Proċedura : 2010/2078(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0314/2010

Testi mressqa :

A7-0314/2010

Dibattiti :

PV 22/11/2010 - 13
CRE 22/11/2010 - 13

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2010 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0418

RAPPORT     
PDF 201kDOC 123k
9 ta' Novembru 2010
PE 443.083v02-00 A7-0314/2010

dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2009

(2010/2078(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Burkhard Balz

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2009

(2010/2078(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 284 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 1998 dwar ir-responsabilità demokratika fit-tielet fażi tal-UEM(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009 (COM(2009)0527) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni maħruġ ma’ dan ir-rapport (SEC(2009)1313/2),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut minn Jacques de Larosière tal-25 ta’ Frar 2009,

–– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0500),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2008(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0314/2010),

A. billi l-PGD reali ġenerali fiż-żona tal-euro naqas b’4.1% fl-2009 wara li t-taqlib finanzjarju qaleb għall-agħar wara l-kollass tal-Lehman Brothers; billi meta tiġi analizzata din iċ-ċifra aggregata hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro,

B.  billi l-medja tal-inflazzjoni annwali kienet 0.3% u l-aspettattivi ta’ inflazzjoni fuq terminu ta’ żmien medju u itwal baqgħu konformi mal-għan tal-BĊE biex ir-rati ta' inflazzjoni jibqgħu inqas minn 2% iżda qrib din iċ-ċifra,

C. billi l-medja tal-proporzjon tad-defiċit ġenerali tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro żdied għal madwar 6.3% u l-proporzjon tad-dejn pubbliku u l-PGD żdied minn 69.4% tal-PGD fl-2008 għal 78.7% fl-2009 fiż-żona tal-euro,

D. billi r-rata tal-kambju għall-euro mqabbla mal-USD waqgħet minn USD 1.39 fit-2 ta' Jannar 2009 għal USD 1.26 f’nofs Marzu 2009, reġgħet irkuprat għall-punt ta’ USD 1.51 fil-bidu ta' Diċembru 2009 u tilfet fil-valur fl-2010 sabiex waslet għal minimu ta’ USD 1.19 fit-2 ta’ Ġunju 2010,

E.  billi r-rata tal-kambju għar-renminbi meta mqabbla mal-euro ġiet allinjata ħażin mill-awtoritajiet Ċiniżi matul l-2009, b'euro qawwi artifiċjali kontra l-munita Ċiniża,

F.  billi l-BĊE aġġusta r-rati tal-interessi u niżżilhom għal 1% u kompla bil-miżuri sostanzjali u bla preċedent mhux standard bħala appoġġ għall-kreditu; billi d-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE żdied b'mod sinifikanti tul l-2009,

G. billi dehru sinjali ta’ stabbilizzazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro waqt it-tieni nofs tal-2009 u r-rati ta' tkabbir kull tliet xhur, minkejja li kienu dgħajfa kienu pożittivi, għalkemm dawn iċ-ċifri aggregati jenfasizzaw il-fatt li din it-tendenza ma kenitx riflessa fl-Istati Membri kollha tagħha, li wħud minnhom baqgħu f'riċessjoni matul l-istess perjodu,

H. billi l-BĊE stenna rata ta' tkabbir ta' bejn 0.1% u 1.5% tal-PGD reali fiż-żona tal-euro għall-2010 qabel ma seħħet il-kriżi tad-dejn sovran f’diversi pajjiżi fi ħdan iż-żona tal-euro,

Daħla

1.  Jilqa’ l-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 u jagħti status ta’ istituzzjoni tal-UE lill-BĊE, li jżid ir-responsabbiltà tal-Parlament bħala l-istituzzjoni ewlenija li permezz tagħha l-BĊE huwa responsabbli lejn iċ-ċittadin Ewropew;

2.  Jilqa’ l-bidu mill-ġdid tad-Djalogu Monetarju mal-Parlament Ewropew il-ġdid wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2009;

3.  Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011;

4.  Jirrimarka li, fil-każ tat-tendenzi attwali tal-prezzijiet, il-miżuri tal-politika monetarja huma biss fattur wieħed fost oħrajn, u li fis-snin riċenti t-tendenzi spekulattivi fis-swieq individwali u t-tkabbir u n-nuqqasijiet antiċipati tar-riżorsi naturali kellhom rwol partikolari fiż-żieda tal-prezzijiet;

5.  Jirrimarka li dawn l-iżbilanċi jikkaġunaw diffikultajiet konsiderevoli għal politika monetarja sostenibbli fi ħdan iż-żona tal-euro; għalhekk, jistieden lill-gvernijiet jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom;

Stabilità ekonomika u finanzjarja

6.  Huwa preokkupat ferm li l-iżbilanċi makroekonomiċi sustanzjali bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro għadhom jeżistu;

7.  Iqis li l-kriżi finanzjarja f'xi pajjiżi fiż-żona tal-euro hija kwistjoni serja għaż-żona tal-euro fit-totalità tagħha u tirrifletti nuqqas ta' funzjoni taż-żona tal-euro; dan juri l-ħtieġa għal riforma u għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-euro;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali biex iħejju proposti b'konformità mal-proposta mill-Kumitat ta' Basel dwar il-Basel III li tistipula regoli vinkolanti għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' lqugħ antiċikliku; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni konsistenti u rapida tal-proposti meta l-proposti tal-Kumitat ta' Basel jiġu ratifikati fil-livell tal-G20;

9.  Jinnota l-fatt li l-prinċipji tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fil-passat mhux dejjem ġew irrispettati bis-sħiħ; ifakkar li, jekk l-objettiv li jerġa' jinkiseb bilanċ fil-finanzi pubbliċi u li titnaqqas il-possibilità ta' dejn huwa neċessità għall-istati li huma mdejnin iżżejjed, dan waħdu mhux se jsolvi l-problema tal-iżbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u, b'mod iktar wiesa', tal-UE; jitlob għalhekk li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jiġi applikat mingħajr restrizzjonijiet u b'mod aktar koerenti; iqis li l-Patt għandu jiġi komplementat bl-iżvilupp ta' sistema ta' twissija bikrija biex jiġu identifikati inkonsistenzi li jista' jkun hemm, eż. fil-forma ta' 'semestru Ewropew', biex mhux biss tittejjeb is-sorveljanza u jissaħħaħ il-koordinament tal-politika ekonomika biex jiġi żgurat il-konsolidament fiskali iżda anke – lil hinn mid-dimensjoni baġitarja – biex jiġu indirizzati żbilanċi makroekonomiċi oħra u jiġu msaħħa l-proċeduri ta' infurzar;

10. Jemmen li għandha tittieħed azzjoni issa sabiex jibda tnaqqis gradwali tad-defiċits fiskali u terġa' tiddaħħal il-fiduċja fil-finanzi pubbliċi Ewropej;

11. Jinnota li biex tkun b’saħħitha, l-unjoni monetarja teħtieġ koordinazzjoni b’saħħitha u mtejba tal-politiki ekonomiċi; jiddispjaċih li fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja l-enfasi kien pjuttost dejjem fuq in-naħa ‘monetarja’;

12. Iqis li l-Istati Membri li mhumiex qed isegwu r-regoli taż-żona tal-euro fir-rigward tal-finanzi pubbliċi u l-aċċess għal statistika kredibbli għandhom ikunu suġġetti għal spettru mkabbar u inkrementali ta' miżuri biex tkun żgurata konformità aktar stretta;

13. Jemmen li n-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-kriżijiet definit minn qabel u l-imġiba ta' xi gvernijiet individwali għamluha diffiċli biex tinstab soluzzjoni malajr għall-kriżi tad-dejn sovran f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro u se jdgħajfu l-abbiltà tal-UEM li tirreaġixxi bil-ħeffa f’sitwazzjonijiet simili li jistgħu jseħħu fil-ġejjieni; għalhekk jitlob li jitwaqqaf qafas permanenti ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

14. Iħeġġeġ li għandu jitfassal appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi tal-UE fi kriżi tad-dejn sabiex jitħeġġeġ il-ħlas lura tad-dejn, il-bilanċ baġitarju u r-riforma ekonomika, u jenfasizza l-periklu li d-dejn jinbidel f'kontribuzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jiġu mħeġġa s-self u l-ħolqien ta' dejn;

15. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jissaħħaħ il-Patt ta' Stabblità u Tkabbir billi jinkludu miri speċifiċi biex titnaqqas id-differenza fil-kompetittività bejn l-ekonomiji Ewropej, sabiex jiġi stimulat it-tkabbir li joħloq l-impjiegi;

16. Jaqsam it-tħassib tiegħu dwar spekulazzjoni possibbli kontra l-euro;

17. Hu tal-fehma li t-tkabbir tal-krediti u l-iżvilupppi tal-prezzijiet tal-assi fl-UE u fl-Istati Membri huma indikaturi kruċjali għal immoniterjar effettiv tal-istabilità finanzjarja fi ħdan l-UEM u, f'sens iktar wiesa', l-UE;

18. Hu mħasseb dwar piżijiet kontinwi fuq is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro li huma riflessi f'tixrid wiesa'; jemmen li l-ħarbiet lejn is-sikurezza provokati mill-mewġ ta' paniku esperjenzat tul il-kriżi finanzjarja kurrenti kellhom effetti massivi ta' distorsjoni u ħolqu esternalitajiet negattivi bi prezz għoli;

19. Jitlob l-implimentazzjoni f’waqtha tar-Regolament dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu (Nru 1060/2009) u jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-emenda tar-Regolament Nru 1060/2009 dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu tat-2 ta’ Ġunju 2010, iżda fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bi proposti għas-sorveljanza iktar rigoruża tal-operat ta' dawn l-aġenziji, għat-titjib tar-responsabilità tal-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu u għall-valutazzjoni tal-possibilità li tinħoloq Aġenzija Ewropea li Tiggrada l-Kreditu; jenfasizza l-fatt li l-gradazzjoni tad-dejn sovran taż-żona tal-euro fil-fatt kienet problematika matul il-kriżi;

Governanza u teħid ta’ deċiżjonijiet

20. Jenfasizza l-indipendenza tal-BĊE;

21. Jirrakkomanda li l-BĊE itejjeb it-trasparenza ta' ħidmietu biex iżid il-leġittimità u l-prevedibilità tiegħu; tinħtieġ ukoll it-trasparenza fir-rigward tal-mudelli interni użati biex ikun ikkwantifikat il-kollateral mhux likwidu u l-valutazzjonijiet assenjati għal titoli speċifiċi offruti bħala kollateral;

22. Iqis li, minħabba l-istatus legali l-ġdid tal-BĊE skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-kandidati għall-Bord Eżekuttiv proposti mill-Kunsill għandhom ikunu soġġetti għal smigħ speċjali mill-kumitat parlamentari rilevanti u wara għal votazzjoni mill-Parlament Ewropew; jinnota li, barra minn hekk, ir-rwol tal-BĊE kien kruċjali mill-kriżi 'l hawm u jqis għalhekk li rwol bħal dak għandu jinvolvi trasparenza u responsabbilizzazzjoni msaħħa;

23. Jilqa' l-għoti ta' personalità legali lill-Grupp tal-Euro mit-Trattat ta' Lisbona u l-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-laqgħat tiegħu;

24. Jinnota d-determinazzjoni tal-Parlament Ewropew biex ikompli d-Djalogu Monetarju bħala element importanti għall-iskrutinju demokratiku tal-BĊE;

25. Jilqa’ l-proposta għall-istabbiliment ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li se jnaqqas in-nuqqas attwali fis-superviżjoni makroprudenzjali; jistieden lill-BĊE biex jistabbilixxi mudelli u definizzjonijiet ċari biex jiżguraw l-ħidma effettiva u r-responsabbilizzazzjoni tal-BERS; iżid li kwalunkwe kompitu ġdid mogħti lill-BĊE fir-rigward tal-BERS mhu se jikkomprometti bl-ebda mod l-indipendenza tal-BĊE;

26. Jinnota li l-kunċett li permezz tiegħu l-BERS jagħti biss twissijiet u rakkomandazzjonijiet bl-ebda infurzar attwali huwa sodisfaċenti f’termini ta’ implimentazzjoni effettiva u responsabbiltà; jiddispjaċih li l-BERS ma jistax jiddikjara l-emerġenza waħdu;

27. Jilqa' l-proposta li jsiru seduti ta' smigħ tal-President tal-BERS quddiem il-Parlament Ewropew, f'qafas differenti minn dak għad-Djalogi Monetarji;

Ħruġ mill-kriżi

28. Jemmen li l-bidu mill-ġdid ta’ attività ekonomika fit-tieni nofs tal-2009 rriżulta mill-miżuri straordinarji li ttieħdu mill-gvernijiet u l-banek ċentrali madwar id-dinja mit-tmiem l-2008 fil-forma ta’ garanziji għall-obbligazzjonijiet tal-banek, l-injezzjonijiet tal-kapital u l-iskemi ta’ appoġġ għall-assi;

29. Jinnota li l-kriżi finanzjarja fiż-żona tal-euro hija kriżi ta' solvenza li fil-bidu wriet ruħha bħala kriżi ta' likwidità; iqis li sitwazzjoni bħal din ma tistax tissolva fiż-żmien twil sempliċement billi nitfgħu iktar dejn u likwidità f'ekonomiji mdejnin ħafna flimkien ma' pjanijiet aċċellerati għall-konsolidazzjoni fiskali;

30. Jemmen, bl-istess mod, li l-kriżi kixfet tendenza fil-politiki ekonomiċi tas-snin riċenti li kkontribwiet għal-livell għoli attwali ta' dejn pubbliku u privat li jridu jgħaddu ħafna snin biex jinqata'; iqis li xi partijiet mill-Ewropa se jsibuha aktar diffiċli minn oħrajn li jaffrontaw il-konsegwenzi u l-iżviluppi tal-kriżi u jiksbu tkabbir ekonomiku sostenibbli, innovazzjonijiet ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda; jenfasizza l-ħtieġa għal riformi fl-Ewropa kollha;

31. Ifakkar li, qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja, il-proporzjon tad-dejn pubbliku meta mqabbel mal-PGD taż-żona tal-euro u tal-UE b'mod ġenerali, kif ukoll il-proporzjon tal-maġġoranza tal-Istati Membri, naqsu bejn l-1999 u l-2007 u li, b'kuntrast, il-livelli ta' dejn fl-unitajiet domestiċi, fil-kumpanniji u li l-ingranaġġ tas-settur finanzjarju esperjenza żieda sinifikanti fl-istess perjodu;

32. Ifakkar li ż-żieda enormi fid-dejn pubbliku mill-2008 'l quddiem f'diversi Stati Membri kienet ikkawżata mill-fatt li dawn il-pajjiżi kellhom jiffaċċaw eċċessi kkawżati preċedentement minn tkabbir mhux sostenibbli tad-dejn privat u minn bżieżaq finanzjarji enormi; jemmen, għalhekk, li l-kriżi kurrenti għamlitha ċara li l-pożizzjoni fiskali mhix sostenibbli jekk il-finanzjament tas-settur privat mhux sostenibbli;

33. Jinnota li l-kriżi, flimkien ma' pakketti sussegwenti ta' salvataġġ u stimulus ekonomiku, wasslet għal miżuri ta’ awsterità li spiss kellhom jittieħdu qabel iżda li li f’istess ħin jillimtaw ħafna l-kapaċità tal-gvernijiet li jaġixxu;

34. Iwissi li dawn il-pakketti ta’ awsterità ma għandhomx iwasslu għal miżuri li jistgħu jdgħajfu ferm l-irkupru ekonomiku, li jirrikjedi mudell ġdid ta' governanaza ekonomika bi strumenti u skeda ta' żmien li se jipprovdu bilanċ bejn il-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali u s-salvagwardja tal-bżonnijiet f'termini ta' investiment fl-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli;

35. Jenfasizza li n-nuqqas ta’ kreditu li jilħaq l-ekonomija reali, speċifikament għall-SMEs, irriżulta minn domanda iktar baxxa minħabba attività mnaqqsa fl-ekonomija reali kif ukoll min-nuqqas tar-rieda tal-banek li jagħtu l-kreditu;

36. Jissottolinja li diversi banek tal-Istati Membri kienu jiddependu b'mod eċċessiv fuq il-likwidità provduta mill-BĊE;

37. Jinnota li l-miżuri mhux standard li l-BĊE introduċa f'Ottubru 2008 biex jappoġġa l-kreditu kellhom suċċess fl-evitar ta' riċessjoni iktar profonda u problemi finanzjarji addizzjonali; itenni li t-tneħħija minn dawn il-miżuri għandha ssir f’waqtha u b'mod ikkoordinat sew mal-gvernijiet nazzjonali u l-attivitajiet tagħhom, speċjalment fid-dawl tar-rikors kollettiv u simultanju għal miżuri ta' awsterità f'ħafna Stati Membri;

38. Hu mħasseb, madankollu, dwar l-impatt potenzjali asimetriku tal-istrateġija ta' ħruġ tal-BĊE, peress li hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro dwar iċ-ċiklu tan-negozju;

39. Jilqa' mossa mill-Bank Ċentrali Ewropew b'mod ġenerali biex jaċċetta bonds tal-gvern minn pajjiżi fiż-żona tal-euro bħala garanzija fil-kuntest ta' ftehimiet ta' akkwist mill-ġdid, u b'hekk ikun qed isegwi prattika ttestjata mill-Bank of England u mill-Federal Reserve Bank;

40. Jenfasizza li ħruġ gradwali mid-defiċits pubbliċi u s-sostenibilità għal perjodu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi huma ta' importanza kruċjali għaż-żona tal-euro kollha kemm hi;

41. Jinnota l-għadd ta’ proposti fl-UE biex jiġu ffinalizzati l-arranġamenti prudenzjali, biex tiġi ġestita l-kriżi u jiġi rregolat is-settur bankarju parallel;

42. Jaqsam it-tħassib dwar l-aspetti proċikliċi tar-regoli kurrenti ta’ tassazzjoni u kontabilità regolatorji u prudenzjali li jamplifikaw l-fluttwazzjonijiet li huma inerenti fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq;

43. Jenfasizza l-ħtieġa għal żieda deċiżiva tar-riżervi ta' kapital tal-banek kif ukoll li tittejjeb il-kwalità tal-kapital, u jilqa' l-proposti tal-Kumitat ta' Basel għal definizzjoni anqas wiesgħa tal-kapital ewlieni u għall-introduzzjoni ta' proporzjonijiet ogħla ta' kapital; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rabta bejn l-ekonomija finanzjarja u dik reali u l-impatti li jista’ jkollha r-regolazzjoni ta’ waħda fuq l-oħra;

44. Iqis li s-sistema finanzjarja globali jeħtieġ li ssir inqas fraġli u li nitgħallmu mill-kriżi fuq livell globali biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku, jiġu ttrattati l-bżieżaq finanzjarji u tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni tar-riskji u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji, filwaqt li jiġi affermat mill-ġdid li r-rwol bażiku tagħhom hu li jiffinazjaw l-ekonomija reali;

Id-dimensjoni esterna

45. Jinnota li l-euro ngħata status bħala munita internazzjonali tul l-2009, iżda kien soġġett għal ħafna pressjoni fl-2010;

46. Jinnota li, matul perjodu ta' livell għoli ta' volatilità tar-rati tal-kambju, l-euro żied is-saħħa tiegħu, partikolarment meta mqabbel mad-dollaru Amerikan u r-renminbi, u jesprimi tħassib li dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-kompetittività taż-żona tal-euro;

47. Jagħraf li s-saħħa tal-euro rriżultat parzjalment mill-attività ekonomika dgħajfa fl-Istati Uniti, fejn id-defiċit kurrenti tal-kontijiet naqas ħafna għal taħt it-3% tal-PGD fl-2009 u d-defiċit baġitarju federali żdied għal madwar 10% tal-PGD fis-sena fiskali 2009, filwaqt li t-tnaqqis tal-euro kien, fost affarijiet oħra, marbut ukoll man-nuqqas ta' fiduċja fis-swieq globali f'xi Stati Membri tal-UE b'dejn kbir ħafna; jaqsam it-tħassib dwar l-espansjoni tal-volum tal-flus fl-Istati Uniti u, xi ftit inqas, fl-UE;

48. Huwa preokkupat dwar l-impatt tal-volatilità tar-rati tal-kambju u tal-operazzjonijiet ta' "carry trade" kemm fuq l-istabilità finanzjarja globali kif ukoll fuq l-ekonomija reali;

49. Jenfasizza li, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali attwali, iż-żona tal-euro għandha titkabbar aktar, iżda jiġbed l-attenzjoni li l-kriterji ta' Maastricht huma meqjusa bħala prekundizzjoni għal sħubija fiż-żona tal-euro; jilqa' l-adozzjoni rapida tal-euro mill-Istati Membri kollha li jissodisfaw dawn il-kriterji;

50. Jemmen li l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja turi l-istatus tal-euro, minkejja li hemm kriżi tad-dejn pubbliku; jemmen li dan l-istatus se jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu jissieħbu fiż-żona tal-euro;

51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1)

ĠU C 138, 4.5.1998, p. 177.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0090.

(3)

ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 8.


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport jevalwa r-rapport annwali tal-2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-ħidma li saret mill-BĊE tul dik is-sena.

Billi d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-BĊE tal-2008 kienet saret tard minħabba l-elezzjonijiet fl-2009, ma tantx għadda żmien mill-aħħar dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attività tal-BĊE. Ir-rapport tal-2008 kien ibbażat l-iktar fuq ir-rendiment tal-BĊE fil-kriżi finanzjarja u ekonomika. Sfortunatament, dan l-isfond għadu ma nbidilx. L-azzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u sa estent dejjem jiżdied l-azzjonijiet politiċi wkoll għadhom ikkontrollati ħafna mill-kriżi.

Għalhekk, ir-rapport annwali tal-BĊE tal-2009 jittratta primarjament ir-reazzjoni tal-BĊE għall-kriżi, l-istrateġija ta’ ħruġ minnha u s-suġġetti ta’ governanza.

Il-kriżi finanzjarja

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika bdiet madwar sentejn ilu bil-kriżi tal-Amerika ta' ipoteki tat-tip subprime (‘subprime mortage crises’) u waslet fl-ewwel quċċata bil-kunflitt tal-Lehman Brothers u b’hekk beda t-taqlib fis-swieq finanzjarji.

Billi bdiet bħala kriżi finanzjarja, din imbagħad saret kriżi ekonomika fejn intlaqtet l-ekonomija reali fit-tieni mewġa. Il-gvernijiet, il-banek ċentrali u l-BĊE kellhom jirreaġixxu għall-iktar kriżi serja sa mis-snin 1930. Il-PGDs kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll barra ż-żona naqsu, l-attività ekonomika naqset madwar id-dinja kollha filwaqt li d-defiċits baġitarji żdiedu. It-tnaqqis tad-dħul mit-taxxi u żieda fl-infiq marbut mal-għajnuna soċjali minħabba l-kriżi wasslu għal dejn tal-gvern li jista’ jdum snin biex jerġa' jilħaq il-livell li kien qabel il-kriżi. Miżuri ta’ stimulu baġitarju addizzjonali kkontribwew għal dan, iżda mhumiex il-kawża ewlenija tad-djun.

Madankollu, iċ-ċifri indikaw li fl-2009 l-garanziji tal-obbligazzjonijiet tal-banek, l-injezzjonijiet tal-kapital u l-iskemi ta’ appoġġ għall-assi ntużaw sew u t-tqajjim mill-ġdid tal-attività ekonomika fit-tieni nofs tal-2009 indikat it-tmiem tal-kriżi ekonomika. Kien hemm ftit tkabbir mistenni għall-2010.

Fl-istess ħin id-dejn dejjem jiżdied ġiegħel lill-gvernijiet fl-UE kollha biex jieħdu deċiżjonijiet dwar pakketti ta’ awsterità b’applikazzjoni wiesgħa. Dawn il-pakketti kienu meħtieġa u f’xi każijiet kienu ilhom mistennija. Madankollu, id-dejn jillimita ħafna lill-kapaċità tal-gvernijiet biex jaġixxu u f’xi pajjiżi hemm ir-riskju li jipperikola l-abilità tal-gvern li jippromwovi l-irkupru ekonomiku. Sal-2010, il-kriżi finanzjarja u ekonomika tirriskja għalhekk li ssir kriżi ta’ dejn pubbliku fit-tielet mewġa tal-kriżi.

Ir-reazzjoni tal-BĊE għall-kriżi

Il-BĊE kompla bil-politika tiegħu mill-2008, bl-għan li r-rata tal-inflazzjoni tinżamm inqas minn iżda qrib it-2% filwaqt li tiżdied il-likwidità fis-swieq. Għalhekk, il-BĊE aġġusta r-rati tal-interessi u niżżilhom sa 1% u kompla bil-miżuri mhux standard fl-2009, li kienu introdotti fl-2008. Il-ħames elementi ewlenin tal-appoġġ tal-kreditu msaħħaħ kienu s-sigurtajiet sħaħ b’rata fissa, espansjoni tal-lista tal-maturitajiet kollaterali u itwal għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament, proviżjonijiet ta’ likwidità f’muniti barranin, u appoġġ għas-suq finanzjarju permezz ta’ programm ta’ xiri ta’ bonds kopert li jkun imkejjel iżda sinifikanti.

Dawn il-miżuri kienu ta’ suċċess kbir u żammew lil bosta istituzzjonijiet finanzjarji milli jisfaxxaw. Madankollu, il-likwidità mhux dejjem għaddiet għal ekonomija reali, u għalhekk ma rriżultatx fil-potenzjal sħiħ tal-irkupru tal-miżuri tal-BĊE. Minkejja l-fatt li ċerti banek qagħdu lura, dan irriżulta l-iktar minn tnaqqis fid-domanda għall-kreditu bħala konsegwenza tat-tnaqqis fl-attività ekonomika wara l-kriżi.

Peress li dawn il-miżuri kienu miżuri mhux standard ma kellhomx jiġu applikati fuq terminu ta' żmien itwal. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eliminazzjoni gradata sseħħ naturalment, iżda fejn ma jkunx hekk, jeħtieġ li jsiru pjanijiet ta' skeda. L-eliminazzjoni gradata għandha ssir bil-mod u skont il-ħtiġijiet tas-swieq kif kienet inbdiet mill-BĊE f’Diċembru 2009. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri rigward il-programmi tagħhom u t-tnaqqis ta’ dawn il-programmi; partikolarment minn mindu seħħet il-kriżi finanzjarja fil-Greċja u pajjiżi oħra taż-żona tal-euro fetħu kapitolu ġdid fl-iżvilupp tal-kriżi.

Stabbiltà finanzjarja u l-UEM

L-avvenimenti fil-Greċja u f’pajjiżi oħra fiż-żona tal-euro għandhom kawżi kumplessi iżda fil-biċċa l-kbira l-problemi huma kkawżati mill-pajjiż stess, minħabba n-nuqqas ta’ riformi strutturali interni. Madankollu, iż-żona tal-euro kollha hija mħassba dwar dawn l-avvenimenti mhux biss billi għandhom l-obbligu li jgħinu iżda wkoll minħabba l-effetti li għandhom il-problemi ta' xi pajjiżi fiż-żona tal-euro fuq l-euro b'mod ġenerali u bħala l-munita taż-żona kollha tal-euro.

Barra minn hekk, il-problemi jirriżultaw forsi mill-pajjiż innifsu, iżda oriġinarjament, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) kellha tqiegħed ċertu pressjoni għal riforma fuq l-Istati Membri. Il-pajjiżi rilevanti ma pprofittawx mill-opportunitajiet tagħhom biex jimponi riformi waħedhom iżda lanqas ma kienu furzati li jagħmlu hekk mill-UEM. Għalhekk, l-UEM ma ħadmitx kompletament bil-mod li kien ippjanat, il-prinċipji tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhux dejjem ġew irrispettati u dak li deher li kien ksur minimu fil-bidu, spiċċa pperikola l-patt kollu kemm hu b’mod serju biż-żmien. Inqis li hemm ħtieġa li dan jissewwa; jeħtieġ li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jissaħħaħ.

Barra minn hekk, il-kriżi żvelat il-fatt li l-UEM ma kenitx ibbilanċjata sew fil-passat. In-nuqqas ta’ integrazzjoni bbażat fuq il-politika relatat mal-politiki ekonomiċi fl-Unjoni monetarja ffaċilita l-evoluzzjoni mhux ivverifikata tal-iżbilanċi ekonomiċi sustanzjali bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u ħalla din iż-żona mingħajr mekkaniżmu ta' ġestjoni ta' kriżi predefinit li b'hekk iwassal għal diffikultà biex isir rispons imħaffef u qawwi għal sfida bħal dik tal-kriżi tal-Greċja. Iż-żona tal-euro se jkollha ssolvi dan l-iżbilanċ biex tiġi kkontrollata din il-kriżi u jkun evitat li terġa’ sseħħ.

Riforma superviżorja

Barra minn hekk, il-kriżi wriet li s-swieq huma suxxettibbli għal riskju sistemiku li sa dak iż-żmien ma kienx ġie vverifikat. Għalhekk, l-UE qed tirriforma l-arranġamenti superviżorji tagħha, billi tistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sitema finanzjarja fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) ser tistabbilixxi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda li se jieħdu post il-kumitati superviżorji eżistenti.

Nilqa’ dawn il-passi importanti li se jnaqqsu d-distakk fis-superviżjoni li tant deher ċar f'din il-kriżi. Il-BĊE se jkun involut mill-qrib fil-ħidma tal-BERS billi jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku billi jipparteċipaw il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fil-Bord Ġenerali tal-BERS.

Minkejja li l-BERS ċertament se jibbenefika mill-għarfien espert tal-BĊE, dan l-involviment iħalli xi dubji dwar l-indipendenza futura tal-BĊE. Kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ deċiżjonijiet fis-sistema l-ġdida jibqgħu miftuħa. Jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna kif ser nittrattaw il-possibbiltà li rakkomandazzjoni li jkun ikkontribwixxa lejha l-BĊE tista’ tfalli u kif ser niżguraw li l-BĊE jibqa’ indipendenti fis-sistema l-ġdida. Il-kompiti l-ġodda mogħtija lill-BĊE fir-rigward tal-BERS ma għandhom jikkompromettu bl-ebda mod l-indipendenza tal-BĊE.

Governanza

Il-kwistjoni dwar l-indipendenza ġenerali kif ukoll rigward il-BERS speċifikament zgur li ser tibqa’ suġġett fid-Djalogi Monetarji li jmiss, minħabba l-istatus il-ġdid li ngħata lill-BĊE bħala istituzzjoni tal-UE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona f’Diċembru 2009. Il-Parlament Ewropew jibqa’ istituzzjoni ewlenija li permezz tagħha l-BĊE huwa responsabbli lejn iċ-ċittadin Ewropew; għalhekk se jwettaq il-kompitu tiegħu li jiskrutinizza r-rendiment tal-BĊE b'mod iktar serju.

Minħabba l-istatus il-ġdid u ż-żieda fl-importanza tal-Parlament Ewropew bħala l-koleġiżlatur li jirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, nixtieq nara t-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-BĊE billi l-kandidati għall-Bord Eżekuttiv tal-BĊE proposti mill-Kunsill ikunu soġġetti għal vot mill-Parlament Ewropew. Vot ta’ dan it-tip fil-Parlament ipoġġi iktar enfasi fuq il-kriterji bħall-kwalifiki u l-esperjenza fil-proċedura tal-għażla tal-aqwa kandidati.

Riforma regolatorja

Minbarra r-riforma tal-arkitettura superviżorja, l-UE bħalissa qed twettaq reviżjoni tal-qafas regolatorju finanzjarju tagħha biex titgħallem mill-kriżi fuq skala kbira. Jinnota l-għadd ta’ proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu ffinalizzati l-arranġamenti prudenzjali, biex tiġi ġestita l-kriżi u jiġi rregolat is-settur bankarju parallel. Fost dawn hemm żieda fil-kapital bankarju, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dinamiċi, l-għoti ta' iktar kunsiderazzjoni għal-likwidità, qafas għat-titolizzazzjoni, ir-regolamentazzjoni tad-derivattivi u l-bonusijiet, is-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jew l-introduzzjoni ta’ fond ta’ riżoluzzjoni tal-banek u oħrajn. Bosta minn dawn il-proposti għandhom jintlaqgħu, iżda nqis li mhux kollha meħtieġa, u xi ftit minnhom jista’ jkollhom potenzjal ħażin u jkollhom tendenza li jirregolaw iżżejjed.

Naqsam it-tħassib dwar l-aspetti proċikliċi tar-regoli ta’ tassazzjoni u kontabilità regolatorji u prudenzjali, iżda fl-opinjoni tiegħi ma għandniex ninsew ir-rabta mill-qrib li hemm bejn l-ekonomija finanzjarja u dik reali. Kull meta nirregolaw l-ekonomija finanzjarja, li f’ħafna aspetti hija meħtieġa, dan se jaffettwa wkoll l-ekonomija reali. Barra minn hekk, għandna nżommu f'moħħna li l-ekonomija finanzjarja hija waħda globali bħalma hi l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Għalhekk jeħtieġ li nnaqqsu l-fraġilità tas-sistema finanzjarja fil-livell globali u għandna nitgħallmu mill-kriżi fil-livell globali biex tittejjeb il-kwalitá tal-ġestjoni tar-riskji u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Kooperazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni transatlantika kollha huma għalhekk kruċjali.

Naħseb li l-Parlament Ewropew għandu jqis dan, filwaqt li jagħti ħarsa mill-qrib u indipendenti lejn il-proposti għar-riforma regolatorja.

Dimensjoni esterna

Ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju finanzjarju flimkien ma’ proċess ta’ riforma strutturali sabiex l-unjoni ekonomika jkollha suċċess komparabbli mal-unjoni monetarja ser issaħħu ż-żona tal-euro. Din hija sfida kbira, iżda jekk jirnexxielna u jerġa' jkollna tkabbir ekonomiku b'dan il-mod iż-żona tal-euro tista' toħroġ mill-kriżi iktar b'saħħitha minn qabel.

It-talba mill-Estonja biex tadotta l-euro hija sinjal tajjeb u turi l-fiduċja fl-euro li għad teżisti wkoll f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Barra minn hekk, iż-żona tal-euro tista’ titgħallem ukoll mill-Estonja, li r-rendiment ekonomiku tagħha huwa ta’ min jinnota minkejja li kien hemm kriżi.

Minkejja li nilqa’ bil-ferħ dan it-tkabbir taż-żona tal-euro, nixtieq infakkar li l-konformità mal-kriterji ta’ Maastricht hija prerekwiżit għas-sħubija maż-żona tal-euro u għandu jibqa’ hekk għal kwalunkwe tkabbir futur, bħalma kien għall-Estonja.

Illum il-ġurnata fejn b’mod partikolari, l-euro qed ikollha pressjoni kbira fis-suq globali għandna nikkonformaw mal-kriterji ta’ Maastricht bħala s-sinsla tal-UEM u tal-euro. Il-potenzjal tal-euro sar evidenti fl-2009 meta, fid-dawl tad-dgħufija tal-USD, kienet tqieset bħala possibbiltà ta’ munita ewlenija globali ġdida.

Fl-opinjoni tiegħi l-euro mhemmx bżonn issir il-munita ewlenija globali, iżda d-dgħufija attwali hija inkwetanti. Id-defiċits tal-gvernijiet li żdiedu għal 78.7% tal-PGD diġà fl-2009 kienu ta’ piż kbir għall-euro.

Madankollu nemmen li, kif semmejt qabel, l-UE u ż-żona tal-euro jistgħu joħorġu minn din il-kriżi saħansitra iktar b'saħħithom. Jeħtieġ li nitgħallmu minn dan, nibbilanċjaw mill-ġdid l-UEM, neħtieġu iktar trasparenza u ġestjoni tar-riskji aqwa fis-swieq finanzjarji u jeħtieġ li terġa' tinħoloq il-fiduċja pubblika. Din hija sfida kbira, iżda fl-istorja tagħha l-UE dejjem uriet li żviluppat l-iktar meta ħabbtet wiċċha ma’ sfidi. Għalhekk din il-kriżi tippreżenta wkoll opportunità. Jeħtieġ li naħtfuha.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Slavi Binev, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Ivari Padar, Anni Podimata, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Marianne Thyssen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Sari Essayah, Ashley Fox, Enrique Guerrero Salom, Thomas Mann, Gay Mitchell, Gianni Pittella, Andreas Schwab, Tatjana Ždanoka

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2010Avviż legali