– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet perċedenti tiegħu dwar l-Iran, inklużi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami(1), dik tal-10 ta’ Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fl-Iran(2), u dik tat-22 ta’ Ottubru 2009 dwar l-Iran(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(4),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICECR), il-Patt dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Patt dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi firmatarja tagħhom ilkoll,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (USA) tat-8 ta' Frar 2010 li tistieden lill-Gvern Iranjan iwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton (minn hawn ’il quddiem ir-‘Rappreżentant Għoli’) tal-24 ta’ Settembru 2010 dwar ‘rimarki xokkanti u inaċċettabbli’ magħmula mill-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa adottata waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 u l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa tal-10 ta’ Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli li tikkundanna l-attakk bil-bombi f’Mahabad, l-Iran,
–wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ESS) bit-titolu ‘Nipprovdu Sigurtà f'Dinja li Qed Tinbidel’, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-22 ta' Settembru 2010 f’isem l-E3+3 dwar soluzzjoni negozjata bikrija għall-kwistjoni nukleari Iranjana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta’ Awwissu 2010 f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sentenza mogħtija lil 7 mexxejja Baha'i,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Lulju 2010 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli li tikkundanna l-attakk fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar aċċess liberu għall-informazzjoni fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta’ Ġunju 2010 f’isem l-Unjoni Ewropea dwar ‘is-sitwazzjoni gravament iddeterjorata tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran mill-elezzjonijiet Presidenzjali ta’ Ġunju 2009 ’l hawn’,
– wara li kkunsidra d-data miċ-Ċentru tal-Istatistika tal-Iran dwar iż-żieda fir-rata tal-qgħad tal-Iran fir-rebbiegħa tal-2010 għal 14,6%, fejn l-għadd ta’ nies qiegħda hu stmat li hu ta’ ’l fuq minn 3.5 miljun ruħ,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Iran hija firmatarja tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) u bħala tali impenjat ruħha li tabbanduna l-akkwist ta’ armi nukleari u hija marbuta legalment li tiddikjara l-attivitajiet nukleari tagħha kollha, inkluż il-materjal nukleari, u tqegħidhom fis-salvagwardja tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA),
– wara li kkusidra d-dikjarazzjoni tal-IAEA tas-27 ta' Settembru 2005 li tgħid li l-Iran ma kenitx qed tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-NPT,
– wara li kkunsidra l-fatt li s-sospensjoni tal-arrikkiment u rekwiżiti oħra ġew affermati suċċessivament f’sitt riżoluzzjonijiet (1696, 1737, 1747, 1803, 1835 u 1929) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala prekondizzjonijiet biex id-drittijiet tal-Iran skont l-NPT jerġgħu jiġu kif kienu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-IAEA Yukiya Amano fir-rapport tiegħu ta’ kull tliet xhur lill-Bord tal-Gvernaturi fit-18 ta’ Frar 2010 li l-‘Iran mhix qed timplimenta r-rekwiżiti li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Kunsill tas-Sigurtà’,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-IAEA għal ftehim biex ikun pprovdut fjuwil nukleari lir-Reattur ta' Riċerka f'Teħran bi skambju għal uranju b'arrikkiment baxx mill-istokkijiet tal-Iran, u l-proposta pont sponsorjata mill-gvernijiet tat-Turkija u l-Brażil f’tentattiv biex jibnu l-fiduċja u jiffaċilitaw in-negozjati bejn l-Iran u l-E3+3, kif ukoll bejn l-Iran u l-Grupp ta' Vjenna,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) li ddaħħal miżuri restrittivi ġodda kontra l-Iran billi timponi r-raba’ rawnd ta’ sanzjonijiet fuq l-Iran minħabba l-programm nukleari tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tas-26 ta’ Lulju 2010 u l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill ta’ ġabra ta' miżuri restrittivi li għandhom jiġu imposti fuq l-Iran fl-oqsma tal-kummerċ, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u t-trasport, u ta’ regolament li jestendi l-lista ta' entitajiet u individwi soġġetti għal iffriżar ta' assi,
– wara li kkunsidra s-sanzjonijiet addizzjonali fuq l-Iran imħabbra mill-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada u l-Awstralja,
– wara li kkunsidra l-impenn li ilu jeżisti tal-Unjoni Ewropea li taħdem għal soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari Iranjana,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0037/2011),
A. billi r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (minn hawn ’il quddiem ‘l-Iran’) qed tiffaċċja sensiela ta’ sfidi ta’ governanza – minn ġlied għall-poter bejn fazzjonijiet rivali fi ħdan l-eliti li qed imexxu l-pajjiż sa sitwazzjoni soċjali u ekonomika ġenerali ħażina li qed tikkawża ħsara kbira, ambjent ta' sigurtà reġjonali problematika u skuntentizza popolari li qed dejjem tikber fil-pajjiż – li ħafna minnhom huma prodotti li ħoloq ir-reġim Iranjan stess,
B. billi l-iżviluppi politiċi fl-Iran wara l-elezzjonijiet presidenzjali kontroversjali ta’ Ġunju 2009, meqjusa minn ħafna bħala li kienu qarrieqa, urew li hemm potenzjal kbir għall-bidla demokratika fil-pajjiż immexxija mill-poplu, bl-azzjoni ta’ attakk immexxija mis-soċjetà vibranti u attiva tagħha, jinnota li r-riformisti saru identifikati bl-aktar mod komuni mal-Moviment l-Aħdar li ssawwar waqt il-protesti tal-massa li seħħew kontra l-elezzjoni mill-ġdid tal-President Ahmadinejad,
C. billi l-forzi tas-sigurtà tal-Iran – il-Gwardji Rivoluzzjonarji, il-milizja Basij u l-pulizija – irreaġixxew b'repressjoni qawwija, bl-arrest arbitrarju ta’ eluf ta' dimostranti u dissidenti paċifiċi, inklużi studenti u akkademiċi, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, trejdjunjonisti, avukati, ġurnalisti, bloggers, kleriċi u difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan ċar li jintimidaw il-kritiċi u joħonqu l-espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil; billi l-ġudikatura organizzat proċessi ta' massa ta' mijiet ta' riformisti u attivisti prominenti biex jingħata eżempju bihom, li rriżultaw fl-issentenzjar ta' xi wħud għal żmien twil il-ħabs u saħansitra għall-mewt,
D. billi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-Iranjani – id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u d-dritt għall-ħelsien mill-arrest arbitrarju, mid-detenzjoni u mit-tortura u minn kull forma ta' diskriminazzjoni – għadhom qed jiġu miksura b’impunità,
E. billi l-Iran jinsab fost l-aktar nazzjonijiet fil-Lvant Nofsani mqabbda mal-Internet u t-telekomunikazzjonijiet, u dan jagħmel minnu t-tielet l-ikbar blogosfera fid-dinja wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina; billi mhix b’kumbinazzjoni li t-telekomunikazzjonijiet u l-Internet ilhom ikunu interrotti regolarment mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2009 ’l hawn,
F. billi l-Iran għad għandu l-piena tal-mewt u huwa wieħed mit-tliet pajjiżi fid-dinja li jwettqu l-iktar eżekuzzjonijiet; billi l-Iran iżomm ir-rekord għall-ogħla numru ta' delinkwenti minorenni ġġustizzjati; billi l-Iran għadu japplika l-piena tal-mewt bit-tħaġġir, ħaġa li tmur kontra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
G. billi għadd kbir ta’ Iranjani kienu ġġustizzjati għal raġunijiet politiċi, numru bla għadd għadhom il-ħabs, u mijiet ġew sfurzati jaħarbu mill-pajjiż għaliex beżgħu għal ħajjithom u/jew minn ħabs għal żmein indefinit, interrogazzjoni u tortura,
H. billi l-korpi għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran (eż. il-Kummissjoni Iżlamika għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni għall-Artikolu 90) huma alleati mal-Gvern u għadhom fil-biċċa l-kbira insinifikanti,
I. billi l-programm nukleari tal-Iranj għandu passat ta’ ħabi, li maż-żmien naqqar il-kredibilità tal-pretensjonijiet tal-Iran li l-programm huwa biss għal skopijiet paċifiċi,
J. billi l-Iran għad irid jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont kull riżoluzzjoni tal-UNSC rilevanti, li l-aktar waħda riċenti fosthom hija r-Riżoluzzjoni 1929 (2010), u r-rekwiżiti kollha tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA, li jindikaw aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet mill-Aġenzija għas-siti kollha, għat-tagħmir, għan-nies u għad-dokumenti kollha li jippermettu spezzjoni xierqa tal-iskopijiet nukleari tal-Iran u jkunu jippermettu lill-IAEA twettaq ir-rwol tagħha bħala l-għassiesa nukleari,
K. billi xi wħud mill-politiki tal-Gvern Iranjan jippreżentaw theddida għall-istabilità u l-paċi fir-reġjun; billi Iżrael u r-reġjun tal-Golf b’mod partikolari jħossuhom intimidati mir-retorika aggressiva u b’miri speċifiċi tal-Iran, mill-programm nukleari tiegħu li għadu għaddej, u l-appoġġ tiegħu għall-Ħeżbollaħ u l-Ħamas; billi, mill-banda l-oħra l-influwenza stabbilizzanti li l-Iran jista’ potenzjalment jiggwadanja mill-ġdid tkun ta’ benefiċċju għar-reġjun kollu kemm hu, sakemm jinnormalizza r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari mal-ġirien tiegħu, ineħħi darba għal dejjem it-tħassib fir-rigward tal-għanijiet reali tal-programm nukleari tiegħu u jiggarantixxi rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
L. billi l-Iran ospita żewġ ġenerazzjonijiet ta’ rifuġjati Afgani fil-pajjiż, li bbenefikaw minn servizzi bażiċi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; billi fl-2010 kien hemm aktar minn miljun Afgan irregistrat residenti fl-Iran; billi l-Iran irċieva biss appoġġ internazzjonali limitat f'dan il-qasam,
M. billi l-Iran huwa kklassifikat fost l-iktar tliet pajjżi li għandhom riservi ppruvati kemm ta' żejt u kemm ta’ gass naturali,
N. billi kien hemm approfondiment notevoli tar-relazzjonijiet bejn l-Iran u t-Turkija, u billi l-Iran qed juża kemm l-alleati statali u kemm l-alleati mhux statali tiegħu s-Sirja, il-Ħeżbollaħ u l-Ħamas, kif wkoll il-Fraternità Musulmana, biex jiddestabbilizza r-reġjun,
O. billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armami Nukleari (NPT) jinnota d-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-Trattat li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet ċivili paċifiċi bla diskriminazzjoni u skont l-Artikoli I u II ta' dak it-Trattat,
Is-sitwazzjoni interna
1. Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni politika interna, b’mod partikolari fir-rigward tad-demokrażija; jinnota wkoll l-aspirazzjonijiet għall-bidla demokratika tal-poplu Iranjan, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa, u jiddeplora profondament il-fatt li l-Gvern u l-Parlament Iranjan apparentement mhumiex kapċi jwieġbu għat-talbiet ġustifikabbli li jagħmlu bi dritt iċ-ċittadini Iranjani; jenfasizza li l-iskuntentizza popolari bil-Gvern Iranjan bħala riżultat tas-sitwazzjoni soċjoekonomika gravi kkombinata ma’ nuqqas ta’ libertà u ta’ rispett bażiku għad-dinjità umana fi ħdan l-Iran tirrappreżenta l-isfida prinċipali tas-sopravivenza tar-reġim;
2. Jenfasizza li l-bidla demokratika ma tistax tkun imposta minn barra jew saħansitra permezz ta’ mezzi militari iżda għandha tinkiseb permezz ta' proċess demokratiku paċifiku; jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ tal-għexieren ta’ eluf ta' Iranjani li jkomplu jirriskjaw il-karrieri professjonali tagħhom u ħajjithom billi jitolbu għal libertà akbar u għal aktar drittijiet demokratiċi fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;
3. Jirrimarka li, għalkemm il-President Ahmadinejad ġie elett fl-2005 fuq pjattaforma ta’ ġustizzja soċjali u populiżmu ekonomiku, il-problemi domestiċi tal-Iran komplew sejrin għall-agħar minkejja l-fatt li l-prezzijiet taż-żejt telgħu rapidament; jiddeplora, għalhekk, il-għan tas-Sur Ahmadinejad li jappoġġja l-pożizzjoni politika tiegħu f’pajjiżu billi jħaddan aġenda internazzjonali radikali bl-istennija li pożizzjoni akuta u ħarxa kontra l-Punent u kontra Iżrael se ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ tmexxija li għandu l-Iran fid-dinja Musulmana;
4. Josserva li movimenti tal-massa Iranjani preċedenti kienu bbażati fuq tfittxija doppja – it-tfittxija għall-benesseri u għal-libertà, u li dawn għadhom wegħdi mhux miżmuma tar-rivoluzzjoni tal-1979; jirrimarka li n-nuqqasijiet ekonomiċi bħalma huma l-inflazzjoni, il-korruzzjoni, ir-rata għolja tal-qgħad, in-nuqqas ta’ enerġija, settur statali ineffiċjenti u l-ħela tal-fondi pubbliċi żdiedu drastikament matul l-aħħar snin;
5. Jinnota li l-moviment riformista jkopri firxa ta’ tendenzi intelletwali u aġendi politiċi li jvarjaw minn xewqa għall-modernizzazzjoni gradwali tal-istituzzjonijiet governattivi tal-Iran għall-objettiv tar-rieżami mill-qiegħ u tiswija tar-reġim;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-miljuni ta’ Iranjani li niżlu fit-toroq mindu saru l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2009 bit-tama ta’ bidla politika fl-Iran;
7. Jirrofta bil-qawwa l-kundanna min-naħa tar-reġim tad-dimostranti u l-opponenti wara l-elezzjonijiet tal-2009 bħala ‘għedewwa ta' Allah’ (‘muharib’), li, skont l-Iżlam, għandhom jirċievu l-eħrex fost il-pieni; jikkonkludi li, filwaqt li matul ir-renju tax-Xah il-kritika tar-reġim kienet titqies bħala delitt, taħt ir-reġim attwali din hija ekwivalenti għal dnub kontra l-Iżlam;
8. Iwissi li l-iżvilupp ta' rwol li kulma jmur qed isir aktar prominenti għall-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana (KGRI) fis-soċjetà Iranjana, f’dak li hu militari, politiku u ekonomiku, iqajjem biżgħat li l-istat se jkompli jiġi militarizzat aktar; jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu għall-fatt li tali tendenzi jista' jagħti l-każ li jirriżultaw f'eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-oppressjoni kontra l-opponenti politiċi;
9. Jinsab imħasseb serjament dwar ir-rwol maġġuri li twettaq l-Organizzazzjoni tal-Istudenti Basij (OSB) fis-soċjetà Iranjana fil-kontroll u s-soppressjoni tal-espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil tal-istudenti, taħt il-kontroll ċentrali tal-KGRI, u jirrimarka li l-moviment studentesk tal-Iran kien wieħed mill-atturi l-aktar prominenti fil-ġlieda għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja;
Id-drittijiet tal-bniedem
10. Iħeġġeġ lill-Iran biex item għalkollox kull forma ta’ diskriminazzjoni fil-pajjiż; jinsab inkwetat minħabba d-diskriminazzjoni u r-ripressjoni politika u soċjali li qed tolqot lin-nisa b’mod partikolari fl-Iran; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jieqfu jiddiskriminaw kontra l-persuni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom; jiddenunċja l-prattika inumana u medjevali tal-ikkundannar ta’ persuni għall-piena tal-mewt għal offiżi allegati li jappartienu l-għażla tas-sieħeb jew sieħba jew tal-prattiki sesswali;
11. Jinsab imkexkex bl-informazzojni, skont ir-rapporti annwali dwar il-piena tal-mewt fl-Iran, li l-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-2009 kien l-ogħla għal dawn l-aħħar 10 snin, ħaġa li tagħmel lill-Iran il-pajjiż bl-ogħla għadd ta’ eżekuzzjonijiet per kapita fid-dinja;jistieden lill-Iran joħroġ statistika uffiċjali dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Iran jabolixxi definittivament il-piena tal-mewt għal delitti mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena u jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, li tikser il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Iran irratifika, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-ICCPR; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, f'konformita mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistitwixxu moratoju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jeżerċitaw pressjoni kostanti fuq l-Iran f’dan ir-rigward;
12. Jikkundanna bis-saħħa kollha l-eżekuzzjoni ta' Zahra Bahrami ta' nazzjonalità Iranjana-Olandiża li seħħet f’Tehran fid-29 ta’ Jannar 2011; jinsab ixxukkjat li l-awtoritajiet Iranjani ċaħdu l-aċċess konsulari għas-Sa Bahrami u li ma żgurawx proċss trasparenti u ġust;
13. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Iranjani li huma kontra d-diskriminazzjoni razzjali, iżda jenfasizza li l-minoranzi etniċi tal-Iran jilmentaw mis-sottożvilupp ekonomiku tal-provinċji fejn huma fil-maġġoranza; jikkundanna l-attakki terroristiċi numerużi mwettqa mill-Jundullah fis-Sistan u l-Balukistan mit-twaqqif tiegħu fl-2003 ’l hawn; fl-istess ħin, jitlob provi konkreti tad-dikjarazzjoni uffiċjali Iranjana li l-Jundullah huwa appoġġjat mis-servizzi tal-intelliġenza Amerikani u Ingliżi;
14. Jesprimi l-kosternazzjoni profonda tiegħu gaħll-fatt li l-Iran għadu fost il-ftit pajjiżi, flimkien mal-Afganistan, is-Somalja, l-Arabja Sawdija, is-Sudan u n-Niġerja, li għadhom jipprattikaw it-tħaġġir; jistieden lill-Parlament Iranjan jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi din is-sura ta' piena krudili u inumana;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani iwaqqfu għalkollox, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' tortura u trattament jew piena oħra ta' natura krudili, inumana jew degradanti u jiddefendi l-proċedura dovuta tal-liġi u jwaqqaf għalkollox l-impunità f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; b’mod partikolari, jistieden lill-Parlament u lill-ġudikatura Iranjani biex jabolixxu tali kastigi krudili u inumani, bħalma huma l-amputazzjoni, it-tħaġġir u s-swat bil-frosta, li huma inkonsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-Iran; jirrifjuta bis-saħħa kollha l-kunċett promoss mill-awtoritajiet ġudizzjarji Iranjani li tali kastigi huma kulturalment ġustifikati;
16. Ifakkar fl-għajtiet ma’ kullimkien – u ġustifikabbli – ta’ “Fejn hu l-vot tiegħi?” mid-dimostranti Iranjani fit-13 ta’ Ġunju 2009 b’referenza għall-konvinzjoni tagħhom li kien hemm frodi mifruxa ħafna fl-elezzjonijiet tal-jum ta’ qabel, li se jibqgħu tebgħa fuq it-tieni mandat tal-President Ahmadinejad;
17. Iħossu mkexkex mill-fatt li l-isparar fuq il-folol tad-dimostranti kien meqjus bħala aċċettabbli mill-forzi tas-sigurtà mil-lejl tal-15 ta' Ġunju 2009 'il quddiem, kif jidher fil-vidjos li nġibdu; jinsab profondament inkwetat minħabba ż-żieda fir-ripressjoni sena wara l-protesti popolari fl-Iran, inkluż rapporti dwar arresti arbitrarji, tortura, trattament ħażin u eżekuzzjonijiet tad-dissidenti politiċi;jikkundanna l-isforzi tal-Gvern Iranjan biex isikket kull oppożizzjoni politika, kif ukoll id-drabi kollha fejn l-Iran ipprova jevita kwalunkwe skrutinju internazzjonali tal-vjolazzjonijiet li seħħew matul il-ferment li qam wara l-elezzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jippreżentaw lill-awtoritajiet Iranjani lista ddettaljata tal-inċidenti/azzjonijiet vjolenti magħrufa kollha li saru kontra persuni ċivili Iranjani f'dak li seħħ wara l-elezzjoni u jinsistu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u li l-fatti li jinstabu permezz tagħha għandhom jinħarġu fil-pubbliku;
18. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu immedjatament lil dawk kollha detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u jinvestigaw u jtellgħu l-qorti l-uffiċjali tal-gvern u l-membri tal-forzi tas-sigurtà li huma responsabbli għall-qtil, l-abbuż u t-tortura ta' membri tal-familja ta' dissidenti, dimostranti u detenuti;
19. Jinsisti li fi kwalunkwe negozjati futuri mal-Iran, ir-Rappreżentant Għoli għandha tagħti l-ogħla prijorità lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti kollha li hemm għad-dispożizzjoni tagħha għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; iħeġġiġha b’mod partikolari biex tinvinta miżuri addizzjonali fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu protetti b’mod attiv id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-iffaċilitar tal-provvediment ta’ rifuġju għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ aċċess għal riżorsi organizzattivi u pjattaformi ta’ komunikazzjoni hija ta’ importanza partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw il-Programm Ewropew ta’ Belt ta’ Rifuġju u programmi għall-iżvilupp ta' miżuri kontra t-teknoloġija tal-interċettazzjoni tal-midja;
20. Jiddeplora l-fatt li l-irġiel miżżewġa Iranjani jistgħu jiddikjaraw li r-relazzjonijiet adulteri tagħhom fil-fatt huma żwiġijiet temporanji legali, filwaqt li n-nisa miżżewġin akkużati b’ adulterju ma jistgħu jiksbu proroga b'dan il-mod; jiddeplora wkoll il-fatt li l-Artikolu 105 tal-Kodiċi Penali tar-Repubblika Iżlamika tagħti l-kapaċità lill-imħallef li jagħti sentenza ta’ tħaġġir lil persuna adultera sempliċement fuq il-bażi li huwa ‘jaf’, kif ukoll il-fatt li l-Iran tipprova tillimita l-għarfien internazzjonali dwar il-brutalità tiegħu billi ma jħabbarx pubblikament il-verdetti ta’ tħaġġir;
21. Jikkundanna l-fastidju sistematiku mill-awtoritajiet Iranjani kontra l-attivisti fis-suq tax-xogħol, kuntrarjament għall-pleġġijiet li l-Iran ta matul il-proċess ta’ Rieżami Perjodiku Universali tan-Nazzjonijiet Uniti li jirrispetta d-drittijiet soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini tiegħu u d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu l-attivisti kollha tas-suq tax-xogħol li huma arrestati u jirrispettaw id-dritt tal-attivisti tat-trejdunjins u tal-għalliema li jipparteċipaw fil-Jum Dinji tal-Ħaddiema (l-1 ta’ Mejju) u fil-Jum Nazzjonali tal-Għalliema (2 ta’ Mejju); jistieden lill-Gvern Iranjan jirrispetta d-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema, kif stabbiliti fl-istandards internazzjonali tax-xogħol;
22. Jikkundanna l-kampanja ta’ tkeċċijiet ta’ professuri magħrufa tal-università għal raġunijiet politiċi bħala attakk intollerabbli fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà akkademika tagħhom; jemmen li dawn il-politiki se jkomplu jippolitiċizzaw aktar u jkomplu jwaqqgħu l-livell tal-universitajiet Iranjani, li ilhom żmien twil għajn ta’ kburija nazzjonali u oġġett ta’ ammirazzjoni għall-akkademiċi madwar id-dinja; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jieħdu passi immedjati biex jirrestawraw il-libertà akkademika fil-pajjiż;
23. Jiddeplora l-fatt li, kuntrarjament għall-Kostituzzjoni, membri ta’ minoranzi reliġjużi qed isofru diskriminazzjoni fl-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjiegi uffiċċjali, li qed iwassal biex membri żgħażagħ ta’ dawn il-minoranzi jagħżlu li jemigraw; jikkundanna b’mod partikolari l-persekuzzjoni sistematika tal-komunità Baha’i, il-mewġa ta’ arresti ta’ Insara fl-2009, u l-fastidju lil dissidenti reliġjużi, lil dawk li kkonvertew kif ukoll lill-Musulmani Sufi u Sunniti; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien ta’seba’ mexxejja Baha’i u jistieden lill-Parlament Iranjan jibdel il-leġiżlazzjoni Iranjana sabiex jiżgura li dawk kollha li jagħmlu parti minn twemmin differenti fl-Iran, kemm jekk ikunu rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni u kemm jekk le, ikunu jistgħu jsegwu l-konvinzjonijiet tagħhom mingħajr ma jiġu persegwitati u jiġu ggarantiti drittijiet ugwali skont il-liġi u fil-prattika;
24. Jinnota li l-pożizzjoni tal-NGOs Iranjani marret għall-agħar b’mod konsederevoli wara l-protesti li kien hemm wara l-elezzjoni presidenzjali kontroversjali tat-12 ta’ Ġunju, 2009; jikkritika bil-qawwa kollha l-fatt li l-kuntatti internazzjonali kollha jew l-appoġġ finanzjarju kollu għall-NGOs fl-Iran jiġu sistematikament sfruttati mill-awtoritajiet biex jipprovaw jiskreditaw lil dawn l-organizzazzjonijiet u lix-xogħol tagħhom;
25. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-għadd kbir ta’ eżekuzzjonijiet ta’ minorenni u tat-tħaġġir pubbliku ta’ nisa li jsiru ta’ kull sena minkejja l-appelli internazzjonali biex l-Iran jirrispetta l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;
26. Jitlob biex jerġa' jiġi stabbilit mandat tan-NU għal Rapporteur Speċjali biex jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura l-obbligu ta’ rendikont għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jirreaġixxu b’mod pożittiv għat-talbiet li ilhom isiru minn diversi Rapporteurs Speċjali tan-NU (eż. dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji; it-tortura; il-libertà ta' reliġjon jew twemmin; l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati) biex isiru żjarat uffiċċjali fl-Iran;
27. Jiddeplora l-fatt li, kuntrarjament għall-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar ir-Rwol tal-Avukati, is-sitwazzjoni tal-avukati fl-Iran iddeterjorat kunsiderevolment mill-elezzjoni presidenzjali ta’ Ġunju 2009 ’l hawn, peress li l-awtoritajiet Iranjani qed jirrikorru għal metodi oppressivi (pereżempju arresti, tneħħija mill-elenku tal-avukati, ksur tal-libertà tal-espressjoni, investigazzjonijiet mhux ġustifikati fuq it-taxxi u pressjoni finanzjarja oħra) biex l-avukati ma jitħallewx jipprattikaw il-professjoni tagħhom liberament;
28. Jiddispjaċih għall-fatt li s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li qed jiġu mmirati b’mod partikolari, qed tiddeterjora; jinsab ferm inkwetat dwar il-fatt li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sofrew diversi attakki u ġew issoġġettati għal prosekuzzjoni inġusta u qed jinżammu milli jużaw id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom; jitlob biex jinħelsu immedjatament dawk id-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri tal-kuxjenza li għadhom qed jinżammu fil-ħabsijiet;
29. Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex tiffirma, tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);
30. Jappoġġa l-kampanja ‘Miljun Firma li Jitolbu Tibdil fil-Liġijiet Diskriminatorji’, li għandha l-għan li tiġbor miljun firma b’appoġġ għal tibdil fil-liġijiet diskriminatorji kontra n-nisa fl-Iran; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu għalkollox l-atti ta’ fastidju, inkluż mill-awtoritajiet ġudizzjarji, kontra membri ta’ din il-kampanja;
31. Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan itejjeb id-drittijiet tan-nisa, ħalli jagħraf ir-rwol kruċjali li jwettqu n-nisa fis-soċjetà, u jirrispetta l-impenji tal-Iran fi ħdan il-qafas tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; itenni l-istedina tiegħu lill-Parlament Iranjan biex jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-prattika krudili u inumana tat-tħaġġir; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet tan-nisa fl-Iran u tqajjem il-każijiet ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami mal-awtoritajiet Iranjani;
32. Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżviluppaw kuntatti mar-rappreżentanti ta’ firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet politiċi u soċjali Iranjani, inklużi difensuri Iranjani prominenti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Mmebri jżidu l-appoġġ tagħhom għal attivitajiet fil-livell lokali (grassroots) u għall-kuntatti bejn il-persuni;
33. Jikkundanna r-ripressjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani tal-midja indipendenti, inkluża ċ-ċensura tal-materjal bil-vidjo u fotografiku, bil-għan li jiġi limitat il-fluss tal-komunikazzjonijiet u tal-informazzjoni u l-aċċess għalihom;jinsab estremament inkwetat dwar il-fatt li l-amministrazzjoni arbitrarja tal-ġustizzja fl-Iran tirriżulta f’(awto)ċensura qawwija mill-midja;iħeġġeġ lir-rappreżentanti uffiċjali tal-UE u l-Istati Membri tagħha jfakkru lill-Iran fl-obbligu internazzjonali tiegħu li jiddefendi l-libertà tal-midja;jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, meta jiltaqgħu mal-kontrapartijiet Iranjani tagħhom, jinsistu fuq il-ħruġ mill-ġdid tal-ħafna gazzetti ta' kuljum li sfaw magħluqa bil-forza, kif ukoll fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, kif ukoll biex jippreżentaw listi ta’ ismijiet fiż-żewġ każijiet; jikkundanna l-prattika tal-espulsjoni tal-korrispondenti barranin mill-Gvern Iranjan, inklużi riporters minn gazzetti Ewrope maġġuri;jilqa’ l-varar ta’ servizz tal-Euronews bil-lingwa Farsi;
34. Jesprimi tħassib dwar ir-ripressjoni tal-espressjoni kulturali, mużikali u artistika permezz taċ-ċensura, il-projbizzjoni, kif ukoll ir-ripressjoni ta’ artisti, mużiċisti, diretturi tal-films, kittieba u poeti;
35. Jitlob li l-impunità fl-Iran tintemm għalkollox permezz tal-ħolqien ta’ proċedura ta' rieżami ġudizzjarju indipendenti fil-pajjiż jew riferiment permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU lil istituzzjonijiet li joperaw skont il-liġi internazzjonali, bħalma hi l-Qorti Kriminali Internazzjonali;
36. Jilqa’ l-passi meħuda minn diversi Stati Membri biex jippovdu kenn lil dawk l-Iranjani li huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti, ġurnalisti, studenti, nisa, tfal u artisti li huma ppersegwitati għat-twemmin reliġjuż tagħhom, għall-opinjonijiet tagħhom, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, jew aspetti oħra tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-bniedem li huma għandhom;
Id-dossjer nukleari
37. Itenni, minkejja d-dritt tal-Iran li jiżviluppa l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi skont ir-regoli tar-reġim ta’ nonproliferazzjoni, li r-riskji tal-proliferazzjoni marbuta mal-programm nukleari Iranjan jibqgħu għajn ta’ tħassib serju għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali, kif espress b’mod ċar ħafna f’bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
38. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani tissodisfaw l-obbligi tal-Iran skont l-NPT;jistieden bil-qawwa kollha lil Tehran tirratifika u timplimenta l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tas-Salvagwardji;jikkundanna r-rifjut kontinwu min-naħa tal-Iran li jikkoopera għalkollox mal-IAEA, il-fatt li qed jostakola x-xogħol tal-IAEA, il-fatt li qed jiċħad l-aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għall-faċilitajiet ewlenin u l-fatt li qed joġġezzjonia għall-ħatra ta' spetturi;
39.Jefasizza, barra minn hekk, il-fatt li, f’konformità ma’ prinċipju ċentrali tal-NPT, l-Iran għandu d-dritt li jarrikkixxi l-uranju għal skopijiet paċifiċi u li jirċievi assistenza teknika għall-istess objettivi;
40. Jappoġġja lill-Kunsill fl-approċċ tiegħu ta’ żewġ binari mmirat li jsib soluzzjoni negozjata u paċifika għall-istaġnar nukleari, u jfaħħru għall-pożizzjoni komuni l-ġdida tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2010 li ddaħħal miżuri awtonomi ġodda b’miri speċifiċi u b’effetti wiesgħa ħafna applikabbli għall-Iran; jiddispjaċih għall-fatt li l-Iran ma kienx lest li jaċċetta l-offerti li tressqu fuq il-mejda fl-aħħar rawnd tat-taħdidiet tal-P5+1 li l-Iran ospita f’Istanbul, u għall-fatt li sussegwentement dawk it-taħdidiet fallew; jibqa’ konvint, madankollu, li l-UE għandha tinvinta strateġija aktar wiesgħa lejn l-Iran li tmur lilhinn mill-kwistjoni nukleari u li tindirizza wkoll is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Iran u r-rwol reġjonali tiegħu;
41. Ifakkar li l-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran tqiegħdu f’oppożizzjoni għan-Nazzjonijiet Uniti kollha kemm hi, u mhux biss għall-‘Punent’;
42. Jinnota li sanzjonijiet addizzjonali huma l-konsegwenza loġika tal-fatt li l-Iran qed tonqos milli tikkoopera għalkollox mal-IAEA; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE jivvalutaw il-mekkaniżmi kollha għall-infurzar tal-implimentazzjoni tal-pożizzjoni komuni tal-UE – speċjalment fir-rigward tal-għoti tal-liċenzji għall-esportazzjoni, il-kontrolli tad-dwana u tal-fruntieri, it-tagħbijiet tal-merkanzija bl-ajru u t-traffiku marittimu – bil-għan li l-Iran tinżamm milli tevadi r-reġim tas-sanzjonijiet u tkun tista’ ssir evalwazzjoni realistika dwar jekk is-sanzjonijiet jipproduċux jew le ir-riżultat antiċipati; itenni l-pożizzjoni tiegħu li dawn il-miżuri ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv il-popolazzjoni ġenerali; jilqa' f'dawn ir-rigward id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi sanzjonijiet b’miri speċifiċi fuq uffiċjali Iranjani li huma maħsuba li kienu responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, jew li kienu kompliċi fihom, minn meta saret l-elezzjoni presidenzjali kontroversjali ta' Ġunju 2009; jistieden lill-Kunsill jadotta miżuri simili;
43. Jemmen li huma meħtieġa sforzi mġedda mad-dinja kollha biex id-dinja tinħeles mit-theddida tal-armamenti nukleari; jilqa’ l-appell tal-President Obama għad-diżarm nukleari u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħmel din il-kwistjoni waħda mill-prijoritajiet tagħha, kemm fit-trattativi tagħha mal-Istati membri kif ukoll fil-kuntatti tagħha mal-gvernijiet fil-Lvant Nofsani u fl-Asja;
44. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jevalwaw ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Iran lilhinn mis-sanzjonijiet, bil-mira li jillimitaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-esportazzjoni lejn l-Iran ta’ teknoloġiji li jissodisfaw standards Ewropej, inklużi telefowns ċellulari, netwerks ta’ komunikazzjoni, teknoloġiji (b’użu doppju), teknoloġiji ta’ sorveljanza u softwer għall-iskenning tal-Internet u ċ-ċensura u d-data mining, inkluża data personali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament dwar sistema ġdida ta' ħruġ ta’ liċenzji jekk dan ir-rieżami jissuġġerixxi li hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi immedjati biex jipprojbixxu l-esportazzjoni ta’ teknoloġija ta’ sorveljanza (speċjalment ċentri ta’ monitoraġġ) minn kumpaniji tal-UE lejn l-Iran;
46. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jespandi l-lista tal-individwi Iranjani li għandhom rabtiet mal-programmi nukleari u ballistiċi tal-Iran u n-netwerks ta’ akkwist li jaqduhom; jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jaġixxu malajr biex jiffriżaw l-assi tagħhom u jżommuhom milli jidħlu fit-territirju tal-UE u jużaw ġuriżdizzjonijiet tal-UE biex imexxu xi attività relatata ma' dawk il-programmi;
47. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli iżomm id-dossjer nukleari Iranjan u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Iranjan f’pożizzjoni prijoritarja fuq l-aġenda, u jistieden lill-Iran jimpenja ruħu f'negozjati b’sinifikat bil-ħsieb li jinkiseb ftehim komprensiv u li jservi fit-tul li jagħlaq il-kwistjoni nukleari;
Ir-relazzjonijiet esterni
48. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli x-xewqa espressa mill-President Iranjan Ahmadinejad li ‘janniħila’ lil Iżrael u r-retorika anti-Semitika tiegħu, speċjalment iċ-ċaħda tiegħu li l-Olokawst eżista u l-aġenda sottostanti tiegħu li jiddeleġittimizza l-istat ta’ Iżrael; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-eżistenza ta’ Iżrael u soluzzjoni ta’ żewġ stati għall-Palestina;
49. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimmoniterjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Golf u jagħmlu ħilithom kollha biex jippromwovu l-paċi u l-istabilità f’dan ir-reġjun;
50. Jagħraf ir-rwol tat-Turkija bħala attriċi reġjonali influwenti u jfaħħar l-isforzi konġunti tagħha mal-Brażil biex isseħħ soluzzjoni negozjata tal-kwistjoni nukleari Iranjana; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li t-termini tal-ftehim bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2010 ma jissodisfawx ħlief parzjalment ir-rekwiżiti stabbiliti mill-IAEA; jistieden lill-awtoritajiet Torok isegwu l-approċċ Ewropew lejn it-theddida nukleari Iranjana; iħeġġeġ lit-Turkija biex tinkludi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-djalogu tagħha mal-Iran;
51. Jenfasizza l-fatt li r-Russja kienet waħda mill-fornituri l-aktar kbar ta’ armamenti moderni u uranju arrikkit lill-Iran; jilqa’ d-deċiżjoni mill-Federazzjoni Russa din is-sena li twaqqaf il-bejgħ tal-S-300 lill-Iran u l-appoġġ tagħha għas-sanzjonijiet tan-NU kontra l-Iran rigward il-programm nukleari tiegħu; jistieden bil-qawwa kollha lir-Russja twaqqaf kull tip ta’ proliferazzjoni ta’ armamenti u kull esportazzjoni ta’ uranju lill-Iran, sabiex l-effikaċja tas-sanzjonijiet kontra l-Iran u s-soddisfar tar-rekwiżiti tal-NPT jkunu jistgħu jiġu żgurati;
52. Jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kumplementarjetà transatlantiċi fir-rigward tal-Iran u tikkonsulta dwar azzjoni lejn l-Iran mal-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mas-sħab globali u reġjonali relevanti kollha li għandhom l-istess tħassib dwar l-Iran;
53. Jieħu nota tal-interess komuni li għandhom l-UE u l-Iran biex jiżguraw il-paċi u l-istabilità fl-Afganistan; jilqa’ r-rwol kostruttiv li qed iwettaq l-Iran fir-restawr tal-infrastruttura u fl-għoti tal-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija, kif ukoll fil-prevenzjoni tat-traffikar tad-drogi mill-Afganistan; jenfasizza, madankollu, li l-paċi u l-istabilità sostenibbli fl-Afganistan se jeħtieġu li l-ġirien kollha jżommu lura milli jindaħlu politikament fil-pajjiż;
54. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tiftaħ delegazzjoni tal-UE f’Tehran, issa li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħa f’idejh ir-responsabilità mill-Presidenza b’rotazzjoni li jirrappreżenta l-Unjoni Ewropea f’pajjiżi terzi;
55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkuraġġixxu lill-Iran iwettaq rwol kostruttiv fir-rigward tal-iżvilupp futur tal-Afganistan, u jenfasizza l-miri komuni tal-UE u l-Iran rigward l-istabilità tal-Afganistan u t-teħid ta’ azzjoni effettiva biex jiġu miġġielda l-poduzzjoni tal-oppju u t-traffikar tad-droga;
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Dominique Baudis, Bastiaan Belder, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Heidi Hautala, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Barry Madlener, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Adrian Severin, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, Charles Tannock, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Elena Băsescu, Emine Bozkurt, Véronique De Keyser, Andrew Duff, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Evgeni Kirilov, Barbara Lochbihler, Nadezhda Neynsky, Doris Pack, Marietje Schaake, Helmut Scholz, György Schöpflin, Alf Svensson
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Marije Cornelissen, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Eleni Theocharous