Proċedura : 2010/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0284/2011

Testi mressqa :

A7-0284/2011

Dibattiti :

PV 26/09/2011 - 23
CRE 26/09/2011 - 23

Votazzjonijiet :

PV 27/09/2011 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0410

RAPPORT     
PDF 304kDOC 218k
19 ta' Lulju 2011
PE 448.856v02-00 A7-0284/2011

dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel

(2010/2100(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Gabriele Zimmer

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel

(2010/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-obbligi li hemm fil-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu dwar id-dritt għall-ikel, li tiegħu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji,

–    wara li kkunsidra l-objettiv tas-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-1996 (id-Dikjarazzjoni ta' Ruma) li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs in-numru ta’ nies li jbatu l-ġuħ,

–    wara li kkunsdidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), adottati fis-Sumimt tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000, u b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 1 dwar il-prinċipju tat-tneħħija tal-faqar u tal-ġuħ estrem,

–    wara li kkunsidra s-Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Mejju 2008, f'Ġinevra, dwar "L-impatt negattiv tad-deterjorament tal-kriżi dinjija tal-ikel fuq id-dritt għall-ikel, ikkawżat inter alia minħabba prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew",

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea bit-titolu "Il-Konsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja",

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Għajnuna tal-Ikel iffirmata f’Londra fit-13 ta’ April 1999, li l-objettivi tagħha huma li jsir kontribut għas-sigurtà alimentari dinjija u li titjieb l-abilità tal-komunità internazzjonali biex tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fl-ikel u bżonnijiet oħra ta' ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Sigurtà Alimentari tal-2009 u l-preparazzjoni mill-FAO tal-"Linji Gwida Volontarji dwar Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art u ta' Riżorsi Naturali oħra",

–    wara li kkunsidra “Il-Linji Gwida Volontarji FAO għas-sostenn tal-materjalizzazzjoni progressiva tad-dritt għal alimentazzjoni adegwata fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali",

–    wara li kkunsidra r-rapport interagenzjarja għall-G20 dwar il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel bit-titolu "Il-Volatilità tal-Prezzijiet fis-Swieq Agrikoli u tal-Ikel: Reazzjonijiet tal-Politika", li tressaq lill-Presidenza Franċiża tal-G20 fit-2 ta' Ġunju 2011,

–    wara li kkunsidra "Il-linji gwida tal-politika tal-UE dwar l-art" minn Novembru 2004,

–    wara li kkunsidra l-Prospettiva Agrikola tal-OECD u l-FAO 2011-2020, li ġiet ippubblikata b'mod konġunt fis-17 ta’ Ġunju 2011,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Maputo dwar l-Agrikoltura u s-Sigurtà tal-Ikel iffirmata fl-2003, fejn il-gvernijiet Afrikani impenjaw ruħhom li jallokaw minimu ta' 10% tal-baġits nazzjonali annwali tagħhom għall-agrikoltura,

–    wara li kkunsidra r-Rapport mill-Bank Dinji dwar l-Iżvilupp Dinji għall-2008: "Agrikoltura għall-Iżvilupp",

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-KAP lejn l-2020”

–    wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Prospettiva Bijannwali dwar l-Ikel, l-aktar riċenti tal-FAO (Ġunju, 2011),

–    wara li kkunsidra r-rapport ippublikat fil-15 ta' April 2008 dwar Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp (IAASTD),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sigurtà Alimentari Globali tal-Ikel f’L’Aquila, adottata fl-10 ta’ Lulju 2009,

–    wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Bażi tal-Protezzjoni Soċjali tan-NU,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982,

–    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Mġiba tal-FAO għal Sajd Responsabbli tal-1995,

–    wara li kkunsidra r-reviżjoni annwali tal-FAO dwar L-Istat tas-Sajd u l-Akwakultura Dinji tal-2010,

–    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(1),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2010)0127) adottata fil-31 ta' Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-10 ta' Mejju 2010,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-"Għajnuna Umanitarja tal-Ikel" (COM(2010)126) adottata fil-31 ta' Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-10 ta' Mejju 2010,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-prezzijiet tal-ikel u tal-għalf li dejjem qed jogħlew(2) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(3), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar il-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew(4)

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika(5),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel(6),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-laqgħa għolja tal-FAO u s-sigurtà tal-ikel(7),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politiki tal-UE għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u Iktar(8),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar is-sigurtà tal-ikel, adottata f'Kinshasa fl-4 ta' Diċembru 2010(9),

–    wara li kkunsidra t-tmien rakkomandazzjonijiet tal-G20 ippubblikati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel fid-29 ta' Jannar 2011,

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu l-"Agroekoloġija u d-Dritt għall-Ikel" mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, imressaq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-8 ta’ Marzu 2011,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0284/2011),

A.  billi skont il-FAO, in-numru ta’ persuni li qed ibatu l-ġuħ fl-2010 jammonta għal 925 miljun persuna; billi, globalment, il-prevalenza ta' piż inqas milli suppost fit-tfal taħt il-5 snin hija ta’ 26 fil-mija u aktar minn terz tal-imwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin huma kawża ta' nuqqas ta' nutrizzjoni; billi nofs biss tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw (62 minn 118) jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-mira tal-MDG. billi t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku dinji u ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil aggravaw s-sitwazzjoni tal-ikel f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, u b’hekk ikkawżaw waqfa parzjali tal-progress imwettaq fl-aħħar deċennju għat-tnaqqis tal-faqar;

B.   billi l-ġuħ u n-nuqqas ta' ikel sustanzjuż huma r-raġunijiet prinċipali tal-moralità tal-bnedmien, kif ukoll l-ikbar theddidiet għall-paċi u sigurtà tad-dinja,

C.  billi, skont il-pubblikazzjoni riċenti ta' Jannar 2011 mill-Indiċi FOA tal-Prezzijiet tal-Ikel, kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-ikel kull xahar minn Awwissu 2010, li ssewgi t-tendenza tal-aħħar għaxar snin, b'livelli ta' spiss ogħla minn dawk irreġistrati fl-2008 meta kien hemm żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel; billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti qed ikollha impatt kbir fuq pajjiżi bi dħul baxx u l-aktar partijiet foqra, vulnerabbli u emarġinati tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

D.  billi d-domanda globali għall-prodotti agrikoli mistennija li se tiżdied b'70% sal-2050 u dawn il-prodotti se jkollhom jiġu fornuti b'użu ristrett ta' ilma u pestiċidi, b'anqas art agrikola disponibbli u bl-applikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni agroekoloġiċi sostenibbli, filwaqt li huwa previst li l-popolazzjoni dinjija se tlaħħaq disa' biljun persuna sa dak iż-żmien; billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel hu aggravat aktar bl-ispekulazzjoni fuq il-prodotti, id-deġenerazzjoni tal-artijiet, l-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fil-klima, l-akkwist globali tal-artijiet u l-insigurtà dwar il-pussess tal-art, b'mod partikolari għall-partijiet tal-popolazzjoni l-aktar foqra u vulnerabbli, il-monpolji globali taż-żrieragħ, id-domanda għal fjuwils Agro u l-politiki relatati mal-enerġija,

E.   billi 85 % tal-istokkijiet evalwati tal-ħut tad-dinja jew huma sfruttati kompletament, sfruttati żżejjed jew eżawriti u billi d-dipendenza fuq il-ħut bħala sors tal-proteina tal-annimali fil-pajjiżi bi dħul baxx b’nuqqas ta’ ikel hija mill-anqas 20 % skont "L-Istat tas-Sajd u l-Akwakultura Dinjija 2010" tal-FAO,

F.   billi l-agrikoltura tipprovdi l-impjieg u l-għajxien għal aktar minn 70% tal-forza tax-xogħol, il-biċċa l-kbira minnhom nisa, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-Bank Dinji jistma li t-tkabbir fis-settur agrikolu huwa darbtejn aktar effikaċi biex inaqqas il-faqar mit-tkabbir f’setturi oħra, iżda jindika wkoll l-importanza tal-investiment fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur rurali mhux agrikolu;

G.  billi l-evidenza turi l-potenzjal li għandhom sistemi ta' bdiewa fuq skala żgħira biex iżidu l-produzzjoni tal-ikel ġenerali; billi li wieħed jiffoka biss fuq il-produzzjoni għall-esportazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jista’ jkollu impatti negattivi, speċjalment fuq in-nisa, bħala bdiewa fuq skala żgħira,

H.  Billi d-difiża tal-proprjetà privata u l-istat tad-dritt huma rekwiżiti bażiċi biex jiżdied l-investiment privat fl-agrikoltura.

I.    billi minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għas-self jew mikrokreditu għal investiment f’mekkaniżmi mtejba ta’ żrieragħ, fertilizzanti u irrigazzjoni, bdiewa fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola; billi l-istat għandu rwol kruċjali għal żvilupp sostenibbli u biex jiġu żviluppati kapaċitajiet għall-produzzjoni u l-ipproċessar,

J.    billi s-sehem tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) allokat għall-agrikoltura fl-livell internazzjonali waqa' drammatikament matul dawn l-aħħar tliet deċennji,

K.  billi l-UE rreaġixxiet malajr għall-kriżi tal-ikel tal-2008 permezz tal-ħolqien tal-Faċilità tal-Ikel; billi l-impatt ta' tali miżuri fuq il-kawżi strutturali tal-ġuħ u n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u fuq azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari dawk immexxija min-nisa, diffiċli jitkejjel, iqis li estensjoni ulterjuri ta' din il-Faċilità tal-Ikel, jew l-allokazzjoni addizzjonali ta' fondi għaliha, ma għandhiex tkun awtomatika, iżda deċiża abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt indipendenti tal-effikaċja tal-infiq tal-fondi biex itejjeb is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi benefiċjarji kollha,

L.   billi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni, bħat-tkabbir fqir jew tfixkil tal-fetu fl-ewwel sentejn tal-ħajja jwassal għal ħsara irriversibbli, inklużi tul iqsar fl-adulti, kisba aktar baxxa tat-tagħlim, anqas dħul tal-adulti, u piż anqas tat-trabi li jitwieldu, għad iridu jidhru bħala problema kbira għall-iżvilupp sostenibbli f’ħafna pajjiżi tan-Nofsinhar;

M.  billi kien hemm enfasi politika mġedda fuq is-sigurtà tal-ikel mill-2008 li wasslet għall-multiplikazzjoni tal-inizjattivi fuq livell internazzjonali li jitlob għal strateġija globali komprensiva,

Qafas politiku tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali: approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għas-sostenibilità tal-agrikoltura

1.   Jenfasizza li l-għadd ta' nies li jbatu l-ġuħ huwa inaċċettabbli u jiddispjaċih li l-isforzi globali internazzjonali s'issa ma laħqux il-MDG 1 jitlob li jittieħdu passi urġenti għas-sodisfazzjon ta' impenji vinkolanti f'livell internazzjonali u biex id-dritt għal alimentazzjoni adegwata jsir realtà;

2.  Jenfasizza li l-istabbiltà politika hija l-prerekwiżit għal iktar sigurtà tal-ikel, u għalhekk jistieden lill-partijiet kollha involuti juru r-rieda politika meħtieġa biex tiġi garantita dik l-istabbiltà;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel; iqis, madankollu, li l-kriżi tal-ikel dinjija tirrappreżenta, mhux biss diżastru umanitarju mingħajr preċedenti, iżda wkoll theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà fid-dinja, u li, anki jekk il-Kummissjoni għandha tiġi rikonoxxuta għall-impenn tagħha li ssib soluzzjonijiet li jistgħu jsolvu l-faqar estrem ta' biljun persuna, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom, b'urġenza, jagħmlu investimenti ġodda fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, fuq kollox minħabba t-test il-ġdid tal-PAK, li jdaħħal mekkaniżmi intiżi għall-ġbir ta' stokkijiet dinjin kbar biżżejjed ta' prodotti bażiċi tal-ikel, ineħħu l-ostakli tagħhom stess għall-kummerċ u jtaffu d-dejn tal-aktar pajjiżi milquta; jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis iżjed il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel f'xi pajjiżi meta tikkalkula l-għajnuna għall-iżvilupp;

4.   Jilqa’ ż-żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna umanitarja tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel; jitlob li ż-żewġ komunikazzjonijiet ikunu implimentati b'mod koerenti u koordinat biex jiġu indirizzati aħjar il-kawżi ewlenin tal-ġuħ, in-nuuqas ta' nutrizzjoni u n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, flimkien mal-kwistjoni tat-tqassim tal-ikel bejn u fi ħdan il-pajjiżi, b’enfasi partikolari fuq l-aktar partijiet foqra u marġinalizzati tas-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-proċess tal-iżvilupp tal-pjan ta’ implimentazzjoni b’appoġġ għall-Qafas ta’ Politika dwar is-Sigurtà tal-Ikel u biex jadottawh meta jitlesta; jilqa’ l-fatt li attenzjoni speċjali tingħata lil dawk li jbagħtu l-aktar meta jseħħ xi diżastru, jiġifieri, in-nisa u t-tfal; iqis li meta sseħħ kriżi, huwa essenzjali li tiġi assigurata l-kapaċità tal-komunità biex takkwista l-ikel fuq medda qasira ta’ żmien u anki fuq dik twila, ifakkar li l-mekkaniżmi għall-emerġenza ma għandhomx ikunu soluzzjoni fit-tul; jesprimi tħassib serju dwar l-effetti negattivi ta’ tali mekkaniżmi speċjalment fuq l-ekonomiji lokali; jenfasizza li politika ta’ żvilupp sostenibbli għandha tkun ibbażata fuq approċċi fit-tul u ta’ kooperazzjoni;

5.   Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp; jitlob għall-mobilizzazzjoni ta' iktar mezzi biex jiġi żgurat li l-għajnuna tkompli tingħata u biex id-dibattitu jikkonċentra aktar fuq il-flessibilità u l-kumplementarjetà tal-istrumenti finanzjarji eżistenti; jitlob titjib fid-djalogu u l-koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-aġenziji tal-iżvilupp;

6.   Jistieden lill-UE biex tivvaluta l-impatt tal-iżvilupp tal-proposti tagħha dwar ir-riforma tal-PAK sabiex titjieb il-koerenza bejn l-objettivi tal-politika ta’ żvilupp tal-PAK u tal-UE;

7.   Jistieden lill-UE żżid is-sostenn favur produzzjoni agrikola sostenibbli min-naħa ta' azjendi agrikoli żgħar, tal-biewa u ta' daqs medju, prinċipalment, għall-konsum lokali, fil-programmi tagħha ta’ għajnuna għall-iżvilupp u tinvesti fi pjanijiet immexxija fuq livell nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fuq livell lokali b’kooperazzjoni mal-bdiewa u r-rappreżentanti tagħhom, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investimenti pubbliċi fir-riċerka għal sistemi ta’ produzzjoni agroekoloġiċi sostenibbli li jtejbu wkoll b’mod konsiderevoli il-produttività u l-kompetittività tas-settur agrikolu u rurali;

8.   jinsisti fuq il-ħtieġa għal approċċ ta’ sħubija mal-firxa sħiħa ta’ dawk interessati fl-iżvilupp dwar is-sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li minħabba l-qrubija tagħhom għat-territorji u l-popolazzjonijiet lokali u l-kapaċità tagħhom biex jikkoordinaw l-azzjonijiet minn atturi differenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol essenzjali bħala pjattaforma intermedjarja u ta’ żvilupp; jenfasizza li d-Djalogu Strutturat bejn l-Isituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jiġi estiż għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-donaturi oħra tal-għajnuna għall-iżvilupp, inklużi l-NGOs, jimmiraw l-investiment tagħhom ħafna aktar fuq is-settur agrikolu sabiex il-popolazzjoni lokali jkollha raġuni biex ma titlaqx minn fejn hi;

10. Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp barrani (ODA) għall-iżvilupp tas-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;

11. Ifakkar li billi l-komunitajiet l-aktar fil-bżonn għandhom tendenza jgħixu fuq l-agrikoltura, l-iżvilupp tal-agrikoltura sostenibbli u kunsiderazzjoni serja tal-valutazzjonijiet tal-IAASTD jirrappreżentaw għalhekk kundizzjoni neċessarja biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 1; jemmen li l-biedja fuq skala żgħira tista', b'mod partikolari, tirrappreżenta tweġiba għall-isfida tas-sigurtà tal-ikel billi ssaħħaħ ir-rwol fundamentali tan-nisa, permezz tal-ipproċessar tal-prodotti fil-post u l-ġeneralizzazzjoni tas-self u tal-mikrokrediti ,u bl-involviment ta' kooperattivi tal-produtturi ż-żgħar bħala parteċipanti ewlenin fid-definizzjoni ta' politiki agrikoli kummerċjali effiċjenti;

12. Ifakkar li l-iżvilupp tas-settur agrikolu jeħtieġ investimenti fuq medda twila ta’ żmien, li jkopru l-katina tal-produzzjoni kollha, mill-produttur sal-konsumatur; u li dan ifisser li huwa importanti li jiġu stabbiliti l-infrastrutturi meħtieġa, bħal rotot, konnessjonijiet mas-swieq u informazzjoni fir-rigward tas-swieq innifishom u fir-rigward tad-diversifikazzjoni eventwali tal-prodotti;

13. Jemmen li strateġija ta' sostenn għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tinkludi pjan edukattiv u ta' taħriġ, li jxeqleb lejn il-ħolqien tal-impjiegi, u li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jkunu jistgħu jkomplu jitgħallmu xjenza agrikola sostenibbli bil-għan li jipproduċu forom ta' produzzjoni speċjalizzati, sostenibbli kif ukoll aqwa minn dawk preċedenti, u b'hekk jiġi limitat l-eżodu miż-żoni rurali u jitnaqqas il-faqar;

14. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, kemm huwa importanti li l-bdiewa, minbarra li jissodisfaw il-ħtiġijiet alimentari tagħhom, għandhom jiġġeneraw id-dħul li għandhom bżonn għall-edukazzjoni u l-investiment;

15. Jenfasizza li huwa kruċjali li l-organizzazzjonijiet agrikoli lokali jiġu involuti fl-istadji differenti tal-implimentazzjoni ta' politika agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex issaħħaħ lill-assoċjazzjonijiet lokali, biex tiżgura li jitħarsu l-interessi tal-komunitajiet lokali;

16. Jaqbel li l-programmi tal-UE għall-għajununa għandhom jiffokaw prinċipalment fuq produzzjoni tal-ikel fuq skala żgħira u medja, kif rakkomandat fir-rapport IAASRD, u fuq l-approċċi li jsaħħu l-bijodiversità, jipprevjenu d-degradazzjoni tal-art fertili u jippromwovu prassi ta' dħul estern baxx (LEI) filwaqt li jżidu l-eżitu agrikolu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jista' jinkinseb billi l-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju ikollhom aċċess aħjar għas-self u għal mikrokrediti b'rati tal-imgħax u kundizzjonijiet ġusti;

17. Iqis li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-użu ta’ żerriegħa minn varjetajiet lokali li tkun adattata għall-kundizzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li tkun tista’ tinħażen, tiġi kkummerċjalizzata u fornita faċilment lill-bdiewa, peress li ma jkollhiex drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbuta magħha;

18. Jistieden lill-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiżviluppaw kapaċitajiet konġunti għar-riċerka u t-taħriġ fir-rigward ta' metodi tal-biedja sostenibbli u teknoloġiji ġodda, l-aktar permezz ta’ sħubiji pubbliċi privati u intrapriżi konġunti, li tinkludi l-produzzjoni tal-valur miżjud fil-punt tal-ġbir u l-ħżin tal-ikel permezz tal-imballaġġ u l-ipproċċessar;

19. Jinsisti fuq il-bżonn li tissaħħaħ ir-riċerka abbażi ta’ finanzjament pubbliku u għat-trażmissjoni tal-għarfien fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli, billi jiġu promossi l-attivitajiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar fl-ottimizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola, isir adattament għall-isfidi li jġibu t-tibdil fil-klima u d-domanda akbar fuq ir-riżorsi.

20. Jitlob it-twaqqif ta’ mekkaniżmi li jipproteġu l-foresti, in-nies tal-post, l-artijiet mistagħdra u l-prattiki agrikoli tradizzjonali fil-pajjiżi terzi li jesportaw.

21. Iqis, li fid-dawl tal-popolazzjoni dinjija li kulma tmur qed tikber u ż-żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti forom ta’ produzzjoni iktar sostenibbli, effikaċi fl-użu tal-enerġija u li jiffrankaw l-enerġija, fil-livell dinji; jitlob li l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-UE u mill-Istati Membri tagħha tkun marbuta mal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ produzzjoni agrikola sostenibbli u awtosuffiċjenti f’termini ta’ użu ta’ enerġija, u li parti minn din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ faċilitajiet għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli (pereżempju bbażati fuq ir-riħ u x-xemx) u ġestjoni tajba tal-ilma;

22. Jenfasizza li fil-kuntest tan-negozjati tan-NU dwar il-Fond għat-Tibdil fil-Klima, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li parti sostanzjali mill-fondi allokati lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw tintuża b'mod effikaċi biex jisaħħew il-politiki agrikoli lokali, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-iżvilupp soċjali u ambjentali sostenibbli;

23. Jenfasizza li jekk irridu naraw lill-azjendi agrikoli żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment in-nisa, ikunu mhux biss sostenibbli iżda wkoll f'pożizzjoni li jiżviluppaw il-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom, dawn għandhom ikollhom aċċess akbar għall-mikrokreditu, inkluż il-mikrokreditu bla profitt, għal investiment f’mekkaniżmi mtejba ta’ żrieragħ, fertilizzanti u irrigazzjoni u l-firxa meħtieġa ta’ strumenti għall-protezzjoni tal-uċuħ biex jipproteġu l-għelejjel tagħhom mill-insetti u l-mard;

24. Jenfasizza l-importanza ta’ żieda fl-iskala kemm tal-attivitajiet u l-politiki speċifiċi għan-nutriment kif ukoll dawk sensittivi li jaffettwaw in-nutriment u biex jiġu allinjati l-interventi tal-kontribwenti f’das-settur fil-livell tal-pajjiż, tal-UE u dak internazzjonali;

25. Jenfasizza li l-azjendi agrikoli żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jingħataw aċċess akbar għad-drittijiet tal-proprjetà, li jippermettu sidien ta’ biċċa art żgħira jagħtu prova tas-sjieda u b’hekk ikollhom garanzija għas-self meħtieġ biex iżidu l-produzzjoni tagħhom;

26. Jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-kapaċitajiet tal-agroproċessar fil-pajjiżi sħab sabiex jitnaqqas it-telf wara l-ħsad, jittawwal il-perjodu ta’ skadenza u l-preservazzjoni tal-prodotti tal-ikel u jiġu żviluppati faċilitajiet aħjar għall-ħżin, u b’hekk jiġi ostakolat it-telf mit-taħsir, li bħalissa huwa għoli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fid-dinja kollha u jittejjeb l-aċċess għas-suq lokali u jinħoloq xogħol deċenti għall-popolazzjoni lokali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz biex jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija, il-ħila esperta u l-appoġġ bil-bini tal-kapaċitajiet lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rwol tal-artijiet aridi jew semi aridi (ASAL), b’attenzjoni speċjali fuq il-bhejjem ladarba l-akbar provvista tal-laħam għaż-żoni l-aktar urbanizzati tiġi provduta mir-reġjuni ASAL;

28. Ifakkar li l-aċċess għal alimentazzjoni adegwata huwa dritt universali tal-bniedem; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jimplimentaw il-linji gwida volontarji FAO dwar id-dritt għall-ikel;

29. Ifakkar li l-iżvilupp agrikolu għandu jissejjes fuq id-dritt għall-ikel u d-dritt li wieħed jipproduċi l-ikel; jinsisti li l-UE għandha tirrikonoxxi u tiddefendi l-bżonn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiksbu s-sigurtà tal-ikel (kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi), u d-dritt tagħhom li jkunu kemm jista’ jkun awtosuffiċjenti; jenfasizza f’dan ir-rigward l-impenn tal-UE li telimina gradwalment is-sussidji fuq l-esportazzjonijiet, b'mod parallel ma' ċerti miżuri li qed jittieħdu minn sħab tad-WTO; jenfasizza fl-istess waqt il-bżonn li tiġi żgurata ugwaljanza fl-aċċess għall-ikel f’dawn il-pajjiżi għall-popolazzjonijiet lokali;

30. Jitlob ir-rikonoxximent tal-kunċett tas-sigurtà tal-ikel, definit bħala l-kapaċità ta’ pajjiż jew reġjun li jimplimenta b’mod demokratiku l-politiki agrikoli u tal-ikel proprji tiegħu, flimkien mal-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu permezz ta' mudell agrikolu sostenibbli; jenfasizza li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni domestika f’uħud mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu ma jkoprux il-bżonnijiet u li l-kisba tas-sigurtà tal-ikel fuq terminu twil ta’ żmien tesiġi li jitnaqqsu d-dipendenzi tal-importazzjoni;

31. Ifakkar l-importanza ta' approċċ għall-governanza tas-sigurtà tal-ikel li jinvolvi qafas globali li jerġa' jqiegħed l-enfasi fuq il-politika alimentari lil hinn mill-għajnuna alimentari, fuq il-kooperazzjoni bejn id-donaturi u bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, kif ukoll fuq ir-rwol kruċjali tal-politiki tal-pajjiżi benefiċjarji li jimpenjaw ruħhom li jipprovdu kundizzjonijiet pubbliċi bażiċi bħall-paċi interna u l-investiment fl-infrastruttura rurali;

32. Jilqa' d-deċiżjoni dwar l-integrazzjoni tad-dimensjoni alimentari fil-programmi tal-UE jistieden lill-Kummissjoni tfassal Komunikazzjoni speċifika dwar din id-dimensjoni; jitlob li l-aspett alimentari jiddaħħal b'mod permanenti fil-politiki dwar is-siġurtà tal-ikel u għal interventi fis-settur tal-agrikoltura;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol fundamentali tan-nisa, bħala azjendi agrikoli żgħar, fis-sigurtà tal-ikel u n-nutriment, u tinvesti fi programmi li jsostnuhom b’mod partikolari; ifakkar li l-importanza tan-nisa fil-kisba tas-sigurtà tan-nutriment għalihom infushom u għat-tfal tagħhom għad trid tkun rikonoxxuta kif jixraq u, għalhekk, l-għajxien tan-nisa jrid ikun assigurat u l-għarfien dwar in-nutriment adegwat irid jiżdied; jinsisti dwar il-fatt li l-istrateġija tal-UE għandha wkoll tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet biex jiġi assigurat li dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment f’żoni rurali, jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet tat-taħriġ agrikolu, l-edukazzjoni dwar in-nutriment, is-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u sigurtà f’każ li din tkun meħtieġa;

34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FAO biex ikomplu l-proċessi ta’ konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa mas-soċjetà ċivili globali u atturi mhux statali, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, tas-sajjieda u tar-raħħala, li l-involviment u l-kontribuzzjoni tagħhom hija vitali bil-għan li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex titjieb il-produzzjoni tal-ikel;

35. Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-previżjonijiet tal-FAO dwar il-popolazzjoni, li jindikaw li, sal-2025, aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa (madwar 3.5 miljun ruħ) se tkun qed tgħix f'żoni urbani, politika ta' appoġġ għall-ortikoltura urbana tista' toffri mod biex wieħed ma jibqax jgħix fil-faqar, meta jitqiesu l-ispejjeż baxxi inizjali, iċ-ċikli qosra tal-produzzjoni u l-ħsad kbir meta mqabbel mal-ħin ta' xogħol, d-daqs tal-artijiet u l-volumi tal-ilma użati, u minbarra l-fatt li l-bliet ġodda jistgħu jsiru aktar ħodor;

36. Iħeġġeġ lill-UE ssostni l-inizjattiva tan-NU dwar livell minimu ta’ protezzjoni soċjali, li jkun ta’ għajnuna biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ikel bażiċi tal-popolazzjonijiet foqra billi jipprovdu lin-nies foqra u vulnerabbli, inklużi dawk b’xi diżabbiltà, b'għotja ta' flus bażika li permezz tagħha jkunu jistgħu jakkwistaw prodotti tal-ikel bażiċi u b'servizzi essenzjali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel u jitjieb in-nutriment – elementi fundamentali għall-materjalizzazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem;

37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq in-nuqqas ta’ nutriment, speċjalment in-nuqqas ta’ nutriment tal-omm u tat-trabi, u biex jiġu integrati strateġiji sodi u multisettorjali dwar in-nutriment fil-politika tagħha għall-iżvilupp;

38. Jenfasizza d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel li l-parteċipazzjoni tal-bdiewa hija vitali għas-suċċess tal-prattiki agroekoloġiċi u tistimola lill-bdiewa jkomplu jitgħallmu; għalhekk jinkuraġġixxi lill-produtturi tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jinvolvu ruħhom fl-NGOs globali u lokali u fil-kooperattivi tal-bdiewa;

39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu u jaħdmu favur l-implimentazzjoni ta' strumenti ta’ finanzjament innovattivi, bħal pereżempju taxxa internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; ifakkar li dawn l-istrumenti għandhom jiżdiedu mal-objettiv, iffissat min-Nazzjonijiet Uniti, li jingħata 0.7% tal-ING lill-koperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza, fl-istess ħin, li hija r-responsabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jżidu l-isforzi tagħhom fil-qasam fiskali, prinċipalment fil-ġbir tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;

Miżuri effikaċi kontra l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u l-akkwist bla rażan tal-art: il-limitazzjoni tal-ispekulazzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi tal-ikel u agrikoli

40. Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sena 2008, is-sena tal-kriżi globali tal-ikel, kienet ukoll is-sena li fiha ġie prodott l-akbar ammont ta' qamħ fl-istorja tad-dinja, u jenfasizza f'dan l-isfond ir-rwol negattiv tal-ispekulazzjoni fuq l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-komoditajiet;

41. Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali tal-volatilità tal-prezzijiet u jenfasizza bil-qawwi li minħabba spekulazzjoni fuq id-derivati tal-komoditajiet essenzjali l-volatilità tal-prezzijiet marret ħafna għall-agħar; japprova l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel rigward ir-rwol tal-investituri kbar li jinfluwenzaw l-indiċi tal-prezzijiet tal-komoditajiet;

42. Jenfasizza li riċentement għadd ta’ fatturi oħra imprevedibbli affettwaw ukoll ħażin l-istabbiltà fis-swieq tal-ikel, inkluż il-katastrofi fil-Ġappun, mewġa mingħajr mingħajr preċedenti ta’ inkwiet politiku li ħakem ħafna pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Qrib, żieda kbira oħra fil-prezzijiet taż-żejt, inċertezza mtawla fis-swieq finanzjarji u fl-ekonomija dinjija kollha kellhom impatt;

43. Jemmen li l-ispekulazzjoni finanzjarja u ż-żieda fil-liberalizzazzjoni fis-swieq finanzjarji u fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli jikkontribwixxu ħafna għall-instabbiltà tal-prezzijiet, u li jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi regolatorji li jiżguraw ċertu livell ta’ stabbiltà tas-suq; iqis li għandha tiżdied it-trasparenza tas-swieq biex ikun żgurat dħul ġust għall-bdiewa u settur agrikolu vijabbli li jipprovdi s-sigurtà tal-ikel; jitlob b’mod partikolari li jkun hemm identifikazzjoni ċara tal-protagonisti involuti fil-kummerċ tal-ikel u analiżi fil-fond tal-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-ispekulazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel fis-swieq lokali u dinjija;

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konkreta biex jindirizzaw b'mod effikaċi l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-qmuħ u l-ikel;

45. Jemmen li d-derivati tal-komoditajiet huma differenti minn derivati finanzjarji oħra u li l-aċċess għal dan is-suq għandu jkun irregolat aħjar;

46. Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu passi biex iġġib l-istokkijiet dinjija tal-ikel għal li kienu, li wara li laħqu l-anqas livell tagħhom fl-2007, ikkontribwixxew għal spekulazzjoni li ilha taffettwa l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli f'livell dinji, b'effetti allarmanti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

47. Jitlob żieda, ġestjoni aħjar u ħażna tar-riżervi fiżiċi tal-qmuħ u ikel fil-livell nazzjonali u reġjonali u tisħiħ tal-koordinazzjoni u monitoraġġ internazzjonali, b’hekk ipatti għall-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u jippermetti rispons aħjar u aktar mgħaġġel għall-kriżi tal-ikel;

48. Jesprimi tħassib profond rigward l-akkwisti tal-artijiet fuq skala kbira attwalment imwettqa minn investituri barranin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li hija għad-detriment tal-bdiewa fuq skala żgħira lokali u għas-sigurtà tal-ikel lokali, reġjonali u nazzjonali; jistieden għalhekk lill-UE tħeġġeġ il-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jimpenjaw ruħhom għar-riforma tal-artijiet sabiex jaċċertaw it-titoli tal-artijiet għall-bdiewa indiġeni u għall-bdiewa ż-żgħar u ta' daqs medju, speċjalment in-nisa, u biex jipprevjenu prassi ta' ħtif tal-artijiet minn korporazzjonijiet;

49. Jenfasizza li l-art għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, u li jeħtieġ li jitħarsu d-drittijiet għal fond, tal-kera u tal-użu tal-art tal-żajendi agrikoli żgħar flimkiem mal-aċċess ta' komunitajiet lokali għar-riżorsi naturali, sabiex jiġi evitat aktar akkapparrar tal-artijiet, kif diġà qed jiġri b'mod allarmanti f'xi reġjuni tad-dinja, speċjalment fl-Afrika;

50. Jittama li l-programmi Ewropej ta’ għajnuna u azzjoni jisfruttaw l-għarfien dwar il-produzzjoni tal-ikel tal-bdiewa lokali;

51. Iħeġġeġ l-adozzjoni tal-linji gwida volontarji tal-FAO dwar l-akkwisti tal-art u jassigura l-implimentazzjoni parteċipatorja tagħhom, iżda jitlob ukoll regolamenti nazzjonali u internazzjonali strettament vinkolanti dwar l-akkwist tal-artijiet; jenfasizza li n-negozjati kuntrattwali għandhom ikunu trasparenti b’tali mod li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-parlamenti u tar-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali wara konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili;

52. Iqis li jeħtieġ li jiġi garantit li l-komunitajiet u l-istituzzjonijiet lokali jkollhom is-setgħa u l-kapaċità li jinnegozjaw sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-biedja lokali; jipproponi t-tfassil ta’ kodiċi ta’ mġiba biex l-investituri jingħataw inċentivi qawwija biex jibbażaw l-attivitajiet tagħhom fuq iż-żieda tal-produttività agrikola u tal-mezzi ta’ għajxien tal-popolazzjonijiet lokali;

53. Jiġbed l-attenzjoni għall-akkwist mhux biss tal-art iżda wkoll tal-liċenzji tas-sajd li jsir minn investituri barranin; jenfasizza l-ħtieġa tat-trasparenza u t-tħollija tal-parteċipazzjoni fin-negozjati kuntrattwali għall-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-ħtieġa biex tinżamm lista tal-ftehimiet konklużi fid-dominju pubbliku;

54. Jitlob għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi li jipprevjenu "l-użu ta' prezzijiet baxxi" biex il-bdiewa lokali jitqaċċtu 'l barra mis-suq u l-kapaċità tagħhom li jipproduċu l-ikel għall-popolazzjonijiet lokali;

55. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi sħab dwar l-effetti pożittivi ta’ sistemi ta’ produzzjoni agroekoloġiċi fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li s-sigurtà tal-ikel fit-tul tiddependi fuq kif se jiġi indirizzat l-impatt ambjentali tal-produzzjoni, sabiex ir-riżorsi naturali u l-provvisti tal-ikel jiġu protetti; jenfasizza madankollu li l-iskop prinċipali tal-għajnuna agrikola lil reġjuni b'nuqqas ta' sigurtà tal-ikel urġenti jew ġuħ għandu jkun biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel u l-aċċess għall-ikel;

56. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-G20 biex jindirizzaw il-volatilità tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-ikel;

57. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u ż-żamma tal-kundizzjonijiet effettivi għall-produzzjoni agrikola, inklużi l-kwalità tal-ħamrija, l-aċċess għall-ilma u l-prevenzjoni tat-tniġġis ambjentali; jinsisti fuq il-fatt li l-partijiet kollha interessati, partikolarment il-bdiewa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandu jkollhomrwol sinifikanti fl-iżvilupp ta’ strateġija għal żvilupp agrikolu sostenibbli;

Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp: l-impatt tal-politiki tal-UE dwar is-sigurtà alimentari globali

58. Ifakkar li d-dritt għall-ikel għandu jieħu preċedenza assoluta fuq għanijiet għas-sigurtà enerġetika; jitlob għall-iffriżar tal-miri tal-istrateġija enerġetika tal-UE sakemm isiru aktar valutazzjonijiet ta' impatt ;

59. Jemmen li s-sigurtà tal-ikel m’għandhiex tkun ipperikolata minħabba l-iżvilupp tal-agrofjuwils; jitlob għalhekk li jittieħed approċċ ibbilanċjat li jagħti prijorità lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ agrofjuwils li jużaw skart mill-biedja u mill-forestrija (skart ta’ tiben u pjanti oħra, demel tal-annimali, bijogass, eċċ.) minflok pjanti tal-ikel, biex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-produzzjoni tal-ikel u l-produzzjoni tal-enerġija; iqis ukoll li l-UE għandha tiżgura li l-importazzjoni ta’ agrofjuwils minn pajjiżi li qed jiżviluppaw issir fir-rispett tal-kriterji ta’ sostenibbiltà;

60. Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' perspettiva aktar globali fit-tfassil tal-PAK wara l-2013 li għandu jkun konformi mal-prinċipju "tagħmilx ħsara", għas-swieq tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

61. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' impatt tal-PAK li se tanalizza l-impatt estern tagħha fis-swieq internazzjonali tal-ikel u fuq is-sigurtà tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-problema tal-ħela tal-ikel fl-UE, billi sa 40% tal-ikel disponibbli, inkluż ikel prodott f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u esportat lejn l-UE, hu maħsub li jintrema, u biex tipproponi miżuri effikaċi biex tindirizza l-problema u jitjiebu l-mudelli tal-konsum;

63. Jitlob li gradwalment jitneħħew għalkollox is-sussidji tal-esportazzjoni kif ukoll l-inċentivi kollha l-oħra fil-PAK li jirriżultaw f'miżuri li jgħawġu l-kummerċ;

64. Jinsisti li l-Kummissjoni taċċerta li d-dimensjoni esterna tar-riforma attwali tal-Politika Komuni dwar is-Sajd tkun integrata mal-politiki ta’ żvilupp tal-UE.

65. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-Kodiċi tal-Kondotta tal-FAO għal Industrija tas-Sajd Responsabbli qed tiġi rispettata fil-pajjiżi fejn l-UE għandha Ftehimiet ta’ Sħubija dwar l-Industrija tas-Sajd, speċjalment rigward ir-rakkomandazzjoni biex jingħata aċċess preferenzjali lis-sajjieda artiġjanali lokali għar-riżorsi;

66. Jenfasizza li s-settur tal-industrija tas-sajd f’ħafna pajjiżi huwa kruċjali għall-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel u għalhekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-UE lis-settur biex jiżviluppaw l-industrija tas-sajd sostenibbli tagħhom stess, ir-riċerka, il-kontroll u l-infurzar biex jikkumbattu sajd illegali mhux rappurtat u mhux regolat;

67. Jitlob riformi li jespandu l-opportunitajiet għall-aċċess tas-suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jippermettulhom joperaw b'mod kompetittiv fis-swieq nazzjonali u reġjonali proprji tagħhom;

68. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura konsistenza massima bejn il-politiki tagħha ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp u l-politiki kummerċjali tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

69. Jemmen li l-UE għandha tappoġġa l-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli tas-swieq lokali tal-ikel li ġej mis-settur agrikolu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u speċjalment ftehimiet kummerċjali reġjonali li jippromwovu l-produzzjoni vijabbli u sostenibbli u l-kapaċitajiet ta’ pproċessar fil-livell lokali, u għandha talloka parti sostanzjali tal-għajnuna tagħha għall-iżvilupp ta' dan l-għan;

70. Itenni t-tħassib tiegħu li l-istrateġija kummerċjali tal-UE kultant tonqos milli tipprovdi approċċ favur l-iżvilupp; jitlob għalhekk ftehimiet kummerċjali ġusti u favur l-iżvilupp, peress li huma element essenzjali ta’ rispons fil-konfront tas-sigurtà tal-ikel globali;

71. Ifakkar li s-sigurtà tal-ikel titlob il-koerenza u l-koordinazzjoni tad-diversi politiki settorjali fil-livell tal-Unjoni Ewropa, jiġifieri l-politika tal-iżvilupp, il-PAK, il-politika kummerċjali komuni, il-politika dwar l-enerġija u l-programmi ta’ riċerka,

72. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tappoġġa l-għelejjel tal-proteina fl-Unjoni Ewropea biex l-Unjoni tingħata awtonomija akbar biex b'hekk tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li spiss ikollhom politiki agrikoli li joperaw purament abbażi tal-esportazzjonijiet u l-aċċess għas-swieq esterni, għad-detriment tal-benesseri u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali;

73. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq tħassib marbut mal-iżvilupp tan-negozjati EPA li għaddejin, twessa' l-lok għal manuvru tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tar-regoli tal-kummerċ u, b'mod partikolari, tapplika klawżoli ta' salvagwardja għall-iżvilupp endoġeneku u sostenibbli tal-kapaċità ekonomika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-użu ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-protezzjoni għall-industrija li għadha tibda huma strumenti ta’ żvilupp li jistgħu jintużaw biex jissaħħew il-produzzjoni lokali u s-sigurtà tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni qawwija favur l-iżvilupp matul in-negozjati WTO; jistieden lill-Kummissjoni tapplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għan-negozjati kummerċjali internazzjonali u biex fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi tapplika valutazzjonijet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem;

74. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw konvenzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet li fiha l-livell ta’ impenji għall-għajnuna tal-ikel tal-kontribwenti tkun konnessa mal-ħtiġijiet tan-nies u mal-volumi garantiti tax-xiri lokali fil-pajjiżi benefiċjarji;

75. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, tal-informazzjoni provduta u tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti fin-negozjati attwali tal-FAC;

76. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 354, 31.12.2008, p. 62.

(2)

ĠU C 263E, 16.10.2008, p. 621.

(3)

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 71.

(4)

Test adottat, P7_TA(2011)0071.

(5)

ĠU C 292E, 20.11.2008, p. 201.

(6)

ĠU C 66E, 24.2.2010, p.10.

(7)

GU C 285E, 21.10.2010, p. 69.

(8)

ĠU C 161E, 31.5.2011, p.47.

(9)

Test adottat ACP-EU/100.879/10/fin.


NOTA SPJEGATTIVA

In-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel hija sfida għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi l-anqas żviluppati. Fis-Summit dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju ta' Settembru 2010, ġie rrapportat li kien ċar li l-progress lejn il-kisba tal-objettivi relatati mal-ġuħ ma kienx biżżejjed. Skont il-FAO, in-numru stmat ta' nies bil-ġuħ fl-2010 kien ta' 925 miljun, numru li naqas mill-1 023 miljun fl-2009 imma xorta waħda aktar min-numru ta' persuni mhux mitmugħin biżżejjed fl-2008 (madwar 815 miljun). Hemm evidenza b'saħħitha li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel matul dawn l-aħħar xhur diġà kabbru dak in-numru allavolja għad m'hemmx numru uffiċjali disponibbli mill-FAO.

L-isfidi l-ġodda, inklużi t-theddid li qed jikber tal-ispekulazzjoni alimentari, it-tibdil fil-klima, l-akkwisti globali tal-art, il-bijofjuwils, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-art u l-pressjonijiet fuq l-ilma, ikkontribxxew biex ikomplu jaffetwaw il-qagħda tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja. F'dan il-kuntest, il-problemi attwali madwar il-ġuħ u n-nuqqas ta' nutrizzjoni wasslu biex l-approċċ għas-sigurtà tal-ikel jiġi rieżaminat mhux biss fil-livell tal-UE imma anke f'dak globali.

Ir-Rapporteur tixtieq tasserixxi li l-Istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll l-Istati Membri għadhom ma qiegħdux il-qerda tal-faqar, tal-ġuħ u n-nuqqas ta' nutrizzjoni fl-ewwel post fuq l-aġendi tagħhom jew bħala objettiv fuq żmien medju jew twil fl-istrateġiji politiċi tagħhom, minkejja li impenjaw ruħhom b'mod qawwi fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem għall-ikel, l-ilma, l-enerġija, eċċ. Bħala konsegwenza, sabiex l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jinkisbu sal-2015, se jkun kruċjali li jerġgħu jiġu eżaminati, u jinbidlu jekk ikun hemm bżonn, l-istrateġiji kollha tal-UE, bħal Ewropa 2020, l-Ewropa Globali, il-Politika dwar l-Enerġija, l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-ġejjieni tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE Barra minn hekk, ir-Rapporteur tistieden lill-UE u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom li jiġġieldu l-faqar u l-ġuħ fid-dinja fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Apparti dan, ir-Rapporteur temmen li l-istituzzjonijiet u l-fundazzjonijiet privati jistgħu dejjem jikkomplementaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet governattivi fil-politiki dwar l-iżvilupp imma qatt ma jistgħu jissostitwixxuhom minħabba li m'għandhomx l-obbligu li jagħtu rendikont tagħhom infushom b'mod demokratiku. L-implimentazzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tista' tkun utli ħafna għall-ġenerazzjoni ta' fondi addizzjonali għall-qerda tal-faqar.

1. Qafas politiku tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjonali: Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għas-sostenibilità tal-operazzjonijiet agrikoli żgħar

Fil-qafas tad-dibattitu mġedded dwar is-sigurtà alimentari, il-Kummissjoni Ewropea, fil-31 ta' Marzu 2010, adottat Komunikazzjoni ġdida dwar is-sigurtà tal-ikel li għandha tikkostitwixxi l-bażi għal qafas komuni għal azzjoni għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

Fir-rigward ta' "Inżidu d-disponibbiltà tal-ikel", ir-Rapporteur taqbel li l-assistenza tal-UE għandha tiffoka fuq il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel fuq skala żgħir biex tiżdied id-disponibilità tal-ikel, peress li l-agrikoltura għadha tirfed l-ekonomiji rurali matul id-dinja li għadha qed tiżviluppa. Hemm bżonn li s-sistemi ta' produzzjoni agrikola jissawru mill-ġdid, biex jitbiegħdu mis-sistemi attwali li jiddependu ħafna fuq inputs esterni u ż-żejt u tingħata aktar attenzjoni għas-sistemi agroekoloġiċi b'inputs esterni baxxi u li jkunu adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lin-nisa u l-bżonnijiet tagħhom peress li huma l-maġġoranza fost l-azjendi agrikoli żgħar.

Fir-rigward ta' "Intejbu l-aċċess għall-ikel", ir-Rapporteur tilqa' l-alternattiva politika ċara li "d-dritt għall-ikel" jiġi propost bħala pedament għall-qafas tal-UE. L-UE għandha tapplika approċċ abbażi tad-drittijiet għat-tfassil tal-politiki u l-istrateġiji dwar il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi u l-programmi ta' koperazzjoni u għandha ssostni lill-gvernijiet fl-adozzjoni "tad-dritt għal ikel xieraq" fil-kostituzzjonijiet tagħhom. Apparti dan, l-UE u l-pajjiżi sħabha għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ trasparenti, anke bil-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali, sabiex jiġi ggarantit li l-politiki dwar id-dritt għall-ikel jiġu implimentati kif suppost.

Fir-rigward ta' "Intejbu l-adegwatezza tan-nutriment tal-ikel konsmat", ir-Rapporteur temmen ukoll li hemm bżonn li jsir aktar biex l-attivitajiet nutrizzjonali jiġu intensifikati u biex l-interventi tad-donatur f'dan is-settur jiġu allinjati aħjar. Biex tagħti aktar importanza lill-aspett nutrizzjonali, ir-Rapporteur qed tissuġġerixxi li l-kunċett jitwessa' u li n-nozzjoni tas-sigurtà alimetari u nutrizzjonali jintuża fit-tfassil tal-politiki u l-programmi fil-ġejjieni.

Apparti l-approċċ "tad-dritt għall-ikel", ir-Rapporteur tindika li l-kunċett tas-sovranità alimentari jista' jkun utli ħafna biex il-ġuħ fid-dinja jitnaqqas b'mod sinifikanti. Il-kunċett hu ddefinit bħala d-dritt u l-kapaċità ta' pajjiż jew reġjun li demokratikament jiddeċiedu dwar il-politiki, il-prijoritajiet u l-istrateġiji agrikoli u alimentari proprji tagħhom u jimplimentawhom; il-kunċett jagħti prijorità lill-produzzjoni lokali għall-ħtiġijiet alimentari lokali u jippreżerva d-diversità tal-kulturi, l-għarfien tal-bdiewa u l-metodi ta' produzzjoni. Id-dimensjoni demokratika tal-kunċett tippermetti l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tal-partijiet interessati kollha li jkollhom interess u li huma affettwati mill-politiki alimentari. F'dan ir-rigward, il-metodoloġija applikata għad-Djalogu Strutturat li pprovdiet riżultati trasparenti u inkużivi tista' tintuża għall-applikazzjoni tal-kunċett tas-sovranità alimentari.

Ir-Rapporteur jiddispjaċiha li l-aspett tal-ġeneri ma ġiex żviluppat sew fil-Komunikazzjoni dwar l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel. Waqt li ġie rikonoxxut li n-nisa jiżvolġu rwol importanti biex jintgħelbu l-isfidi tas-sigurtà alimentari, il-Komunikazzjoni ma tipprovdix analiżi reali ta' dan ir-rwol u l-miżuri li jista' jkun hemm bżonn biex jiġu appoġġati.

Ir-Rapporteur tħeġġeġ lill-UE tappoġġa b'mod qawwi l-inizjattiva tan-NU dwar livell minimu ta' protezzjoni soċjali, li tkun tgħin biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-ikel bażiċi tal-popolazzjonijiet foqra. Is-servizzi essenzjali (id-disponibilità u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi) u t-traserimenti soċjali (li jitħallsu lil min hu fqir u vulnerabbli għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel u n-nutriment) huma ż-żewġ elementi ewlenin ta' għajnuna biex jitwettaq l-approċċ abbażi tad-drittijiet tal-bniedem.

Waqt li tirrikonoxxi l-elemeni pożittivi inklużi fil-Komunikazzjoni l-ġdida, ir-Rapporteur jiddispjaċiha li l-kawżi li huma l-għeruq tan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel ma ġewx indirizzati kif suppost.

2. Miżuri effikaċi kontra l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u l-akkwist bla rażan tal-art: il-limitazzjoni tal-ispekulazzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi alimentari u agrikoli

F'Marzu 2011, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Ikel tal-FAO kien ta' 230 punt, 14-il punt aktar mill-ogħla livell li laħaq fl-2008 waqt il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel. Issa hu rikonoxxut b'mod estensiv li l-ispekulazzjoni żvolġiet rwol kruċjali l-prezzijiet faqqgħu 'l fuq fl-2008 u fiż-żidiet ta' dan l-aħħar fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ikel. Waqt li l-holdings fil-fondi tal-indiċi tal-prodotti bażiċi żdied minn USD 13-il biljun fl-2003 għal USD 317-il biljun fl-2008, id-domanda u l-produzzjoni bażiċi żdiedu biss b'madwar 1.4% fl-istess perjodu. Barra minn hekk, il-volatilità tal-prezz taż-żejt hi direttament marbuta mal-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel, fatt li jqiegħed il-problema f'kuntest usa'. Għaldaqstant, kwalunkwe soluzzjoni se jkollha tqis il-komplessità tal-problema. Ir-Rapporteur temmen b'mod qawwi li għandha tingħata prijorità għolja lill-kwistjonijiet ta' madwar il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel. Bħala konsegwenza, ir-Rapporteur titlob li jiddaħħlu miżuri effikaċi kontra l-ispekulazzjoni bla rażan fil-prodotti bażiċi alimentari u agrikoli. Jistgħu jitqiesu soluzzjonijiet differenti bħat-trażżin tal-pożizzjonijiet tad-derivati, it-trażżin tal-possibilitajiet kummerċjali għal ċerti investituri li qed jimmiraw li jissalvagwardjaw il-produzzjoni agrikola, il-prevenzjoni tal-possibilitajiet ta' kontrokummerċ u ż-żieda kbira tat-trasparenza fis-suq u l-kummerċ agrikoli.

Hemm ukoll bżonn partikolari biex jiġi żgurat l-aċċess għar-riżorsi naturali, speċjali peress li d-dritt tal-azjendi agrikoli żgħar għall-art qed jiġi mhedded mill-akkwisti fuq skala kbira tal-art li qed isiru, b'mod partikolari, mill-investituri agrikoli barranin. L-akkwisti tal-art ta' spiss jitwettqu mingħajr il-kunsens minn qabel tal-komunitajiet lokali u b'kondiviżjoni tal-benefiċċji inadegwata jew mingħajrha. Peress li ħafna pajjiżi fil-mira huma ggvernati b'mod dgħajjef u d-dritt tal-utenti tal-art protetti b'mod dgħajjed, l-akkwisti fuq skala kbira jistgħu jżidu l-faqar fl-inħawi rurali u jistgħu jwasslu biex il-popolazzjonijiet lokali jitkeċċew. Ir-Rapporteur temmen li r-riforma agrarja u r-ridistribuzzjoni tal-art għandhom jerġgħu jiġu introdotti fid-dibattitu bħala mod biex jiġi indirizzat l-aċċess għall-art mill-azjendi agrikoli żgħar. Ir-Rapporteur temmen ukoll li l-ħtif tal-art askaptu tad-dritt għall-ikel tal-komunitajiet lokali ma jistax jiġi aċċettat u li għandha tiġi żviluppata u adottata regolamentazzjoni stretta nazzjonali u internazzjonali dwar l-akkwist tal-art.

3. Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp: l-impatt tal-politiki tal-UE dwar is-sigurtà alimentari globali

a) L-agrofjuwils

Ir-Rapporteur tixtieq tfakkar li s-sigurtà tal-ikel m'għandhiex tiġi pperikolata minħabba d-domanda li qed tikber għall-agrofjuwils u s-sitwazzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-produzzjoni tal-ikel u l-enerġija għandhom jiġu evitati. Għalhekk, l-istrateġiji tal-UE dwar l-enerġija għandhom jiġu ffriżati sakemm ikunu ġew esklużi l-impatti negattivi possibbli tagħhom fuq il-politiki dwar is-sigurtà tal-ikel. Barra minn hekk, hemm periklu kbir ta' deforestazzjoni ulterjuri tal-foresti tropikali minħabba d-domanda li qed tikber.

b) Il-ġejjieni tal-politika tal-UE dwar l-agrikoltura (PAK)

Ir-Rapporteur qed tħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-impatt estern tal-miżuri tal-PAK dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-iskrutinju tal-impatt estern tat-tfassil tar-regoli taħt il-PAK dwar is-swieq internazzjonali tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hu u jeħtieġ li jkun fundamentali għall-obbligu tal-UE li tonora l-impenji tagħha għall-ġustizzja internazzjonali u l-qerda tal-faqar. .

Il-PAK tal-futur għandha tinkorpora u taderixxi mal-prinċipju ta' "tagħmilx ħsara" lis-swieq tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Ir-Rapporteur tilqa' t-tnaqqis fis-sussidji fuq l-esportazzjoni u titlob riformi ulterjuri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex jiġu eliminati l-miżuri kollha li għad fadal li jgħawġu l-kummerċ u sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew joperaw b'mod kompetittiv fis-swieq nazzjonali u reġjonali proprji tagħhom.

c) L-agrikoltura u l-kummerċ

Ir-Rapporteur ittenni t-tħassib tagħha dwar l-istrateġija kummerċjali tal-UE li tiffoka fuq il-kompetizzjoni u l-aċċess għas-suq għall-prodotti tal-UE u li ma jirnexxilhiex tipprovdi approċċ favur l-iżvilupp. Għandu jitħeġġeġ tnaqqis ulterjuri tat-tariffi fuq l-importazzjonijiet agrikoli mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi promoss il-ħolqien sostnut tal-ġid u jiġu pprovduti opportunitajiet reali ta' aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiżi, mhux biss għall-materja prima agrikola imma anke għall-prodotti pproċessati tal-ikel. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn urġenti li tiġi żviluppata l-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta' pproċessar proprji tagħhom u jinħoloq xogħol diċenti fost il-popolazzjoni lokali. Dan rekwiżit bażiku biex il-ġuħ u l-faqar jiġu miġġielda b'mod effikaċi fid-dinja. L-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp tal-produtturi lokali u reġjonali tal-ikel u l-kapaċitajiet tagħhom għall-produzzjoni, kummerċ u kompetizzjoni fis-swieq lokali, reġjonali u nazzjonali.

F'dan il-kuntest, l-hekk imsejjaħ Kunsens ta' Washington, li hu ffukat fuq il-liberalizzazzjoni, id-deregolamentazzjoni u l-privatizzazzjoni falla. Pereżempju, il-każ ta' Ħaiti jixhed il-konsegwenzi devastanti ta' dik l-ideoloġija: waqt li Ħaiti kienet awtosuffiċjenti bir-ross fis-snin sebgħin, u kienet tapplika rata fiskali ta' 50% fuq l-importazzjonijiet tar-ross, din ir-rata naqset għal 3% wara l-2000. Bħala riżultat ta' dan, Ħaiti tilfet l-awtosuffiċjenza tagħha u l-produtturi żgħar lokali ġew eliminati peress li ma setgħux jikkompetu mal-importazzjonijiet tar-ross b'sussidji għoljin. Bill Clinton, fir-rwol tiegħu ta' Rapporteur Speċjali dwar Ħaiti, iddikjara uffiċjalment f'Marzu 2010 lil Kumitat tas-Senat tal-Istati Uniti li ntwera li din il-politika ta' liberalizzazzjoni, li ġiet promossa waqt il-presidenza tiegħu, kienet żball. Barra minn hekk, il-proposta li l-pajjiżi industrijali se jkollhom jitimgħu l-ifqar pajjiżi fil-ġejjieni mhix se taħdem fil-perspettiva tar-Rapporteur.

Ir-Rapporteur tappoġġa l-inklużjoni ta' prinċipji għas-salvagwardja tad-dritt għall-ikel fil-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi. Għaldaqstant, biex id-dritt għall-ikel isir realtà, ikun kruċjali li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-politika tal-UE dwar il-kummerċ, l-iżvilupp u l-affarijiet barranin.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (16.11.2010)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel

(2010/2100(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marc Tarabella

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-qafas ta' politika tal-Unjoni Ewropea biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel; iqis madankollu li l-kriżi alimentari dinjija tirrappreżenta mhux biss katastrofi umanitarja mingħajr preċedenti iżda wkoll theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà fid-dinja, u li, anki jekk jeħtieġ li lill-Kummissjoni tiġiha rikonoxxuta r-rieda li toħloq strateġiji għal soluzzjonijiet li jistgħu jsolvu l-faqar estrem ta' biljun ruħ, l-urġenza teħtieġ li l-Istati Membri jsiru immedjatament konxji biex jattivaw investimenti ġodda fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, fuq kollox minħabba t-test il-ġdid tal-PAK, li jdaħħal strumenti ad hoc għall-ġbir ta' stokkijiet dinjin kbar biżżejjed ta' prodotti tal-ikel bażiċi, ineħħu l-ostakli tagħhom stess għall-kummerċ u jtaffu d-dejn tal-aktar pajjiżi milquta; jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis iżjed il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel f'xi pajjiżi meta tikkalkula l-għajnuna għall-iżvilupp;

2.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura konsistenza massima bejn il-politiki tagħha ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp u l-politiki kummerċjali tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jenfasizza li l-istabbiltà politika hija l-prerekwiżit għal iktar sigurtà tal-ikel, u għalhekk jistieden lill-partijiet kollha involuti juru r-rieda politika meħtieġa biex tiġi garantita dik l-istabbiltà;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-donaturi oħra tal-għajnuna għall-iżvilupp, inklużi l-NGOs, jimmiraw l-investiment tagħhom ħafna aktar fuq is-settur agrikolu sabiex il-popolazzjoni lokali jkollha raġuni biex ma titlaqx minn fejn hi;

5.  Ifakkar li l-iżvilupp agrikolu għandu jissejjes fuq id-dritt għall-ikel u d-dritt li wieħed jipproduċi l-ikel; jinsisti li l-UE għandha tirrikonoxxi u tiddefendi l-bżonn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiksbu s-sigurtà tal-ikel (kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi), u d-dritt tagħhom li jkunu kemm jista’ jkun awtosuffiċjenti; jenfasizza f’dan ir-rigward l-impenn tal-UE li telimina gradwalment is-sussidji fuq l-esportazzjonijiet, b'mod parallel ma' ċerti miżuri li qed jittieħdu minn sħab tad-WTO; jenfasizza fl-istess waqt il-bżonn li tiġi żgurata ugwaljanza fl-aċċess għall-ikel f’dawn il-pajjiżi għall-popolazzjonijiet lokali;

6.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;

7.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu passi biex iġġib l-istokkijiet dinjija tal-ikel għal li kienu, li wara li laħqu l-anqas livell tagħhom fl-2007, ikkontribwixxew għal spekulazzjoni li ilha taffettwa l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli f'livell dinji, b'effetti allarmanti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.  Ifakkar li billi l-maġġoranza tal-aktar popolazzjonijiet fil-bżonn tgħix fuq l-agrikoltura, l-iżvilupp tax-xogħol tar-raba' tal-bdiewa u kunsiderazzjoni serja tal-valutazzjonijiet tal-IAASTD jirrappreżentaw għalhekk kundizzjoni tat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; iqis li l-biedja fuq skala żgħira b'mod partikolari tirrappreżenta tweġiba għall-isfida dovuta għall-aċċess għal awtoprovvista tal-ikel suffiċjenti li tenfasizza, minn naħa, it-tisħiħ tar-rwol fundamentali tan-nisa, partikolarment permezz tal-ipproċessar tal-prodotti fil-post u l-ġeneralizzazzjoni tas-self u tal-mikrokrediti u, min-naħa l-oħra, l-importanza kapitali tal-kooperattivi tal-produtturi ż-żgħar fid-definizzjoni tal-politiki agrikoli kummerċjali effiċjenti;

9.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-previżjonijiet tal-FAO dwar il-popolazzjoni, li jindikaw li, sal-2025, aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa (madwar 3.5 miljun ruħ) se tkun qed tgħix f'żoni urbani, politika ta' appoġġ għal-ortikoltura urbana tista' toffri mod biex wieħed ma jibqax jgħix fil-faqar, meta jitqiesu l-ispejjeż baxxi inizjali, iċ-ċikli qosra tal-produzzjoni u l-ħsad kbir meta mqabbel mal-ħin ta' xogħol, minbarra l-fatt li l-bliet ġodda jsiru aktar ħodor;

10. Ifakkar fl-importanza ta' approċċ għall-governanza tas-sigurtà tal-ikel li jinvolvi qafas globali li jerġa' jqiegħed l-enfasi fuq il-politika alimentari lil hinn mill-għajnuna alimentari, fuq il-kooperazzjoni bejn id-donaturi u bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, kif ukoll fuq ir-rwol kruċjali tal-politiki tal-pajjiżi benefiċjarji li jimpenjaw ruħhom li jipprovdu kundizzjonijiet pubbliċi bażiċi bħall-paċi interna u l-investiment fl-infrastruttura rurali;

11. Jemmen li l-UE għandha tappoġġa l-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli tas-swieq lokali tal-ikel li ġej mis-settur agrikolu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u partikolarment ftehimiet kummerċjali reġjonali li jippromwovu l-produzzjoni vijabbli u sostenibbli u l-kapaċitajiet ta’ pproċessar fil-livell lokali, u għandha talloka parti sostanzjali tal-għajnuna tagħha għall-iżvilupp għal dan l-għan;

12. Jemmen li l-ispekulazzjoni finanzjarja u ż-żieda fil-liberalizzazzjoni fis-swieq finanzjarji u fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli jikkontribwixxu ħafna fl-instabilità tal-prezzijiet, u li jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi regolatorji li jiżguraw ċertu livell ta’ stabilità tas-suq; iqis li għandha tiżdied it-trasparenza tas-swieq biex ikun żgurat dħul ġust għall-bdiewa u settur agrikolu vijabbli li jipprovdi s-sigurtà tal-ikel; jitlob b’mod partikolari li jkun hemm identifikazzjoni ċara tal-protagonisti involuti fil-kummerċ tal-ikel u analiżi fil-fond tal-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-ispekulazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel fis-swieq lokali u dinjija;

13. Jikkunsidra, meta jitqiesu l-popolazzjoni dinjija li kulma tmur qed tiżdied u ż-żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti forom ta’ produzzjoni iktar sostenibbli, effiċjenti u li ma jaħlux ħafna enerġija fil-livell dinji; jitlob li l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-UE u mill-Istati Membri tagħha tkun marbuta mal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ produzzjoni agrikola sostenibbli u awtosuffiċjenti f’termini ta’ użu ta’ enerġija, u li parti minn din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ faċilitajiet għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli (pereżempju bbażati fuq ir-riħ u x-xemx) u ġestjoni tajba tal-ilma;

14. Jenfasizza li fil-kuntest tan-negozjati tan-NU dwar il-Fond għat-Tibdil fil-Klima, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li parti sostanzjali mill-fondi allokati lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw tintuża b'mod effikaċi biex jisaħħew il-politiki agrikoli lokali, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-iżvilupp soċjali u ambjentali sostenibbli;

15. Jemmen li s-sigurtà tal-ikel m’għandhiex tkun ipperikolata minħabba l-iżvilupp tal-agrofjuwils; jitlob għalhekk li jittieħed approċċ ibbilanċjat li jagħti prijorità lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ agrofjuwils li jużaw skart mill-biedja u mill-forestrija (skart ta’ tiben u pjanti oħra, demel tal-annimali, bijogass, eċċ.) minflok pjanti tal-ikel, biex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-produzzjoni tal-ikel u l-produzzjoni tal-enerġija; iqis ukoll li l-UE għandha tiżgura li l-importazzjoni ta’ agrofjuwils minn pajjiżi li qed jiżviluppaw issir fir-rispett tal-kriterji ta’ sostenibilità;

16. Jenfasizza li l-art għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, u li jeħtieġ li jitħarsu d-drittijiet għal fond, tal-kera u tal-użu tal-art tal-bdiewa ż-żgħar bil-għan li jiġi evitat aktar akkapparrar tal-artijiet, kif diġà qed jiġri b'mod allarmanti f'xi reġjuni tad-dinja, speċjalment fl-Afrika;

17. Iqis li jeħtieġ li jiġi garantit li l-komunitajiet u l-istituzzjonijiet lokali jkollhom is-setgħa u l-kapaċità li jinnegozjaw sabiex ikunu jistgħu jiżguraw l-iżvilupp ta’ agrikoltura territorjali; jipproponi t-tfassil ta’ kodiċi ta’ mġiba biex l-investituri jingħataw inċentivi qawwija biex jibbażaw l-attivitajiet tagħhom fuq iż-żieda tal-produttività agrikola u tal-mezzi ta’ għajxien tal-popolazzjonijiet lokali;

18. Ifakkar li l-iżvilupp tas-settur agrikolu jeħtieġ investimenti fuq medda twila ta’ żmien, li jkopru l-katina tal-produzzjoni kollha, mill-produttur sal-konsumatur; iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti l-infrastrutturi meħtieġa, bħal rotot, konnessjonijiet mas-swieq u informazzjoni fir-rigward tas-swieq innifishom u fir-rigward tad-diversifikazzjoni eventwali tal-prodotti;

19. Iqis li l-UE għandha tikkontribwixxi fil-promozzjoni tal-użu ta’ żerriegħa minn varjetajiet lokali li tkun adattata għall-kundizzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li tkun tista’ tinħażen, tiġi kkummerċjalizzata u fornita faċilment lill-bdiewa, peress li ma jkollhiex drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbuta magħha;

20. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tappoġġa l-prodotti li fihom ħafna proteini fl-Unjoni Ewropea biex l-Unjoni tingħata awtonomija akbar, biex b'hekk tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li spiss ikollhom politiki agrikoli li joperaw purament abbażi tal-esportazzjonijiet u l-aċċess għas-swieq esterni, għad-detriment tal-benesseri u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali;

21. Iqis li politika ta' appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tgħaddi minn proġett edukattiv u ta' taħriġ, li joħloq l-impjiegi u jippermetti liż-żgħażagħ ikomplu l-istudji agrikoli bil-għan li jipproduċu aħjar, b'mod speċjalizzat u b'mod sostenibbli, u b'hekk jillimitaw l-eżodu miż-żoni rurali u jnaqqsu l-faqar;

22. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, kemm huwa importanti li l-bdiewa, minbarra li jissodisfaw il-ħtiġijiet alimentari tagħhom, għandhom jiġġeneraw id-dħul li għandhom bżonn għall-edukazzjoni u l-investiment;

23. Jenfasizza li huwa kruċjali li l-organizzazzjonijiet agrikoli lokali jiġu involuti fl-istadji differenti tal-implimentazzjoni ta' politika agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex issaħħaħ lill-assoċjazzjonijiet lokali, biex tiżgura li jitħarsu l-interessi tal-komunitajiet lokali;

24. Jinsisti fuq il-bżonn ta’ tisħiħ tar-riċerka fuq il-bażi ta’ finanzjament pubbliku u tat-trażmissjoni tal-aħjar prattika u tal-għarfien lokali fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli, billi jiġu promossi l-attivitajiet li jsaħħu l-pożizzjoni ta' bdiewa b'impriżi żgħar fl-ottimizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola, isir adattament għall-isfidi li jġibu t-tibdil fil-klima u d-domanda akbar fuq ir-riżorsi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Liam Aylward, Christophe Béchu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Mairead McGuinness, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Esther de Lange, Sandra Kalniete, Maria do Céu Patrão Neves, Milan Zver


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, András Gyürk, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fiona Hall, Cristian Dan Preda

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Derk Jan Eppink

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Settembru 2011Avviż legali