Proċedura : 2010/2159(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0099/2011

Testi mressqa :

A7-0099/2011

Dibattiti :

PV 12/05/2011 - 9
CRE 12/05/2011 - 10

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2011 - 12.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0231

RAPPORT     
PDF 210kDOC 137k
29 ta' Marzu 2011
PE 454.668v03-00 A7-0099/2011

dwar it-Tagħlim fl-Ewwel Snin tat-Tfulija fl-Unjoni Ewropea

(2010/2159(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Mary Honeyball

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-Tagħlim fl-Ewwel Snin tat-Tfulija fl-Unjoni Ewropea

(2010/2159(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 18 u 29 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada” (COM(2011)0066),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament intitolata "L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej" (COM(2006)0481),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Jannar 2010 dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta' tfal bi sfond ta' migrazzjoni(4),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’)(5),

–   wara li kkunsidra l-"Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-koperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel"(6),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar "Il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni"(8),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7–0099/2011),

A. billi t-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija jqiegħed il-pedamenti għat-tagħlim tul il-ħajja ta' suċċess, li huwa importanti ferm biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020,

B.  billi t-tfal fl-ewwel snin tat-tfulija huma partikolarment kurjużi, riċettivi u lesti jitgħallmu, u billi, f'din l-età, jissawru ħiliet importanti bħall-kapaċità li dak li jkun jitkellem u jesprimi lilu nnifsu, kif ukoll il-ħiliet soċjali; billi ta’ din l-età jitpoġġew is-sisien għall-perkors skolastiku u vokazzjonali futur tat-tfal,

C. billi, fl-UE kollha, l-edukazzjoni u l-kura fl-ewwel snin tat-tfulija jingħataw b'modi differenti, b'diversi definizzjonijiet ta' 'kwalità' li jiddependu ħafna mill-valuri kulturali tal-istati u r-reġjuni u mill-interpretazzjoni tagħhom ta' 'tfulija',

D. billi hemm rabta ċara bejn ambjent ta' oriġini fqir u żvantaġġat u riżultati edukattivi baxxi, u billi ntwera li l-familji minn ambjent ta' dan it-tip huma l-aktar li jgawdu minn aċċess għas-servizzi ta' edukazzjoni u kura fl-ewwel snin tat-tfulija; billi l-probabilità li dawn il-gruppi żvantaġġati jfittxu aċċess għas-servizzi ta' edukazzjoni u kura fl-ewwel snin tat-tfulija hi aktar baxxa minħabba kwistjonijiet ta' disponibilità u ta' affordabilità,

E.  billi hemm it-tendenza li l-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jingħataw anqas attenzjoni u anqas investiment minn kull stadju ieħor tal-edukazzjoni, minkejja evidenza ċara li l-investiment fihom iħalli frott kbir,

F.  billi l-miri tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija spiss huma indirizzati żżejjed lejn il-ħtiġijiet is-suq tax-xogħol, u jiffukaw wisq fuq il-bżonn li jiżdied l-għadd ta' nisa li jaħdmu u ftit wisq fuq il-ħtiġijiet u l-aħjar interessi tat-tfal,

G. billi ħafna familji għandhom diffikultajiet kbar biex jirrikonċiljaw l-obbligi familjari mal-limitazzjonijiet tax-xogħol b'konnessjoni mat-tibdil attwali fis-suq tax-xogħol, bħat-tendenza li l-impjegati jiġu rikjesti jaħdmu ħinijiet atipiċi u flessibbli u ż-żieda ta' impjiegi bla sigurtà,

H. billi hemm rabta diretta bejn il-benesseri tal-ġenituri u tat-tfal u l-forniment ta' servizzi fl-ewwel snin tat-tfulija, f'dak li għandu x'jaqsam kemm mal-kwantità, kif ukoll mal-kwalità tagħhom,

I.   billi tradizzjonalment il-kura tat-tfal tqieset bħala x-xogħol naturali tan-nisa, u dan wassal biex, fil-qasam tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, jaħdmu n-nisa b'mod predominanti,

J.   billi l-kwalifiki tal-persunal ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u bejn tipi ta' fornituri, u billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri m'hemm l-ebda obbligu għall-fornituri tal-edukazzjoni preprimarja li jimpjegaw persunal bi kwalifiki speċifiċi,

K. billi, fil-livell tal-UE, ftit li xejn saret riċerka dwar l-edukazzjoni tat-tfal żgħar li tista' tgħin fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija fl-UE kollha,

Approċċ li jiffoka fuq it-tfal

1.  Jilqa' l-miri li ġejjin, stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona "biex tiġi pprovduta kura tat-tfal sal-2010 lil mill-inqas 90 % tat-tfal bejn it-3 snin u l-età tal-iskola obbligatorja u lil mill-inqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin"; isostni, madankollu, li l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jirrevedu u jaġġornaw dawn il-miri, billi jqiegħdu l-bżonnijiet u l-aħjar interessi tat-tfal fil-qofol tal-politiki tagħhom dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

2.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-istrateġija Ewropa 2020, li l-għan tagħha huwa li toħloq soċjetà inklużiva billi żżid l-impjiegi, tnaqqas ir-rata ta' dawk li jitilqu mill-iskola prematurament u tnaqqas il-faqar, ma tistax titwettaq sakemm it-tfal kollha jingħataw bidu xieraq fil-ħajja;

3.  Jinnota li l-ewwel snin tat-tfulija huma kruċjali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' konjittivi, sensorji u taċ-ċaqliq, l-iżvilupp tal-emozzjonijiet u dak personali u t-tagħlim tal-lingwi, u jqiegħdu wkoll il-pedamenti għat-tagħlim tul il-ħajja; jirrikonoxxi li l-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jappoġġaw l-iżvilupp mentali u fiżiku b'saħħtu tat-tfal, u jippermettilhom isiru bnedmin aktar ekwilibrati; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu sena obbligatorja ta’ kindergarten qabel ma tibda l-iskola proprja;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp bikri ta’ stil ta’ ħajja li jiffavorixxi s-saħħa, bħal drawwiet nutrittivi tajbin u eżerċizzju xieraq u bbilanċjat, jista’ jkollu impatt profond fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali u jkun element li jiddetermina b'mod fundamentali s-saħħa matul il-ħajja; iwissi kontra l-inklużjoni minn kmieni wisq tat-tfal f'attivitajiet sportivi intensivi, orjentati lejn ir-riżultati;

5.  Ifakkar fl-importanza ta’ kull tagħlim fi stadju bikri fil-ksib tal-għerf, partikolarment fir-rigward tat-tagħlim tal-lingwi, il-multilingwiżmu u d-diversità lingwistika;

6.  Jinkoraġġixxi l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ mudelli pedagoġiċi innovattivi għat-tagħlim tal-lingwi, b’mod partikolari fil-crèches u l-kindergartens multilingwi li jissodisfaw l-objettiv stabbilit f’Barċellona fl-2002, li jinkludi t-tagħlim ta’ lingwi reġjonali, tal-minoranzi u tal-ġirien;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu żviluppati u jittejbu l-istituzzjonijiet edukattivi (faċilitajiet għal wara l-iskola), li jieħdu ħsieb it-tfal wara l-ħinijiet normali tal-kindergartens;

8.  Jenfasizza li, minbarra l-edukazzjoni u l-kura, it-tfal kollha għandhom id-dritt li jistrieħu, jiddevertu u jilagħbu;

Il-forniment universali tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija

9.  Jinnota li skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009, l-iżvantaġġ edukattiv għandu jkun indirizzat billi jiġu pprovduti edukazzjoni ta' kwalità għolja u appoġġ immirat fl-ewwel snin tat-tfulija, u billi tiġi promossa l-edukazzjoni inklużiva;

10. Jirrikonoxxi l-fatt li, filwaqt li gruppi soċjali żvantaġġati jistgħu jgawdu minn għajnuna addizzjonali, il-forniment tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija idealment għandu jkun universali għall-ġenituri u għat-tfal kollha, irrispettivament mill-ambjent ta' oriġini u mill-qagħda finanzjarja tagħhom;

11. Jenfasizza li, meta jkun xieraq, it-tfal b'diżabilitajiet għandhom jieħdu sehem fis-servizzi ġenerali tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, u li, meta jkun meħtieġ, għandhom jiġu offruti għajnuna speċjalizzata addizzjonali;

12. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b’Diżabilitajiet mingħajr dewmien;

13. Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jippermettu approċċi pluralistiċi fil-kuntest tal-kurrikulu preskolastiku u l-prattika relatata;

Involviment mal-ġenituri

14. Jisħaq fuq il-fatt li l-ommijiet u l-missirijiet it-tnejn huma sħab ugwali fil-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija; jinnota li s-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija għandhom ikunu għalkollox parteċipattivi, billi jinvolvu lill-persunal, lill-ġenituri u, meta jkun possibbli, lit-tfal infushom kollha;

15. Jenfasizza li l-għoti ta' perjodi ta' liv tal-maternità u tal-paternità ta' tul ta' żmien biżżejjed u l-implimentazzjoni ta’ politiki tas-suq tax-xogħol effiċjenti u flessibbli huma komponenti essenzjali f'politika effikaċi dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

16. Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu fi programmi ta' edukazzjoni għall-ġenituri u, meta jkun xieraq, jipprovdu forom oħra ta’ assistenza, bħal servizzi ta' żjarat id-dar, għall-ġenituri li jeħtieġu għajnuna addizzjonali; isostni, barra minn hekk, li l-ġenituri għandhom jingħataw aċċess b'xejn, b’limiti minimi baxxi u fuq il-post għal servizzi ta' konsulenza fil-crèches;

17. Jisħaq fuq il-fatt li l-attivitajiet kulturali huma sors ta’ arrikkiment għat-tfal, jiffavorixxu d-djalogu bejn kulturi differenti u jiżviluppaw l-ispirtu ta’ ftuħ u tolleranza; ifakkar, f’dan ir-rigward, li hu importanti li timijiet ta' professjonisti li jaħdmu mat-tfal u għalihom jorganizzaw attivitajiet interkulturali mat-tfal u l-ġenituri tagħhom;

18. Jinnota li t-tfal ta’ ġenituri mingħajr status ta’ residenza legali għadhom mhux qed jingħataw aċċess għal tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Istati Membri kollha;

19. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu lit-tfal ta’ persuni li qed jitolbu ażil, ta’ rifuġjati, ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja jew ta’ persuni li jitħallew jibqgħu fil-pajjiż għal raġunijiet umanitarji aċċess għal edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, sabiex ma jitrażżnulhomx l-opportunitajiet tagħhom fil-ħajja ma sa mill-bidu nett;

Integrazzjoni aħjar tas-servizzi

20. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw is-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, waqt li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp tagħhom u l-attivijiet relatati, kif ukoll koperazzjoni u koodinament aħjar bejn l-istituzzjonijiet u l-ministeri differenti li jaħdmu fuq il-politiki u l-programmi għall-ewwel snin tat-tfulija;

21. Jitlob lill-Istati Membri jippermettu awtonomija suffiċjenti lis-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, sabiex dawn ikunu jistgħu jippreservaw l-uniċità u l-kreattività tagħhom fl-isforzi tagħhom li jsibu soluzzjonijiet għall-benessri tat-tfal;

22. Jenfasizza l-importanza ta' servizzi innovattivi għall-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, li jkollhom karattru lokali u li jgħaqqdu flimkien lill-membri tal-komunità mis-setturi tas-saħħa, soċjali, edukattivi, kulturali u oħrajn;

23. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiffinanzjaw, b’sinerġija mal-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet mhux għall-qligħ, miżuri u proġetti li joffru servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija lit-tfal minn gruppi soċjali żvantaġġati, filwaqt li jassiguraw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tagħhom;

24. Jirrikonoxxi li hemm bżonn li jitqiesu d-diversità tal-kundizzjonijiet varji tal-ħajja tal-familji u l-ħtiġijiet differenti li jimxu id f’id magħhom, u jistenna li jara l-forniment ta' firxa varjata, flessibli u innovattiva ta’ kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

25. Jitlob li jiġi żviluppat qafas Ewropew għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija li jirrispetta d-diversità kulturali tal-Istati Membri u jenfasizza l-objettivi u l-valuri kondiviżi;

Benefiċċji ekonomiċi

26. Jenfasizza li fi klima ekonomika instabbli, m'għandniex nittraskuraw li ninvestu sostanzjalment fis-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiddedikaw ir-riżorsi xierqa għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

27. Itenni li ntwera li l-investiment fil-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jkollu benefiċċji ekonomiċi u soċjali aktar 'il quddiem, bħal aktar kontributi fiskali permezz ta' forza tax-xogħol imsaħħa, kif ukoll anqas spejjeż relatati mas-saħħa fil-futur, iżgħar rati ta' kriminalità u anqas każi ta' mġiba antisoċjali; jenfasizza li l-prevenzjoni hija għodda aktar effikaċi, u aktar kost-effiċjenti, mill-intervent fi stadju aktar tard;

28. Jagħraf li edukazzjoni ta' kwalità fl-ewwel snin tista' tgħin biex tnaqqas ir-rata ta' dawk li jitilqu prematurament mill-iskola, telimina l-iżvantaġġi edukattivi tat-tfal ġejjin minn grupp soċjali żvantaġġati u tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali li jirriżultaw minnhom, li kollha kemm huma jolqtu lis-soċjetà bħala entità sħiħa; jinnota li ż-żgħażagħ minn gruppi soċjali vulnerabbli huma partikolarment f'riskju;

29. Jenfasizza li s-servizzi ta' kura u edukazzjoni ta' kwalità għolja fl-ewwel snin tat-tfulija huma kumplementari, u mhux sostituti, għal sistema ta' ħarsien soċjali b'saħħitha li tinkorpora firxa wiesgħa ta' għodda kontra l-faqar; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-faqar soċjetali;

Persunal u servizzi ta' kwalità

30. Jisħaq fuq il-fatt li l-perjodu preskolastiku hu l-aktar żmien importanti fl-iżvilupp emottiv u soċjali tat-tfal u li l-persunal li jaħdem mat-tfal preskolastiċi jrid għaldaqstant ikollu l-kwalifiki xierqa; jenfasizza li l-benesseri u s-sikurezza tat-tfal huma tal-ogħla importanza meta jkun qed jiġi rreklutat il-persunal;

31. Jinnota li l-effetti pożittivi ta’ programmi ta’ intervent bikri jistgħu jinżammu fuq żmien twil biss jekk jiġu segwiti b’edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja;

32. Jirrikonoxxi li l-aktar impatt notevoli fuq il-kwalità tas-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jiġi meta, mat-tfal żgħar, ikun qed jaħdem persunal kwalifikat u imħarreġ sew, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jgħollu l-istandards professjonali billi jintroduċu kwalifiki rikonoxxuti għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija; jinnota li fatturi oħra, inkluż il-proporzjon bejn il-persunal u t-tfal, il-kobor tal-grupp u l-kontenut tal-kurrikulum, ukoll jistgħu jaffettwaw il-kwalità;

33. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar konnessjonijiet u trasferimenti ta’ approċċi bejn l-edukaturi fil-qasam tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija u l-għalliema tal-iskejjel primarji, b’attenzjoni speċifika fuq il-kontinwità tal-metodi ta’ tagħlim;

34. Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi biex jivvalutaw il-forniment tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija u jiżguraw li l-istandards ta’ kwalità jiġu sodisfatti, sabiex is-servizzi ta’ kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jiġu mtejba;

35. Jitlob, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki, biex titqies il-kwalità tal-edukazzjoni u b'hekk ir-riżultati tat-tagħlim; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ kontinwu għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija sabiex iżidu u jaġġornaw il-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom;

36. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li idealment il-persunal kwalifikat kollu għall-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jitħallas salarju konformi ma' dak tal-għalliema fl-iskejjel primarji;

37. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema tal-ġeneri fix-xogħol ta' kura billi jimplimentaw politiki mfasslu biex jiżdiedu n-numri ta' rġiel fil-korsijiet tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

Riċerka u skambju tal-aħjar prattiki

38. Jinnota li minkejja l-eżistenza ta’ ammonti vasti ta’ data empirika dwar it-tfal żgħar minn xi Stati Membri (miġbura, inter alia, min-National Association for the Education of Young Children, il-UNICEF, l-International Early Years Education Journal u l-OECD), xorta waħda għad hemm il-bżonn li nifhmu aħjar l-iżvilupp tat-tfulija fl-edukazzjoni fl-ewwel snin; jitlob, għalhekk, li jsiru investigazzjoni u riċerka ulterjuri, u skambju tar-riżultati fl-UE kollha, waqt li titqies id-diversità kulturali tal-Istati Membri;

39. Jiddispjaċih li l-fondi strutturali tal-UE u skemi bħal Comenius, li jippermettu li l-edukaturi jieħdu sehem fi skambji għall-UE kollha, ma jintużawx biżżejjed; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien ta' skemi u fondi ta' dan it-tip fost l-edukaturi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

40. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi l-identifikazzjoni u l-iskambju tal-politiki u l-prattiki tajbin permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinament, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkoperaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex itejbu l-programmi eżistenti tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija;

o

o   o

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(2)

ĠU C 339, 14.2.2010, p. 1.

(3)

ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

(4)

ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

(5)

ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(6)

ĠU C 319, 13.12.2008, p. 20.

(7)

ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 12.

(8)

ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 59.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-Ewropa tikkonsisti f'taħlita għanja u diversa ta' tradizzjonijiet edukattivi, u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tingħata permezz ta' ġemgħa ta' modi differenti fil-kontinent. Hemm varjazzjoni ċara bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità u l-forniment tal-provvista, rati ta' parteċipazzjoni, approċċ għas-servizzi, governanza tas-servizzi, eċċ. Dan ir-rapport jirrikonoxxi li l-approċċ li "mod wieħed tajjeb għal kulħadd" għall-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija fl-UE mhuwiex xieraq, u jkun diffiċli biex jitwettaq. Minflok, ikun ħafna aħjar li jiġi żviluppat qafas Ewropew magħmul minn obbjettivi u valuri maqsuma, li jinkludu drittijiet u strutturi maqsuma. Waqt li wieħed ma jistax jiċħad li ħafna Stati Membri tal-UE huma mexxejja dinjin fil-forniment ta' servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, għad fadal ħafna xi jsir biex ikun hemm titjib fil-qasam kollu kemm hu. Għall-fini ta' dan ir-rapport, "l-ewwel snin" se tintuża biex tirreferi għall-perjodu ta' tfulija bejn 0 u 6 snin.

Fl-2002 il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona stieden lill-membri tal-UE jipprovdu kura tat-tfal għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola sal-2010 u mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin. Dawn l-obbjettivi indikaw approċċ orjentat lejn is-suq tax-xogħol għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, abbażi tal-ħtieġa identifikata dak iż-żmien li jiżdiedu n-numri ta' nisa li jaħdmu. Waqt li hu vitali li tingħata l-attenzjoni dovuta għar-rabta bejn is-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija u l-ugwaljanza ta' opportunitajiet għan-nisa, huwa ċar li dawn il-miri huma problematiċi u għadda żminhom, peress li jonqsu milli jqisu ħafna mill-aspetti kwalitattivi kruċjali ta' politika edukattivi b'saħħitha fl-ewwel snin. Iċ-ċentri tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija mhumiex biss post fejn tiddepożita t-tfal sabiex in-nisa jkunu jistgħu jaħdmu; huma tal-ogħla importanza biex jikkontribbwixxu għall-benessri tat-tfal u t-titjib taċ-ċansijiet tagħhom għall-ħajja fil-ġejjieni.

Approċċ li jiffoka fuq it-tfal

Huwa kruċjali li dan ir-rapport jibda billi jaċċerta mistoqsijiet, problemi u diffikultajiet kritiċi, aktar milli jħaffef biex joffri soluzzjonijiet kumplessi. Tkun utli billi nibdew billi nikkunsidraw x'inhi eżattament ix-xbiha tagħna tat-"tfal". Jekk nemmnu li t-tfal huma ċittadini attivi u impenjati bi drittijiet, li huma għonja bi kreattività potenzjali, u li huma kapaċi jsawru u jesprimi l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jolqtuhom, meta rridu naqblu li d-diskussjonijiet dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija għandhom jibder mill-perspettiva tat-tfal. Il-perjodu mit-twelid sat-tliet snin hu kritiku għall-iżvilupp tal-moħħ, l-iżvilupp konjittiv u l-iżvilupp fiżiku, u għat-tagħlim tal-lingwi tat-tfal. Dawk l-ewwel snin jqegħdu wkoll il-pedamenti għat-tagħlim tul il-ħajja tat-tfal, li hu ċentrali biex jinkisbu l-obbjettivi ta' Lisbona. Għaldaqstant, f'dan ir-rapport il-kunsiderazzjoni ewlenija hija l-ħtiġijiet u l-aħjar interessi tat-tfal.

Forniment universali vs forniment immirat

Hemm anqas ċans li l-familji fqar jużaw is-servizzi ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, speċjalment fis-swieq privattizzati, minn grupp oħrajn. Wieħed mill-gruppi l-iktar fil-periklu fl-UE hu dak tar-Roma, li l-aċċess tagħhom għas-servizzi fl-ewwel snin hu baxx ħafna u sew anqas mill-medja fl-Ewropa. Dan hu preokkupanti, peress li ntwera li t-tfal żvantaġġati huma dawk li jgawdu l-iktar minn aċċess għas-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija. Diversi Stati Membri tal-UE laqgħu fil-popolazzjoni skolastika tagħhom numri kbar ta' tfal ta' immigranti u li l-ilsien nattiv tagħhom mhuwiex dak tal-pajjiż ospitanti, fatt li jqajjem sfidi edukattivi notevoli, partikolarment meta nara li t-tfal ta' familji minn minoranzi etniċi huma anqas probabbli minn gruppi oħrajn li jużaw is-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija.

Il-problema meta l-Istati Membri jimmiraw direttament lejn il-familji l-fqar hi li dan jista' jwassal għal stigmatizzazzjoni, li tista' tiskuraġġihom milli jagħmlu użu sħiħ tas-servizzi offruti. Waqt li hu importanti li wieħed jirrikonoxxi li ħafna familji fqar għandhom bżonn aktar inkoraġġiment f'dak li jirrigwarda s-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, il-forniment għandu jkun universali għall-familja u t-tfal kollha, huma x'inhuma l-ambjent ta' oriġini jew il-qagħda finanzjarja tagħhom.

Involviment mal-ġenituri

Il-ġenituri huma l-ewwel edukaturi ta' wliedhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, ikollhom fehim fil-fond, inkomparabbli ta' wildhom, u rabta intima magħhom. Hu rikonoxxut b'mod estensiv li l-ambjent ideali biex it-tfal jikbru u jiżviluppaw fl-ewwel sena wara li jitwieldu hu d-dar ma' ġenitur. Anke l-forniment ta' liv tal-ġenituri twil jista' jkun mod kif wieħed jgħin biex titnaqqas id-domanda għall-postijiet fil-kura tat-tfal. Il-problema hi li attwalment huma ftit ħafna l-Istati Membri li joffru perjodu twil biżżejjed ta' liv rimunerat. Fejn hemm distakk bejn it-tmiem tal-liv tal-ġenituri mħallas u d-dritt għal post f'ambjent tal-kura tat-tfal ta' kwalità tajba, jista' jkun hemm diffikultajiet għall-ġenituri. Dan ir-rapport jenfasizza li l-forniment ta' liv tal-ġenituri twil biżżejjed hu komponent essenzjali f'politika effikaċi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija.

L-involviment tal-ġenituri jrid ikompli wkoll fis-snin sussegwenti. Hemm anqas ċans li l-ġenituri fqar u żvantaġġati jkunu involuti fi strateġiji biex jindirizzaw l-edukazzjoni ta' wliedhom minn ġenituri oħra. Tiġri ta' spiss ukoll li l-irġiel jiġu mwarrba ma' ġenb f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-politiki u l-programmi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, u l-parteċipazzjoni f'attivitajiet li jinvolvu lil uliedhom. Dan ir-rapport jisħaq fuq il-fatt li l-ġenituri għandhom ikunu s-sħab ċentrali f'kull teħid ta' deċiżjonijiet li jirrigwards lill-uliedhom, u li hemm bżonn li l-ambjenti tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jerġgħu jaħsbu dwar kif jinteraġixxu mal-ġenituri, speċjalment il-missirijiet. Programmi għal qabel l-iskola bħal dawk f'Reggio Emilia fl-Italja, fejn il-ġenituri huma parteċipanti bi dritt fil-kompitu doppju li jieħdu ħsieb u jedukaw lil uliedhom, juru eżatt kemm tista' tkun effikaċi prattika ta' dan it-tip.

Integrazzjoni aħjar tas-servizzi

Is-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija għandhom il-potenzjal li jkunu netwerk ta' appoġġ b'saħħtu għall-ġenituri. Dan ir-rapport jargument li s-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija ma kinux innovattivi biżżejjed. Iċ-ċentri u l-ambjent għall-ewwel snin m'għandhomx ikunu biss spazji għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal; jistgħu wkoll jiftħu l-possibbilitajiet għal ġemgħa sħiħa ta' proġetti differenti. Biex nagħtu biss ftit eżempji, iċ-ċentri tal-ewwel snin jistgħu jixtieqa jgħaqqdu t-tagħlim formali jew informali mas-saħħa tat-tfal u tal-ommijiet, appoġġ għat-treddigħ, servizzi ta' pariri u ppjanar familjari. Fejn iċ-ċentru tal-ewwel snin jitqies bħala spazju kollettiv, li jgħaqqad lil individwi minn kull settur tal-komunità, ikun f'pożizzjoni aħjar biex jappoġġa l-familji, isaħħaħ il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà tal-komunità, u jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Għandu jittieħed approċċ simili mill-Istati Membri meta jittrattaw jew jorganizzaw il-politika dwar l-ewwel snin. Kważi f'kull każ, il-pajjiżi kellhom it-tendenza jadottaw approċċ fuq żewġ livelli għall-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, li jissepara l-ħarsien soċjali ("kura tat-tfal") u l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola primarja. Dan irriżulta f'nuqqas ta' fokus għall-iżvilupp konjittiv tat-tfal bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin, u ftit wisq attenzjoni għall-iżvilupp tas-saħħa u dak psikosoċjali tat-tfal ta' 3 snin u akbar. Dan l-approċċ intensifika wkoll l-inugwaljanzi, l-inkonsistenzi u rriżulta f'nuqqas ta' koerenza għall-familji.

Fejn ikun hemm koperazzjoni bejn is-setturi u l-aġenziji differenti, in-nuqqas ta' fehim jew lingwa komuni jista' jfisser li ħafna xogħol potenzjalment tajjeb jinħonoq.

Hekk kif hemm bżonn li ċ-ċentri tal-ewwel snin ikunu aktar innovattivi billi jindirizzaw firxa ta' kwistjonijiet pertinenti għat-tfal żgħar, hekk ukoll l-Istati Membri jridu jgħaqqdu diversi aġenziji meta jkunu qed jiżviluppaw il-politiki u l-programmi għall-ewwel snin. L-eżempji jinkludu s-saħħa, il-migrazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjiegi. Servizzi integrati, prinċipalment fl-edukazzjoni, jgħinu jissodisfaw il-bżonnijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u oħrajn tat-tfal bejn 0 u 6 snin. Anke s-servizzi u s-setturi eżistenti jeħtieġu jiżviluppaw viżjoni kondiviża u sett ta' vokabularju komuni.

Benefiċċji ekonomiċi

In-Netwerk tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kura tat-Tfal fl-1996 avża li l-pajjiżi Ewropej għandhom jinvestu tal-anqas 1% tal-PDG fil-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija; madankollu, skont stħarriġ tal-OECD fl-2004, ħames pajjiżi biss mill-għoxrin li ġew eżaminati kisbu dan il-livell ta' investiment(1). Dan hu sorprendenti, peress li r-riċerka wriet li l-investiment fil-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jwassal għal ritorni akbar mill-investiment fi kwalunkwe stadju ieħor.

Fil-kuntest ta' klima ekonomika instabbli u perjodu ta' awsterità aggressiva, hu faċli ħafna li l-edukazzjoni fl-ewwel snin tiġi ttraskurata. Madankollu dan ir-rapport jenfasizza li s-servizzi tal-ewwel snin mhumiex lussu li jista' jiġi eliminat b'impunità. Tassew, id-deċiżjoni li ma jsirux investiment għandha spejjeż li jista' jkun li ma jkunux rikonoxxibbli mal-ewwel, bħal kisbiet ekonomiċi futuri aktar baxxi, u dawn jistgħu jkunu piż ieħor fuq l-istabilità finanzjarja tal-Istati Membri. Intwera li l-investiment fl-ewwel snin inaqqas l-ispejjeż aktar tard, pereżempju billi jsaħħaħ il-forza tax-xogħol tal-ġejjieni, u l-gvernijiet jevitaw telf potenzjali għat-taxxi. Jista' wkoll inaqqas fil-futur l-ispejjeż tas-saħħa, ir-rati ta' kriminalità u r-rati ta' mġiba antisoċjali.

Persunal u kwalità tas-servizzi

Sabiex tkun tista' ssir distinzjoni bejn prattika tajba u prattika ħażin fl-UE, hemm bżonn ta' definizzjoni universali ta' "kwalità". Madankollu ma teżisti l-ebda definizzjoni sempliċi u aċċettata estensivament. L-ideat dwar xi tfisser il-kwalità jvarja minn pajjiż għall-ieħor. Ir-raġuni għal din hi li huma marbuta mal-valuri kulturali tal-Istati Membri individwali, kif ukoll mal-konċepimenti u d-definizzjonijiet tagħhom ta' "tfulija". Dan ir-rapport hu maħsub biex jipprovdi fehim aktar ċar dwar x'għandha tabilħaqq tfisser "il-kwalità" għall-Istati Membri tal-UE.

Jargumenta li l-iktar impatt notevoli fuq il-kwalità jiġi billi jkollok persunal kwalifikat u mħarreġ sew jaħdem mat-tfal żgħar. Forza tax-xogħol għall-ewwel snin li mhix edukata jew imħallsa tajjeb hi sempliċiment mhux sostenibbli. Minkejja li diġà ġie nnutat li l-ewwel tliet snin tal-ħajja tat-tfal huma estremament importanti għall-iżvilupp tal-moħħ, u biex jiġu stabbiliti l-attitudnijiet u x-xejriet tal-ħsieb, nosservaw li fl-UE kollha, dawk responsabbli għall-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija ta' spiss mhumiex konxji tal-importanza kritika tal-ewwel ftit snin tal-ħajja tat-tfal. Peress li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal fl-ewwel snin tagħhom mhumiex meħtieġa jwettqu taħriġ professjonali jew jiksbu kwalifiki speċifiċi sabiex jaħdmu mat-tfal żgħar, ħafna minnhom m'għandhomx il-kompetenzi interattivi u l-ħila globali meħtieġa biex jiżguraw li t-tfal li jkun qed jieħdu ħsiebhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet konjittivi xierqa.

Problema oħra identifikata minn dan ir-rapport hi dik tal-ġeneri fil-ħidma ta' kura. Hemm it-tendenza li huma n-nisa, aktar milli l-irġiel, li jfitxxu xogħlijiet fil-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija. Din issaħħaħ l-idea li l-kura tat-tfal hi l-ewwel u qabel kollox xogħol in-nisa, li min-naħa tagħha għandha implikazzjoni għall-ugwaljanza tal-ġeneri. Hemm bżonn li t-tfal ikollhom mudelli taż-żewġ rwol f'ħajjithom, b'mod partikulari fil-każ ta' familji b'ġenitur wieħed, fejn hemm probabilità akbar li l-missier ikun assenti aktar milli l-omm. Il-problema hi huma ftit wisq il-pajjiżi tal-UE li stabbilixxew obbjettivi biex jiġu rreklutati l-irġiel fil-professjoni, jew li pprovaw ibiddlu l-kunċett perċepit li, l-ewwel nett, il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija hu "xogħol in-nisa" u, it-tieni nett, li hemm xi ħaġa minnha nnifisha "ħażin" fil-każ ta' raġel li jkun irid jaħdem mat-tfal żgħar. Wieħed jista' jsib eżempji ta' prattika tajba fid-Danimarka, fejn attwalment hemm rata ta' reġistrazzjoni ta' 25% għall-irġiel fil-korsijiet għat-taħriġ għal kura fl-ewwel snin tat-tfal, u r-Renju Unit, fejn għal diversi snin, l-awtoritajiet lokali għall-edukazzjoni ilhom imexxu programmi speċjali biex jiġbdu lill-irġiel biex jaħdmu fil-kura tat-tfal.

Hu vitali li jiġu żviluppati politiki għar-reklutaġġ u ż-żamma ta' forza tax-xogħol varjata u b'taħlita ta' ġeneri u għall-iżgurar li dawk li jagħżlu karriera f'ambjent tal-ewwel snin isibuha sodisfaċenti, rispettata sew u li trendi finanzjarjament.

Riċerka u skambju tal-aħjar prattiki

Attwalment, m'hemm l-ebda data empirika ċara dwar it-tfal żgħar li tista' tgħin biex tinforma l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija għall-UE kollha. Texisti xi riċerka. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tagħha din hi ddominata mill-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, speċifikament l-Istati Uniti, u bħala riżultat ta' dan, ta' spiss ikollha ambitu strett ħafna, u hemm it-tendenza li tkun ibbażata fuq fehim tat-tfulija li mhux relevanti f'ħafna pajjiżi li ma jitkellmux bl-Ingliż.

Peress li fl-UE teżisti firxa tant estensiva ta' servizzi tal-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, ta' spiss jista' jkun diffiċli li wieħed jislet paraguni ċari bejnithom. Madankollu approċċ komparattiv bejn il-pajjiżi jista' jkun utli ħafna peress li jippermetti li l-Istati Membri jitgħallmu minn xulxin. Kien prezzjuż ħafna, pereżempju, meta tqajmu dubji dwar il-fatt li ħafna ġenituri u professjonisti fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż jemmnu li t-tagħlim "kif suppost" irid iseħħ fl-ambjent ta' klassi, li jikkontrasta mal-mudell Nordiku li jirrikonoxxi l-importanza tal-ambjent ta' barra għat-tagħlim u l-iżvilupp tat-tfal.

Riċerka aktar estensiva tippermetti li l-UE tirrevedi u taġġorna l-miri dwar il-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija li diġà ġew stabbiliti.

(1)

             "Starting Strong II, Early education and care", OECD 2006.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Doris Pack, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Nessa Childers, Oriol Junqueras Vies, Ramona Nicole Mănescu, Iosif Matula, Monika Smolková

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez

Aġġornata l-aħħar: 28 t'April 2011Avviż legali