Proċedura : 2010/2113(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0236/2011

Testi mressqa :

A7-0236/2011

Dibattiti :

PV 12/09/2011 - 25
CRE 12/09/2011 - 25

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0365

RAPPORT     
PDF 206kDOC 143k
20 ta' Ġunju 2011
PE 460.964v01-00 A7-0236/2011

dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed

(2010/2113(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Iliana Malinova Iotova

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed

(2010/2113(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd (COM(2009)0163)(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 intitolata "Il-politika marittima integrata – evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda"(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1256/2010 tas-17 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2011(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1992/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa(6),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Politika Marittima Integrata għall-UE" (COM(2007)0575),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-tniġġis (Il-Konvenzjoni ta' Bukarest) u l-protokolli tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-1993 dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed (Id-Dikjarazzjoni ta' Odessa),

–   wara li kkunsidra l-analiżi dijanjostika transkonfinali tal-Baħar l-Iswed tal-2007(8),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-istat tal-ambjent tal-Baħar l-Iswed rigward il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis,

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni strateġiku tal-Kummissjoni tal-2009 għall-protezzjoni ambjentali u r-riabilitazzjoni tal-Baħar l-Iswed rigward il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-liġi tal-baħar,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta' stokkijiet ta' ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar,

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO tal-1995 għal sajd responsabbli,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 dwar id-diversità bijoloġika,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kummerċ internazzjonali ta' speċijiet fil-periklu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-artijiet mistagħdra ta' importanza internazzjonali partikolarment bħala ħabitats tal-għasafar tal-ilma (Il-Konvenzjoni ta' Ramsar),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (Il-Konvenzjoni ta' Bonn),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-konservazzjoni taċ-ċetaċji tal-Baħar l-Iswed, tal-Baħar Mediterran u taż-żona Atlantika kontigwa (ACCOBAMS),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 dwar l-istokkijiet tal-ħut,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 intitolat "It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-Baħar l-Iswed" tat-tnejn u tletin sessjoni tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM),

–   wara li kkunsidra l-istudju reġjonali tal-2009 tal-GFCM dwar tonn żgħir fil-Mediterran, inkluż il-Baħar l-Iswed,

–   wara li kkunsidra l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 (Id-Dikjarazzjoni ta' Praga),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0236/2011),

A. billi d-dibattitu dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fl-UE għadu għaddej, u billi għandu jqis l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta' dan il-baħar, għaliex din se tkun l-ewwel riforma tal-PKS li tinkorpora l-Baħar l-Iswed,

B.  billi sal-lum kien hemm ftit wisq kollaborazzjoni u kooperazzjoni, jekk mhux saħansitra ineżistenti, nuqqas ta' qafas leġiżlattiv konkret u armonizzat u nuqqas ta' att leġiżlattiv komuni li jirregola l-attivitajiet tas-sajd bejn l-istati tal-Baħar l-Iswed, minħabba l-fatt li l-ilmijiet kollha jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' stati kostali differenti, kif ukoll minħabba n-nuqqas ġenerali ta' riċerka xierqa u sistematika u ta' informazzjoni xjentifika dwar il-baċin tal-Baħar l-Iswed,

C. billi l-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed hija diffiċli ferm, għaliex tnejn biss mis-sitt pajjiżi madwar il-baċin huma Stati Membri tal-UE, u anke dawk it-tnejn huma Stati Membri ġodda li ilhom biss membri tal-UE mill-2007,

D. billi l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' politika komuni għas-sitt pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed għandu jkun eżaminat minn perspettiva fit-tul biex, fost affarijiet oħra, jiġi ggarantit il-ħarsien tal-ambjent u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żoni littorali,

E. billi dan il-mekkaniżmu ġdid ta' politika komuni għall-Baħar l-Iswed għandu jkollu l-għan li jħares u jtejjeb il-bijodiversità u l-prosperità tan-nies li jaħdmu fis-settur tas-sajd fl-inħawi, li huma wħud mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea,

F. billi l-Baħar l-Iswed għandu jieħu postu kif xieraq fost iż-żoni tal-baħar ewlenin tal-Ewropa, ladarba huwa l-aktar żagħżugħ u l-aktar dinamiku tal-ibħra semi-magħluqa,

G. billi l-Baħar l-Iswed għandu jieħu postu fil-PKS riformata u fil-Politika Marittima Integrata, u billi l-ħtiġijiet tas-sajjieda, u tal-industriji tas-sajd, tal-produzzjoni u tal-ipproċessar, għandhom jitqiesu b'mod xieraq fil-qafas finanzjarju ġdid tal-Fond Ewropew għas-Sajd wara l-2013,

H. billi r-rapport attwali jista' jitqies mhux biss bħala linja gwida għar-riforma tal-PKS, iżda jista' jsir ukoll parti minn politika futura tal-UE dwar il-kollaborazzjoni mas-sħab tagħha tal-Lvant biex jiġi mmassimizzat l-użu tal-Komunikazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswed(9) sabiex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li fiha s-sajd u l-iżvilupp tad-diversi setturi għandhom rwol sinifikanti,

I.  billi l-ġestjoni tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed tibbenefika b'mod sinifikanti minn kooperazzjoni xjentifika aktar ikkoordinata bejn l-istati littorali, kif ukoll minn politika koerenti għall-ħarsien u t-titjib tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut f'livell Ewropew,

J.   billi ħafna mill-ekosistemi tal-baħar inġenerali, u l-ekosistema tal-Baħar l-Iswed b'mod partikolari, huma milquta serjament minn bidliet dinamiċi marbuta mas-sajd, mat-tibdil fil-klima u t-tniġġis,

K. billi l-popolazzjoni tal-'veined rapa whelk' (Rapana venosa) għandha impatt negattiv fuq il-Baħar l-Iswed, u hija theddida għall-bilanċ ekoloġiku tiegħu, billi teqred il-filtri naturali tal-ilma bħall-masklu l-blu (Mythilus galloprovincialis) u l-'istriped white venus' (Chamelea gallina),

L. billi l-biċċa l-kbira tal-bastimenti tas-sajd użati fil-Baħar l-Iswed minn sajjieda tal-UE huma anqas minn 12-il metru twal, u għalhekk għandhom impatt limitat fuq l-ambjent tal-Baħar l-Iswed, madankollu, għandhom jirrispettaw l-isforzi li qed isiru biex jinkiseb sajd sostenibbli u jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom f'dan ir-rigward,

M.       billi s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fil-Baħar l-Iswed għandu jiġi ttrattat minnufih,

N. billi n-nuqqas ta' ftehim komuni bejn is-sitt pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed jista' jiġi rimedjat bi ftehim qafas innegozjat, pereżempju, abbażi ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li fiha jiġu mfissra u kkunsidrati l-interessi tal-partijiet kollha,

O. billi parti kbira mill-problemi tal-Baħar l-Iswed hija r-riżultat tan-nuqqas ta' struttura istituzzjonali xierqa li tikkoordina u twettaq il-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed f'livell professjonali u speċjalizzat; billi ilhom għaddejjin negozjati bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd għal dawn l-aħħar għaxar snin dwar il-ħolqien ta' tali struttura istituzzjonali, kif ukoll dwar il-forma u r-responsabbiltajiet tagħha, u billi dawn in-negozjati għadhom ma rnexxewx; billi, għal din ir-raġuni, ma ttiħdux miżuri xierqa biex jiġu kkontrollati l-qabdiet u, b'mod partikolari, is-sajd transkonfinali,

P. billi, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), li l-mandat tagħha jkopri ż-żona tal-Baħar l-Iswed, s’issa ma tissodisfax daqs kemm huwa possibbli l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati, partikolarment tas-sajjieda, u għandha tagħmel użu mill-għodod kollha disponibbli f’dan il-qasam,

Q. billi l-Baħar l-Iswed huwa differenti ħafna mill-Mediterran fir-rigward tal-istokkijiet ta' ħut, il-livelli ta' tniġġis, il-varjetà tal-ispeċijiet, l-ispeċijiet dominanti, il-bijomassa komuni u l-produttività tiegħu,

R. billi f'Jannar 2011 il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(10), li jenfasizza wkoll il-ħtieġa tal-applikazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali għas-sajd, kif ukoll il-ħolqien ta' korp reġjonali indipendenti għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed,

Ġenerali

1. Jiġbed l-attenzjoni li għandu jitwaqqaf settur tas-sajd vijabbli, stabbli u sostenibbli f'livell Ewropew u li, b'mod aktar speċifiku, il-Baħar l-Iswed jeħtieġ politika speċjali biex tinżamm u tittejjeb is-sitwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u biex jiġi żgurat li s-settur tas-sajd ikun adattat għall-baċin tal-Baħar l-Iswed, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll il-fatt li l-politika dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed għandha tkun parti integrali mir-riforma li jmiss tal-PKS;

2. Jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka xjentifika u analitika iktar eżatta u kkoordinata f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex jitħarsu u jittejbu r-riżorsi u l-ekosistemi tas-sajd fil-baċin tal-Baħar l-Iswed;

3. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi djalogu aktar solidu u strutturat mal-Istati madwar il-Baħar l-Iswed li mhumiex membri tal-UE, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha sakemm jintlaħaq ftehim dwar qafas komuni aktar strutturat li jkopri l-baċin kollu tal-Baħar l-Iswed u li jsegwi approċċ reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd fir-reġjun;

4. Huwa tal-fehma li d-deċiżjonijiet u l-politiki kollha marbuta mal-Baħar l-Iswed għandhom ikunu bbażati fuq dejta xjentifika soda u jitlob il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha għal dan il-għan;

5. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' analiżi xjentifika kontinwa tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut u ta' sistema stabbli u fuq perjodu twil ta' żmien ta' osservazzjoni tas-sajd, u jinnota li jeħtieġ li l-Istati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed jieħdu sehem f'din l-analiżi;

6. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-mezzi diplomatiċi u finanzjarji kollha disponibbli biex ikunu jistgħu jinkisbu riżultati konkreti rigward sajd sostenibbli u li jirnexxi, fl-interess tal-UE, filwaqt li jintużaw bl-aħjar mod l-Assemblea Parlamentari Euronest u l-Inizjattiva dwar is-Sħubija tal-Lvant, meta jitqies ir-rwol kruċjali tal-ġirien l-aktar qrib tal-UE;

7. Jappella għal sistema msaħħa ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, li tikkontribwixxi għal esplojtazzjoni fit-tul u sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat b’mod aktar effikaċi;

8. Jappoġġja r-rwol internazzjonali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u jappella sabiex ikun hemm kontribut aktar attiv u kooperazzjoni aktar effikaċi fil-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza taż-żona tal-Baħar l-Iswed;

9.   Huwa tal-fehma li t-tekniki tas-sajd għall-ispeċijiet demersali għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u f'ċertu dettall sabiex jiġu identifikati dawk li ma jagħmlux ħsara jew dawk li jagħmlu l-anqas ħsara lil qiegħ il-baħar; jenfasizza li l-użu xieraq tat-tekniki tas-sajd għall-istokkijiet demersali huwa ta' importanza kbira fil-prevenzjoni ta' popolazzjonijiet eċċessivi ta' 'veined rapa whelk' (Rapana venosa), li jheddu l-filtru naturali li huwa l-masklu l-blu (Mythilus galloprovincialis), l-'istriped venus clam' (Chamelea gallina), kif ukoll il-popolazzjonijiet tal-gajdra ċatta (Ostrea edulis) u ħafna frott tal-baħar ieħor;

10. Huwa tal-fehma li l-Baħar l-Iswed għandu jkollu status xieraq fil-politiki Komunitarji, u għal dan il-għan għandhom isiru sforzi diplomatiċi u xjentifiċi xierqa u għandhom isiru disponibbli riżorsi finanzjarji xierqa għal sajd sostenibbli fil-baċin; jemmen li r-riżorsi baġitarji tal-UE għandhom ikunu flessibbli, aċċessibbli u trasparenti, biex l-UE tkun tista' tiżgura s-sostenibbiltà tas-sajd fil-Baħar l-Iswed;

11. Jenfasizza li d-djalogu bejn il-partijiet interessati huwa l-bażi għall-promozzjoni b'suċċess tal-Politika Marittima Integrata fiż-żona tal-Baħar l-Iswed; jinnota li l-Politika Marittima Integrata għandha tiffaċilita wkoll l-istabbiliment ta' rabta bla kunflitti u bla inkwiet bejn is-setturi marittimi, filwaqt li jitqies l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali;

12. Jenfasizza r-rwol importanti tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-ftehimiet internazzjonali, billi l-biċċa l-kbira tal-istati tal-Baħar l-Iswed mhumiex membri tal-UE u għalhekk mhumiex obbligati jirrispettaw il-liġi Komunitarja;

13. Jemmen li l-istati kollha tal-Baħar l-Iswed, speċjalment dawk li huma Stati Membri tal-UE jew pajjiżi kandidati, għandhom jirrispettaw il-liġi internazzjonali u tal-UE li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd, li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi s-sostenibbiltà mhux biss tal-istokkijiet tal-ħut, iżda anke tas-settur tas-sajd;

14. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi aktar l-iżviupp taż-żoni kostali billi jiġi żviluppat sajd sostenibbli, li huwa partikolarment importanti għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, minħabba r-rati għoljin ta' qgħad;

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi

15. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bl-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi gruppi ta' ħidma fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd mat-Turkija u mal-Federazzjoni Russa, li jipprovdu l-bażi għal aktar dibattitu dwar il-kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha u d-djalogu mal-pajjiżi kollha madwar il-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tal-organizzazzjonijiet eżistenti, kif ukoll tal-għodod rilevanti, sabiex isir progress lejn koordinazzjoni aħjar tal-politiki; huwa tal-fehma, sadattant, li Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) indipendenti għall-Baħar l-Iswed tista', fuq perjodu twil ta' żmien, tħeġġeġ u tippromwovi l-komunikazzjoni bejn istituti xjentifiċi u organizzazzjonijiet professjonali tas-sajjieda, tal-produtturi u ta' min jipproċessa bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet għat-tilwim u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-Baħar l-Iswed; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed f'livell bilaterali, filwaqt li tqis li ħafna minnhom mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat fuq perjodu twil ta' żmien il-ħolqien ta' RFMO, li tikkoordina r-riċerka xjentifika, tanalizza s-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u twettaq politiki speċjali rigward l-osservazzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu; jinnota li din l-organizzazzjoni tista' wkoll tressaq proposti rigward il-livell tal-pjanijiet ta' ġestjoni multiannawali tas-sajd u tqassam il-kwoti għall-pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed;

17. Iħeġġeġ lill-UE tuża r-riżorsi diplomatiċi tagħha biex tikkonvinċi lil kemm jista' jkun pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed li mhumiex membri tal-UE dwar il-valur tal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali;

18. Jemmen li għodda tal-UE għandha tintuża f'attivitajiet xjentifiċi bħala strument li jħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta bejn it-timijiet xjentifiċi Ewropej u l-kontropartijiet tagħhom mill-Ukraina, il-Federazzjoni Russa, il-Ġeorġja u t-Turkija;

19. Jemmen li l-attivitajiet tal-UE marbuta mas-sajd fil-Baħar l-Iswed, partikolarment il-Politika Marittima Integrata, għandhom jiffukaw l-aktar fuq is-sajd fuq skala żgħira, li huwa kruċjali għar-reġjun u għall-istatus ekonomiku taż-żoni kostali;

20. Jenfasizza li l-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE għandha tinkuraġġixxi l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tas-sajjieda professjonali u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali fl-industriji tas-sajd u tal-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed fejn dawn ma jkunux jeżistu jew ikunu sottożviluppati ferm;

21. Jemmen li l-prinċipji tal-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti annwali applikati attwalment m'għandhomx ikunu l-unika għażla għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; jemmen li għandhom jiġu mħeġġa pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali li jistgħu jipprovdu aktar ċarezza rigward l-objettivi tal-UE fil-qasam tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u rigward il-viżjoni tagħha għall-futur tal-baċin;

22. Jenfasizza li għandu jkun hemm approċċ komuni, koordinat u fuq perjodu twil ta' żmien mill-partijiet interessati kollha fir-reġjun bl-għan li l-partijiet kollha fil-Baħar l-Iswed jiksbu sajd sostenibbli, u għaldaqstant jilqa' l-iskambju tal-prassi tajba bejn il-partijiet interessati involuti;

23. Jenfasizza l-importanza ta' ġestjoni tas-sajd li tippermetti l-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tal-ekosistemi, l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd legali u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; jitlob li jitwaqqaf Gwardjan tax-xtut Ewropew bl-għan li tiġi żviluppata b’mod effikaċi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ is-sikurezza marittima u biex jiġu miġġielda t-theddidiet moderni fil-baħar, partikolarment fil-Baħar l-Iswed;

24. Jemmen li l-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali huma ta' interess kbir ferm kemm għas-sitwazzjoni ekonomika tas-settur tas-sajd kif ukoll għas-sitwazzjoni ambjentali tal-ekosistemi tal-Baħar l-Iswed; jemmen li l-approċċ ta' pjan ta' ġestjoni multiannwali għandu jkun akkumpanjat minn kontroll effikaċi tal-qabdiet;

25. Jenfasizza l-ħtieġa li titħeġġeġ ir-riċerka xjentifika dwar kwistjonijiet rigward il-Baħar l-Iswed, sabiex id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet responsabbli Ewropej, reġjonali u nazzjonali jkunu jistgħu jqisu l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom; jemmen li jeħtieġ li ssir riċerka dettaljata u koordinata sabiex tingħata tweġiba ċara u bla ekwivoċi għall-mistoqsijiet rigward il-ġestjoni tas-sajd u l-impatt li jista' jkollhom metodi ta' sajd (i.e. is-sajd li jsir bit-tkarkir mal-qiegħ), billi fin-nuqqas ta' studji dwar l-effetti tagħhom ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet serji; huwa tal-fehma li programmi u proġetti ta' riċerka fil-qasam tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, bħal SESAME, KNOWSEAS, WISER u BlackSeaFish, għandhom jitħeġġu aktar;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Ukraina, il-Federazzjoni Russa, il-Ġeorġja u t-Turkija.

(1)

Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0039.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2010)0386.

(5)

ĠU L 343, 29.12.2010, p. 2.

(6)

ĠU L 206, 22.7.1992, p. 50.

(7)

ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(8)

http://www.grid.unep.ch/bsein/tda/main.htm.

(9)

COM(2007)0160 dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

(10)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (2010/2087(INI)).


NOTA SPJEGATTIVA

L-għan ewlieni ta' dan ir-rapport huwa li jistabbilixxi l-qafas għall-iżvilupp fuq perjodu medju u twil ta' żmien tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Ir-rapport huwa ta' importanza kbira, għaliex sal-lum ma ttiħditx azzjoni kkoordinata fil-Baħarl-Iswed bejn l-atturi kollha fil-qasam tas-sajd. Il-koordinament istituzzjonalizzat jista' jagħti riżultati tanġibbli biex jitħares l-għajxien tas-sajjieda, jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni kostali, u jitħarsu l-bilanċ ekoloġiku u r-riżorsi tal-ħut fil-baċin. Dan ma japplikax biss għall-Istati Membri tal-UE, iżda anke għall-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.

Il-Baħar l-Iswed huwa baċin magħluq li r-riżorsi tiegħu, sa ċertu punt, jinqasmu bejn is-sitt stati tal-Baħar l-Iswed. Iż-żona għandha wkoll importanza ekonomika, soċjali u politika kbira. Għalhekk, ir-Rapporteur tal-fehma li l-kooperazzjoni rigward is-sajd bejn il-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed tkun pass konsiderevoli 'l quddiem fil-ġestjoni tal-konservazzjoni kif ukoll biex il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b'mod effikaċi fil-baċin tal-Baħar l-Iswed.

L-analiżi approfondita tas-sajd fil-Baħar l-Iswed turi l-ħtieġa li jinstab il-mod l-aktar effiċjenti ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun. In-natura speċjali tal-bijodiversità tiegħu teħtieġ ukoll approċċ komuni rigward il-ġestjoni ta' dan il-baċin uniku. Biex il-problemi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed jiġu ttrattati b'mod effikaċi, huwa essenzjali li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha fis-settur tas-sajd, inklużi r-rappreżentanti tal-industrija, ix-xjentisti, u min ifassal il-politika mir-reġjuni tas-sajd biex jiġi stimulat l-investiment fir-riċerka u l-attivitajiet xjentifiċi.

Il-mudell tas-sħubija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed irid ikun ibbażat fuq l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni komuni u fuq perjodu twil ta' żmien, kif ukoll fuq il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-koordinament tal-isforzi tagħhom f'diversi oqsma, bħal:

· il-valutazzjoni xjentifika tar-riżorsi u tal-fatturi li jipperikolawhom,

· il-ħolqien ta' bażi ta' dejta reġjonali li tiġbor l-informazzjoni disponibbli,

· il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali u nongovernattivi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

· it-tnedija ta' inizjattivi komuni għall-ġbir tad-dejta,

· u fl-aħħar nett, il-kontroll strett tal-attivitajiet tas-sajd, inkluża l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sitt Stati tal-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-prevenzjoni, it-twaqqif u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

Dan il-mudell jiżgura il-bilanċ tal-ekosistema tal-Baħar l-Iswed, li jippermetti li jsir titjib fl-istat tal-istokkijiet tal-ħut bla ma ssir ħsara lis-settur tas-sajd fir-reġjun.

Qabel ma titfassal, tiġi implimentata u tiġi approvata kwalunkwe politika dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed, għandu jkun ċar li l-isforzi, il-miżuri jew l-istrateġiji kollha jkunu ta' benefiċċju biss jekk tali miżuri jew strateġiji jitqiesu interessanti minn Stati li mhumiex membri tal-UE. Dan minħabba l-fatt li r-Rumanija u l-Bulgarija għandhom sehem relattivament żgħir tal-flotta tas-sajd u tal-qabdiet fil-Baħar l-Iswed, speċjalment meta mqabbla mat-Turkija u l-Federazzjoni Russa. Għalhekk huwa partikolarment importanti li l-Istati Membri jsibu approċċ alternattiv għall-prinċipju tal-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti annwali, li jpoġġuhom f'pożizzjoni partikolarment żvantaġġjata meta mqabbla mal-ġirien tagħhom tal-Baħar l-Iswed. Minflok, ir-Rapporteur tipproponi li għandhom jinbidlu bi pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali għall-istokkijiet tal-ħut - prinċipju li l-pajjiżi li mhumiex fl-UE jridu jiddiskutu u jadottaw l-applikazzjoni futura tiegħu. Din ir-rakkomandazzjoni hija wieħed mill-elementi ewlenin tar-rapport.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-perikli tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Kemm il-pajjiżi tal-UE kif ukoll dawk li mhumiex membri tal-UE fil-baċin tal-Baħar l-Iswed għandhom jieħdu miżuri stretti biex jikkumbattu s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Dan jista' jinkiseb biss permezz tal-kooperazzjoni attiva tal-Kummissjoni Ewopea u l-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed.

Ir-rapport jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitwaqqaf korp ta' ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, li jkun indipendenti mill-GFCM. L-argument l-aktar b'saħħtu favur it-twaqqif ta' tali korp huwa l-karatteristiċi differenti taż-żewġ baċini li jeħtieġu li jittieħdu approċċi differenti fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Il-Kumitat għas-Sajd kemm-il darba saħaq fuq l-importanza li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali meta jissawru l-politiki futuri. Din il-pożizzjoni hija riflessa fil-bosta dokumenti adottati mill-PE, inkluż ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd imħejji mill-Kumitat għas-Sajd (Ir-Rapport Patrão Neves). Huwa ċar li, kwalunkwe politika li tiġi applikata għas-sajd fil-Baħar l-Iswed għandha tqis il-prinċipju ġenerali tas-sostenibbiltà li l-Unjoni Ewropea tapplika għall-ibħra tagħha. L-isfidi li dan il-korp indipendenti ġdid ta' ġestjoni tal-Baħar l-Iswed se jaffaċċja huma bosta, iżda r-Rapporteur tal-fehma li huwa punt ta' tluq tajjeb għall-UE. F'dan il-kuntest, ir-Rapporteur tilqa' d-djalogu attiv li l-Kummissjoni Ewropea nediet reċentement ma' atturi ewlenin fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħall-Federazzjoni Russa u t-Turkija. B'mod partikolari, ir-Rapporteur tqis li l-Kummissjoni qed tagħmel sew li tistabbilixxi gruppi ta' ħidma ma' dawn iż-żewġ pajjiżi sabiex jiddiskutu l-forma u d-dettalji tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea u d-DĠ MARE jaffaċċjaw il-kompitu diffiċli li jqarrbu kemm jista' jkun lit-Turkija, il-Ġeorġja, il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina għall-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, filwaqt li jinstab bilanċ bejn dan l-objettiv u l-interessi tagħhom fil-Baħar l-Iswed. Madankollu, huwa essenzjali għall-futur tal-baċin, għall-iżvilupp taż-żoni kostali u għall-ekoloġija tas-sajd, li dawn l-isforzi jwasslu għal riżultati konkreti f'perjodu ta' żmien aċċettabbli u raġonevoli.

Is-sajd Ewropew għandu struttura reġjonali stabbilita sew, fejn kull reġjun indipendenti għandu l-ispeċifiċitajiet tiegħu; dan jeħtieġ approċċ reġjonali fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd. Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur tirrakkomanda approċċ fuq żewġ livelli fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, strutturat kif ġej:

-    f'livell Ewropew (l-adozzjoni tal-prinċipji, il-qafas u l-għanijiet fuq perjodu twil ta' żmien li huma komuni, kif ukoll tal-pjan direzzjonali biex dawn jintlaħqu)

-    f'livell reġjonali (l-identifikazzjoni u l-istabbiliment tal-mod xieraq biex dawn l-għanijiet jintlaħqu). Pereżempju, min jieħu d-deċiżjonijiet lokalment għandu jkollu s-setgħa li jiddetermina kif se jiġi ġestit is-sajd fir-reġjun, bla ma jinjora n-normi komuni).

L-applikazzjoni ta' dan l-approċċ fuq żewġ livelli u t-teħid ta' deċiżjonijiet f'livell politiku xieraq jissimplifikaw il-politiki filwaqt li jkunu aktar ġustifikati ekonomikament.

Bħala konsegwenza, għandha titwaqqaf organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) għall-Baħar l-Iswed, abbażi tal-eżempju tal-korp li jeżisti fil-Baħar Baltiku. L-Istati kollha tal-Baħar l-Iswed kif ukoll l-UE għandhom ikunu partijiet kontraenti f'din l-RFMO. Il-kumitat reġjonali għandu jimmonitorja l-istat tal-istokkijiet fil-Baħar l-Iswed kollu, u jiddetermina l-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti għall-pajjiżi kollha fir-reġjun abbażi ta' pariri xjentifiċi. Il-ġestjoni tas-sajd tkun ħafna aktar effikaċi jekk miżuri restrittivi li jikkonċernaw l-ispeċijiet fil-periklu jiġu applikati għall-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed u mhux biss għall-Bulgarija u r-Rumanija.

Ir-Rapporteur tal-fehma li l-ħolqien ta' organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed huwa ġustifikat ferm. Dan il-korp jippermetti l-koeżistenza tal-prattiki tas-sajd bl-għan uniku tal-irkupru u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd tal-Baħar l-Iswed. Sal-lum, ma kienx hemm il-koordinament koerenti meħtieġ bejn il-pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd fih. Minħabba li saru membri tal-UE, il-Bulgarija u r-Rumanija jridu japplikaw ċerti miżuri biex jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra tagħhom. Madankollu, dawn il-miżuri ma jistax ikollhom l-effett massimu bla ma jiġu applikati wkoll fil-bqija tal-Istati tal-Baħar l-Iswed.

Dan jeħtieġ il-kooperazzjoni istituzzjonalizzata bejn dawn il-pajjiżi rigward il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. B'din l-inizjattiva, il-miżuri stabbiliti fil-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE jiġu applikati fil-baċin kollu tal-Baħar l-Iswed. Dan l-argument huwa bbażat fuq riċerka xjentifika li turi li l-kooperazzjoni istituzzjonalizzata hija vitali għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat il-fatt li l-istabbiliment ta' tali organizzazzjoni jafferma l-impenn tal-UE fir-reġjun fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, għaliex ikollu effetti ta' benefiċċju għall-Istati kollha tal-Baħar l-Iswed fuq perjodu twil ta' żmien.

Fl-istess ħin, bl-istituzzjonalizzazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sajd, din l-organizzazzjoni reġjonali tippermetti lill-UE tqiegħed il-prinċipji tagħha stabbiliti fil-Politika Komuni tas-Sajd fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar is-sajd mat-Turkija, l-Ukraina, il-Ġeorġja u r-Russja.

Ir-Rapporteur tqis li l-Unjoni Ewropea għandha tuża r-riżorsi diplomatiċi u finanzjarji kollha tagħha, bħall-Inizjattiva dwar is-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari Euronest u d-diversi forom ta' finanzjament Ewropew biex tikseb il-prijoritajiet tagħha filwaqt li tinnegozja ma' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.

Ir-rapport jinsisti fuq il-ħtieġa ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza. Barra minn hekk, l-UE trid tiżviluppa l-usa' kooperazzjoni possibbli bejn l-istituti tar-riċerka fl-Istati Membri kollha, li ma tkunx limitata biss għat-timijiet tar-riċerka. Għal dan il-għan għandu jkun żgurat finanzjament adegwat tal-UE. Inkella jkun impossibbli li jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni attwali tal-istokkijiet tal-ħut u deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed ikunu soġġetti għal dubji serji.

Ir-rapport jiffoka fuq l-importanza tar-riċerka biex jiġu definiti t-tekniki l-aktar sikuri tas-sajd għall-istokkijiet demersali, partikolarment il-'veined rapa whelk' (Rapana venosa). Dan huwa ta' importanza partikolari għall-ekosistema tal-Baħar l-Iswed, billi ntwera li r-'rapa whelk' qiegħda fis-sitwazzjoni ta' 'predatur mingħajr għedewwa' u għalhekk qed teżerċita pressjoni kbira fuq il-filtri naturali tal-baħar bħall-masklu l-blu (Mythilus galloprovincialis) u l-'istriped venus clam' (Chamelea gallina), u qed tipperikola serjament il-bilanċ ekoloġiku tal-Baħar l-Iswed.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Marek Józef Gróbarczyk, Iliana Malinova Iotova, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luis Manuel Capoulas Santos, Chris Davies, Raül Romeva i Rueda, Ioannis A. Tsoukalas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sławomir Witold Nitras

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Lulju 2011Avviż legali