Proċedura : 2010/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0310/2010

Testi mressqa :

A7-0310/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 20
CRE 24/11/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.13
CRE 25/11/2010 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0445

RAPPORT     
PDF 296kDOC 208k
8 ta' Novembru 2010
PE 448.802v01-00 A7-0310/2010

dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima

(2010/2103(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Yannick Jadot

Rapporteur għal opinjoni (*):

Jo Leinen, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

(*) Proċedura b' kumitati assoċjati - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (*)
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima

(2010/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tat-tliet gruppi ta' hidma tal-Grupp Intergovernattiv tal-Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblikati fl-2007(1),

–   wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima adottat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009 rigward in-negozjati dwar il-klima,

–   wara li kkunsidra s-samit dwar il-klima tan-NU li sar f'Kopenħagen (id-Danimarka) mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Ftehim ta' Kopenħagen li ħareġ minnu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew rigward it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tas-samit ta' Kopenħagen(2) u dik tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2010 dwar l-analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju (COM(2010)0265),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2010 dwar is-sostenibbiltà tal-bijofjuwils u bijolikwidi(4),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2008 dwar l-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima - Nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa (COM(2008)0699),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar il-kummerċ u t-tibdil fil-klima varat fis-26 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet fis-Samit tal-G 20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-istitut Climate Strategies intitolat "Tackling leakage in a world of unequal carbon prices" ippubblikat f'Ġunju 2010(5), l-istudju tal-istitut CE Delft "Why the EU could and should adopt higher greenhouse gas reduction targets", ippubblikat f'Marzu 2010(6); l-istudju tal-istitut Sandbag, "The Carbon Rich List: The companies profiting from the EU Emissions Trading Scheme", ippubblikat fi Frar 2010(7) u l-istudju tal-istitut Carbon Trust "International carbon flows",

–   wara li kkunsidra l-"Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp", ippubblikata fl-2008(8),

–   wara li kkunsidra r-regoli dwar l-investiment fl-Energy Charter, li jikkostitwixxu l-bażi għall-kawża "Vattenfall Europe Generation AG v. ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja" tas-27 ta' April 2009(9) , li fih azjenda attakkat Stat Membru li impona regoli ambjentali aktar stretti,

–   wara li kkunsidra l-Green Energy Act ta' Ontario tal-14 ta' Mejju 2009(10),

-    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni EU FLEGT (Infurzar tal-Liġi, Governanza u Kummerċ Forestali) ta' Mejju 2003,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0310/2010),

A. billi t-temperatura tad-dinja diġà żdiedet tul l-aħħar seklu u se tibqa' tiżdied u billi r-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tat-tisħin tal-klima qed jieħdu xejriet inkwetanti u li huwa indispensabbli li dan it-tisħin ma jitħalliex jaqbeż żieda ta' 2°C,

B.  billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 hu inadegwat; billi l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tieħu rwol minn ta' quddiem minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni tal-miri tagħha u minħabba nuqqas ta' għaqda,

C. billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 mhuwiex biżżejjed u qed joħloq diżappunt; billi s-sħab fin-negozjar ma laħqux kunsens globali, u l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tieħu rwol minn ta' quddiem u ma rnexxielhiex tippreżenta front magħqud;

D. waqt li jilqa' b'sodisfazzjon l-objettiv tal-Kunsill Ewropewli sal-2050 jnaqqas l-emissonijiet Ewropej ta' gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95 % meta mqabbla mal-livell tal-1990, peress li dan l-objettiv hu meħtieġ biex l-Unjoni tkun tista' terġa' tieħu rwol ta' tmexxija f’inizjattivi internazzjonali dwar il-klima ġaladarba pajjiżi oħra impenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jiżviluppaw ekonomija ħadra, partikolarment permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru ekonomiku; filwaqt li jappoġġa bil-qawwa l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissonijiet Ewropej bi 30% sal-2020, u dan irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati internazzjonali;

E.  billi s-samit ta' Cancun jipprovdi opportunità unika għal djalogu sustantiv, għandu jadotta strumenti legalment vinkolanti u proċeduri ta' verifika ferm aktar b'saħħithom u għandu jkun pass fundamentali lejn ftehim operattiv komprensiv u legalment vinkolanti li jgħin biex it-tisħin globali jibqa' ferm naqas minn 2°C,

F.  billi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija fattur fil-kompetittività, ġaladarba l-prijoritajiet Ewropej fil-qasam huma l-iffrankar tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija li jgħinu biex tittejjeb is-sigurtà enerġetika tal-Unjoni u joffru potenzjal qawwi f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp industrijali, l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi,

G. billi l-enerġija ssussidjata u l-emissjonijiet ta' CO2 mingħajr restrizzjoni f'ċerti pajjiżi joħolqu vantaġġ kumparattiv,

H. billi r-responsabbiltà klimatika tal-Unjoni Ewropea ma tistax tillimita ruħha għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fit-territorju tagħha, minħabba li l-emissjonijiet marbuta mal-konsum tagħha huma bil-wsiq akbar minn dawk marbuta mal-produzzjoni tagħha, u dan b'madwar 35 % fir-Renju Unit, 45 % fi Franza jew 60 % fl-Isvezja, skont stimi riċenti,

I.   billi għaldaqstant ir-regoli kummerċjali huma deċiżivi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u billi l-Unjoni, bħala l-akbar forza kummerċjali fid-dinja, jista' jkollha influwenza kbira fuqhom,

1.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-ambizzjoni tal-Kunsill li sal-2050 jnaqqas l-emissonijiet Ewropej ta' gassijiet b'effett ta' serra bi 80 sa 90 % meta mqabbla mal-1990, ambizzjoni meħtieġa biex l-Unjoni tkun tista' terġa' tieħu rwol dinji ta' tmexxija rigward il-klima filwaqt li pajjiżi oħra huma impenjati bis-sħiħ fl-ekonomija l-ħadra, partikolarment permezz tal-pjanijiet tagħhom għal irkupru ekonomiku; jappoġġa bil-qawwa l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissonijiet Ewropej bi 30 % sal-2020, u dan irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati internazzjonali, tnaqqis li jqanqal lill-pajjiżi oħra jieħdu impenji aktar ambizzjużi;

2.  Jitlob għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali vinkolanti dwar il-protezzjoni tal-klima u jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta' tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tad-CO2 fl-Unjoni Ewropea sal-2020, irrispettivament min-negozjati internazzjonali, u l-għan fit-tul tal-UE għal tnaqqis ta' mill-inqas 85% tal-emissjonijiet tad-CO2 u ta' gassijiet oħra b'effett ta' serra sal-2050;

3.  Jenfasizza li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2; jemmen li t-twaqqif ta' standards, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni huma strumenti b'potenzjal qawwi għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, u b'hekk biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-regolamentazzjoni tagħhom tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) billi jistabbilixxu prezz minimu għall-karbonju; iqis li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) naqas milli jindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

4.  Huwa favur l-intensifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jsegwu politika konsistenti u jistabbilixxu qafas legali vinkolanti li jippermetti li, fuq żmien twil, jiġi adottat programm b'fażijiet ta' għajnuniet li jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq u l-ħolqien ta' infrastrutturi minimi, element li huwa essenzjali fi żmien ta' kriżi u inċertezza kummerċjali;

5.  Ifakkar li politika kummerċjali komuni hija strument għas-servizz tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE ''għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni'', u li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandha tikkontribwixxi b'mod partikolari ''għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti'';

6.  Jenfasizza li l-politiki kummerċjali tal-Unjoni Ewropea – fil-livelli bilaterali u multilaterali – huma għodda biex jintlaħaq għan u mhux finijiet fihom infushom, u li jeħtiġilhom ikunu koerenti mal-objettivi tagħha rigward it-tibdil fil-klima u jantiċipaw il-konklużjoni ta' ftehim ambizzjuż dwar il-klima;

7.  Iqis li r-regoli tad-WTO g]andhom jiġu interpretati u żviluppati b'tali mod li jirfdu l-impenji meħuda fil-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur il-bini ta' kunsens fid-WTO biex is-segretarjati tal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent jingħataw status ta' osservaturi fil-laqgħat kollha tad-WTO rigward il-qasam ta' kompetenza tagħhom, kif ukoll rwol konsultattiv fil-proċeduri ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti relatati mal-ambjent; jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda tad-WTO biex jinqered il-vantaġġ kumparattiv mogħti mill-emissjonijiet irħas ta' CO2;

8.  Jiddeplora l-fatt li l-ebda wieħed mill-ftehimiet tad-WTO ma jagħmel referenza diretta għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jiddeplora l-iżvilupp tal-bijopiraterija ta' żrieragħ reżistenti għall-klima; iqis li jeħtieġ tibdil fir-regoli tad-WTO biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-impenji skont il-Protokoll ta' Kjoto u l-ftehimiet ambjentali multilaterali; iħeġġeġ b'urġenza li ssir riforma tad-WTO biex il-prodotti jkunu jistgħu jingħarfu skont il-metodi ta' produzzjoni u pproċessar (PPMs), u jħeġġeġ ukoll li jiddaħħlu flessibilitajiet ġodda bl-użu ta' 'ħruġ ta' liċenzji obbligatorji' fil-qafas tal-ftehim TRIPS;

9.  Jenfasizza, b'referenza għall-Preambolu tal-Ftehim tad-WTO u l-Artikolu XX b), d) u g) tal-GATT, li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jirriżulta fl-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-prinċipju ta' preferenza kollettiva fil-qafas tad-WTO, speċjalment rigward prodotti sostenibbli, li jirrispettaw il-klima u etiċi;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tad-WTO jiksbu opinjoni minn din tal-aħħar li tirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu u tħeġġeġ lid-WTO taħdem biex tiżgura li r-regoli tad-WTO jippromwovu u mhux jimminaw l-isforzi dinjija biex it-tibdil fil-klima jiġi miġġieled, jitnaqqas u li jsir adattament għalih;

11. Jesprimi s-sogħba tiegħu li l-membri tad-WTO għad iridu jsibu mod kif jintegraw dan it-trattat fis-sistema tal-istituzzjonijiet u r-regoli tan-NU dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jinsisti li l-obbligi u l-objettivi skont il-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u istituzzjonijiet oħra tan-NU (il-FAO, l-ILO u l-IMO) iridu jieħdu preċedenza fuq l-interpretazzjoni dejqa tar-regoli kummerċjali;

12. Peress li għaddew aktar minn 15-il sena mid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, li ttieħdet f'Marrakexx fil-15 ta' April 1994, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard minn nofs l-2011, rapport li jivvaluta l-punt sa kemm il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa d-dmirijiet tiegħu kif stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar x'fadal isir, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-Klima u d-WTO;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinsistu, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, partikolarment rigward il-materja prima naturali, ma xxekkilx il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u li l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet isiru parti integrali fil-ftehimiet; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-organizzazzjoni ta' laqgħa konġunta tal-ministri tal-kummerċ u tal-ambjent tad-WTO anke qabel il-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC li se ssir f'Johannesburg fl-2011; ifakkar li l-UNFCCC hija l-forum fejn għandu jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima;

14. Iqis li huwa iktar urġenti minn qatt qabel li jitnieda dibattitu pubbliku dwar it-twaqqif ta' Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija;

It-tisħiħ tal-interazzjoni pożittiva bejn il-kummerċ u l-ħarsien tal-klima

15. Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li l-kummerċ jista' jkollu fit-tifrix ta' prodotti u servizzi li għandhom sehem fil-ħarsien tal-klima; iqis li l-ħarsien tal-klima u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ jistgħu jsaħħu lil xulxin reċiprokament billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali, imma li għal dan jeħtieġ li minn qabel tkun stabbilita lista ta' dawn l-oġġetti u servizzi skont kriterji ambjentali u f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi membri tad-WTO;

16. Jirrikonoxxi li l-kummerċ huwa għodda importanti għat-trasferiment tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu l-ostakoli għal ''kummerċ aħdar' billi, pereżempju, jonqsu t-tariffi fuq il-''prodotti ħodor'' fil-livell tad-WTO;

17. Jittama li l-UE tagħti eżempju tajjeb billi tnaqqas l-ostakoli, bħalma huma t-tariffi u l-imposti, għall-kummerċ fit-teknoloġiji "ħodor" u fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u biex tippromwovi l-hekk imsejħa prodotti u servizzi ambjentali (EGS), anke fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali u l-Fond Aħdar għall-Klima ta’ Kopenħagen;

18. Jisħaq fuq l-importanza tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji ħodor u jirrikonoxxi r-rwol li jista' jkollu l-kummerċ fit-trasferiment ta' dawn it-teknoloġiji bejn il-pajjiżi;

19. Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fl-identifikazzjoni ta' ostakoli rilevanti għat-tixrid ta' teknoloġiji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

20. Jirrikonoxxi li l-inċentiv għall-innovazzjoni jista' jsir permezz ta' diversi sistemi ta' premju u li dawn is-sistemi ma jiffarovixxux bl-istess mod it-trasferimenti tat-teknoloġiji; jistaqsi b'mod partikolari dwar l-effett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq it-tifrix tat-teknoloġiji futuri bħalma huma l-agrofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, il-batteriji jew l-idroġenu; jinnota wkoll li, biex is-sistemi tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jittrasferixxu t-teknoloġija, irid jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tagħhom minħabba istituzzjonijiet politiċi dgħajfin u n-nuqqas tal-istat tad-dritt; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tistudja s-sistemi kollha ta' premju għall-innovazzjoni, filwaqt li tqis ir-riskju li xi pajjiżi jkunu esklużi, u biex ir-riżultati ta' dan ix-xogħol tintegrahom fid-diplomazija tagħha rigward il-klima;

21. Jinsab imħasseb fuq l-effett ta' distorsjoni tas-sussidji għall-enerġiji fossili fuq il-kummerċ internazzjonali, minħabba l-impatt tagħhom fuq il-klima u l-ispiża li jirrappreżentaw għall-finanzi pubbliċi; jilqa' favorevolment l-impenn tal-G 20 favur it-tneħħija gradwali ta' dawn is-sussidji;

22. Jixtieq li l-Unjoni Ewropea tieħu rwol ta' tmexxija dinjija fuq din il-materja, u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi bil-ħeffa kalendarju għat-tneħħija gradwali ta' dawn is-sussidji fl-Unjoni, ladarba dan il-proċess se jkollu jinvolvi l-introduzzjoni ta' miżuri ta' akkompanjament soċjali u industrijali; ifakkar, barra minn hekk, it-talba tal-Parlament Ewoprew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jħallux lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u lill-Bank Ewropew tal-Investiment jagħmlu self għal proġetti li jkollhom impatt ħażin fuq il-klima;

23. Jopponi s-sussidji tal-fjuwils fossili u jappella għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u ekoloġiċi kif ukoll l-istudju u l-iżvilupp ta’ sorsi ta' enerġija deċentralizzati, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan il-kuntest, ifakkar fil-ftehim tal-G 20 biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni tiegħu b'kalendarji ċari u mekkaniżmi ta' kumpens fejn ikunu f'lokhom;

Prezzijiet aktar ġusti fil-kummerċ internazzjonali u l-evitar ta' emissjonijiet tal-karbonju

24. Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista' taħdem kontra l-ħarsien tal-klima jekk ċerti pajjiżi jiksbu vantaġġ kompetittiv min-nuqqas ta' azzjoni rigward il-klima; jissuġġerixxi għalhekk li ssir riforma tar-regoli tad-WTO dwar l-antidumping biex jinkludu l-kwistjoni ta' prezz ambjentali ġust skont normi dinjija tal-ħarsien tal-klima;

25. Jiddispjaċih li s-sussidji tal-prezzijiet tal-enerġija u n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' restrizzjonijiet jew kwoti fuq l-emissjonijiet ta' CO2 f'ċerti pajjiżi jagħtihom vantaġġ kumparattiv; minħabba n-nuqqas ta' restrizzjonijiet b'rabta mal-emissjonijiet ta' CO2, li għalhekk jiġu jiswew relattivament ftit, dawn il-pajjiżi m'għandhom l-ebda inċentiv biex jidħlu fil-ftehimiet multilaterali dwar it-tibdil fil-klima;

26. Jinnota madankollu li n-negozjati dwar il-klima jserrħu fuq il-prinċipju ta' "responsabbiltà komuni imma ddifferenzjata" u li d-dgħufija tal-politiki klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ġeneralment hija dovuta għall-fatt li għandhom anqas kapaċità finanzjarja jew teknoloġika, u mhux minħabba xi mira ta' dumping ambjentali;

27. Jixtieq, f'dan il-kuntest, li d-dibattitu Ewropew fuq l-emissjonijiet tal-karbonju industrijali fir-rigward tas-sistema Komunitarja tal-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU-ETS) u dwar il-mezzi ta' rimedju jinbeda b'mod kawt;

28. Ifakkar li, fil-fatt, skont l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2010 (COM(2010)0265) dwar dan is-suġġett, ftit huma s-setturi industrijali li huma vulnerabbli b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-karbonju u jqis li l-identifikazzjoni tagħhom tirrikjedi analiżi settorjali fina; jistieden lill-Kummissjoni tuża approċċċ bħal dan fil-futur qrib, aktar milli tuża xi kriterji kwantitattivi identifikati għas-setturi industrijali kollha;

29. Jenfasizza li m'hemmx soluzzjoni waħda għas-setturi industrijali vulnerabbli għall-emissjonijiet tal-karbonju, u li n-natura tal-prodott jew inkella l-istruttura tas-suq huma kriterji essenzjali għall-għażla bejn l-għodod disponibbli (allokazzjoni ta' kwoti bla ħlas, għajnuniet mill-Istat jew aġġustament fil-fruntieri);

30. Jiddeplora r-rikors massiċċ għall-allokazzjoni ta' kwoti bla ħlas, meta bosta studji riċenti juru li dawn l-allokazzjonijiet jistgħu jiġġeneraw profitti kbar mhux dovuti għal ċerti impriżi u li lill-impriżi benefiċjarji bl-ebda mod ma jżommuhom milli jittrasferixxu, totalment jew parzjament, il-produzzjoni tagħhom xi mkien ieħor; jitlob li fil-każ ta' trasferiment totali jew parzjali, il-kwoti allokati jintraddu lura minnufih u li parti minnhom tmur għad-dotazzjoni ta' fond għat-trasformazzjoni soċjali u ekoloġika taż-żoni industrijali abbandunati;

31. Iqis li ftehim multilaterali dwar il-klima jkun l-aħjar strument biex jiġu internalizzati fatturi ambjentali negattivi esterni b'rabta mas-CO2, iżda li hemm riskju li dan ma jintlaħaqx fil-ġejjieni qarib; iqis għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tanalizza l-possibilitajiet li timplimenta, għas-setturi industrijali li tabilħaqq huma esposti għar-rilokazzjoni tal-karbonju, strumenti ambjentali adegwati kumplementari għall-irkantar tal-kwoti tas-CO2 tas-sistema tal-Unjoni ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, partikolament ta' ‘mekkaniżmu ta' inklużjoni tal-karbonju’, waqt li jiġu rispettati r-regoli tad-WTO. Mekkaniżmu ta' dan it-tip jippermetti li jiġu miġġielda r-riskji tat-trasferimenti tal-emissjonijiet tas-CO2 lejn il-pajjiżi terzi;

32. Jirrikonoxxi li r-regoli tad-WTO mhumiex inkompatibbli ma' miżuri konfinali biex jiġi nnewtralizzat l-effett tal-politiki domestiċi li jinkorporaw il-kost tal-esternalitajiet ambjentali fil-prezzijiet tal-prodotti, sakemm aġġustamenti ta' dan it-tip ma jkunux diskriminatorji;

33. Jiddikjara bla ekwivoċi li l-aġġustamenti tat-taxxi konfinali ma għandhomx iservu bħala strument għall-protezzjoniżmu imma pjuttost bħala mod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jikkunsidra li l-UE għandha timpenja sehem mid-dħul potenzjali lejn it-twettiq tal-obbligi finanzjarji tagħha taħt il-UNFCCC;

34. Jikkunsidra li l-unika possibilità li l-azzjonijiet individwali li, fil-kliem tad-Deċiżjoni tal-Kunsill għan-Negozjati Kummerċjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent tal-15 ta' Diċembru 1993, jaffetwaw "ir-relazzjoni bejn il-miżuri kummerċjali u l-miżuri ambjentali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli" (bħall-aggustamenti tat-taxxi konfinali u d-dazji "anti-eco-dumping") jirriżultaw bħala kompatibbli mar-regoli u d-dixxiplini tad-WTO, meta wieħed iqis il-qagħda attwali tal-ġurisprudenza tad-WTO f'dan il-qasam, hi jekk isiru taħt l-awspiċji ta' ftehim globali legalment vinkolanti taħt l-awtorità tal-UNFCCC u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-COP 17 fl-Afrika ta' Isfel komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif sistema ta' dan it-tip tista' tiġi prevista fi kwalunkwe ftehim wara Kjoto;

Favur id-differenzjazzjoni tal-prodotti skont l-impatt tagħhom fuq il-klima

35. Ifakkar li l-ħarsien tal-klima jseħħ permezz ta' diversi politiki pubbliċi – tikkettar tal-karbonju, kuntratti pubbliċi bi kriterji tal-karbonju stretti, standards, sussidji, taxxi, kwoti – li jiddifferenzjaw il-prodotti skont il-proċeduri u l-metodi ta' produzzjoni (PMP) tagħhom, u li jista' jkun neċessarju li dawn il-politiki jiġu applikati wkoll sew għall-prodotti Ewropej kif ukoll għal dawk importati;

36. Iqis li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar blokk ta' kummerċ internazzjonali, tista’ tistabbilixxi standards fuq livell globali u tappoġġja l-iżvilupp u t-tixrid ta' skemi ta' ċertifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li jqisu kriterji soċjali u ekoloġiċi; ifakkar il-ħidma ta' suċċess ta’ NGOs internazzjonali għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' tikketti u ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip, u b'mod partikolari jappoġġja l-użu usa' tagħhom;

37. Ifakkar li l-qafas tad-WTO jippermetti li jittieħdu miżuri ta' kwalifikazzjoni tal-kummerċ jekk ikunu meħtieġa, proporzjonali u ma jiddiskriminawx kontra pajjiżi b'kundizzjonijiet ta' produzzjoni identiċi; jinnota, madankollu, li hemm bżonn urġenti ta' kjarifiki biex dawn il-miżuri jkunu jistgħu japplikaw abbażi ta' kriterji klimatiċi relattivi għall-PMP ta' dawn il-prodotti;

38. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem favur li jinbdew mill-ġdid id-diskussjonijiet fi ħdan id-WTO fuq il-PMP u l-possibbiltà li prodotti simili jkunu ddifferenzjati skont l-impronta tal-karbonju tagħhom, l-impronta enerġetika jew standards teknoloġiċi; iqis li inizjattiva f'dan is-sens tista' tintlaqa' mill-membri tad-WTO jekk tkun akkumpanjata minn miżuri li jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġiji;

39. Jixtieq madankollu li -nuqqas ta' ċarezza attwali dwar il-PMP fi ħdan id-WTO ma jwaqqax l-Unjoni fl-immobiliżmu, ġaladarba l-Unjoni għandha, bil-maqlub, tisfrutta dawn il-marġni ta' manuvra; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tirrikorri sistematikament għal tikketti jew kriterji ta' sostenibbiltà fin-negozjati kummerċjali u fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali għall-prodotti li għandhom effett fuq il-klima;

40. Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq l-ambjent dovuti għall-kummerċ jiġu riflessi fil-prezzijiet u biex il-prinċipju ''min iniġġes iħallas'' jiġi infurzat; iħeġġeġ li s-sistemi ta' ttikkettar u ta' informazzjoni rigward l-istandards ambjentali jkunu sinkronizzati;

41. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu, għal din ir-raġuni, rigward l-istabbiliment mill-Unjoni Ewropea ta' kriterji ta' sostenibbiltà għall-agrofjuwils prodotti fl-Unjoni u importati; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja t-twessigħ ta' dan l-approċċ ħalli jkopri l-bijomassa u l-prodotti agrikoli; jitlob li t-tibdiliet indiretti fl-użu tal-artijiet relatati mal-agrofjuwils jiġu meqjusa u jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta qabel tmiem l-2010, f'konformità mal-impenn li hija ħadet mal-Parlament Ewropew;

42. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' standards u kriterji ta' sostenibbiltà stretti u vinkolanti għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijomassa li jqisu l-emissjonijiet ta' gassijiet u partikuli żgħar li jagħmlu ħsara lill-klima minħabba t-tibdil indirett tal-użu tal-art (ILUC) u ċ-ċiklu ta' produzzjoni kollu; jenfasizza li s-salvagwardja tal-provvista tal-ikel għall-popolazzjoni għandu jkollha prijorità fuq il-produzzjoni tal-bijofjuwils, u li hemm bżonn urġenti li s-sostenibilità tal-politika u l-prattika tal-użu tal-art tiġi affrontata b'approċċ aktar olistiku;

43. Iqis bħala kruċjali li jkun hemm standards ibsin b'rabta mas-sostenibilità fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-impatt ambjentali u soċjali kontradittorju tagħhom;

44. Jilqa' l-ftehim Ewropew milħuq dwar il-kummerċ illegali tal-injam u jistenna b'ħerqa li jsir progress fil-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja;

Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex timmina politiki ambizzjużi dwar il-klima

45. Huwa mħasseb dwar ir-rieda tal-Kummissjoni li fil-ftehimiet kummerċjali tagħfas fuq il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-injam, u b'mod partikolari l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tiegħu, minkejja r-riskju akbar tad-deforestazzjoni u r-riperkussjonijiet ħżiena fuq il-klima, il-bijodiversità, l-iżvilupp u l-popolazzjonijiet lokali;

46. Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' konsistenza bejn l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità u l-kundizzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li, pereżempju, l-isforzi biex tiġi affrontata d-deforestazzjoni jkunu effikaċi;

47. Huwa tal-fehma li l-ftehimiet internazzjonali ġodda għall-ħarsien tal-ambjent iridu jinkludu garanziji sodi dwar it-tnaqqis tal-impatt nagattiv fuq l-ambjent tal-kummerċ internazzjonali fl-injam u dwar l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni, li huma estensivi b'mod inkwetanti;

48. Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli wasslet biex bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw jadottaw mudelli tal-agrikoltura bbażati fuq il-monokultura u l-esportazzjoni, filwaqt li dawn il-mudelli agrikoli huma vulnerabbli ħafna għat-tibdil fil-klima u jistgħu jwasslu għal deforestazzjoni massiċċa; huwa mħasseb dwar l-impatt ta' ċerti sussidji agrikoli Ewropej fuq il-kapaċità tal-pajjiżi biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel tagħhom b'mod partikolari f'kuntest ta' tibdil fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni biex ma tikkonkludi l-ebda ftehim kummerċjali li jintensifika d-deforestazzjoni u biex tiżgura ruħha li l-ftehimiet kummerċjali u l-appoġġi pubbliċi Ewropej għall-agrikoltura ma jimminawx il-prospettivi ta' politiki agrikoli li jintegraw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-mira tas-sovranità tal-ikel;

49. Jinnota bi tħassib li l-globalizzazzjoni ekonomika spiss wasslet għal mudell agrikolu bbażat fuq il-monokultura ta' wċuħ tar-raba' tal-esportazzjoni li tiffavorixxi prattiki mhux sostenibbli tal-biedja f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li s-sistemi kummerċjali għandhom jirriflettu b'mod adegwat il-ħtiġijiet tal-bdiewa b'impriżi żgħar u tal-komunitajiet rurali, speċjalment fid-dinja li qed tiżviluppa, filwaqt li jipprovdu inċentivi għall-agrikoltura organika, li tipproduċi anqas emissjonijiet ta' CO2 u għaldaqstant tikkontribwixxi għat-taffija tat-tibdil fil-klima; jitlob li jiġu stabbiliti standards kummerċjali ta' kwalità fil-livell nazzjonali u internazzjonali li l-gvernijiet ikunu jistgħu joħolqu rabta bejn l-aċċess għas-suq u dawn l-istandards, pereżempju billi jagħtu aċċess preferenzjali għas-suq lil prodotti li jikkonformaw ma' ċerti standards ta' sostenibilità;

50. Jopponi d-dispożizzjonijiet li, fil-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment, jippermettu lill-investituri li jduru kontra pajjiż li jsaħħaħ il-politiki tiegħu dwar il-klima; huwa tal-fehma li r-regoli tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn investitur u Stat ma jistgħux ikunu previsti għajr jekk qafas ġuridiku partikolari jippermetti lill-pajjiżi li jieħdu miżuri għal-ħarsien tal-ambjent li jkunu koerenti mal-miri dinjija fil-qasam;

51. Jitlob lill-Kummissjoni biex ma topponix sistematikament il-klawsoli ta' kontenut lokali tal-politiki ta' sħabha rigward il-klima, bħal fil-każ tal-Ontario Green Energy Act; iqis, fil-fatt, li dawn il-klawsoli jiggarantixxu l-aċċettabbiltà ta' dawn il-politiki fost iċ-ċittadini u l-impriżi; iqis barra minn hekk li, sakemm il-prezz klimatiku jiġi integrat fil-prezz tat-trasport internazzjonali, dawn il-klawsoli bħat-tikkettar tat-trasport huma strumenti li, filwaqt li ċertament mhumiex perfetti, huma ta' siwi biex jaħdmu favur il-konsum ta' oġġetti prodotti lokalment;

l-integrazzjoni sħiħa tat-trasport fil-problematika kummerċ/klima

52. Jiddispjaċih li s-sistema kummerċjali attwali toħloq firda globali bejn ix-xogħol u l-produzzjoni ibbażata fuq input għoli ħafna tat-trasport - li ma tagħmilx tajjeb għall-ispiża ambjentali tagħha; jixtieq li l-kost klimatiku tat-trasport internazzjonali jiġi internalizzat fil-prezz tiegħu, sew jekk dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta' taxxi jew permezz ta' sistemi ta' skambju tal-kwoti bi ħlas; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-inklużjoni tal-avjazjoni fl-EU-ETS u jistenna mill-Kummissjoni inizjattiva simili għat-trasport marittimu sal-2011 li tidħol fis-seħħ fl-2013, jekk jirriżulta li ma jkunx possibbli li jiġi implimentat mekkaniżmu dinji sa dak iż-żmien; jiddispjaċih li l-fjuwil użat għat-trasport ta’ prodotti barra l-pajjiż mhuwiex soġġett għal taxxi; hu favur l-impożizzjoni ta' taxxi fuq dak il-fjuwil u fuq dawk il-prodotti, b'mod partikolari fuq prodotti li jinġarru bl-ajru; jistenna li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu l-inizjattiva li teżamina l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lill-modi l-aktar niġġiesa ta' trasport, bħall-eżenzjoni mit-taxxa għall-enerġija tal-pitrolju;

53. Jinnota li l-emissjonijiet tad-CO2 fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti, pereżempju permezz tal-għażla ta' mezzi tat-trasport użati fuq il-bażi ta' kriterji relatati mal-effiċjenza u l-ambjent; jitlob li l-kosta ambjentali u tat-trasport jiġu integrati fil-prezzijiet tal-prodott (internalizzazzjoni tal-kosts esterni), partikolarment billi t-trasport marittimu, li jkopri 90% tat-trasport fil-kummerċ internazzjonali, jiġi inkluż fl-Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS);

54. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu ħalli jiksbu ftehim legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-traffiku marittimu fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

55. Iqis bħala importanti li l-impenji internazzjonali b'rabta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jiġu applikati wkoll għat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar;

56. Jenfasizza li ż-żieda fl-emissjonijiet ta' CO2 marbuta mat-trasport u l-kummerċ internazzjonali timmina l-effikaċja tal-istrateġija tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; huwa tal-fehma li din hija raġuni valida biżżejjed biex l-istrateġija għall-iżvilupp ibbażata fuq l-esportazzjoni tinbidel għal waħda ta' żvilupp endoġenu bbażat fuq produzzjoni u konsum lokali u diversifikati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li tali strateġija jkollha effetti pożittivi fuq l-impjieg kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

57. Jiddispjaċih li parti sinifikanti mill-kummerċ internazzjonali hija magħmula minn prodotti omoġenji li faċilment jistgħu jiġu prodotti lokalment u li t-trasport meħtieġ ma jkoprix l-ispejjeż ambjentali tiegħu stess;

58. Iqis li, sakemm il-kost klimatiku ma jidhirx fil-prezz tat-trasport, għandha tiġi inkoraġġita l-promozzjoni tal-produzzjoni lokali u sostenibbli, b'mod patikolari permezz ta' informazzjoni aħjar lill-konsumaturi; jitlob li jiġu stabbiliti metodoloġija ta' kontabilità u regoli komuni dwar it-tikkettar f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHEs) tal-prodotti differenti, partikolarment fil-fażi tat-trasport;

It-tisħiħ tal-għodod biex il-kummerċ u l-klima jinġiebu f'koerenza ma' xulxin

59. Jitlob, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u dawk klimatiċi tal-Unjoni Ewropea, li jissawwar bilanċ tal-karbonju ta' kwalunkwe politika kummerċjali, li din il-politika possibbilment tiġi modifikata biex dan il-bilanċ jittejjeb, u li jittieħdu obbligatorjament miżuri ta' kumpens – kooperazzjoni politika, teknoloġika jew finanzjarja – fil-każ ta' bilanċ negattiv għall-klima;

60. Iħeġġeġ lill-UE tuża d-dispożizzjonijiet ambjentali komprensivi fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali bħala għodod tal-iżvilupp, billi tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni tajba ta' klawsoli ambjentali u ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija, l-għajnuna teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

61. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi sistematikament klawsoli ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali konklużi ma' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u fuq it-trasferiment ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi;

62. Jilqa' l-introduzzjoni tad-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq is-Sostenibilità (SIA) fil-ftehimiet kummerċjali; jinnota l-fatt li, madankollu, f'ċerti każi, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ Liberu, l-SIA tixhed li l-ftehim se jkollu impatti klimatiċi ħżiena li ma ġewx indirizzati qabel ma ġie konkluż; jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali ma għandhom bl-ebda mod idgħajfu l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs);

63. Jitlob li dan il-bilanċ u li dawn il-miżuri ta' kumpens jidhru f'"kapitolu dwar il-klima", obbligatorju għal kwalunkwe ftehim kummerċjali (ftehimiet ta' kummerċ ħieles, ftehimiet ta' sħubija ekonomika riforma tas-sistema ta' preferenzi ġenerali), u li dan il-kapitolu jkun is-suġġett ta' konsultazzjoni pubblika u jitressaq quddiem il-Parlament;

64. Huwa tal-fehma li għandhom jiġu introdotti kriterji ambjentali fir-riforma tal-GSP;

65. Jixtieq li fuq dan il-"kapitolu dwar il-klima" jkun hemm kooperazzjoni qawwija bejn id-DĠ Azzjoni dwar il-Klima u d-DĠ Kummerċ Internazzjonali, u li, b'mod aktar ġenerali, id-DĠ Azzjoni dwar il-Klima tkun imdaħħla sistematikament fin-negozjati kummerċjali;

66. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssegwi qafas armonizzat fl-istrateġiji ta' negozjar tagħha fir-rigward tal-politika kummerċjali u ambjentali, biex is-sħab ma jingħatawx raġuni għal tħassib rigward ostakoli kummerċjali, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-objettivi vinkolanti tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

67. Iqis li għandu jkun hemm iktar sforzi biex tintlaħaq ''diplomazija b'rabta mal-klima'' u iktar konsistenza fir-rabtiet kummerċjali tal-UE ma' Stati li mhumiex marbuta bi ftehimiet multilaterali ta' ħarsien tal-ambjent;

Il-koerenza bejn il-kummerċ u l-klima tal-Unjoni mill-perspettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

68. Jirrikonoxxi li l-koerenza bejn il-politika kummerċjali u dik klimatika tal-Ewropa tista' tintuża jew tiġi perċepita mill-pajjiżi sħab bħala mezz indirett biex innaqqsu l-importazzjoni u nqawwu l-esportazzjoni tagħna;

69. Jinsisti għaldaqstant fuq l-importanza li ninnegozjaw ma' dawn il-pajjiżi kwalunkwe miżura li l-Unjoni tista' tieħu, b'mod partikolari l-aġġustament fil-fruntieri, u dwar il-ħtieġa għall-Unjoni li tirrispetta l-impenji tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward l-għajnuna dwar il-klima;

70. F'dan ir-rigward, huwa mħasseb li l-finanzjamenti "prekoċi" mwiegħda mill-pajjiżi Ewropej waqt is-samit ta' Kopenħagen dwar il-klima parzjalment jidderivaw minn impenji meħuda fil-kuntest tal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u jiġu pprovduti fil-forma ta' self, kontra t-talbiet tal-Parlament Ewropew; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel rapport dwar dawn il-finanzjamenti li jippermetti li dak li jkun jiġġudika dwar il-korrispondenza bejn ir-realtà, l-impenji meħuda u t-talbiet tal-Parlament; jappella wkoll għal koordinament aħjar tal-finanzjamenti rigward l-utilizzazzjoni tematika u ġeografika tagħhom;

71. Ifakkar l-impenn tal-pajjiżi industrijalizzati, fosthom l-Istati Membri tal-Unjoni, li jirrfilettu dwar finanzjamenti innovattivi biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, u b'mod partikolari t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; jitlob lill-Kummissjoni biex bil-ħeffa tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament proġett għall-istabbiliment ta' taxxa ta' dan it-tip fil-livell tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tintegra l-perspettiva ta' mekkaniżmu tali fin-negozjati kummerċjali dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji;

72. Huwa konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw u possibilment b'koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NU, id-WTO u l-Istituzzjonijiet l-oħra ta' Bretton Woods; jitlob għalhekk li titfassal, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawk emerġenti u dawk industrijalizzati, strateġija komprensiva għat-tassazzjoni tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra sabiex, minn naħa, ma jitħalliex ikun hemm r-rilokazzjoni tal-kummerċ (carbon leakage), u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġġenerat finanzjament għal miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tal-konsegwenzi tiegħu u għall-adattament għalihom;

73. Jenfasizza li ż-żieda fit-trasferiment tat-teknoloġija bħala mezz biex jiġi indirizzat ir-rilaxx tal-karbonju se tkun element kritiku tal-iskema klimatika wara l-2012; jiddeplora l-fatt li t-trasferiment tat-teknoloġija huwa biss parti żgħira mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu għajnuna teknika u finanzjarja addizzjonali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, jissodisfaw standards relatati mal-klima u jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel tal-istandards, tikkettar u ċertifikazzjoni b'rabta mal-iżvilupp;

74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali kif ukoll lis-segretarju eżekuttiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u lis-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16).

(1)

Climate Change 2007: Synthesis Report; editjat minn Rajendra K. Pachauri u Andy Reisinger, Ġinevra 2007, http://www.ipcc.ch/pdf/assessment-report/ar4/syr/ar4_syr.pdf; u r-rapporti tal-gruppi ta' ħidma: The Physical Science Basis, Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma I, editjat minn S. Solomon, D. Qin, M. Manning, Z. Chen, M. Marquis, K. Averyt, M. Tignor u H.L. Miller, Jr.; Impacts, Adaptation and Vulnerability, Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma II, editjat minn M. Parry, O. Canziani, J. Palutikof, P. van der Linden u C. Hanson; Mitigation of Climate Change, Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma III, editjat minn B. Metz, O. Davidson, P. Bosch, R. Dave u L. Meyer.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0019.

(3)

ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 193.

(4)

ĠU C 160, 19.6.2010, p. 1 u 8.

(5)

Susanne Droege u Simone Cooper, Tackling Leakage in a World of Unequal Carbon Prices - studju għall-Grupp Verts/ALE, http://www.climatestrategies.org/our-reports/category/32/257.html.

(6)

Sander de Bruyn, Agnieszka Markowska, u Marc Davidson, Why the EU could and should adopt higher greenhouse gas reduction targets - A literature review, Delft 2010, http://www.stopclimatechange.net/fileadmin/bali/user_upload/docs/7213_finalreportSdB.pdf.

(7)

Anna Pearson, The Carbon Rich List: The companies profiting from the EU Emissions Trading Scheme, Analiżi tal-kumpanija tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet miġbura f'assoċjazzjoni ma' carbonmarketdata.com, Frar 2010, http://www.climnet.org/index.php?option=com_docman&task=doc_download&Itemid=55&gid=1551.

(8)

http://www.agassessment.org/

(9)

Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim fil-qasam tal-Investimenti, Kawża tal-ICSID Nru. ARB/09/6

(10)

Il-Ministeru tal-Enerġija tal-Ontario, Green Energy Act, http://www.mei.gov.on.ca/en/energy/gea/


NOTA SPJEGATTIVA

L-eżitu tas-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen kien ftehim diżappuntanti li mhuwiex fil-qagħda li jrażżan it-tisħin tal-pjanetà għal taħt 2°C. Barra minn hekk, il-Ftehim ta' Kopenħagen la huwa globali u lanqas vinkolanti. L-UE żgur mhijiex il-kolpevoli prinċipali għal dan il-falliment, imma ta' spiss ma kinitx tinstema' u ma kinix effikaċi minħabba n-nuqqas ta' unità tagħha, u l-inabilità tagħha li tadotta miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-appoġġ għal pajjiżi li qed jiżviluppaw li kienu sal-livell tar-rakkomandazzjonijiet tax-xjenzjati u t-talbiet tal-Parlament.

Għaliex daqstant diffikultajiet? Żgur m'hemmx tweġiba waħda, imma parti sinifikanti tal-problema ġejja mill-fatt li bosta pajjiżi għadhom ma għamlux xi sforzi kbar fir-direzzjoni tat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħhom u għadhom xettiċi dwar il-vantaġġi ekonomiċi, soċjali jew demokratiċi tagħha, minkejja l-kotra ta' studji u ta' esperimenti li rnexxew f'dak li jirrigwarda t-tranżizzjoni lejn enerġija, agrikoltura u trasport aktar sostenibbli

L-Unjoni Ewropea llum qed iġġarrabha t-tentazzjoni tal-immobiliżmu. Ċerti setturi industrijali, leħinhom imwassal bil-qawwa minn xi gvernijiet, jinvokaw il-konsegwenzi potenzjalment drammatiċi ta' politika ambizzjuża dwar il-klima. Anki jekk l-istudji uffiċjali jiċħdu theddida globali ta' dan it-tip u jfakkru li l-għodod ta' ħarsien kontra l-emissjonijiet tal-karbonju diġà jeżistu, l-ambizzjoni rigward il-klima titqies li hija f'kuntradizzjoni mal-ħruġ mill-kriżi ekonomika u soċjali. Dan żball gravi, li la ċ-Ċina u lanqas l-Istati Uniti tal-Amerika ma jagħmluh, kif jixhed is-sehem tal-ekonomija l-ħadra fil-pjanijiet tagħhom għal żlanċ ekonomiku ġdid. Jekk tieħu rwol ta' tmexxija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea tqawwi l-kompetittività tal-ekonomija tagħha, bis-saħħa tal-iffrankar tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, żewġ setturi li jgħinuha ttejjeb is-sigurtà enerġetika tagħha u għandhom potenzjal qawwi f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp industrijali, l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi

Iżda biex ikollha dan ir-rwol u biex tibbenefika miż-żieda fil-kompetittività, l-UE jeħtiġilha tbiddel il-politiki kummerċjali tagħha, sew bilaterali, reġjonali jew multilaterali, peress li l-kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi huwa responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet dinjija ta' gassijiet b'effett ta' serra u għax l-emissjonijiet marbuta mal-konsum huma akbar minn dawk marbuta mal-produzzjoni, b'34 % fir-Renju Unit, b'44 % fi Franza u b'60 % fl-Isvezja. L-UE ma għandhiex għażla oħra ħlief li tagħmel xi ħaġa dwar dawn l-emissjonijiet "skambjati", għax inkella tirriskja li titlef il-kredibilità internazzjonali kollha tagħha. Ewropa li tiffinanzja l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni minn naħa, u min-naħa l-oħra tinċentiva d-deforestazzjoni permezz tal-importazzjoni ta' prodotti forestali u ta' agrofjuwils mhux sostenibbli ma tistax tkun l-aġent prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, jekk testernalizza l-emissjonijiet tagħha minflok tittrasforma l-modi ta' produzzjoni u ta' konsum tagħha, mhijiex sejra taħsad il-vantaġġi ekonomiċi, industrijali u soċjali relatati.

L-UE għaldaqstant jeħtiġilha tiżviluppa l-politiki kummerċjali tagħha lejn differenzjazzjoni tal-prodotti skont l-impatt klimatiku tagħhom u b'hekk taħdem favur it-tibdiliet neċessarji fil-modi ta' produzzjoni u ta' konsum u fl-istrateġiji ta' investiment. Jeħtiġilha tirrispondi għall-problematika tal-emissjonijiet tal-karbonju u b'mod aktar ġenerali tieħu ħsieb l-impatt klimatiku tal-importazzjonijiet tagħha. Jeħtieġ li ma timminax il-politiki klimatiċi tas-sħab kummerċjali tagħna biex tipprova, b'viżjoni fil-qosor biss, tkabbar is-sehem Ewropew tas-suq. Jeħtiġilha tkun attiva fuq l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali, tipproponi sistema ta' ħarsien u innovazzjoni kompatibbli mal-aċċess, partikolarment tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għat-teknoloġiji li jaħdmu favur il-klima, tiddefendi l-ħolqien fil-livell internazzjonali ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament, billi tistabbilixxi dan, jekk hemm bżonn hija l-ewwel, fil-livell tal-Unjoni. Dan ix-xogħol l-UE jeħtiġilha tagħmlu flimkien mas-sħab kummerċjali tagħha u mhux kontrihom, b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Huwa evidenti li dan huwa xogħol diffiċli, imma l-UE diġà għamlet l-ewwel passi fid-direzzjoni t-tajba: dwar l-importazzjoni tal-injam illegali, dwar l-agrofjuwils, dwar l-emissjonijiet tal-avjazzjoni. Bħala l-frott ta' bosta diskussjonijiet mal-impriżi, mal-assoċjazzjonijiet, mat-trejdjunjins u mal-Kummissjoni, dan ir-rapport jipprova jidentifika l-fażijiet supplimentari li jħallu lill-UE tkompli miexja f'din it-triq.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (*) (30.9.2010)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-Tibdil fil-Klima

(2010/2103(INI))

Rapporteur (*): Jo Leinen

(*) Proċedura b' kumitati assoċjati - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu

1.  Jenfasizza, b'referenza għall-Preambolu tal-Ftehim tad-WTO u l-Artikolu XX b), d) u g) tal-GATT, li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jirriżulta fl-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-prinċipju ta' preferenza kollettiva fil-qafas tad-WTO, speċjalment rigward prodotti sostenibbli, li jirrispettaw il-klima u etiċi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tad-WTO jiksbu opinjoni minn din tal-aħħar li tirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu u tħeġġeġ lid-WTO taħdem biex tiżgura li r-regoli tad-WTO jippromwovu u mhux jimminaw l-isforzi dinjija biex it-tibdil fil-klima jiġi miġġieled, jitnaqqas u li jsir adattament għalih;

3.  Jesprimi s-sogħba tiegħu li l-membri tad-WTO għad iridu jsibu mod kif jintegraw dan it-trattat fis-sistema tal-istituzzjonijiet u r-regoli tan-NU dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jinsisti li l-obbligi u l-objettivi skont il-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u istituzzjonijiet oħra tan-NU (il-FAO, l-ILO u l-IMO) iridu jieħdu preċedenza fuq l-interpretazzjoni dejqa tar-regoli kummerċjali;

4.  Peress li għaddew aktar minn 15-il sena mid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, li ttieħdet f'Marrakexx fil-15 ta' April 1994, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard minn nofs l-2011, rapport li jivvaluta l-punt sa kemm il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa d-dmirijiet tiegħu kif stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar x'fadal isir, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-Klima u d-WTO;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinsistu, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, partikolarment rigward il-materja prima naturali, ma xxekkilx il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u li l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet isiru parti integrali fil-ftehimiet; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tad-WTO, tisħaq fuq l-organizzazzjoni ta' laqgħa konġunta tal-ministri tal-kummerċ u tal-ambjent tad-WTO anke qabel il-UNFCCC COP li se ssir f'Johannesburg fl-2011; ifakkar li l-UNFCCC huwa l-forum fejn għandu jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima;

6.  Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' konsistenza bejn l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità u l-kundizzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li, pereżempju, l-isforzi biex tiġi affrontata d-deforestazzjoni jkunu effikaċi;

7.  Iqis li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar blokk ta' kummerċ internazzjonali, tista’ tistabbilixxi standards fuq livell globali u tappoġġja l-iżvilupp u t-tixrid ta' skemi ta' ċertifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li jqisu kriterji soċjali u ekoloġiċi; ifakkar il-ħidma ta' suċċess ta’ NGOs internazzjonali għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' tikketti u ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip, u b'mod partikolari jappoġġja l-użu usa' tagħhom;

8.  Jilqa' l-introduzzjoni tad-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq is-Sostenibilità (SIA) fil-ftehimiet kummerċjali; jinnota l-fatt li, madankollu, f'ċerti każi, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ Liberu, l-SIA tixhed li l-ftehim se jkollu impatti klimatiċi ħżiena li ma ġewx indirizzati qabel ma ġie konkluż; jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali ma għandhom bl-ebda mod idgħajfu l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs);

9.  Iħeġġeġ lill-UE tagħti eżempju tajjeb billi tnaqqas l-ostakoli, bħalma huma t-tariffi u l-imposti, għall-kummerċ fit-teknoloġiji "ħodor" u fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u biex tippromwovi l-hekk imsejħa prodotti u servizzi ambjentali (EGS), ukoll fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali u l-Fond Aħdar għall-Klima ta’ Kopenħagen;

10. Jitlob għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali vinkolanti dwar il-protezzjoni tal-klima u jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta' tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tad-CO2 fl-Unjoni Ewropea sal-2020, irrispettivament min-negozjati internazzjonali, u l-għan fit-tul tal-UE għal tnaqqis ta' mill-inqas 85% tal-emissjonijiet tad-CO2 u ta' gassijiet serra oħra sal-2050;

11. Huwa konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw u possibilment b'koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NU, id-WTO u l-Istituzzjonijiet l-oħra ta' Bretton Woods; jitlob għalhekk li titfassal, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawk emerġenti u dawk industrijalizzati, strateġija komprensiva għat-tassazzjoni tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra sabiex, minn naħa, ma jitħalliex ikun hemm r-rilokazzjoni tal-kummerċ (carbon leakage), u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġġenerat finanzjament għal miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tal-konsegwenzi tiegħu u għall-adattament għalihom;

12. Jikkunsidra li l-unika possibilità li l-azzjonijiet individwali li, fil-kliem tad-Deċiżjoni tal-Kunsill għan-Negozjati Kummerċjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent tal-15 ta' Diċembru 1993, jaffetwaw "ir-relazzjoni bejn il-miżuri kummerċjali u l-miżuri ambjentali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli" (bħall-aggustamenti tat-taxxi konfinali u d-dazji "anti-eco-dumping") jirriżultaw bħala kompatibbli mar-regoli u d-dixxiplini tad-WTO, meta wieħed iqis il-qagħda attwali tal-ġurisprudenza tad-WTO f'dan il-qasam, hi jekk isiru taħt l-awspiċji ta' ftehim globali legalment vinkolanti taħt l-awtorità tal-UNFCCC u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-COP 17 fl-Afrika ta' Isfel komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif sistema ta' dan it-tip tista' tiġi prevista fi kwalunkwe ftehim wara Kjoto;

13. Jirrikonoxxi li r-regoli tad-WTO mhumiex inkompatibbli ma' miżuri konfinali biex jiġi nnewtralizzat l-effett tal-politiki domestiċi li jinkorporaw il-kost tal-esternalitajiet ambjentali fil-prezzijiet tal-prodotti, sakemm aġġustamenti ta' dan it-tip ma jkunux diskriminatorji;

14. Jiddikjara bla ekwivoċi li l-aġġustamenti tat-taxxi konfinali ma għandhomx iservu bħala strument għall-protezzjoniżmu imma pjuttost bħala mod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jikkunsidra li l-UE għandha timpenja sehem mid-dħul potenzjali lejn it-twettiq tal-obbligi finanzjarji tagħha taħt il-UNFCCC;

15. Jinnota li l-emissjonijiet tad-CO2 fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti, pereżempju permezz tal-għażla ta' mezzi tat-trasport użati fuq il-bażi ta' kriterji relatati mal-effiċjenza u l-ambjent; jitlob li l-kosta ambjentali u tat-trasport jiġu integrati fil-prezzijiet tal-prodott (internalizzazzjoni tal-kosts esterni), partikolarment billi t-trasport marittimu, li jkopri 90% tat-trasport fil-kummerċ internazzjonali, jiġi inkluż fl-Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS);

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu ħalli jiksbu ftehim legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-traffiku marittimu fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

17. Jopponi s-sussidji tal-fjuwils fossili u jappella għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u ekoloġiċi kif ukoll l-istudju u l-iżvilupp ta’ sorsi ta' enerġija deċentralizzati, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan il-kuntest, ifakkar fil-ftehim tal-G20 biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni tiegħu b'kalendarji ċari u mekkaniżmi ta' kumpens fejn ikunu f'lokhom;

18. Huwa favur l-intensifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jsegwu politika konsistenti u jistabbilixxu qafas legali vinkolanti li jippermetti li, fuq żmien twil, jiġi adottat programm b'fażijiet ta' għajnuniet li jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq u l-ħolqien ta' infrastrutturi minimi, element li huwa essenzjali fi żmien ta' kriżi u inċertezza kummerċjali;

19. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' standards u kriterji ta' sostenibbiltà stretti u vinkolanti għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijomassa li jqisu l-emissjonijiet ta' gassijiet u partikuli żgħar li jagħmlu ħsara lill-klima minħabba t-tibdil indirett tal-użu tal-art (ILUC) u ċ-ċiklu ta' produzzjoni kollu; jenfasizza li s-salvagwardja tal-provvista tal-ikel għall-popolazzjoni għandu jkollha prijorità fuq il-produzzjoni tal-bijofjuwils, u li hemm bżonn urġenti li s-sostenibilità tal-politika u l-prattika tal-użu tal-art tiġi affrontata b'approċċ aktar olistiku;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.9.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Martin Callanan, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Nick Griffin, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Matthias Groote, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Bill Newton Dunn, Kathleen Van Brempt

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Kay Swinburne


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (8.10.2010)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima

(2010/2103(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Grèze

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li ż-żieda fl-emissjonijiet ta' CO2 marbuta mat-trasport u l-kummerċ internazzjonali timmina l-effikaċja tal-istrateġija tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; huwa tal-fehma li din hija raġuni valida biżżejjed biex l-istrateġija għall-iżvilupp ibbażata fuq l-esportazzjoni tinbidel għal waħda ta' żvilupp endoġenu bbażat fuq produzzjoni u konsum lokali u diversifikati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li tali strateġija jkollha effetti pożittivi fuq l-impjieg kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jiddispjaċih li parti sinifikanti mill-kummerċ internazzjonali hija magħmula minn prodotti omoġenji li faċilment jistgħu jiġu prodotti lokalment u li t-trasport meħtieġ ma jkoprix l-ispejjeż ambjentali tiegħu stess;

3.  Jinnota bi tħassib li l-globalizzazzjoni ekonomika spiss wasslet għal mudell agrikolu bbażat fuq il-monokultura ta' wċuħ tar-raba' tal-esportazzjoni li tiffavorixxi prattiki mhux sostenibbli tal-biedja f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li s-sistemi kummerċjali għandhom jirriflettu b'mod adegwat il-ħtiġijiet tal-bdiewa b'impriżi żgħar u tal-komunitajiet rurali, speċjalment fid-dinja li qed tiżviluppa, filwaqt li jipprovdu inċentivi għall-agrikoltura organika, li tipproduċi anqas emissjonijiet ta' CO2 u għaldaqstant tikkontribwixxi għat-taffija tat-tibdil fil-klima; jitlob li jiġu stabbiliti standards kummerċjali ta' kwalità fil-livell nazzjonali u internazzjonali li l-gvernijiet ikunu jistgħu joħolqu rabta bejn l-aċċess għas-suq u dawn l-istandards, pereżempju billi jagħtu aċċess preferenzjali għas-suq lil prodotti li jikkonformaw ma' ċerti standards ta' sostenibilità;

4.  Jenfasizza li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2; jemmen li t-twaqqif ta' standards, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni huma strumenti b'potenzjal qawwi għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, u b'hekk biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-regolazzjoni tagħhom fuq l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (ETS) billi jistabbilixxu prezz minimu għall-karbonju; iqis li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) naqas milli jindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-ebda wieħed mill-ftehimiet tad-WTO ma jagħmel referenza diretta għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jiddeplora l-iżvilupp tal-bijopiraterija ta' żrieragħ reżistenti għall-klima; iqis li jeħtieġ tibdil fir-regoli tad-WTO biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-impenji skont il-Protokoll ta' Kjoto u l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs); iħeġġeġ b'urġenza li ssir riforma tad-WTO biex il-prodotti jkunu jistgħu jingħarfu skont il-metodi ta' produzzjoni u pproċessar (PPMs), u jħeġġeġ ukoll li jiddaħħlu flessibilitajiet ġodda bl-użu ta' 'ħruġ ta' liċenzji obbligatorji' fil-qafas tal-ftehim TRIPS;

6.  Jenfasizza li ż-żieda fit-trasferiment tat-teknoloġija bħala mezz biex jiġi indirizzat ir-rilaxx tal-karbonju se tkun element kritiku tal-iskema klimatika wara l-2012; jiddeplora l-fatt li t-trasferiment tat-teknoloġija huwa biss parti żgħira mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu għajnuna teknika u finanzjarja addizzjonali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, jissodisfaw standards relatati mal-klima u jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel tal-istandards, tikkettar u ċertifikazzjoni b'rabta mal-iżvilupp;

7.  Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fl-identifikazzjoni ta' ostakoli rilevanti għat-tixrid ta' teknoloġiji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tuża d-dispożizzjonijiet ambjentali komprensivi fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali bħala għodod tal-iżvilupp, billi tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni tajba ta' klawsoli ambjentali u ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija, l-għajnuna teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

9.  Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq l-ambjent dovuti għall-kummerċ jiġu riflessi fil-prezzijiet u biex il-prinċipju ''min iniġġes iħallas'' jiġi infurzat; iħeġġeġ li s-sistemi ta' ttikkettar u ta' informazzjoni rigward l-istandards ambjentali jkunu sinkronizzati;

10. Iqis bħala importanti li l-impenji internazzjonali b'rabta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jiġu applikati wkoll għat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi sistematikament klawsoli ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali konklużi ma' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u fuq it-trasferiment ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi;

12. Huwa tal-fehma li l-ftehimiet internazzjonali ġodda għall-ħarsien tal-ambjent iridu jinkludu garanziji sodi dwar it-tnaqqis tal-impatt nagattiv fuq l-ambjent tal-kummerċ internazzjonali fl-injam u dwar l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni, li huma estensivi b'mod inkwetanti;

13. Iqis li huwa kruċjali li jkun hemm standards stretti ta' sostenibilità fil-kummerċ internazzjonali tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-impatt kontradittorju ambjentali u soċjali tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Enrique Guerrero Salom, András Gyürk, Eva Joly, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, David-Maria Sassoli, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Santiago Fisas Ayxela, Isabella Lövin, Miguel Angel Martínez Martínez, Bart Staes, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Róża Gräfin von Thun und Hohenstein


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

4

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Bernd Lange, Vital Moreira, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Gianluca Susta, Keith Taylor, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Małgorzata Handzlik, Salvatore Iacolino, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Cortés Lastra, Jelko Kacin

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Novembru 2010Avviż legali