Proċedura : 2010/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0036/2011

Testi mressqa :

A7-0036/2011

Dibattiti :

PV 07/03/2011 - 17
CRE 07/03/2011 - 17

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2011 - 9.6
CRE 08/03/2011 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0080

RAPPORT     
PDF 310kDOC 249k
10 ta' Frar 2011
PE 450.744v02-00 A7-0036/2011

dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew

(2010/2105(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur għal opinjoni: Anni Podimata

Rapporteur għall-opinjoni(*): Nirj Deva, Kumitat għall-Iżvilupp

(*) Kumitat Assoċjat, Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew

(2010/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Ġunju 2010 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-minuti tal-laqgħa tal-ECONFIN tad-19 ta' Ottubru 2010 u r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa li hemm ikkwotat fihom,

–   wara li kkunsidra l-programm tal-Presidenza Belġjana, b'mod partikolari l-proposti dwar finanzjament innovattiv,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar Awtoritajiet Superviżorji Ewropej(3) u speċifikament ir-riżoluzzjionijiet tiegħu tat 22 ta' Settembru 2010 dwar l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol(4), tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea(5), tat-22 ta' Settembru 2010 dwar u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq(6), u tat-22 ta' Settembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja u l-istabbiliment ta' Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku(7).

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew (SEC(2010)0409) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar tassazzjoni tas-settur finanzjarju (COM(2010)0549/5), flimkien mad-dokument ta’ ħidma tal-istaff li jakkumpanjahom (SEC(2010)1166),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali, SEC(2010)0484/5),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja (COM(2010)0254),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-G20 magħmula fil-15 ta' Novembru 2008 f'Washington, id-Dikjarazzjoni tal-G20 magħmula fit-2 ta' April 2009 f'Londra u l-Istqarrija tal-Mexxejja tas-Samit tal-G20 tal-25 ta' Settembru 2009 f'Pittsburgh,

–   wara li kkunsidra r-rapport 2010 tal-FMI għall-G20 dwar it-Tassazzjoni tas-Settur Bankarju,

–   wara li kkunsidra l-karta tal-Kumitat Konsultattiv tat-Trejdjunjins tal-OECD bl-isem "'The parameters of a financial transaction tax and the OECD global public good resource gap, 2010-2020' tal-15 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-2010 bl-isem 'The elephant in the room: the need to deal with what banks do',

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-Istitut Awstrijak ta' Riċerka Ekonomika (WIFO) bl-isem 'A General Financial Transaction Tax: Motives, Revenues, Feasibility and Effects' tat-8 ta' Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra l-karta tal-Fondazzjoni tal-Istudji Progressivi Ewropej bl-isem 'Financial Transaction Taxes: Necessary, Feasible and Desirable' ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru tar-Riċerka ta' Politika Ekonomika bl-isem 'Benefits of a Financial Transactions Tax' ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni - Klassifika tal-għajnuna mill-Istat - Ir-rapport dwar l-iżviluppi riċenti tal-għajnuna lis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi (COM(2010)0255),

–   wara li kkunsidra l-istudju ta' Notre Europe bl-isem "'An ever less carbonated Union? Towards a better European Taxation against climate change',

–   wara li kkunsidra d-dokument tar-riżulati tal-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti: ‘Keeping the promise: united to achieve the Millennium Development Goals' ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni maħruġa fis-Seba' Laqgħa Plenarja tal-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Finanzjament Innovattiv għall-Iżvilupp li saret f'Santiago f'Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra r-Rapport 2010 tal-Kumitat ta' Esperti tat-Taskforce dwar Transażżjonijiet Finanzjarji Internazzjonali għall-Iżvilupp 'Globalising Solidarity: The Case for Financial Levies',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0036/2011),

A. billi l-kriżi globali finanzjarja u ekonomika bla preċedenti fl-2007 kixfet disfunzjonijiet sinifikanti fil-qafas regolatorju u superviżorju tas-sistema finanzjarja globali, li jistgħu jiġu deskritti bħala kombinazzjoni ta' swieq finanzjarji mhux regolati, prodotti komplessi ż-żejjed u ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti; billi l-Ewropa teħtieġ swieq finanzjarji aktar trasparenti u effiċjenti,

B.  billi s-swieq ħielsa huma l-bażi tal-ħolqien tal-ġid madwar id-dinja, u billi l-ekonomiji tas-suq u l-kummerċ ħieles joħolqu l-ġid u joħorġu n-nies mill-faqar,

C. billi ż-żieda spettakolari fil-volum ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji fl-ekonomija globali matul l-aħħar għaxar snin - volum li fl-2007 laħaq livell 73.3 darba ogħla mill-PDG nominali tad-dinja, l-aktar minħabba l-boom tas-suq tad-derivattivi - tispjega n-nuqqas ta’ konnessjoni li qed jikber bejn it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-bżonnijiet tal-ekonomija reali,

D. billi s-settur finanzjarju jiddependi ħafna fuq mudelli ta’ kummerċ, bħalma hu l-kummerċ bi frekwenza kbira (HFT), li jimmiraw l-aktar lejn qligħ f’terminu qasir ta’ żmien u huma esposti għal livell għli ta' ingranaġġ, li kienet waħda mill-bosta kawżi tal-kriżi finanzjarja; billi dan ikkawża volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u devjazzjonijiet persistenti ta’ prezzijiet ta’ ishma u prodotti bażiċi (commodities) mil-livelli fundamentali tagħhom,

E.  billi l-kapaċità tan-negozji, tal-gvernijiet u tal-individwi li jissellfu u jsellfu wieħed lill-ieħor hija fattur kruċjali għall-ekonomija globali; billi l-kriżi finanzjarja pprovdiet eżempji ta’ karatteristiċi sfortunati tas-suq internazzjonali tal-kapital; billi minħabba dik ir-raġuni jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtieġa tat-teħid ta' passi li jgħinu biex tinżamm stabbiltà finanzjarja u l-ħtieġa li tinżamm il-kapaċità tal-banek li jipprovdu kreditu lill-ekonomija;

F.  billi fis-samits tal-G20 li saru f’Washington fl-2008 u f’Pittsburgh fl-2009 kien intlaħaq ftehim li jiġu implimentati riformi biex jisaħħu s-sorveljanza u s-sistemi regolatorji tas-swieq finanzjarji sabiex iġiegħlu lill-istituzzjonijiet finanzjarji jerfgħu s-sehem ġust ta’ responsabbiltà tagħhom għall-inkwiet,

G. billi l-ispejjeż prinċipali tal-kriżi s’issa kellhom ibatuhom dawk li jħallsu t-taxxi, li l-flus tagħhom, f’ħafna partijiet tad-dinja, użawhom il-gvernijiet biex isalvaw il-banek privati u istituzzjonijiet finanzjarji oħra; billi qed ikun hemm dejjem iktar sejħiet biex l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-partijiet interessati, li gawdew għal ħafna snin minn dħul eċċessiv minn ishma u minn ħlasijiet eċċessivi ta’ bonus annwali u kienu jikkostitwixxu l-akbar parti tal-profitti korporattivi globali, jikkontribwixxu s-sehem ekwu tagħhom biex jiġu koperti l-ispejjeż,

H. billi b’mod partikolari fl-UE l-ispiża tas-salvataġġi aggravat u aċċellerat il-bidu ta' kriżi fiskali u tad-dejn li tefgħet piż mhux mistenni fuq il-baġits pubbliċi u pperikolat b’mod sever il-ħolqien tal-impjiegi, l-għoti ta’ għajnuniet soċjali statali u l-kisba tal-għanijiet tal-klima u tal-ambjent,

I.   billi t-tendenzi favur gwadann immedjat u l-ispekulazzjoni fis-suq tal-bonds tal-gvernijiet Ewropej, kienu fatturi aggravanti importanti fil-kriżi tad-defiċit sovran Ewropew fl-2009-2010 u esponew ir-rabtiet mill-qrib li hemm bejn l-iżvantaġġi fis-settur finanzjarju u l-problemi fil-garanzija tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fi żmien ta' defiċits baġitarji eċċessivi u dejn pubbliku u privat dejjem jikber,

J.   billi l-ineffiċjenza tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir fil-forma attwali tiegħu u d-disparitajiet fil-kompetittività bejn l-Istati Membri qajmu d-diskussjoni attwali dwar il-governanza ekonomika Ewropea, li komponenti kruċjali tagħha għandhom ikunu miżuri biex jissaħħaħ il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, prinċipalment id-dispożizzjonijiet preventivi tiegħu, tnedija mingħajr dewmien ulterjuri ta' riformi strutturali inevitabbli u koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-evitar, il-frodi u l-evażjoni fiskali sabiex tiġi ssalvagwarjata l-ġustizzja fiskali, filwaqt l-piż tat-taxxi jiġi ttraferit gradwalment minn fuq ix-xogħol għal fuq il-kapital u l-attivitajiet b’esternalitajiet negattivi qawwija,

K. billi l-kriżi enfasizzat il-bżonn li jiżdied dħul li jkun ġdid, b’bażi wiesgħa, ġust u sostenibbli u li jiġu infurzati l-leġiżlazzjonijiet eżistenti dwar l-evażjoni fiskali u titjieb l-effikaċja tagħhom sabiex jiġi żgurat li l-konsolidazzjoni fiskali tkun ikkombinata b'mod effikaċi mal-irkupru ekonomiku tul medda twila ta’ żmien u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, li huma prijoritajiet ewlenin tal-aġenda UE 2020,

L.  billi l-limitazzjonijiet baġitarji serji b’riżultat tal-kriżi reċenti jaħbtu fi żmien meta l-UE daħlet għal impenji importanti ħafna fil-livell globali, prinċipalment fir-rigward ta' objettivi relatati mat-tibdil fil-klima, l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs) u għajnuna għall-iżvilupp, b’mod partikolari għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

M. billi fis-17 ta’ Ġunju 2010 l-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li l-UE għandha tmexxi sforzi sabiex jiġi stabbilit approċċ globali għall-introduzzjoni ta’ imposti u taxxi fuq istituzzjonijiet finanzjarji u talbet li l-kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ Taxxi fuq Tranżazzjonijiet Finanzjarji globali (TTF) tiġi eżaminata u żviluppata aktar,

N. billi diġà talab lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt u tipprovdi analiżi tal-merti pożittivi ta' TTF; u għaldaqstant, iddeċieda li jistenna din l-analiżi qabel ma jieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri,

1.    Jieħu nota tax-xogħol li sar sa issa mill-Kummissjoni b'reazzjoni għat-talba li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2010 sabiex isir studju ta’ fattibilità dwar taxxi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell globali u f'dak tal-UE; jenfasizza l-bżonn tal-valutazzjoni tal-impatt komprensiva u jitlob li r-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt u proposti konkreti possibbli jsiru pubbliċi sas-Sajf tal-2011, kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju, jenfasizza li studju ta’ fattibilità bbilanċjat u bir-reqqa dwar TTF tal-UE għandu jkun il-bażi li fuqha għandha tiġi implimentata l-proċedura għall-introduzzjoni ta’ tali taxxa;

2.    Jenfasizza li żieda fir-rati, l-ambitu tal-għodod ta’ tassazzjoni eżistenti u aktar tnaqqis fl-ispiża pubblika ma jistgħu jkunu soluzzjoni la suffiċjenti u lanqas sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi prinċipali li ġejjin fil-livell Ewropew u f'dak globali; jenfasizza li, fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi u d-diskussjonijiet dwar sistemi ġodda ta' finanzjament, waħda mill-prijoritajiet ewlenin għandha tkun il-ħolqien ta’ mezzi biex jissaħħu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku Ewropew;

3.  Jenfasiżża li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa l-aktar għodda prezzjuża tal-UE f’dinja globalizzata u kompetittiva u l-forza prinċipali tat-tkabbir Ewropew; jenfasizza li l-punt fokali għandu jkun fuq it-tisħiħ tas-suq intern u fuq kif jistgħu jintefqu r-riżorsi nazzjonali u Ewropej b’mod aktar intelliġenti billi tittieħed viżjoni olistika tar-riforma baġitarja, li tkopri kemm l-infiq kif ukoll id-dħul tal-baġit; jinnota li l-infiq jeħtieġ isir b’mod li jkun imfassal biex iġib ir-riżultati u strumenti finanzjarji ġodda għat-twettiq tal-baġit għandhom ikunu intelliġenti, integrati u flessibbli;

4.  Jenfasizza li t-tneħħija tal-ostakli li fadal fis-suq intern hija l-aħjar mod biex jiġu promossi politiki ta’ tkabbir reali li jagħtu r-riżultati; jinnota li l-istudji juru li jistgħu jiġu ffrankati bejn 200 sa 300 biljun euro kull sena kieku kellhom jitneħħew l-ostakli kollha għall-erba’ libertajiet;

5.  Jenfasizza l-importanza tat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku u jenfasizza li l-UE trid tfassal u timplimenta b’mod effettiv regoli komuni biex is-Suq Uniku ikun jista' jservi ta’ vettur għat-tkabbir strutturali; jenfasizza li l-isforzi jridu jiffukaw fuq il-forza mexxejja tal-ekonomija Ewropea: l-20 miljun negozju Ewropew speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju mmexxija minn intraprendituri u persuni oħrajn bi spirtu kreattiv;

6.  Jenfasizza li wieħed mill-assi l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea huwa d-daqs tagħha u dan il-vantaġġ irid jintuża b'mod sħiħ billi jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Suq Uniku u billi jintużaw il-fondi mill-baġit tal-UE sabiex jinkiseb valur miżjud fl-isforzi tas-settur pubbliku biex jiġu stimulati l-forzi tat-tkabbir;

7.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tadotta qafas ta’ strateġija komuni, li jindika strateġija komprensiva ta’ investiment li tittrasforma l-miri u l-objettivi tal-Ewropa 2020 fi prijoritajiet ta’ investiment, u tidentifika l-ħtiġijiet tal-investimenti fir-rigward tal-miri u l-proġetti ewlenin u r-riformi meħtieġa biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investiment appoġġat mill-politika ta’ koeżjoni;

8.  Jenfasizza li wieħed mill-vantaġġi prinċipali tal-għodod ta' finanzjament innovattiv huwa li jista' jkollhom benefiċċju doppju, minħabba li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu objettivi ta’ politika importanti, bħalma hi l-istabilità u t-trasparenza tas-suq finanzjarju, u fl-istess ħin joffru potenzjal ta’ dħul sinifikanti; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li għandhom jiġu kkunsidrat wkoll l-effetti ta’ dawn l-għodod fuq l-esternalitajiet negattivi prodotti mis-settur finanzjarju;

It-tasazzjoni tas-settur finanzjarju

9.  Ifakkar li l-ħsara finanzjarja kkawżata mill-evażjoni u l-frodi fiskali fl-Ewropa hija stmata bejn 200 u 250 biljun euro fis-sena; iqis, għalhekk, li t-tnaqqis tal-livelli ta’ frodi fiskali għandu jgħin biex jonqsu d-defiċits pubbliċi mingħajr ma jiżdiedu t-taxxi; jinnota, b'dan l-isfond, li l-finanzjament innovattiv għandu jagħti saħħa mill-ġdid lill-isforzi tal-Istati Membri, l-UE u l-komunità internazzjonal fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali kif ukoll forom oħrajn ta' għejbien illegali ta’ kapital li għandhom impatt baġitarju sinifikanti;

10. Jenfasizza li wara l-effetti tal-kriżi l-UE jeħtiġilha tikkonvinċi liċ-ċittadini tagħha li għandha r-rieda u l-għodda biex timxi ’l quddiem b’taħlita bbilanċjata ta’ strateġija ta' konsolidazzjoni fiskali u politiki ta’ stimulu sabiex tissalvagwardja rkupru ekonomiku fit-tul;

11. Iqis li, filwaqt li riċentement sar progress kbir kemm min-naħa regolatorja kif ukoll min-naħa superviżorja, il-politika fiskali hija d-dimensjoni nieqsa fl-approċċ tal-UE għas-settur finanzjarju;

12. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li s-settur finanzjarju mhux intaxxat biżżejjed, b’mod partikolari minħabba li ma tiġi imposta l-ebda VAT fuq il-biċċa l-kbira tas-servizzi finanzjarji, u jitlob li jittieħdu miżuri ta' finanzjament innovattivi biex jinġabar aktar minn dan is-settur u biex il-piż tat-tassazzjoni jiġi jitneħħa minn fuq in-nies li jaħdmu;

13. Jikkunsidra li l-introduzzjoni ta' TTF tista' tgħin biex jiġu indirizzati l-mudelli ta' kummerċ li qed jiżdiedu u li huma ta' dannu kbir fis-swieq finanzjarji, bħalma huma t-tranżazzjonijiet b'xejriet lejn profitti b'terminu ta' żmien qasir u t-tranżazzjonijiet awtomatizzati tat-tip HFT, u biex titrażżan l-ispekulazzjoni; jenfasizza li TTF b’hekk ikollha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza tas-suq, iżżid it-trasparenza, tnaqqas il-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u toħloq inċentivi għas-settur finanzjarju sabiex jagħmel investimenti fit-tul b’valur miżjud għall-ekonomija reali;

14. Jenfasizza l-istimi ta’ dħul attwali għal rata baxxa ta' TTF li tkun tista’, bil-bażi wiesgħa ta’ taxxa tagħha, trendi kważi 200 biljun euro fis-sena fil-livell tal-UE u $650 biljun fil-livel globali; iqis li din tista' tikkostitwixxi kontribuzzjoni sostanzjali mis-settur finanzjarju għall-ispiża tal-kriżi u għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi;

15. Jinnota l-evuluzzjoni rapida tad-dibattitu dwar it-TTF u l-fehmiet differenti fir-rigward tal-fattibilità, l-effiċjenza u l-effikaċja ta’ taxxa bħal din, kif ukoll id-diskussjoni li qed tiżviluppa dwar it-Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji (FAT), iżda jinnota li s'issa l-G20 ma rnexxilux jippromwovi inizjattivi konġunti sensibbli dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-mexxejja tal-G20 jħaffu n-negozjati għal ftehim dwat l-elementi komuni minimi ta' TTF globali u jipprovdu gwida dwar il-futur mixtieq ta’ dawn id-diversi tipi ta’ tassazzjoni;

16. Huwa favur l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li ttejjeb il-funzjonament tas-suq billi tnaqqas l-ispekulazzjoni u tgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi; jikkunsidra li l-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha tkun b'bażi kemm jista' jkun wiesgħa; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr studju ta’ fattibbiltà, filwaqt li jitqies il-bżonn ta' kundizzjonijiet globali ugwali, u tippreżenta proposti leġiżlattivi konkreti;

17. Jinnota li fl-eżami tal-possibilitajiet ta' taxxi fuq is-settur finanzjarju fil-livell globali u f'dak tal-UE, għandhom jiġu kkunsidrati l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-introduzzjoni ta’ taxxi fuq tranżazzjonijiet settorjali fil-livell tal-Istati Membri;

18. Jenfasizza wkoll li l-fluss ta’ tranżazzjonijiet sempliċement spekulattivi lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn għandhom ftit effetti detrimentali, imma jista’ jkollhom il-potennzjal li jikkontribwixxu għal aktar effiċjenza tas-suq; jenfasizza wkoll li mhux l-azzjonijiet kollha meqjusa spekulattivi għandhom jiġu kkundannati, minħabba li ċerti forom ta' teħid tar-riskju jistgħu jżidu l-istabilità tas-swieq finanzjarji tal-UE;

19. Jenfasizza li fi ħdan is-suq ċentralizzat Ewropew, is-servizzi ċentrali ta’ approvazzjoni u ħlas finali (clearing and settlement services) jistgħu jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ TTF li tkun irħisa f’termini amministrattivi u sempliċi biex tiġi implimentata; ifakkar, madankollu, li n-natura globali u interkonnessa tal-industrija finanzjarja għandha tiġi kkunsidrata fit-tfassil tal-aspetti tekniċi tat-TTF;

20. Jinnota l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass biex jiġi indirizzat dan is-suġġett; jikkunsidra li l-oneru tal-prova rigward il-vantaġġu u/jew l-iżvantaġġi possibbli tal-introduzzjoni ta' TTF fil-livell tal-UE huwa tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha;

21. Jinnota li l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni ħabbret valutazzjoni tal-impatt ta' diversi possibilitajiet ta' tassazzjoni tas-settur finanzjarju u jistieden lill-Kummissjoni sabiex fl-istudju ta’ fattibilità tagħha tindirizza wkoll l-assimetrija ġeografika tat-tranżazzjonijiet u d-dħul, u l-possibilità ta’ rata gradata jew differenzjata abbażi tal-katerġorija tal-assi, l-inċidenza tat-taxxa, in-natura tal-attur involut jew in-natura ta’ terminu qasir u spekulattiva ta' xi tipi ta' tranżazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tutilizza r-riċerka kollha disponibbli;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza, fl-istudju ta’ fattibilità tagħha, l-għażliet differenti possibbli għal TTF tal-UE u l-impatti tagħhom, inklużi l-benefiċċji għall-ekonomija u s-soċjetà ta' tnaqqis tat-tranżazzjonijiet finanzjarji spekulattivi, li attwalment qed jikkawżaw tgħawwiġ serju tas-suq;

23. Jenfasizza li TTF għandu jkollha l-aktar bażi wiesgħa possibbli sabiex tiggarantxxi kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd fis-swieq finanzjarji u mhux timbotta t-tranżazzjonijiet lejn strumenti anqas trasparenti; iqis, għalhekk, li l-istudju ta' fattibilità tal-Kummissjoni għandu jesplora t-tranżazzjonijiet kollha b’assi finanzjarji, bħalma huma t-tranżazzjonijiet fil-pront (spot transactions) innegozjati f’Borża, kif ukoll it-tranżazzjonijiet ta' derivattivi li jsiru fis-swieq u barra l-Borża (OTC); jinnota li l-gradazzjoni ta’ TTF, b’rati differenzjati fid-diversi postijiet tan-negozju, tista’ ssaħħaħ aktar l-istabilità tas-suq billi toħloq inċentivi pożittivi għall-atturi finanzjarji biex jirrilokaw it-tranżazzjonijiet lil hinn mill-istrumenti tal-OTC lejn postijiet aktar trasparenti u rregolati tajjeb;

24. Jilqa' f’dan il-kuntest, il-proposti reċenti tal-Kummissjoni dwar derivattivi OTC u bejgħ bin-nieqes (short selling) li jimponu rekwiżiti ta’ kustodja espliċiti għal servizzi ta’ approvazzjoni u ħlas finali għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ derivattivi OTC, li b’hekk jagħmlu teknikament fattibbli l-implimentazzjoni ta’ din it-TTF b’bażi wiesgħa tal-UE;

25. Jinsisti li jiġi stabbilit min fil-fatt se jħallas it-taxxa, billi l-piż normalment jgħaddi fuq il-konsumaturi, li f’dan il-każ ikunu l-investituri bl-imnut u individwi; jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli komprensivi dwar eżenzjonijiet u limiti, sabiex jiġi żgurat li dan ma jiġrix;

26. Jilqa' l-proposti reċenti tal-FMI, appoġġati mill-Kummissjoni, għal taxxa fuq l-assi tal-banek sabiex kull pajjiż ikun jista’ jiġbor imposti ta’ bejn 2 u 4% tal-PDG sabiex jiffinanzja mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ kriżijiet futuri; jemmen li imposti tal-banek għandhom ikunu proporzjonati għas-sinifikat sistemiku tal-istituzzjoni ta’ kreditu konċernata u għal-livell ta’ riskju involut fl-attività;

27. Jinnota li l-imposti tal-banek, Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji u Tassazzjoni fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji kollha jservu objettivi ekonomiċi differenti u għandhom potenzjal differenti biex jiġġeneraw id-dħul; jenfasizza madankollu li billi huma bbażati fuq pożizzjonijiet fuq il-karta tal-bilanċ, l-imposti tal-banek ma jistgħux jassumu rwol ta’ trażżin ta’ spekulazzjoni finanzjarja u jirregolamentaw aktar ix-xogħol ta’ banek “parallel”; barra minn hekk jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta’ mekkaniżmi ta’ superviżjoni finanzjarja u trasparenza fit-tisħiħ tar-reżiljenza u l-istabilità tas-sistema finanzjarja;

28. Jinnota l-proposta tal-FMI dwar Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji (FAT), u l-impenn riċenti tal-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni tal-impatt komprensiva tal-potenzjal tagħha; jenfasizza li Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji hija strument fiskali orjentat biss lejn id-dħul immirat għas-settur finanzjarju, u tippermetti li jiġu ntaxxati renti ekonomiċi u profitti minn teħid ta’ riskju eċċessiv, u għaldaqstant tista' tipprovdi soluzzjoni għall-eżenzjoni attwali tal-VAT tas-settur finanzjarju;

29. Huwa konxju tal-għażliet differenti għall-ġestjoni ta’ dħul addizzjonali ġġenerat mit-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jenfasizza li, jeħtieġ li tissolva l-kwistjoni dwar l-iskop li għalih għandu jmur id-dħul iġġenerat minn TTF u li, sabiex tingħata stampa adegwata lil dawk li jħallsu t-taxxa tar-razzjonal wara t-tassazzjoni addizzjonali tas-settur finanzjarju, il-valutazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' l-għażliet differenti għandhom jidhru bħala element essenzjali fid-dibattitu ġenerali dwar il-finanzjament innovattiv; jenfasizza li, minħabba n-natura globali tiegħu, id-dħul iġġenerat minn TTF globali għandu jintuża biex jiġi pprovdut finanzjament għal għanijiet ta’ politika globali bħall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinnota l-għan tal-Kummissjoni li żżid il-volum tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti ta' finanzjament innovattiv; huwa konvint li sabiex ikun salvagwardat il-valur miżjud Ewropew tal-istrumenti ta’ finanzjament innovattiv, parti minn dak id-dħul jista’ jkun allokat sabiex jiffinanzja proġetti u politiki tal-UE; ifakkar li l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar eżami mill-ġdid tal-baġit tal-UE tikkunsidra t-tassazzjoni tal-UE tas-settur finanzjarju bħala sors possibbli ta' riżorsi proprji; jitlob dibattitu wiesa’ bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, il-partijiet interessati tal-UE u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar l-għażliet disponibbli rigward dawn il-politiki, il-partijiet tad-dħul li jridu jkunu allokati fil-livell tal-UE f'dak nazzjonali u d-diversi modi kif dan jinkiseb; jinnota, fir-rigward tal-ġestjoni tal-parti tad-dħul allokata fil-livell nazzjonali, li għandhom jiġu vvalutati l-fakultajiet kollha possibbli, inkluża l-allokazzjoni ta' dħul għall-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi;

30. Jenfasizza li l-introduzzjoni possibbli ta’ dawn l-għodod ġodda ta’ tassazzjoni fis-settur finanzjarju għandha tiġi analizzata fil-kuntest tal-ambjent tat-taxxa eżistenti f’dak is-settur, billi jitqiesu l-effetti sekondarji u jinżamm punt fokali speċjali fuq l-identifikazzjoni ta' sinerġiji bejn it-taxxi qodma u dawk ġodda;

31. Jinnota l-għan tal-Kummissjoni li żżid il-volum tal-baġit tal-UE permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u jirrikonoxxi l-benefiċċji potenzjali tal-istimulu tal-finanzjament tas-settur privat bi flus pubbliċi; huwa konxju, madankollu, li l-użu ta’ strumenti ta’ skop speċjali għall-finanzjament ta’ proġetti jista’ jirriżulta f’responsabilitajiet dejjem iżjed kontinġenti; jemmen, għalhekk, li tali miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn żvelar trasparenti sħiħ flimkien ma’ linji gwida xierqa għall-investiment, ġestjoni tar-riskju, limiti ta’ espożizzjoni, u proċeduri ta’ skrutinju u sorveljanza, li kollha jridu jiġu stabbiliti b’mod demokratikament responsabbli;

Eurobonds u bonds ta’ proġetti Ewropej

32. Jinnota li qed ikun hemm dejjem iżjed riferenza għall-Eurobonds bħala strument ta’ ġestjoni tad-dejn; jinnota l-proposti u l-inizjattivi riċenti kollha b'dak l-effett; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jipprovdu reazzjoni immedjata għas-sejħa li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar mekkaniżmu ta' kriżi permanenti (P7_TA-PROV(2010)0491) sabiex jingħata s-sinjal politiku neċessarju biex il-Kummissjoni tinvestiga sistema futura ta' Eurobonds, bl-għan li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li bihom tali sistema tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri parteċipanti kollha u għaż-żona tal-euro b'mod ġenerali;

33. Jappoġġa l-idea li jinħarġu bonds ta’ proġetti Ewropej komuni sabiex jiffinanzjaw il-bżonnijiet infrastrutturali Ewropej li huma sinifikanti u proġetti strutturali fil-qafas tal-aġenda UE 2020, l-istrateġija l-ġodda antiċipati tal-UE, bħalma hi l-Istrateġija l-ġdida dwar l-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Enerġija, u proġetti oħrajn fuq skala kbira; jemmen li l-bonds ta’ proġetti tal-UE jistgħu jassiguraw l-investiment meħtieġ u joħolqu fiduċja suffiċjenti biex ikunu jistgħu jsiru proġetti ta’ investiment kbir sabiex jiġbdu l-appoġġ meħtieġ u għalhekk isiru mekkaniżmu importanti għall-istimulu massimu tal-appoġġ pubbliku; ifakkar li, biex l-Ewropa titpoġġa fuq bażi sostenibbli, dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu wkoll għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħna, billi jwittu t-triq għall-ekonomija mingħajr karbonju;

34. Jenfasizza li għandu jsir użu ikbar tal-baġit tal-UE biex jiġi stimulat l-investiment; jenfasizza li n-norma għal proġetti b’potenzjal kummerċjali fit-tul għandha tkun dik li l-fondi tal-UE jintużaw bi sħubija mas-settur bankarju privat, partikolarment permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għall-Iżvilupp u r-Rekostruzzjoni (BERŻ);

35. Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jinvestigaw l-implikazzjonijiet tal-periklu morali għall-Istati Membri tal-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura kruċjali permezz ta’ bonds ta’ proġetti tal-UE jew Eurobonds, speċjalment meta tali proġetti ta’ infrastruttura jkollhom skop transnazzjonali;

Taxxa fuq il-karbonju

36. Jenfasizza li l-mudell attwali ta’ tassazzjoni għandu jħaddan bis-sħiħ il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas bl-użu ta’ għodod ta’ finanzjament innovattiv sabiex il-piż tat-taxxi jgħaddi gradwalment għal fuq attivitajiet li jniġġsu l-ambjent, joħolqu emissjonijiet konsiderevoli ta' gassijiet b'effett serra jew jużaw volumi konsiderevoli ta' riżorżi;

37. Jappoġġa għalhekk, tisħiħ tal-Iskema tal-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (ETS), u reviżjoni komprensiva tad-direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija sabiex l-emissjonijiet tad-CO2 u l-kontenut tal-enerġija jkunu kriterji bażiċi għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija;

38. Jenfasizza li ż-żewġ għodod għandhom benefiċċju doppju qawwi, billi jipprovdu inċentivi maġġuri sabiex min-naħa neqilbu għal sorsi tal-enerġija mingħajr karbonju, sostenibbli u rinnovabbli u min-naħa l-oħra jkun hemm dħul addizzjonali sinifikanti; ifakkar, madankollu, li l-mottiv ewlieni għall-introduzzjoni tat-taxxa tal-karbonju hu biex jinbidlu l-imġiba u l-istrutturi tal-produzzjoni, ladarba d-dħul mistenni se jonqos meta x-xejriet ta’ produzzjoni jgħaddu għal sorsi ta’ enerġija sostenibbli u rinnovabbli;

39. Jemmen li t-taxxa tal-karbonju u r-reviżjoni tad-direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija għandhom jistabbilixxu rekwiżiti minimi mandatorji għall-Istati Membri kollha, u jħalluha fil-kompitenza ta’ kull Stat Membru biex jimxi ’l quddiem jekk dan jiddeċiedi li jkun xieraq;

40. Jenfasizza li għandhom jiġu stipulati perjodi ta’ tranżizzjoni adegwati sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-karbonju u biex jiġi evitat li jintefax piż li ma jinfelaħx fuq konsumaturi bi dħul baxx; barra minn hekk, jikkunsidra li jkun utli li jkun hemm provvediment għal miżuri speċifiċi mmirati favur familji bi dħul baxx u jissaħħaħ l-investiment fl-infrastruttura tas-settur pubbliku u fl-effiċjenza tal-enerġija fid-djar;

41. Iqis, madankollu, li għandu jiġi esplorat b'mod sħiħ l-ambitu ta' ftehim globali fil-livell tal-G20 jew fi ħdan id-WTO qabel ma tiġi imposta tali taxxa fuq importazzjonijiet minn barra lejn l-UE sabiex jiġi żgurat li din l-għodda ta’ aġġustament ta’ tassazzjoni konfinali ma tirriżultax fi skarsezza ta' materja prima, fuq naħa waħda, u miżuri ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi kontra l-esportazzjonijiet tal-UE, fuq in-naħa l-oħra;

42. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirriċerka l-fattibilità ta’ taxxa miżjuda tal-karbonju Ewropea simili għall-VAT, imposta fuq kull prodott fis-suq intern, li taf tkun għodda b'inqas tgħawwiġ u iktar ġusta; jitlob lill-UE tqajjem il-kwistjoni ta' taxxa tal-karbonju globali sabiex teskludi l-iżvantaġġi kompetittivi għas-suq intern u ssaħħaħ il-ġlieda biex tiġi stabbilita produzzjoni tal-enerġija bla karbonju, sostenibbli u rinnovabbli;

43. Jiġbed l-attenzjoni, fid-dawl tat-talba dejjem akbar għall-enerġija fil-pajjiżi emerġenti, għall-ħtieġa imperattiva tal-UE li tagħmel investimenti adegwati fl-oqsma ta' provvista tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija li jsaħħu l-infrastruttura tal-enerġija tagħha u jnaqqsu kemm jista' jkun id-dipendenza fuq il-fluttwazzjonijiet tas-suq li jista' jkollhom konsegwenzi negattivi għall-ekonomija tal-UE u għall-miri UE 2020;

44. Jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw li jallokaw xi dħul mit-tassazzjoni tat-tibdil fil-klima biex jiffinanzjaw miżuri tal-iżvilupp u r-riċerka li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-emissjoinijiet tal-karbonju u jiġġieldu t-tisħin globali, jistimulaw l-effiċjenza tal-enerġija, jittrattaw il-faqar tal-enerġija u jtejbu l-infrastruttura tal-enerġija fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar, f'dan il-kuntest, li skont id-Direttiva dwar l-ETS tal-anqas 50% tad-dħul mill-irkanti tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fl-ETS tal-UE għandu jkun riservat għal miżuri li jikkumbattu t-tibdil fil-klima, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

45. Jinnota li l-istrumenti finanzjarji rotanti għal miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija jirrappreżentaw mod inovattiv ta' finanzjament ta' proġetti favur l-ambjent; jilqa' l-introduzzjoni ta' faċilità finanzjarja speċifika li tista' wkoll tħajjar investituri privati (fil-qafas ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (PPPs)), li tuża fondi mhux impenjati mir-Regolament dwar Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) biex jiġu appoġġati inizjattivi ta' effiċjenza tal-enerġija u enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-effikaċja ta' dan l-istrument u tanalizza l-potenzjal għall-applikazzjoni ta' approċċ simili, inklużi inizjattivi dwar l-enerġija, l-effiċjenza tal-enerġija u l-materja prima, għal fondi li fil-ġejjieni ma jkunux intefqu fil-baġit tal-UE;

46. Jinnota l-importanza tal-effiċjenza tal-enerġija u jħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effikaċi tal-Fondi Strutturali biex iżidu l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet, b'mod partikolari fid-djar; jitlob li jkun hemm użu effikaċi tal-finanzjament mill-BEI u minn korpi oħra ta' finanzjament pubbliku, kif ukoll koordinament bejn il-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u forom oħra ta' għajnuna li jistgħu jistimulaw l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija bl-għan li jintlaħqu objettivi tal-UE;

47. Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-possibbiltà li japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi li joffru titjib tad-djar u aktar effiċjenza tal-enerġija;

48. Jikkunsidra wkoll li l-użu ekonomiku tar-riżorsi kif ukoll l-innovazzjoni fit-teknoloġiji l-ħodor huma ta' importanza maġġuri f'termini ta' kompetittività;

49. Jenfasizza l-ħtieġa, hekk kif tiġi żviluppata u eventwalment introdotta tassazzjoni ġdida u innovattiva, ta' evalwazzjoni ġenerali, transkonfinali u transsettorjali ta’ tipi differenti ta’ finanzjament eżistenti u ppjanat, tassazzjoni u sussidji għall-attivitajiet ambjentali u klimatiċi, li tista' tissejjaħ id-'de Larosière tal-finanzjament ambjentali', sabiex jiġu mmirati dawn l-għodod ġodda b'mod iktar effikaċi u tiġi eliminata l-possibilità ta' politiki doppji u/jew konfliġġenti;

50. Jirrikonoxxi li taxxa tal-karbonju tkun strument biex jitnaqqsu l-emissjonijiet aktar milli sors ta’ dħul fuq perjodu ta’ żmien twil, minħabba li dan is-sors eventwalment jispiċċa jekk dak l-istrument ikun effettiv;

Finanzjament għall-iżvilupp

51. Jitlob affermazzjoni mill-ġdid min-naħa tal-Istati Membri rigwar l-impenn tagħhom li jallokaw 0.7% tad-dħul nazzjonali gross tagħhom għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA); jiddeplora l-fatt li li filwaqt l-Istati Membri tal-UE kollha aċċettaw din il-mira ta’ 0.7% tal-GNI għall-infiq, l-Isvezja, il-Lussemburgu, id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi biss laħqu jew qabżu din il-mira fl-2008;

52. Ifakkar li, minkejja l-kriżi globali, l-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha, inklużi l-Istati Membri tagħha, tibqa’ d-donatur ewlieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp, billi tikkontribwixxi 56% tat-total dinji, li ammonta għal 49 biljun euro fl-2009, ammont li huwa kkonfermat mill-wegħda kollettiva tal-gvernijiet tal-UE li jallokaw 0.56% u 0.70% tad-Dħul Nazzjonali Gross għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp sal-2010 u l-2015 rispettivament;

53. Jenfasizza l-importanza enormi tal-ġestjoni finanzjarja soda rigward l-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja kollha tal-UE, b'mod partikolari minħabba li l-istituzzjonijiet Ewropej involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna jridu jkunu kontabbli bis-sħiħ għaċ-ċittadini u l-kontributuri tat-taxxa Ewropej;

54. Jenfasizza li l-finanzjament innovattiv għall-iżvilupp jista’ jikkomplementa l-mekkaniżmi ta’ għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp u b'hekk jgħinhom jiksbu l-għanijiet tagħhom fil-ħin; ifakkar li l-istrumenti ta’ finanzjament innovattiv għandhom ikunu addizzjonali għall-mira tan-NU ta’ 0,7% tal-PDG iddedikat għall-korporazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li l-finanzjament innovattiv għall-iżvilupp għandu jkun ikkaratterizzat mid-diversità tal-finanzjament sabiex jintlaħaq potenzjal massimu ta’ dħul, iżda għandu jkun imfassal ukoll bis-sħiħ għall-prijoritajiet ta’ kull pajjiż, bi sjieda qawwija tal-pajjiż; jenfasizza , fl-istess ħin, il-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-isforzi tagħhom stess fil-qasam tat-tassazzjoni, prinċipalment fir-rigward tal-ġbir tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, li huma kruċjali biex tinkiseb politika fiskali soda;

55. Jenfasizza li t-twassil effettiv u ta’ kwalità għolja tal-għajnuna għall-iżvilupp jeħtieġ sforz partikolari firrigward tal-koordinazzjoni tad-donatur u l-arranġamenti ta' governanza; jemmen li l-indirizzar tal-problema ta’ frammentazzjoni fil-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp, li tikkawża ineffiċjenzi b'konsegwenzi kemm finanzjarji kif ukoll politiċi, jista’ jġib qligħ permezz tal-effiċjenza stmat li jlaħħaq 6 biljun euro fis-sena għall-Istati Membri u jiffaċilita x-xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi sħab;

56. Ifakkar li se jkunu meħtieġa USD 300 biljun biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015; jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja d-dikjarazzjoni riċenti tagħhom fis-Samit ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju f'Settembru 2010, maġġoranza tan-nazzjonijiet żviluppati għandhom ma onorawx l-impenn tagħhom għall-2005 li jżidu l-għajnuna għall-iżvilupp u jinnota li jrid isir sforz wisq aktar koordinat; jenfasizza li mhux aċċettabbli li l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv jafu jitqiesu li qed jinkoraġġixxu lil ċerti pajjiżi jirrifjutaw l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; jenfasizza li l-impenji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv iridu jiġu mifhuma bħala essenzjali u komplementari fil-ġlieda kontra l-faqar;

57. Jenfasizza li s-superviżjoni pubblika u t-trasparenza ta' sistemi ta' finanzjament innovattiv huma sine qua non għall-introduzzjoni tagħhom, u jirriflettu l-lezzjonijiet tal-kriżi finanzjarja u dik tal-ikel li seħħew dan l-aħħar;

58. Jenfasizza l-bżonn urġenti li titjieb il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam tal-miżuri ta' ħolqien tal-ġid fis-swieq lokali u li l-promozzjoni ta' finanzjament innovattiv għall-iżvilupp m'għandhiex tiffoka biss fuq iż-żieda tat-taxxi imma għandha tesplora wkoll modi oħra, bħalma hu t-tkattir tad-dħul domestiku, li jista' jinkiseb l-aħjar permezz tar-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà, bil-kartografija tal-artijiet, u bit-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

59. Ifakkar li l-mard pandemiku maġġuri - l-AIDS, it-tuberkulosi u l-malarja - li jolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari l-Afrika sub-Saħarjana, jikkostitwixxi sfida mill-akbar għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; ifakkar f’dan il-kuntest li kontribuzzjoni ta’ solidarjetà imposta fuq il-biljetti tal-ajru hija għodda finanzjarja importanti għall-indirizzar tal-problemi tas-saħħa u waħda li teħtieġ tkompli tiġi żviluppata aktar; jistieden, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni tkompli teżamina aktar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet globali tas-saħħa, u tiffaċilita l-aċċess għall-mediċini fil-pajjiżi l-fqar;

60. Jinnota li t-tibdil fil-klima se jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod partikolari, u huwa tal-fehma li l-finanzjament ta' miżuri biex itaffu l-impatt tat-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-faqar tal-enerġija jkompli jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

61. Jilqa’ l-fatt li d-Dikjarazzjoni Finali tas-Samit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, adottata fit-22 ta’ Settembru 2010, għall-ewwel darba tirreferi speċifikament għar-rwol tal-finanzjament innovattiv fl-ilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

62. Jenfasizza s-suċċess li kellhom s’issa l-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattiv, partikolarment il-faċilità internazzjonali UNITAID għax-xiri ta’ sostanzi mediċinali, il-Faċilità Internazzjonali ta’ Finanzjament għall-Immunizzazzjoni (IFFIm) u l-impenn antiċipat tas-suq (AMC) għat-tilqim kontra l-marda tal-pnewmokokkus, li sal-ġurnata tal-lum tellgħu ’l fuq minn USD 2 biljun; jinnota li hemm mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament innovattiv li taw prova tal-effettività tagħhom, pereżempju t-tpartit tad-dejn għan-natura (debt-for-nature swap) jew it-tpartit tad-dejn għas-saħħa (debt-for-health swap) jew it-taxxi tal-karburant tal-bastimenti;

63. Ifakkar fl-appoġġ sod mogħti minn għadd ta’ Kapijiet ta’ Stat jew ta' Gvern Ewropej għall-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji waqt is-Samit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju f’Settembru 2010 u jistenna azzjoni deċiżiva mingħandhom b’appoġġ għal dan l-impenn;

64. Jistieden lill-Istati Membri li għadhom mhumiex parti mill-grupp pilota dwar il-finanzjament innovattiv li ġie stabbilit fl-2006 jingħaqdu ma’ dan il-grupp u jipparteċipaw fil-mekkaniżmi eżistenti kollha, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru;

65. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament tal-iżvilupp fil-livell tal-UE;

66. Jistieden lill-gvernijiet tal-UE u lill-istituzzjonijiet jeżaminaw mill-qrib il-possibilità li tinħoloq lotterija mad-dinja kollha li tkun maħsuba biex tiffinanzja miżuri biex jiġi miġġieled il-ġuħ, kif propost mill-Programm Dinji tal-Ikel, fuq il-linji tal-Proġett tal-Ikel;

67. Hu tal-fehma li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mhux se jirnexxielha teqred il-faqar jekk il-G20, l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jiħdux pożizzjoni determinata biex jopponu l-amministrazzjonijiet korrotti fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jitgħolla l-livell tal-assistenza tal-UE fil-qasam tat-tisħiħ tal-awtoritajiet tat-taxxa, il-ġudikatura u l-aġenziji ta’ kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jikkumbattu t-tixħim imwettaq mill-kumpaniji domiċiljati fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, imma li għandhom operazzjonijiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

68. Ifakkar li madwar EUR 800 biljun, jiġifieri 10 darbiet l-ammont tal-għajnuna uffiċċjali għall-iżvilupp, jintilfu kull sena mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' prattiki illegali bħalma huma l-flussi ta’ kapital illegali u l-evażjoni fiskali, li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tagħhom jisgħu jkunu deċiżivi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex ipoġġu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, il-korruzzjoni u l-istrutturi fiskali dannużi fil-quċċata tal-aġenda tagħhom fil-fora internazzjonali kollha sabiex jagħmluha possibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu dħul domestiku;

69. Ifakkar fir-responsabilità kollettiva li għandu l-G20 li jtaffi l-impatt tal-kriżi minn fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ntlaqtu ħażin ħafna mill-effetti indiretti tal-kriżi;

70. Iħeġġeġ li, sabiex tinkiseb trasparenza fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, għandha tiġi promossa r-responsabilizzazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi nazzjonali ta' kontroll u l-iskrutinju parlamentari tal-għajnuna; jistieden lill-UE u lill-G20 jsegwu l-aġenda tagħhom li jieħdu azzjoni ħarxa kontra r-rifuġji fiskali u kontra s-segretezza fiskali, filwaqt li jippromwovu rappurtar pajjiż b'pajjiż;

71. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jippromwovu u jaħdmu favur l-implimentazzjoni ta' strumenti ta' finanzjament innovattiv għall-iżvilupp bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxi fuq it-trasport, miżuri kontra l-flussi ta’ kapital illegali u t-tnaqqis jew it-taffija tal-ispejjeż tar-rimessi;

72. Jinnota li l-kriżi ekonomika u finanzjarja se titfa’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw fi kriżi ġdida ta’ dejn, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-isforzi tagħhom sabiex itaffu l-piż tad-djun minn fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

73. Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-inqas mgħammra biex jiffaċċaw it-tibdil fil-klima, u, b’mod ġenerali, x’aktarx li jkunu l-vittmi prinċipali ta’ dan il-fenomenu; jitlob l-implimentazzjoni tal-wegħda finanzjarja tal-UE skont il-Qbil ta' Kopenħagen u fil-kuntest tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima; iħeġġeġ lill-UE tassumi rwol ċentrali fl-inizjattivi konġunti mill-pajjiżi industrijalizzati billi tagħti kontribut akbar u aktar speċifiku lill-appoġġ għall-iżvilupp fit-tielet dinja, li lejha għandhom responsabilità storika;

74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumitat għall-Isfidi tal-Politika tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, lill-BEI, lill-BĊE, lill-FMI, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0056.

(2)

Testi adottati, P7_TA (2010)0376

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0336.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2010)0334.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2010)0337.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2010)0339.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2010)0335.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-qafas ġenerali li fi ħdanu qed isir id-dibattitu dwar finanzjament innovativ

Il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja tal-2007-2009 kixfet id-dgħjufijiet severi tal-qafas regolatorju u superviżorju tas-sistema finanzjajrja globali. Tranżazzjonijiet finanzjarji llum huma karatterizzati b'żieda enormi fil-volum u b'diskrepanza notevoli bejn il-volum tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-bżonnijiet sottostanti fid-"dinja reali". Barra minn hekk, mudelli ta' kummerċ ġodda bħalma huma investiment għal terminu qasir ta' żmien u kummerċ bi frekwenza kbira assumew rwol ċentrali fit-tendenzi finanzjarji globali u wasslu għal volatilità u teħid ta' riskju eċċesiv.

Jidher ċar li s-settur finanzjarju biddel sewwa r-rwol tiegħu ta' finanzjament tal-bżonnijiet tal-ekonomija reali għar-rwol ta' kisba ta' profitti f'terminu qasir ta' żmien permezz ta' operazzjonijiet li jistgħu jaffettaw severament il-prezzijiet tas-suq.

Fl-UE il-kriżi finanzjarj kienet segwita fl-2009-2010 minn kriżi fiskali li fattur importanti tagħha kienu l-pressjonijiet eċċessivi, u f'bosta każi mhux ġustifkati, tas-swieq kontra bonds nazzjonali. Darba kienu aktar it-tranżazzjonijiet għal terminu qasira ta' żmien u spekulattivi ħafna li kienu fil-qalba ta' dik il-kriżi u enfasizzaw ir-rabta ċara bejn regolamentazzjoni finanzjarja ineffiċjenti u s-susperviżjoni u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi.

Il-problemi kkawżati minn din l-imġiba tas-swieq kellhom impatt sħiħ fuq finanzi u ċittadini madwar id-dinja, meta ntefqu triljuni ta' dollari meta faqqgħet il-kriżi sabiex isiru salvataġġi tal-atturi prinċipali tas-settur finanzjarju li kienu "kbar wisq biex jitħallew ifallu".

Il-ispejjeż ekonomiċi tal-kriżi għad iridu jiġu evalwati bis-sħiħ billi minbarra l-ispejjeż tas-salvataġġi, il-kriżi wasslet għal tnaqqis importanti fil-pass tal-ekonomija globali u kkawżat defiċits ta' gvernijiet tal-livelli mingħajr preċedenti (skont dejta tal-OECD għall-2010 id-daqs stmat tal-konsolidazzjoni fiskali huwa pproġġettat li jkun ta' bejn 300-370 biljun dollaru għas-snin li ġejjin).

Madankollu, dak li hu ċar sa issa hu li d-dinja u l-UE ma jistgħux jaffordjaw u ma'għandhomx jippermettu li jkun hemm kriżi oħra ta' daqs enormi simili. L-ewwel reazzjonijiet fil-livell globali (fis-samits tal-G20 li kien hemm wara li faqqgħet il-kriżi) iżda wkoll fil-livell tal-UE, kienu li jitkomplew bidliet regolatorji u superviżorji konkreti li jkunu jistgħu ifasslu ambjent finanzjarju aktar sikur u ma jħallux li jkun hemm kriżi simili fil-futur.

Iżda dan mhuwiex biżżejjed: illum min iħallas it-taxxi qed jassumni l-piż prinċipali tal-kriżi mhux biss permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti, iżda wkoll minħabba l-qgħad li qed jiżdied, it-tnaqqis fid-dħul, anqas aċċess għas-servizzi soċjali u inugwaljanzi akbar.

Sabiex ikun hemm tweġibiet komprensivi u integrati għall-kriżi għandna bżonn għodod ġodda li jkunu jistgħu:

§ Irażżnu l-ispekulazzjoni u jerġgħu idaħħlu r-rwol prinċipali tas-settur finanzjarju sabiex ikopri l-bżonnijiet reali tal-ekonomija u jappoġġa l-investimenti għal terminu twil ta' żmien;

§ Jiggarantixxu distribuzzjoni ekwa tal-piż speċjalment bejn l-atturi finanzjarji kruċjali;

§ Joħolqu riżorsi addizzjonali sabiex jiffaċċaw l-isfidi kruċjali globali u Ewropej bħalma huma l-bidla fil-klima u l-għanijiet għall-iżvilupp u sabiex jinkiseb tkabbir akbar għal terminu twil ta' żmien fil-qafas tal-istrateġija EU 2020.

L-għażla ta' finanzjament innovattiv - "Il-Benefiċċju Doppju"

Sabiex nittattaw dawk it-tliet miriet għandna bżonn għodda li jistgħu jassumu rwoli multipli.

Għodod tradizzjonali ta' tassazzjoni, iffukati biss għall-ġbir ta' dħul, mhumiex suffiċjenti. Barra minn hekk, qtugħ fin-nefqiet pubbliċi u aktar żidiet fir-rati ta' tassazzjoni eżistenti ma jistgħux ikunu tweġiba sostenibbli meta titqies id-domanda attwali sabiex tingħata spinta għat-tkabbir globali u Ewropew. Aktar minn approċċ singolu ta' strateġija ta' awsterità, jeħtieġ li nagħżlu stimulu u f'dan is-sens id-diskussjoni dwar għodod ta' finanzjament innovattiv għandha ssir il-prijorità kruċjali tagħna.

Għodod ta' finanzjament innovattiv jistgħu jindirizzaw l-isfidi ta' llum għaliex fl-istess ħin jistgħu jassumu rwol regolatorju (pereżempju billi jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-istabilità tas-suq) u rwol biex jinġabar dħul (billi jiġġeneraw riżorsi ġodda u importanti għall-baġits tal-UE u l-baġits nazzjonali).

L-allokazzjoni ta' dħul addizzjonali

Dawk li jagħmlu l-politiki nazzjonali u tal-UE qed jiffukaw l-interess tagħhom fuq il-potenzjal ta' dħul li jirriżulta minn dawk l-għodod ġodda ta' finanzjament. Madankollu, ma rridux ninsew li biss wara li jintlaħaq ftehim dwar l-implimentazzjoni ta' għodda innovattiva nistgħu tabilħaqq niddiskutu b'mod konkret dwar id-dħul ġdid.

Hemm argumenti u għażliet differenti li jridu jsiru rigward il-ġestjoni ta' dak id-dħul. Madankollu, bħala prinċipju għandna naqblu li sabiex dawk l-għodod ta' finanzjament innovattiv ikollhom il-valur miżjud li għandna bżonn li jkollhom, parti sostanzjali ta' dak id-dħul għandu jkun allokat f'baġit tal-UE sabiex jiffinanzja proġetti u politiki tal-UE.

Wieħed ma jridx jinsa li l-punt kritiku llum huwa li jintlaħaq ftehim u jiġu implimentati għodod ta' finanzjament innovattiv; l-allokazzjoni tad-dħul għandu jiġi wara.

It-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju

Kontra dak li japplika għal kwalunkwe industrija oħra li tipprovdi prodotti u servizzi għall-utent aħħari, is-settur finanzjarju fil-biċċa kbira tiegħu m'huwiex intaxxat. Fl-UE hemm approċċ ta' eżenzjoni ta' VAT bażika għall-attivitajiet finanzjarji bażiċi kollha. Sadanittant, l-attivitajiet finanzjarji kollha jlaħħqu mat-73.5% tal-PGD globali u għalhekk l-eżenzjoni tagħhom hija distorsjoni maġġuri tas-suq.

L-idea ta' tassazzjoni fuq tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) - diġà ssuġġerita sa mis-snin 1930 - tirrapreżenta vantaġġ importanti, speċjalment illum fiż-żmien ta' wara l-kriżi. Bl-impożizzjoni ta' TTF nistgħu inrażżnu l-ispekulazzjoni u nistabilizzaw is-swieq, nistgħu noħolqu inċentivi għal investimenti għal perjodu fit-tul ta' żmien, nistgħu noħolqu segwitu ta' verifika fuq kull tranżazzjoni u b'hekk insaħħu t-trasparenza, u nistgħu inġiegħlu lill-atturi finanzjarji jassumu s-sehem ekwu tagħhom għall-ispiża tal-kriżi. Barra minn hekk, billi l-potenzjal tad-dħul ta' TTF ta' 0.005% huwa kważi ta' 200 biljun Ewro fl-UE u ta' 650 biljun Ewro fil-livell globali, dan jista' jikkontribwixxi deċiżivament għall-bżonn ta' riżorsi godda u sostenibbli.

Il-kriżi globali kixfet l-bżonn għal tweġibiet globali u għalhekk l-introduzzjoni ta' skala globali ta' TTF hija naturalment l-aħjar mod biex nimxu 'l quddiem. Barra minn hekk, u minkejja l-fehmiet progressisti tas-samits tal-G20 eżattament wara l-kriżi, jidher li llum erġajna lura għal "business as usual". Jekk inħallu l-momentum jibqa' għaddej u nagħżlu li ma naġixxux, ma nkunux nistgħu nieħdu t-tagħlimiet tajbin mill-kriżi u nistgħu inlestu l-ekonomiji tagħna għal daqqa oħra fis-snin li ġejjin.

L-UE llum hija l-akbar suq finanzjarju fid-dinja u bħala tali huwa fl-interess tagħha stess li ma "tinħebiex" wara r-relluttanza tal-imsieħba internazzjonali tagħha u li tmexxi u turi t-triq hi, kemm fil-livell globali, kif ukoll fil-livell Ewropew.

L-evalwazzjoni tant mistennija tal-Kummissjoni tal-impatt dwar il-fattibilità ta' TTF - li diġà ntalbet mill-PE sa minn Marzu 2010 iżda li kienet nieqsa fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' April u Ottubru 2010 - għandha titressaq kemm jista' jkun malajr. Din għandha tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn proposti leġiżlattivi għall-introduzzjoni ta' TTF tal-UE. Fl-istess ħin din tipprovdi mandat ċar għall-UE sabiex tagħmel pressjoni fil-livell ta' G20.

Dwar l-argument rigward ir-riskji possibli għall-kompetittività li jkunu kkawżati b'introduzzjoni unilaterali ta' TFF tal-UE, l-eżempji reċenti tat-taxxi tal-bolli tar-RU jew tat-TFF ta' Ħong Kong juru li TFF li tkun imfassla tajjeb tista' tittratta dan ir-riskju b'mod effiċjenti u tevita nuqqasijiet tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk l-investituri mhumiex se jkunu tant lesti jagħżlu ġurisdizzjonijiet anqas magħrufa jew aktar dubjużi jekk l-ispiża ta' tranżazzjoni tkun baxxa. L-atturi prinċipali li jkollhom it-tentazzjoni li "jemigraw" ikunu kummerċjanti ta' tranżazzjonijiet fuq termini qasir estrem (li jassumu l-piż prinċipali), iżda wkoll jekk partijiet ta' tranżazzjonijiet għal terminu qasir joħorġu mill-UE, dan jista' jkun valur miżjud għall-ekonomija Ewropea.

L-elementi prinċipali ta' TTF għandhom ikunu:

§ Rata baxxa ta' bejn 0.01% u 0.05% sabiex ma jkunx hemm riskju importanti ta' nuqqasijiet tat-tranżazzjonijiet;

§ Bażi wiesgħa għat-taxxa li tinkludi kull tip ta' tranżazzjoni sabiex ikun jista' jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd u jiġu evitati flussi lejn partijiet anqas regolati tas-settur finanzjarju;

§ Eżenzjonijiet u limiti massimi definiti b'mod ċar, hekk li tingħata kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet ta' investituri żgħar u tal-imnut;

Flimkien mat-TTF, id-dibattittu attwali dwar tassazzjoni tas-settur finanzjarju jinkludi żewġ strumenti oħra: imposti fuq il-banek u Taxxa fuq Attivitajiet Finanzjarji (TAF).

It-tnejn li huma jidher li għandhom l-appoġġ tal-IMF u l-Kummissjoni. Mandankollu, apparti l-fatt li l-potenzjal ta' dħul tat-tnejn li huma huwa aktar baxx minn dak ta' TTF, il-karatteristika prinċipali fiż-żewġ każijiet huwa n-nuqqas ta' "valur regolatorju". La l-imposti fuq il-banek u lanqas it-TAF ma jistgħu jikkontribwixxu direttament biex irażżnu l-ispekulazzjoni u jsaħħu l-istabilità u l-effiċjenza tas-suq. Imposti fuq il-banek huma bbażati fuq pożizzjonijiet fuq il-karta tal-bilanċ li jħallu barra tranżazzjonijiet f'sistemi ta' banek paralleli u li huma dawk li jirrapreżentaw l-akbar riskju ta' leverage. TAF tikkostitwixxi tassazzjoni fuq profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet finanzjarji imma irrispettivament mill-"kwalità" tat-tranżazzjoni fiha nnifisha.

Għalhekk, ma tista' bl-ebda mod tikkostitwixxi alternattiva għal TTF. Kull wieħed minnhom jista' pero' jassumi rwol supplimentari:

Imposti fuq il-banek jaġixxu bħala għodda sabiex tiffinanzja fondi għar-risoluzzjoni ta' kriżijiet nazzjonali fis-settur bankarju hekk li jiżguraw li fil-każ li jkun hemm kriżi oħra l-ispejjeż tagħha jiġġarbu mis-settur innifsu.

It-TAF bħala għodda addizzjonali fil-każ li wara l-introduzzjoni ta' TTF ir-renti tas-settur finanzjarji jkomplu jkunu eċċessivament għoljin u l-prinċipju ta' ekwità ta' tassazzjoni jkunu jimplikaw taxxa addizzjonali.

L-Eurobonds

L-idea ta' strument finanzjarju Ewropew li jkun jippermetti ġestjoni komuni ta' djun permezz ta' tlaqqigħ konġunt ta' partijiet tad-dejn sovran ilu jiġi diskuss għal żmien twil. Madankollu, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u fiskali reċenti, il-bżonn tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika u l-implimentazzjoni ta' għodod u mekkaniżmi permanenti sar aktar ċar minn qabel.

F'dan is-sens illum huwa aktar xieraq minn qatt qabel li ssir evalazzjoni fil-fond tal-impatt li tanalizza bis-sħiħ il-potenzjali differenti vis à vis Eurobonds.

Fl-istess ħin, saret konnessjoni tal-idea ta' Eurobonds mal-iffinanzjar ta' proġetti u infrastrutturi kruċjali fil-livell Ewropew. Dan huw potenzjal addizzjonali li nistgħu nilqgħu tajjeb u nitolbu li jkun inkluż fl-istudju ta' fattibilità msemmi qabel.

Billi l-Eurobonds issa qed jassumu rwol divers jkun ukoll ta' valur miżjud li tiġi evalwata bis-sħiħ il-possibilità li tiġi stabbilita istituzzjoni permanenti tal-UE li fuqha taqa' r-responsabbilità li toħroġ u ġġestixxi l-Eurobonds.

It-Tasazzjoni tas-settur tal-enerġija

Setturi bħas-settur tax-xogħol attwalment qed jassumu l-piż prinċipali tat-taxxi u setturi b'esternalitajiet importanti u negattivi bil-kontra mhumiex jassumu s-sehem ekwu tagħhom. Minbarra s-settur finanzjarju, is-settur ta' attivitajiet li jniġġsu l-ambjent jaqa' f'dik il-kategorija. Jeħtieġ li napplikaw il-prinċipju li min iniġġes iħallas sabiex il-piż tat-taxxi jgħaddi minn fuq spallejn il-ħaddiema għal fuq attivitajiet li jniġġsu.

Attwalment l-EU ETS tkopri biss partijiet speċifiċi tal-ekomomija Ewropea u prinċipalment is-setturi industrijali. Fl-istess ħin, id-Direttiva dwar Tassazzjoni tal-Enerġija ma tagħmilx differenza bejn servizzi b'kontenut għoli jew baxx ta' CO2 u lanqas ma tuża l-kriterju ta' kontenut ta' enerġija jew effiċjenza ta' energija. Dan l-approċċ newtrali jikkostitwixxi żvantaġġ dwar fjuwils li huma effiċjenti rigward enerġija, attivitajiet u prodotti bla karbonju u huwa kompletament inkonsistenti mal-għanijiet prinċipali rigward klima tal-UE,

Xi Stati Membri diġà ttrattaw din l-inkonsistenza fil-livell nazzjonali bl-introduzzjoni ta' taxxa tal-karbonju. Għalkemm għandna nilqgħu inizjattivi bħal dawn, hemm bżonn ta' approċċ sostanzjali tal-UE għall-funzjonament tas-suq intern,

Jeħtieġ li nirrevedu d-Direttiva dwar Tassazzjoni tal-Enerġija sabiex tinkludi l-kriterji tal-emissjonijiet ta' CO2 u kontenut tal-enerġija. Barra minn hekk, sabiex inħarsu l-kompetittività tas-suq intern tal-UE, għandhom jitqiesu bis-sħiħ għażliet differenti dwar prodotti mhux tal-UE li jidħlu fis-suq intern u li ma jkunux konformi ma' dawn il-kriterji. In-negozjar ta' Aġġustament ta' Tassazzjoni Konfinali fi ħdan il-qafas tad-WTO tista' tkun waħda mill-għażliet. Iżda l-aktar soluzzjoni komprensiva tkun li jkun hemm Taxxa Addizzjonali tal-Karbonju komuni tal-UE fuq kull prodott fis-suq Ewropew.

Izda dak li jrid jiġi kkunsidrat bis-sħiħ huwa li ebda waħda minn dawn l-għażliet m'għandha tkun ta' ħsara għal konsumaturi vulnerabbli u lanqas ma twassal għal forom ġodda ta' faqar fl-enerġija. L-eżempju reċenti tar-rifjut tal-qorti kostituzzjonali Franċiża ta' proposta għal taxxa tal-karbonju fuq il-bażi li dinkienet tqiegħed piz kbir wisq fuq il-familji huwa sinjal ċar li kwalunkwe proposta għandha tkun bilanċjata sew u jkollha s-salvagwardja ta' perjodu ta' tranżizzjoni ġust.

It-Tassazzjoni għall-Iżvilupp

Politiki ta' għajnuna għall-iżvilupp bħalma huma l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju jistgħu jużaw l-għodod innovattivi msemmija hawnfuq bħala sorsi ta' ġbir ta' dħul. Fl-istess ħin, hemm il-possibilitajiet ta' għodod ta' finanzjament innovattiv speċjalizzati li marbutin biss mal-politiki għall-iżvilupp bħalma huma l-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu ta’ Finanzjament Globali għall-Bidla fil-Klima favur il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-ifqar u l-aktar vulnerablli, u l-imposti fuq biljetti tal-ajru. Fi kwalunkwe każ, dak li hu importanti hu li tiġi salvagwardata s-sjieda qawwija ta' pajjiż u allinjament sħiħ mal-prijoritajiet ta' kull pajjiż.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (9.12.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar finanzjament innovattiv f’livell dinji u Ewropew

(2010/2105 (INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Nirj Deva

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li se jkunu meħtieġa $300 biljun biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015; jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja d-dikjarazzjoni riċenti tagħhom fis-Samit ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju f'Settembru 2010, maġġoranza tan-nazzjonijiet żviluppati għandhom ma onorawx l-impenn tagħhom għall-2005 li jżidu l-għajnuna għall-iżvilupp u li jrid isir sforz wisq aktar koordinat; jenfasizza li mhux aċċettabbli li l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv x'aktarx jitqiesu li qed jinkoraġġixxu lil ċerti pajjiżi biex jirrifjutaw l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; jenfasizza li l-impenji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u l-mekkaniżmi tal-finanzjament innovattiv iridu jiġu mifhuma bħala essenzjali u kumplementari fil-ġlieda kontra l-faqar;

2.  Jenfasizza li s-superviżjoni pubblika u t-trasparenza ta' sistemi innovattivi tal-finanzjament huma kundizzjoni sine qua non għall-introduzzjoni tagħhom, li jinkorporaw il-lezzjonijiet tal-kriżijiet finanzjarji u tal-ikel li seħħew dan l-aħħar;

3.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li titjieb il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam tal-miżuri ta' ħolqien tal-ġid fis-swieq lokali u li l-promozzjoni tal-finanzjament innovattiv għall-iżvilupp m'għandux jinsab biss f'żieda tat-taxxi imma għandha tesplora wkoll modi oħra, bħalma hu t-tkattir tad-dħul domestiku, ħaġa li tista' tinkiseb l-aħjar permezz tar-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà, it-tfassil ta' mapep tal-artijiet, u t-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-investiment tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.  Ifakkar li l-mard pandemiku maġġuri - l-AIDS, it-tuberkulosi u l-malarja - li jolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari l-Afrika sub-Saħarjana, jikkostitwixxi sfida mill-akbar għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; ifakkar f’dan il-kuntest li kontribuzzjoni ta’ solidarjetà imposta fuq il-biljetti tal-ajru hija għodda finanzjarja importanti għall-indirizzar tal-problemi tas-saħħa u waħda li teħtieġ tkompli tiġi żviluppata aktar; jistieden, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni tkompli teżamina aktar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet globali tas-saħħa, u tiffaċilita l-aċċess għall-mediċina fil-pajjiżi l-fqar;

5.  Jinnota li l-objettiv fundamentali tal-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv, bħalma hija taxxa internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jew sehem mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-emissjonijiet tal-karbonju, huwa l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali, barra mill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp, sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi dinjija l-kbar fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-politika tal-iżvilupp, u b’hekk possibilment jgħinuna nilħqu l-Objettivi ta' Żvilupp tal-Millennju u nħabbtu wiċċna mat-tibdil fil-klima; jinnota li dawn il-mekkaniżmi jagħmluha possibbli li nistrieħu fuq riżorsi aktar stabbli li huma ajtar prevedibbli mill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u huma adattati partikolarment għas-servizzi mhux finanzjarji li huma essenzjali għall-iżvilupp bħas-saħħa u l-edukazzjoni;

6.  Jilqa’ b’soisfazzjon il-fatt li d-Dikjarazzjoni Finali tas-Samit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, adottata fit-22 ta’ Settembru 2010, għall-ewwel darba tirreferi speċifikament għar-rwol tal-finanzjament innovattiv bil-għan li jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

7.  Jenfasizza s-suċċess li kellhom s’issa l-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattiv, partikolarment il-faċilità internazzjonali UNITAID għax-xiri ta’ sostanzi mediċinali, il-Faċilità Internazzjonali ta’ Finanzjament għall-Immunizzazzjoni (IFFIm) u l-impenn antiċipat tas-suq (AMC) għat-tilqim kontra l-mard tal-pnewmokokkus, li sal-ġurnata tal-lum tellgħu ’l fuq minn USD 2 biljun; jinnota li hemm mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament innovattiv li taw prova tal-effettività tagħhom, pereżempju t-tpartit tad-dejn għan-natura (debt-for-nature swap) jew it-tpartit tad-dejn għas-saħħa (debt-for-health swap) jew it-taxxi tal-fjuwil tal-banker;

8.  Jinnota li għadd ta’ Stati Membri wrew ruħhom favur li ssir taxxa fuq is-servizzi finanzjarji;

9.  Ifakkar fl-appoġġ sod mogħti minn għadd ta’ Kapijiet ta’ Stat jew ta' Gvern Ewropej għall-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji waqt is-Samit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju f’Settembru 2010 u jistenna azzjoni deċiżiva mingħandhom b’appoġġ għal dan l-impenn;

10. Jistieden lill-Istati Membri li għadhom mhumiex parti mill-grupp pilota dwar il-finanzjament innovattiv li ġie stabbilit fl-2006 jingħaqdu ma’ dan il-grupp u jipparteċipaw fil-mekkaniżmi eżistenti kollha, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament tal-iżvilupp fil-livell tal-UE;

12. Jistieden lill-gvernijiet tal-UE u lill-istituzzjonijiet jeżaminaw mill-qrib il-possibilità li tinħoloq lotterija mad-dinja kollha li tkun maħsuba biex tiffinanzja miżuri biex jiġi miġġieled il-ġuħ, kif propost mill-Programm Dinji tal-Ikel, fis-sura tal-Proġett tal-Ikel;

13. Hu tal-fehma li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mhux se jirnexxilha teqred il-faqar jekk il-G20, l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jiħdux pożizzjoni determinata biex jopponu l-amministrazzjonijiet korrotti fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna; jisħaq, għalhekk,,fuq il-ħtieġa li jitgħolla l-livell tal-assistenza tal-UE fir-rigward tat-tisħiħ tal-awtoritajiet tat-taxxa, il-ġudikatura u l-aġenziji ta’ kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jikkumbattu t-tixħim kommess mill-kumpaniji domiċiljati fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom imma li għandhom operazzjonijiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

14. Iqis li madwar EUR 800 biljun, i.e. 10 darbiet daqs l-għajnuna uffiċċjali għall-iżvilupp, jintilfu kull sena mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mezzi illegali bħall-flussi ta’ kapital illeġittimi u l-evażjoni tat-taxxa, li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tagħhom jisgħu jkunu deċiżivi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex ipoġġu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, il-korruzzjoni u l-istrutturi fiskali dannużi fil-quċċata tal-aġenda tagħhom fil-fora internazzjonali kollha sabiex jagħmluha possibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu dħul domestiku;

15. Ifakkar fir-responsabilità kollettiva li għandu l-G20 li jtaffi l-impatt tal-kriżi minn fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ntlaqtu ħażin ħafna mill-effetti indiretti tal-kriżi; ifakkar, barra minn hekk, li għalkemm il-kriżi finanzjarja tal-2008 ġiet ikkawżata minn nuqqas ta’ regolazzjoni u minn eċċessi fis-settur finanzjarju, is-servizzi finanzjarji huma eżentati mill-VAT; jilqa’, konsegwentement, il-proposta tal-Kummissjoni li fil-programm ta’ ħidma tagħha tal-2011 tikkunsidra taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji (FAT) bħala reazzjoni għall-isfidi globali u Ewropej;

16. Iħeġġeġ li, sabiex tinkiseb it-trasparenza fl-għajnuna uffiċjali għall-iIżvilupp, tiġi promossa r-responsabilizzazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi nazzjonali ta' kontroll u tal-iskrutinju parlamentari tal-għajnuna; jistieden lill-UE u lill-G20 jsegwu l-aġenda tagħhom li jieħdu azzjoni ħarxa kontra r-rifuġji fiskali u kontra s-segretezza fiskali, filwaqt li jippromwovu rappurtar pajjiż b'pajjiż;

17. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jippromwovu u jaħdmu favur l-implimentazzjoni ta' strumenti ta' finanzjament innovattiv għall-iżvilupp bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxi fuq it-trasport, il-ġlieda kontra l-flussi ta’ kapital illegali u t-tnaqqis jew it-taffija tal-ispejjeż tar-rimessi;

18. Jinnota li l-kriżi ekonomika u finanzjarja se titfa’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw fi kriżi ġdida ta’ dejn, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-isforzi tagħhom sabiex itaffu l-piż tad-djun minn fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

19. Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-inqas mgħammra biex jiffaċċaw it-tibdil fil-klima, u, b’mod ġenerali, x’aktarx li jkunu l-vittmi prinċipali ta’ dan il-fenomenu; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-wegħda finanzjarja tal-UE skont il-Qbil ta' Kopenħagen u l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima; iħeġġeġ lill-UE tassumi rwol ċentrali fl-inizjattivi konġunti mill-pajjiżi industrijalizzati billi tagħti kontribut akbar u aktar speċifiku lill-appoġġ għall-iżvilupp fit-tielet dinja, li lejha għandhom responsabilità storika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxela, Martin Kastler, Judith Sargentini, Patrizia Toia


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (2.12.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-finanzjament innovattiv fil-livell globali u f'dak Ewropew

(2010/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marian-Jean Marinescu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li implimentazzjoni b'suċċess tal-miri fil-pakkett tal-enerġija u l-klima tirrikjedi impenn finanzjarju sostanzjali, b'mod partikolari investiment fl-innovazzjoni u r-riċerka, u modi ġodda ta' kif jiġi ssupplimentat il-finanzjament eżistenti għal inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-isfidi tal-provvista tal-materja prima; jenfasizza, għalhekk, il-valur miżjud tal-adozzjoni ta' strumenti finanzjarji ġodda li jaqdu għan doppju billi jsibu bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-ħolqien ta' riżorsi ġodda meħtieġa u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta' politiki bażiċi dwar il-funzjonament tas-swieq, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tibdil fil-klima; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Kummissjoni biex issib mezzi innovattivi għal-finanzjament u jinkoraġġixxi lil-Istati Membri jesploraw modi kif jistgħu jibdlu s-sistemi tat-tassazzjoni b'tali mod li jkunu bbażati fuq l-emissjonijiet tal-karbonju, minħabba li dan joħloq sew introjtu għall-awtoritajiet baġitarji kif ukoll inċentivi favur il-klima għall-konsumaturi u għall-industrija, u b'hekk inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju fl-ambjent; jenfasizza l-importanza tar-riprijotizzazzjoni tal-mezzi eżistenti u ta' qafas regolatorju adegwat li jinċentiva l-investiment privat;

2.   Jiġbed l-attenzjoni, fid-dawl tat-talba dejjem akbar għall-enerġija fil-pajjiżi emerġenti, għall-ħtieġa imperattiva tal-UE li tagħmel investimenti fil-provvista tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija li jsaħħu l-infrastruttura tal-enerġija tagħha u jnaqqsu kemm jista' jkun id-dipendenza fuq il-fluttwazzjonijiet tas-suq li jistgħu jkollhom konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija tal-UE u fuq l-ilħiq tal-miri UE 2020;

3.   Jinnota li t-tibdil fil-klima se jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod partikolari, u huwa tal-fehma li l-finanzjament ta' miżuri biex itaffu l-impatt tat-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-faqar tal-enerġija jkompli jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

4.  Jirrikonoxxi li f'xi Stati Membri diġà jeżistu forom ta' taxxi tal-karbonju u jwissi dwar ir-riskju li dan jirrappreżenta għall-kompetizzjoni fis-suq uniku; jemmen li jkun hemm benefiċjju akbar jekk l-introduzzjoni tat-tassazzjoni tal-karbonju ssir b'mod koordinat, abbażi ta' evalwazzjoni tal-aqwa prattiki tal-Istati membri kif ukoll valutazzjoni komprensiva tal-impatt; jitlob lill-Kummissjoni tirrakkomanda strumenti possibbli li jikkoordinaw it-tassazzjoni tal-karbonju għas-setturi li mhumiex fl-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (ETS) fil-livell tal-UE li jistgħu jkunu bbażati fuq rati minimi tal-UE; jitlob lill-Istati Membri biex jinformaw lill-Istati Membri l-oħra fil-Kunsill qabel ma jadottaw miżuri unilaterali;

5.   Jinnota li ċ-ċaqliq tal-piż tat-tassazzjoni għal fuq attivitajiet tat-tniġġis jista', fit-tul, inaqqas taxxi oħra u l-kosts tax-xogħol, biex b'hekk tikber il-kompetittività tal-UE;

6.   Jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw li jallokaw xi dħul mit-tassazzjoni tat-tibdil fil-klima biex jiffinanzjaw miżuri tal-iżvilupp u r-riċerka li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-emissjoinijiet tal-karbonju u jiġġieldu t-tisħin globali, jistimulaw l-effiċjenza tal-enerġija, jittrattaw il-faqar tal-enerġija u jtejbu l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar, f'dan il-kuntest, li skont id-Direttiva dwar l-ETS tal-anqas 50% tad-dħul mill-irkanti tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fl-ETS tal-UE għandu jkun riservat għal miżuri li jikkumbattu t-tibdil fil-klima, inklużi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

7.  Jinnota li strumenti finanzjarji rotanti għal miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija jirrappreżentaw mod inovattiv ta' finanzjament għal proġetti favur l-ambjent; jilqa' l-introduzzjoni ta' faċilità finanzjarja speċifika li tista' wkoll tħajjar investituri privati (fil-qafas ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (PPPs)) biex jużaw fondi mhux impenjati mir-Regolament EEPR għal-appoġġ ta' inizjattivi dwar l-effiċjenza tal-enerġija u dwar l-enerġija li tiġġedded; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-effikaċja ta' dan l-istrument u tanalizza l-potenzjal għall-applikazzjoni ta' approċċ simili, inklużi inizjattivi dwar l-enerġija, l-effiċjenza tal-enerġija u l-materja prima, għal fondi li fil-ġejjieni ma jkunux minfuqa fil-baġit tal-UE;

8.   Jinnota l-merti potenzjali ta' "bonds tal-proġetti tal-UE" għall-finanzjament ta' infrastrutturi ġodda, inkluża dik tal-enerġija, li jistgħu jkollhom valur miżjud Ewropew; jitlob, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew jinvestigaw l-impatt ta' tali bonds fuq is-swieq finanzjarji, it-trasparenza, it-teħid ta' riskji u r-responsabbiltà fis-suq kif ukoll l-implikazzjonijiet baġitarji għall-Istati Membri tal-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali kritiċi permezz ta' bonds tal-proġetti tal-UE jew ta' Euro-bonds, speċjalment fejn dawn il-proġetti infrastrutturali jkollhom impatt transnazzjonali;

9.   Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jinvestigaw modi innovattivi ta' kif jistgħu jilħqu investiment fl-infrastuttura Ewropea u jindukraw l-innovazzjoni; jinnota l-kummenti tal-BEI fit-23 ta' Settembru 2010 fir-rapport tiegħu "Rapport dwar l-Azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew" dwar il-proposta tal-Kummisjsoni Ewropea li żżid b'10% jew 20% l-volum tal-baġit tal-UE allokat, permezz ta' strumenti finanzjarji, għal-"leveraging" ta' fondi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal investiment fis-settur pubbliku biex jikkomplementa u jtejjeb il-finanzjament tas-settur privat fejn dan ikun possibbli, iżda huwa konxju li l-użu ta' vetturi għal-finijiet speċjali għall-finanzjament tal-proġetti jista' jwassal għal aktar obbigazzjonijiet mhux fuq il-karta tal-bilanċ kif ukoll għal żieda tal-kost tal-kapital għall-istituzzjonijiet Ewropej, għall-Unjoni Ewropea jew għall-Istati Membri; jemmen li miżuri bħal dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn żvelar għalkollox trasparenti b'linji gwida, ġestjoni tar-riskju, limiti tal-espożizzjoni, proċeduri ta' skrutinju u sorveljanza adegwati, li lkoll għandhom jiġu stabbiliti b'mod demokratikament responsabbli;

10. Jinnota l-importanza tal-effiċjenza tal-enerġija u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effikaċi tal-fondi strutturali biex ikabbru l-effiċjenza tal-enerġija fil-binjiet. b'mod partikolari fir-residenzi; jitlob li jkun hemm użu effikaċi tal-finanzjament mill-BEI u minn korpi oħra tal-finanzjament pubbliku, kif ukoll koordinament bejn fondi tal-UE u dawk nazzjonali u forom oħra ta' għajnuna li jistgħu jiksbu "leveraging" tal-investiment bil-għan li jintlaħqu objettivi tal-UE;

11. Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-possibbiltà li japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi li joffru titjib tad-djar u aktar effiċjenza tal-enerġija;

12 Huwa tal-fehma li kwalunkwe inizjattiva tal-UE fil-qasam tal-attività finanzjarja għandha tiġi vvalutata sewwa mil-lat tal-implikazzjonijiet tagħha għall-ekonomija reali f'dak li jirrigwarda kif il-kosts jingħaddew 'l isfel u l-aċess għall-finanzjament; jinnota t-tħassib dwar il-possibbiltà li miżuri unilaterali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jaffettwaw il-kompetittività tal-industriji Ewropej; iqis ukoll li l-użu ekonomiku tar-riżorsi u l-innovazzjoni f'teknoloġiji ħodor huma ta' importanza maġġuri f'dak li jirrigwarda l-kompetittività;

13. Jenfasizza li strumenti innovattivi għandhom jintużaw biex jappoġġaw sħubijiet bejn il-pubbliu u l-privat u għandhom jitqiesu bħala alternattiva għall-infiq pubbliku pur bħala mezz biex isir "leveraging" tal-fondi u biex jiġu inidirizzati fallimenti tas-suq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI TAL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Ioan Enciu, Adam Gierek, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Béla Kovács, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Bernd Lange, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Morten Messerschmidt


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Robert Goebbels, Danuta Maria Hübner, Danuta Jazłowiecka, Thomas Mann, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michail Tremopoulos

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Frar 2011Avviż legali