dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas mill-Greċja)
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/001/EL/ALDI Hellas mill-Greċja)
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0580 – C7-0255/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu kif prevista fil-punt 28 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0378/2011),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,
C. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lil ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,
D. billi l-Greċja talbet l-għajnuna fir-rigward tal-każ li jikkonċerna s-642 sensja, ilkoll fil-mira tal-għajnuna, f'żewġ impriżi fis-settur tal-konsumatur ("supermarket u fornitur") li joperaw fir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u l-Attika fejn kienu jinsabu l-biċċa l-kbira tal-ħwienet ALDI. Ingħataw ukoll għadd iżgħar ta' sensji f'reġjuni Griegi oħra, bħal-Lvant tal-Maċedonja-Trakja, il-Punent tal-Maċedonja, l-Epirus, il-Punent tal-Greċja, il-Greċja Kontinentali u l-Peloponnese. Mis-642 sensja, 554 seħħew matul il-perjodu ta' referenza, u 88 seħħew qablu, iżda huma eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artiolu 3a(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Is-642 ħaddiem kollha li tilfu xogħolhom se jingħatw l-għajnuna mill-FEG,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet imminenti tal-FEG u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-Fond;
2. Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u l-anqas ikkwalifikati;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja; barra minn hekk jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi għas-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji jew setturi;jiddeplora l-fatt li l-FEG jista’ jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji biex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol kuntrattwali tagħhom b’waħda aktar flessibbli u fuq perjodu qasir ta' żmien;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tagħha;
5. Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tad-diversi objettivi tal-politiki;
6. Jilqa’ t-tisħiħ previst tal-linja baġitarja tal-FEG 04.05.01. b’EUR 50 000 000 permezz tal-Baġit Emendatorju 2/2011, li se jintuża biex ikopri l-ammont meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti;
7. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' XXX
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/004 EL/ALDI mill-Greċja)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l- amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-FEG twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) Il-Greċja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E. u f’fornitur wieħed – Thessaloniki Logistics S.A. – fl-10 ta' Mejju 2011 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 918 500.
(5) Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Greċja.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 918 500 f'approprjazzjonijiet ta' impenji u ta' pagamenti.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l- amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż l-ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud mill-marġni taħt il-limitu massimu tal-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji kkanċellati mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.
Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu bil-għan li jintlaħaq qbil dwar l-użu tal-Fond u dwar l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni
Fit-22 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Greċja sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
Din hija t-tmintax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2011 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 2 918 500 mill-FEG għall-Greċja. Tikkonċerna 642 sensja, li kollha se jingħataw l-għajnuna, f'żewġ impriżi fis-settur tal-konsumatur ("supermarket u fornitur") li joperaw fir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u l-Attika u f'reġjuni Griegi oħra, bħal-Lvant tal-Maċedonja-Trakja, il-Punent tal-Maċedonja, l-Epirus, il-Punent tal-Greċja, il-Greċja Kontinentali u l-Peloponnese matul il-perjodu ta' referenza ta' ħames xhur mill-4 ta' Novembru 2010 sal-4 ta' Marzu 2011; 88 minnhom seħħew qabel il-perjodu ta' referenza, iżda huma marbuta mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi u mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza.
L-applikazzjoni, il-każ EGF/2011/004 EL/ALDI mill-Greċja, tressqet lill-Kummissjoni fl-10 ta' Mejju 2011 u ġiet issupplementata b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Ġunju 2011. Kienet ibbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar l-FEG li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fi stadji ulterjuri tal-produzzjoni.
Wieħed mill-kriterji għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew il-kriżi finanzjarja, li f’dan il-każ partikolari l-Greċja ssostni li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha konsegwenzi devastanti għal-ekonomija Griega. Kien hemm ukoll tnaqqis fl-introjtu medju fis-settur privat. Effett immedjat tat-tnaqqis fl-introjtu kien tnaqqis fil-konsum. Fl-2009, iċ-ċifri finali privati tan-nefqa tal-konsumatur għall-Greċja segwew l-istess xejra negattiva bħall-medja tal-UE 27. Fl-2007, kie hemm irkupru fil-konsum privat fil-livell tal-UE 27 filwaqt li t-tnaqqis fil-konsum privat fil-Greċja kien akbar milli kien fis-sena ta' qabel. It-tnaqqsi fil-konsum privat affettwa severament lis-settur tal-konsumatur u b'mod partikulari lis-supermarkets.
Fis-16 ta' Lulju 2010, il-kumpanija ħabbret li ma kienx possibbli tilħaq ekonomiji tal-kobor – minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq li rriżultaw mill-kriżi – u l-intenzjonijiet sussegwenti tagħha li twaqqaf kwalunkwe attività marbuta mal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku fuq għaxar snin u li tagħlaq il-ħwienet kollha tagħha, aħbar li la l-ħaddiema u lanqas l-awtoritajiet Griegi ma kienu lesti għaliha.
Il-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, jinkludi miżuri favur:
·Gwida dwar ix-xogħol u għajnuna għat-tfittix ta' impjieg: Din tinkludi sessjoni ta' merħba/informazzjoni individwali; it-tfassil ta’ profili; sessjonijiet ta' żvilupp personali u tal-karriera – inklużi l-iżvilupp tal-ħiliet, gwida dwar il-karriera u tekniki għat-tfittix ta' impjieg;
·Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: Din il-miżura tinkludi valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' taħriġ tal-ħaddiema konċernati u t-taħriġ sussegwenti;
·Kontribuzzjoni biex jinfetaħ negozju: Il-ħaddiema li jiftħu n-negozju tagħhom jingħataw sa EUR 20 000 bħala kontribuzzjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istabbiliment;
·Allowance għat-tfittix ta' impjieg: L-għan tagħha huwa li tgħin lill-ħaddiem ifittex impjieg b'mod attiv;
·Allowance għall-mobbiltà u kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar: Bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, il-ħaddiema li jipparteċipaw fil-miżuri jirċievu ammont ta' EUR 15 għal kull jum ta' parteċipazzjoni;
Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Griegi fl-applikazzjoni u l-informazzjoni supplementari tagħhom:
• ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;
• urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
• ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE.
Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fil-Greċja. L-Awtorità għall-Koordinazzjoni u l-Monitoraġġ tal-Azzjonijiet tal-FSE (EYSEKT) isservi bħala awtorità ta' ġestjoni u l-EDEL (il-Kumitat għall-Verifika Fiskali) bħala awtorità ta' kontroll.
Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament FEG u jirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-applikazzjoni.
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment għal ammont globali ta' EUR 2 918 500 mir-riserva tal-FEG (40 02 43) f’impenji għal-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG.
Ir-Rapporteur tilqa' l-fatt li, wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (EUR 47 608 950) fil-linja baġitarja tal-FEG u tilqa’ t-tisħiħ tal-linja baġitarja 04.05.01. b’EUR 50 000 000 kif previst bl-AB 2/2011.
Fil-fatt tfakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħrajn - kif ġara fil-passat - li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħiq tal-objettivi ta’ politika diversi.
Din hija t-tmintax-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond imressqa lill-Awtorità Baġitarja fl-2011. Għaldaqstant, wara li jitnaqqas mill-approprjazzjonijiet disponibbli l-ammont attwali mitlub (EUR 2 918 500), jibqa' disponibbli ammont ta' EUR 412 401 361 sa tmiem l-2011. Dan se jippermetti li aktar minn 25% tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2011, kif jirrikjedi l-Artikolu 12(6) tar-Regolament dwar il-FEG.
III. Proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi fil-baġit 2011, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.
It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, ħlief jekk ma jintlaħaqx qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, li sejra tinhemeż bħala ittra mar-rapport preżenti.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
EK/jm
D(2011)49869
Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas mill-Greċja (COM(2011)580 finali)
Sur President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL), kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas u adotta l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.
Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG u tidentifika għall-għajnuna 642 ħaddiem issensjat, inklużi 554 ħaddiem issensjati matul il-perjodu ta’ referenza, l-4 ta’ Ottubru 2011 sal-4 ta’ Marzu 2011, fil-kumpanija ALDI Hellas Supermarket Holding u l-fornitur tagħha Thessaloniki Logistics u 88 ħaddiem li tkeċċew qabel u wara l-perjodu ta’ referenza f’ALDI Hellas;
B) billi l-awtoritajiet Griegi jsostnu li s-sensji ġew ikkawżati mill-kriżi finanzjajra u ekonomika dinjija li kellha effett katastrofiku fuq l-ekonomija Griega, b’tali mod li kkawżat tnaqqis gravi fid-dħul medju taċ-ċittadini Griegi u wasslet għal livelli baxxi ta’ konsum privat (tnaqqis li laħaq 8.6% fl-aħħar tliet xhur tal-2010);
C) billi l-industrija tal-imnut Griega ntlaqtet b’mod gravi mit-tnaqqis tad-domanda u sfat vittma ta’ fallimenti u takeovers hekk kif il-fatturat globali tagħha naqas b’EUR 0.6 biljun bejn l-2009 u l-2010;
D) billi l-awtoritajiet Griegi jispjegaw li ALDI Hellas, minkejja li żviluppat pjan strateġiku ta’ għaxar snin biex tiftaħ sa 400 stabbiliment fil-Greċja, irreġistrat telf kumulattiv ta’ kważi EUR 182 miljun bejn l-2005 u l-2010 (bl-2008 u l-2009 jirrappreżentaw 58% ta’ dan it-telf); billi ALDI Hellas fis-16 ta’ Lulju 2010 ħabbret li, minħabba deterjorament tal-kundizzjonijiet tas-suq, kienet se twaqqaf l-implimentazzjoni tal-pjan u tagħlaq l-istabbiimenti kolha eżistenti;
E) billi 24.1% tal-ħaddiema inklużi fil-miżuri huma rġiel u 75.9% huma nisa; billi 93% tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena;
F) billi 80% tal-ħaddiema temmew l-edukazzjoni sekondarja u 20% temmew l-edukazzjoni postsekondarja; billi l-kaxxiera, il-ħaddema tat-tindif u l-impjegati ta’ dmirijiet ġenerali jikkostitwixxu 69.9% tal-ħaddiema ssensjati, maniġers u kontabili tal-livell medju jikkostitwixxu 24.9% u diretturi 5%.
G) billi l-baġit tal-UE għall-2011 għall-ewwel darba jinkludi approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG li jissostitwixxu t-trasferiment ta’ ħlasijiet minn linji baġitarji oħra li ma jkunux intużaw;
Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni rigward ALDI Hellas:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG (1927/2006) huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jieħu nota li din hija l-ewwel darba li l-awtoritajiet Griegi applikaw għal għajnuna finanzjarja disponibbli fil-qafas tal-FEG; jirrimarka li din l-applikazzjoni tressqet fl-10 ta’ Mejju 2011 u li l-valutazzjoni sħiħa tagħha saret disponibbli mill-Kumissjoni Ewropea fit-22 ta’ Settembru 2011;
3. Jinnota li s-sensji affettwaw l-aktar ir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u l-Attika, li l-kriżi laqtithom severament u li rreġistraw rati tal-qgħad li laħqu kważi 18% fl-2010;
4. Jieħu nota li ALDI Hellas kienet involuta f’negozjati biex tbigħ l-istabbilimenti tagħha, u għaldaqstant jiddispjaċih li l-eżitu ta’ dawk in-negozjati ma kienx inkluż fil-proposta tal-Kummissjoni; jistaqsi jekk il-ħaddiema ssenjsati minn ALDI Hellas jistgħux possibbilment isibu impjiegi mal-proprjetarju l-ġdid tal-istabbilimenti;
5. Jinnota li l-pakkett koordinat propost ta’ servizzi personalizzati li jikkonsisti fi gwida tax-xogħol u għajnuna fit-tfittix tal-impjiegi, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, kontribuzzjoni għall-ftuħ ta’ negozju, allowance għat-tfittix ta' impjieg u allowance għall-mobbiltà, tfassal f’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, inkluż ir-rappreżetant tal-ħaddiema ssensjati;
6. Jilqa’ l-fatt li l-miżuri għandhom l-għan li joffru passaġġ individwali lejn l-impjieg u li huma maħsuba biex jaqdu l-ħtiġijiet tan-negozji lokali, kif ukoll biex jipprovdu taħriġ f’ħiliet trasversali (eż. ICT); madankollu, jiddispjaċih li ma ngħatawx aktar dettalji (settorjali) rigward it-tipi ta’ taħriġ;
7. Jirrimarka li l-kontribuzzjoni tal-FEG għal kull ħaddiem se tammonta għal EUR 4 546, li hija nefqa moderata meta mqabbla ma’ applikazzjonijiet oħra tal-FEG.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
7.11.2011
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
26
3
1
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Lajos Bokros, Isabelle Durant, James Elles, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Carl Haglund, Lucas Hartong, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
François Alfonsi, Franziska Katharina Brantner, Jürgen Klute
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Josefa Andrés Barea, María Irigoyen Pérez, Baroness Sarah Ludford, George Lyon, Marit Paulsen, Ivo Vajgl