dwar ir-Regolament (KE) 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp: lezzjonijiet miksuba u perspettivi għall-ġejjieni
dwar ir-Regolament (KE) 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp: lezzjonijiet miksuba u perspettivi għall-ġejjieni
– wara li kkunsidra l-Artikoli 208 sa 211, u 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(1) (Strument ta' Finanzjament tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp – DCI),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: 'Il-Kunsens Ewropew', iffirmata fl-20 ta' Diċembru 2005(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjoni Esterna u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjoni Esterna mehmuża mal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni mdaħħla fil-minuti tal-Kunsill li jadottaw formalment il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ DCI(4), u b'mod partikolari d-‘Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 5 tad-DCI’,
– wara li kkunsidra l-ittra D (2007) 303749 tal-5 ta' Marzu 2007 mingħand il-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp ta' dak iż-żmien, Josep Borrell Fontelles, lill-Kummissarji ta' dak iż-żmien, Ferrero-Waldner u Michel(5),
– wara li kkunsidra l-ittra A (2007) 5238 tas-26 ta' Marzu 2007 mill-Kummissarju ta' dak iż-żmien Ferrero-Waldner lill-President ta' dak iż-żmien tal-Kumitat għall-Iżvilupp, Josep Borrell Fontelles(6),
– wara li kkunsidra d-‘Direttivi ta' Rappurtaġġ għas-Sistema ta' Rappurtaġġ tal-Kreditur’ tal-Kumitat għall-Għajnuna tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD/DAC)(7),
– wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2007 fil-Każ C-403/05 (Il-Parlament Ewropew vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej) Azzjoni għall-annulamment tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova proġett relatat mas-sigurtà tal-fruntieri tal-Filippini (Deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament (KEE) Nru 443/92),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(8),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta' Ottubru 2009 (Dok. 15265/09),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)(9),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ‘Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE’ (COM(2010)0700),
– wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ‘Il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi terzi’ (COM(2010)0586),
– wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2010 dwar ‘Politika tal-Iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli: Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE’ (COM(2010)0629),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosur u għall-Amerika Latina(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokument ta’ Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Pluriennali għall-Asja(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar l-iskrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-istrument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (DCI)(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-Programmi ta' Azzjoni Annwali għall-Brażil għall-2008 u għall-Arġentina għall-2008(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar l-awtoritajiet lokali u l-koperazzjoni għall-iżvilupp(16),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 'Awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp' (COM(2008)0626),
– wara li kkunsidra d-Djalogu Strutturat li tnieda fl-2010 mill-Kummissjoni bl-iskop li tinvolvi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u l-awtoritajiet lokali (LAs) fil-koperazzjoni għall-iżvilupp fil-KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Programm Annwali ta’ Azzjoni għall-2009 għall-Atturi Mhux Statali u għall-Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp (Parti II: Proġetti fil-Mira)(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-3 ta' Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-3 ta' Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-3 ta' Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli(20),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0187/2011),
A. billi, skont l-Artikolu 2(1) tad-DCI, l-objettiv predominanti tal-koperazzjoni skont dan l-istrument huwa ‘l-qerda tal-faqar fil-pajjiżi msieħba’, inkluż ‘it-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju’ (MDGs),
B. billi, skont l-Artikolu 2(4) tad-DCI, il-miżuri kollha inklużi fi programmi ġeografiċi u 90% tal-ispejjeż previsti fl-ambitu ta' programmi tematiċi jridu jissodisfaw il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali tal-Iżvilupp (ODA) stabbilita mill-OECD/DAC,
C. billi skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, 0.2% biss tal-impenji ffinanzjati fl-ambitu tal-programmi tematiċi tad-DCI bejn l-2007 u l-2009 ma jissodisfawx il-kriterji tal-ODA,
D. billi, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (id-'deċiżjoni tal-Komitoloġija')(21), il-Parlament fl-2007 nieda proċess ta' skrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, li jinkludi d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż (CSPs), id-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali (RSPs), id-Dokumenti Strateġiċi Tematiċi (TSPs) u l-Programmi Pluriennali Indikattivi kollha, u l-biċċa l-kbira tal-Programmi ta' Azzjoni Annwali (AAPs),
E. billi skont id-Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjonijiet Esterni u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjonijiet Esterni annessi mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew meta timplimenta l-istrateġiji”,
F. billi l-prinċipji ta’ sjieda, parteċipazzjoni u governanza tajba jitolbu li jkun hemm approċċ minn bosta atturi u li fih l-imsieħba varji għall-iżvilupp, jiġifieri, l-awtoritajiet lokali u atturi mhux statali, jaġixxu b’mod komplimentarju u koerenti; u billi, madankollu, huwa importanti li jkun hemm distinzjoni ċara bejn ir-rwol speċifiku tal-awtoritajiet lokali u dak tal-atturi mhux statali f’dawk li huma l-isferi tagħhom ta’ kompetenza, leġittimità u kontroll demokratiku, esperjenza fil-ġestjoni ta’ affarijiet lokali u involviment fl-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi,
G. billi l-finanzjament mill-UE tal-koperazzjoni internazzjonali mal-Afrika ġej minn erba' strumenti ġeografiċi: il-FEŻ għall-pajjiżi Afrikani-PAK, it-TDCA għall-Afrika t'Isfel, l-ENPI għal ħames Stati tat-Tramuntana tal-Afrika, u d-DCI għall-programmi tematiċi,
H. billi l-Kummissjoni trid tipprova tiżgura li 20% tal-għajnuna allokata lilha skont il-programmi tal-pajjiż koperti bid-DCI se jkunu ddedikati, sal-2009, għall-edukazzjoni bażika u sekondarja u s-saħħa bażika, permezz ta' proġett, għajnuna għall-programm jew għall-baġit marbuta ma' dawn is-setturi, billi tittieħed medja fiż-żoni ġeografiċi kollha,
I. billi l-UE impenjat ruħha għall-mira kollettiva li tonfoq 0.7 % tad-dħul nazzjonali gross nazzjonali (DNG) tagħha fuq l-ODA sal-2015,
J. billi s-Samit dwar id-Dinja 2012 għandu l-iskop li jiżgura tiġdid tal-impenn politiku għal żvilupp sostenibbli, jevalwa l-progress li sar lejn l-għanijiet miftiehma internazzjonalment dwar l-iżvilupp sostenibbli u li jindirizza l-isfidi ġodda li qed jitfaċċaw,
K. billi l-Artikolu 290 tat-TFUE jistqarr li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv,
Lezzjonijiet miksuba
1. Jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tonora l-impenn tagħha li tidħol fi djalogu regolari mal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tad-DCI; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula biex il-gruppi ta' ħidma tad-DCI fi ħdan il-Parlament jinżammu informati dwar kif l-impenji tagħha dwar id-dokumenti strateġiċi tqiesu fit-tfassil tal-AAPs;
2. Jinnota li, b’mod partikolari matul ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Parlament bħala parti mill-eżerċizzju ta’ skrutinju demokratiku għen sabiex ġiet evitata l-adozzjoni ta' dokumenti strateġiċi li jinkludu fihom dispożizzjonijiet ultra vires u biex id-dokumenti strateġiċi jiġu konformi mar-rekwiżiti tar-regolament tad-DCI u b'mod partikolari mal-prinċipji ta' eliġibilità għal ODA;
3. Jiddispjaċih li diversi preokkupazzjonijiet tal-Parlament li tqajmu waqt il-proċess ta' skrutinju demokratiku, b'mod partikolari dwar nuqqas ta' enfasi fuq il-faqar u fuq l-MDGs, ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed mill-Kummissjoni;
4. Jiddispjaċih li, filwaqt li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (2005) u d-DCI jenfasizzaw l-importanza tas-sjieda, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fit-tfassil ta' Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż, fil-prattika kien estremament fqir; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma implimentatx adegwatament id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19, 20 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 dwar il-konsultazzjoni ta' atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali;
5. Jinnota li 'strateġija favur it-tkabbir' m’għandhiex tkun konfuża ma’ strateġija għal żvilupp fuq medda twila ta’ żmien li tfisser il-finanzjament ta’ objettivi għal perjodu twil ta’ żmien bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-enerġija f’żoni rurali, l-appoġġ għall-impriżi agrikoli żgħar, eċċ.;
6. Jiddispjaċih li, b'rispons għar-riżoluzzjonijiet tiegħu li jenfasizzaw nuqqas ta' rispett għar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' eliġibilità għall-ODA, il-Kummissjoni emendat jew irtirat 3 biss mill-11-il abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni konċernati;
7. Jiddispjaċih li l-kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 35 tad-DCI ma weġibx għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li indikaw li l-Kummissjoni kienet marret lil hinn mill-poteri implimentattivi tagħha; jinnota bi tħassib li x-xogħol sostanzjali ta’ skrutinju li għamel il-Parlament ma ngħata ebda widen mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tad-DCI; u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u sabiex jiżguraw, b’kollaborazzjoni stretta mal-Parlament, li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jkunu f’konformità totali mal-preskrizzjonijiet tad-DCI;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tindika, fl-ordni tal-prijorità u tal-piż rispettiv taħghom, il-kriterji li użat għall-allokazzjoni ta' fondi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tad-DCI u lid-diversi setturi ta' attività fi ħdan kull programm ġeografiku u tematiku;
9. Iqis li ħafna mill-karti strateġiċi tal-pajjiżi u dawk tar-reġjuni ma jallokawx riżorsi biżżejjed għall-għan sovrastanti tal-DCI għall-eradikazzjoni tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, u li ħafna dokumenti huma nieqsa minn indikazzjonijiet ċari dwar kemm l-azzjonijiet proposti jistgħu jikkontribwixxu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;
10. Jiġbed attenzjoni partikolari għar-rekwiżit ta' eliġibilità għall-ODA għall-programmi ġeografiċi fl-ambitu tad-DCI u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u s-SEAE jiżguraw konformità sħiħa ma' dan l-obbligu ġuridiku f'kull każ;
11. Jindika l-fatt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, 'sjieda' tal-iżvilupp u għajnuna li ma tkunx frammentata huma essenzjali sabiex jiżguraw l-effettività tal-għajnuna;
Perspettivi għall-ġejjieni: prinċipji
12. Jenfasizza li l-UE għadha teħtieġ strument ta' finanzjament speċifiku għall-koperazzjoni għall-iżvilupp, li jimmira esklussivament lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'mod espliċitu jaħdem għall-ilħuq tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 208 tat-TFUE; jinsisti li l-figuri annwali ta' ODA fil-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandhom jiżdiedu f'termini reali biex tinkiseb il-mira kollettiva li 0.7% tad-DNG jintefaq fuq ODA sal-2015;
13. Jenfasizza li l-konformità sħiħa mal-kriterji tal-ODA, u b'mod partikolari mar-rekwiżit tal-OECD/DAC li 'kull tranżazzjoni tiġi amministrata bl-għan ewlieni li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u l-benessri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw'(22), trid tibqa' kundizzjoni tal-miżuri kollha li jiġu ffinanzjati bħala parti minn programmi ġeografiċi fl-ambitu tal-istrument il-ġdid; jitlob li jkun hemm kwota tal-ODA aktar stretta għal programmi tematiċi meta mqabbla ma' dik fl-ambitu tad-DCI attwali, speċjalment għal programmi dwar 'il-migrazzjoni u l-ażil', li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma wrietx b’mod ċar kif attivitajiet iffinanzjati fil-kuntest tal-kontrolli tal-fruntieri huma eliġibbli bħala ODA skont il-kriterji OECD/DAC;
14. Jenfasizza li l-ilħuq tal-MDGs irid jibqa' l-objettiv ewlieni tal-istrument għall-perjodu li jispiċċa fis-sena 2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna tal-UE tkompli tkun konformi mal-objettivi u l-miri għall-iżvilupp miftiehma internazzjonalment li se jiġu adottati min-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra għall-perjodu ta' wara l-2015;
15. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' koperazzjoni mhux ODA ma' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-provvista ta' beni pubbliċi globali; jemmen li dan it-tip ta' koperazzjoni għandu jkun regolat u li l-fondi għandhom jgħaddu minn strument separat wieħed jew aktar, sabiex tkun żgurata t-trasparenza u mħarsa n-natura partikolari tal-koperazzjoni għall-iżvilupp bħala qasam politiku awtonomu fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jinsisti, skont l-impenn meħud fil-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009, li l-finanzjament għat-tibdil fil-klima m'għandux idgħajjef jew jipperikola l-ġlieda kontra l-faqar u l-progress kontinwu lejn l-MDGs, u li l-fondi skarsi tal-ODA disponibbli għat-tnaqqis tal-faqar m'għandhomx imorru għal skopijiet oħra għajr l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li d-definizzjoni tal-OECD ta’ ODA m’għandhiex tinbidel u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-ebda proġetti għall-iżvilupp iffinanzjat mill-UE ma jkun f'kunflitt mal-isforzi globali ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li l-proġetti kollha ta' dan it-tip ma jaffettwax il-klima, b’mod partikulari proġetti infrastrutturali kbar jew proġetti fi gżejjer żgħar li jkunu minn tal-ewwel li jsofru l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;
16. Jesprimi t-tħassib tiegħu, fi żmien ta' restrizzjonijiet serji tal-baġit pubbliku, dwar l-enfasi qawwija magħmula fuq l-investiment tas-settur privat bħala mezz biex jiġġenera aktar riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp; jindika l-fatt li l-koperazzjoni għall-iżvilupp hija l-unika politika ta’ azzjoni esterna (minbarra l-għajnuna umanitarja) li ma kenitx imfassla biex isservi l-interessi tal-UE, anzi tfasslet biex tiddefendi l-interessi tal-aktar popolazzjonijiet emarġinati u vulnerabbli ta’ din il-pjaneta; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li kwalunkwe finanzi pubbliċi użati biex jappoġġaw investiment tas-settur privat fin-Nofsinhar ma jittiħdux minn setturi li diġà huma sottofinanzjati (bħal pereżempju fil-każ ta’ atturi mhux statali u awtoritajiet lokali), u li tali appoġġ ikun jippermetti effettivament l-iżvilupp tas-settur privat domestiku u impriżi żgħar u medji f’pajjiżi bi dħul baxx;
17. Jaqbel li jinħtieġ approċċ divrenzjat lejn il-grupp divers ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-għajnuna finanzjarja tradizzjonali tista' ssir inqas relevanti għal pajjiżi emerġenti;iqis li l-għajnuna għal pajjiżi emerġenti, filwaqt li tippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli, xorta għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-politika fiskali tal-pajjiż sieħeb u l-promozzjoni tal-mobilizzazzjoni ta' dħul domestiku li għandu jwassal għat-tnaqqis tal-faqar u tad-dipendenza fuq l-għajnuna;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ aqwa biex tgħin pajjiżi emerġenti u pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riformi fiskali, bl-iskop li jingħata appoġġ lil sistemi effettivi, effiċjenti, ġusti u sostenibbli;jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra b'mod effikaċi l-prinċipji ta' governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni, filwaqt li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jinfurzaw rappurtar pajjiż pajjiż mill-kumpaniji transnazzjonali;
19. Jenfasizza li l-istrument ġejjieni ta' koperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkompli jkopri l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw tar-reġjuni ġeografiċi li japplika għalihom, skont il-lista tal-OECD/DAC ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw;
20. Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tinkiseb il-preskrizzjoni tat-Trattat tal-Artikolu 210 TFUE, u jappoġġa l-iżvilupp ta' dokumenti strateġiċi konġunti Ewropej; jemmen li d-dokumenti ta’ programmazzjoni kollha għal kull pajjiż u reġjun għandhom jinkludu matriċi ta’ donaturi dettaljata u aġġornata, kif ukoll kapitolu speċjali dwar l-effettività tal-għajnuna tal-UE, li jispeċifika azzjonijiet li ttieħdu biex tiżdied il-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-kumplimentarjetà tad-donaturi u biex jittejjeb il-qsim tax-xogħol bejn id-donaturi u partikolarment bejn l-Istati Membri tal-UE;
21. Itenni t-talba tiegħu li l-FEŻ jiddaħħal fil-baġit tal-UE, sabiex ikunu simplifikati l-proċeduri u tiżdied l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna tal-KE; jinsisti li dan m'għandux iwassal għal xi tnaqqis fl-ammonti globali ta' finanzjament fil-livell tal-UE għad-DCI u għall-FEŻ, u lanqas fl-ammont totali ta’ finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE għal ODA;
22. Jemmen li jeħtieġ jisseddaq l-appoġġ għall-gruppi vulnerabbli (nisa, persuni b'diżabilità, żgħażagħ u nies bla xogħol, nies indiġeni), kif ukoll għall-integrazzjoni tas-sessi u għall-indirizzar ta' 'kwistjonijiet trasversali' oħrajn; jinsisti li l-istrument suċċessur tad-DCI jeħtieġ standards ta’ referenza ċari fid-dokumenti ta’ programmazzjoni sabiex jiżġuraw li l-impatt tal-intervent tal-UE f’dawn l-oqsma jkun jista’ jitkejjel;
23. Jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali fil-politiki għall-iżvilupp huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-MDGs u biex tiġi żgurata governanza tajba; jindika l-fatt, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni, il-ġlieda kontra l-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, is-sanità, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku lokali, eċċ.; iqis, għalhekk, li hu essenzjali li jittejjeb ir-rwol tagħhom fl-istrument finanzjarju li jmiss, bi qbil mal-prinċipju tas-sjieda tal-iżvilupp;
24. Jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu regolari u strutturat bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, atturi mhux statali (NSAs) u awtoritajiet lokali (LAs) dwar il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija; jinsisti għalhekk fuq il-ħtieġa li l-konklużjonijiet tad-Djalogu Strutturat jitqiesu fl-istrumenti finanzjarji tal-ġejjieni;
25. Jenfasizza l-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet ta' flessibilità li jippermettu rispons għal bidliet f'termini ta' ħtiġijiet u prijoritajiet min-naħa tal-UE; jissuġġerixxi eżami tal-mudell tal-FEŻ ta' allokazzjonijiet nazzjonali limitati ta' għajnuna mhux programmata bħala mudell possibbli għall-istrument ġejjieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp; jenfasizza, madankollu, li l-fondi użati b'mod aktar flessibbli jridu jkunu ġenwinament dedikati għal għanijiet ta' żvilupp;
26. Iqis li l-istrument ġejjieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp għandu jipprovdi bażi għal għajnuna mmirata u aktar flessibbli f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità; jemmen li l-istruttura finanzjarja l-ġdida għandha tgħin sabiex tkun żgurata rabta xierqa bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) permezz tal-flessibilità u tal-kumplimentarjetà tal-mekkaniżmi ta' finanzjament;
Perspettivi għall-ġejjieni: programmi ġeografiċi u tematiċi
27. Jitlob li benchmark ta' 20% tal-infiq fl-ambitu ta' programmi ġeoġrafiċi jiġi allokat għal servizzi soċjali bażiċi kif definiti min-Nazzjonijiet Uniti fl-MDGs (indikatur 8.2 għal għan 8: 'L-iżvilupp ta' sħubija globali għall-iżvilupp');
28. Jinsisti fuq kriterji ta' eleġibilità stretti għall-appoġġ baġitarju; jinsisti li l-Kummissjoni m'għandhiex tuża l-appoġġ baġitarju f'pajjiżi fejn ma tistax tkun żgurata t-trasparenza fl-infiq pubbliku, li l-appoġġ baġitarju dejjem għandu jiġi akkumpanjat minn azzjonijiet għall-iżvilupp tal-kontroll parlamentari u kapaċitajiet ta' verifika tal-pajjiż li jirċievi u għal żieda fit-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, u li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fil-monitoraġġ tal-appoġġ baġitarju;
29. Jirrikonoxxi r-rwoli importanti li għandha s-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, bħal meta din taġixxi ta’ gwardjan fir-rigward tal-gevrn biex tiżgura r-responsabilizzazzjoni, u jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat indirizzat għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
30. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi analiżi finanzjarja komprensiva li tkopri l-appoġġ baġitarju ġenerali, l-appoġġ skont is-settur, l-appoġġ skont il-progetti u l-appoġġ ta' kwalunkwe tip ieħor mogħti lill-gvern lokali; jenfasizza li dan ir-rendikont ġenerali jagħmel l-appoġġ li jingħata lill-gvernijiet lokali aktar konsistenti u jtejjeb il-governanza fil-pajjiżi sħab;
31. Jinnota li l-programmi tematiċi kollha fl-ambitu tad-DCI taw prova tar-relevanza tagħhom, u jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li jinżamm kemm il-programm tematiku kif ukoll dak ġeografiku, iżda jitlob li jsir eżerċizzju ta' ffukar mill-ġdid, fid-dawl ta' sfidi ġodda bħall-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, il-kriżi dinjija tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet speċjali ta' stati fraġli u ta' stati fi tranżizzjoni;
32. Jindika l-fatt li l-migrazzjoni hija qasam li fih hemm bżonn ċar ta’ prijoritizzazzjoni tal-koerenza politika għall-iżvilupp dwar kunsiderazzjonijiet rigward migrazzjoni tal-UE f’terminu qasir ta’ żmien, indirizzati l-aktar għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; jenfasizza li l-fondi għall-iżvilupp għall-migrazzjoni m’għandhomx jintużaw biex tissaħħaħ il-ġestjoni fil-fruntieri u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni; jinsisti li kwalunkwe programm tematiku ġejjieni dwar il-migrazzjoni jrid ikun allinjat bis-sħiħ mal-objettivi tal-iżvilupp tal-UE u li l-finanzjament ewlieni fl-ambitu ta' dan il-programm irid jissodisfa l-kriterji ta' eleġibilità għall-ODA; jenfasizza b’mod partikulari li proġetti li jirrigwardaw migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar għandhom jingħataw prijorità fi ħdan il-programm tematiku;
33. Jenfasizza li programm tematiku ġdid bit-tema 'Ninvestu fin-Nies' jeħtieġ jiffoka fuq – mingħajr ma jillimita ruħu biss għalihom – dawk l-MDGs li l-ilħuq tagħhom għadu 'l bogħod, b’attenzjoni partikolari għal pajjiżi u reġjuni b'indikaturi kritiċi tal-MDGs; jenfasizza li l-edukazzjoni bażika u l-alfabetiżmu huma l-punt tat-tluq għall-proċess tas-sensibilizzazzjoni u għas-sjieda tal-iżvilupp; għalhekk jitlob li l-programm jiffoka fuq l-edukazzjoni bħala għodda għall-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni;
34. Jemmen li l-istrument ġdid għandu jipprovdi approċċ differenzjat għall-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet ta’ soċjetajiet ċivili u awtoritajiet lokali, u għandu wkoll jevita l-kompetizzjoni mhux meħtieġa bejn iż-żewġ tipi ta' attur; jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata l-problema ta’ sottoskrizzjoni żejda tal-programm attwali; jitlob li r-riżultati tad-Djalogu Strutturat jiġu riflessi bis-sħiħ fil-programm tematiku futur u fil-modalitajiet tal-għajnuna proposti;
35. Jindika l-fatt li waħda mir-raġunijiet għala l-MDGs ma ntlaħqux hija n-nuqqas li jiġu rikonoxxuti l-kontributi tal-ambjent, tar-riżorsi naturali u tal-ekosistemi għall-iżvilupp tal-bniedem u għall-eliminazzjoni tal-faqar; jinnota bi tħassib li, filwaqt li l-ODA Ewropea talloka 3% biss tal-infiq totali għal kwistjonijiet ambjentali, problema oħra hi li parti mill-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija investita fi proġetti li jiffavorixxu t-tibdil fil-klima, pjuttost milli jnaqqsuh; jenfasizza li jeħtieġ titjib fil-koerenza tal-politka għall-iżvilupp fil-qasam tat-tibdil fil-klima, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament għall-klima u l-integrazzjoni fil-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tal-preokkupazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima;
36. Jindika l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet fir-'Rapport Speċjali 6/2006' tagħha li l-UE għamlet biss progress limitat mill-2001 ’l hawn rigward l-integrazzjoni tal-ambjent fil-koperazzjoni għall iżvilupp tagħha, għaliex il-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż ma kkunsidrawx biżżejjed il-kwistjonijiet ambjentali; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu integrati u mmoniterjati aħjar fil-politiki esterni u fl-istrumenti finanzjarji kollha, speċjalment vis à vis l-isfidi attwali tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità;
37. Itenni li l-Artikolu 290 TFUE hu applikabbli b'mod sħiħ għad-DCI, u għaldaqstant jenfasizza li l-applikazzjoni tal-proċedura tal-atti delegati hi obbligatorja għal dawk id-deċiżjonijiet li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 290 TFUE, fosthom dawk dwar it-tfassil tal-objettivi ġenerali, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija u l-allokazzjonijiet finanzjarji;
o
o o
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.
Annessa mal-Komunikazzjoni tal-24.10.2006 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2006)0628).
Ara OECD/DAC: Direttivi ta' Rappurtaġġ għas-Sistema ta' Rappurtaġġ tal-Kreditur' ('Reporting Directives for the Creditor Reporting System').
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Is-sena 2011 tikkostitwixxi mument strateġiku biex jinkisbu lezzjonijiet mill-erba’ snin ta' operat tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (DCI). Il-Kummissjoni ħabbret li hija se tippreżenta l-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) post-2013 qabel il-vaganzi tas-sajf u l-proposti leġiżlattivi għall-istrumenti ta’ finanzjament għall-azzjoni esterni iktar tard din is-sena. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jistabbilixxi minn kmieni l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward ta' strument ta’ finanzjament ġdid għall-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, abbażi tal-lezzjonijiet miksuba matul l-implimentazzjoni tad-DCI.
Lezzjonijiet miksuba
Wara d-dħul fis-seħħ tad-DCI, il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew waqqaf erba’ (illum il-ġurnata ħames) gruppi ta’ ħidma permanenti biex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament fuq id-dokumenti ta’ programmazzjoni ewlenin kollha proposti mill-Kummissjoni. Il-proċess wassal għal djalogu profond sostnut u strutturat bejn il-Kumitat DEVE u l-Kummissjoni, u kien proċess siewi ta’ tagħlim għaż-żewġ istituzzjonijiet: tgħallimna dwar id-diffikultajiet li ħabbtet wiċċha magħhom il-Kummissjoni tul il-programmazzjoni, u r-Rapporteur jittama li l-Kummissjoni saret ukoll aktar konxja tat-tifsira prattika tal-iskrutinju demokratiku tal-Parlament u l-metodi ta' ħidma tagħna.
Filwaqt li d-djalogu kien kostruttiv, u l-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex tinforma l-gruppi ta' ħidma dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, sfortunatament dan ma wassalx lill-Kummissjoni biex tagħti widen lil ħafna mit-talbiet tal-kumitat tagħna, u lanqas lir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament(1); il-pożizzjoni tal-Parlament rarament kienet riflessa fl-abbozz tal-miżuri implimentattivi li l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tad-DCI.
Konna wkoll diżappuntati dwar il-fatt li ma kien hemm ebda rispons għax-xogħol sostantiv ta’ skrutinju li sar mill-Parlament min-naħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tad-DCI. Għall-kuntrarju tal-Parlament, l-Istati Membru donnhom li ma ffukkawx li jiċċekkjaw il-konformità tal-proposti tal-Kummissjoni mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi tad-DCI (b'mod partikolari r-rekwiżit ta' kompatibilità mal-ODA).
Il-problema ewlenija li ħarġet mid-djalogu tagħna donnu li hija d-diffikultà li wieħed jifhem jew jaċċetta r-rwol speċifiku tal-koperazzjoni tal-iżvilupp fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-UE. Dan wieħed jista’ jifhmu: is-sieħeb ewlieni tagħna fil-Kummissjoni kien id-DĠ RELEX, li għandu l-mandat ewlieni li jippromwovi l-interessi tal-UE fil-bqija tad-dinja. Jinħtieġ adattament mentali biex wieħed jifhem li l-koperazzjoni għall-iżvilupp hija l-qasam tal-politika ta’ azzjoni esterna (minbarra l-għajnuna umanitarja) li ma kienx imfassal biex iservi l-interessi tal-UE, iżda biex jiddefendi l-interessi tal-aktar popolazzjonijet emarġinati u vulnerabbli ta’ din il-pjaneta: it-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli - fil-qosor: id-dritt ta' ħajja diċenti għal kulħadd.
Id-diffikultà li wieħed jirrikonoxxi l-mandat differenti u speċifiku tal-politika tagħna tal-iżvilupp u li din tissarraf fi programmi u miżuri konkreti ħarġet f'uħud mid-dokumenti ta’ programmazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni fl-ambitu tad-DCI. Għaldaqstant huma ma jiffukawx biżżejjed fuq l-eliminazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-MDGs li d-DCI jikkwotahom bħala objettivi primarji u ewlenin tiegħu.
Il-Parlament jirrikonoxxi l-importanza għall-UE ta’ ċerti attivitajiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, (inklużi programmi ta’ skambju kulturali, kuntatti ċittadin ma’ ċittadin, djalogu politiku, eċċ) li ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA kif definiti mill-OECD/DAC. Iżda dawn m'għandhomx jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE għall-iżvilupp. Il-Parlament għaldaqstant appella għal strument li jippermetti lill-UE tiffinanzja azzjonijiet bħal dawk minn sorsi oħra li ma jkunux id-DCI. Filwaqt li jirrepeti l-pożizzjoni tiegħu li l-istrument magħruf bħala “ICI+” ma jridx ikun iffinanzjat permezz ta' trasferiment ta' fondi mid-DCI, il-Parlament se jkompli jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv fin-negozjati kontinwi dwar dan ir-regolament.
Ir-Rapporteur jirrikonoxxi wkoll li b’mod partikolari matul ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tad-dokumenti ta’ strateġija fl-2009/2010, id-djalogu dwar l-iskrutinju demokratiku għen sabiex tkun evitata l-adozzjoni ta' dokumenti strateġiċi li jinkludu fihom dispożizzjonijiet ultra vires. Madankollu, l-iskrutinju tagħna kkonferma wkoll li r-riskju ta' amalgamazzjoni tal-interessi tal-politika estera, in-nuqqas ta’ importanza mogħtija lill-faqar u lill-MDGs u d-dubji dwar konsulenza adegwata ma’ partijiet interessati għadhom jeżistu.
Perspettivi għall-ġejjieni
B’rabta mad-dibattitu dwar l-MFF li jmiss, il-Kummissjoni indikat li jista’ jkun li tikkunsidra mill-ġdid l-istruttura ġenerali tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni. Simplifikazzjoni ulterjuri u adattament għal sfidi ġodda, bħal pereżempju t-tibdil fil-klima, kif ukoll il-lok xieraq għad-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE, huma aspetti importanti li jridu jiġu kkunsidrati. F’dan l-istadju bikri, ir-Rapporteur mhuwiex se jagħmel suġġerimenti dettaljati dwar l-istruttura, iżda pjuttost se jiffoka fuq prinċipji ewlenin li jeħtieġ jiġu riflessi fil-politika għall-iżvilupp tal-UE fil-ġejjieni.
L-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji ewlenin u l-punt tat-tluq tar-riflessjoni tagħna hu li jinħtieġ strument separat tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, li b'mod speċifiku u esklussiv jiffoka fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jaħdem għall-ilħuq tal-objettivi ddefiniti fl-Artikolu 208 TFUE. F'ġieħ it-trasparenza, il-koperazzjoni li ma tkunx ODA ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw (anke dawk "emerġenti") għandha tiġi mgħoddija minn strument separat.
Reviżjoni tal-istruttura għandha wkoll twassal għas-sejba ta' soluzzjoni ta’ anomalija li ilha għaddejja għexieren ta' snin: sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u sabiex titjieb ir-responsabbilizzazzjoni demokratika tal-politika għall-iżvilupp tal-UE kollha, il-FEŻ għandu jiddaħħal fil-baġit tal-UE. Jista' jkun, madankollu, li dan ma jwassal għall-ebda tnaqqis f'termini reali fil-finanzjament la tad-DCI u lanqas tal-FEŻ (meta mqabbel mal-livelli attwali taħghom), u lanqas mal-ammont aggregat ta' fondi magħmula disponibbli fil-livell tal-UE għall-ODA.
Finanzjament Adegwat
L-istrument ġejjieni għall-għoti ta’ għajnuna għall-iżvilupp mill-UE għandu jingħata finanzjament adegwat. L-UE impenjat ruħha għall-mira kollettiva li tonfoq 0.7 % tad-DGN tagħha fuq l-ODA sal-2015. Biex din il-mira tintlaħaq, il-livell ta’ għajnuna attwali mogħtija mill-UE se jkollu jiżdied b’mod sinifikanti. Meta nqisu l-valur miżjud tal-għajnuna mill-Kummissjoni, u r-rwol ġdid tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni u tal-Istati Membri (Artikolu 210 TFUE), is-sehem tal-ODA mgħoddi mill-baġit tal-UE għandu tal-anqas jibqa’ stabbli.
Iċ-ċifri annwali għall-istrument il-ġdid ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fil-perjodu tal-MFF li ġej għandu jiżdied b’mod sinifikanti f’termini reali.
Filwaqt li jfakkar lill-Istati Membri fl-impenn li ħadu fil-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009, il-Parlament jinsisti li l-finanzjament għall-adattament għat-tibdil fil-klima "m'għandux idgħajjef jew jipperikola l-ġlieda kontra l-faqar u l-progress kontinwu lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju" u għaldaqstant iridu jkunu supplimentari għall-fondi previsti għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi tad-DCI u tal-FEŻ.
Enfasi fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u l-kriterji tal-ODA
Id-DCI huwa ddefinit bħala strument tal-koperazzjoni għall-iżvilupp reali, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(1) (li jiddefinixxi l-eliminazzjoni tal-faqar bħala l-objettiv primarju u ewlieni) u fl-Artikolu 2(4) (100% tal-finanzjament fl-ambitu ta' programmi ġeografiċi u 90% għal programmi tematiċi jrid ikun konformi mal-kriterji għall-ODA).
F’konformità mal-Artikolu 208 TFUE, tali dispożizzjonijiet iridu jkunu preżenti fi kwalunkwe strument suċċessur tad-DCI fil-ġejjieni, u – kif turi l-esperjenza miksuba mid-DCI – jista’ jagħti l-każ li dawn ikollhom jiġu fformulati f’termini li jkunu saħansitra iktar stretti. Il-programmi tematiċi se jkomplu jinkludu ċerti miżuri li mhumiex kompatibbli mal-ODA, iżda se jeħtieġ li jiġu definiti kwoti ċari.
L-ilħuq tal-MDGs irid jibqa' l-għan ewlieni tal-istrument ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tal-ġejjieni, minħabba li l-mira (is-sena 2015) tinsab fil-perjodu kopert mill-istrument għall-iżvilupp li ġej. Iżda anki f’każ li l-MDGs kollha jiġu ssodisfati, il-faqar se jibqa’ r-realtà ta’ kuljum għal ħafna nies. Għall-perjodu ta' wara s-sena 2015, jeħtieġ li nsibu formola li tiżgura l-koerenza ma’ miri internazzjonali ġodda li għad iridu jiġu definiti. L-istandard ta’ referenza ta’ 20% tad-DCI allokat għas-saħħa u l-edukazzjoni (sal-2009) kien punt ta’ referenza importanti għall-Parlament, iżda l-implimentazzjoni tiegħu kien diffiċli li tiġi mmoniterjata. Fl-istrument ġejjieni, irid jinżamm standard ta’ referenza simili, iżda – għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċarezza – għandu jirreferi għall-kunċett ta’ “servizzi soċjali bażiċi” kif definit min-NU fl-MDG 8 (indikatur 8.2), u jeħtieġ rappurtar strett min-naħa tal-Kummissjoni.
Deher ċar li l-kriżi tal-prezz tal-ikel wasslet għall-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni flessibbli u veloċi biex inkunu nistgħu nirreaġixxu għal tibdiliet f'salt f’termini ta’ ħtiġijiet u prijoritajiet. Dan jista’ jiġi rifless mhux biss fl-istruttura għal finanzjament estern, iżda anke fl-istrument tal-koperazzjoni għall-iżvilupp innifsu.
Programmi ġeografiċi u tematiċi
Hemm lok għal iktar divrenzjar fl-approċċ lejn il-grupp divers ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jista’ jagħti l-każ li d-DCI m’għadux l-iktar strument adegwat għal bosta pajjiżi bi dħul medju (MICs), b’mod partikolari dawk li qed ipinġu lilhom innifishom bħala donaturi emerġenti. Madankollu, dan m’għandux iwassal għal deċiżjonijiet unilaterali dwar id-definizzjoni ta’ “pajjiżi li qed jiżviluppaw”, li għandhom jibqgħu jkunu – b’kunsens internazzjonali – il-prerogattiva tal-OECD/DAC. Anki l-fatt li proporzjon pjuttost imdaqqas tal-popolazzjoni tal-pajjiżi donaturi emerġenti l-ġodda għadha tgħix f’faqar assolut jiġġustifika – fl-opinjoni tar-Rapporteur – li l-istrument ġejjieni għandu jkompli jkopri l-pajjiżi kollha tal-lista kollha tad-DAC li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument.
Instab li l-programmi tematiċi kollha huma rilevanti, iżda jista’ jkun meħtieġ li ssir enfasi fuq punti differenti fid-dawl ta’ sfidi ġodda (il-kriżi tal-ikel; it-tibdil fil-klima; bżonnijiet speċjali fi stati fraġli).
Ġie ppruvat li l-programm għall-atturi mhux statali u għall-awtoritajiet lokali huwa kronikament nieqes mill-finanzi u imfittex iżżejjed; dan irid jiġi rranġat fl-istrument tal-ġejjieni. Barra minn hekk, ir-riżultati tad-djalogu strutturat attwali għandhom jiġu riflessi fid-definizzjoni tar-rwol tal-atturi mhux statali u l-modalitajiet tal-għajnuna.
Il-koordinazzjoni u t-tqassim tax-xogħol għandhom ikunu l-prinċipji gwida għall-programmazzjoni fl-ambitu tal-istrument għall-iżvilupp il-ġdid. L-idea ta’ dokumenti ta’ strateġija Ewropej għandha tingħata prijorità għolja. Kapitolu speċjali dwar l-effikaċja tal-għajnuna, li jispeċifika l-azzjonijiet meħuda għal dan l-għan, għandu jiġi inkluż, kif ukoll matriċi tad-donaturi u matriċi tal-MDGs, biex b’hekk ikun hemm trasparenza fir-rigward tal-għażla tal-interventi tal-Kummissjoni.
Il-programmazzjoni ġeografika issa waqgħet f’idejn is-SEAE, fl-ambitu tar-responsabilità tal-Kummissarju għall-Iżvilupp u b’koperazzjoni mad-DĠ DEVCO. Jekk jitqiesu l-objettivi u l-kompożizzjoni tas-SEAE, u fid-dawl ta’ esperjenzi tal-passat mad-DCI, ir-riskju li l-interessi tal-politika barranija jingħataw prijorità fuq l-objettivi ta’ żvilupp huwa reali. Għalhekk huwa tabilħaqq importanti li jiġu stabbiliti proċeduri u strutturi li jipproteġu l-iżvilupp bħala qasam ta’ politika awtonomu bl-objettivi speċifiċi tiegħu stess.
Innaqqsu d-differenza fid-demokrazija
Il-Parlament irid ikollu l-possibilità li jiddefendi l-ispeċifiċità tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fl-istrument tal-koperazzjoni għall-iżvilupp post-2013, permezz ta' skrutinju tal-programmazzjoni strateġika fuq l-istess livell tal-Kunsill. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet dwar l-objettivi ġenerali, l-oqsma ta’ prijorità u r-riżultati mistennija, kif ukoll dwar l-allokazzjoni ta’ fondi, li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 290 tat-TFUE, għandhom jittieħdu billi tintuża l-proċedura tal-atti delegati.
Il-Kumitat ipproduċa ħames riżoluzzjonijiet adottati mill-plenarja skont l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, biex b’hekk wera lill-Kummissjoni li fi 11-il abbozz ta’ miżura din tal-aħħar kienet marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Madankollu, kien biss fi tliet każijiet li l-Kummissjoni adattat jew irtirat l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
2.5.2011
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
22
0
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Thijs Berman, Corina Creţu, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Kriton Arsenis, Proinsias De Rossa, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Enrique Guerrero Salom, Martin Kastler, Krzysztof Lisek, Csaba Őry, Bart Staes
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali