RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde

5.9.2011 - (09793/2011 – C7‑0228/2011 – 2011/0097(NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Pat the Cope Gallagher

Proċedura : 2011/0097(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0299/2011
Testi mressqa :
A7-0299/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde(09793/2011 – C7‑0228/2011 – 2011/0097(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09793/2011),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (09791/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0228/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u (90)8 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0299/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-konklużjonijiet u l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, kif ukoll il-programm settorjali multiannwali tas-sajd previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll u l-evalwazzjonijiet annwali rispettivi; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt; jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, fi ħdan l-aħħar sena li fiha kien japplika l-Protokoll il-ġdid u qabel il-ftuħ tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr ma jiġu imponuti restrizzjonijiet bla bżonn fuq l-aċċess għal dan id-dokument;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-Protokoll il-ġdid u t-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kap Verde

NOTA SPJEGATTIVA

L-Introduzzjoni

Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2027/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd (FSS) bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde[1]. Dan il-FSS, li huwa applikabbli għal perjodi ta' ħames snin, u li jiġġedded taċitament sakemm l-ebda parti ma ttemmu, kien jinvolvi r-revoka u s-sostituzzjoni tal-ewwel ftehim bejn il-KE u l-Kap Verde, konkluż fl-1990. Il-FSS ġie akkumpanjat minn protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju oriġinarjament għall-perjodu ta' 5 snin (mill-1.9.2006 sal-31.8.2011). Madanakollu, il-Ftehim u l-Protokoll daħlu fis-seħħ biss fit-30 ta' Marzu 2007.

Il-Protokoll attwali jiskadi fil-31 ta' Awwissu 2011, wara tul ta' 4 snin u 5 xhur. Sadanittant ġie negozjat u ffirmat Protokoll ġdid fit-22 ta' Diċembru 2010, li jkopri perjodu ta' 3 snin mill-1 ta' Settembru 2011. Il-konklużjoni tiegħu mill-Kunsill hija soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-PE skont l-Artikoli 43(2) u 218(6) (a) tat-TFUE.

Din il-proċedura nbdiet b’mod parallel mal-proċeduri rigward id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll innifsu (COM (2011) 229), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri tal-UE.(COM (2011)227).

Sabiex il-bastimenti tal-UE jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' sajd fl-istennija tat-tlestija tal-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, l-Artikolu 15 tal-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-applikazzjoni tiegħu fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Settembru 2011.

Il-Protokoll il-ġdid ġie ffirmat fis-27 ta’ Lulju 2011 u l-Kunsill bagħat it-talba għall-approvazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill fid-29 ta' Awwissu 2011.

Analiżi tal-Protokoll il-ġdid

L-elementi prinċipali tal-protokoll il-ġdid huma deskritti hawn isfel

- Kumpens finanzjarju annwali: EUR 435 000 (total ta' EUR 1 305 000 għall-perjodu kollu), fuq il-bażi ta': a) ħlas annwali ta' EUR 325 000 għall-aċċess għaż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Kap Verde; b) ħlas speċifiku ta’ EUR 110 000 fis-sena għas-sostenn tal-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde.

- Opportunitajiet tas-sajd: 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun, 35 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ u 11-il bastiment tas-sajd bil-qasab u x-xlief se jkunu awtorizzati jistadu, b’tunnellaġġ annwali ta’ referenza ta’ 5 000 tunnellata. Madankollu, abbażi tal-valutazzjonijiet annwali tal-istat tal-istokkijiet, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiżdiedu jew jonqsu, u dan iwassal għal rieżami korrispondenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja. L-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kkonċernati hija s-suġġett ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill speċifiku (ara t-tabella hawn isfel).

- Ħlasijiet bil-quddiem u tariffi li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti: EUR 35 għal kull tunnellata (t) tonn li jinqabad fiż-żona tas-sajd tal-Kap Verde minn bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u minn bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, u EUR 25 għal kull tunnellata fir-rigward ta' bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief. Il-ħlasijiet bil-quddiem annwali tfasslu għal EUR 4 375 għal kull bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun , EUR 3 150 għall kull bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ u EUR 450 għal kull-bastiment li jistad bil-qasab u x-xlief, li jikkorrispondu rispettivament għal qbid ta' referenza ta' 125 t, 90 t u 18-il t fis-sena.

It-tabella li ġejja tippermetti paragun ta' wħud mill-elementi taż-żewġ protokolli, kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tal-Istati Membri.

Tul tal-Protokoll:

4 snin u 5 xhur

(30.03.2007-31.08.2011)

3 snin

(01.11.2011- 31.08.2014)

Iffirmat fi

16 ta' Diċembru 2005

22 ta' Diċembru 2010

In-Natura tal-Ftehim

Ftehim għas-Sajd tat-Tonn

Ftehim għas-Sajd tat-Tonn

Kontribuzzjoni finanzjarja

EUR 385 000, li minnhom EUR 60 000 ġew allokati mill-UE għas-sostenn tal-politika settorali tas-sajd tal-Kap Verde, fejn il-Kap Verde impenja ruħu li jżid din is-somma għal 100% tal-kontribuzzjoni globali

EUR 435 000, li minnhom EUR 110 000 ġew allokati mill-UE għas-sostenn tal-politika settorali tas-sajd tal-Kap Verde

Tariffi li għandhom jitħallsu mis-sjieda tal-bastimenti

EUR 35 għal kull tunnellata tonn li jinqabad (bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ) EUR 25 għal kull tunnellata tonn li jinqabad (bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief).

EUR 35 għal kull tunnellata tonn li jinqabad (bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ) EUR 25 għal kull tunnellata tonn li jinqabad (bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief).

Ħlasijiet bil-quddiem

- Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun EUR 3 950 fis-sena (ref qbid: 110 t) - Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 2.900 kull sena

(ref qbid: 80 t) - Bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief: EUR 500 kull sena

(ref qbid: 16 t)

 

- Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun: EUR 4375 kull sena (ref qbid: 125 t) - Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 3150 kull sena

(ref qbid: 90 t) - Bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief: EUR 450 kull sena

(ref qbid: 18 t)

 

Tunnellaġġ ta’ referenza

5 000 t/sena

5 000 t/sena

Possibilitajiet ta' sajd

Stat Membru

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun (2007/2011)

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun

(2011/2014)

Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

(2007/2011)

Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

(2011/2014)

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief

2007/2011

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief

2011/2014

SPANJA

12

16

41

26

7

7

FRANZA

13

12

0

0

4

4

Il-PORTUGALL

0

0

7

9

-

-

TOTAL/bastimenti

25

28

48

35

11

11

Skont ir-rapport ta’ valutazzjoni minn esperti esterni[2], il-kontribuzzjoni tal-ftehim għall-provvediment ta' bażi stabbli għall-attivitajiet tal-flotta tal-UE tat prova tal-importanza tagħha għas-settur tat-tonn. Il-Ftehim il-ġdid ikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet bil-konferma tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ sajd esklussivament għall-kategorija tat-tonn. Barra minn hekk, meta mqabbel mal-Protokoll preċedenti, l-opportunitajiet tas-sajd għall-qasam tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ tnaqqsu minn 48 għal 35, meta wieħed iqis ir-rati storiċi tal-użu matul dawn l-aħħar snin għal din il-kategorija. Kien hemm ukoll żieda żgħira fl-għadd ta' liċenzji disponibbli għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun (minn 25 għal 28) li nkisbet sabiex tikkumpensa għall-migrazzjoni riċenti ta' xi operaturi mill-Oċean Indjan għall-Oċean Atlantiku minħabba l-fenomenu tal-piraterija.

It-tunnellaġġ ta’ referenza baqa’ dak ta’ 5 000 tunnellata/sena. Madankollu, meta wieħed iqis il-ħtiġijiet tas-settur tas-sajd fil-Kap Verde, il-baġit allokat mill-UE għas-sostenn settorjali żdied meta mqabbel mas-somma stipulata fil-Protokoll preċedenti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali żdiedet b'EUR 50 000 (+ 13 %) meta mqabbla mal-Protokoll preċedenti.

Il-protokoll il-ġdid fih aktar klawżoli ddettaljati dwar is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-kumpens finanzjarju u s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-protokoll f'ċerti ċirkostanzi, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur tal-elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi kif previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou (ara l-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll).

Skont il-Kapitolu IX tal-Anness mal-Protokoll il-ġdid, il-bastimenti tal-UE għandhom jimpjegaw ċertu numru ta' baħrin mill-Kap Verde (skont il-Protokoll preċedenti, dan l-obbligu japplika b'mod ġenerali għal "ċittadini tal-pajjiżi tal-AKP").

L-Artikolu 10 tal-Protokoll il-ġdid jistipula li l-Kap Verde għandu jinstalla sistema ta' monitoraġġ bis-satellita (VMS) kemm jista' jkun malajr għal bastimenti li qegħdin jistadu fl-ibħra tiegħu u li, la darba din is-sistema tkun ġiet stabbiliti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet definiti fl-Anness mal-Protokoll (Kapitolu VII).

Il-kummenti u l-konklużjonijiet tar-rapporteur

Il-Kap Verde huwa ġżira arċipelaġika li tinsab fil-Lvant tal-Atlantiku, 375 mil lejn il-Punent mis-Senegal u l-Mawritanja, b'popolazzjoni ta' madwar 465 000 abitant. Ir-riżorsi naturali tiegħu u l-ilma frisk li jiddisponi minnha huma limitati u huwa kklassifkat fil-121 post fost il-182 pajjiż elenkati fl-Indiċi tan-NU għall-Iżvilupp tal-Bniedem. L-ekonomija tal-Kap Verde xxeqleb lejn is-servizzi, fejn il-kummerċ, it-trasport, it-turiżmu u s-servizzi pubbliċi kienu jirrappreżentaw aktar minn 74% tal-PDG fl-2006. Is-sajd huwa stmat li jirrappreżenta madwar 2% tal-PDG.

Il-Kap Verde huwa meqjus bħala wieħed fost l-aktar pajjiżi li qegħdin jagħmlu progress fl-Afrika, f'termini tal-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali Il-pajjiż sar membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-2008 u ilu membru tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent mill-1977.

Mill-2007, il-Kap Verde u l-UE stabbilixxew Sħubija Speċjali, fejn ġie kkunsidrat l-istatus ta' Kap Verde bħala Nazzjon ta' Reġjun Periferali li għandu ħafna inkomuni maż-żoni l-aktar imbiegħda tal-EU tal-Azores, Madeira u l-ġżejjer Kanarji. Il-qrubija ġeografika u l-aspett komuni tal-isfidi affrontati jikkontribwixxu għal rabtiet politiċi li biż-żmien qed ikunu aktar mill-qrib.

Il-blatiet kontinentali madwar il-gżejjer tal-Kap Verde u l-ġżejjer żgħar fl-inħawi tiegħu, huma b'mod ġenerali dojoq, u għalhekk jillimitaw il-produttività tas-sajd. Iż-ŻEE tal-Kap Verde tkopri żona estensiva ta' madwar 785 000 km2, ikkaratterizzata minn produttività relattivament baxxa. Meta mqabbla ma' standards globali, ir-riżorsi tas-sajd tal-Kap Verde mhumiex konsidervoli, iżda jinkludu speċi ta' ħut ta' importanza kummerċjali bħalma hi t-tonn, flimkien ma' ħut pelaġiku, u xi ħut demersali kif ukoll awwisti. In-numru globali ta' impjiegi fis-sottosetturi tas-sajd u attivitajiet amministrattivi pubbliċi kien ta' 10 400 impjieg fl-2008, madwar 5% tal-forza tax-xogħol kollu. Il-Kap Verde jgawdi minn aċċess liberu għas-suq tal-UE għal prodotti tas-sajd li joriġinaw minnu bis-sħiħ u huwa membru tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku u tal-Kummissjoni Subreġjonali tas-Sajd.

F'dawn l-aħħar snin, bejn 43 u 57 bastiment barrani ngħataw liċenzja biex jistadu fiż-ŻEE tal-Kap Verde. Flottot ta' bastimenti mill-UE, il-Ġappun u s-Senegal joperaw taħt firxa ta' arraġamenti differenti ta' aċċess Sa 18-il bastiment Ġappuniż li jistadu bil-konz tal-wiċċ, jistadu għat-tonn taħt ftehim privat mal-Assoċjazzjoni Ġappuniża, u sa 7 bastimenti Senegaliżi li jistadu għat-tonn bil-qasab u x-xlief jistadu wkoll għat-tonn skont ftehim tas-Sajd bejn il-Kap Verde u Senegal. Bastimenti Ċiniżi li joperaw fir-reġjun jużaw ukoll is-servizzi ta' trasbord tal-Kap Verde (minkejja li dawn mhumiex liċenzjati li joperaw fiż-ŻEE tal-pajjiż). L-aktar ftehim sinifikanti huwa dak mal-UE.

Skont ir-rapport dwar il-valutazzjoni, l-ebda minn dan il-qbid tal-ispeċi tat-tonn minn bastimenti tal-UE fil-Kap Verde ma jirrappreżenta aktar minn 0.2% tal-qbid kollu mill-istokkijiet tal-ħut ikkonċernati, u l-impatt tal-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fuq is-sostenibbiltà huma għalhekk minimi. Madanakollu, qbid tal-pixxispad, tal-ħuta kaħla, u tal-pixxitondu minn bastimenti tal-UE jirrappreżentaw proporzjon żgħir iżda importanti mill-qbid kollu mill-istokkijiet ta' dawn il-ħut (stmat għal 4.7%, 4.5% u 3.7%, rispettivament). Fir-rigward tal-pixxispad, l-evidenza disponibbli turi li s-sajd tal-istokk li jinsab fit-tramuntana qiegħed isir b'mod sostenibbli. Rigward il-ħuta kaħla u l-pixxitondu, ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sajd għalihom irriżulta fit-tnaqqis drastiku tal-istokkijiet, minkejja li hemm inċertezza konsiderevoli marbuta mal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni jenfasizza l-prestazzjoni fqira ta' xi aspetti tal-Ftehim, b'mod partikolari l-progress negliġibbli li sar fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd. Barra minn hekk, kien hemm xi lakuni kbar fid-djalogu politiku bejn il-partijiet matul it-tfassil tal-Protokoll (il-Kumitat Konġunt iltaqa' darbtejn biss u l-ewwel laqgħa saret f'Ġunju 2009, aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll). Ir-rapporteur jittama li dawn l-aspetti se jittranġaw fil-futur.

Madankollu, ir-rapport jenfasizza li l-Ftehim kellu impatt partikolari (flimkien mas-sostenn min-naħa tad-donaturi) fuq l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali tal-Kap Verde, fuq il-fornitura ta' faċilitajiet għas-sajd fuq skala żgħira u fuq it-titjib tal-konformità mal-kundizzjonijiet ta' iġene tal-UE għall-kummerċ fil-prodotti tas-sajd.

Il-Kap Verde bbenefika mill-kontribuzzjoni finanjzarja ta' EUR 385 000/sena, u mit-tariffi tal-liċenzji (inklużi ħlasijiet għal qbid addizzjonali) li jammontaw għal medja ta' EUR 160 700 fis-sena (li jirrappreżenta dħul totali medja ta' EUR 545 700/fis-sena). Matul l-2007 u l-2009 dan kien jirrappreżenta medja ta' 24% tal-investiment ibbaġitjat (inkluż minn donaturi) fis-sajd. Xi 113-il impjieg għaċ-ċittadini tal-Kap Verde huma marbuta mal-liċenzji tas-sajd tal-bastimenti skont il-Ftehim. Dawn jiġġeneraw benefiċċju ekonomiku addizzjonali għall-Kap Verde stmat għal EUR 0.94 miljun fis-sena. Bl-inklużjoni ta' dawn il-pagi, il-Ftehim ikkontribwixxa għal madwar 0.1% tal-PDG.

Il-Protokoll il-ġdid se jgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kap Verde li tiġġieled kontra Sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, b'mod partikolari billi jtejjeb l-infrastruttura tiegħu għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd fiż-ŻEE tiegħu. Il-Ftehim tas-Sajd se jkollu impatt kbir ukoll fuq l-istabbiltà baġitarja u politika tal-pajjiż.

Fir-rigward tal-UE, il-konklużjoni ta' Protokoll ġdid se tgħin biex tmantni l-kontinwità fiż-żoni koperti mill-ftehimiet fir-reġjun tal-punent tal-Afrika u tikkontribwixxi għall-vijabbiltà tal-industriji Ewropej billi toffri lill-bastimenti tal-UE u l-industriji li jiddipendu fuqhom ambjent legali stabbli u prevedibbiltà fiż-żmien medju.

Barra minn hekk, il-Ftehim jipprovdi dimensjoni addizzjonali għas-Sħubija Speċjali bejn l-UE u Nazzjon ta' Reġjun Periferali importanti, u jista' jikkumplimenta dimensjoni futura tal-Atlantiku fil-Politika Marittima Integrata tal-UE. Jeżistu wkoll sinerġiji speċifiċi ma' għadd ta' programmi għall-iżvilupp reġjonali marbutin mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Għalhekk il-Ftehim jista' jitqies bħala koerenti mal-politika marittima, tas-sajd u għall-iżvilupp, tal-UE.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Protokoll il-ġdid huwa fl-interess taż-żewġ partijiet u jirrakkomanda lill-PE jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tiegħu.

Il-Parlament se jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha bil-proċeduri relatati mal-Protokoll jew mat-tiġdid tiegħu, kif rekwiżit fil-paragrafi 2 u 3 tal-abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva.

  • [1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 414, tat-30.12.2006, p. 1).
  • [2]               Studju ta’ evalwazzjoni ex-post tal-Protokoll 2006-2011 u ex-ante tal-Protokoll futur.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (30.8.2011)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde.
(COM(2011)0228 – C7-0000/2011 – 2011/0097(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Charles Goerens

PA_Leg_Consent

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Protokoll tal-Ftehim tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde se jiskadi fil-31 ta' Awwissu 2011. Il-Protokoll il-ġdid għandu jkopri perjodu ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Settembru 2011.

B'konformità mal-Artikolu 43, paragrafu 2 u l-Artikolu 218, paragrafu 6(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Parlament Ewropew jista’ jagħti l-approvazzjoni tiegħu jew jirrifjuta milli jagħmel dan. Il-possibbiltà li l-approvazzjoni tkun irrifjutata għandha titqies bħala għodda għal meta jkunu eżawriti l-għażliet l-oħra kollha, marbuta ma' evidenza li l-ambitu tal-ftehim ma jkunx qed jiġi rrispettat kif xieraq, sakemm il-Parlament ma jaqbilx mal-konklużjoni ta' protokoll għal raġunijiet oħra.

Skont l-abbozz tal-ftehim il-Partijiet huma impenjati għal qafas ta' sħubija li jiffaċilità l-iżvilupp ta' politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli ta' riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

It-test tal-Protokoll il-ġdid huwa konformi mat-tħassib taż-żewġ Partijiet biex is-sħubija u l-kooperazzjoni fis-settur tas-sajd jissaħħew bl-użu tal-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tammonta għal EUR 1 305 000 fuq il-medda tat-tliet snin ta' dan il-Protokoll. Dan l-ammont jikkorrispondi għal:

· EUR 325 000 fis-sena, li hu ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza annwali ta’ 5 000 tunnellata fis-sena għal 74 bastiment,kif ukoll; kif ukoll

· EUR 110 000 fis-sena li jikkorrispondu għall-pakkett addizzjonali mħallas mill-UE bħala sostenn għall-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde. Dan jirrappreżenta żieda ta' EUR 50 000 (+ 13%) meta mqabbel mal-Protokoll preċedenti (2006-11).

Għalhekk ir-Repubblika tal-Kap Verde se jirċievi EUR 100 għal kull tunnellata tonn maqbud (li minnhom EUR 65/t għandu jitħallas mill-baġit tal-UE u EUR 35/t mill-operaturi), bi ħlas garantit għal minimu ta' 5 000 tunnellata fis-sena, flimkien ma' fondi addizzjonali għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd nazzjonali.

Ma' dan għandu jiżdied is-sommom li jitħallsu lis-sjieda tal-bastimenti: miżati tal-liċenzja ta' EUR 4 375 għal bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun u EUR 3 150 għal bastiment bil-konzijiet tal-wiċċ u EUR 450 għal kull bastiment li jistad bil-qasab u x-xlief.

Jekk il-kwantità totali tal-ħut maqbud mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ibħra tal-Kap Verde taqbeż il-5 000 tunnellata fis-sena, il-kontribuzzjoni finanzjarja tiżdied b'EUR 65 għal kull tunnellata mħallsa mill-UE u EUR 35 għal kull tunnellata mħallsa mis-sidien tal-bastimenti.

Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jaqbżu d-doppju tal-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dak il-limitu għandu jitħallas is-sena ta' wara.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp mhuwiex sodisfatt bil-fatt li l-ammont annwali għal aċċess fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Kap Verde (EUR 325 000) huwa l-istess għal dak li tħallas waqt l-implimentazzjoni tal-protokoll preċedenti, minkejja li jieħu nota taż-żieda fl-ammont speċifiku fis-sena għas-sostenn tal-implimentazzjoni tal-politika settorali tas-sajd tal-Kap Verde.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jieħu ġost bil-fatt li dan il-protokoll jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda li bihom il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja jew saħansitra l-implimentazzjoni tal-protokoll jistgħu jiġi sospiżi f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat għall-Iżvilupp jikkritika n-nuqqas ta' trasparenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni minn dik l-Istituzzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ex-post tal-protokolli mwettqa minn kuntrattur estern. Dan il-kumitat huwa tal-opinjoni li l-aċċess għal dan it-tip ta' dokumenti huwa essenzjali għall-eżerċizzju effettiv tad-dmirijiet ta' skrutinju demokratiku leġittimu tiegħu u għalhekk jimpenja ruħu jkompli jikkoopera mal-Kumitat għas-Sajd bl-għan li din il-prattika titwaqqaf għal kollox.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament japprova l-konklużjonijiet tal-Protokoll.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-punti li ġejjin waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim:

(a) it-trasparenza tal-proċeduri biex jiġu identifikati l-qabdiet totali għandha titjieb, l-istess bħall-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, sajd mhux rappurtat u mhux regolat (IUU), b’mod partikolari permezz ta’ titjib fl-infrastrutturi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll ta’ attivitajiet tas-sajd imwettqa fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tar-Repubblika tal-Kap Verde sabiex tiġi żgurata l-implimetazzjoni ta’ sajd responsabbli u sostenibbli;

(b) il-Kumitat Konġunt previst fil-Protokoll għandu jiżgura li l-integrità tal-mekkaniżmu sħiħ tal-Ftehim, f'termini ta' problemi ta' korruzzjoni, mhijiex iddubitata;

(c)  il-Kumitat Konġunt għandu wkoll jistinka biex jieħu miżuri li jippromwovu aktar żbarki u żjarat fil-portijiet tal-Kap Verde u li jsaħħu l-impjieg lokali u attivitajiet ekonomiċi oħra u sħubiji fis-settur tas-sajd;

(d) ir-responsabbiltà tal-gvern lokali għandha tissaħħaħ u l-gvern lokali jrid jiggarantixxi wkoll it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għaxjien għas-sajjieda lokali, l-iżvilupp ta’ sajd lokali, sostenibbli, sajd artiġjanali u l-industriji tal-ipproċessar tal-ħut u l-konformità mal-istandards ambjentali;

(e) l-istandards minimi u l-kundizzjonijiet maqbula fuq livell reġjonali, bħal ma huma dawk rigward l-imbark minn osservaturi u r-rekwiżiti ta' rappurtaġġ, għandhom jiġu rispettati.

(f) rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim - u b'mod partikolari l-programm settorali multiannwali previst fl-Artikolu 3 tal-protokoll - għandhom jitfasslu u jintbagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex tiġi promossa t-trasparenza u jiġi żgurat li l-baġit supplimentari għas-sostenn tal-politika settorjali tas-sajd tabilħaqq jintuża għal dan l-iskop;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.8.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Norbert Neuser, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Emma McClarkin, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Reimer Böge, Derek Vaughan

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (25.7.2011)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde
(COM(2011)0228 – C7-0000/2011 – 2011/0097(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: François Alfonsi

PA_Leg_Consent

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ 3 snin mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll u wara li jiskadi l-Protokoll fis-seħħ, fil-31 ta’ Awwissu 2011. Il-Protokoll preżenti jista’ jiġi implimentat, b'mod provviżorju, fl-istennija li titlesta l-proċedura tal-approvazzjoni mill-Parlament. Il-Protokoll il-ġdid se japplika għal perjodu ta’ 3 snin b’bidu mill-1 ta’ Settembru 2011.

Skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu jew jista’ ma jagħtihiex.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut, il-karatteristiċi tal-ftehim huma dawn li ġejjin:

Tip tan-nefqa

2011

2012

2013

TOTAL

Tunnellaġġ ekwivalenti għal 5 000 tunnellata fis-sena b'EUR 65/t.

325 000€

325 000€

325 000€

975 000€

Implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Kap Verde

110 000€

110 000€

110 000€

330 000€

Subtotali (għajr in-nefqa amministrattiva)

435 000€

435 000€

435 000€

1 305 000€

Nefqa Amministrattiva

 

264 600€

TOTAL

435 000€

435 000€

435 000€

1 569 600€

Wara li ssir valutazzjoni konġunta tal-istat tal-istokkijiet, jista' jkun hemm il-possibilità li l-kwoti tas-sajd jerġgħu jiġu aġġustati, b'ċerti kundizzjonijiet.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE se tkun tikkonsisti fl-elementi li ġejjin:

- ammont annwali ta’ EUR 325 000 għad-drittijiet tas-sajd għal 5 000 tunnellata fis-sena (EUR 65 kull tunnellata);

- ammont annwali ta’ EUR 110 000 għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Kap Verde;

Jiġifieri, total ta' EUR 435 000 kull sena, barra n-nefqa amministrattiva.

Dan iwassal għall-ammont totali ta' EUR 1 569 600 għat-tliet snin tal-Ftehim, bin-nefqa amministrattiva inkluża.

Skont il-klassifika tal-2010 ta' Transparency International dwar il-korruzzjoni tal-istati, ir-Repubblika tal-Kap Verde qiegħda fil-45 post minn 178 pajjiż. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tivverifika sa liema punt il-fondi ġew utilizzati kif miftiehem mar-Repubblika tal-Kap Verde.

Għaldaqstant il-Kumitat BUDG huwa tal-fehma li għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim:

· kull sena għandu jiġi vvalutat jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw fil-qafas tal-Protokoll anness mal-Ftehim osservawx ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-qbid. meta d-dispożizzjonijiet ma jiġux osservati, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-applikazzjonijiet għal liċenzji tas-sajd imressqa minn dawn il-pajjiżi għas-sena ta' wara;

· kull sena għandu jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali multiannwali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll, kif ukoll dwar il-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżit ta' rappurtar tal-qbid;

· qabel l-iskadenza tal-Protokoll jew qabel il-bidu tan-negozjati għat-tiġdid eventwali tiegħu, għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill valutazzjoni ex post tal-Protokoll, inkluża analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-infiq.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, jipproponi lill-Parlament biex japprova l-konklużjonijiet tal-Ftehim.

Il-Kumitat għall-Baġits iqis li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Kap Verde għandhom jieħdu l-punti li ġejjin inkunsiderazzjoni b'mod dovut fl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(a)       kull sena għandu jiġi vvalutat jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw fil-qafas tal-Protokoll anness mal-Ftehim osservawx ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-qbid. meta d-dispożizzjonijiet ma jiġux osservati, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta applikazzjonijiet għal liċenzji tas-sajd għas-sena ta' wara ppreżentati minn dawn il-pajjiżi;

(b)       kull sena għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar ir-riżultati tal-programm settorjali multiannwali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll, kif ukoll dwar il-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżit tar-rappurtar tal-qbid;

(c)       qabel l-iskadenza tal-Protokoll jew qabel il-bidu tan-negozjati għat-tiġdid eventwali tiegħu, għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni ex post tal-Protokoll, inkluża analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-infiq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Alexander Alvaro, Andrea Cozzolino, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Barbara Matera, Claudio Morganti, Miguel Portas, László Surján, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Roberto Gualtieri, María Muñiz De Urquiza, Theodor Dumitru Stolojan

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Chris Davies, Estelle Grelier, Sławomir Witold Nitras, Raül Romeva i Rueda, Nikolaos Salavrakos, Antolín Sánchez Presedo

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Jarosław Kalinowski