– wara li kkunsidra r-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-nisa li saret f’Pekin f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottati f’Pekin u d-dokumenti finali sussegwenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu ‘Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra r-rapport komprensiv imħejji mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea għall-2009 bit-titolu ‘Pekin +15: Il-Pjattaforma ta’ Azzjoni u l-Unjoni Ewropea’, li juri b’mod preċiż l-ostakoli li bħalissa qed jimpedixxu r-realizzazzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejn is-sessi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta’ Ġunju 2005, li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 1995 dwar ir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f’Pekin: ‘Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi’(2); tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta’ Azzjoni, Pekin +10(3), u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar Pekin +15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tagħha(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(8),
– wara li kkunsidra x-xogħol innovattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u speċifikament ‘id-Dikjarazzjoni dwar li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ssir Realtà’ maħruġa wara l-119-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0351/2011),
A. billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tfisser aktar milli sempliċiment tiġi promossa l-ugwaljanza bl-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi li jgħinu lin-nisa, jew is-sess l-inqas irrappreżentat f’xi każi, iżda pjuttost tinvolvi l-mobilizzazzjoni tal-politiki u l-miżuri ġenerali kollha għall-fini speċifika li tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi;
B. billi n-Nazzjonijiet Uniti stabbiliet in-NU Nisa, li mill-1 ta’ Jannar 2011 saħħet l-arranġamenti istituzzjonali tas-sistema tan-NU li tappoġġa l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, bid-Dikjarazzjoni ta’ Pekin u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni bħala l-qafas tagħha(10);
C. billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni għandha fl-attivitajiet kollha tagħha tipprova telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
D. billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
E. billi l-inklużjoni ta’ perspettiva tas-sessi fil-ħidma leġiżlattiva u politika tal-Parlament, f’xi każi, tintlaħaq l-aħjar permezz ta’ emendi ffukati fuq l-abbozz ta’ rapporti, imressqa lill-kumitat responsabbli f’forma ta’ emendi dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi – strateġija li kienet segwita b’mod attiv mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sa mill-2009;
F. billi din il-proċedura ntużat b’suċċess biex l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rapporti reċenti dwar ‘kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010’(11) u dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tas-Seba’ Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni(12);
G. billi l-Istati Membri huma firmatarji tal-oqfsa internazzjonali ewlenin kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, u għadd ta’ dokumenti politiċi jeżistu fil-livell tal-UE, iżda madankollu l-impenn prattiku biex jitmexxew ’il quddiem l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa jridu jissaħħu minħabba li progress bl-implimentazzjoni tad-dokumenti politiċi eżistenti huwa modest u r-riżorsi baġitarji għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biżżejjed;
H. billi l-Kummissjoni, flimkien mal-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015), identifikat l-azzjonijiet ewlenin li jridu jittieħdu minn kull direttorat ġenerali individwali tagħha – indikazzjoni li l-UE miexja lejn approċċ iktar olistiku u koerenti lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi(13);
I. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-qafas tal-Karta tagħha f’Isem il-Mara(14), biex issaħħaħ il-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħha matul il-mandat tagħha;
J. billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ingħatalu l-kompitu li jiżviluppa, janalizza, jivvaluta u jxerred għodod ta' metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki Komunitarji kollha u fil-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha(15);
K. billi hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib mal-EIGE fir-rwol tiegħu tat-tixrid ta' għodod metodoloġiċi preċiżi u bil-għan li jkun hemm evalwazzjoni aktar effettiva tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma tal-Parlament;
L. billi l-għan tal-Kummissjoni hu li timplimenta l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti integrali mit-tfassil tal-politiki tagħha, inkluż permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u proċessi ta’ valutazzjoni u żviluppat ‘Gwida għall-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi’ għal dan il-għan(16);
M. billi l-politika dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tikkumplimenta u ma tiħux post politiki dwar ugwaljanza speċifika u azzjonijiet pożittivi, bħala parti minn approċċ doppju biex jintlaħaq l-objettiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi;
N. billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew il-ġeneru taffettwa b’mod negattiv il-persuni transġeneri, u billi l-politiki u l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ diversi Stati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kulma jmur aktar qed jinkludu l-identità tas-sessi,
O. billi l-maġġoranza tal-kumitati parlamentari ġeneralment jagħtu importanza lill-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (pereżempju fil-kuntest tal-ħidma leġiżlattiva tagħhom, ir-relazzjonijiet istituzzjonali tagħhom mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, it-tfassil ta’ programmi ta’ azzjoni għall-ugwaljanza, eċċ.), għalkemm minoranza tal-kumitati rarament jew qatt ma tinteressa ruħha fil-kwistjoni;
1. Jimpenja ruħu li regolarment jadotta u jimplimenta pjan ta' politika għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament bl-għan globali li jkun il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ inkorporazzjoni ġenwina u effikaċi tal-perspettiva dwar is-sessi fil-politiki u l-attivitajiet kollha, sabiex l-impatt differenti tal-miżuri fuq in-nisa u fuq l-irġiel jiġi vvalutat, l-inizjattivi eżistenti jiġu kkoordinati, u l-objettivi u l-prijoritajiet, kif ukoll il-mezzi biex dawn jintlaħqu, jiġu speċifikati;
2. Jafferma li l-għan ewlieni tal-pjan tal-politika tiegħu għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu tat-tliet snin li ġejjin għandu jkun li tinkiseb implimentazzjoni aktar konsistenti u effikaċi tal-integrazzjoni bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-Parlament, abbażi tal-prijoritajiet li ġejjin:
a) impenn kontinwu fil-livell tal-Bureau tal-Parlament, permezz tax-xogħol tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;
b) approċċ doppju – l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet tal-Parlament permezz ta’, minn naħa waħda, ħidma effikaċi mill-kumitat responsabbli u, min-naħa l-oħra, l-integrazzjoni tal-perspettiva dwar is-sessi fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra;
c) sensibilizzazzjoni rigward il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li għandu jintlaħaq billi tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi governattivi tal-Parlament, fil-bureaux tal-gruppi politiċi, fil-bureaux tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet u f’missjonijiet oħra, bħall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u billi tiżdied ir-rappreżentanza tal-irġiel f’oqsma fejn huma l-inqas rappreżentati;
d) l-inkorporazzjoni tal-analiżi tas-sessi fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet u l-prijoritajiet tan-nisa u l-irġiel jiġu kkunsidrati b'mod ugwali u li l-impatt tal-għoti tar-riżorsi tal-UE fuq in-nisa u l-irġiel jiġi vvalutat;
e) politika effikaċi dwar l-istampa u l-informazzjoni li sistematikament tikkunsidra l-ugwaljanza bejn is-sessi u tevita l-isterjotipi tas-sessi;
f) il-preżentazzjoni kostanti ta’ rapporti regolari fil-plenarja dwar il-progress miksub fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament;
g) enfasi fuq il-bżonn ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati, sabiex il-korpi tal-Parlament jiġu provduti bl-għodod meħtieġa, li jinkludu għodod għall-analiżi u għall-valutazzjoni tas-sessi, b’kompetenza xierqa dwar is-sessi (riċerka u dokumentazzjoni, persunal imħarreġ, esperti) u b’data u statistika speċifika skont is-sessi; jistieden lis-Segretarjat biex jorganizza skambji regolari tal-aħjar prattika u netwerking kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ fl-ibbaġitjar b’referenza għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-uffiċjali tal-Parlament;
h) żvilupp kontinwu tan-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, għal-liema kull kumitat ħatar membru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f’xogħlu;
i) tingħata attenzjoni lill-importanza li jintużaw terminoloġija u definizzjonijiet speċifiċi li huma konformi ma’ standards internazzjonali meta t-termini jintużaw għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
j) appoġġ metodoloġiku u analitiku mill-EIGE;
3. Jistieden lill-kumitat responsabbli tiegħu jeżamina kif il-proċedura fejn il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jadotta emendi għal rapport speċifiku li jissottolinja l-implikazzjonijiet dwar is-sessi ta’ qasam politiku, skont id-dati ta’ skadenza u l-proċeduri stabbiliti mill-kumitat ikkonċernat tista’ tiġi inkorporata l-aħjar fir-Regoli ta’ Proċedura;
4. Jistieden lill-kumitati tal-PE, responsabbli mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) u l-Fondi Strutturali jivvalutaw l-impatt li se jkollhom fuq is-sessi l-prijoritajiet ta' nfiq proposti, għejun tad-dħul u għodod ta’ governanza qabel ma jiġi adottat l-MFF, ħalli jiġi żgurat li l-MFF ta’ wara l-2013 ikun sensittiv għall-kwestjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi jiġi ggarantit li l-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE jkollhom miri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-regolamenti bażiċi tagħhom u li jallokaw finanzjament speċifiku għal miżuri ħalli dawn il-miri jintlaħqu;
5. Jifraħ lin-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-kumitati parlamentari li implimentaw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f’xogħolhom, u jistieden lill-kumitati l-oħra biex jiżguraw li jkunu impenjati favur l-istrateġija tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jqiegħduha fil-prattika fix-xogħol tagħhom;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li l-kumitati parlamentari jingħataw l-għodod xierqa li jippermetuhom jakkwistaw għarfien tajjeb tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħalma huma indikaturi, data u statistika mqassma fid-dettall skont is-sessi, kif ukoll li r-riżorsi baġitarji jiġu allokati mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi b’tali mod li jħeġġu lill-kumitati japprofittaw ruħhom mill-kompetenza esperta interna (segretarjat tal-kumitat relevanti, dipartiment ta’ politika, librerija eċċ.) u mill-kompetenza esperta esterna fi ħdan istituzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u sopranazzjonali oħra, kemm jekk huma pubbliċi jew privati, f'intrapriżi żgħar, medji u kbar u f'universitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
7. Jilqa' b’sodisfazzjon l-inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam li ttieħdu minn għadd ta’ kumitati parlamentari, inkluż ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali mfassla mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, u s-seduta ta’ smigħ pubbliku dwar ir-rwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd organizzata mill-Kumitat għas-Sajd;
8. Jivvaluta, abbażi tal-kwestjonarju mressaq lill-presidenti u lill-viċi presidenti responsabbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kumitati parlamentari, li x-xogħol tal-kumitati tal-Parlament dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jvarja ħafna u hu volontarju, b’enfasi intensiva fuq is-sessi f’xi oqsma u l-ebda jew kważi l-ebda attività apparenti f’oħrajn;
9. Jilqa’ x-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u l-isforzi tagħhom, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-parlamenti tal-pajjiżi terzi, biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa permezz ta’ monitoraġġ aktar sistematiku u t-twettiq ta’ kwistjonijiet bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-mewt tal-ommijiet u billi jaħdmu iktar mill-qrib mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jiġu organizzati laqgħat konġunti u l-iskambju ta’ informazzjoni f’dawn l-oqsma;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza u tagħti prijorità b’mod iktar konsistenti u sistematiku, l-inugwaljanzi bejn is-sessi fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha, u jinsisti li l-kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha għandhom jittejbu sabiex jintlaħqu l-objettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi;
11. Itenni l-bżonn li wieħed jikkonċentra fuq ir-relazzjonijiet tas-sessi bejn l-irġiel u n-nisa li joħolqu u jipperpetwaw inugwaljanzi bejn is-sessi;
12. Hu tal-fehma li x-xogħol tal-Parlament fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandu jinkludi wkoll l-identità tas-sessi, u jivvaluta x’impatt għandhom il-politiki u l-attivitajiet fuq il-persuni transġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-identità tas-sessi fl-attivitajiet u fil-politiki kollha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.
Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar ‘l-Azzjonijiet biex tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015’ (SEC(2010)1079/2).
Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).
L-għan aħħari tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hu li jbiddel in-natura u l-istituzzjonijiet tal-integrazzjoni biex din tirrifletti iktar il-bżonnijiet, l-aspirazzjonijiet u l-esperjenzi tas-soċjetà kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel. L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jista’ jingħad li tpoġġi f’dubju n-newtralità tas-sessi tal-istituzzjonijiet peress li jistgħu jipproduċu mill-ġdid u jikkontribwixxu għall-inugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-ipoteżijiet, il-proċeduri ta’ ħidma u l-attivitajiet interni tagħhom.
Il-kunċett tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi daħal effettivament fil-politika internazzjonali pubblika ewlenija f’Settembru tal-1995, meta deher fil-Pjattaforma ta’ Azzjoni tar-Raba’ Konferenza Dinjija f’Pekin dwar in-Nisa’, li tat definizzjoni wiesgħa lit-terminu u rabtet lill-istituzzjonijiet tas-sistema tan-NU jinkorporaw b’mod sistematiku l-perspettiva dwar is-sessi fit-tfassil tal-politiki.
Fl-1997, in-Nazzjonijiet Uniti ddefinixxiet l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala:
“... il-proċess tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għan-nisa u għall-irġiel ta’ kull azzjoni ppjanata,
inklużi leġiżlazzjoni, politiki jew programmi, fl-oqsma u fil-livelli kollha. Hija
strateġija biex il-preokkupazzjonijiet u l-esperjenzi kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel isiru
dimensjoni integrali tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta'
politiki u programmi fl-isferi politiċi, ekonomiċi, u tas-soċjetà kollha sabiex
in-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ugwali u l-inugwaljanza ma tirrepetix ruħha.”(1)
Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fit-Trattat ta' Lisbona
L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hi stabbilita bis-sħiħ fl-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
“Fl-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.”
Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea;
"L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel."
It-terminu “l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi” intuża għall-ewwel darba mill-Komunità Ewropea fl-1991, fejn deher bħala element relattivament żgħir iżda innovattiv fit-Tielet Programm ta’ Azzjoni dwar Opportunitajiet Indaqs tal-Kummissjoni (1991-1996)(2). Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni ħadet inizjattivi settorjali speċifiċi f’isem in-nisa, u pparteċipat b’mod attiv fil-preparazzjoni tal-Konferenza ta’ Pekin, fejn adottat il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f’isem l-UE.
Sa tmiem id-disgħinijiet l-isforz biex jinkisbu opportunitajiet indaqs fl-UE ġie mmarkat bl-impenn ġdid li tiġi integrata l-konsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-politiki kollha.
Integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) hu l-korp tal-Parlament Ewropew responsabbli mill-implimentazzjoni u mill-iżvilupp ulterjuri tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-setturi tal-politiki kollha. Dan jintlaħaq primarjament permezz tal-proċedura tal-emendi dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. L-ewwel pass meħud fil-proċess li tiġi introdotta perspettiva dwar is-sessi b'din l-għodda hu li l-koordinaturi tal-Kumitat FEMM jiddeċiedu li abbozz ta' rapport ta' kumitat ieħor mhux tajjeb biżżejjed għal opinjoni iżda jista’ jittejjeb permezz ta’ xi emendi li jżidu perspettiva dwar is-sessi. Membru tal-Kumitat jingħatalu l-kompitu li jabbozza l-emendi. L-emendi jitressqu għall-votazzjoni fil-Kumitat u sussegwentement jitressqu lill-kumitat responsabbli sad-data ta’ skadenza stabbilita għall-emendi tal-abbozz ta’ rapport. L-emendi dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu ffirmati mill-President tal-Kumitat FEMM u Membri oħra.
Mod ieħor kif il-Kumitat FEMM jista’ jippromwovi l-iżvilupp tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hu billi jipprovdi riżorsi lin-Netwerk tal-Membri għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal-liema kull kumitat ħatar membru responsabbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitat tagħhom (ara l-lista sħiħa tal-Membri fl-Anness).
Eżempju reċenti ta’ politiki u leġiżlazzjoni sensittivi rigward is-sessi
L-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet l-importanza li għandha tingħata lis-sessi f’bosta deċiżjonijiet reċenti li jinkludu d-direttiva dwar it-traffikar li tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet penali fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u li fl-ewwel artikolu tagħha ssemmi li l-perspettiva dwar is-sessi hi applikata sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tad-delitt u l-protezzjoni tal-vittmi.(3)
Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI.
ANNESS: IL-LISTA TAL-MEMBRI
Netwerk ta' Presidenti/Viċi presidenti/Membri responsabbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi
AFCO
Is-Sa Zita GURMAI - Viċi President
AFET
Is-Sa Ana GOMES - Membru
AGRI
Is-Sur Marc TARABELLA - Membru
BUDG
Is-Sur. Alexander ALVARO - Viċi President
CONT
Is-Sur Bart STAES - Viċi President
CULT
Is-Sa Mary HONEYBALL - Membru
DEVE
Is-Sa Corina CRETU - Viċi President
DROI
Ms Marie-Christine VERGIAT - Membru
ECON
Is-Sa Arlene McCARTHY - Viċi President
EMPL
Is-Sa Pervenche BÈRES - President
ENVI
Is-Sa Corinne LEPAGE - Viċi President
INTA
Is-Sa Cristiana MUSCARDINI- Viċi President
IMCO
Is-Sa Lara COMI - Viċi President
ITRE
Is-Sa Anni PODIMATA - Viċi President
JURI
Is-Sa Eva LICHTENBERGER - Membru Sostitut
LIBE
Is-Sur Juan Fernando LÓPEZ AGUILAR - President
PECH
Is-Sa Josefa ANDRES BAREA - Membru
PETI
Is-Sa Chrysoula PALIADELI - Viċi President
REGI
Is-Sa Elisabeth SCHROEDTER - Membru Sostitut
SEDE
Is-Sa Norica NICOLAI - Viċi President
TRAN
Is-Sa Silvia-Adriana ŢICĂU - Viċi President
KONFERENZA TAL-PRESIDENTI TAD-DELEGAZZJONI - MEMBRI RAPPREŻENTATTIVI GĦALL-INTEGRAZZJONI TAL-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI
l-AKP
Is-Sa AVAN, Linda (VP)
l-Afganistan
Is-Sa KIIL-NIELSEN
l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro u l-Kosovo
il-Komunità Andeana
Is-Sa BILBAO BARANDICA, Izaskun
il-Peniżola Għarbija
Is-Sa CORAZZA BILDT, Anna Maria
l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja
Is-Sa LUNACEK, Ulrike
l-Awstralja u n-New Zealand
il-Bjelorussja
il-Kanada
Is-Sa JEGGLE, Elisabeth
l-Amerika Ċentrali
Is-Sa FIGUEIREDO, Ilda (VP)
l-Asja Ċentrali (il-Kazakistan, il-Kirgiżistan u l-Uzbekistan; it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Mongolja)
iċ-Ċilì
Is-Sur PAPANIKOLAOU, Georgios (VP)
iċ-Ċina
il-Kroazja
l-Eurolat
2009-2011: Is-Sa FIGUEIREDO, Ilda (VP)
2011-2014: Is-Sa WEBER, Renate
l-Euromed
l-Assemblea Parlamentari Ewronest
Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
l-Indja
Is-Sa KOLARSKA-BOBIŃSKA, Lena (VP)
l-Iran
Is-Sa ERNST, Cornelia (2 VP)
l-Iraq
Is-Sa COSTA, Silva (VP)
Is-Sa THEIN, Alexandra
l-Iżrael
Is-Sa SEHNALOVA, Olga (VP)
il-Ġappun
il-Peniżola Koreana
Is-Sa ROSBACH, Anna (VP)
il-Magreb u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi
Is-Sa BENARAB-ATTOU, Malika
il-Masreq
il-Merkosur
Is-Sa MATHIEU, Véronique (VP)
il-Messiku
Is-Sa JIMÉNEZ BECERRIL BARRIO, Teresa
il-Moldova
Is-Sur MAŠTÁLKA Jiří
l-Assemblea Parlamentari tan-NATO
il-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan
Is-Sa LUCAS, Caroline
il-Parlament Pan Afrikan
ir-Russja
is-SINEEA (l-Isvizzera, l-Islanda, in-Norveġja u ż-Żona Ekonomika Ewropea)
l-Afrika t'Isfel
Is-Sa SARGENTINI, Judith (VP)
l-Asja t'Isfel
Is-Sa LAMBERT, Jean (President)
l-Asja tax-Xlokk u l-ASEAN
Is-Sa WEILER, Barbara
it-Turkija
l-Ukraina
l-Istati Uniti
Is-Sa TZAVELA, Niki
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
11.10.2011
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
21
4
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Silvia Costa, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Lívia Járóka, Nicole Kiil-Nielsen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Antonyia Parvanova, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen