RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

15.4.2011 - (2010/2122(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Bernhard Rapkay

Proċedura : 2010/2122(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0152/2011
Testi mressqa :
A7-0152/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2010/2122(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta' Luigi de Magistris għall-ħarsien tal-immunità tiegħu f’rabta ma’ proċedimenti legali pendenti quddiem qorti Taljana, kif imressqa fil-5 ta' Lulju 2010 u mħabbra waqt is-seduta plenarja tas-7 ta' Lulju 2010,

–   wara li sema' lil Luigi de Magistris, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0152/2011),

A. billi Luigi de Magistris, Membru tal-Parlament Ewropew, talab li titħares l-immunità parlamentari tiegħu fil-kuntest ta' proċediment legali pendenti quddiem qorti Taljana,

B.  billi t-talba minn Luigi De Magistris tirrigwarda ċitazzjoni maħruġa kontrih quddiem il-Qorti ta' Benevento f'isem Clemente Mario Mastella, Membru tal-Parlament Ewropew, fir-rigward ta' intervista li s-Sur De Maigistris ta lil gazzetta Taljana fil-31 ta' Ottubru 2009,

C. billi skont iċ-ċitazzjoni, parti minn dik l-intervista ("... Mastella kien implikat f'waħda mill-investigazzjonijiet tiegħi u pprova jwaqqafni") tikkostitwixxi libell, u tat lok għal talba għal kumpens għad-danni ta' EUR 1 000 000 flimkien mal-ispejjeż,

D. billi fiż-żmien li ngħatat l-intervista Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li kkontesta b'suċċess l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009,

E.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom,

F.  billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali tressqu taħt id-dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li jaqgħu taħt id-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jipprekludix per se l-applikazzjoni tal-immunità rrikonoxxuta mill-imsemmi artikolu,

G. billi, meta ta l-invervista kkonċernata, Luigi de Magistris kien qed jaġixxi fil-kuntest tal-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u kien qed iwettaq attivitajiet politiċi billi jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni ta' interess pubbliku lill-kostitwenti tiegħu,

H. billi tentattivi li jimpedixxu Membri tal-Parlament milli jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq kwistjonijiet ta' interess pubbliku u tħassib leġittimu, u milli jikkritikaw l-avversarji politiċi tagħhom, billi jitressqu proċedimenti legali kontrihom huwa inaċċċettabbli f'soċjetà demokratika u jikser l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li huwa intiż sabiex jipproteġi l-libertà ta' espressjoni tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom fl-interess tal-Parlament bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea,

1.  Jiddeċiedi li jħares l-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] ECR 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] ECR II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament.

NOTA SPJEGATTIVA

1.        Sfond

Fis-seduta tas-7 ta' Lulju 2010, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li fil-5 ta' Lulju 2010 irċieva talba mingħand is-Sur Luigi de Magistris dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana kif emendat bil-Liġi Kostituzzjonali Nru 3 tad-29 ta' Ottubru 1993. Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(3). Is-Sur De Magistris instema' minn dan il-Kumitat fit-22 ta' Marzu 2011.

Id-dettalji tal-talba għall-ħarsien huma dawn: Is-Sur De Magistris ġie mħarrek quddiem il-Qorti ta' Benevento minn Clemente Mario Mastella, Membru tal-Parlament Ewropew, fuq intervista li hu ta lil gazzetta Taljana (l-edizzjoni ta' Milan tal-gazzetta ta' kuljum Epolis) li kienet ippubblikata fil-31 ta' Ottubru 2009.

Il-kontenut tal-intervista kien ikopri ħafna suġġetti u kien jikkonċerna s-sitwazzjoni politika fl-Italja f'dak iż-żmien. It-test rilevanti li huwa s-suġġett taċ-ċitazzjoni jipprovdi:

"[il-persuna li kienet qed tintervista:] Sadanittant, tfaċċa każ Mastella ġdid fil-Campania.

[is-Sur De Magistris:] Mastella kien implikat f'waħda mill-investigazzjonijiet tiegħi u pprova jwaqqafni. Huwa jgħid li hu ta rakkomandazzjonijiet biss, iżda fil-verità huwa kien mexxej ta' suq kriminali tal-impjiegi. Jekk ir-reklutaġġ kien jitmexxa hekk fl-Arpac (l-awtorità tal-ambjent, ed.), ma hemm xejn tal-iskantament fid-diżastru ambjentali fir-reġjun"

Is-Sur Mastella allega li l-kliem “Mastella kien implikat f'waħda mill-investigazzjonijiet tiegħi u pprova jwaqqafni...” kienu intiżi li jagħtu lill-qarrejja l-idea li s-Sur Mastella pprova jabbuża l-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Ġustizzja[1] sabiex jimpedixxi lis-Sur De Magistris f'xogħlu bħala prosekutur pubbliku. Is-Sur Mastella jargumenta li din l-allegazzjoni hija kompletament falza, malizzjuża, u tista' tagħtih isem ħażin, u b'hekk tikkostitwixxi libell. It-talba għal kumpens għad-danni tammonta għal EUR 1 000 000 flimkien mal-ispejjeż li huwa jintendi jagħti bħala "donazzjoni lill-"'Villaggio dei Ragazzi" f'Maddaloni".

Min-naħa l-oħra, is-Sur De Magistris, fit-talba tiegħu tal-5 ta' Lulju 2010, jargumenta li l-intervista ngħatat "bħala parti mill-attivitajiet politiċi [tiegħu]". Huwa jallega li huwa "intitolat li jikkritika avversarju politiku u għandu għalhekk jingħata protezzjoni taħt ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew u l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea".

2.        Liġi u proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965 jgħidu li:

Artikolu 8:

Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 9:

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.        fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.        fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

Il-proċedura fil-Parlament Ewropew hija rregolata bl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:

1.        Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3.        Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4.        F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:

1.        Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.        Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.        Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6.        F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7         Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privilieġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kien invokat minn Luigi De Magistris fit-talba tiegħu u huwa applikabbli f'dan il-każ.

L-intervista ngħatat meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, peress li kien elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009,

Skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċediment legali huwa ta' natura ċivili jew amministrattiva, jew fih ċerti aspetti li jaqgħu taħt id-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jipprekludix per se l-applikazzjoni tal-immunità rrikonoxxuta mill-imsemmi artikolu.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-immunità assoluta pprovduta fl-Artikolu 8 "għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju biss".[2]

Il-Kumitat iqis li, meta ta l-invervista kkonċernata, Luigi de Magistris kien qed jaġixxi fil-kuntest tal-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u kien qed iwettaq attivitajiet politiċi billi jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni ta' interess pubbliku lill-eletturi tiegħu. Li tipprova timpedixxi, permezz ta' tressiq ta' proċediment legali, Membri tal-Parlament milli jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq kwistjonijiet ta' interess pubbliku u tħassib leġittimu u milli jikkritikaw l-avversarji politiċi tagħhom huwa inaċċċettabbli f'soċjetà demokratika u dan jikser l-Artikolu 8 tal-Protokoll, li huwa intiż sabiex jipproteġi l-libertà ta' espressjoni tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom fl-interess tal-Parlament bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra l-ħarsien tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jħares l-immunità parlamentari ta' Luigi De Magistris.

  • [1]  Għalkemm kien elett fil-Parlament Ewropew fl-elezzjoni Parlamentari tal-2009, fil-perjodu ta' żmien li s-Sur De Magistris irrefera għalih fl-intervista, is-Sur Mastella kien Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Taljana u s-Sur Magistris kien prosekutur pubbliku.
  • [2]  Marra, iċċitata aktar 'il fuq, fil-paragrafu 26.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marielle Gallo, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kurt Lechner, Eva Lichtenberger