dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba
dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0685 – C7-XXXX/2010),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1), (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikolari l-Punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament dwar il-FEAG),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0353/2010),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,
D. billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 613 sensja f'żewġ impriżi li joperaw fis-settur tat-Taqsima 46 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Noord Holland fil-Pajjiżi l-Baxxi,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEAG,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;
2. Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas m’għandha tieħu post miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu proprji u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;
6. Jinnota madankollu li, bil-għan li l-FEAG jiġi mmobilizzat għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-SMEs u l-innovazzjoni;jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet severi tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment waqt kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-bżonn ta’ appoġġ bħal dan;
7. Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;
8. Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha tippreżenta informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;
9. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta’ xxx
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT mill-Pajjiżi Baxxi)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea(3),
Billi
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FAEG) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.
(4) Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji f’żewġ intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 46 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Noord Holland (NL32) fit-8 ta’ April 2010 u ssupplimentaha b’tagħrif addizzjonali sal-5 ta’ Awwissu 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 2,557,135.
(5) Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi.
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2,557,135 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) inħoloq bil-għan li jipprovdi għajnuna addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, miġbuda minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn preċedenti, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.
Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat il-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni
Fil-23 ta' Novembru 2010 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Pajjiżi Baxxi sabiex tappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
Din hi t-tlieta u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 2 557 135 mill-FEAG għall-Pajjiżi l-Baxxi. Tikkonċerna 613 sensja (ilkoll identifikati għall-assistenza) f'żewġ impriżi li joperaw fit-Taqsima 46 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Noord Holland fil-Pajjiżi l-Baxxi, matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Jannar 2010.
L-applikazzjoni, il-każ FEAG/2010/012 NL/Noord Holland ICT, tressqet lill-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2010 u ġiet issupplimentata b'tagħrif addizzjonli sal-5 ta' Awwissu 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEAG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'impriżi li joperaw fl-istess taqsima tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru – u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (l-Artikolu 5 tar-Regolament).
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, it-turija tal-għadd ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta’ dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u tal-ħaddiema indikati għall-assistenza, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, u s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll.
Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja li tapprova l-appikazzjoni.
Bil-għan li timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment (DEC 48/2010) għal ammont globali ta' EUR 2 557 135 mir-riżerva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja tal-baġit "Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni" (01 04 04) fi ħlasijiet għall-linji tal-baġit tal-FEAG (04 05 01).
Ir-Rapporteur għandha pjaċir tosserva li l-Kummissjoni kontinwament qed jirnexxilha tidentifika sorsi alternattivi ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fondi mhux użati tal-FSE, b’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew fl-imgħoddi.
Madankollu, tqis li d-direzzjoni li ttieħdet f’dawn l-aħħar każijiet (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni) mhijiex sodisfaċenti fid-dawl tan-nuqqasijiet serji li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. F’perjodu ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu mhux ħażin. Għladaqstant tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji tal-baġit aktar xieqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.
Fl-2010, l-Awtorità Baġitarja diġà approvat erba' u għoxrin proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 75 935 163, li meta jiżdied mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 8 728 978 relatat mal-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inkluża dik preżenti), iħalli disponibbli sal-aħħar tal-2010 l-ammont ta' EUR 415 335 859.
III. Proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment(3) bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif jesiġi l-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.
It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG jista’ jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif dispost fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Wara l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew se jagħti l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, li se tkun annessa mar-rapport preżenti bħala ittra.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat kemm hu importanti li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
ES/jm
D(2010)60048
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT (COM(2010)685 finali)
Għażiż Sur Lamassoure,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FAEG studjaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT u adottaw l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.
Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A)Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2b tar-Regolament FEAG u tinkludi 613 sensja mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Jannar 2010 f’2 intrapriża involuti fil-kummerċ bl-imnut, ħlief tal-vetturi u l-muturi skont ir-Reviżjoni 2 tan-NACE fid-Diviżjoni 46 tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.
B)Billi dan is-settur, b'mod partikolari l-intrapriżi involuti fl-iżvilupp u l-bejgħ ta' hardware, kien effettwat b'mod negattiv mill-kriżi finanzjarja u ekonomika li rriżultat f'waqgħa sinifikanti fil-profitt taż-żewġ intrapriżi kkonċernati, li jfisser 25% għal Getronics u 17% għad-diviżjoni tal-PC ta' HP u 19% għad-diviżjoni tagħha tal-istampar, minħabba t-tnaqqis f'daqqa u mhux previst fil-baġits għall-investiment relatat mal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
C)Billi l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li sa nofs l-2008 s-suq tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kien miexi relattivament sew, bi prospetti għat-tkabbir kemm għall-intrapriżi tal-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll għas-swieq tal-konsumaturi tagħhom minkejja l-bidliet strutturali fis-suq dinji tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari dilokalizzazzjoni tal-produzzjoni lejn iċ-Ċina u l-Indja li rriżultat fi tnaqqis tas-sehem fis-suq tal-pajjiżi tal-OECD b'total ta' kummerċ tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni minn 88% fl-1996 għal 56% fl-2006;
D)Billi s-sensji seħħew fil-provinċja ta' Noord-Holland, reġjun b'konċentrazzjoni għolja ta' intrapriżi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u fejn dawn is-sensji se jaggravaw is-sitwazzjoni tal-impjieg li diġà ddeterjorat bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija; Billi r-regolament FEAG jgħid, fi premessa 4, li għandu jiġi “żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEAG tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li ntlaqtu bl-aktar b'mod serju”;
E)Billi l-Pajjiżi l-Baxxi speċifikaw li ż-żewġ intrapriżi ssodisfaw l-obbligu li jikkonsultaw is-sħab soċjali dwar pjan soċjali f'każi ta' sensji kollettivi li jaqbżu t-30, ħaġa li f'iktar dettall tfisser li CA-ICT, li hija magħmula minn rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-impjegati, kellha rwol importanti fil-preparazzjoni tal-miżura;
F)Billi l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi speċifikawt li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jikkwalifikaw għal żewġ proġetti speċifiċi tal-FSE għall-ħaddiema fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u billi dawn jikkonfermaw li l-mekkaniżmi neċessarji huma implimentati biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' ffinanzjar doppju mill-FAEG u minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE;
G)Billi l-Pajjiżi l-Baxxi qed jitolbu għal appoġġ għall-ħaddiema kollha li sfaw sensjati, inklużi dawk 'il fuq minn 65 sena;
H)Billi 64.9% mill-ħaddiema sensjati kienu rġiel;
I)Billi 79.9% mill-ħaddiema huma professjonisti jew persunal tekniku;
J)Billi 24 ħaddiem (3.9%) mill-ħaddiema kollha għandhom problemi ta' saħħa li ilhom jeżistu jew diżabilità;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi:
1.Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG (1927/2006) huma ssodisfati;
2.Ifakkar li l-applikazzjonijiet riċenti EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht id-Diviżjoni 18 dwar is-sensji f'79 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31) fil-Pajjiżi l-Baxxi u EGF/2009/024 NL/Noord Holland u Zuid Holland id-Division 58 fir-rigward ta' sensji fi tmien intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 58 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (attivitajiet ta’ pubblikazzjoni) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Noord Holland (NL32) u Zuid Holland (NL33) fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kkonċernaw l-istess reġjun bħall-applikazzjoni preżenti;
3.Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali kienu involuti b'mod attiv fit-tħejjija tal-miżuri;
4.Jinnota li l-miżuri huma diretti lejn integrazzjoni mill-ġdid malajr tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol li tkopri l-ewwel nett il-bżonnijiet immedjati ta' taħriġ għal impjegabilità aħjar u miżuri li jipprovdu għajnuna tit-tfittxija tal-impjiegi;
5.Jiddispjaċih li l-applikazzjoni ma tindikax jekk ġewx offruti xi miżuri speċjali lil ħaddiema bi problemi ta' saħħa li ilhom jeżistu u lil dawk li għandhom iktar minn 65 sena;
6.Jilqa’ l-approċċ li l-FEAG jintuża bħala kumplement għat-tħaddim tal-appoġġ tal-FSE; jiddispjaċih, madankollu, li l-applikazzjoni ma tindikax l-ispeċifiċità u l-valur miżjud tal-miżuri tal-FEAG.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
2.12.2010
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
20
1
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Damien Abad, Lajos Bokros, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Estelle Grelier, Lucas Hartong, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Paul Rübig, Georgios Stavrakakis
Sostiut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali