51. Jinnota, meta titqies il-komplessità tas-sistema finanzjarja, il-kunċett ta’ lieva finanzjarja 'kruda' bħala tarka utli, sempliċi u diffiċli li tkun manipolata kontra lieva finanzjarja eċċessiva u teħid eċċeissv ta' riskji; iwissi li indiċi ta’ lieva finanzjarja uniku forfettarju, biex ikun effikaċi, għandu jkun ponderat b’mod li jippermetti li jinqabdu d-differenzi bejn il-mudelli ta’ impriża u l-profili ta’ riskju tal-entijiet kreditizji;

52. Hu tal-fehma li proporzjon bħal dan, biex ikun effettiv, għandu jinkludi l-partiti u l-prodotti derivati kollha li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ, għandu jkunu definit b'mod ċar, sempliċi u paragunabbli fuq livell internazzjonali u għandu jqis il-kumpensazzjoni regolamentari u l-istandards varji ta’ kontabilità f’livell internazzjonali;

53. Huwa, madankollu, imħasseb li indiċi ta’ lieva finanzjarja krud ma jqisx biżżejjed ir-riskju u jista' jippenalizza entitajiet li jipprovdu servizzi bankarji tradizzjonali ta' riskju żgħir (bħall-finanzjament bl-imnut, soċjetarju, immobiljarju u servizzi ta’ tranżazzjonijiet bankarji) jew ekonomiji fejn is-settur korporattiv hu ffinanzjat prinċipalment permezz ta' self; jissottolinja għalhekk li hu importanti li l-awtoritajiet ta’ viġilanza nazzjonali jikkontrollaw il-modifiki tal-lieva finanzjarja kif ukoll il-livelli ġenerali relattivi, ladarba l-modifiki importanti jistgħu jkunu sinjal ta’ awment fir-riskji; hu mħasseb, barra minhekk, mill-fatt li fih innifsu indiċi ta’ lieva finanzjarja ‘krud’ (indifferenzjat) jista’ joħloq inċentivi perversi għall-ispostament tal-attivi lejn espożizzjonijiet aktar riskjużi;

54. Jitlob lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jivvalutaw b’mod adegwat l-opzjonijiet tar-ratio tal-effett tal-lieva applikabbli għal-Livell u għal-Livell 2, billi jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju tal-Unjoni;

55. Jistieden lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jivvalutaw ukoll il-possibilità li jintroduċu limiti ta’ konteniment għal-linji ta’ negozju, l-attivi ponderati f’funzjoni tar-riskji u l-portafolli; jemmen li valutazzjoni tal-attivi bħala totali netti jew grossi għandhom ikunu eżaminati f’dan il-kuntest;

56. Jitlob lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni li barra minn kulma ntqal jeżaminaw possibilità ta’ element ta’ proporzjonalità fl-indiċi tal-lieva finanzjarja krud b’rikors għal solli predefiniti għall-intervent regolamentari;

57. Huwa favur indiċi ta’ lieva finanzjarja marbut mal-Pilastu 1 fil-qafas tal-Kumitat ta’ Basel;

58. Jinnota li l-indiċi tal-lieva finanzjarja huwa strument indispensabbli għall-kalkolu tal-espożizzjoni komplessiva tal-banek, għad li xorta jħeġġeġ lill-Kummissjoni telabora strumenti regolmentari intiżi li jillimitaw b’mod effikaċi l-effett lieva eċċessiv (b’mod partikolari, ir-rikors eċċessiv għall-finanzjament fit-terminu l-qasir u fuq skala wiesgħa);

59. Jitlob li jkun hemm eżami ulterjuri tal-modalitajiet alternattivi ta’ indiċi ta’ lieva finanzjarja fil-pilastru 2; jindika li l-indiċi tal-lieva finanzjarja jista' pereżempju jkunu marġini flessibbli u l-awtoritajiet ta' viġilanza għandu jkollha l-fakoltà tintervjenix jew le f'każ ta’ vjolazzjoni tal-limiti;

60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li proporzjon ta' lieva ma jwassalx għal titolizzazzjoni inadegwata tat-tip li nġieb għad-dawl mill-kriżi finanzjarja, jew sostituti u anqas kreditu, partikolarment tal-krediti favur l-ekonomija reali (billi dawn huma mezzi li x'aktarx jużaw il-banek biex inaqqsu l-proporzjon ta' lieva tagħhom);

Riskju tal-kreditu tal-kontroparti (CCR)

61. Jitlob għal standards imtejba f'dak li jirrigwarda t-testijiet ta' reżistenza, il-back-tests u l-indirizzar tar-riskji għan-naħa l-ħażina kif ukoll valutazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali fit-tul konnessi ma’ impriżi u proġetti li jirċievu self bankarju;

62. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta’ Basel u lill-Kummissjoni jesploraw alternattivi għal approċċ aħjar tar-riskju ta' rettifika tal-valur tal-kreditu b'segwitu għad-deterjorament tal-kwalità tal-kreditu tal-kontroparti tal-banek;

63. Iqis li l-Credit Default Swaps (CDS) ma għandhomx ikunu utlizzati għalbiex jiġu elużi r-rekwiżiti patrimonjali;

64. Jitlob trattament tar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti proporzjonat għar-riskju u r-rekwiżiti patrimonjali aktar elevati għat-tranżazzjonijeit li ma humiex kumpensati f’livell ċentrali mqabblin ma’ tranżazzjonijiet permezz ta' kontroparti ċentrali (CCP), sakemm is-CCP tissodisfa r-rekwiżiti ta' livell għoli li għandhom jiġu definiti fil-leġiżlazzjoni Ewropea filwaqt li jitqiesu l-istandards miftiehma fil-livell internazzjonali, b'attenzjoni xierqa għall-ispejjeż potenzjali għas-settur korporattiv għall-użu ta' derivattivi biex jitħarsu l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jitlob li jkunu inċentivati l-ogħla standards f’każ ta’ kumpensazzjoni bilaterali;

65. Jenfasizza li l-kriżi wriet li l-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji hija ikbar mill-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji, u hu tal-fehma li r-rekwiżiti tal-kapital għal CCR għandhom ikunu aktar stretti fir-rigward tar-riskji tal-istituzzjonijiet finanzjarji versu istituzzjonijiet finanzjarji oħra kif ukoll jirriflettu n-natura dinamika ta’ dak ir-riskju mal-mixja taż-żmien; jisħaq li l-monitoraġġ bl-attenzjoni tal-interkonnettività huwa neċessarju għalbiex tinstab konċentrazzjoni ta’ transazzjonijiet bejn atturi ta’ daqs kbir u li għandhom jittieħdu miżuri regolamentarji ulterjuri dwar il-CCR;

°

° °

66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

NOTA SPJEGATTIVA

Ibbażat fuq l-impenn qawwi tal-G20 u l-konklużjonijiet milħuqa fis-samits tal-G20 ta' Washington, Londra u Pittsburgh, il-Kumitat ta' Basel (aktar tard imsemmi bħala "Kumitat") nieda ħidma biex jirriforma l-qafas Basel II biex tissaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema bankarja.

Il-proposta tal-Kumitat għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-bażi tal-kapital, testendi u ssaħħaħ il-kopertura tal-qafas ta' kapital (bħar-riskju ta' kreditu tal-kontroparti li jirriżulta minn derivattivi, repos, eċċ). Il-Kumitat għandu wkoll l-intenzjoni li jintroduċi proporzjon ta' lieva biex jgħin l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' lieva fis-sistema u miżuri kontroċikliċi supplimentari bħal buffers ta' kapitali li għandhom jinbnew fi żminijiet tajbin. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, qegħdin jiġu proposti standards globali għall-ġestjoni tal-likwidità.

Ir-rapporteur huwa konvint li l-kriżi stabbiliet każ ċar għal reviżjoni mill-qiegħ tal-qafas regolatorju attwali. Għalhekk jilqa' l-isforzi tal-Kumitat ta' Basel biex jaġġorna l-qafas b'mod ġenerali.

Minkejja l-appoġġ ġenerali tiegħu għar-riforma tal-qafas, ir-rapporteur huwa imħasseb ferm dwar nuqqasijiet li jidhru fil-proċess tan-negozjati dwar il-qafas rivedut, u li l-qafas, kif attwalment ippreżentat, b'mod ċar jitfa' l-ekonomija Ewropea fi żvantaġġ kompetittiv.

Ir-raġuni prinċipali għal dan ir-rapport huwa għalhekk sejħa tal-Parlament Ewropew biex il-Kumitat ta' Basel jiġi inkluż bil-mod xieraq fin-negozjati li għaddejjin u sejħa biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-qafas biex l-industrija u l-ekonomija Ewropea ma jkunux żvantaġġati.

Il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol attiv u jinfluwenza bil-qawwa r-reviżjoni tar-regoli li jinsabu fil-proċess tan-negozjati fil-Kumitat ta' Basel. Ir-rapporteur jemmen li, kif il-Parlament Ewropew huwa l-korp Ewropew elett demokratikament li iktar tard se jikkoleġiżla dwar il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (id-Direttiva CRD 4), għandu jkun involut fil-proċess tan-negozjati fi stadju bikri, u jitlob lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.

Għalkemm hemm impenn internazzjonali qawwi biex jiġi rivedut il-qafas ta' Basel, huwa importanti li reviżjoni bħal din tilħaq bilanċ ġust bejn diversi mudelli ta' negozju, investiment u servizzi bankarji tradizzjonali bl-imnut, forom legali differenti u l-finanzjament predominanti tas-settur korporattiv permezz ta' self bankarju fl-Ewropa. Filwaqt li l-ekonomija Amerikana hija prinċipalment iffinanzjata permezz tas-suq tal-kapital, is-settur korporattiv Ewropew iserraħ fuq il-kapaċità ta' self tas-settur bankarju. 80% tal-investiment u tas-self fl-Ewropa hu bbażat fuq il-krediti bankarji. Ir-regoli riveduti għandhom iqisu dawn id-differenzi mingħajr ma jippenalizzaw ċerti swieq jew mudelli ta' negozju. Inkella, hemm riskju li ssir ħsara lill-ekonomija u lill-industrija Ewropea.

Ir-rapporteur jaqbel mal-importanza li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-qasam internazzjonali fir-rigward tal-qafas rivedut Basel II bil-kundizzjoni li qafas bħal dan ma jpoġġix l-ekonomija Ewropea fi żvantaġġ kompetittiv.

Fi ħdan il-Kumitat ta' Basel hemm bżonn li jkun hemm impenn qawwi mill-partijiet kollha involuti għal kalendarju ta' implimentazzjoni ċar u koerenti. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li din hija prekondizzjoni għal riforma li tirnexxi u għall-prevenzjoni ta' arbitraġġ regolatorju. Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw aħjar fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

Il-kalendarju ta' implimentazzjoni għandu jqis l-impatt tal-elementi kollha tal-qafas rivedut Basel II u tar-riformi kollha li għaddejjin dwar l-ekonomija reali. Speċjalment, il-finanzjament tal-SMEs u tas-settur korporattiv għandu jiġi żgurat, peress li l-SMEs huma waħda mill-forzi ta' spinta għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Barra minn hekk, il-proposta li jmiss tas-CRD4 għandha tkun konformi ma' awtorità superviżorja b'saħħitha.

Ir-rapporteur huwa mħasseb dwar ir-rabta li hemm bejn il-komponenti differenti tal-proposta ġejjiena – it-tisħiħ tal-kwalità tal-kapital hekk kif jogħla l-livell tal-kapital għandu jsir b'mod kawt.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li, bħala l-għan bażiku tar-riforma, il-banek għandhom jiffokaw aktar fuq il-ġestjoni tar-riskju u l-qligħ lejn riżultati fit-tul. Il-proposta ġejjiena għandha ssib mod biex jinħolqu inċentivi għall-banek biex iżommu l-krediti fil-kotba tagħhom mingħajr l-użu eċċessiv ta' titolizzazzjoni u ta' partiti li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ.

IL-KWESTJONIJIET FID-DETTALL:

Il-kwalità tal-kapital

Ir-rapporteur jappoġġa bis-sħiħ l-idea tat-tisħiħ tal-kwalità u l-kwantità tal-kapital bħala reazzjoni għall-kriżi. Huwa jilqa' l-approċċ għar-reviżjoni tad-definizzjoni ta' kapital lejn il-kwalità tal-istrumenti tal-kapital ibbażati fuq il-permanenza, l-assorbenza tat-telf u l-flessibilità tal-pagamenti imma għandu dubji dwar il-konċentrazzjoni indiretta lejn ċerti forom legali. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta' strumenti ta' kapital eliġibbli m'għandhiex tiżvantaġġa ċerti mudelli ta' negozju ta' kumpaniji b'titoli mhux konġunti, b'mod partikolari kooperattivi u banek tat-tfaddil, li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-industrija bankarja Ewropea.

Ir-rekwiżiti kollha tal-kapital għandhom ikunu konformi mal-għan ġenerali ta' Basel dwar is-sensittività tar-riskju billi jiġu evitati l-iżbilanċi fit-tnaqqis tal-kapital, li għandhom iqisu kemm ir-riskju kif ukoll il-kapital b'mod ibbilanċjat (jiġifieri, l-interessi tal-minoranza).

Standards ta' likwidità

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-istandards ta' likwidità huwa parti ewlenija tar-rekwiżiti riveduti ta' Basel bħala reazzjoni għall-kriżi. Waħda mil-lezzjonijiet mill-kriżi bħala kriżi tal-likwidità hi li hija meħtieġa aktar likwidità biex tkun tista' tlaħħaq mas-sitwazzjonijiet ta' tensjoni kemm f'qasir żmien kif ukoll fit-tul.

Ir-rapporteur hu tal-fehma li l-istandards tal-likwidità l-ġodda m'għandhomx jinkoraġġixxu l-konċentrazzjoni ta' assi eliġibbli f'buffer ta' likwidità fi klassi partikolari, iżda minflok għandhom jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni f'assi ta' likwidità ta' kwalità għolja. Ir-rapporteur huwa mħasseb dwar l-istruttura tal-Proporzjon tal-Finanzjament Stabbli. Is-sitwazzjoni fir-rigward ta' ċerti bonds tal-gvern turi li l-ebda klassi ta' assi ma hija fiha nnifisha waħda stabbli.

Ir-rapporteur jemmen li hemm bżonn aktar flessibilità f'termini tal-assi likwidi eliġibbli ta' kwalità għolja li huma disponibbli fl-Ewropa billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u jiġu rikonoxxuti kif jixraq is-sorsi stabbli ta' speċifiċitajiet ta' finanzjament fl-Ewropa.

Miżuri kontroċikliċi

Il-Kumitat ta' Basel jipprevedi l-introduzzjoni ta' sett ta' miżuri biex jinkoraġġixxu l-banek jibnu buffers ta' kapital fi żminijiet tajba biex jinħarġu fi żminijiet ħżiena.

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kumitat biex jillimita t-tkabbir tal-kreditu eċċessiv u l-ħolqien ta' bżieżaq tal-kreditu, u miżuri bħal dawn għandhom ikunu maħsuba biex itaffu n-natura proċiklika tal-qafas regolatorju eżistenti. Ir-rapporteur hu madankollu mħasseb dwar in-natura proċikliċa persistenti tal-possibilità ta' buffer fiss ta' konservazzjoni speċifikament għall-banek.

Ir-rapporteur jappoġġa bis-sħiħ il-kunċett ta' provvedimenti għal waqt iċ-ċiklu li jħarsu 'l quddiem bħala miżura kontroċiklika possibbli. F'dan ir-rigward huwa jenfasizza l-importanza tal-konverġenza bejn l-istandards tar-rappurtar għall-iskopijiet ta' kontabilità u għal skopijiet prudenzjali b'mod partikolari fir-rigward ta' approċċ tat-telf mistenni fil-profitt żvelat, u jwissi dwar l-impatt negattiv tar-rappurtar doppju.

Għandu jiġi miżjud li l-isforzi għall-kisba ta' konverġenza globali tal-istandards tal-kontabilità lejn sett ta' standards internazzjonali ta' kwalità għolja (IFRS) huma ta' importanza kbira għat-twettiq b'suċċess tal-aġenda tal-G20, biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni għall-investitur u tal-istess kundizzjonijiet fil-livell internazzjonali.

Proporzjon tal-lieva

Ibbażat fuq il-konklużjonijiet tal-G20, il-Kumitat ta' Basel qiegħed imexxi l-kunċett ta' proporzjon 'approssimattiv' tal-lieva. L-għan tal-proporzjon hu li jkun backstop li jipprevjeni l-akkumulazzjoni ta' lieva eċċessiva fis-sistema.

Ir-rapporteur hu mħasseb sew dwar dan il-proporzjon. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li dan il-proporzjon, sabiex ikun effettiv, għandu jkopri oqsma enfasizzati mill-kriżi bħal ma huma l-partiti li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ u d-derivattivi, u jkun komparabbli fil-qasam internazzjonali. Ladarba l-istruttura tal-LR tkun ġiet stabbilita, jeħtieġ jiġu kkunsidrati kwistjonijiet oħrajn, bħall-inklużjoni tal-LR fil-pilastru 1 jew pilastru 2, u l-impatt fuq servizzi bankarji b'riskju żgħir, bħall-proprjetà immobiljarji u l-finanzjament korporattiv.

Riskju tal-kreditu tal-kontroparti (CCR)

Il-kriżi kixfet ċerti nuqqasijiet fil-mod kif qegħdin isiru t-testijiet ta' reżistenza u l-back-testing u kif qiegħed jiġi indirizzat ir-riskju għan-naħa żbaljata. Barra minn hekk, il-kriżi wriet x'impatt devastanti jista' jkollu n-nuqqas ta' trasparenza u ċarezza fuq il-kummerċ tad-derivattivi mwettaq permezz tas-swieq tal-OTC. Il-Kumitat ta' Basel jipproponi sett ta' bidliet li jindirizzaw problemi ewlenin fejn il-ġestjoni tas-CCR dehret li kienet defiċjenti.

Ir-rapporteur jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Kumitat biex jissaħħu l-istandards dwar it-testijiet ta' reżistenza, il-back-testing u l-indirizzar tar-riskju għan-naħa żbaljata.

Huwa jilqa' l-isforz tal-Kumitat li jinċentiva l-ikklerjar tal-kummerċ tal-OTC permezz ta' kontroparti ċentrali (CCP) u huwa tal-fehma li r-rekwiżiti tal-kapital għandhom jiddistingwu bejn ir-riskji ta' tranżazzjoni mwettqa permezz tas-CCP u dik ta' tranżazzjoni tal-OTC bil-kundizzjoni li CCP bħal din tkun tissodisfa standards ta' livell għoli. L-istandards għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali.

Ir-rapporteur jinnota wkoll it-tħassib tas-settur korporattiv li juża d-derivattivi biex il-kumpaniji jitħarsu mir-riskji kummerċjali tagħhom dwar l-ispejjeż possibbli ta' tariffi fuq il-kapital għal derivattivi li ma jkunux ikklerjati b'mod ċentrali u jitlob lill-Kummissjoni tqis l-impatt possibbli u l-ispejjeż relatati għall-kumpaniji meta ssir distinzjoni bejn it-tariffi fuq il-kapital bejn tranżazzjonijiet tal-OTC u tranżazzjonijiet ta' derivattivi kklerjati mis-CCP.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.9.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Slavi Binev, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Edward Scicluna, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Herbert Dorfmann, Sari Essayah, Ashley Fox, Danuta Maria Hübner, Sophia in ‘t Veld, Ramón Jáuregui Atondo, Philippe Lamberts, Olle Ludvigsson, Zoran Thaler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Matthias Groote

(1)

Direttiva 2006/48/KE (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1) u d-Direttiva 2006/49/KE (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201).

(2)

ĠU L 302, 17.11.2009, p. . 97.

(3)

Basel II: Il-Konverġenza Internazzjonali tal-Kejl tal-Kapital u l-Istandards tal-Kapital: Qafas Ri-eżaminat – Verżjoni Komprensiva ta’ Ġunju 2006, http://www.bis.org/publ/bcbs128.htm.

(4)

Proposti konsultattivi tal-Kumitat ta’ Basel biex tissaħħaħ l-elastiċità tas-settur bankarju, is-17 ta' Diċembru 2009, http://www.bis.org/press/p091217.htm.

(5)

Il-proposti konsultattivi tal-Kumitat ta’ Basel dwar qafas internazzjonali għall-kejl tar-riskju tal-likwidità, l-istandards u l-monitoraġġ mis-16.12.2009, http://www.biz.org/publ/bcbs165.htm.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2010)0206.

(7)

ĠU L 320, 29.11.2008 p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2010Avviż legali