RAPPORT dwar l-analiżi f'nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta' finanzjament

18.4.2011 - (2009/2226(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Vladimír Remek

Proċedura : 2009/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0165/2011
Testi mressqa :
A7-0165/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-analiżi f’nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta’ finanzjament:

(2009/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007[1] dwar l-iffinanzjar tal-programm Ewropew ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) fi ħdan il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-programm ta' qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)[2],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS[3],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, "Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)" (SEC(2010)0717),

–   wara li kkunsidra r-"Rapport tas-Suq GNSS" tal-Aġenzija Ewropea GNSS (Ottubru 2010),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" (COM(2010)0700),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni, "Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita" (COM(2011)0005),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0165/2011),

A. billi l-Parlament Ewropew b'mod konsistenti ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lis-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea, implimentata permezz tal-programmi Galileo u EGNOS, intiża sabiex ittejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, tiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tal-Ewropa, u tikseb parti sinifikanti tas-suq dinji tat-teknoloġija avvanzata li jiddependi fuq in-navigazzjoni bis-satellita,

B.  billi l-UE hija attwalment dipendenti fuq is-Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS) tal-Istati Uniti tal-Amerika, peress li attivitajiet li jirrappreżentaw madwar 7% tal-PDG huma dipendenti fuqha,

C. billi Galileo huwa mistenni li joffri vantaġġi meta mqabbel mal-GPS, bħat-titjib fil-preċiżjoni, l-integrità globali, l-awtentikazzjoni u l-garanzija ta' servizz, kif ukoll li jagħti l-Unjoni awtonomija strateġika,

D. billi s-suq dinji tal-GNSS qed jikber b'mod esponenzjali, u huwa stmat li jilħaq madwar EUR 150 biljun fl-2020, li anqas minn 20% minnu huwa ġġenerat fl-UE,

E.  billi l-EGNOS diġà beda jintuża fuq bażi ta' kuljum minn 80 000 bidwi Ewropew u reċentement ġie ċċertifikat għall-avjazzjoni ċivili u huwa mistenni li ċ-ċertifikazzjoni għat-trasport marittimu tingħata fil-futur qrib,

F.  billi l-Galileo qed jimmira li jsir il-GNSS bl-aktar teknoloġija avvanzata fid-dinja, kapaċi li jiffissa l-istandard globali għall-futur, li jinvolvi konċentrazzjoni qawwija tax-xjenza, tekonoloġiji avvanzati u riżorsi umani kkwalifikati u jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-UE,

G. billi l-EGNOS u l-Galileo se jiġġeneraw EUR 60 biljun ta' benefiċċji indiretti lill-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, fil-forma ta' titjib fis-sikurezza tat-toroq u tal-avjazzjoni, tnaqqis fil-konsum tat-tniġġis u l-pestiċidi, impjiegi ġodda u sikurezza pubblika, li jiġġeneraw valur sinifikanti għall-flus minfuqa meta mqabbla ma' investimenti komparabbli oħra,

H. billi bl-istabbiliment ta' erba' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita dinjija u tnejn reġjonali minn atturi internazzjonali differenti, il-ħeffa fit-tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-servizzi hija element essenzjali għall-Galileo sabiex din is-sistema Ewropea ssir, kemm jista' jkun malajr, sistema ta' referenza GNSS alternattiva u ewlenija ta' preferenza,

I.   billi n-nuqqas ta' suċċess tas-sħubija pubblika-privata inizjali għall-finanzjament tal-programmi GNSS wassal, fl-2007, għad-deċiżjoni li l-implimentazzjoni tagħhom issir permezz ta’ finanzjament meħud esklużivament mill-baġit tal-Unjoni (EUR 3.4 biljun għall-fażijiet ta' definizzjoni, ta' validazzjoni u ta' użu sal-2013), u konsegwentement huwa għalkollox il-proprjetà tal-Unjoni Ewropea, u dan irendi l-Galileo u l-EGNOS l-ewwel proġetti ewlenija tal-UE ta' dan it-tip,

J.  billi l-Galileo huwa sistema ċivili taħt kontroll ċivili, u s-servizzi tiegħu kollha għandhom ikunu konformi mal-liġi internazzjonali tal-ispazju, it-Trattati tal-UE, u l-prinċipji mniżżla fil-Karta tan-NU u fit-Trattati;

K. billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-programm, minħabba, fost oħrajn, l-ineżattezza tal-previżjonijiet tan-nefqa u tal-istrateġiji ta' ġestjoni tan-nefqa, tfisser li l-baġit attwali jista' jiffinanzja biss l-użu tal-Kapaċità Operattiva Inizjali (Initial Operating Capacity, IOC), li tinkludi 18-il satellita,

L.  billi, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar impenn finanzjarju addizzjonali mill-baġit tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni ċara tal-għażliet tekniċi u l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati kollha possibbli,

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu: valutazzjoni tal-implimentazzjoni

1.  Jilqa' r-Rapport tal-Kummissjoni, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri ta' din l-inizjattiva ewlenija importanti;

2.  Jiddispjaċih, mandankollu, bid-dewmien fil-pubblikazzjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu, li għal żmien twil wisq ħoloq inċertezza fir-rigward tal-progress ġenerali tal-proġett u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u dan huwa ta' detriment għall-adozzjoni mis-suq tal-applikazzjonijiet GNSS u għas-sostenn pubbliku;

3.  Għal aktar trasparenza, jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Qafas Strateġiku GNSS (C(2008)8378) fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti, inklużi l-azzjonijiet prinċipali, l-istima tal-baġit u l-iskeda neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex jiġu eliminati l-ispejjeż żejda fil-ġejjieni, timplimenta politiki ta' trażżin strett tal-ispejjeż u ta' mitigazzjoni tar-riskji, biex l-ispejjeż tal-illanċjar tas-satelliti jinżammu taħt kontroll; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tanalizza r-riżultati miksuba sal-lum u tikkunsidra l-użu ta' esperti indipendenti, inklużi rappreżentanti tal-industrija, sabiex ittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-proġetti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji rrakkomandati bħall-approċċ ta' żewġ sorsi, fil-ksib tal-pakketti kollha ta' ħidma kritiċi, sabiex ikun jista' jinżamm il-kalendarju ambizzjuż, fid-dawl tal-livell ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti, kif ukoll ir-rieda politika li tinżamm il-kapaċità tal-illanċjar fl-Ewropa fil-ġejjieni, kif riflessa fost oħrajn fis-Seba' Riżoluzzjoni tal-Ispazju tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2010;

Is-sitwazzjoni finanzjarja

6. Jemmen li l-IOC, li tista' tipprovdi servizzi inizjali bbażati fuq 18-il satellita, għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-2014 sabiex jiġi żgurat li l-Galileo tabilħaqq isir it-tieni kostellazzjoni ta' referenza għall-produtturi tar-riċevituri; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tillanċja fl-inqas żmien possibbli l-erba' satelliti tal-validazzjoni fl-orbita (IOV), tfassal pjan ta’ rotta għall-illanċjar tal-14-il satellita li jifdal, u tikkonkludi l-pakketti ta' ħidma finali;

7.  Huwa konvint li l-iskop ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa (Full Operating Capacity, FOC), ibbażata fuq kostellazzjoni ta' 27 satellita flimkien ma' numru adegwat ta' satelliti sper u infrastruttura tajba huwa prerekwiżit sabiex jinkiseb il-valur miżjud tal-Galileo f'termini ta' awtentikazzjoni, preċiżjoni kbira u servizz mhux interrott u għalhekk sabiex jittieħdu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali; jemmen li jeħtieġ appoġġ ċar u mhux ambigwu mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha għall-ilħiq tal-FOC sabiex l-utenti u l-investituri jkunu konvinti mill-impenn fit-tul tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħti sinjal pożittiv lis-suq f'dan ir-rigward;

8.  Jiddeplora l-fatt li ma saritx proposta biex jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għal dan il-programm permezz tal-aġġustament mill-ġdid tal-qafas finanzjarju pluriennali, li wassal għal aktar dewmien, spejjeż addizzjonali u possibbilment it-telf ta' opportunità; jemmen, f'dan id-dawl, li l-FOC għandha tintlaħaq l-aktar tard sal-2018, u dan skont il-Kummissjoni huwa stmat li jeħtieġ finanzjament addizzjonali ta' EUR 1.9 biljun u finanzjament annwali għall-ispejjeż operattivi ta' madwar EUR 800 biljun mill-2014 'il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod attiv xi ffrankar jista' jsir fir-rigward tal-effiċjenza finanzjarja u timplimenta struttura ta' finanzjament xierqa (fid-dawl, fost oħrajn, tad-dħul mis-Servizz Kummerċjali ta' Galileo) sabiex tillimita l-finanzjament addizzjonali neċessarju;

9.  Jenfasizza l-fatt li l-finanzjament attwali tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp tal-GNSS huwa limitat għal EUR 15 miljun fis-sena; iwissi li tista' ssir ħsara lil programmi oħra ta' riċerka u żvilupp jekk il-finanzjament addizzjonali għal dawn l-attivitajiet jitneħħa mill-programm qafas attwali (FP7); Huwa tal-opinjoni li fil-ġejjieni għandu jiġi pprovdut aktar finanzjament taħt l-FP8 u permezz ta' miżuri oħra ħalli jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi bbażati fuq il-GNSS;

10. Jenfasizza l-bżonn li jiżdied il-finanzjament ħalli jissaħħaħ l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u s-servizzi GNSS, li huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-investiment fl-infrastruttura li l-Galileo jirrappreżenta jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata bil-kapaċità sħiħa tagħha;

L-għarfien tal-pubbliku

11. Huwa konvint sew li finanzjament addizzjonali għall-GNSS jista' jkun żgurat biss jekk l-għarfien tal-benefiċċji għall-ekonomija u għas-soċjetà tal-UE li jirriżultaw mill-GNSS jikber b'mod konsiderevoli fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali; ifaħħar l-istabbiliment ta' inizjattivi konkreti, bħall-kompetizzjoni għall-ideat Galileo Masters organizzat kull sena, li għalih applikaw 350 parteċipant minn 44 pajjiż fl-2010, il-kompetizzjoni tat-tfal Galileo u l-premju ta' innovazzjoni GNSS;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Awtorità tal-GNSS tal-UE (GSA) jagħmlu sforz wisq akbar biex ikabbru l-għarfien tal-GNSS fost l-utenti u l-investituri potenzjali, jippromwovu l-użu ta' servizzi bbażati fuq il-GNSS, kif ukoll jidentifikaw u jikkonċentraw id-domanda għal dawn is-servizzi fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Galileo huwa fl-interess pubbliku fil-livell tal-UE u għalhekk jikkostitwixxi raġuni ġustifikata għal finanzjament mill-fondi pubbliċi;

13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-GSA javviċinaw awtoritajiet nazzjonali u SMEs fis-settur spazjali, bħala utenti potenzjali ta' applikazzjonijiet tal-GNSS, permezz ta' sejħiet għall-offerti, kampanji ta' informazzjoni u mekkaniżmi tat-trasferiment tat-teknoloġiji biex iwettqu dan, filwaqt li fl-istess ħin isir enfasi fuq l-importanza li jinżamm il-bilanċ reġjonali Ewropew;

Id-dimensjoni internazzjonali

14. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod attiv ir-reġjuni tad-dinja li fihom l-adozzjoni tat-tekonoloġija u l-applikazzjonijiet Ewropej GNSS jistgħu jgħinu l-iżvilupp tas-suq, bħall-Amerika Latina, ix-Xlokk tal-Asja jew l-Afrika;

15. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tal-Galileo ma' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita oħra u biex taħdem favur standardizzazzjoni fuq livell dinji; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw kull mezz disponibbli sabiex isolvu l-kwistjonijiet attwali ta' kompatibbiltà maċ-Ċina;

L-isfidi tal-futur: finanzjament u governanza

16. Jenfasizza l-importanza strateġika tal-politika spazjali u l-programm GNSS fl-isforz li nistabbilixxu politika industrijali Ewropea reali bbażta fuq proġetti konkreti ta' benefiċċju tanġibbli għall-pubbliku u għan-negozji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti li n-navigazzjoni bis-satellita jista’ jkollha u biex tintegraha fl-iżvilupp tal-politiki Komunitarji rilevanti l-oħra;

17. Jirrimarka li stabbiltà fit-tul hija importanti sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun id-dewmien addizzjonali, it-tibdiliet tad-disinn li jqumu ħafna flus u d-destabilizzazzjoni tal-bażi tal-utenti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippreżenta bla dewmien proposti leġiżlattivi dwar il-livell futur tas-servizzi, il-finanzjament u l-governanza tal-programmi GNSS; jemmen, barra minn hekk, li huwa vitali li tiġi żgurata ż-żamma ta' know-how rilevanti u ta' kompetenza akkwiżita sabiex il-programmi jkunu ġestiti b'mod tajjeb;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-impatt li għandha ssir fil-qafas tal-proposta leġiżlattiva li jmiss, tinkludi informazzjoni ċara u komprensiva dwar:

- l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (eżattezza, kopertura ġeografika, integrità, eċċ.) tas-servizzi (Servizzi Miftuħa, Salvagwardja tal-Ħajja, Servizzi Kummerċjali, Servizzi Pubbliċi Regolati) li jistgħu jipprovdu l-konfigurazzjonijiet differenti tas-satellita Galileo (inklużi l-IOC u l-FOC, użati flimkien ma' sistemi GNSS oħra jew waħedhom);

- ir-rwol tas-servizzi EGNOS fir-rigward tal-konfigurazzjonijiet differenti possibbli ta' Galileo u jekk l-EGNOS għandhiex tinżamm f'kostellazzjoni FOC jew le;

- l-ispejjeż tal-konfigurazzjonijiet possibbli tal-Galileo u l-EGNOS fir-rigward mhux biss tal-investimenti fl-infrastruttura iżda anku l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-kontinġenza (inklużi l-IOC, l-FOC jew għażliet oħra possibbli);

19.  Iqis li l-Galileo u l-EGNOS, bħala programmi Ewropej proprjetà tal-UE li jindirizzaw interess pubbliku fil-livell tal-UE, għandhom ikunu fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-baġit tal-UE; jemmen li – flimkien mal-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE – għandhom jiġu investigati s-sorsi kollha possibbli ta' finanzjament, inklużi forom innovattivi ta' finanzjament; jenfasizza li ad hoc, soluzzjonijiet baġitarji ta’ emerġenza bħal dawk li saru fil-passat probabbilment jipperikolaw is-suċċess u l-valur miżjud ta’ proġetti strateġiċi u fuq skala kbira tal-UE bħal dawn u jipperikolaw il-momentum politiku madwarhom; jemmen, għalhekk, li trid tinsab soluzzjoni għall-finanzjamenti soda, globali u fit-tul ; jissuġġerixxi li ammont annwali deċiż min qabel għandu jiġi pprovdut mill-baġit tal-UE (għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-Galileo li fadal kif ukoll l-ispejjeż operattivi); jindika li ċ-ċifri stmati inklużi fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu għall-perjodu wara l-2013 huma indikattivi, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dettaljata tal-bżonnijiet finanzjarji stmati sas-Sajf 2011, ħalli tiżdied ir-responsabilità politika, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proġett;

20. Jemmen li l-ispejjeż addizzjonali mhux mistennija għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit Komunitarju mingħajr ma jiġu pperikolati l-programmi eżistenti l-oħra; jistieden, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi "fond ta' riżerva Galileo", li jista' jintuża f'każ li jinħolqu spejjeż mhux mistennija;

21. Jemmen li l-istruttura tal-governanza u l-ġestjoni fit-tul tal-GNSS għandha tindirizza l-qsim ta' xogħol u responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni, il-GSA u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), kif ukoll kwistjonijiet rilevanti oħra, bħall-qsim tal-ispejjeż b'mod xieraq, il-mekkaniżmu tal-qsim tad-dħul, is-sistema ta' responsabbiltà, il-politika ta' prezzijiet u l-involviment u l-kontribuzzjoni tas-settur privat fil-programmi tal-GNSS; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummisjjoni tipproċedi malajr bir-riflessjoni attwali dwar skemi futuri ta' governanza għall-operat tas-sistema, tassumi r-responsabbiltà għall-operazzjonijiet fit-tul u għall-adattament tal-infrastrutura, biex tiżgura l-provvediment ta' dejta u servizzi kontinwi lill-utenti, u biex timmassimizza l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' servizzi kummerċjali;

22. Jisħaq fuq l-importanza li kull struttura ta' governanza u ġestjoni tal-GNSS fit-tul tkun għalkollox trasparenti, finanzjarjament soda u obbligata li tagħti rendikont kif ukoll immaniġġjata bl-aktar mod responsabbli possibbli; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-koordinament mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandu jseħħ fuq bażi regolari u jinkludi aġġornamenti dettaljati;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi xierqa biex tiżgura li servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq il-GNSS, kemm jekk irregolati privatament kif ukoll jekk pubblikament, jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini bħall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ESA.

  • [1]  ĠU C 146E, 12.6.2008, p.226.
  • [2]  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.
  • [3]  ĠU L 176, 20.10.2010, p. 11.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Daħla

L-UE ħadet pass importanti bid-deċiżjoni politika tagħha stabbilita fir-Regolament 683/2008 li timplimenta Sistemi Ewropej Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) (Galileo u EGNOS) taħt is-sjieda tal-UE u gestiti minnha. Din il-Komunikazzjoni hija reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' din l-inizjattiva sinifikanti, li tivvaluta l-proċess u l-implimentazzjoni s'issa u tvara d-dibattitu fuq il-governanza, l-użu u l-finanzjament tagħha.

Galileo – Deskrizzjoni fil-qosor

Galileo, flimkien ma' EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay Service, is-sistema Ewropea ta' awmentazzjoni li ttejjeb il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni tas-Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS) tal-Istati Uniti tal-Amerika) huma l-GNSS żviluppati mill-UE. Meta jitlesta, huwa mistenni li jikkonsisti f'27 satellita fllimkien ta' numru ta' satelliti sper f'orbita b'altitudni ta' madwar 23 000km 'l fuq mill-wiċċ tad-dinja, u netwerk dinji ta' madwar 40 stazzjon tal-art.

Żewġ raġunijiet prinċipali wasslu l-UE għad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sistema globali ta' navigazzjoni tagħha: minn naħa l-indipendenza tal-Ewropea minn sistemi globali ta' navigazzjoni oħra u l-awtonomija u, min-naħa l-oħra, il-ksib ta' sehem f'dan is-suq dinji tat-teknoloġija avvanzata li qed jikber ħafna u li bħalissa huwa għall-biċċa l-kbira dominat mill-Istati Uniti tal-Amerika.

Bħala sistema ta' navigazzjoni bis-satellita tat-tieni ġenerazzjoni, Galileo se joffri titjib divers li jirriżulta f'titjib fil-preċiżjoni, aktar reżistenza kontra riflessi ta' linji multipli u interferenzi u se jipprovdi integrità ġenerali u l-kunċett ta' awtentikazzjoni li jagħmilha fundamentalment differenti mill-GPS u mill-Global'naya Navigatsionnaya Sputnikovaya Sistema (GLONASS) tar-Russja. Barra minn hekk, mhux bħall-GPS u l-GLONASS, Galileo huwa mfassal bħala "sistema ċivili taħt kontroll ċivili", u dan ifisser li l-kontinwità tas-servizz hija garantita. Dan l-aħħar punt huwa importanti ħafna jekk wieħed iżomm f'moħħu li llum il-ġurnata aktar minn 7% tal-PDG tal-EU (inkluż is-settur finanzjarju, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, in-netwerks elettriċi u s-sistema ta' tranżazzjonijiet fil-borża) jiddependu fuq il-GPS. Għalhekk, limitazzjoni jew degradazzjoni (temporanja) tas-sinjali tal-GPS se jkollhom effett qawwi fuq l-ekonomija u s-soċjetà tagħna, mingħajr sistemi indipendenti oħra ta' GNSS.

Il-proġett Galileo jitwettaq f'erba' fażijiet:

1. Il-Fażi tad-Definizzjoni tlestiet fl-2001 li rriżultat fid-disinn u l-arkitettura tas-sistema kif ukoll fid-definizzjoni tas-servizzi.

2. Il-Fażi tal-Iżvilupp u tal-Validazzjoni bdiet fl-2002 u kellha tkompli, oriġinarjament, sal-2005. Żewġ satelliti sperimentali (GIOVE-A, GIOVE-B) ġew illanċjati u b'hekk tlesta x-xogħol primarju li tiġi żgurata l-okkupazzjoni tal-frekwenzi. Matul il-Validazzjoni fl-Orbita (IOV), erba' satelliti operattivi huma mistennija jiġu llanċjati lejn nofs l-2011 u l-bidu tal-2012.

3. Il-Fażi tal-Iskjerament tinkludi l-kostituzzjoni tas-sistema sħiħa ta' Galileo billi tiġi llanċjata l-kostellazzjoni sħiħa ta' 30 satellita, inklużi dawk sper, u l-kostituzzjoni tal-istruttura tal-art.

4. Il-Fażi Operattiva se tibda' wara t-tlestija tal-kapaċità operattiva totali (FOC).

L-iskjerament tal-kostellazzjoni ta' Galileo isir skont ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, li jimmiraw għal aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta sabiex jinħolqu kundizzjonijiet pari għal dawk li jistgħu jitfgħu offerta. L-akkwist pubbliku nqasam f'sitt pakketti ta' ħidma ewlenija, b'regoli dettaljati li jirrigwardaw il-kuntratturi ewlenin u entitajiet oħra u l-perċentwali tal-kuntratti li għandhom jingħataw lill-SMEs.

Galileo kien intiż li jiġi żviluppat bħala Sħubija Pubblika-Privata (PPP). In-negozjati PPP waqfu fir-Rebbiegħa tal-2007 u wasslu biex is-sistema Galileo tingħata profil ġdid. Il-Progamm Ewropew GNSS issa huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni b'baġit ta' EUR 3.4 biljun sal-2014.

Benefiċċji indiretti tal-programm huma stmati li se jammontaw għal madwar EUR 60 biljun fis-sena (inklużi s-swieq downstream u upstream u l-benefiċċji pubbliċi). Il-GNSS huwa meqjus bħala teknoloġija ta' distakk (bħall-ICT) b'potenzjal kbir għall-innovazzjoni, għall-kostituzzjoni ta' bażi ta' għarfien ta' teknoloġija avvanzata u f'termini ta' gwadann ta' produttività f'ħafna setturi. Ir-rati ta' tkabbir annwali tas-suq għall-prodotti u s-servizzi offerti permezz tal-GNSS huma stmati 'l fuq minn 10%.

Galileo huwa l-proprjetà tal-UE. Il-governanza u l-ġestjoni pubbliċi tiegħu jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

· Is-superviżjoni politika hija żgurata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għal dan l-għan inħoloq Panel Interistituzzjonali Galileo.

· Il-Kummissjoni taġixxi bħala "maniġer tal-programm".

· L-Awtorità tal-GNSS tal-UE (GSA) tassisti l-Kummissjoni, taġixxi bħala Awtorità ta' Akkreditament u hija responsabbli li tipprepara s-suq u torganizza ċ-ċertifikazzjoni.

· L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) hija l-"kuntrattur ewlieni" jew l-"aġent tal-akkwist u tad-disinn".

II. Il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni

Ir-riżultati s'issa

Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-riżultati miksuba s'issa:

· Is-servizz miftuħ tal-EGNOS ġie ddikjarat operattiv f'Ottubru 2009. Egnos huwa issa użat kwotidjanament minn 80, 000 bidwi Ewropejw għal agrikoltura ta' preċiżjoni għolja; dalwaqt se tibda tintuża fl-avjazzjoni ċivili u t-trasport marittimu;

· L-ewwel 4 kuntratti għall-inġinerija tas-sistema, l-operazzjonijiet u l-kostruzzjoni u l-illanċjar ta' 14-il satellita Galileo addizzjonali barra mill-erba' satelliti inizjalment ikkummissjonati mill-ESA diġà ngħataw (iż-żewġ pakketti ta' ħidma li baqa' għandhom jingħataw fl-ewwel nofs tal-2011);

· Ittieħdu l-preparazzjonijiet għal-lanċjar tal-ewwel 4 satelliti kompletament operattivi ta' Galileo (satelliti IOV), li huma mistennija li jiġu llanċjati lejn nofs l-2011 jew il-bidu tal-2012;

· Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Applikazzjonijiet GNSS ġie adottat fl-2010 u jistabbilixxi inizjattivi konkreti sabiex jissaħħaħ is-suq downstream;

· Ittieħdu passi importanti għall-istabbilment tal-infrastruttura tal-art, inkluż l-istabbilment ta' diversi stazzjonijiet tal-art fit-territorju tal-UE u barra mit-territorju tal-UE;

· Saru diversi appelli fl-ambitu ta' FP7 b'valur totali ta' EUR 120 miljun sabiex jiġu żviluppati l-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji tar-riċevituri.

Is-sitwazzjoni finanzjarja

Is-sitwazzjoni finanzjarja hija anqas pożittiva. L-ispejjeż tal-fażi tal-validazzjoni IOV u l-ispeejeż tal-lanċjar żdiedu b'mod sostanzjali. Fl-ambitu ta' dan il-baġit, il-Kummissjoni tipprevedi li l-kostelazzjoni Galileo tikkonsisti fi 18-il satellita biss (14 + 4 satelliti IOV). Permezz ta' din il-kostellazzjoni, il-programm jista' jikseb kapaċità operattiva inizjali (IOC), li tippermetti l-provvista ta' servizz inizjali jiġifieri l-offerta ta' Servizz Miftuħ inizjali, s-Servizz ta' Tiftix u Salvataġġ u l-PRS (servizz pubbliku rregolat), iżda mhux fuq livell operattiv sħiħ.

Bil-provvista ta' servizzi inizjali, jista' jinfirex tagħmir kompatibbli ma' Galileo u jistgħu jitwessgħu l-applikazzjonijiet. Id-dħul ta' Galileo fis-suq tal-GNSS ikun iffaċilitat u jissaħħu l-kapaċità innovattiva kif ukoll l-ippożizzjonar kompetittiv tal-kumpanniji kompetittivi. Fl-aħħar nett, il-ksib tal-IOC jagħti sinjal importanti lid-dinja li l-UE hija impenjata u kapaċi li timplimenta GNSS sofistikata.

Minkejja dan, sabiex jittieħdu l-vantaġġi kollha tiegħu, Galileo jrid jilħaq il-Kapaċità Operattiva Totali (FOC). Il-livell ta' prestazzjoni ta' kostellazzjoni mnaqqsa huwa l-ewwel pass lejn id-dħul fis-suq iżda huwa restrittiv u żgur mhux se jkun biżżejjed sabiex jintħaqu l-objettivi tas-sistema Galileo.

Sabiex jintaħaq l-FOC hemm bżonn ta' investimenti addizzjonali. Peress li l-Kummissjoni ma pproponietx finanzjament addizzjonali matul il-perjodu attwali tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali, se jkun hemm bżonn ta' finanzjament addizzjonali ogħla minn dak previst mill-2014 'il quddiem. Minħabba l-ispejjeż addizzjonali (eż. ikkawżati minħabba t-tħarbit fil-katina ta' produzzjoni), il-Kuumissjoni stmat li hemm bżonn ta' ammont ta' madwar EUR 1.9 biljun sabiex tintħalaq il-FOC. Barra minn hekk, il-FOC ser tintlaqat b'dewmien ta' 2-3 snin (sa madwar l-2019), li se jwassal għal telf sostanzjali ta' benefiċċji indiretti.

L-ispejjeż żejda huma problema serja, iżda għandhom jitqiesu mill-perspettiva t-tajba: L-iżvilupp, l-iskjerament u l-aġġornament tas-sistema tal-GPS swew flimkien madwar USD 40 biljun. Barra minn hekk, Galileo għandu rata ta' redditu ogħla sew minn kull investiment infrastrutturali ieħor komparabbli (pereżempju, in-Networks Trans-Ewropej għandhom rata ta' redditu medja ta' madwar 8%, filwaqt li r-rata ta' redditu ta' Galileo hija stmata madwar 49%).

Attivitajiet internazzjonali

Wara l-lanċjar tal-ewwel satellita Ċiniża COMPASS fl-2007, nistgħu nistennew dalwaqt sistema ta' navigazzjoni bis-satellita fl-orbita (ir-raba waħda globali wara l-GPS, il-GLONASS u Galileo) L-Indja qed tibni s-sistema reġjonali tagħha (IRNSS - Sistema ta' Navigazzjoni bis-Satellita Reġjonali Indjana) u il-Ġappun qed jibni s-Sistema Quasi-Zenith (QZSS) tiegħu. Il-kompetituri tagħna saru aktar b'saħħithom u nistgħu nassumu li qed javvanzaw b'mod dinamiku. Sabiex Galileo jsir it-tieni GNSS globali ta' referenza għall-produtturi taċ-ċipep, huwa essenzjali li s-servizzi inizjali jsiru disponibbli kemm jista' jkun malajr u li jkun hemm impenn fit-tul fuq il-finanzjament futur ta' Galileo.

L-isfida prinċipali għall-attivitajiet internazzjonali tal-Programmi GNSS se tikkonsisti fl-iżgurar tal-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ma' Galileo, fl-aċċess għar-riżorsi GNSS dinjin u l-istabbilment ta' standards fuq livell dinji, fl-iżgurar tas-sikurezza tas-segment spazjali u n-netwerk ta' stazzjonijiet tal-art, filwaqt li jiġi żgurat kontroll aktar strett tat-teknoloġiji GNSS sensittivi żviluppati bil-finanzjament Ewropew u fil-parteċipazzjoni ta' sforz internazzjonali ħalli jiġu żviluppati applikazzjonijiet innovattivi u applikazzjonijiet speċjalizzati ta' interess soprareġjonali. Objettiv importanti se jkun li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali għat-teknoloġija GNSS u għall-industriji ta' applikazzjoni Ewropej.

III. L-Isfidi Futuri

Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tillanċja wkoll id-dibattitu fuq il-governanza, l-użu u l-finanzjament tal-programmi GNSS Dan huwa dibattitu importanti ħafna li għandu jiċċara l-intenzjonijiet u l-impenn fit-tur tal-UE f'dan il-qasam.

Il-funzjonament u l-użu wara l-2013

Dibattitu wiesa' u komplut fuq livell politiku għandu jsir dwar il-livell ta' ambizzjoni mixtieq (li jirriżulta fil-livell tas-servizzi pprovduti) u r-riżorsi finanzjarji disponibbli (b'hekk tkun neċessarja għażla politika bejn programm iffinanzjat biss mill-UE u wieħed li jippermetti l-kontribuzzjonijiet nazzjonali u privati). Ir-riżultat ta' dan id-dibattitu se jkollu impatt fuq l-għażliet ta' poltika għall-governanza u l-ġestjoni futuri tas-sistemi GNSS.

Elementi importanti għad-dibattitu huma:

· L-ispejjeż għall-użu ta' EGNOS u Galileo huma stmati madwar EUR 800 miljun fis-sena. Impenn fit-tul sabiex dawn l-ispejjeż jiġu sostnuti se jkun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà fit-tul ta' EGNOS u Galileo u sabiex l-utenti jieħdu l-benefiċċji massimi mis-servizzi offruti.

· Id-dħul (prinċipalment onorarji għas-Servizz Kummerċjali preċiż ħafna) huwa mistenni li jkun limitat fil-ġejjieni qrib, u jogħla bil-mod għal madwar EUR 80 miljun fis-sena sal-2030, li jfisser li l-awtosostenibbiltà ekonomika tas-sistemi mhux se sseħħ dalwaqt.

· Il-kjarifikazzjoni tas-sistema ta' responsabbiltà għan-navigazzjoni bis-satellita, b'mod partikolari fir-rigward EGNOS, għandha titħaffef ħalli jitnaqqas ir-riskju ta' responsabbiltà ta' servizz għall-applikazzjonijiet l-aktar importanti fuq il-livell ta' sikurezza

· Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew il-ġestjoni ta' riskju huma wkoll elementi indispensabbli li jirriżultaw mill-proprjetà tal-programm.

· Finanzjament aktar sostanzjali għar-Riċerka u l-Iżvilupp huwa neċessarju għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet downstream.

Abbażi tar-riżultat tad-dibattitu msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tniedi analiżi komprensiva sabiex tikseb identifikazzjoni aktar preċiża tax-xenjarji u l-mezzi possibbli għall-funzjonament u l-użu wara l-2013. Dan jinkludi l-aspetti kummerċjali kollha tal-użu kif ukoll l-istrutturi legali, kuntrattwali u finanzjarji tal-mudelli ta' użu differenti li jiggarantixxu l-ksib ta' mudell ta' governanza stabbli.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (8.7.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-analiżi f'nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta' finanzjament
(2009/2226(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Eleni Koppa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal Galileo, il-programm globali Ewropew ta' radju-navigazzjoni bis-satellita, bħala għodda utli li se ssaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku, is-sigurtà u l-awtonomija strateġika tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi li bħala tali l-ebda politika spazjali ma tista' titwettaq b'mod iżolat minn atturi rilevanti oħra fl-ispazju;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE) jinsabu fi djalogu u kooperazzjoni ma' fornituri ta' Sistemi oħra Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita, jiġifieri l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibilità u, fejn hu possibbli, l-interoperabilità tas-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (SGNS);

3.  Jinnota r-reazzjoni tal-Premier tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-ittra mill-President tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-faxex tal-frekwenzi u jitlob għal soluzzjoni li twassal biex is-sistemi Compass u Galileo jsiru kompatibbli;

4.  Jinsisti li l-forniment tas-servizzi ta' Galileo għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipju li Galileo huwa sistema ċivili taħt kontroll ċivili; filwaqt li jagħraf, madankollu, l-użu militari possibbli tiegħu, jenfasizza li kull użu ta' Galileo għandu jkun konformi mal-liġi internazzjonali, il-Karta tan-NU u t-Trattati tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-maniġer tal-programm, biex tistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għas-salvagwardji tekniċi u l-proċeduri speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għas-Servizz Pubbliku Regolat, sabiex jiġi minimizzat l-ambitu għall-użu mhux awtorizzat ta' Galileo, u wkoll biex tfassal sistema ta' monitoraġġ għat-trasferiment ta' teknoloġija u oġġetti sensittivi speċifiċi għal GALILEO;

6.  Jinsisti li l-Istati Membri tal-UE għandhom jagħrfu għalkollox in-natura sensittiva tas-SGNS, jiġifieri l-impatt fuq is-sigurtà tal-UE u ċ-ċittadini tagħha u fuq il-programmi tas-SGNS Ewropej, meta jkunu qed jikkunsidraw it-talbiet għall-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti relatati mas-SGNS mill-industriji tagħhom, b'mod partikolari meta dawn ikunu koperti minn sistemi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni, bħall-Arranġament ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u għall-Merkanzija u Teknoloġiji b'Użu Doppju;

7.  Itenni, madankollu, fid-dawl tal-investiment kbir mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni tiegħu li s-sistema Galileo għandha tkun tista’ tintuża biex tappoġġa s-CFSP/CSDP, inklużi operazzjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet, u biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-klawsoli ta' solidarjetà u ta' assistenza reċiproka tal-UE; jitlob, issa li l-Qafas ta’ Kooperazzjoni Ewropew għar-Riċerka fil-Qasam tas-Sigurtà u d-Difiża (QKE) bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED) u l-ASE ġiet attivata, li din il-kooperazzjoni tiġi estiża għal Galileo;

8.  Jenfasizza li politika spazjali Ewropea, li kienet maħsuba biex isservi finijiet paċifiċi, ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkontribwixxi għall-armar ġenerali tal-ispazju bl-armamenti, u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-prinċipji stabbiliti fit-Trattat tan-NU dwar l-Ispazju, b'mod partikolari:

     –   l-użu tal-ispazju għal għanijiet esklussivament paċifiċi;

     –   il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju;

     –   ir-responsabbiltà tal-awtorità li tillanċja fil-każ ta' ħsara kkaġunata lil stat terz, kif ikompli jiġi speċifikat fil-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Responsabbiltà Internazzjonali għall-Ħsara Kkawżata minn Oġġetti Spazjali;

9.  Jappoġġa l-isforzi fin-NU biex jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw l-attivitajiet fl-ispazju u biex tkompli tiġi żviluppata aktar il-kodifikazzjoni tal-liġi internazzjonali tal-ispazju; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE għall-Attivitajiet li Jsiru fl-Ispazju, li jqis ukoll il-ħtieġa li jitnaqqsu l-fdalijiet minn oġġetti distrutti u għadu miftuħ għall-iffirmar mill-pajjiżi li mhumiex fl-UE; itenni t-talba tiegħu biex il-Kodiċi ta’ Kondotta jiġi trasformat fi strument vinkolanti;

10. Jagħti l-appoġġ tiegħu biex mill-aktar fis-possibbli tinħoloq Kapaċità Ewropea għall-Għarfien ta’ Sitwazzjoni Spazjali sabiex tipproteġi l-infrastruttura kritika Ewropea fl-ispazju; f'dan il-kuntest, jappoġġa għalkollox il-ħidma komplementari li qed jagħmlu f’dan il-qasam l-ASE u l-AED;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Robert Atkins, Dominique Baudis, Bastiaan Belder, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Anneli Jäätteenmäki, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Jean-Luc Mélenchon, Willy Meyer, Andreas Mölzer, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Ernst Strasser, Charles Tannock, Zoran Thaler, Kristian Vigenin

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Georgios Koumoutsakos, Norbert Neuser, David-Maria Sassoli, György Schöpflin, Indrek Tarand, Traian Ungureanu

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pat the Cope Gallagher

 2. 

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (16.3.2011)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-analiżi f’nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta’ finanzjament
(2009/2226(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Edit Herczog

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza strateġika tal-politika spazjali – u b’mod partikolari taż-żewġ programmi ewlenin tagħha, il-programm GMES u l-programm GNSS – fl-isforz li nistabbilixxu politika industrijali Ewropea reali fondata fuq proġetti konkreti ta' benefiċċju tanġibbli għall-pubbliku u għan-negozji;

2.  Ifakkar li n-nuqqas tal-formula inizjali tas-sħubija pubblika-privata għall-finanzjament tal-programmi GNSS wassal, fl-2007, għad-deċiżjoni li l-implimentazzjoni tagħhom tissokta permezz tal-użu ta’ finanzjament esklussivament mill-baġit tal-Unjoni; ifakkar, f’dan il-kuntest u minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli fil-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) attwali, li kien ġie deċiż li l-limitu massimu tal-Intestatura 1a jiżdied bi EUR 2.4 biljun għall-perijodu 2007-2013; jindika li, għal darb’oħra fl-2010, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-MFF biex jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 1a, minħabba nuqqas ta’ finanzjament għall-proġett ITER;

3.  Jenfasizza li soluzzjonijiet ad hoc u ta’ emerġenza bħal dawn probabbilment jipperikolaw is-suċċess u l-valur miżjud ta’ proġetti strateġiċi kbar tal-UE u jdgħajfu d-dinamika politika madwarhom; jemmen li jkun aħjar li tinstab soluzzjoni baġitarja fit-tul biex jiġi żgurat li jkun hemm finanzjament fil-livell tal-UE skont l-eżiġenzi tekniċi ta' dawn il-programmi u b'kalendarju li jiggarantixxi r-relevanza u l-vjabilità tagħhom;

4.  Ifakkar li fid-dikjarazzjoni konġunta dwar il-finanzjament tal-programmi GNSS Ewropej wara l-ftehim relevanti tat-23 ta’ Novembru 2007, il-Parlament u l-Kunsill ikkonfermaw li l-ammont totali stmat għall-Kapaċità Operattiva Sħiħa tal-proġett GNSS Galileo huwa ta' EUR 3 400 miljun għall-perijodu 2007-2013, u ddikjaraw li dan l-ammont ma għandux jinqabeż għat-tul tal-qafas finanzjarju 2007-2013; hu konvint, madankollu, li dawn l-istimi fil-qafas finanzjarju attwali mhumiex suffiċjenti biex ikun jista’ jiffunzjona servizz effiċjenti u kompetittiv u biex jiggarantixxu l-kontinwità teknoloġika meħtieġa sal-2013; jiddeplora, għalhekk, il-fatt li fir-rieżami tagħha ta’ nofs it-terminu f’Jannar 2011, il-Kummissjoni ma pproponietx fondi addizzjonali għall-programmi GNSS għall-perjodu sal-2013, li jista’ jwassal għal dewmien mhux aċċettabbli fit-twettiq tagħhom; jindika li, jekk ikun hemm il-ħtieġa għal iktar fondi waqt dan il-perjodu, l-użu mill-ġdid minn programmi multiannwali attwali ma jistax jitqies bħala għażla vjabbli u li iktar tnaqqis taħt l-Intestatura 1a, partikolarment rigward is-7 Programm Qafas, mhuwiex aċċettabbli;

5.  Jenfasizza li l-GNSS hija teknoloġija kritika li tista’ twassal għal rivoluzzjoni fl-infrastruttura tat-trasport Ewropew u diversi setturi tas-suq; jindika li programmi GNSS oħra mhux Ewropej se jibdew joperaw f’terminu ta’ żmien medju u għalhekk kwalunkwe dewmien se jwassal biex tintilef il-kompetittività internazzjonali, biex l-infrastruttura attwali tiqdiem u ma tibqax fl-użu, biex teknoloġiji u applikazzjonijiet li qegħdin jiġu żviluppati ma jkunux jistgħu jintużaw biex jiġġarrab sa 60% telf tal-benefiċċji mistennija;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament kemm jista’ jkun malajr jekk ikun hemm aktar ħtiġijiet ta’ finanzjament għat-tlestija fil-ħin tal-GNSS, almenu billi tippreżenta rapport finanzjarju aġġornat sas-sajf tal-2011, meta titressaq il-proposta l-ġdida tal-MFF;

7.  Jenfasizza li Galileo mhuwiex biss l-ewwel proġett ewlieni tal-UE ta’ dan it-tip, iżda li jindirizza wkoll imperattiv ta’ interess pubbliku fil-livell tal-UE, biex b'hekk jiġġustifika l-użu tal-finanzjament pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġestjoni tal-proġett, biex tiżgura li servizz b’kostellazzjoni ta’ 30 satellita jista' jkun kompetittiv u operazzjonali bis-sħiħ fl-iqsar żmien possibbli, tevita l-inċertezzi u tibgħat sinjal pożittiv lill-parteċipanti fis-suq; jinnota li jista' jkun hemm differenzi sostanzjali bejn l-ispejjeż ta’ investiment attwali u l-ispejjeż operazzjonali futuri; jappoġġa, għalhekk, il-proposta li fil-futur, fejn ikunu kkonċernati proġetti fuq skala kbira bħal dan, ammont annwali predeterminat għandu jiġi kopert mill-baġit tal-UE u li l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli primarjament għall-finanzjament ta’ kwalunkwe spiża addizzjonali billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE finanzjament supplimentari, filwaqt li jidentifikaw l-oqsma ta’ dak il-baġit li ma jkunux intefqu biżżejjed, flimkien ma’ sorsi ta’ finanzjament oħra inklużi forom innovattivi ta' finanzjament, li jistgħu jgħinu jiffinanzjaw ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw minn proġetti fuq skala kbira bħal dan;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li talloka d-dħul mill-attivitajiet kummerċjali ta’ Galileo għall-baġit tal-UE;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament dettalji dwar kif se tkun iffinanzjata l-ispiża tal-manutenzjoni annwali ta’ Galileo, li hija stmata li tlaħħaq EUR 800 miljun, meta s-sistema tibda topera;

10. Jindika li ċ-ċifra stmata (EUR 1.9 biljun) inkluża fir-rieżami ta’ nofs it-terminu għall-perijodu wara l-2013 hija ppreżentata bħala waħda purament indikattiva; hu tal-opinjoni li għalhekk il-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija għall-finanzjament tal-programmi GNSS fuq terminu ta’ żmien medju u twil wara l-2013, inkluża l-investigazzjoni tal-idea li jiġi stabbilit ammont annwali għall-perijodu 2014-2020, li jkun jeħtieġlu jkopri t-twettiq tal-infrastruttura Galileo u l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tiegħu sal-2020.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Alexander Alvaro, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Lucas Hartong, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Barbara Matera, Miguel Portas, Vladimír Remek, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gerben-Jan Gerbrandy, Edit Herczog, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marit Paulsen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Ilda Figueiredo, Matthias Groote, Andrzej Grzyb, Satu Hassi, Yannick Jadot, Silvana Koch-Mehrin, Bernd Lange, Werner Langen, Mario Pirillo, Algirdas Saudargas, Catherine Trautmann