RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound

28.10.2010 - (COM(2010)0325 – C7‑0156/2010 – 2010/0175(COD)) - ***I

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Marek Józef Gróbarczyk


Proċedura : 2010/0175(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0295/2010

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound

(COM(2010)0325 – C7‑0156/2010 – 2010/0175(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0325),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0156/2010),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Settembru 2010[1],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7‑0295/2010),

1.   Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif stabbilita hawn taħt;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni tipprepara pjan ta' ġestjoni komprensiv għall-ħut ċatt fil-Baħar Baltiku;

3.   Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda          1

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – l-ewwel sentenza

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Biex ikun żgurat li r-Regolament jidħol fis-seħħ qabel tmiem l-2010.

  • [1]  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

NOTA SPJEGATTIVA

L-esperjenza miksuba permezz tal-użu ta’ sistema tal-iskartar tal-ħut fil-Baħar Baltiku, imsejsa fuq il-mudell ta’ qabdiet totali permissibbli tal-ġestjoni tas-sajd, turi li s-sistema taħdem tajjeb u hi prattikabbli għal ċeri speċijiet ta' ħut. Għaldaqstant ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li jiżdied l-Artikolu 15a mar-Regolament (KE) Nru 2187/2005.

Tajjeb li wieħed jinnota li l-ispeċijiet li jinqabdu b’mod sekondarju jista’ jkollhom valur baxx fis-suq, jistgħu ikun kompletament mhux adattati għall-konsum mill-bniedem, jew jista’ jkun illegali li wieħed jaqbadhom. Id-dispożizzjoni konċernata tagħti lok li l-barbun ħaj, li m’għandux valur kummerċjali barra mill-istaġun, jintefa' lura l-baħar. L-Artikolu 15a għaldaqstant iwitti t-triq għal esplojtazzjoni sostenibbli tal-istokks tal-ħut, mingħajr il-ħtieġa li jitbaxxew l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni.

Sabiex il-qabdiet sekondarji jiġu evitati b’mod effettiv, u jkun limitat ir-rimi ta’ għadd eċċessiv ta’ ħut żgħir jew ta’ daqs ċkejken wisq minn speċijiet fil-mira kif ukoll speċijiet li mhumiex fil-mira, huwa vitali li l-industrija tas-sajd tiġi mħeġġa tuża l-aktar apparat tas-sajd selettiv u li ma jsirx sajd fejn ikun hemm għadd kbir ta’ ħut ċkejken wisq jew speċijiet mhux fil-mira. Għandhom jiġu introdotti wkoll perjodi varjabbli fejn ma jsirx sajd, li jimxu maċ-ċikli tal-perjodi meta l-ħut ibid. Ir-riċerka dwar is-selettività tal-apparat tas-sajd għandha ssir minn xjentisti li jaħdmu flimkien mas-sajjieda, li għandhom esperjenza kbira fil-qasam.

Fl-2011, il-Parlament se jiffoka prinċipalment fuq proposti għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), fosthom rieżami tas-sistemi tal-iskartar tal-ħut.

Il-pjan ta’ azzjoni mfassal għall-eliminazzjoni tar-rimi fil-Baħar Baltiku jinkludi l-introduzzjoni, fejn ikun xieraq, ta’ projbizzjoni kompluta tar-rimi fiz-żoni tas-sajd tal-Baħar Baltiku. Dan irid jirriżulta f’ġestjoni sostenibbli u aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-baħar. Għaldaqstant mhux għaqli li ssir projbizzjoni kompleta tar-rimi fil-każ tal-barbun jew ħut ieħor minn din il-familja, għax dan iħalli impatt negattiv fuq l-istokks tal-barbun.

Meta niftakru l-ħtieġa li s-sajd jibqa’ stabbli u prevedibbli, u li l-istokks tal-ħut jiġu esplojtati fil-limiti stabbiliti, ir-rapporteur jinsab imħasseb li projbizzjoni tal-iskartar tal-ħut tista' tintuża' biex tillegalizza s-sajd fuq skala kbira ta' merluzz ċkejken wisq fil-Baħar Baltiku.

Minħabba nuqqas ta’ data xjentifika affidabbli li fuqha jista' jiġi stmat il-qbid sekondarju tal-merluzz huwa essenzjali li tiġi introdotta dokumentazzjoni sħiħa tal-qabdiet, flimkien ma’ monitoraġġ sħiħ tal-bastimenti involuti f’dawn l-attivitajiet ta’ sajd.

Għandu jkun hemm monitoraġġ kwalitattiv u kwantitattiv 100% tal-qabdiet industrijali fil-punt fejn il-ħut jittella’ l-art. Jekk dan ma jsirx, il-politika ta’ ħarsien tal-istokks tal-ħut tal-Baħar Baltiku ma tkunx realistika, u ma jkunx hemm punt għall-pjan ta’ ġestjoni fuq medda twila tal-merluzz

Ir-rapporteur jistieden lill-Unjoni tieħu azzjoni immedjata skont il-Politika Komuni tas-Sajd biex issolvi l-kwistjoni tas-sajd industrijali fil-Baħar Baltiku, u jitqies li, f’termini ambjentali, dan it-tip ta’ sajd jagħmel ħsara lill-ekosistema tal-Baltiku, b’mod partikolari minħabba li l-Baħar Baltiku ġie klassifikat bħala ‘żona tal-baħar partikolarment sensittiva’ (particularly sensitive sea area - PSSA) mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Dan ifisser li l-Baħar Baltiku huwa waħda mill-aktar ekosistemi marittimi prezzjużi u sensittivi tad-dinja.

Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-istituti ta’ riċerka, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-komunità tas-sajjieda biex teżamina l-impatt negattiv tas-sajd industrijali fuq il-bijodiversità fil-Baħar Baltiku.

Hemm ħtieġa urġenti li jitwaqqaf is-sajd industrijali fil-Baħar Baltiku, għax dan it-tip ta sajd hu l-antiteżi ta’ prassi tas-sajd tajba, u mod sostenibbli f’termini ambjentali u ekonomiċi.

Il-klima tal-Baħar Baltiku qed tinbidel, u speċijiet differenti ta’ ħut qed jadattaw rwieħhom għal dan it-tibdil. Dan ifisser li x-xejriet tagħhom rigward il-migrazzjoni u r-riproduzzjoni qed jinbidlu wkoll. Għaldaqstant il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami taż-żoni ta’ ħarsien tal-baħar fil-Baħar Baltiku.

Ittieħdet deċiżjoni li jkun projbit is-sajd tal-barbun imperjali fis-suddiviżjonijiet 25, 26 u 28 fin-59° 50′ N bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Lulju. Minħabba li l-Kummissjoni m’għandhiex biżżejjed data aġġornata li fuq il-bażi tagħha tista' tittieħed deċiżjoni li jiġu protetti ċerti żoni u oħrajn le, u bit-tibdil klimatiku li qed iseħħ – b’mod speċjali fid-dawl tal-kwantitajiet żgħar ħafna ta’ barbun imperjali li qed jinqabdu – din id-deċiżjoni jeħtieġ li terġa' tiġi studjata. Skont il-Eurostat, fl-2008 biss madwar 100 tunnellata ta’ barbun imperjali nqabdu fis-suddiviżjonijiet imsemmija hawn fuq, li huma suġġetti għal miżuri ta’ ħarsien għall-barbun imperjali. Madwar 1000 tunnellata ta’ barbun imperjali nqabdu fis-suddiviżjonijiet l-oħra, li mhumiex żoni mħarsa. Fid-dawl ta’ dawn il-figuri, jeħtieġ isir rieżami taż-żona ta’ ħarsien.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound

Referenzi

COM(2010)0325 – C7-0156/2010 – 2010/0175(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

22.6.2010

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

6.7.2010

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Marek Józef Gróbarczyk

14.7.2010

 

 

Eżami fil-kumitat

30.8.2010

29.9.2010

 

 

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Diane Dodds, Raül Romeva i Rueda